EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0635

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja

/* KUMM/2008/0635 finali */

52008DC0635

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja /* KUMM/2008/0635 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.10.2008

KUMM(2008) 635 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja

1. INTRODUZZJONI

L-għażliet li l-irġiel u n-nisa jagħmlu sabiex jikkumbinaw l-aspetti professjonali, privati u tal-familja fil-ħajja tagħhom huma primarjament personali. Madankollu, il-mod li bih l-individwi jibbilanċjaw dawn il-bżonnijiet li qed jikkompetu għal ħin tagħhom għandu konsegwenzi fuq il-politika pubblika, pereżempju billi jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u r-rati tal-fertilità. Fl-istess ħin, il-politika pubblika tinfluwenza dawn id-deċiżjonijiet, pereżempju billi twaqqaf drittijiet legali għal btajjel relatati mal-familja u l-provvista pubblika ta' ħarsien għat-tfal u dipendenti oħra jew billi taffettwa fatturi oħra, bħall-ħinijijet tal-ftuħ tal-ħwienet u t-tul tal-ġurnata tal-iskola. Għalkemm kien hemm it-tendenza li l-appoġġ għar-rikonċiljazzjoni tal-għażliet jiffoka fuq dawk li huma - jew jixtiequ jkunu - impjegati minn ħaddieħor, dawn il-kwistjonijiet huma rilevanti b'mod ugwali għal dawk li jaħdmu għal rashom.

L-istrateġiji għall-appoġġ tal-għażliet ta' rikonċiljazzjoni msemmija hawn fuq huma bbażati fuq firxa ta' komponenti u jirrikjedu l-obbligi ta' diversi persuni interessati. Il-faċilitajiet tal-ħarsien tat-tfal, id-dritt għal-leave u l-arranġamenti flessibli tal-ħinijiet tax-xogħol huma komponenti bażiċi mit-taħlita tal-politika, filwaqt illi l-poteri huma mifruxa fuq livelli Ewropej, nazzjonali u lokali u bejn sħab soċjali fuq livelli Ewropej, nazzjonali u settorali.

Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam huwa relattivament limitat, iżda s-suċċess tal-politika ta' rikonċiljazzjoni taffettwa it-twettiq ta' għanijiet maġġuri tal-UE, b'mod partikolari il-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar. Din il-Komunikazzjoni għaldaqstant tirrevedi is-sitwazzjoni eżistenti u tistipula il-passi li qegħdin jittieħdu biex jiġi żviluppat il-qafas leġiżlattiv, inklużi l-proposti li jakkumpanjaw din il-Komunikazzjoni.

2. POLITIKA TA' RIKONċILJAZZJONI LI TAPPOġġA L-GħANIJIET PRINċIPALI TAL-POLITIKA

Fuq livell tal-Unjoni Ewropea, ir-rikonċiljazzjoni b'suċċess tal-ħajja tax-xogħol u dik privata hija relevanti b'mod partikolari għal numru ta' għanijiet prinċipali tal-politika.

L- Istrateġija ta' Liżbona , stipulata fl-2000 inkludiet ir-rikonċiljazzjoni. It-tnedija mill-ġdid fl-2005[1] poġġiet enfasi akbar fuq it-tkabbir u l-impjiegi u rrikonoxxiet li l-potenzjal enormi tan-nisa fis-suq tax-xogħol għandu jkun sfruttat jekk l-istrateġija għandha tirnexxi. Il-Kunsill Ewropew tal-2005 enfasizza l-kontribuzzjoni li l-miżuri għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja jista' jkollhom biex jiġbdu aktar nies lejn is-suq tax-xogħol. Permezz tat-twaqqif ta' mira tar-rata tal-impjiegi għan-nisa (60%) li hija anqas mir-rata ġenerali (70%), mandankollu, il-Kunsill ammetta l-iżbilanċ bejn is-sessi prevalenti fir-rata tal-impjiegi.

