EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0593
Report from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Second Report on the implementation of Directive 98/84/EC of the European Parliament and of the Council of 20 November 1998 on the legal protection of services based on, or consisting of, conditional access {SEC(2008) 2506}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tieni Rapport fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali {SEG(2008)2506}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tieni Rapport fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali {SEG(2008)2506}
/* KUMM/2008/0593 finali */
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tieni Rapport fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali {SEG(2008)2506} /* KUMM/2008/0593 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 30.9.2008 KUMM(2008) 593 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni rapport fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali {SEG(2008)2506} WERREJ 1. Daħla 3 2. L-implimentazzjoni tad-Direttiva 3 2.1. It-traspożizzjoni 3 2.1.1. Il-kontenut 3 2.1.2. It-traspożizzjoni mill-Istati Membri 4 2.2. L-ambitu tad-Direttiva: is-suq ''griż'' 4 2.3. Id-differenzi fl-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali 5 2.3.1. Il-livell tas-sanzjonijiet fuq livell nazzjonali 5 2.3.2. Is-sanzjoni fuq il-pussess privat 6 2.3.3. L-effikaċja tal-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali 6 2.4. Id-dimensjoni internazzjonali 6 3. L-aġġustament tad-Direttiva fejn ikun hemm konverġenza 7 3.1. Il-metodi ġodda tad-distribuzzjoni 7 3.2. Forom ġodda ta' piraterija 7 3.3. Il-kontribuzzjoni għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur 8 3.3.1. L-estensjoni tal-protezzjoni lid-detenturi tad-drittijiet 9 3.3.2. Is-sistemi ta' ġestjoni numerika tad-drittijiet 10 3.4. Il-protezzjoni tar-remunerazzjoni, l-uniku kriterju ta' protezzjoni 10 4. Konklużjoni u azzjonijiet fil-futur 11 4.1. Valutazzjoni tad-Direttiva 98/84/KE 11 4.2. Azzjonijiet fil-futur sabiex titjieb l-applikazzjoni tagħha u taffaċċja l-konverġenza 12 4.2.1. It-twaqqif ta' grupp ta' esperti 12 4.2.2. Grupp ta' ħidma fuq is-suq griż 12 4.2.3. Ġbir ta' informazzjoni 13 4.2.4. Ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea fuq il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq l-aċċess kundizzjonali 13 1. DAħLA Fl-1998, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 98/84/KE[1] dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali sabiex jagħtu lok għall-iżvilupp fis-suq intern tas-servizzi tat-televiżjoni bil-ħlas. Fl-2003, il-Kummissjoni ressqet l-ewwel rapport fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva[2]. Għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni ressqet it-tieni rapport fuq l-implimentazzjoni tagħha. Id-deskrizzjoni tar-rivoluzzjoni li ġarrab dan is-suq tinsab fl-istudju fuq l-impatt tad-Direttiva, li sar fl-2007 minn KEA u Cerna f'isem il-Kummissjoni[3]. Illum, wieħed irid isaqsi kemm id-Direttiva, kif inhi bħalissa, għadha utli u adegwata. Il-kuntest ta' bħalissa huwa karatterizzat mill-potenzjal tas-swieq għal pjattaformi ġodda għad-distribuzzjoni tal-kontenut: Tteleviżjoni bl-internet, it-televiżjoni IP, it-televiżjoni mobbli, il-vidjo fuq talba. Hemm lok għall-protezzjoni ta’ dawn is-swieq bl-istess mod tat-televiżjoni bil-ħlas? Hija utli u saħansitra neċessarja għalihom il-protezzjoni tad-Direttiva? Bla dubju, dawn il-mistoqsijiet jitqajmu biss jekk ir-risposta dwar kemm id-Direttiva hija effettiva tkun pożittiva. Wieħed irid jammetti li l-piraterija, li qed titħabat kontriha d-Direttiva, tadatta ruħha tajjeb ħafna mal-progress teknoloġiku kif ukoll tħabrek għal possibbiltajiet ġodda disponibbli. Sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva sa llum, flimkien mal-istudju msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni sejħet konsulta pubblika bejn il-11 ta' Frar u l-4 ta' April 2008, u rċeviet 54 kontribuzzjoni[4]. Ma' dan ir-rapport hemm dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jindika l-pożizzjonijiet li jidhru f'dawn il-kontribuzzjonijiet. Is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu direttament mal-partijiet konċernati fis-settur f'diversi laqgħat. 