EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0464

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-terminu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (ippreżentata mill-Kummissjoni) {SEG(2008) 2287} {SEG(2008) 2288}

/* KUMM/2008/0464 finali - COD 2008/0157 */

52008PC0464

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-terminu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (ippreżentata mill-Kummissjoni) {SEG(2008) 2287} {SEG(2008) 2288} /* KUMM/2008/0464 finali - COD 2008/0157 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.7.2008

KUMM(2008) 464 finali

2008/0157 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-terminu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati

(ippreżentata mill-Kummissjoni){SEG(2008) 2287}{SEG(2008) 2288}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Il-proposta timmira li ttejjeb il-qagħda soċjali tal-artisti, u b’mod partikolari l-mużiċisti tal-istudjo, filwaqt li tqis li l-artisti qegħdin jgħixu dejjem aktar mill-perjodu eżistenti ta’ 50 sena ta’ protezzjoni għall-prestazzjonijiet tagħhom.

Il-produzzjoni fuq skala kbira ta’ fonogrammi hija essenzjalment fenomenu li beda fis-snin 50. Jekk ma jsir xejn, matul l-għaxar snin li ġejjin ammont dejjem akbar ta’ prestazzjonijiet irreġistrati u rilaxxati bejn l-1957 u l-1967 se jibqgħu mingħajr protezzjoni. Ladarba l-prestazzjoni tagħhom fissa fuq fonogramma ma tibqax protetta, madwar 7 000 artist f’kull wieħed mill-Istati Membri kbar u numru proporzjonalment iżgħar fl-Istati Membri żgħar se jitilfu l-introjtu kollu tagħhom li jiġi minn drittijiet kuntrattwali u pretensjonijiet ta’ rimunerazzjoni statutarja mix-xandir u mill-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet tagħhom f’barijiet u diskoteki.

Dan jaffettwa lill-artisti magħrufa (dawk li jirċievu drittijiet kuntrattwali) iżda speċjalment lill-eluf ta’ mużiċisti anonimi tal-istudjo (dawk li ma jirċevux drittijiet u jserrħu biss fuq il-prestazzjonijiet ta’ rimunerazzjoni statutarja) li kkontribwew għal fonogrammi fi tmiem is-snin 50 u s-snin 60 u li ċedew id-drittijiet esklużivi tagħhom lill-produttur tal-fonogrammi kontra l-ħlas ta’ miżata fissa (‘buy out’). Il-ħlasijiet tagħhom ta’ ‘rimunerazzjoni ġusta u unika’ għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, li qatt ma jiġu assenjati lill-produttur ta’ fonogrammi, ikollhom jieqfu.

Barra minn hekk, il-proposta tfittex ukoll li tintroduċi mod uniformi biex tikkalkola t-terminu ta’ protezzjoni li japplika għal kompożizzjoni mużikali bil-kliem li fiha l-kontribuzzjonijiet ta’ diversi awturi. Pereżempju, biċċa mużika, bħal mużika pop jew opra, ħafna drabi tinkludi l-lirika (jew librett) kif ukoll partitura mużikali. Fi Stati Membri differenti, tali kompożizzjonijiet mużikali miktuba minn diversi awturi huma klassifikati jew bħala xogħol uniku ta’ diversi awturi flimkien b’terminu unitarju ta’ protezzjoni, li jibda mill-mewt tal-aħħar artist li jkun baqa’ ħaj jew bħala xogħlijiet separati b’termini separati li jibdew mill-mewt ta’ kull awtur li jikkontribwixxi.

Dan ifisser li f’xi Stati Membri[1], kompożizzjoni mużikali bil-kliem se tkun protetta sa 70 sena wara l-mewt tal-aħħar awtur li jikkontribwixxi, filwaqt li fi Stati Membri oħra[2], kull kontribuzzjoni se titlef il-protezzjoni 70 sena wara li jmut l-awtur tagħha. Dawn id-diskrepanzi fit-terminu li japplikaw għal kompożizzjoni mużikali waħda jwasslu għal diffikultajiet fl-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur f'xogħlijiet miktuba minn diversi awturi madwar il-Komunità. Dan iwassal ukoll għal diffikultajiet fid-distribuzzjoni transkonfinali ta’ drittijiet għal sfruttament li jseħħ fi Stati Membri differenti.

- Kuntest ġenerali

Il-qagħda soċjali tal-artisti

Bħalissa l-istat u l-kundizzjonijiet tal-impjieg għall-artist Ewropew medju mhumiex tajbin ħafna. L-artisti famużi biss, l-hekk imsejħa artisti magħrufa li ffirmaw kuntratt ta’ drittijiet ma’ kumpanija ewlenija tad-diski, huma kapaċi jaqilgħu l-għajxien mill-professjoni tagħhom. Pereżempju, fir-Renju Unit, fl-2001, 5 % biss tal-artisti qalgħu aktar minn £ 10 000 fis-sena. Barra minn hekk, bejn 77 u 89.5 % tal-introjtu kollu mqassam lill-artisti jmur għand l-aqwa 20 % tal-artisti[3]. L-ekonomisti wrew li d-diskrepanzi kbar bejn il-biċċa l-kbira tal-artisti ftit li xejn magħrufa u li għandhom dħul baxx u l-qligħ sinifikanti ta' artisti "superstars" huma endemiċi għall-industrija tal-mużika[4].

Barra minn hekk, il-qagħda soċjali tal-artisti mhijex sikura ħafna. Huwa diffiċli għall-artisti li jsibu impjieg suffiċjenti u ħafna minnhom jeħtieġu impjiegi oħra biex jissupplimentaw l-introjtu tagħhom[5]. Globalment, 5 % biss tal-artisti jaqilgħu l-għajxien mill-professjoni tagħhom – l-oħrajn kollha jkollhom ifittxu impjieg parallel.

L-artisti normalment jittrasferixxu, permezz ta’ kuntratt, id-drittijiet tal-awtur esklużivi tagħhom, l-aktar sinifikanti mil-lat ekonomiku, lil kumpaniji tad-diski. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-artisti individwali għandhom ftit setgħa ta’ negozjar[6]. Meta jiffirmaw kuntratt ma’ produttur ta’ fonogrammi, l-artisti ġeneralment ikunu lesti li jaċċettaw il-kuntratt li jiġi offrut lilhom għax ir-reputazzjoni u l-pubbliċità li jiksbu billi jiffirmaw ma’ kumpanija tad-diski jagħtuhom il-possibbiltà li jilħqu udjenza wiesgħa. Għaldaqstant, hu diffiċli għall-artisti li jinnegozjaw liema tip ta’ kuntratt jew liema livell ta’ rimunerazzjoni huma se jiksbu. Il-mużiċisti tal-istudjo, jiġifieri l-mużiċisti li jiġu impjegati fuq bażi ad hoc biex idoqqu għal ‘sessjoni’ ta’ reġistrazzjoni, ma jistgħu jinnegozjaw xejn u jkollhom jittrasferixxu d-drittijiet tal-awtur tagħhom għal dejjem kontra ħlas ta' darba.

Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kumpaniji tad-diski u l-artisti jvarjaw b’mod konsiderevoli iżda normalment jaqgħu f'żewġ kategoriji:[7]

- L-artisti tal-istudjo ġeneralment jitħallsu miżata fissa billi d-drittijiet tal-awtur esklużivi tagħhom jinxtraw mill-produttur. Għalhekk, ir-rimunerazzjoni tagħhom ma tiżdidx jekk id-diska tagħmel suċċess kbir.

- Il-kuntratti ta’ artisti magħrufa normalment jipprevedu rimunerazzjoni bbażata fuq id-drittijiet. Skont il-fama u s-setgħa ta’ negozjar tagħhom, l-artisti normalment jirċievu drittijiet netti ta’ 5-15 % tad-dħul[8].

It-tnaqqis ta' varjetà ta' spejjeż tal-produtturi tad-diski mill-ħlasijiet tad-drittijiet jista’ wkoll idgħajjef b’mod sinifikanti r-rimunerazzjoni tal-artisti. Dan it-tnaqqis ħafna drabi hu fformulat f’termini tekniċi u inkluż f’dokumenti legali kumplessi[9]. Fil-prattika, wara t-tnaqqis kuntrattwali varju (għal spejjeż imħallsa mill-produtturi bħal dawk ta’ vidjows mużikali, promozzjoni, produzzjonijiet oriġinali), il-perċentwali medju ta’ drittijiet li jirċievu l-artisti jista’ jkun inqas. Barra minn hekk, billi r-reġistrazzjonijiet awdjo tal-biċċa l-kbira tal-artisti ma jbigħux biżżejjed kopji biex il-kumpanija tad-diski tkun tista' tirkupra l-investiment inizjali tagħha (waħda biss minn tmien CDs tħalli l-qligħ)[10], il-ħlasijiet tad-drittijiet ħafna drabi ma jitħallsux.

Madankollu, l-artisti jirċievu wkoll dħul minn għejun oħra. Huma jirċievu introjtu minn soċjetajiet ta' ġestjoni kollettiva li jamministraw l-hekk imsejħa pretensjonijiet ta’ rimunerazzjoni sekondarja. Hemm tliet għejun prinċipali: (1) rimunerazzjoni ġusta għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, (2) tariffi għal kopja privata u (3) rimunerazzjoni ġusta għat-trasferiment tad-dritt ta’ kiri tal-artisti. Dawn l-għejun kollha normalment jissejħu għejun ‘sekondarji’ ta’ introjtu u jitħallsu lill-artisti direttament permezz tas-soċjetajiet ta' ġestjoni kollettiva tagħhom. Dawn il-ħlasijiet mhumiex affettwati mill-arranġamenti kuntrattwali tagħhom mal-kumpaniji tad-diski.