Il-Linjigwida Integrati biex jappoġġjaw l-Istrateġija ta' Liżbona qegħdin jindirizzaw dan l-iżbilanċ bejn is-sessi, permezz ukoll ta' politika ta' rikonċiljazzjoni imma, fi kliem ir-Rapport Konġunt tal-Impjiegi 2007/2008[2], " il-progress fi-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi kien ambigwu " u " ħafna Stati Membri għadhom 'il bogħod milli jilħqu l-miri ta' servizzi tal-ħarsien tat-tfal u ħafna l-anqas biss jirreferu għalihom fl-istrateġiji nazzjonali. " Madankollu, l-impjiegi tan-nisa kienet il-forza prinċipali li mexxiet 'il quddiem it-tkabbir stabbli fl-impjiegi fl-UE f'dawn l-aħħar snin. Bejn l-2000 u l-2007, in-numru ta' nies impjegati fl-UE-27 kiber b'14.6 miljun, li 9.2 miljun minnhom kienu nisa. Ir-rata tal-impjiegi tan-nisa (li l-età tagħhom hija bejn il-15 u l-64) kibret kull sena, u laħqet it-58.3 % fl-2007, 4.6 punti perċentwali fuq il-livell tal-2000 u pożizzjonata sew għall-kisba tal-mira ta' 60 % sal-2010.

Din hija kisba impressjonanti, iżda l-impatt tagħha fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi kien anqas evidenti. It-Trattat[3] jirrikjedi li l-UE timmira illi telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. Madankollu l-indikaturi tal-pagi, tas-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u tal-preżenza tan-nisa fil-postijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet ma juru l-ebda progress sinifikattiv fl-aħħar snin. B'mod partikolari, il-lakuna fil-paga[4] baqgħet stabbli għal 15 % mill-2003, u naqset biss b'punt mis-sena 2000. Kif indikat mill-Kummissjoni fir-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[5], 'jidher li l-isforzi sostanzjali mwettqa fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir u l-Impjiegi sabiex iwasslu għal tkabbir fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità tal-impjiegi għan-nisa kient aktar ta' suċċess f'termini ta' kwantità aktar milli ta' kwalità'.

Din is-sitwazzjoni mhix probabbli li tinbidel sakemm l-iżbilanċ kurrenti bejn is-sessi għat-teħid tal-għażliet ta' rikonċiljazzjoni jippersisti (pereżempju, f'termini ta' xogħol part-time jew it-teħid ta' leave li għandu x'jaqsam mal-familja) u sakemm jibqa jkun hemm lakuna sinifikanti bejn ir-rati tal-impjiegi ta' nisa bit-tfal u nisa bla tfal. Bejn l-2000 u l-2007, ir-rata tal-impjiegi ġenerali taż-żewġ gruppi żdiedet, iżda l-lakuna bejn it-tnejn baqgħet ta' 12-il punt perċentwali.

Ir-relevanza tal-politika ta' rikonċiljazzjoni għar- rinovazzjoni demografika hija issa rikonoxxuta espliċitament fuq livell Ewropew[6]. Bl-età medja tal-popolazzjoni dejjem tikber u bir-rata ta' twelid dejjem tonqos, din il-politika tista' tgħin nisa u rġiel li jieħdu ħsieb persuni dipendenti akbar fl-età u tagħmilha aktar faċli sabiex tiġi kkumbinata il-maternità/paternità max-xogħol. Hemm ukoll evidenza ċara li l-Istati Membri li għandhom politika effettiva sabiex jgħinu lin-nisa u lill-irġiel jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja għandhom rata akbar ta' fertilità u rata ogħla tal-impjiegi tan-nisa. Barra minn hekk, impjieg ta' kwalità għolja huwa rikonoxxut bħala l-aħjar ilqugħ kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar b'mod ġenerali. Il-provvista ta' servizzi għall-ħarsien tat-tfal u ta' persuni dipendenti oħra ta' kwalità u bi prezz raġonevoli huma għalhekk enfasizzati fil-kuntest ta' politika tal- inklużjoni attiva [7]. Kif enfasizzat fir-Rapport Konġunt dwar Protezzjoni Soċjali u Inklużjoni Soċjali tal-2008[8], l-istrateġiji sabiex ikabbru l-aċċess u l-involviment tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol li jinkludu servizzi ta' għajnuna u li jipprovdu għajnuna fid-dħul adegwata huma wkoll element vitali b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal.

Ir-Rappot jirrikonoxxi r-rwol prinċipali li l-miżuri ta' rikonċiljazzjoni, pereżempju dawk li jtejbu l-kwalità u d-disponibilità tal-ħarsien tat-tfal jista' jkollhom, iżda wkoll enfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati miżuri bħall-intensità tax-xogħol u l-kwalità tal-impjiegi.

Kif enfasizzat aktar 'il fuq, firxa wiesgħa ta' persuni interessati, inkluż fuq livell Ewropew, huma involuti fl-iżvilupp u fil-provvista ta' politika ta' rikonċiljazzjoni.