2. L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2.1. It-traspożizzjoni 2.1.1. Il-kontenut Sabiex ikun possibbli l-iżvilupp tas-servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali permezz tas-suq intern, id-Direttiva tiddefinixxi s-servizzi protetti u tfassal lista ta' attivitajiet kummerċjali illeċiti li l-Istati Membri għandhom jippenalizzaw u li għandhom ir-responsabbiltà li jistabbilixxu l-penalitajiet għal min jikser il-liġi kif ukoll rimedji legali għall-partijiet li sofrew id-danni. 2.1.2. It-traspożizzjoni mill-Istati Membri Sa llum, l-Istati Membri kollha ttrasponew din id-Direttiva[5]. L-Istati Membri ġodda ġew mitluba jittrasponu d-Direttiva qabel is-sħubija tagħhom, bħala parti mill-acquis Komunitarju. 2.2. L-ambitu tad-Direttiva: is-suq ''griż'' Minkejja d-Direttiva u l-armonizzazzjoni Komunitarja assoċjata, iċ-ċittadini Ewropej li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment ħieles fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ġew imċaħħda mill-aċċess legali tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni tal-Istat tal-oriġini tagħhom. Żviluppa suq ''griż'' magħmul minn abbonamenti legali miksuba permezz ta' indirizzi ta’ konvenjenza. Dan is-suq mhuwiex ''iswed'' minħabba li l-abbonament huwa mħallas. Lanqas ma jissejjaħ ''abjad'' ladarba ċerti drittijiet tax-xandir miksuba mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni huma validi biss fit-territorju nazzjonali u mhux f'oħrajn ta' Stati Membri oħra. Madankollu, ċerti servizzi ta' televiżjoni bil-ħlas huma disponibbli f'livell transkonfinali, u b'hekk tissawwar viżjoni negattiva wisq rigward l-impatt tad-Direttiva fuq is-suq intern. Dawn l-eżempji jimxu mal-mudell tas-soltu tat-tħaddim tad-drittijiet tax-xandir u d-drittijiet esklussivi: l-istazzjonijiet tat-televiżjoni jixtru d-drittijiet għat-territorji nazzjonali konċernati kollha, li huma karatterizzati minn lingwa komuni u rarament jimmiraw għal djaspora lingwistika li qiegħda fl-Istati Membri kollha jew f'uħud minnhom. Barra din l-istruttura tradizzjonali, il-possibbiltà li jiġi legalizzat is-suq griż hija ta' tfixkil għall-biċċa l-kbira tal-partijiet konċernati fis-suq ladarba tisfida l-organizzazzjoni tal-bejgħ tad-drittijiet (id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet tax-xandir tal-avvenimenti sportivi) skont it-territorju nazzjonali. Bla dubju, id-detenturi tad-drittijiet jixtiequ jkattru kemm jistgħu d-dħul tagħhom billi jbigħu d-drittijiet għal kull territorju individwalment, u l-fornituri tas-servizzi awdjoviżivi jibżgħu li l-offerta tagħhom ma tibqax tappella jekk ma tibqax esklussiva bħal fil-każ ta' kompetituri li jippenetraw fit-territorju b'offerta komparattiva. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-uniku suq transkonfinali li l-Kummissjoni tixtiequ jiżviluppa huwa dak tas-servizzi li jħaddmu l-mobbiltà u l-aspettazzjonijiet leġittimi taċ-ċittadini Ewropej u, għalhekk, legalment disponibbli fil-lingwa omm tagħhom u fil-lingwa tal-pajjiż minn fejn ġejjin. L-iżvilupp ta' offerta bħal din titlob approċċ flessibbli fix-xiri tad-drittijiet, pereżempju, fir-rigward tal-għadd ta' konsumaturi identifikati fl-Istat konċernat, żvilupp possibbli biss bil-kollaborazzjoni attiva tal-partijiet konċernati kollha fis-settur u li bħalissa jidher li mhux faċli jinkiseb minħabba n-nuqqas ta' motivazzjoni. Dan jitlob ukoll eżaminazzjoni tas-sistemi regolamentarji nazzjonali differenti li jikkonċernaw it-twieqi tad-distribuzzjoni ta' xogħlijiet ċinematografiċi ladarba d-differenzi jistgħu jgħinu biex jibblukkaw id-distribuzzjoni multiterritorjali tax-xogħlijiet. Tista' tinstab soluzzjoni fil-wasla ta' tipi