EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0650

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq {SEC(2008) 2631} {SEC(2008) 2632}

/* KUMM/2008/0650 finali - COD 2008/0195 */

52008PC0650

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq {SEC(2008) 2631} {SEC(2008) 2632} /* KUMM/2008/0650 finali - COD 2008/0195 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.10.2008

KUMM(2008) 650 finali

2008/0195 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

{SEC(2008) 2631}

{SEC(2008) 2632}

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

A. Il-kuntest tal-proposta

1. Id-Direttiva 2002/15/KE[1] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2005. Ir-regoli komuni tagħha jiżguraw standards minimi ta’ protezzjoni soċjali għal ħaddiema mobbli fis-settur tat-trasport bit-triq u jitqiesu bħala pass importanti lejn it-titjib tal-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema mobbli fis-settur, itejbu s-sikurezza fit-toroq u jiżguraw kompetizzjoni ġusta. Id-Direttiva, bid-dispożizzjonijiet tagħha mmirati lejn il-protezzjoni tal-ħaddiema mobbli mill-effetti negattivi li jirriżultaw minn ħinijiet ta’ xogħol twal iżżejjed, nuqqas ta’ mistrieħ inkella ħinijiet ta’ xogħol irregolari, hija lex specialis għad-Direttiva ġenerali dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol 2003/88/KE u tikkomplementa r-Regolament (KE) Nru 561/2006[2] tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ għas-sewwieqa.

2. Huma u jadottaw id-Direttiva wara l-proċedura ta’ konċiljazzjoni, il-Kunsill u l-Parlament qablu li fil-prinċipju għandha tapplika għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mit-23 ta’ Marzu 2009. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija mitluba tippreżenta rapport sa mhux aktar tard minn sentejn qabel id-data lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u warajh proposta leġiżlattiva bbażata fuq ir-rapport, li jew tiddefinixxi l-modalitajiet għall-inklużjoni, inkella li teskludi lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva (l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva).

3. Ir-rapport tal-Kummissjoni[3], li jindirizza l-konsegwenzi potenzjali tal-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva, u li jivvaluta l-effetti tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet ta’ billejl fir-rigward tas-sigurtà fit-toroq, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, l-istruttura tal-professjoni kif ukoll l-aspetti soċjali ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Mejju 2007. Il-modi differenti li bihom id-dispożizzjonijiet tagħha jiġu interpretati u implimentati f’diversi Stati Membri jistgħu jirriżultaw f’tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u differenzi fl-istandards soċjali minimi li jiġu applikati madwar l-Istati Membri. Id-diffikultajiet jinsabu, b’mod partikolari, fid-distinzjoni mċajpra bejn il-ħaddiema mobbli u s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, li twassal għal problemi ta’ infurzar u r-riskju ta’ fenomenu dejjem akbar ta’ sewwieqa li mhux tassew jaħdmu għal rashom bil-għan li jevitaw li jaqgħu fl-ambitu tad-direttiva. Ir-rapport għalhekk ikkonkluda li ma kienx hemm argumenti deċiżivi biex is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom jiġu inklużi fl-ambitu tad-direttiva, iżda li huwa ta’ importanza li l-kwistjoni tad-definizzjonijiet tiġi indirizzata u li d-definizzjonijiet isiru ċari permezz ta' emenda xierqa fil-kunċett ta' ħaddiem mobbli kopert mid-direttiva, biex jinkludi wkoll l-hekk imsejħa sewwieqa li mhux tassew jaħdmu għal rashom, jiġifieri dawk is-sewwieqa li mhumiex marbuta ma’ xi ħadd li jħaddimhom b’kuntratt ta’ xogħol iżda li m’għandhomx il-libertà li jkollhom relazzjonijiet kummerċjali ma’ diversi klijenti.

4. F’konformità mal-impenji tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar, il-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċara, immirata, proporzjonali u infurzabbli. Wara investigazzjonijiet twal fir-rigward tal-effetti tagħha fuq is-sikurezza tat-triq, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, l-istruttura tal-professjoni, kif ukoll aspetti soċjali, il-valutazzjoni tal-impatt uriet li minkejja spejjeż amministrattivi sinifikanti, kopertura sħiħa tas-sewwieqa impjegati u li jaħdmu għal rashom ma tkunx infurzabbli u għalhekk l-aqwa għażla tkun li l-problema ta' persuni li mhux tassew jaħdmu għal rashom tiġi indirizzata, minflok ma jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva wkoll għal min jaħdem għal rasu.