Il- Kummissjoni poġġiet it-titjib tar-rikonċiljazzjoni bħala waħda mis-sitt setturi t'azzjoni ta' prijorità fil-pjan t'azzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għall-perjodu 2006-2010[9] u l-miżuri f'dan is-settur huma marbuta mill-qrib mal-prijorità relatata dwar il-kisba ta' independenza ekonomika ugwali bejn nisa u rġiel.

Din il-prijorità kienet imtennija fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, miftiehem mill- Kunsill Ewropew ta' Marzu 2006, u mtenni fil-programm konġunt u fid-dikjarazzjonijiet tal-Presidenza Ġermaniża, Portugiża u Slovena fil-perjodu 2007-08[10]. F'Marzu 2008, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda illi id-disponibilità u l-akkwist bi prezz raġonevoli ta' servizzi tal-ħarsien tat-tfal ta' kwalità għandu jiżdied skont miri miftiehma u li l-isforzi għandhom ikomplu sabiex jgħinu r-rikonċiljazzjoni. U fil-programm konġunt[11] tagħhom għat-tmintax-il xahar sal-aħħar tal-2009 il-Presidenza Franċiża u l-Presidenzi futuri Ċeki u Svediżi ikkommettew ruħhom li jagħtu attenzjoni partikolari lilll-miżuri sabiex itejbu ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, tal-familja u privata kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel.

Il-Parlament Ewropew sejjaħ b'mod konsistenti għal titjib fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-leave tal-maternità u l-leave tal-ġenituri[12], u fil-proposti tiegħu ta' Mejju 2008 biex ikunu emendati l-Linjigwida l-ġodda tal-Impjiegi, sejjaħ għall–provvista ta' skemi ta' leave tal-ġenituri u skemi oħra[13]. Fil-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-futur demografiku tal-Ewropa[14], il-Parlament ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri ta' prattika tajba dwar it-tul tal-leave tal-maternità u enfasizza li huwa possibbli li r-rata tat-twelid tkun influwenzata b'mod favorevoli permezz ta' politika pubblika kkoordinata, bil-ħolqien ta' ambjent materjali u emozzjonali li huwa aktar favorevoli għall-familji u għat-tfal. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007[15] ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jisseparaw l-ispejjeż tal-kontribuzzjonijiet tal-leave tal-maternità u tal-ġenituri biex jiżguraw illi n-nisa ma jirrappreżentawx aktar sors ta' impjiegi ogħla mill-irġiel f'termini ta' flus u laqa' l-proċedura ta' konsultazzjoni dwar ir-rikonċiljanzzjoni mas-sħab soċjali. L-għajnuna għal bilanċ bejn xogħol u ħajja huwa wieħed mill-erba' prijoritajiet tal-Qafas ta' Azzjonijiet dwar Ugwaljanza bejn is-Sessi miftiehem mis- sħab soċjali Ewropej fl-2005. L-aħħar rapport annwali[16] dwar dan is-suġġett jindika illi dan huwa s-settur li qed jiġġenera l-akbar numru ta' inizjattivi mis-sħab soċjali nazzjonali. L-iżviluppi rreġistrati mis-sħab soċjali jnkludu l-introduzzjoni jew l-estensjoni tal-leave għall-ħarsien, arranġamenti flessibli tax-xogħol u miżuri sabiex tiżdied il-popolarità ta' dawn l-għażliet mal-irġiel.

Jista' għalhekk jiġi konkluż illi, filwaqt li l-bżonn għall-politika ta' rikonċiljazzjoni mhijiex miċħuda fuq livell Ewropew, l-inadegwatezza ta' din il-politika flimkien mal-lakuna bejn is-sessi fejn jidħol l-użu jfissru illi l-miżuri ta' rikonċiljazzjoni għadhom mhux qed jagħtu l-aħjar kontribuzzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali tal-politika tal-UE. It-titjib tal-bilanċ bejn xogħol u ħajja jirrappreżenta ukoll opportunità vera ta' rikonċiljazzjoni tal-għanijiet tas-sigurtà u l-flessibilità[17] kemm għall-impjegati u kif ukoll għal min iħaddem, għalkemm dawn il-prinċipji huma spiss ippreżentati bħala opposti.