ġodda ta' servizzi bħalma huma t-televiżjoni bl-internet jew it-televiżjoni mobbli, li huma assoċjati mad-distribuzzjoni u ma' sistemi ta' aċċess kundizzjonali li huma relattivament inqas għalja minn dawk marbuta mal-użu tad-dekodifikaturi. Għal darb'oħra hemm bżonn li dawn is-servizzi ġodda ma jkunux ristretti fuq bażi ta' territorju fuq talba tad-detenturi tad-drittijiet: il-fatt li l-programmi ta' xi stazzjonijiet tat-televiżjoni ma jistgħux jintwerew fuq kompjuters li qegħdin fi Stat Membru ieħor diġà qajjem bosta lmenti milqugħa mill-Kummissjoni. Ta' min wieħed jinnota li iktar minn 8.7 miljun ċittadin Ewropew[6] illum jgħixu fi Stat Membru barra l-pajjiż tal-oriġini tagħhom u dan in-numru qiegħed kulma jmur jiżdied. Iċ-ċaqliq ħieles tal-persuni u tas-servizzi huwa fost il-prinċipji fundamentali tal-binja Ewropea u l-garanzija li kull ċittadin Ewropew ikollu aċċess għal offerta awdjoviżiva fil-lingwa u l-kultura nattiva tiegħu għandha tiffaċilita dan iċ-ċaqliq[7]. Abiex titkompla l-eżaminazzjoni tas-suġġett huwa importanti li jinkiseb ammont massimu ta' informazzjoni dwar suġġetti differenti bħalma hu l-potenzjal ta' tipi ġodda ta' servizzi f'dak li għandu x'jaqsam mal-offerti transkonfinali awdjoviżwali speċifiċi kif ukoll is-suq potenzjali ġġenerat mill-mobilità taċ-ċittadini Ewropej. 2.3. Id-differenzi fl-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali Id-Direttiva titlob li l-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet li huma ''effettivi, dissważivi u proporzjonati'' u tiżgura li l-fornituri tas-servizzi protetti jistgħu jirrikorru għal rikors legali xieraq. Għalkemm l-istudju ta' KEA u ta' Cerna eżamina fid-dettal il-leġiżlazzjoni ta' 11-il Stat Membru biss u r-rispons tal-konsultazzjoni ma jkoprix is-27 Stat Membru kollha, dawn iż-żewġ sorsi ta' informazzjoni jagħtu idea tad-tendenzi f'termini ta' traspożizzjoni nazzjonali. Waqt illi ċerti kontributuri huma sodisfatti bl-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali, hemm bosta oħrajn li jisħqu fuq il-limitazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. 2.3.1. Il-livell tas-sanzjonijiet fuq livell nazzjonali Fir-rigward tat-tliet kriterji li ssemmew, l-Istati Membri kienu ħielsa li jagħżlu t-tip u l-livell tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu implimentati. Il-medda tas-sanzjonijiet hija wiesgħa ħafna u għall-multi tvarja minn minimu ta' EUR 25 sa EUR 7 500 u massimu ta' EUR 1 158 sa EUR 50 000, waqt illi għas-sentenzi fil-ħabs, fejn dawn jeżistu, ivarjaw minn 8 ijiem sa ħames snin. Dawn id-differenzi ċari jispjegaw il-medda ta' viżjonijiet tal-operaturi fl-Istati Membri differenti dwar l-effettività tas-sanzjonijiet. Hemm bżonn li wieħed iqis id-differenzi fil-livell tal-għixien fi ħdan l-Unjoni Ewropea filwaqt li l-armonizzazzjoni Komunitarja tas-sanzjonijiet ma tidhirx li hi mixtieqa. Madankollu, jista' jkun hemm il-ħtieġa li jerġa' jiġi eżaminat l-effett dissważiv tas-sanzjonijiet f'kull Stat Membru. 2.3.2. Is-sanzjoni fuq il-pussess privat L-attivitajiet kummerċjali biss li jirrigwardaw oġġetti illeċiti huma suġġetti għall-armonizzazzjoni Komunitarja, u l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddeċiedu jekk għandhomx jagħtu sanzjonijiet jew le fuq il-pussess privat ta' tali oġġetti. Dan l-aspett sensittiv ħafna tal-ġlieda kontra l-piraterija jibqa' jqajjem dibattitu qawwi, u dan sa minn qabel l-adozzjoni tad-Direttiva. L-operaturi jiffavorixxu s-sanzjoni fuq il-pussess privat u jaraw fiha strument ta' tagħlim għall-konsumaturi li jista' jkollhom it-tentazzjoni li jużaw servizzi illeċiti. Barra minn hekk, tista' tgħin fis-sanzjoni ta' tipi ġodda ta' piraterija li tkun bbażata fuq taħlita ta' azzjonijiet differenti li fosthom xi wħud ikunu privati, bħalma huma l-iżvelar online tal-kodiċi tal-ikkriptar, kodiċi użati sussegwentement mill-konsumatur innifsu biex jipprogramma l-kard biċ-ċippa mixtrija mingħajr programmazzjoni u li l-bejgħ tagħha (tranżazzjoni kummerċjali) hija leċita a priori. Is-sanzjoni fuq il-pussess privat tidher li qiegħda mill-ġdid f'dawl tajjeb fl-Istati Membri. L-Italja reġgħet daħħlitha fl-2003 waqt illi l-Iżvezja bħalissa qiegħda tanalizza l-possibbiltà li tintroduċiha għax-xiri u l-użu tal-oġġetti illeċiti. Ikun interessanti li wieħed ikompli jirrifletti fuq dan is-suġġett bil-possibbiltà li jkun hemm skambju ta' esperjenzi bejn l-Istati Membri. 