Bosta artisti Ewropej (mużiċisti u kantanti) jibdew il-karriera tagħhom ftit wara li jagħlqu 20 sena. Dan ifisser li meta tintemm il-protezzjoni attwali ta' 50 sena, huma se jkollhom madwar 70 sena u x’aktarx li jgħixu faċilment sa 80 u 90 sena (l-aspettattiva medja ta’ ħajja fl-UE hija 75 sena għall-irġiel u 81 sena għan-nisa). B’riżultat ta’ dan, l-artisti se jħabbtu wiċċhom ma’ differenza fl-introjtu fi tmiem ħajjithom, billi jitilfu l-ħlasijiet tad-drittijiet mill-kumpaniji tad-diski kif ukoll ir-rimunerazzjoni dovuta għax-xandir jew għall-prestazzjoni pubblika tar-reġistrazzjonijiet awdjo tagħhom. Għall-mużiċisti tal-istudjo, li jdoqqu mużika fl-isfond, u artisti inqas magħrufa, dan ifisser li l-introjtu mix-xandir u mill-prestazzjoni pubblika jonqos meta dawn ikunu fl-aktar perjodu vulnerabbli ta’ ħajjithom, jiġifieri meta jkun qed joqorbu l-età tal-irtirar. Ladarba tiskadi l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur, huma jitilfu wkoll dħul potenzjali meta l-prestazzjonijiet bikrija tagħhom jinbiegħu fuq l-Internet.

Barra minn hekk, meta d-drittijiet tagħhom jiskadu l-artisti huma esposti għal użi potenzjalment oġġezzjonabbli tal-prestazzjoni tagħhom, li huma ta’ ħsara għal isimhom jew għar-reputazzjoni tagħhom. L-artisti huma wkoll żvantaġġati meta mqabbla mal-awturi li x-xogħlijiet tagħhom huma protetti sa 70 sena wara mewthom. Dan jista’ jitqies inġust billi l-artisti llum mhumiex biss meħtieġa daqs l-awturi iżda huma wkoll aktar identifikabbli mas-suċċess kummerċjali ta’ reġistrazzjoni awdjo.

L-isfidi ekonomiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-produtturi ta’ fonogrammi

Fir-rigward tal-produtturi ta’ fonogrammi, l-isfidi ewlenin li dawn iħabbtu wiċċhom magħhom huma l-għejbien tas-swieq tas-CD u d-dħul ta’ sostituzzjoni mhux suffiċjenti minn bejgħ onlajn. Dan tal-aħħar huwa dovut għal piraterija bejn l-utenti. L-industrija tal-mużika rrekordjata fl-UE ġarrbet nuqqas fil-bejgħ tad-diski: il-bejgħ ta’ CDs tal-mużika laħaq il-quċċata fis-sena 2000 u ilu jonqos b’rata medja ta’ 6 % sa minn dakinhar[11]. L-istimi għall-ġejjieni juru tnaqqis kontinwu fil-bejgħ fiżiku tal-albums minn $ 12.1 bn fl-2006 għal $ 10.3 bn sa l-2010[12]. Mill-2001, is-suq totali Ewropew għal mużika rrekordjata tilef 22 % tal-valur tiegħu[13].

Id-dħul b’mod ġenerali u l-qligħ b’mod partikolari naqsu, l-aktar minħabba żieda fil-piraterija. F’Jannar 2006 il-pubblikazzjoni kummerċjali tal-mużika Billboard indikat li, madwar id-dinja, kien hemm 350 miljun dawnlowd legali matul is-sena kollha tal-2005, iżda kien hemm ukoll 250 miljun dawnlowd illegali kull ġimgħa . L-industrija tal-mużika tindika li kważi terz tas-CDs kollha mixtrija fl-2005 fid-dinja kienu foloz – total ta’ 1.2 biljun CD. In-nefqa tal-EMI biex tiġġieled il-piraterija u tipproteġi l-proprjetà intellettwali għall-2006 kienet taqbeż l-£ 10 m.

Minħabba telf fid-dħul, l-għadd totali ta’ impjegati tal-Universal li fl-2003 kien ilaħħaq it-12 000 naqas għal 7 600 fl-2006[14]. Wara tnaqqis inizjali fin-numru ta’ impjegati fl-2006, l-EMI ħabbret ukoll it-tieni tnaqqis ta’ 2 000 impjieg (madwar terz tal-ħaddiema tagħha) f’Jannar 2008[15]. Barra minn hekk, l-EMI indikat l-intenzjoni li tkun aktar selettiva fil-partenarjati tagħha mal-artisti minkejja t-tnaqqis sinfikanti fir-roster tagħha tal-artisti diġà fl-2006[16]. L-EMI kienet qed tnaqqas ukoll in-nefqa tagħha għar-reklamar[17].

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-industrija Ewropea tad-diski qed tħabbat wiċċha mal-isfida biex iżżomm il-fluss ta’ dħul stabbli meħtieġ biex tinvesti f’talent ġdid. Il-kumpaniji tad-diski jiddikjaraw li huma jinvestu madwar 17 % tad-dħul tagħhom fl-iżvilupp ta’ talent ġdid, jiġifieri l-iffirmar ta’ kuntratti ma’ talenti ġodda, il-promozzjoni ta’ talenti mhux magħrufa u l-produzzjoni ta’ reġistrazzjonijiet innovattivi. Għaldaqstant, perjodu itwal ta’ protezzjoni jista' joħloq introjtu addizzjonali biex jgħin fl-iffinanzjar ta’ talenti ġodda filwaqt li l-kumpaniji tad-diski jkunu jistgħu jifirxu aħjar ir-riskju fl-iżvilupp ta' talenti ġodda. Minħabba r-rendiment inċert (minn tmien reġistrazzjonijiet awdjo waħda biss tirnexxi) u l-hekk imsejħa ‘żbilanċi ta’ informazzjoni’ dan id-dħul ħafna drabi mhuwiex disponibbli fuq swieq kapitali. Xogħlijiet mużikali miktuba minn diversi awturi

Il-mużika hija ta’ spiss miktuba minn diversi awturi. Pereżempju, fir-rigward tal-opra, ħafna drabi jkun hemm awturi differenti għall-mużika u għal-lirika. Barra minn hekk, fil-ġeneri mużikali bħall-mużika ġazz, rokk u pop, il-proċess kreattiv ħafna drabi huwa kollaborattiv fin-natura tiegħu.

Analiżi tal-aktar kanzunetti Franċiżi popolari għall-perjodu 1919-2005 turi li 77 % ta’ dawk il-kanzunetti ġew miktuba minn diversi awturi. Analiżi simili tal-aktar kanzunetti popolari fir-Renju Unit għall-perjodu 1912-2003 turi li 61 % ta’ dawk id-diski huma miktuba minn diversi awturi.[18] Fir-rigward ta’ xogħlijiet li nħalqu dan l-aħħar, stħarriġ ieħor li jieħu kampjun ta’ madwar 2 000 xogħol ġdid irreġistrat mas-SGAE, is-soċjetà Spanjola għall-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi, fl-2005-2006, tiżvela li aktar minn 60 % ta’ dawn ix-xogħlijiet ġew miktuba minn diversi awturi.[19]

L-opra "Pelléas et Mélisande" turi kif il-metodi differenti ta’ kalkolu tat-terminu għal kompożizzjonijiet mużikali miktuba minn diversi awturi jirriżultaw f'termini differenti ta' protezzjoni għal din il-kompożizzjoni madwar Stati Membri differenti. Debussy, il-kompożitur, miet fl-1919, filwaqt li Maeterlinck, il-librettist, miet ħafna wara fl-1946. F’dawk l-Istati Membri li japplikaw terminu unitarju (eż. Franza, il-Portugall, Spanja, il-Greċja, il-Litwanja) l-opra kollha tibqa’ protetta sas-sena 2016 (il-ħajja tal-aħħar artist li jkun baqa’ ħaj, Maeterlinck b’żieda ta’ 70 sena). F’dawk il-pajjiżi li jqisu l-mużika u l-librett bħala żewġ xogħlijiet distinti (eż., ir-Renju Unit, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovenja) jew żewġ xogħlijiet li jistgħu jiġu sfruttati separatament (eż., ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Ġermanja) il-protezzjoni tal-mużika skadiet fl-1989 filwaqt li l-kliem biss (il-librett) jibqa’ protett sal-2016.

Eżempji oħra jinkludu: l-operetta ta’ Johann Strauss The Gipsy Baron [20]; il-kanzunetta Fascination ( Love in the afternoon ), il-mużika ta’ Fermo D. Marchetti (miet fl-1940) u l-lirika ta’ Maurice de Féraudy (miet fl-1932); il-kanzunetta When Irish Eyes Are Smiling , il-mużika ta’ Ernest R. Ball (miet fl-1927) u l-lirika ta’ Chauncey Olcott (miet fl-1932) u George Graff, Jr. (miet fl-1973).

Fl-eżempju tal-aħħar, f’dawk l-Istati Membri li japplikaw terminu unitarju, il-kanzunetta kollha When Irish eyes are smiling tkun protetta sa l-2043. F’dawk il-pajjiżi li jqisu l-mużika u l-lirika bħala xogħlijiet distinti jew li jistgħu jiġu sfruttati separatament, il-protezzjoni għall-mużika skadiet fl-1997 filwaqt li l-lirika biss tkun protetta sa l-2043.

- Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

It-termini ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ġew armonizzati mid-Direttiva 93/98/KEE li ġiet sussegwentement ikkodifikata mid-Direttiva 2006/116/KE. Il-kodifikazzjoni ma implikat l-ebda bidla sostantiva għad-Direttiva. It-terminu ta’ protezzjoni għal artisti u produtturi ta’ fonogrammi hu stabbilit għal 50 sena wara l-pubblikazzjoni f’dawn id-Direttivi filwaqt li l-proposta attwali se testendi din il-protezzjoni għal 95 sena wara l-pubblikazzjoni. Id-Direttiva attwali ma fiha l-ebda regola speċifika dwar kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem, miktuba minn diversi awturi.

- Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konformi mal-għanijiet tal-UE għall-promozzjoni tal-għajnuna u l-inklużjoni soċjali. L-artisti, u speċjalment il-mużiċisti tal-istudjo, huma fost dawk li jaqilgħu l-inqas fl-Ewropa, minkejja l-kontribuzzjoni konsiderevoli tagħhom għad-diversità kulturali qawwija tal-Ewropa. Barra minn hekk, l-industrija tad-diski li tippromwovi lill-artisti Ewropej u tipproduċi fi studjos Ewropej qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi sinifikanti li jdgħajfu l-kompetittività tagħha. il-piraterija onlajn li qed tinxtered f’ħafna partijiet tal-Komunità wasslet għal telf sinifikanti. L-abbiltà tal-industrija tal-mużika li tiffinanzja talent ġdid u li tadatta għal distribuzzjoni mhux immaterjalizzata tidher li ddgħajfet b'mod qawwi.