3. INTEJBU L-GħAJNUNA GħAR-RIKONċILJAZZJONI

Fl-Istrateġija Annwali tal-Politika tagħha tal-2008, il-Kummissjoni ikkommettiet ruħha li tipproponi inizjattivi ġodda biex itejbu r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali. Il-miżuri stipulati hawn taħt huma skont il-valuri tal-opportunitajiet, aċċessibilità u solidarjetà li huma l-qafas tal-Aġenda Soċjali l-Ġdida[18].

Il-proposta leġislattiva tinkludi:

- it-tisħiħ tal-intitolament legali tal-ħaddiema għal leave relatat mal-familja;

- iċ-ċertezza ta' trattament ugwali ta' dawk li jaħdmu għal rashom u n-nisa/irġiel tagħhom li jassistuhom.

Il-provvista ta' servizzi tal-ħarsien tat-tfal bi prezz raġonevoli, aċċessibbli u ta' kwalità huwa vitali għall-għażliet ta' rikonċiljazzjoni tal-ġenituri. Bl-istess mod, il-proposti leġislattivi huma akkumpanjati minn rapport dwar il-progress li l-Istati Membri rreġistraw lejn l-ilħuq tal-miri tas-sevizzi tal-ħarsien tat-tfal li ġew miftiehma fil-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-2002.

3.1 Leave relatat mal-familja

Il-Kummissjoni nediet id-deliberazzjonijiet kurrent tagħha fl-2006 permezz ta' konsultazzjoni formali mal-isħab soċjali Ewropej skont il-proċedura tad-djalogu soċjali Ewropew. Inter alia , dan ippermetta lis-sħab soċjali Ewropej jinnegozjaw qbil li wara jkun jista' jingħata il-qawwa ta' liġi. L-ewwel direttiva miftiehma skont din il-proċedura kienet ibbażata fuq il-qafas ta' qbil tal-1995 dwar leave tal-ġenituri[19]. Id-dokumenti[20] ta' konsultazzjonai tal-Kummissjoni indirizzaw materji leġislattivi u oħrajn sabiex jgħinu ir-rikonċiljazzjoni u identifikaw numru ta' għażliet għal tipi ġodda ta' leave li jista' jindirizza il-bżonnijiet tal-ħaddiema aħjar billi jirrikonċilja il-ħajja professjonali, privata u tal-familja, pereżempju permezz ta' leave tal-paternità (perjodu qasir ta' żmien ta' leave għall-missirijiet fiż-żmien tat-twelid jew tal-adozzjoni ta' tifel/tifla), leave tal-adozzjoni (leave simili għal-leave tal-maternità fiż-żmien tal-adozzjoni ta' tifel/tifla) u leave għall-persuni dipendenti (biex tieħu ħsieb xi membru dipendenti tal-familja).

Il-Kummissjoni issuġġeriet ukoll modi sabiex jitjiebu r-regoli dwar il-protezzjoni tal-maternità (Direttiva 92/85/KEE) u l-ftehim ta' qafas dwar leave tal-ġenituri anness mad-Direttiva 96/34/KE. Il-proposti dwar il-leave tal-ġenituri jinkludu inċentivi għall-missirijiet sabiex jieħdu leave tal-paternità, protezzjoni tad-drittijiet tal-impjieg u l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni, it-tul u l-ħlas għal leave simili, flessibilità fl-użu tal-leave tal-paternità u l-età tal-wild.

Miżuri oħra enfasizzati mill-Kummissjoni jinkludu l-faċilitajiet tal-ħarsien tat-tfal u dipendenti oħra, metodi ġodda ta' xogħol (inkluż telework) u nkoraġġiment għal-irġiel sabiex jieħdu għażliet ta' rikonċiljazzjoni.

Rapport lis-Samit Soċjali Tripartitiku f'Marzu 2008 ħabbar illi s-sħab soċjali qablu fuq pakkett ta' miżuri konġunti biex jgħinu r-rikonċiljazzjoni. Wara f'Lulju 2008 huma kkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jibdew proċedura ta' negozjati stipulata fl-Artikolu 138 tat-Trattat tal-KE biex "jinkisbu aħjar l-għanijiet tad-Direttiva tal-Leave tal-Ġenituri." Minħabba l-fatt li ma jistax jiġi eskluż illi n-negozjati jindirizzaw ukoll forom oħrajn ta' leave relatat mal-familja, bħall-leave tal-paternità, leave tal-adozzjoni u leave biex tieħu ħsieb membri oħra tal-familja, il-Kummissjoni m'għandhiex intenzjoni tagħmel proposti fuq leave tal-ġenituri jew leave ieħor relatat mal-familja f'dan l-istadju. L-isħab soċjali kkonfermaw, madankollu, illi m'għandhomx l-intenzjoni jindirizzaw il-leave tal-maternità fin-negozjati tagħhom.