2.3.3. L-effikaċja tal-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali L-istudju u l-kontribuzzjonijiet isemmu problema ġenerali ta' nuqqas ta' għarfien tekniku min-naħa tal-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Isemmu wkoll id-diffikultà partikulari minħabba l-livell għoli tekniku tal-metodi ġodda tal-piraterija li jirrikjedu kompetenza eċċellenti fit-teknoloġiji l-ġodda. F'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' grupp ta' esperti li jgħaqqdu flimkien l-awtoritajiet konċernati fl-Istati Membri jkun mezz xieraq għat-tixrid tal-informazzjoni teknika fuq il-piraterija kif ukoll tal-aħjar prattika. 2.4. Id-dimensjoni internazzjonali It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea mmodifika l-ġeografija tal-piraterija li qabel kienet attiva f'ċerti pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant. Dawn il-pajjiżi issa huma membri tal-Unjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva tmexxi l-ġlieda kontra l-piraterija. Barra minn hekk, il-pajjiżi kandidati għas-sħubija (dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja), dawk li qed jinnegozjaw is-sħubija (il-Kroazja u t-Turkija), kif ukoll il-kandidati potenzjali (l-Albanija, il-Bożnja u l-Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo), kollha qegħdin jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis Komunitarju. Fl-aħħarnett, in-negozjati mal-Ukraina biex iwasslu għal ftehim ta' kummerċ ħieles jinsabu għaddejjin, u l-Ukraina għandha tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha fl-oqsma konċernati. Minbarra t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-Kumitat konġunt taż-ŻEE Nru 17/2001 tat-28 ta' Frar 2001 inkorporat id-Direttiva 98/84/KE fil-ftehim taż-ŻEE, sabiex tkun tapplika fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja. Lil hinn minn dan, ma tantx hemm lok għall-Kummissjoni biex tieħu azzjoni. Madankollu, il-Konvenzjoni Ewropea fuq il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi bbażati fuq jew li għandhom aċċess kundizzjonali[8] adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-24 ta' Jannar 2001, tistabbilixxi protezzjoni simili ta' dik li hemm fid-Direttiva u li għandha tiġi ratifikata mis-47 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll mill-Belarus u s-Santa Sede. Bħalissa, 11-il Stat iffirmawha[9] u 8 rratifikawha. Ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tinsab miftuħa għall-Komunità Ewropea. Din ir-ratifikazzjoni tista' tgħin biex tagħti spinta lir-ratifikazzjoni ta' pajjiżi oħra u b'hekk testendi l-protezzjoni tal-fornituri tas-servizzi lil hinn mit-territorju tal-Unjoni. 3. L-AġġUSTAMENT TAD-DIRETTIVA FEJN IKUN HEMM KONVERġENZA 3.1. Il-metodi ġodda tad-distribuzzjoni Il-pajsaġġ teknoloġiku ġdid jista' jissarraf f'kelma waħda: ''Konverġenza''. Dan huwa titlu mogħti lill-kapaċità ta' aċċess għall-kontenut permezz ta' għadd kbir ta' pjattaformi. Mindu tfasslet id-Direttiva, il-leġiżlatur Ewropew xtaq jelabora fuq xi dispożizzjonijiet teknoloġiċi newtrali li ma jħalluhiex tiskadi fid-dawl tal-innovazzjonijiet li kienu diġà hemm f'dak l-istadju. Din l-intenzjoni oriġinali tispjega għaliex id-definizzjoni ta' ''servizzi protetti'' tinkludi wkoll is-servizzi ta' xandir tat-televiżjoni u tar-radju kif ukoll dawk tas-soċjetà tal-informazzjoni. Barra minn hekk, din id-definizzjoni ma tikkunsidrax il-mod li bih jiġu distribwiti s-servizzi relevanti. B'hekk, kwalunkwe servizz ta' xandir tat-televiżjoni jew tar-radju, hu x'inhu l-mod li bih jiġi distribwit (ADSL, internet, mowbajl), huwa kopert bid-definizzjoni ta' ''servizzi protetti'' kif inhu kull servizz aċċessibbli minn distanza fuq talba tal-konsumatur u li b'hekk tissodisfa d-definizzjoni ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni[10], bħalma huwa l-vidjow fuq talba. L-uniku limitu għal din il-protezzjoni jinsab fil-kundizzjoni tal-użu ta' sistema b'aċċess kundizzjonali sabiex jiġi żgurat il-ħlas tas-servizz. 