2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMA TAL-IMPATT

- Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira, u l-profil ġenerali tal-parteċipanti

Fil-kuntest tar-Reviżjoni tal-qafas legali tal-KE fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, fid-19 ta’ Lulju 2004 ġie ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jippreżentaw il-kummenti tagħhom sal-31 ta’ Ottubru 2004. Mill-139 kontribuzzjoni li waslu, 76 dokument ta’ pożizzjoni kkummentaw fuq id-Direttiva 93/98/KE li tarmonizza t-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati.

Matul l-2006-2007, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħat ma' varjetà ta' partijiet interessati fuq bażi bilaterali biex jiddiskutu kwistjonijiet rilevanti f'aktar dettall. Il-Kummissjoni ħejjiet kwestjonarju li tqassam lill-partijiet interessati ewlenin fil-qafas ta' dawn id-diskussjonijiet bilaterali. Waslu tweġibiet ftit jew wisq dettaljati minn assoċjazzjonijiet tal-artisti u mill-industrija tad-diski.

Taqsira tat-tweġibiet u kif tqiesu

It-tweġibiet favur l-estensjoni tat-terminu waslu mill-assoċjazzjonijiet tal-artisti, l-industrija tad-diski, is-soċjetajiet ta' ġestjoni kollettiva, il-pubblikaturi tal-mużika, l-artisti u l-maniġers fil-kamp tal-mużika. Dawk kontra t-terminu tal-estensjoni kienu l-intrapriżi tat-telekomunikazzjonijiet, il-bibljoteki, il-konsumaturi u l-kumpaniji ta’ dominju pubbliku. L-argumenti ta’ dawk kontra l-estensjoni tat-terminu kienu indirizzati fl-analiżi tal-impatti tal-possibbiltajiet varji.

- Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esterna.

- L-istima tal-impatt

L-istima tal-impatt (disponibbli fuq http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/term-protection/term-protection_en.htm) tippreżenta total ta’ seba’ possibbiltajiet u tiddiskuti sitta minnhom. Il-possibbiltajiet li ġew analizzati kienu: (1) ma jsir xejn (2) l-estensjoni tat-terminu ta' protezzjoni ‘għat-tul tal-ħajja jew għal 50 sena’ għall-artisti biss, (3) l-estensjoni tat-terminu ta’ protezzjoni ta’ 95 sena għal artisti u produtturi ta’ fonogrammi, (4) il-promozzjoni tad-drittijiet morali tal-artisti, (5) l-introduzzjoni ta’ klawżola ‘tużah jew titilfu’ fil-kuntratti tar-reġistrazzjoni awdjo u (6) it-twaqqif ta’ fond iddedikat għal mużiċisti tal-istudjo.

Il-possibbiltajiet kollha huma evalwati skont is-sitt għanijiet operattivi li ġejjin: (1) l-allinjament gradwali tal-protezzjoni tal-awturi u tal-artisti; (2) iż-żieda tar-rimunerazzjoni tal-artisti; (3) it-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-protezzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti; (4) iż-żieda tar-riżorsi A&R, jiġifieri l-iżvilupp ta’ talenti ġodda; (5) tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-mużika bi prezzijiet raġjonevoli; u (6) tiġi mħeġġa d-diġitizzazzjoni tal-katalgu ta’ qabel. L-istima tal-impatt tikkonkludi li “ma jsir xejn’ mhijiex possibbiltà rakkomandabbli. Jekk ma jsir xejn, eluf ta’ artisti Ewropej li l-prestazzjonijiet tagħhom ġew irrekordjati fi tmiem is-snin 50 u fis-snin 60 jitilfu, matul l-għaxar snin li ġejjin, id-dħul ta’ drittijiet kuntrattwali jew ir-rimunerazzjoni statutarja kollha tagħhom għax-xandir u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan ikollu impatti soċjali u kulturali konsiderevoli. Bl-istess mod, l-industrija tar-reġistrazzjoni tad-diski tkun obbligata li tnaqqas il-ħolqien ta' reġistrazzjonijiet awdjo ġodda fl-Ewropa. Jista’ jkun li l-produzzjoni jkollha tiġi adattata għall-gosti tal-Istati Uniti fejn jeżisti terminu itwal ta’ protezzjoni.

L-istima tal-impatt tqis l-impatt ta’ possibbiltajiet li ma jinvolvux it-terminu tad-drittijiet tal-artisti u tal-produtturi tad-diski (Possibbiltajiet 3a, b, c u d).

Il-possibbiltà 3a (id-dritt irrevokabbli għal rimunerazzjoni ġusta għal bejgħ onlajn) tidher promettenti, iżda f’dan l-istadju prematura. Ma jidhirx ċar min se jħallas għal din il-pretensjoni ta’ rimunerazzjoni statutarja addizzjonali u huwa diffiċli li wieħed jevalwa l-benefiċċju finanzjarju li din se ġġib magħha. Il-possibbiltà 3B (it-tisħiħ tad-drittijiet morali), ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq l-artisti u l-produtturi tad-diski u għalhekk ma żżidx ir-rimunerazzjoni tal-artisti. Il-possibbiltà 3c, il-klawżola ‘tużah jew titilfu’, tkun ta’ benefiċċju għall-artisti għax permezz tagħha dawn jistgħu jiżguraw li l-prestazzjonijiet tagħhom ikunu disponibbli fis-suq. Din jista’ jkollha impatt pożittiv fuq ir-rimunerazzjoni tagħhom u trawwem ukoll id-disponibbiltà ta’ repertorju li ma jkunx intuża qabel. Min-naħa l-oħra, din il-possibbiltà, jekk tiġi applikata waħidha, tista’ titqies bħala tfixkil regolatorju żejjed fl-obbligazzjoni ta' kuntratti li jinsabu għaddejjin. Il-possibbiltà 3d, il-fond li għandu jitwaqqaf minn produtturi ta’ fonogrammi, tkun ta’ benefiċċju kbir għal mużiċisti tal-istudjo li trasferew id-drittijiet esklużivi kollha tagħhom bħala parti mill-kuntratti ‘buy out’ inizjali. Il-produtturi tad-diski, madankollu, ikollhom iwarrbu mill-inqas 20 % tad-dħul addizzjonali maħluq mill-bejgħ ta' dawk il-fonogrammi li huma jagħżlu li jisfruttaw b'mod kummerċjali matul l-estensjoni tat-terminu. L-istima tal-impatt tassew turi, madankollu, li l-qligħ mistenni fit-terminu estiż ikun biżżejjed biex jiffinanzja l-20 % imwarrba favur il-mużiċisti tal-istudjo (ara hawn taħt).

Possibbiltajiet li jinvolvu estensjoni tat-terminu (2a "għat-tul tal-ħajja jew għal 50 sena" u 2b “95 sena għal artisti u produtturi ta’ fonogrammi”) jidher li huma aktar adattati biex jikkontribwixxu lejn is-sitt għanijiet ta’ politika. Iż-żewġ possibbiltajiet 2a u 2b jagħtu benefiċċji finanzjarji lill-artisti u permezz tagħhom l-artisti jkunu jistgħu jiddedikaw aktar ħin għall-attivitajiet artistiċi tagħhom.

Il-possibbiltà 2a, billi tadatta t-terminu għall-ħajja tal-artist, tkun tikkontribwixxi biex tarmonizza l-protezzjoni legali ta’ artisti u awturi. Din tkun tirrifletti n-natura personali tal-kontribuzzjonijiet artistiċi tal-artisti u tagħraf li l-artisti huma essenzjali daqs l-awturi biex iwasslu l-mużika lill-pubbliku. Din tippermetti wkoll lill-artisti biex joġġezzjonaw għall-użi derogatorji tax-xogħlijiet tagħhom matul ħajjithom. Iżda billi jiġi adattat it-terminu ta’ protezzjoni għat-tul ta’ ħajja tal-artisti, jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet kumplessi f’każ li kolonna sonora tkun tinkludi kontribuzzjonijiet minn diversi artisti. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti regoli dwar kif jiġi determinat il-mewt ta’ liema artist twassal għat-terminu ta’ protezzjoni. Dan ikun jimplika, kif turi l-inċertezza kontinwa dwar it-terminu applikabbli għal xogħlijiet miktuba minn diversi artisti, piż amministrattiv sinifikanti. Barra minn hekk, il-possibbiltà 2a mhux se żżid ir-riżorsi għall-iżvilupp ta’ talenti ġodda disponibbli lill-produtturi tad-diski.

Il-possibbiltà 2b se żżid il-provvista ta’ riżorsi għall-iżvilupp ta’ talenti ġodda disponibbli lill-produtturi ta’ fonogrammi u tista’ għalhekk ikollha impatt pożittiv addizzjonali fuq id-diversità kulturali. L-istima tal-impatt turi wkoll li l-benefiċċji ta’ estensjoni tat-terminu mhumiex neċessarjament ta’ vantaġġ eċċessiv għal artisti magħrufa. Filwaqt li l-artisti magħrufa ċertament jaqilgħu l-biċċa l-kbira tad-drittijiet tal-awtur li jiġu nnegozjati mal-kumpaniji tad-diski, l-artisti kollha, kemm l-artisti magħrufa kif ukoll il-mużiċisti tal-istudjo, huma intitolati għall-hekk imsejħa għejun ta’ introjtu ‘sekondarju’, bħal rimunerazzjoni ġusta unika meta r-reġistrazzjoni awdjo li tinkorpora l-prestazzjonijiet tagħhom hi mxandra jew interpretata fil-pubbliku. Estensjoni tat-terminu se tiżgura li dawn l-għejun ta’ introjtu ma jieqfux matul il-ħajja tal-artist. L-artisti jużaw ukoll żidiet fl-introjtu biex jiddedikaw aktar ħin għall-karrieri artistiċi tagħhom, u biex iqattgħu inqas ħin fuq impjiegi part time. Barra minn hekk, għall-eluf ta' mużiċisti anonimi tal-istudjo li kienu fil-quċċata tal-karrieri tagħhom fi tmiem is-snin 50 u fis-snin 60, 'ir-rimunerazzjoni ġusta unika' għax-xandir tar-reġistrazzjonijiet tagħhom ħafna drabi hija l-unika għajn ta' introjtu li jkun fadal mill-karriera artistika tagħhom.