3.1.1 Reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KEE dwar il-protezzjoni tal-maternità

Il-leave tal-maternità huwa differenti minn tipi oħra ta' leave relatati mal-familja għal raġuni ovvja, peress illi jista' biss jittieħed mill-omm. Il-Kummissjoni tikkunsidra illi huwa f'loku li tagħmel proposta[21] issa, sabiex meta s-sħab soċjali jiġu biex jirrevedu l-leave tal-paternità ikollhom indikazzjoni tal-leave minimu li l-omm hija ntitolata għalih u l-kundizzjonijiet li jirregolawh wara reviżjoni tad-Direttiva. Il-proposti huma:

- biex jiġi mtawwal il-leave tal-maternità minn 14 għal 18-il ġimgħa (skont ir-rakkommandazzjoni tal-ILO);

- biex tiżdied il-flessibilità għan-nisa kif jiddeċiedu meta jieħdu l-leave tal-maternità qabel jew wara l-ħlas;

- biex titjieb il-protezzjoni tal-impjegati għan-nisa waqt, jew wara ir-ritorn mill-leave tal-maternità.

Dawn il-miżuri huma mistennija jagħmluha aktar faċli għan-nisa sabiex jibqgħu fis-suq tax-xogħol wara l-ħlas, billi aktarx tkun aktar faċli għan-nisa biex jirritornaw fis-suq tax-xogħol wara leave tal-maternità itwal minflok jieħdu leave tal-ġenituri biex jieħdu ħsieb il-tifel/tifla li jkunu għadhom wisq żgħar kif jiġri fil-każ ta' leave tal-maternità iqsar. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li jirritornaw ix-xogħol hija faċilitata jekk id-drittijiet tal-impjieg tan-nisa jkunu rispettati. It-titjib tal-arranġamenti tal-leave u l-ħlas waqt il-leave, u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-impjieg ser jgħinu fir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja u jtejbu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xoghol tan-nisa bit-tfal.

3.1.2 Proposti oħra dwar leave relatat mal-familja

F'ittra bid-data tal-10 ta' Lulju 2008 is-sħab soċjali ħabbru illi jistennew illi n-negozjati jibdew f'Settembru. Fl-aħħar tal-perjodu stipulat mi-Trattat għal dawn in-negozjati (disa' xhur, li jistgħu jiġu estiżi permezz ta' qbil), il-Kummissjoni ser tieħu, jekk is-sħab soċjali jitolbu hekk, l-azzjoni neċessarja biex tagħti saħħa legali lill-qbil il-ġdid billi taddottah fil-forma ta' proposta għal direttiva. Jekk in-negozjati ma jirriżultawx fi ftehim ġdid, u kif mistenni fid-dokument ta' konsultazzjon tat-tieni fażi, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi proposti biex jikkumplimentaw il-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni.

Il-Kummissjoni kkonduċiet studju ta' stima tal-impatt[22] fuq l-għażliet leġiżlattivi kollha msemmija fid-dokument tal-konsultazzjoni tat-tieni fażi tal-2007 mibgħut lis-sħab soċjali. Għalkemm il-Kummissjoni qegħda preżentement tirrestrinġi l-ambitu tal-proposta tagħha għall-leave tal-maternità, l-istima tal-għażliet l-oħra tista' tgħin lis-sħab soċjali fin-negozjati tagħhom.

3.2 Trattament ugwali għal dawk li jaħdmu għal rashom u l-irġiel/nisa tagħhom li jassistuhom

Il-bilanċ tal-ħajja tal-familja u x-xogħol huwa sfida mhux biss għal nisa u rġiel impjegati minn nies oħra iżda wkoll għal dawk li jaħdmu għal rashom u l-irġiel/nisa tagħhom li jgħinuhom fil-professjonijiet jew negozji tagħhom. Id-Direttiva 86/613/KEE stabbilixxiet li l-prinċipju ta' trattament ugwali mhuwiex limitat għal ħaddiema impjegati. Irrikonoxxiet ukoll il-bżonn li tipprovdi miżuri ta' rikonċiljazzjoni, speċjalment dwar il-maternità.