5. Din il-proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2002/15/KE għalhekk hija maħsuba biex ittejjeb iċ-ċarezza, il-komprensjoni u l-infurzabbiltà tar-regoli attwali billi tiġi pprovduta definizzjoni aktar preċiża ta’ ħaddiema mobbli li tinkludi l-hekk imsejħa sewwieqa li mhux tassew jaħdmu għal rashom f'din il-kategorija ta' ħaddiema u għalhekk soġġetti għad-direttiva.

6. Fl-istess rapport, il-Kummissjoni ntalbet ukoll tivvaluta d-dispożizzjonijiet applikabbli għax-xogħol ta’ billejl (l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva). Ir-rapport ikkonkluda li ma hemm l-ebda talba biex jinbidlu jew jiġu armonizzati aktar id-dispożizzjonijiet għax-xogħol ta’ billejl. F’din l-okkażjoni ta' min tiġi emendata d-definizzjoni ta' 'xogħol ta' billejl' kif tinsab fl-Artikolu 3(i) tad-Direttiva 2002/15/KE. Kif qiegħda attwalment, il-frażi ‘xogħol ta’ billejl’ tinkludi wkoll perjodi qosra ħafna ta’ xogħol, pereżempju ta’ ftit minuti, li jseħħu matul il-lejl. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni hija ekonomikament u soċjalment sproporzjonata u mhix meħtieġa. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li jerġa’ jiddaħħal ħin ta’ xogħol minimu ta’ sagħtejn fid-definizzjoni ta’ xogħol ta’ billejl, kif ġie propost fil-bidu.

B. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

7. Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati li saru fl-2006 u l-2007 wrew li l-parti l-kbira tal-partijiet interessati huma tal-fehma li d-Direttiva għandha impatti mħallta, kemm pożittivi u wkoll negattivi fuq aspetti differenti. Minn naħa, ir-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol jitqiesu mill-maġġoranza li għandhom impatti pożittivi fuq is-saħħa u s-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u l-allinjament tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tat-trasport, iżda min-naħa l-oħra jġibu magħhom ħafna effetti sekondarji negattivi bħat-tnaqqis tas-salarji, nuqqas ta’ sewwieqa u tnaqqis fl-effiċjenza ekonomika tas-settur.

8. Kważi l-partijiet interessati kollha semmew problemi marbuta mal-prattika tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol u indikaw li s-sistema eżistenti ta' kontrolli u ċċekkjar fuq is-sewwieqa hija dgħajfa. Dan ikompli jwassal għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni għaliex iqiegħed lil min josserva r-regoli f’qagħda żvantaġġata.

9. Fir-rigward tal-impatti previsti tal-inklużjoni jew l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, kien hemm fehmiet diverġenti mill-partijiet interessati differenti, partikolarment fir-rigward tal-prattika tal-infurzar u ta' valur miżjud f'termini tas-sikurezza fit-toroq u l-kompetizzjoni ġusta.

10. Ġenerlament il-partijiet interessati jargumentaw favur: aktar ċarezza fl-ambitu tad-Direttiva kif ukoll ta’ ċerti definizzjonijiet u dispożizzjonijiet, it-titjib tal-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistema ta' infurzar, it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u l-prevenzjoni tal-fenomenu ta' sewwieqa li mhux tassew jaħdmu għal rashom.

11. Il-kummenti kollha li tressqu matul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati tqiesu għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-impatt li saret fl-2007-2008. L-għan tal-valutazzjoni tal-impatt kien li tiġi identifikata l-aqwa għażla ta' politika, li tkun infurzabbli, tevita piżijiet amministrattivi żejda kif ukoll effetti sekondarji negattivi tal-arranġamenti proposti u li fl-istess ħin tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika tat-trasport tal-UE.

12. Minkejja l-għażliet ta’ politika bażiċi tal-inklużjoni u l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva, il-valutazzjoni tal-impatt qieset ukoll miżuri oħra, bħat-tisħiħ tad-definizzjoni ta’ ħaddiema mobbli li jaħdmu bħala sewwieqa, biex tinkludi ‘ħaddiema li mhux tassew jaħdmu għal rashom’, it-titjib tal-effikaċja, l-effiċjenza u l-konsistenza tas-sistema ta' infurzar sabiex tiġi indirizzata l-problema ta' rati baxxi ta' konformità. Ġew analizzati l-impatti kollha ekonomiċi, soċjali, ambjentali u amministrattivi tal-erba’ għażliet ta’ politika ewlenin.