Barra milli tiżgura d-disponibbiltà akbar ta' żvilupp ta’ talenti ġodda, il-possibbiltà 2b hija wkoll aktar faċli biex tiġi implimentata mill-possibbiltà 2a, għax ma tadattax it-terminu ta’ protezzjoni għat-tul ta’ ħajja, li xi kultant ikun differenti ħafna, ta’ artisti individwali li jaħdmu flimkien iżda għal data uniformi, jiġifieri l-pubblikazzjoni tal-fonogramma li fiha l-prestazzjoni.

Min-naħa l-oħra, l-impatt fuq l-utenti se jkun minimu. Dan huwa veru fir-rigward tal-pretensjonijiet ta’ rimunerazzjoni statutarja u għall-bejgħ ta’ CDs:

- L-ewwelnett, ir-‘rimunerazzjoni ġusta unika’ dovuta għax-xandir u l-prestazzjonijiet ta’ mużika f’postijiet pubbliċi se tibqa’ l-istess billi dawn il-ħlasijiet huma kkalkolati bħala perċentwali tad-dħul tax-xandara jew ta’ operaturi oħra (parametru indipendenti minn kemm hemm fonogrammi koperti mid-drittijiet tal-awtur u dawk mingħajrhom).

- Studji empiriċi juru wkoll li l-prezz tar-reġistrazzjonijiet awdjo li mhumiex koperti mid-drittijiet tal-awtur mhuwiex inqas minn dak tar-reġistrazzjonijiet koperti minn dawn id-drittijiet. Studju ta’ Price Waterhouse Coopers jikkonkludi li ma hemm l-ebda differenza sistematika bejn il-prezzijiet tar-reġistrazzjonijiet koperti mid-drittijiet tal-awtur u dawk mingħajrhom. Dan huwa l-aktar studju komprensiv li sar sa issa u jkopri 129 album irreġistrati bejn l-1950 u l-1958. Fuq din il-bażi, dan ma jsib l-ebda evidenza ċara li d-diski li fihom skadew id-drittijiet relatati jinbiegħu b'mod sistematiku bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk ta’ diski li għadhom protetti.

Ġew ikkunsidrati studji oħra fl-analiżi tal-impatt tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati fuq il-prezzijiet. Ħafna minnhom jiffokaw fuq il-kotba. Madankollu, anki f’din il-kategorija, jew ma nstabet l-ebda differenza ġenerali fil-prezz bejn il-kampjuni ta’ kotba koperti mid-drittijiet tal-awtur u dawk li mhumiex, jew, l-impatt tad-drittijiet tal-awtur fuq il-prezz jiddependi ħafna fuq il-mudell u għalhekk l-istimi miksuba ma jistgħux jitqiesu qawwija ħafna. Minħabba n-nuqqas ta’ mudelli aċċettati fuq skala wiesgħa kif ukoll it-tul ta' żmien, ta’ min jgħid li mhemm l-ebda evidenza ċara li l-prezzijiet se jiżdiedu minħabba l-estensjoni tat-terminu.

B’mod ġenerali, it-terminu estiż għandu jkollu impatt pożittiv fuq il-possibbiltà tal-konsumatur u d-diversità kulturali. Għaż-żmien fit-tul, dan għaliex l-estensjoni tat-terminu se tibbenefika d-diversità kulturali billi tiżgura d-disponibbiltà tar-riżorsi biex tiffinanzja u tiżviluppa talenti ġodda. Fit-terminu qasir u medju ta’ żmien, l-estensjoni tat-terminu tipprovdi lill-kumpaniji tad-diski b’inċentiv biex jiġi diġitalizzat u jitqiegħed fis-suq il-katalgu tagħhom ta' qabel tar-reġistrazzjonijiet antiki. Diġà jidher ċar li d-distribuzzjoni permezz tal-internet toffri opportunitajiet uniċi biex titqiegħed fis-suq kwantità bla preċedent ta' reġistrazzjonijiet awdjo.

L-impatt fuq l-hekk imsejħa produtturi ta’ dominju pubbliku jkun minimu. Filwaqt li dawk il-kumpaniji jkollhom jistennew aktar biex jipproduċu fonogrammi li fihom id-drittijiet tal-artisti u tal-produtturi ta’ fonogrammi jkunu skadew, ix-xogħlijiet li twettqu fuq fonogramma ma jitilfux il-protezzjoni ladarba jiskadi t-terminu ta’ protezzjoni għall-fonogramma. Dan għaliex ix-xogħol imwettaq fuq fonogramma jibqa' protett tul il-ħajja tal-awtur (il-kittieb tal-kanzunetti u l-kompożitur) li kiteb ix-xogħol. Billi d-drittijiet tal-awturi jibqgħu validi tul il-ħajja tal-kittieb tal-kanzunetti jew tal-kompożitur biż-żieda ta' 70 sena, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal xogħol mużikali tista’ ddum bejn 140 u 160 sena. Għaldaqstant huwa żbaljat li wieħed jgħid li prestazzjoni fissa fuq fonogramma hija fid-‘dominju pubbliku’ ladarba tiskadi l-protezzjoni għal artisti u produtturi ta’ fonogrammi.

Il-klawżola 'tużah' jew 'titilfu' f’kuntratti bejn l-artisti u l-produttur tagħhom tkun ta’ benefiċċju għall-artisti għax tkun tfisser li huma se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jiżguraw li l-produzzjoni kreattiva tilħaq lill-pubbliku, jekk il-produttur ta’ fonogrammi jiddeċiedi li ma jippubblikax jew inkella li joffri fonogrammi awdjo aktar antiki lill-pubbliku.

Il-possibbiltà b, it-tisħiħ u l-armonizzazzjoni tad-drittijiet morali tal-artisti, iġġib magħha xi benefiċċji mhux finanzjarji lill-artisti, billi tħallihom jirrestrinġu l-użi oġġezzjonabbli tal-prestazzjonijiet tagħhom. Madankollu, it-tisħiħ tad-drittijiet morali ma għandu l-ebda impatt finanzjarju fuq l-artisti u l-produtturi tad-diski u għalhekk ma jżidx ir-rimunerazzjoni tal-artisti.

Il-ħolqien ta’ fond għal mużiċisti tal-istudjo jkun ta' benefiċċju għal dan il-grupp u jiżgura li dawn jiġu inklużi fil-benefiċċji finanzjarji tal-estensjoni tat-terminu, li minnhom kienu jiġu, fil-parti l-kbira tagħhom, esklużi taħt il-kuntratti “buy out” tagħhom. L-impatt tal-fond fuq il-mużiċisti tal-istudjo għandu jkun pożittiv, billi d-dħul annwali addizzjonali tal-artist medju matul terminu ta’ 45 sena se jiżdied minn bejn € 47 u € 737 għal bejn € 130 u € 2 065, jiġifieri, kważi se jittriplika[21].

L-impatt fuq il-produtturi tad-diski jkun negattiv, iżda għandu jitqies fid-dawl tal-benefiċċji tal-estensjoni tat-terminu. Matul l-estensjoni ta’ terminu ta’ 45 sena, il-benefiċċji tal-estensjoni tat-terminu għall-produtturi tad-diski għandu jitnaqqas minn € 758 miljun għal € 607 miljun (stima superjuri) jew minn € 39 miljun għal € 31 miljun (stima inferjuri). Għaldaqstant, dan għandu jnaqqas ukoll id-dħul addizzjonali disponibbli għall-iżvilupp ta’ talenti ġodda minn € 129 miljun għal € 103 miljun (stima superjuri) jew minn € 6.7 miljun għal € 5.3 miljun. L-istima tal-impatt tanalizza l-istruttura tal-ispiża ta’ CD u tikkonkludi li se jkun għad hemm inċentivi għall-produtturi biex iqiegħdu fis-suq ir-reġistrazzjonijiet awdjo matul it-terminu estiż u xorta jagħmlu qligħ ta' kważi 17 %.

3. L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA

- It-taqsira tal-azzjoni proposta

Il-proposta għandha testendi t-terminu ta’ protezzjoni għall-artisti u l-produtturi ta’ fonogrammi minn 50 sena għal 95 sena. Biex jinkiseb il-bilanċ it-tajjeb bejn il-benefiċċji lill-kumpaniji tad-diski u lill-artisti magħrufa u l-ħtiġijiet soċjali ġenwini ta’ mużiċisti tal-istudjo, il-proposta fiha ċerti miżuri ta’ akkumpanjament bħat-twaqqif ta’ fond għal mużiċisti tal-istudjo, l-introduzzjoni tal-klawżoli ‘tużah’ jew ‘titilfu’ f’kuntratti bejn l-artisti u l-produtturi ta’ fonogrammi u ‘rekord nadif’ għal kuntratti fil-perjodu estiż lil hinn mill-50 sena tal-bidu. Din il-proposta tintroduċi emendi għad-Direttiva 2006/116/KE.

- Il-bażi ġuridika

L-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat tal-KE.

- Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Ir-raġuni għalfejn il-Komunità għandha ‘kompetenza esklużiva’ f’dan il-qasam hi għaliex il-leġiżlazzjoni eżistenti, kif inhi fid-Direttiva 2006/116/KE (id-Direttiva) tipprovdi armonizzazzjoni sħiħa. Id-Direttiva tipprevedi armonizzazzjoni minima u massima fl-istess waqt. Dan ifisser li l-Istati Membri lanqas jistgħu jipprovdu għal termini iqsar jew itwal ta’ protezzjoni minn dawk preskritti mid-Direttiva (il-premessa 2). Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

- Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in.

L-għanijiet operattivi msemmija hawn fuq: (1) l-allinjament gradwali tal-protezzjoni tal-awturi u tal-artisti; (2) iż-żieda tar-rimunerazzjoni tal-artisti; (3) it-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-protezzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti; (4) iż-żieda tar-riżorsi A&R, jiġifieri l-iżvilupp ta’ talenti ġodda; (5) tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-mużika bi prezzijiet raġjonevoli; u (6) li tkun imħeġġa d-diġitizzazzjoni tal-katalgu ta’ qabel, jistgħu jinkisbu l-aħjar permezz ta’ tibdil fit-terminu ta' protezzjoni tal-artisti u l-produtturi. Minkejja li miżuri soċjali oħra favur l-artisti jissemmew ta' spiss (sussidji, inklużjoni fi skemi ta' sigurtà soċjali), dawn il-miżuri rari ġew immaterjalizzati u l-istat u l-għajxien tal-kreaturi normalment huma marbuta ma’ ħlasijiet tad-drittijiet u tar-rimunerazzjoni li joriġinaw mid-drittijiet tal-awtur. Proposta bbażata fuq terminu għaldaqstant iżżid l-introjtu għall-artisti.