3.2. Forom ġodda ta' piraterija L-użu li kulma jmur jiżdied ta' kards biċ-ċippa għad-dekodifikazzjoni tas-sinjali wassal għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ta' piraterija. Id-dekodifikaturi u l-kards biċ-ċippa li jkunu vojta huma mibjugħa bla ħabi billi jista' jkollhom użu legali għal kollox. Indipendentament minn dan, il-kodiċi ta' programmar tal-kards jixxandru fuq l-internet, l-iktar minn pirati li jieħdu vantaġġ ekonomiku minn dan sabiex ikollhom aċċess illeċitu għas-servizzi, fuq dahar min jixtri d-dekodifikatur u l-kard biċ-ċippa vojta. Din id-diviżjoni tal-attivitajiet wasslet għal mod ġdid ta' kif ikollok aċċess illegali għas-servizzi konċernati u huwa diffiċli tieħu passi legali kontra dan. Dan kollu primarjament minħabba l-fatt li l-attivitajiet kummerċjali jikkonċernaw prodotti li jistgħu jintużaw b'mod leċitu u għax huwa diffiċli torbot l-iżvelar tal-kodiċi fuq l-internet ma' dan il-bejgħ. Fl-aħħar nett, l-ipprogrammar tal-kard biċ-ċippa li tkun vojta jsir direttament mill-konsumatur u mhux mill-bejjiegħ. F'dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jidhrux li japplikaw direttament ladarba huwa diffiċli li tinstab evidenza ta' attività kummerċjali illeċita. Huwa minnu li l-operaturi jistgħu jgħidu li l-kards biċ-ċippa użati f'dan it-traffiku mhumiex xierqa għall-użu legali ladarba l-kumplessità tal-komponenti tagħhom u għalhekk tal- prezz tagħhom ma tħallihomx ikunu kompetittivi għall-iktar użu komuni (bħal ngħidu aħna l-badges tas-sigurtà). Madankollu, f'dan il-każ, il-qrati għandhom jagħmlu evalwazzjoni teknika li ħafna drabi tmur lil hinn mill-għarfien tal-uffiċjali kompetenti. L-operaturi jisħqu fuq il-bżonn li jippenalizzaw l-iżvelar tal-kodiċi fuq l-internet minn parti terza mingħajr remunerazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mhumiex applikabbli minħabba li l-attività mhix kummerċjali: huwa kważi impossibbli li wieħed jipprovdi evidenza tar-rabta bejn il-bejgħ ta' kard vojta u l-iżvelar tal-kodiċi fuq l-internet. Anke s-sanzjoni fuq il-pussess privat ta' oġġett illeċitu tagħti l-possibbiltà li l-konsumatur li jagħmel użu minn dawn il-proċeduri jiġi penalizzat, iżda mingħajr ma tipprovdi soluzzjoni diretta għall-preżenza tal-kodiċijiet fuq l-internet. Dwar dan, jidher li azzjonijiet kompetittivi li mhumiex ġusti biss jistgħu jsolvu l-problema li, minkejja kollox, tista' tiltaqa' ma' xkiel minħabba l-fatt li l-ksur isir barra mit-territorju tal-pajjiż. Għalhekk ikun tajjeb li tiġi eżaminata l-mistoqsija sabiex jiġu mistħarrġa l-possibiltajiet legali għall-ġlieda kontra dawn il-prattiċi. Ħarġu fil-beraħ forom oħra ta' piraterija bħalma hu t-tpartit tal-kards: kard li tinkiseb legalment tintuża għad-distribuzzjoni mill-ġdid tas-servizz lill-konsumaturi oħra permezz ta' netwerk bla fil jew teknoloġija tal-aċċess wimax. Ġeneralment din tkun distribuzzjoni kummerċjali li taqa' taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Il-problema marbuta ma' din il-forma ta' piraterija qiegħda fil-fatt li huwa diffiċli biex issib il-ksur, minbarra li huwa qasam li l-persunal tal-pulizija għandu jitħarreġ fih. Għalhekk, ta' min wieħed jinkuraġixxi l-iskambju mtejjeb ta' informazzjoni fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali. 3.3. Il-kontribuzzjoni għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur Id-Direttiva 98/84/KE ma tħallix lid-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tal-kontenut li jużaw id-dispożizzjonijiet tagħha. Il-kwistjoni li tiġi estiża l-protezzjoni kienet ilha dibattibbli fiż-żmien meta ġiet adottata