13. Fid-dawl tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatti ta’ għażliet ta’ politika differenti, din il-proposta tirrifletti l-kombinazzjoni tal-għażla li tirrigwarda l-inklużjoni tal-ħaddiema li mhux tassew jaħdmu għal rashom fid-Direttiva billi jiġu pprovduti kjarifiki ġuridiċi u l-għaża ta' titjib fl-infurzar billi jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' monitoraġġ u kontroll mill-Istati Membri. Tabilħaqq, huwa biss permezz ta’ kontroll effiċjenti tar-regoli applikabbli li jista’ jkun garantit l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

14. Is-sinteżi eżekuttiva u t-test sħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt huma mehmuża ma' din il-proposta. L-analiżijiet tal-impatt juru li r-regoli attwali dwar il-ħinijiet tax-xogħol, flimkien maċ-ċarezza mtejba tal-ambitu tad-Direttiva u magħhom ir-rekwiżiti ta’ infurzar, se jtejbu l-konformità mar-regoli soċjali, jnaqqsu t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u jippermettu lill-Istati Membri biex jevitaw il-piż amministrattiv u spejjeż potenzjalment enormi ta’ infurzar marbuta mal-istabbiliment ta’ sistema kumplessa ta' infurzar mifruxa madwar l-UE.

15. Is-sussidjarjetà Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà peress li timmira partikolarment għall-iċċarar tal-ambitu tar-regoli Komunitarji eżistenti u t-titjib tal-infurzar tagħhom, li ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri waħedhom. Barra minn hekk, il-proposta tfittex li ttejjeb l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jissorveljaw il-konformità mar-regoli. Għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni Komunitarja, għax huwa impossibbli li Stat Membru jew grupp ta' Stati Membri jsolvi b'mod sodisfaċenti l-problemi identifikati.

16. Proporżjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex tilħaq l-għan tagħha. Tiċċara l-ambitu tar-regoli attwali u tistabbilixxi rekwiżiti komuni ġenerali sabiex jiġi żgurat l-infurzar ekwitabbli tagħhom, iżda ma xxekkilx lill-Istati Membri milli jieħdu deċiżjonijiet nazzjonali fl-arranġamenti individwali ta’ monitoraġġ u kontroll.

17. Il-proposta mhix se tinvolvi spejjeż addizzjonali għall-baġit Komunitarju u mhix se tikkawża piż amministrattiv għall-Istati Membri.

C. Spjegazzjoni tal-emendi

18. Il-proposta tintroduċi l-emendi li ġejjin mingħajr ma tbiddel l-għan aħħari tad-Direttiva, jiġifieri l-ħarsien soċjali tal-ħaddiema u dawk li jitqiesu bħala ħaddiema f'dak li jirrigwarda r-regoli soċjali fit-trasport bit-triq:

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jiċċara l-ambitu. Id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema mobbli kollha kif definiti fl-Artikolu 3(d), fosthom l-hekk imsejħa sewwieqa li mhux tassew jaħdmu għal rashom, jiġifieri dawk is-sewwieqa li uffiċjalment jaħdmu għal rashom imma m’humiex ħielsa biex jorganizzaw l-attivitajiet tax-xogħol tagħhom. Ma tkoprix sewwieqa li ġenwinament jaħdmu għal rashom li mhumiex fl-ambitu tad-Direttiva.

L-Artikolu 3(a) jżomm id-definizzjoni ta’ 'ħin tax-xogħol’ applikabbli għas-sewwieqa kollha koperti mid-Direttiva, iżda jħassar id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, għaliex dawn mhumiex inklużi fl-ambitu. Sabiex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-hekk-imsejjaħ ħaddiema li mhux tassew jaħdmu għal rashom, tiżdied definizzjoni aktar preċiża ta’ ‘ħaddiema mobbli' mal-Artikolu 3(d).

L-Artikolu 3(i) jittratta l-applikabilità tad-definizzjoni ta' "xogħol ta' billejl" fil-prattika.