Fi ħdan l-istrateġiji bbażati fuq terminu, l-istrateġija bbażata fuq terminu li hi kkawżata minn avveniment uniformi, bħall-pubblikazzjoni ta’ fonogramma hi preferibbli biċ-ċar għal terminu bbażat fuq il-ħajja individwali ta’ artist. L-adattament tat-terminu ta’ protezzjoni tal-artisti għall-ħajja individwali tagħhom jista’ jwassal għal piżijiet leġiżlattivi akbar għall-Istati Membri kif ukoll għal inċertezza legali konsiderevoli rigward id-determinazzjoni tal-avveniment li jikkawża t-terminu. Dan iseħħ minħabba diffikultajiet biex ikun stabbilit punt uniformi ta' attivazzjoni f’każijiet ta’ prestazzjonijiet minn diversi artisti. Il-prestazzjonijiet minn diversi artisti huma n-norma, jiġifieri l-prestazzjonijiet minn grupp, orkestra jew artisti magħrufa akkumpanjati minn mużiċisti tal-istudjo. Bħalissa mhemm l-ebda regola li tipprevedi l-kalkolu tat-terminu ta’ protezzjoni f’dawn il-każijiet, għaliex l-avveniment li jikkawża t-terminu attwali ta' protezzjoni huwa l-pubblikazzjoni tal-prestazzjoni. Jekk l-avveniment li jikkawża t-terminu ta' protezzjoni huwa l-mewt ta' artist, allura, meta diversi artisti jikkontribwixxu għal reġistrazzjoni jew prestazzjoni, tqum il-kwistjoni dwar il-mewt ta' liema artist tikkawża t-terminu. F’każijiet ta’ diversi artisti li jaħdmu flimkien ikun xieraq li t-terminu jiġi kkalkolat mill-mewt tal-aħħar artist li jkun baqa’ ħaj. Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda regola tal-Komunità dwar din il-kwistjoni. L-analoġija mat-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet miktuba minn diversi artisti hi ta’ għajnuna limitata, billi lanqas hemm regoli tal-Komunità dwar il-kalkolu tat-terminu ta’ protezzjoni għal xogħlijiet miktuba minn diversi artisti.

Il-proposta biex jiġi estiż it-terminu ta’ protezzjoni għal artisti u produtturi ta’ fonogrammi tkun tfisser bidla numerika (li tissostitwixxi 50 b’95) għal-leġiżlazzjoni nazzjonali attwali dwar id-drittijiet relatati li hemm fl-Istati Membri tal-UE. Il-miżuri ta’ akkumpanjament jagħtu flessibbiltà lill-Istati Membri rigward il-mod kif japplikawhom u l-piż amministrattiv jaqa’ aktar fuq il-produtturi ta’ fonogrammi u s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva.

Il-bidla fil-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur tkun minima u ma jkun hemm l-ebda piż finanzjarju fuq l-ebda awtorità pubblika. Studji empiriċi juru wkoll li l-prezz tar-reġistrazzjonijiet awdjo li mhumiex koperti mid-drittijiet tal-awtur mhuwiex inqas minn dak tar-reġistrazzjonijiet awdjo koperti minn dawn id-drittijiet. Studju riċenti minn Price Waterhouse Coopers ma jsib l-ebda evidenza ċara li d-diski li fihom skadew id-drittijiet relatati jinbiegħu b'mod sistematiku bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk ta’ diski li għadhom protetti.

Il-produtturi ta’ fonogrammi se jkollhom jikkontribwixxu kollha għal fond u s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva se jkollhom jamministraw dan id-dħul. Madankollu, il-piż amministrattiv tagħhom, inerenti fit-twarrib ta’ 20 % tad-dħul li jiġi ġġenerat permezz tal-bejgħ ta' fonogrammi li fihom prestazzjonijiet minn mużiċisti tal-istudjo matul it-terminu estiż, jiġi kkumpensat mill-vantaġġi li l-mużiċisti tal-istudjo se jgawdu permezz tal-estensjoni tat-terminu. Il-livell tal-fond joħloq bilanċ bejn il-ħtieġa li tkun iġġenerata żieda fid-dħul ta' mużiċisti tal-istudjo u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-produtturi ta' fonogrammi xorta jiksbu qligħ biżżejjed mill-bejgħ biex ikollhom inċentiv li jqiegħdu fis-suq il-fonogrammi matul it-terminu estiż.

Mudell sempliċi ta’ kalkolu fl-istima tal-impatt juri li sehem ta’ 20 % joħloq il-bilanċ ġust bejn il-qligħ tal-fonogrammi li huma sfruttati fit-terminu estiż u l-ħolqien ta’ benefiċċju miżjud tanġibbli għall-artisti. Dan il-kalkolu jipprova jkejjel l-impatt li l-fond ibbażat fuq id-dħul ikollu fuq il-marġni ta’ qligħ tal-kumpaniji tad-diski fis-snin wara l-estensjoni tat-terminu.

Il-marġni operattiv medju globali tal-kumpaniji ddikjarat mill-kumpaniji ewlenin tal-fonogrammi (EBITA/dħul) fl-2007 huwa 9.1 % (EMI 3.3 % - Universal 12.8 % - Warner 14 % - BMG 6.2 %). Kif imsemmi hawn fuq, skont l-IFPI, CD waħda biss minn tmienja tħalli l-qligħ.

Jekk waħda biss minn tmien CDs tħalli l-qligħ u r-rata medja ta’ qligħ hija 9.1 %, din is-CD profittabbli għandha tiġġenera marġni ta’ qligħ li hu għoli biżżejjed biex jikkumpensa għal seba’ CDs li ma jħallux qligħ u xorta tipproduċi qligħ komplessiv ta' 9.1 %.

Fuq il-bażi ta’ dan, wieħed jista’ jipprova jikkalkola l-qligħ tal-unika CD li għamlet suċċess billi jqabbel il-marġni ta’ profitt tagħha ma’ dak tas-seba CDs li fadal. Jekk jitqies li: ħames CDs (minn “b” sa “f” fl-eżempju) la jkollhom telf u lanqas qligħ (qligħ = 0), li huwa estremament ottimistiku u żewġ CDs (“g” u “h”) jagħmlu telf (għal “g” it-telf huwa 30; għal “h” it-telf huwa 40); allura s-CD “a” li għamlet suċċess trid tagħmel qligħ sostanzjali. Fl-eżempju tagħna l-marġni ta’ qligħ huwa 60 %.

Billi l-produtturi ta’ fonogrammi se jiffokaw fuq il-ħruġ mill-ġdid ta’ CDs “ta’ suċċess” matul it-terminu estiż, jiġifieri dawk b’marġnijiet ta’ qligħ għolja ħafna, fond ibbażat fuq id-dħul (it-twarrib ta’ 20 % tad-dħul miksub permezz ta’ CDs ta’ suċċess) ikun ifisser li 20 % tad-dħul attribwit lil CD “a”, 250 (jiġifieri 50) jitwarrab għall-artisti. Għaldaqstant, anki meta jitqies il-fond, il-marġni ta’ profitt ta’ produtturi ta’ fonogrammi fit-terminu estiż ikun għadu 100/250=40 %.

a | b | c | d | e | f | g | h | TOTAL |

DĦUL | 250 | 100 | 100 | 100 | 100 | 100 | 70 | 60 | 880 |

SPIŻA | 100 | 100 | 100 | 100 | 100 | 100 | 100 | 100 | 800 |

PROFITT | 150 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | -30 | -40 | 80 |

MARĠNI TA’ PROFITT | 60 % | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | -43 % | -66 % | 9.1 % |

Kif imsemmi hawn fuq, fond ibbażat fuq it-twarrib ta’ 20 % tad-dħul li hu ġġenerat mill-fonogrammi fit-terminu estiż jittriplika l-benefiċċju li artisti individwali jiksbu minn estensjoni tat-terminu.Ir-rimedju propost dwar kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem huwa l-inqas strument intrużiv biex jinkiseb terminu uniformi għal kompożizzjonijiet mużikali.

L-effett ta’ dan l-Artikolu 1(7) ġdid propost ikun li, għall-għan biss ta’ kalkolu tat-terminu ta’ protezzjoni tagħha, il-kompożizzjoni bil-kliem tkun trattata daqs li kieku kienet xogħol miktub minn diversi awturi, sew jekk din il-kompożizzjoni bil-kliem tikkwalifika bħala xogħol miktub minn diversi awturi skont ir-regoli nazzjonali, sew jekk le.

Din l-istrateġija hija konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Din ma taffettwa bl-ebda mod id-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeterminaw liema xogħol jikkostitwixxi xogħol miktub minn diversi awturi. Min-naħa l-oħra, din tintroduċi livell minimu ta' armonizzazzjoni, biex it-terminu tal-kompożizzjonijiet mużikali kollha bil-kliem li fihom żewġ kontribuzzjonijiet separati jew aktar ikun ikkalkolat b’mod uniformi.

- Il - possibbiltà tal-istrumenti

L-istrument propost huwa Direttiva. Mezzi oħra ma jkunux adegwati billi t-terminu ta’ protezzjoni diġà ġie armonizzat permezz ta’ Direttiva, l-unika possibbiltà biex jiġi estiż dan it-terminu huwa li tiġi emendata d-Direttiva msemmija.

4. L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

- Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

- Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

L-Artikolu 1 jemenda l-Artikoli 3(1) u 3(2) eżistenti tad-Direttiva 2006/116 li tirregola t-terminu ta’ protezzjoni applikabbli għal prestazzjonijiet (l-Artikolu 3(1)) u fonogrammi (l-Artikolu 3(2)). It-terminu eżistenti ta’ 50 sena għandu jiġi estiż kemm għall-fonogramma kif ukoll għall-prestazzjoni inkorporata fiha għal 95 sena.