d-Direttiva, biex imbagħad ġiet rifjutata fid-dawl tal-addozzjoni ta' test speċifiku li jirrigwarda l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur fis-soċjetà tat-tagħrif. Id-Direttiva 2001/29/KE tat-22 ta' Mejju 2001[11] ''Id-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni" ikkompletat il-protezzjoni offruta mid-Direttiva 98/84/KE tliet snin wara li din ġiet adottata. Minkejja kollox, id-Direttiva 98/84/KE tikkontribwixxi indirettament iżda b'mod sinifikanti għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur waqt li tipproteġi mill-piraterija l-kontenut kopert mid-dritt tal-awtur, u b'hekk ukoll id-dħul ta' min għandu dawn id-drittijiet. 3.3.1. L-estensjoni tal-protezzjoni lid-detenturi tad-drittijiet Id-detenturi tad-drittijiet, il-persuni intitolati kif ukoll dawk li għandhom id-drittijiet fuq l-avvenimenti sportivi, urew l-interess tagħhom biex ikunu koperti mid-Direttiva. Madankollu, jidher li sar malintiż fir-rigward tal-kontenut tal-protezzjoni implimentata mid-Direttiva. Is-sanzjonijiet stipulati mid-Direttiva jikkonċernaw biss l-azzjonijiet relatati mal-użu ta' oġġetti illeċiti. Għalhekk, l-implimentazzjoni tagħhom ma tistax tapplika għal azzjonijiet oħra bħalma hu l-użu ta' oġġetti leċiti bla ma jiġu rispettati r-restrizzjonijiet territorjali, bħal pereżempju fil-każ tas-suq griż imsemmi hawn fuq. Din id-distinzjoni hija importanti għax il-kontribuzzjonijiet li ġejjin mid-detenturi tad-drittijiet (id-dritt tal-awtur jew id-dritt relatat tax-xandir ta' avvenimenti sportivi) jiffukaw fuq it-territorjalità tad-drittijiet u r-riskji tan-nuqqas ta' valur ta' drittijiet bħal dawn jekk il-limitazzjonijiet territorjali ma jiġux rispettati. F'dan il-kuntest ikun inutli li jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva biex tkopri partijiet konċernati oħra. Effettivament, id-Direttiva tiddefinixxi l-piraterija bħala li hija bbażata fuq l-użu ta' oġġetti illeċiti, jiġifieri l-użu ta' tagħmir li mhuwiex approvat mid-distributur tal-kontenut. Pereżempju, id-dekodifikaturi użati fil-kuntest tas-suq griż huma approvati mix-xandar li jirċievi r-renumerazzjoni regolarment. Waħda mis-soluzzjonijiet suġġeriti sabiex tiġi solvuta l-problema tad-detenturi tad-dritt hi li wieħed jgħaddi għal integrazzjoni ikbar u jinkorpora d-dħul potenzjali tas-suq griż. Madankollu, din it-triq teħtieġ tiġi eżaminata aħjar u għandha tinġabar iktar informazzjoni fuq il-potenzjal tas-swieq transkonfinali. Jibqa' l-fatt li d-detenturi tad-dritt tal-avvenimenti sportivi huma intitulati li jitolbu protezzjoni aħjar fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet li jkopruhom direttament, filwaqt li jikkunsidraw l-aspettazzjonijiet leġittimi tal-konsumaturi biex ikollhom aċċess legali għas-servizzi fuq bażi transkonfinali u l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess wiesa' għall-avvenimenti ta' importanza maġġuri għas-soċjetà. Il-Kummissjoni tipproponi li tagħti bidu għal xogħol ta' valutazzjoni tal-ħtieġa li jkun hemm miżuri addizzjonali sabiex jimtela dan il-vojt. Il-possibbiltà li jsir dan l-istudju fuq il-finanzjament tal-isport imħabbar mill-Kummissjoni fil-White Paper tagħha fuq l-isport[12] għandu jippermetti l-ġbir tal-ewwel elementi meħtieġa biex issir evalwazzjoni bħal din. 3.3.2. Is-sistemi ta' ġestjoni numerika tad-drittijiet Il-bidu tad-distribuzzjoni tal-kontenut fuq l-internet ġie akkumpanjat bl-użu ta' sistemi ġodda ta' protezzjoni tal-kontenut: Is-sistemi tal-ġestjoni numerika tad-drittijiet jew DRM, ( Digital Rights Management systems ). Dawn il-miżuri ta' protezzjoni teknika għandhom l-iskop partikulari li jiżguraw ir-rispett lejn id-dritt tal-awtur fil-kuntest tad-distribuzzjoni tal-kontenut fuq l-internet. Dan l-għan komuni jiġbor firxa wiesgħa ta' miżuri ta' konfigurazzjoni u ta' użu waqt li jistabbilixxi tipi differenti ta' restrizzjonijiet: restrizzjonijiet kwantitattivi fuq in-numru ta' qari, restrizzjonijiet fuq l-aċċess ġeografiku, restrizzjonijiet f'termini