L-Artikolu 11(a) jintroduċi prinċipji komuni maħsuba biex jiżguraw trasparenza u effikaċja akbar tas-sistemi nazzjonali ta’ infurzar, għarfien komuni tar-regoli u l-applikazzjoni ekwitabbli tagħhom. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma orjentati wkoll lejn kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri responsabbli għall-infurzar kif ukoll għall-appoġġ mill-Kummissjoni biex jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn min jinforza u l-industrija u bejn l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat approċċ komuni għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol. Dan kollu huwa maħsub biex tittejjeb il-konformità mar-regoli Komunitarji u b’konsegwenza biex isir kontribut għall-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-politika tat-trasport.

2008/0195 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 71 u 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[5],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[6],

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85[7] jistipula l-ħinijiet komuni tas-sewqan, il-pawżi u perjodi ta’ mistrieħ għas-sewwieqa. Dak ir-Regolament ma jkoprix l-aspetti l-oħra tal-ħin tax-xogħol fis-settur tat-trasport fit-toroq.

(2) Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq[8] tistabbilixxi rekwiżiti minimi rigward l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, biex jissaħħu s-sikurezza u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli ta' trasport bit-triq, biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u biex ikunu uniformi l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

(3) L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/15/KE jesiġi li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva u li tagħmel proposta f’dan ir-rigward.

(4) Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi potenzjali tal-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE, u dwar il-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tal-ħinijiet ta’ billejl[9] ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Mejju 2007.

(5) L-esperjenza bit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, diversi studji, u l-valutazzjoni tal-impatt imwettqa kixfu problemi rigward il-prattika tal-implimentazzjoni uniformi tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol, livelli baxxi fid-dixxiplina tal-konformità u sistemi dgħajfa ta' infurzar fl-Istati Membri.

(6) Id-differenzi fl-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE mill-Istati Membri u n-nuqqas ta’ konformità mal-istandards minimi tal-ħinijiet tax-xogħol minn kumpaniji tat-trasport u sewwieqa, jirriżultaw f’tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u theddid għas-sikurezza u s-saħħa tas-sewwieqa.

(7) Fid-dawl tar-rapport tal-Kummissjoni u l-valutazzjoni tal-impatt, is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom għandhom ikunu esklużi mill-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE.

(8) Madankollu, jkun mixtieq li l-Istati Membri jkomplu jwissu lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom dwar l-effetti negattivi għas-saħħa u s-sikurezza kif ukoll l-impatti negattivi għas-sikurezza fit-triq ta’ sigħat tax-xogħol twal iżżejjed, nuqqas ta’ mistrieħ jew ħinijiet tax-xogħol irregolari.

(9) Għalhekk huwa meħtieġ li jsiru ċerti aġġustamenti tekniċi fit-test tad-Direttiva 2002/15/KE.

(10) Il-leġiżlazzjoni Komunitarja hija effiċjenti u effikaċi biss jekk tkun implimentata mill-Istati Membri kollha, applikata bl-istess mod għall-parteċipanti kollha kkonċernati u kkontrollata fuq bażi regolari u b'mod effiċjenti.

(11) Il-monitoraġġ tal-konformità huwa kompitu kumpless b’ħafna parteċipanti u għalhekk jesiġi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll bejn l-Istati Membri nfushom.

(12) Għalhekk huwa xieraq li d-Direttiva 2002/15/KE tiġi aġġornata sabiex in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli jiġu indirizzati billi jiġi ċċarat l-ambitu tagħha, tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u jiġi promoss l-iskambju tal-informazzjoni u tal-prattika tajba.

(13) L-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-aġġornament tal-liġi Komunitarja dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u t-titjib tal-infurzabbiltà tagħha, ma jistax jintlaħaq b’mod tajjeb biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, jista’ jintlaħaq b’mod aħjar fuq il-livell Komunitarju; il-Komunità tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, id-Direttiva ma tmurx lilhinn min dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(14) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji imħaddna b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari tfittex li tiżgura d-dritt għal kundizzjonijiet ta’ xogħol li jirrispettaw is-saħħa u sikurezza ta’ kull ħaddiem kif ukoll id-dritt għal-limitu tas-sigħat massimi tax-xogħol, għal perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa (Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

(15) Id-Direttiva 2002/15/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2002/15/KE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

"1. Id-Direttiva għandha tapplika għall-ħaddiema mobbli, kif definiti fl-Artikolu 3(d) ta’ din id-Direttiva, impjegati minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru, li jipparteċipaw fl-attivitajiet tat-trasport fit-toroq koperti bir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jew, f'nuqqas ta' dak, bil-Ftehim AETR.