Id-Direttiva kellha impatt limitat u bil-kliem vag tagħha kienet diffiċli sabiex tinfurzaha. Madankollu, il-bżonn ta' azzjoni f'dan is-settur, xprunat permezz tar-rikonoxximent dejjem akbar tal-bżonn li tiġi indirizzata il-lakuna bejn is-sessi fl-intraprenditorija, huwa akbar minn qatt qabel. Raġuni waħda għal din il-lakuna tista' tkun in-nuqqas - jew l-assenza totali ta' protezzjoni soċjali disponibbli għal nisa li jaħdmu għal rashom, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni tal-maternità[23]. Madwar 11 % ta' dawk li jaħdmu għal rashom huma dipendenti fuq l-irġiel/nisa tagħhom li jgħinuhom sabiex jamministraw in-negozju tal-familja. Terz mill-irġiel/nisa li jgħinu jaħdmu aktar minn 25 siegħa fil-ġimgħa madankollu m'għandhom l-ebda protezzjoni fil-każ ta' divorzju minn jew mewt tas-sieħeb/sieħba tagħhom li huwa/hija mpjegata għal rasu/rasha.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi r-revoka tad-Direttiva 86/613/KE u li tipproponi Direttiva ġdida sabiex jintlaħqu b'mod aktar effettiv il-miri definiti mid-Direttiva oriġinali. Il-proposti[24] ewlenin huma:

- in-nisa li jaħdmu għal rashom u l-irġiel/nisa tagħhom jew sħab li jassistuhom għandhom ikunu intitolati, fuq talba tagħhom, għall-istess dritt ta' leave tal-maternità tal-impjegati kif stipulat skont il-liġi tal-Komunità fid-Direttiva 92/85/KEE;

- fuq talba tagħhom, l-irġiel/nisa jew sħab li jassistu meta rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali għandu jkollhom iċ-ċans li jkunu koperti taħt l-istess skema tas-sigurtà soċjali bħall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, bl-istess kundizzjonijiet applikabbli għal dawk li jaħdmu għal rashom.

Dan it-tibdil huwa mistenni inaqqas id-diżinċentiva għan-nisa sabiex jaħdmu għal rashom u l-vulnerabbiltà tal-irġiel/nisa li jassistuhom.

3.3 Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miri tas-servizzi tal-ħarsien tat-tfal mill-Istati Membri

Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-2002 stieden lill-Istati Membri sabiex kemm jista jkun malajr ineħħu diżinċentivi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jimmiraw illi jipprovdu servizzi tal-ħarsien tat-tfal sal-2010 għal tal-anqas 90 % tat-tfal tal-età ta' bejn tliet snin u l-età tal-iskola u tal-anqas ta 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin. Dawn il-miri saru parti integrali mill-Istrateġija Ewropea tal-Impjiegi u mill-Aġenda ta' Liżbona.

F'rapport li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tindika illi:

- ħafna mill-Istati Membri ma humiex pożizzjonati tajjeb sabiex jilħqu l-miri, b'mod speċjali għal tfal taħt it-tliet snin;

- fejn il-faċilitajiet jeżistu, ħafna drabi dawn jiswew il-flus u l-ħinijiiet tal-ftuħ mhumiex kompatibbli ma' xogħol full-time jew impjiegi b'ħinijiet tax-xogħol atipiċi;

- Il-kwalità tal-faċilitajiet (il-kwalifikazzjoni tal-personal u n-numru ta' tfal għal kull membru tal-personal, pereżempju) jistgħu jżommu lura lill-ġenituri milli jużawhom.

F'ittra riċenti lill-Kummissjoni is-sħab soċjali esprimew it-tħassib tagħhom li l-miri ta' Barċellona mhux se jkunu milħuqa, u filwaqt li jirrikonoxxu li r-responsabbiltà primarja qegħda fuq l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri, issuġġerew li s-sħab soċjali jista' jkollhom rwol ta' appoġġ.

Fir-risposta għar-rapport msemmi hawn fuq dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-miri tal-ħarsien tat-tfal, il-Kummissjoni ser:

- timmonitorja s-segwiment tal-politika tal-Istati Membri f'dan il-qasam skont l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi, tappoġġjaha bi statistiċi aġġornati ta' paragun u, jekk ikun hemm bżonn, tipproponi Rakkommandazzjonijiet lil dawk il-pajjiżi fejn l-implimentazzjoni hija batuta;

- tanalizza l-iżvilupp tal-faċilitajiet tal-ħarsien tat-tfal u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom għall-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari fir-rapport annwali għal kull Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa dwar l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa;

- tippromwovi it-tpartit ta' prattika tajba f'dan il-qasam u tistimula r-riċerka dwar impjiegi fis-settur tal-ħarsien tat-tfal;

- tippromwovi l-iżvilupp ta' servizzi tal-ħarsien tat-tfal ta' kwalità u bi prezz raġonevoli, inkluż billi tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal ta' Politika ta' Koeżjoni tal-UE, b'kollaborazzjoni ma dawk kollha interessati (l-Istati Membri u s-sħab soċjali).