It-test jipprevedi li jekk fonogramma tiġi ppubblikata jew ikkomunikata lill-pubbliku legalment fi żmien 50 sena mill-iffissar tagħha, id-drittijiet għandhom jiskadu 95 sena wara l-pubblikazzjoni jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku. Jekk prestazzjoni tkun inkorporata f’fonogramma li tiġi ppubblikata jew ikkomunikata lill-pubbliku legalment fi żmien 50 sena mill-iffissar tagħha, id-drittijiet għandhom jiskadu 95 sena wara l-pubblikazzjoni jew il-komunkazzjoni lill-pubbliku.

L-Artikolu 10a ġdid propost għandu jintroduċi sensiela ta’ miżuri li jakkumpanjaw l-estensjoni tat-terminu filwaqt li l-Artikolu 10(5) ikun jinkludi r-regoli li jistabbilixxu liema fonogrammi u prestazzjonijiet huma affettwati mill-proposta.

L-għan prinċipali tal-miżuri li jinsabu fl-Artikolu 10a huwa li jiżguraw li l-artisti magħrufa u dawk mhux magħrufa li l-prestazzjonijiet tagħhom huma ffissati fuq fonogramma jibbenefikaw b’mod effettiv mill-estensjoni tat-terminu proposta.

L-Artikolu 10a (3), (4) u (5) jipprevedi li jirrimedja s-sitwazzjoni ta’ mużiċisti tal-istudjo (il-mużiċisti li ma jibbenefikawx minn ħlasijiet rikorrenti ta’ drittijiet kuntrattwali), li malli jibdew relazzjoni kuntrattwali ma’ produttur ta’ fonogrammi, ħafna drabi jkollhom jittrasferixxu d-drittijiet esklużivi tagħhom ta’ riproduzzjoni, distribuzzjoni u “disponibbiltà” lill-produtturi ta’ fonogrammi. Il-mużiċisti tal-istudjo jittrasferixxu d-drittijiet esklużivi tagħhom kontra ħlas ta’ darba (‘buy out’).

Ir-rimedju propost għall-‘buy out’ huwa li mużiċisti tal-istudjo se jiksbu d-dritt li jirċievu ħlas annwali minn fond iddedikat. Bl-għan li jiġu ffinanzjati dawn il-ħlasijiet, il-produtturi ta’ fonogrammi għandhom l-obbligu li jwarrbu, għall-inqas darba fis-sena, mill-inqas 20 fil-mija tad-dħul mid-drittijiet esklużivi ta' distribuzzjoni, kiri, riproduzzjoni u "disponibbiltà” ta’ fonogrammi li, fin-nuqqas ta’ estensjoni tat-terminu, ma jibqgħux protetti mill-Artikolu 3. Biex jiġi żgurat l-aktar livell kapillari possibbli ta’ distribuzzjoni għal mużiċisti tal-istudjo, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li d-distribuzzjoni ta’ dawn il-fondi tiġi fdata lil soċjetajiet ta' ġestjoni kollettiva li jirrappreżentaw lill-artisti.

Id-dħul ta’ produtturi li ġej mir-rimunerazzjoni ġusta u unika għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku u mill-kumpens ġust għal kopji privati ma għandux jiġi inkluż fid-dħul li jrid jitwarrab favur mużiċisti tal-istudjo, billi dawn id-drittijiet sekondarji ma jiġu qatt trasferiti lill-produtturi ta' fonogrammi. Barra minn hekk, id-dħul ta’ produtturi li ġej mill-kiri ta' fonogrammi ma għandux jiġi inkluż, billi l-artisti jibqgħu jibbenefikaw minn dritt irrevokabbli ta’ rimunerazzjoni ġusta minn dan l-isfruttament, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE.

L-Artikolu 10a(6) jipprevedi klawżola statutarja ‘tużah jew titilfu’. Għaldaqstant, jekk produttur ta’ fonogrammi ma jippubblikax fonogramma, li, fin-nuqqas tal-estensjoni tat-terminu, tkun fid-dominju pubbliku, id-drittijiet fl-iffissar tal-prestazzjoni għandhom, fuq talba tiegħu, jerġgħu lura għand l-artist u d-drittijiet fil-fonogramma għandhom jiskadu. Barra minn hekk, jekk wara sena sussegwenti għall-estensjoni tat-terminu, la l-produttur ta' fonogrammi u lanqas l-artist ma jkun għamel il-fonogramma disponibbli għall-pubbliku, id-drittijiet fil-fonogramma u d-drittijiet fl-iffissar tal-prestazzjoni għandhom jiskadu.

Għall-għanijiet tal-klawżola “tużah jew titilfu”, il-pubblikazzjoni ta' fonogramma tfisser l-offerta ta' kopji tal-fonogramma lill-pubbliku, bil-kunsens ta' min għandu d-drittijiet, u bil-kundizzjoni li l-kopji jiġu offerti lill-pubbliku fi kwantitajiet raġjonevoli. Il-pubblikazzjoni tkun tinkludi wkoll forom oħra ta’ sfruttament kummerċjali ta’ fonogramma, pereżempju li l-fonogramma tkun disponibbli għal bejjiegħa onlajn.Għan ieħor tal-klawżola huwa li jiġi żgurat li l-fonogrammi li la l-produttur ta’ fonogrammi u lanqas l-artisti ma jixtiequ jisfruttaw ma jiġux ‘maqfula’. Dan ifisser ukoll li l-fonogrammi orfni, li tagħhom ma jistgħu jiġu identifikati jew jinstabu la l-produttur ta' fonogrammi u lanqas l-artisti, se jibbenefikaw mill-klawżola għax dawn il-fonogrammi orfni mhumiex se jiġu sfruttati la mill-produttur u lanqas mill-artist. It-tipi kollha ta’ fonogrammi li mhumiex sfruttati jkunu għalhekk disponibbli għal użu pubbliku.

Din il-klawżola għandha l-għan li tippermetti li l-artisti, li l-prestazzjonijiet tagħhom iffissati fuq fonogramma ma għadhomx jiġu ppubblikati mill-produttur oriġinali ta’ fonogrammi wara t-terminu inizjali ta’ 50 sena, jerġgħu jiksbu kontroll mill-ġdid fuq il-prestazzjoni tagħhom u jagħmluha disponibbli għall-pubbliku huma stess. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-produtturi għandu jiskadi biex ikun żgurat li l-isforzi tal-artisti biex jagħmlu l-prestazzjonijiet tagħhom disponibbli bl-aktar mod wiesa' possibbli ma jiġux imxekkla.

Din l-inizjattiva tipproponi li l-estensjoni tat-terminu japplika għal prestazzjonijiet u reġistrazzjonijiet awdjo li t-terminu inizjali tagħhom ta' protezzjoni ta’ 50 sena ma jkunx skada fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva emendata. Mhijiex se testendi b’mod retroattiv għal prestazzjonijiet li diġà waqgħu fid-dominju pubbliku sa din id-data. Dan il-kriterju huwa sempliċi biex jiġi applikat u jikkorrispondi għal strateġija diġà użata fid-Direttiva 2001/29/KE.L-Artikolu 1(7) ġdid hu introdott biex japplika metodu uniformi ta' kalkolu tat-terminu ta’ protezzjoni ta’ kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem. L-Artikolu 1(7) huwa mfassal fuq l-Artikolu 2 eżistenti, li jipprovdi metodu għall-kalkolu tat-terminu ta’ protezzjoni għal xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi. Skont l-Artikolu 1(7), meta kompożizzjoni mużikali tiġi ppubblikata bil-lirika, it-terminu ta’ protezzjoni għandu jiġi kkalkolat mill-mewt tal-aħħar persuna li tkun baqgħet ħajja: l-awtur tal-lirika jew il-kompożitur tal-mużika.

L-Artikolu 2

L-Artikolu 2 tad-Direttiva li temenda jipprevedi regoli dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva li temenda.

L-Artikolu 3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva li temenda jikkonċerna d-data tad-dħul tad-Direttiva li temenda.

L-Artikolu 4

L-Artikolu 4 tad-Direttiva li temenda jindika li d-Direttiva li temenda hi indirizzata lill-Istati Membri.

2008/0157 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[22],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[23],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi:

(1) Skont id-Direttiva 2006/116/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati[24], it-terminu ta' protezzjoni għal artisti u produtturi ta' fonogrammi huwa ta’ 50 sena.

(2) Fil-każ tal-artisti dan il-perjodu jibda bil-prestazzjoni jew, meta l-iffissar tal-prestazzjoni tagħhom jiġi ppubblikat jew ikkomunikat lill-pubbliku fi żmien 50 sena wara li ssir il-prestazzjoni, 50 sena mill-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, skont liema tkun l-ewwel.

(3) Għal produtturi ta’ fonogrammi l-perjodu jibda bl-iffissar tal-fonogramma jew mill-pubblikazzjoni tagħha fi żmien 50 sena wara li tiġi ffissata, jew, jekk ma tkunx ippubblikata, mill-komunikazzjoni tagħha lill-pubbliku fi żmien 50 sena wara li tiġi ffissata.

(4) L-importanza soċjalment rikonoxxuta tal-kontribuzzjoni kreattiva tal-artisti jeħtieġ li tkun riflessa f'livell ta' protezzjoni li tagħraf il-kontribuzzjonijiet kreattivi u artistiċi tagħhom.

(5) L-artisti ġeneralment jibew il-karrieri tagħhom ta’ età żgħira u t-terminu attwali ta’ protezzjoni ta’ 50 sena fir-rigward tal-prestazzjonijiet iffissati fuq fonogrammi u għal fonogrammi ħafna drabi ma jipproteġix il-prestazzjonijiet tagħhom matul ħajjithom kollha. Għaldaqstant, l-artisti jħabbtu wiċċhom ma’ differenza fl-introjtu fl-aħħar snin ta’ ħajjithom. Ħafna drabi dawn lanqas ikunu jistgħu jiddependu fuq id-drittijiet tagħhom li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-użu oġġezzjonabbli tal-prestazzjonijiet tagħhom li jseħħ matul ħajjithom.

(6) Id-dħul li ġej mid-drittijiet esklużivi tagħhom ta’ riproduzzjoni u disponibbiltà, kif stipulat fid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni[25], kif ukoll il-kumpens ġust għal riproduzzjonijiet għal użu privat skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva, u mid-drittijiet esklużivi ta’ distribuzzjoni u kiri skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar id-dritt ta’ kiri u d-dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-kamp tal-proprjetà intellettwali[26], għandu jkun disponibbli għall-artisti għall-inqas matul ħajjithom.