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal ħaddiema mobbli kif definiti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(d).

(b) fil-paragrafi 2 u 3, ir-referenza għad-"Direttiva 93/104/KE" tinbidel b'riferenza għad-"Direttiva 2003/88/KE".

(c) fil-paragrafu 4, ir-referenza għar-“Regolament (KEE) Nru 3820/85” tinbidel b'referenza għar-“Regolament (KE) Nru 561/2006”.

(2) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) l-ewwel sentenza tal-punt (a) 2 titħassar.

(b) tiżdied is-sentenza li ġejja mal-punt (d):

“'ħaddiem mobbli’ għandha tinkludi wkoll kwalunkwe persuna li ma tkunx marbuta ma’ xi ħadd li jħaddimha b’kuntratt tax-xogħol inkella b’xi tip ieħor ta’ relazzjoni ġerarika tax-xogħol, iżda:

i li m’għandhiex il-libertà torganizza l-attivitajiet ta’ xogħol rilevanti;

ii li l-introjtu tagħha ma jiddependix direttament fuq il-profitti;

iii li m’għandhiex il-libertà, individwalment inkella permezz ta’ kooperattiva bejn sewwieqa li jaħdmu għal rashom, li jkollha relazzjonijiet kummerċjali ma’ diversi klijenti.”

(c) il-punt (e) huwa mħassar.

(d) il-punt (f) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"(f) ‘persuna li twettaq attivitajiet mobbli tat-trasport fit-triq’ għandha tfisser kwalunkwe ħaddiem mobbli li jwettaq attivitajiet bħal dawn;”

(e) il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(i) ‘xogħol ta’ billejl’ għandha tfisser xogħol matul perjodu ta’ xogħol li jinkludi għallinqas sagħtejn xogħol matul il-lejl.”

(3) Fl-Artikolu 4(a), ir-referenza "ir-raba' u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 jew, fejn meħtieġ, ir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 6 (1) tal-Ftehim AETR” għandha tinbidel bir-referenza “Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jew, fejn meħtieġ, il-Ftehim AETR”.

(4) Fl-Artikolu 5(1), ir-referenza għar-“Regolament (KEE) Nru 3820/85” tinbidel b'referenza għar-“Regolament (KE) Nru 561/2006”.

(5) Fl-Artikolu 6, ir-referenza għar-“Regolament (KEE) Nru 3820/85” tinbidel b'referenza għar-“Regolament (KE) Nru 561/2006”.

(6) Jiddaħħal l-Artikolu 11a li ġej:

'Artikolu 11a

L-infurzar

1. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw sistema ta’ monitoraġġ u kontrolli xierqa u regolari, sabiex jiggarantixxu l-implimentazzjoni korretta u konsistenti tar-regoli li jinsabu f’din id-Direttiva. Għandhom jiżguraw li l-korpi nazzjonali responsabbli għall-infurzar tad-Direttiva jkollhom għadd xieraq ta’ spetturi kkwalifikati u li dawn il-korpi jieħdu kwalunkwe miżuri li jistgħu ikunu meħtieġa.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dettalji tal-arranġamenti ta’ monitoraġġ u kontroll stabbiliti.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi tat-trasport u l-ħaddiema mobbli jkollhom aċċess għall-informazzjoni, għajnuna u pariri fil-qasam tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol u l-organizzazzjoni tax-xogħol.

4. Bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva, effiċjenti u uniformi tad-Direttiva madwar il-Komunità, il-Kummissjoni għandha tappoġġa d-djalogu bejn l-Istati Membri b'dawn l-għanijiet:

5. biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, permezz tal-adozzjoni ta’ sistemi effikaċi ta’ skambju tal-informazzjoni, it-titjib tal-aċċess għall-informazzjoni u l-promozzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u l-aqwa prattiki fl-infurzar tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol.

6. biex jiġi promoss approċċ komuni għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

7. biex jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn is-settur tat-trasport u l-awtoritajiet tal-infurzar.”

(8) Fl-Artikolu 13, ir-referenza għall-“Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85” tinbidel b'referenza għall-“Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006”.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn [...]. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni, it-test ta’ dawk il-proviżjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.

[2] ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

[3] COM(2007) 266 finali

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU C , , p. .

[6] ĠU C , , p. .

[7] ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

[8] ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.

[9] COM(2007) 266 finali

Top