3.4 Azzjonijiet ohra

Kif imsemmi f'Taqsima 2, numru ta' għanijijet tal-politika huma relatati b'mod dirett mal-politika ta' rikonċiljazzjoni. Pereżempju, fis-settur tat-tiġdid demografiku, it-twaqqif ta' grupp ta' esperti dwar kwistjonijiet demografiċi u tal-Allejanza Ewropea għall-Familji ser tistimula diskussjoni u tpartit dwar kwistjonijiet ta' rikonċiljazzjoni.

Madankollu, miżuri ta' rikonċiljazzjoni ser ikomplu jiffokaw primarjament fuq l-ugwaljanzi bejn is-sessi, billi rikonċiljazzjoni effettiva hija rekwiżit għall-indipendenza ekonomika ugwali, l-ewwel prijiorità tal-Pjan. Il-Kummissjoni qegħda bħalissa tipprepara r-rapport ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan. Iż-żewġ programmi ta' ħidma tal-Pjan għas-snin 2007 u 2008[25] diġà juruli l-Kummissjoni qed tagħmel progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fih iżda li hemm bżonn impenn akbar minn dawk kollha kkonċernati sabiex tiġi mdaħħla l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod aktar effettiv fil-politika soċjali u ekonomika.

Sabiex jitjieb it-tagħrif dwar il-politika ta' rikonċiljazzjoni u l-għodod analitiċi sabiex tiġi stmata din il-politika, il-Kummissjoni ser:

- tinkoraġġixxi t-tpartit u d-disseminazzjoni ta' prattika tajba bejn l-Istati Membri, bil-mira prinċipali fl-2008 tkun il-provvista ta' servizzi tal-ħarsien tat-tfal u miżuri sabiex jindirizzaw l-iżbilanċ bejn is-sessi fl-użu ta' leave relatat mal-familja;

- tippromwovi l-użu mill-Istati Membri u korpi oħra tal-manwali żviluppati mill-Kummissjoni fl-2007 u fl-2008 dwar il-bilanċ tas-sessi fl-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-politika ta' protezzjoni soċjali[26];

- tkompli l-iżvilupp, flimkien mal-Istati Membri, ta' bażi komuni madwar l-Ewropa kollha għall-kollezzjoni ta' statistiċi fil-ħin, ta' paragun u pertinenti dwar ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol, privata u tal-familja, speċjalment dwar il-ħarsien tat-tfal, arranġamenti għal ħinijiet tax-xogħol flessibbli u l-użu ta' leave relatat mal-familja.

Flaħħarnett, il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE (b'mod partikolari permezz tal-Fond Soċjali Ewropew) ser tkompli tiffinanzja bi sħab inizjattivi fuq livelli nazzjonali u lokali sabiex tippromwovi r-rikonċiljazzjoni, pereżempju permezz tal-provvista ta' appoġġ għal servizzi tal-ħarsien tat-tfal u dipendenti oħra, bit-taħriġ u kwalifiki għall-ħaddiema li jipprovdu l-ħarsien u għal dawk li jħaddmu u joffru lill-impjegati tagħhom brejk mil-karriera, servizzi tal-ħarsien tat-tfal u servizzi oħra ta' appoġġ għall-familji.

4. KONKLUżJONI

Il-Kummissjoni tikkunsidra illi appoġġ aħjar għall-miżuri ta' rikonċiljazzjoni ser jippermetti l-irġiel u n-nisa jeżerċitaw għażliet aħjar sabiex jibbilanċjaw il-lat tal-ħajja tagħhom tax-xogħol u dak privat u jikkontribwixxi ukoll għall-ilħuq tal-għanijiet prinċipali tal-politika tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari dwar tkabbir u impjiegi, l-inklużjoni soċjali tal-gruppi vulnerabbli u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

It-titjib u l-immodernizzar tal-qafas regolatorju Ewropew li għandu jintlaħaq bil-proposti li jakkompanjaw din il-Komunikazzjoni u n-negozjati mnedija mis-sħab soċjali ser jippermettu lin-nisa sabiex jiksbu indipendenza ekonomika akbar u jinkoraġġixxa lill-irġiel biex ikollhon rwol akbar fil-ħajja tal-familja. Azzjoni fuq livell Komunitarju li tistipula l-obbligazzjonijiet minimi sabiex tiġi mtejba ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, privata u tal-familja hija neċessarja u f'lokha sabiex tintlaħaq il-mira tal-Komunità tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għanijiet tal-istrateġija ta' Liżbona.