(7) It-terminu ta’ protezzjoni għall-iffissar ta’ prestazzjonijiet u għall-fonogrammi għandu għalhekk jiġi estiż għal 95 sena wara l-pubblikazzjoni tal-fonogramma u l-prestazzjoni ffissata fiha. Jekk il-fonogramma jew il-prestazzjoni ffissata fuq il-fonogramma ma tkunx ġiet ippubblikata fi żmien l-ewwel 50 sena, allura t-terminu ta' protezzjoni għandu jdum 95 sena mill-ewwel komunikazzjoni lill-pubbliku.

(8) Kif jibdew relazzjoni kuntrattwali ma’ produttur ta’ fonogrammi, l-artisti normalment ikollhom jittrasferixxu lill-produtturi ta’ fonogrammi d-drittijiet esklużivi tagħhom ta' riproduzzjoni, distribuzzjoni, kiri u disponibbiltà tal-iffissar tal-prestazzjonijiet tagħhom. Bħala bdil ma’ dan, l-artisti jitħallsu ħlas bil-quddiem fuq id-drittijiet u jibbenefikaw biss mill-ħlasijiet ladarba l-produttur ta' fonogrammi jkun irkupra l-ħlas inizjali bil-quddiem u jkun wettaq kull tnaqqis previst mill-kuntratt. L-artisti li jdoqqu fl-isfond u li ma jidhrux fil-krediti (“artisti mhux magħrufa”) normalment jittrasferixxu d-drittijiet esklużivi tagħhom kontra ħlas ta’ darba (rimunerazzjoni mhux rikorrenti).

(9) Għall-fini ta’ ċertezza legali għandu jkun previst li fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ċari għall-kuntrarju, it-trasferiment kuntrattwali jew it-trasferiment tad-drittijiet fl-iffissar tal-prestazzjoni, konkluż qabel id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jimplimentaw id-direttiva, għandu jkompli jipproduċi l-effetti tiegħu għat-terminu estiż.

(10) Biex jiġi żgurat li l-artisti li trasferew id-drittijiet esklużivi tagħhom lil produtturi ta’ fonogrammi qabel l-estensjoni tat-terminu ta’ protezzjoni tassew jibbenefikaw minn din l-estensjoni, għandha tiġi introdotta sensiela ta' miżuri tranżitorji ta’ akkumpanjament. Dawn il-miżuri għandhom japplikaw għal kuntratti bejn artisti u produtturi ta’ fonogrammi li jkomplu jipproduċu l-effetti tagħhom għat-terminu estiż.

(11) L-ewwel miżura tranżitorja ta’ akkumpanjament għandha tkun li l-produtturi ta’ fonogrammi jkollhom l-obbligu li jwarrbu, għall-inqas darba fis-sena, mill-inqas 20 fil-mija tad-dħul mid-drittijiet esklużivi ta' distribuzzjoni, riproduzzjoni u disponibbiltà ta' fonogrammi li, fin-nuqqas tal-estensjoni tat-terminu ta' protezzjoni bħala riżultat ta' pubblikazzjoni legali jew komunikazzjoni legali, ikun fid-dominju pubbliku.

(12) L-ewwel miżura tranżitorja ta’ akkumpanjament ma għandhiex timplika piż amministrattiv mhux proporzjonat fuq produtturi ta’ fonogrammi żgħar u ta’ daqs medju. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jeżentaw ċerti produtturi ta’ fonogrammi li jitqiesu żgħar u medji minħabba d-dħul annwali miksub bl-isfruttamenti kummerċjali ta’ fonogrammi.

(13) Dawn il-fondi għandhom jitwarrbu biss għall-benefiċċju ta’ artisti li l-prestazzjonijiet tagħhom jinsabu ffissati fuq fonogramma u li trasferew id-drittijiet tagħhom lill-produttur ta’ fonogramma kontra ħlas ta’ darba. Il-fondi mwarrba b’dan il-mod għandhom jitqassmu lil artisti mhux magħrufa mill-inqas darba fis-sena fuq bażi individwali. L-Istati Membri jistgħu jeżiġu li d-distribuzzjoni ta’ dawn il-fondi tiġi fdata lil soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva li jirrappreżentaw lill-artisti. Meta d-distribuzzjoni ta' dawn il-fondi tiġi fdata lis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva, ir-regoli nazzjonali dwar dħul li ma jistax jiġi distribwit jistgħu jiġu applikati.

(14) Madankollu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115 dwar id-dritt ta’ kiri u d-dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-kamp tal-proprjetà intellettwali diġà jagħti lill-artisti d-dritt irrevokabbli għal rimunerazzjoni ġusta għall-kiri, inter alia , ta’ fonogrammi. Bl-istess mod, fil-prassi kuntrattwali l-artisti normalment ma jittrasferux lil produtturi ta’ fonogrammi d-drittijiet tagħhom li jitolbu rimunerazzjoni ġusta u unika għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE u għal kumpens ġust għal riproduzzjonijiet għal użu privat skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE. Għaldaqstant, fil-kalkolu tal-ammont globali li għandu jiġi ddedikat minn produttur ta’ fonogrammi għal ħlasijiet tar-rimunerazzjoni supplimentari, ma għandux jitqies id-dħul li l-produttur ta' fonogrammi jkun kiseb mill-kiri ta' fonogrammi u minn rimunerazzjoni ġusta u unika għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku u minn kumpens ġust għal kopja privata.

(15) It-tieni miżura tranżitorja ta’ akkumpanjament għandha tkun li d-drittijiet fl-iffissar tal-prestazzjoni għandhom jerġgħu lura għand l-artist jekk il-produttur ta’ fonogrammi jżomm lura milli joffri għall-bejgħ, fi kwantità suffiċjenti, kopji ta' fonogramma li, fin-nuqqas ta’ estensjoni tat-terminu, tkun fid-dominju pubbliku jew milli jagħmel din il-fonogramma disponibbli għall-pubbliku. Għaldaqstant, id-drittijiet tal-produttur ta’ fonogrammi fil-fonogramma għandhom jiskadu, biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn dawn id-drittijiet ikunu jeżistu flimkien ma' dawk tal-artist fl-iffissar tal-prestazzjoni filwaqt li d-drittijiet tal-aħħar ma jibqgħux jiġu trasferiti jew assenjati lill-produtturi ta’ fonogrammi.

(16) Din il-miżura ta’ akkumpanjament għandha tiżgura wkoll li fonogramma ma tibqax protetta ladarba ma ssirx disponibbli għall-pubbliku wara ċertu perjodu ta’ żmien wara l-estensjoni tat-terminu, għax id-detenturi tad-drittijiet ma jisfruttawhiex jew għax il-produttur ta’ fonogrammi jew l-artisti ma jistgħux jinstabu jew jiġu identifikati. Jekk, mar-riverżjoni, l-artist kellu perjodu raġjonevoli ta’ żmien biex jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-fonogramma li, fin-nuqqas tal-estensjoni tat-terminu, ma tibqax protetta, il-fonogramma ma ssirx disponibbli għall-pubbliku, id-drittijiet fil-fonogramma u fl-iffissar tal-prestazzjoni għandhom jiskadu.

(17) Billi l-għanijiet tal-miżuri proposti ta’ akkumpanjament ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, billi l-miżuri nazzjonali f’dan il-kamp jew iwasslu għal tgħawwiġ tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jew jaffettwaw l-ambitu tad-drittijiet esklużivi tal-produttur ta’ fonogrammi li huma definiti mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità u li għalhekk, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

(18) F’ċerti Stati Membri, jiġi applikat terminu uniku ta’ protezzjoni għal kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem, ikkalkolat mill-mewt tal-aħħar awtur li jkun baqa’ ħaj, filwaqt li fi Stati Membri oħra, termini separati ta’ protezzjoni japplikaw għall-mużika u l-lirika. Il-kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem ta’ spiss jinkitbu minn diversi awturi. Pereżempju, fir-rigward tal-opra, ħafna drabi hemm awturi differenti għall-mużika u għal-lirika. Barra minn hekk, fil-ġeneri mużikali bħall-mużika ġazz, rokk u pop, il-proċess kreattiv ħafna darbi huwa kollaborattiv fin-natura tiegħu.

(19) Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni tat-terminu ta’ protezzjoni f’kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem mhijiex kompluta, filwaqt li twassal għal impedimenti għall-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi, bħal servizzi ta’ ġestjoni kollettiva transkonfinali.

(20) Id-Direttiva 2006/116/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/116/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

- (1) It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) għandha tiġi mibdula b’dan li ġej:

“Madankollu,

- jekk l-iffissar ta’ prestazzjoni b’mod ieħor milli fuq fonogramma jkun ippubblikat legalment jew ikkomunikat legalment lill-pubbliku f'dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data tal-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel,

- jekk l-iffissar ta’ prestazzjoni fuq fonogramma jkun ippubblikat legalment jew ikkomunikat legalment lill-pubbliku f'dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 95 sena mid-data tal-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel.”

- (2) Fit-tieni u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 3(2) iċ-ċifra “50” qed tinbidel miċ-ċifra "95"

- (3) Fl-Artikolu 10 għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

"5. L-Artikolu 3 (1) u (2) fil-verżjoni tagħhom kif emendata mid-Direttiva [ // niżżel: in-numru tad-direttiva li temenda ] għandu jibqa’ japplika biss għall-iffissar tal-prestazzjonijiet u l-fonogrammi li fir-rigward tagħhom l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi għadhom protetti, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fil- [ niżżel id-data li qabilha l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-direttiva li temenda, kif imsemmi fl-Artikolu 2 hawn taħt ].”

- (4) Jiddaħħal l-Artikolu 10 a li ġej:

" Artikolu 10a

Il-miżuri tranżitorji marbuta mat-traspożizzjoni tad-direttiva [ // niżżel: in-numru tad-direttiva li temenda ]

1. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ċari għall-kuntrarju, il-kuntratt, konkluż qabel [ niżżel id-data li qabilha l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-direttiva li temenda, kif imsemmi fl-Artikolu 2 hawn taħt ], li bih l-artist ikun trasferixxa jew assenja d-drittijiet tiegħu fl-iffissar tal-prestazzjoni tiegħu lil produttur ta' fonogrammi (minn hawn 'il quddiem: il-“kuntratt ta’ trasferiment jew assenjazzjoni”), għandu jitqies li jibqa’ jipproduċi l-effetti tiegħu lilhinn mill-waqt li fih, permezz tal-Artikolu 3 (1) u (2) fil-verżjoni tagħhom qabel l-emenda mid-Direttiva [// niżżel: in-numru ta’ din id-direttiva li temenda], l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi ma jibqgħux ikunu protetti fir-rigward, rispettivament, tal-iffissar tal-prestazzjoni u l-fonogramma.