ta' hardware jew software meħtieġ għall-qari, trasferimenti bejn l-apparat tax-xogħol, tal-estrazzjoni numerika (lista li mhix eżawrjenti). Għalhekk, ċerti miżuri jistgħu jikkorrispondu għad-definizzjoni ta' sistemi b'aċċess kundizzjonali, " kwalunkwe miżura teknika u/jew arranġament li permezz tiegħu aċċess għas-servizz protett f’forma konkreta hu magħmul kondizzjonali fuq l-awtorizzazzjoni individwali magħmula minn qabel '' (l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva). Il-miżuri użati biex tiġi żgurata r-renumerazzjoni tax-xogħol, speċjalment dawk li jippermettu d-differenzi fit-tariffi skont kif jużah il-konsumatur (viżjoni unika jew multipla, varjazzjoni fil-kwalità tal-irrekordjar), żgur se jibbenefikaw mill-protezzjoni offruta mid-Direttiva 98/84/KE. Huwa minnu li d-Direttiva 2001/29/KE fuq id-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni, imsemmija hawn fuq, fl-Artikolu 6 tipprovdi espliċitament għall-protezzjoni legali tal-miżuri tekniċi. Madankollu, din il-protezzjoni hija mistennija bis-saħħa tad-dritt tal-awtur u t-traspożizzjonijiet tal-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-azzjonijiet legali biss għad-detenturi tad-drittijiet u mhux għad-distributuri tal-kontenut. F'dan is-sens id-Direttiva 98/84/KE tibqa' utli għad-distributuri diġitali, li b'hekk igawdu mod ta' kif jieħdu azzjoni kontra l-piraterija fuq il-miżuri ta' protezzjoni li jużaw sabiex jiddistribwixxu l-kontenut fuq l-internet. 3.4. Il-protezzjoni tar-remunerazzjoni, l-uniku kriterju ta' protezzjoni Id-Direttiva tillimita l-protezzjoni kontra l-piraterija tas-servizzi ta' aċċess kundizzjonali strettament għal dawk użati għal skopijiet ta' remunerazzjoni: il-ħlas għas-servizz (abbonament jew prezz għal kull akkwist individwali) għandu jkun il-kundizzjoni għall-aċċess tal-kontenut. Madankollu, is-sistemi ta' aċċess kundizzjonali jistgħu jiġu użati għal skopijiet oħra barra l-protezzjoni tar-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizz, b'mod partikulari sabiex jikkonformaw ma' obbligi kuntrattwali jew leġiżlattivi, bħalma hi l-limitazzjoni tal-udjenza potenzjali (kemm f'livell territorjali b'rabta maċ-ċediment tad-drittijiet, u kemm minħabba l-età sabiex jiġu protetti l-minuri minn kontenut destinat għall-adulti biss), strateġiji kummerċjali u pubbliċitarji, kwistjonijiet ta' sigurtà jew sabiex tinġabar renumerazzjoni indiretta[13]. Operaturi differenti wrew l-interess tagħhom biex jestendu l-protezzjoni. Madankollu wieħed għandu jagħmilha ċara li l-kunċett tar-renumerazzjoni jmur lilhinn mill-ħlas dirett. Is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jistgħu jużaw miżuri tekniċi sabiex jillimitaw id-distribuzzjoni tal-kontenut li huwa aċċessibbli mingħajr ħlas iżda ffinanzjat indirettament mill-pubbliċità jew mill-isponsors. Servizzi bħal dawn jaqgħu wkoll fl-ambitu tad-Direttiva. Bla dubju hemm talba sabiex tiġi estiża l-protezzjoni. Madankollu, jibqgħu l-mistoqsijiet dwar l-utilità ta' din l-estensjoni li titlob reviżjoni tad-Direttiva. Fil-fatt, l-ambitu tad-Direttiva bħalissa huwa limitat għall-attivitajiet tal-piraterija għal skopijiet kummerċjali. Jista' jkun hemm piraterija kummerċjali bħal din f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċessi kundizzjonali użati għal dawn l-għanijiet l-oħra? Barra minn hekk, l-użu ta' sistemi b'aċċess kundizzjonali motivati minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi għandhom ikunu protetti mil-leġiżlazzjoni li tkun infurzata b'mod xieraq. Dan japplika għad-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-minuri, tal-kriminalità ċibernetika u tal-protezzjoni tad-dejta u tal-ħajja privata. Dawn il-mistoqsijiet għandhom jiġu eżaminati b'iktar dettal u l-ewwel stadju jista' jkun dibattitu fi ħdan grupp ta' esperti li għandu jitwaqqaf. 