Ir-responsabbiltà primarja għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' miżuri ta' rikonċiljazzjoni hija tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għalhekk tħeġġiġhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu implimentati b'mod li jagħtu lin-nisa u rġiel għażliet reali. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi neċessarji sabiex jagħmlu tajjeb għad-dewmien sinifikanti sabiex jintlaħqu l-miri li waqqfu għalihom huma stess dwar il-provvista ta' servizzi tal-ħarsien tat-tfal.

[1] COM(2005) 24

[2] Paġna 9 tar-Rapport Konġunt tal-Impjiegi 2007/2008 adottat mill-Kunsill fid-29 ta' Frar 2008 u ppubblikat fit-3 ta' Marzu 2008. F'paġna 4, ir-rapport jikkritika l-fatt illi ' ir-rispons tas-swieq tax-xogħol Ewropej għall-isfidi tal-globalizzazzjoni u taż-żieda fiż-żmien tal-popolazzjoni jibqa' insuffiċjenti' .

[3] Artikoli 2 u 3(2).

[4] Il-'lakuna fil-pagi bejn is-sessi' tirrappreżenta d-differenza bejn il-pagi medji fis-siegħa għan-nisa u l-irġiel qabel it-taxxa madwar l-ekonomija kollha. Ara Nindirizzaw il-lakuna fil-pagi bejn irġiel u nisa - COM(2007) 424.

[5] COM (2008) 10

[6] Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn is-Sessi - COM(2007) 244.

[7] COM (2007) 620.

[8] http://ec.europa.eu/employment_social/spsi/publications_en.htm. Ara wkoll ir-rapport sħiħ tat-Taskforce dwar il-Faqar fost it-Tfal u l-Benessri tat-Tfal imwaqqfa mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (SPC): http://ec.europa.eu/employment_social/spsi/docs/social_inclusion/2008/child_poverty_en.pdf.

[9] COM(2006) 92.

[10] Fi-riżoluzzjoni tiegħu ta' Diċembru 2007 dwar rwoli bilanċjati tan-nisa u tal-irġiel fl-impjiegi, fit-tkabbir u l-inklużjoni soċjali, il-Kunsill irrikonoxxa li d-diffikultajiet fir–rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, tal-familja u dik privata għadhom hemm u iddelega lill-Kummissjoni, inter alia , biex tevalwa l-qafas legali Komunitarju dwar ir-rikonċiljazzjoni, speċjalment l-impatt fuq il-parteċipazzjoni tax-xogħol fis-suq.

[11] Id-Dokument tal-Kunsill 11249/08 POLGEN 76 tat-30 ta' Ġunju 2008.

[12] Pereżempju, ir-Riżoluzzjoni 2003/2129(INI), P5_TA(2004)0152), punt 26.

[13] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2008-0207+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN

[14] 2007/2156 (INI), punti 14 u 15, fuq is-sit: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2008-0066+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN.

[15] 2007/2065(INI) ) fuq is-sit: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=EN&reference=P6-TA-2007-0423, punti 13, 28 u 29.

[16] http://ec.europa.eu/employment_social/social_dialogue/docs_en.htm.

[17] Cf COM(2007) 359 finali Lejn Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibilità u s-sigurtà.

[18] COM(2008) 412.

[19] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-qafas ta' ftehim dwar leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u l-ETUC (ĠU L 145, 19.6.1996, p. 4).

[20] SEC(2006) 1245 u SEC(2008)571.

[21] COM(2008) 600.

[22] SEC(2008) 2526

[23] Dokument ta' Ħidma tal-Personal tal-Kummissjoni SEC(2008) 2101 - Stima tal-Impatt li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Naħsbu l-Ewwel fiż-Żgħir: Att Żgħir għan-Negozji għall-Ewropa - COM(2008) 394.

[24] COM(2008) 601.

[25] SEC 2007(537) u SEC(2008)338.

[26] http://ec.europa.eu/employment_social/gender_equality/gender_mainstreaming/tools_en.html.

Top