2. Il-paragrafi 3 sa 6 ta’ dan l-artikolu għandhom japplikaw għal kuntratti ta’ trasferiment jew assenjazzjoni li jibqgħu jipproduċu l-effetti tagħhom lilhinn mill-waqt li fih, permezz tal-Artikolu 3 (1) u (2) fil-verżjoni tagħhom qabel l-emenda mid-Direttiva [// niżżel: in-numru ta’ din id-direttiva li temenda]/KE, l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi ma jibqgħux ikunu protetti fir-rigward, rispettivament, tal-iffissar tal-prestazzjoni u l-fonogramma.

3. Fejn kuntratt ta’ trasferiment jew assenjazzjoni jagħti lill-artist id-dritt li jitlob rimunerazzjoni mhux rikorrenti, l-artist għandu jkollu d-dritt li jikseb rimunerazzjoni supplimentari annwali mill-produttur ta’ fonogrammi għal kull sena sħiħa li fiha, permezz tal-Artikolu 3 (1) u (2) fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda mid-Direttiva [// niżżel: in-numru ta’ din id-direttiva li temenda ]/KE, l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi ma jibqgħux ikunu protetti fir-rigward, rispettivament, tal-iffissar tal-prestazzjoni u l-fonogramma.

4. L-ammont globali li għandu jiġi dedikat mill-produttur ta’ fonogrammi għal ħlasijiet tar-rimunerazzjoni supplimentari msemmija fil-paragrafu 3 għandu jikkorrispondi għal mill-inqas 20 fil-mija tad-dħul li hu jkun kiseb, matul is-sena ta' qabel dik li għaliha titħallas ir-rimunerazzjoni msemmija, mir-riproduzzjoni, mid-distribuzzjoni u mid-disponibbiltà ta' dawn il-fonogrammi li fir-rigward tagħhom, permezz tal-Artikolu 3 (1) u (2) fil-verżjoni tagħhom qabel l-emenda mid-Direttiva [// niżżel: in-numru ta’ din id-direttiva li temenda ]/KE, l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi ma jibqgħux ikunu protetti fil-31 ta’ Diċembru tas-sena msemmija.L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li produttur ta’ fonogrammi li d-dħul annwali tiegħu, matul is-sena ta’ qabel dik li għaliha tħallset ir-rimunerazzjoni msemmija, ma jaqbiżx il-livell minimu ta’ € 2 miljun, ma jkollux l-obbligu li jiddedika mill-inqas 20 fil-mija tad-dħul li hu kiseb, matul is-sena ta’ qabel dik li għaliha tħallset ir-rimunerazzjoni msemmija, mir-riproduzzjoni, distribuzzjoni u disponibbiltà ta’ dawn il-fonogrammi li fir-rigward tagħhom, permezz tal-Artikolu 3 (1) u (2) fil-verżjoni tagħhom qabel l-emenda mid-Direttiva [// niżżel: in-numru ta’ din id-direttiva li temenda]/KE, l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi ma jibqgħux protetti fil-31 ta’ Diċembru tas-sena kkonċernata.

5. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jekk tistax tiġi imposta amministrazzjoni mis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-dritt li tinkiseb rimunerazzjoni supplimentari annwali msemmija fil-paragrafu 3, u sa liema punt.

6. Jekk, wara l-mument li fih, permezz tal-Artikolu 3 (1) u (2) fil-verżjoni tagħhom qabel l-emenda mid-Direttiva [ // niżżel: in-numru ta’ din id-direttiva li temenda ]/KE, l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi ma jibqgħux ikunu protetti fir-rigward, rispettivament, tal-iffissar tal-prestazzjoni u l-fonogramma, il-produttur ta’ fonogrammi jieqaf milli joffri kopji tal-fonogramma għall-bejgħ fi kwantità suffiċjenti jew milli jagħmilha disponibbli għall-pubbliku, b’mezzi bil-fili jew bla fili, b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u fi żmien magħżul minnhom b'mod individwali, l-artist jista' jtemm il-kuntratt ta' trasferiment jew assenjazzjoni. Fejn fonogramma jkun fiha l-iffissar ta' prestazzjonijiet ta' pluralità ta’ artisti, dawn jistgħu jtemmu l-kuntratti tagħhom ta’ trasferiment jew assenjazzjoni b’mod konġunt biss. Jekk il-kuntratt ta’ trasferiment jew assenjazzjoni jintemm skont is-sentenzi 1 jew 2, id-drittijiet tal-produttur ta’ fonogrammi fil-fonogramma għandhom jiskadu.Jekk, sena wara d-data li fiha, permezz tal-Artikolu 3 (1) u (2) fil-verżjoni tagħhom qabel l-emenda mid-Direttiva [// niżżel: in-numru ta’ din id-direttiva li temenda ]/KE, l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi ma jibqgħux protetti fir-rigward, rispettivament, tal-iffissar tal-prestazzjoni u l-fonogramma, il-fonogramma ma ssirx disponibbli għall-pubbliku, b’mezzi bil-fili jew bla fili, b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u fi żmien magħżul minnhom b’mod individwali, id-drittijiet tal-produttur ta’ fonogrammi fil-fonogramma u d-drittijiet tal-artisti li għandhom x’jaqsmu mal-iffissar tal-prestazzjoni tagħhom għandhom jiskadu. "

- (5) Għandu jiżdied l-Artikolu 1(7) li ġej:

"It-terminu ta’ protezzjoni ta’ kompożizzjoni mużikali bil-kliem għandu jiskadi 70 sena wara l-mewt tal-aħħar mill-persuni li ġejjin li tkun baqgħet ħajja, sew jekk dawn il-persuni huma nominati bħala ko-awturi sew jekk le: l-awtur tal-lirika u l-kompożitur tal-mużika"

Artikolu 2Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn […].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] Il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, Franza, il-Greċja, l-Italja (għall-opri), il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall, Spanja, is-Slovakkja.

[2] L-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja (għajr l-opri), il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

[3] L-istudju AEPO – “Performers' Rights in European Legislation: Situation and Elements for Improvement.”, Lulju 2007, p. 89

[4] Għal stħarriġ ta’ “teoriji tas-superstars” mil-lat ekonomiku, ara R. Towse, “Creativity, Incentive and Reward” (2000), pp. 99-108.

[5] FIM – Seduta tal-Parlament Ewropew 31.1.2006 u laqgħa fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Marzu 2006. Pereżempju, Luciano Pavarotti u Sting fil-bidu kienu għalliema u Elton John kien jaħdem fid-dipartiment tal-ippakkjar ta’ kumpanija tal-irrekordjar.

[6] F’diversi każijiet il-qrati intervjenew biex iwarrbu ftehimiet eċċessivament ħorox, filwaqt li nnotaw b’mod partikolari “l-inugwaljanza kbira fis-setgħa u fl-abbiltà ta’ negozjar, fil-fehim u fir-rappreżentazzjoni bejn l-artisti u l-professjonisti tal-industriji tad-divertiment”, Silvertone Records Limited v. Mountfield and Others , [1993] EMLR 152.

[7] Adattat minn kontribuzzjoni ta’ Naxos għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni - Mejju 2006.

[8] L-Istudju CIPIL, p. 36.

[9] Dan wassal lill-qrati biex jikkonkludu li artisti bħall-grupp tal-mużika rokk "Stone Roses" jew Elton John ma kinux konxji biżżejjed tat-tnaqqis xi kultant eċċessiv applikat mill-bażi għall-kalkolu tad-drittijiet, ara Silvertone Records Limited v. Mountfield and Others , [1993] EMLR 152.

[10] Kumment mill-IFPI.

[11] “Back to the Digital Future: The Role of Copyrights in Sustaining Creativity and Diversity in the Music Industry”, paġna 3, April 2006, il-Professur Joseph Lampel, Cass Business School, Londra.

[12] Ċifri minn PricewaterhouseCoopers, Financial Times, 6 ta’ Lulju 2006.

[13] Artikolu mit- Times , 14 ta’ Frar 2007.

[14] Intervista mal-IFPI – u John Kennedy – fid-29/3/2006 fl-Unità tad-Drittijiet tal-Awtur tad-DĠ MARKT.

[15] International Herald Tribune, The Associated Press, 14 ta’ Jannar 2008

[16] Ir-rispons tal-EMI għall-Gowers Review, 2006. Il-ħaddiema tal-EMI naqsu b’terz għal 6 000 persuna.

[17] In-nefqa għar-reklamar mill-industrija tal-mużika naqset b’25 % fl-2002 u b’7 % fl-2003. L-akbar erba’ kumpaniji tad-diski jinsabu fost l-aktar 100 li jonfqu fuq ir-reklamar u tnejn minnhom jinsabu fost l-aqwa 20. ("Evolution of the recorded music industry value chain", rapport anonimu) p. 13.

[18] Ċifri pprovduti mill-Konfederazzjoni Internazzjonali tal-Pubblikaturi tal-Mużika (ICMP).

[19] GESAC, Settembru 2006.

[20] Johann Strauss miet fl-1899, filwaqt li wieħed mill-awturi tal-librett, Leo Stein, miet fl-1921. Il-mużika kienet fid-dominju pubbliku fil-Ġermanja fl-1929, filwaqt li t-test kien protett sa l-1991. Fil-Belġju, l-operetta kollha kienet protetta sa l-1981, u fl-Italja sa tmiem l-1977.

[21] Billi l-fond se jiġi mid-dħul tal-kumpaniji tad-diski, id-dħul ta’ artisti magħrufa ma jiġix affettwat b’mod negattiv. L-impatt ġenerali għall-artisti għalhekk għandu jkun pożittiv.

[22] ĠU C , , p. .

[23] ĠU C , , p. .

[24] ĠU L 372, 27.12.2006, p. 12.

[25] ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

[26] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28.

Top