4. KONKLUżJONI U AZZJONIJIET FIL-FUTUR 4.1. Valutazzjoni tad-Direttiva 98/84/KE Dan ir-rapport eżamina l-aspetti differenti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva li qajmet xi diffikultajiet jew mistoqsijiet. Din l-eżaminazzjoni kienet stadju ta' importanza kbira qabel il-valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva fl-oqsma varji ta' applikazzjoni tagħha biex tippermetti lill-Kummissjoni tagħmel il-konklużjonijiet tagħha fuq l-effettività tagħha mindu ġiet adottata sal-ġurnata ta' llum. L-ewwel punt li wieħed għandu jagħti kas hu li d-Direttiva ġiet trasposta ġeneralment mill-Istati Membri, u dan għamilha possibbli li titnaqqas il-piraterija fl-Unjoni Ewropea, u ppermetta wkoll, bis-saħħa tad-dħul fl-UE ta' ċerti pajjiżi li qabel kienu ġarrbu l-effetti tal-piraterija, li tiġi modifikata l-ġeografija tagħha, billi timbotta 'l barra mill-isfera ta' influwenza tad-Direttiva ċ-ċentri tal-piraterija. It-tieni punt hu li xi drabi, l-effikaċja tal-implimentazzjoni tagħha hija diskutibbli u b'hekk titnaqqas is-sigurtà legali tal-fornituri tas-servizzi awdjoviżivi. B'mod partikulari, l-implimentazzjoni f'livell nazzjonali se tbati, skont kif ikunu ċ-ċirkustanzi, kemm jekk hemm livell batut ta' sanzjonijiet u kemm jekk hemm nuqqas ta' kompetenza fil-qasam tekniku fost l-awtoritajiet nazzjonali. Dwar dan l-aħħar punt, huwa meħtieġ li wieħed jagħraf li l-evoluzzjoni teknoloġika li għaddejja qiegħda kulma tmur iżżid fil-kumplessità ta' dan il-qasam, kemm f'dak li għandu x'jaqsam ma' tipi ġodda ta' piraterija, pjattaformi ġodda ta' distribuzzjoni, jew ta' sistemi ġodda ta' aċċess kundizzjonali bħalma huma ċerti sistemi ta' ġestjoni diġitali tad-drittijiet. It-tielet punt, fir-rigward taċ-ċaqliq ħieles, minkejja l-fatt tal-implimentazzjoni ta' qafas Komunitarju maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi konċernati, kien hemm biss żvilupp minimu ta' servizzi transkonfinali li huma għalkollox legali. Bla dubju, is-''suq griż'' jirrappreżenta l-mekkaniżmu transkonfinali li jidher li huwa l-iktar wieħed żviluppat iżda dan tal-aħħar huwa tollerat biss mill-operaturi waqt illi d-disponibbiltà tas-servizzi awdjoviżivi tal-Istat tal-oriġini hija fattur importanti għall-benessri taċ-ċittadini Ewropej li jħaddmu d-dritt tagħhom ta' ċaqliq ħieles fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tagħraf li ċerti restrizzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-protezzjoni offruta mid-Direttiva jirrekjedu analiżi iktar mill-qrib. Jista' jagħti l-każ li dan jikkonċerna, minn naħa, il-possibbiltà li jiġu imponuti sanzjonijiet għall-pussess privat ta' sistemi illeċiti, proposta min-naħa tal-operaturi iżda li mhix faċli tiġi implimentata, u min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tal-operaturi li ma jibbenefikawx mill-protezzjoni adegwata, bħalma huma id-detenturi tad-drittijiet fuq l-avvenimenti sportivi. 4.2. Azzjonijiet fil-futur sabiex titjieb l-applikazzjoni tagħha u taffaċċja l-konverġenza 4.2.1. It-twaqqif ta' grupp ta' esperti Il-Kummissjoni tipproponi li twaqqaf grupp ta' esperti fuq l-aċċess kundizzjonali magħmul minn għadd ta' esperti mill-Istati Membri. Dan il-grupp għandu jiffunzjona fuq il-mudell u b'mandat simili tal-grupp ta' esperti fuq il-kummerċ elettroniku. B'mod partikulari, il-grupp tal-aċċess kundizzjonali għandu jieħu azzjoni sabiex isaħħaħ u jiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, jiddiskuti problemi marbutin mal-applikazzjoni tad-Direttiva 98/84/KE dwar l-''Aċċess Kundizzjonali'', u jiddiskuti l-problemi attwali li jirrigwardaw l-użu tas-sistemi ta' aċċess kundizzjonali. Is-suġġetti li għandhom jiġu trattati bħala prijoritajiet huma dawk żviluppati f'dan ir-rapport, primarjament: il-forom ġodda ta' piraterija, il-valutazzjoni tal-karattru dissważiv tas-sanzjonijiet li jsiru, l-ambitu tas-sanzjoni fuq il-pussess privat fi ħdan il-protezzjoni tas-sistemi ta' aċċess, ir-rabtiet ma' dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-dritt tal-awtur, l-inklużjoni tad-DRM (digital rights management) bħala sistema ta' aċċess kundizzjonali, u l-protezzjoni tal-użu tas-sistemi ta' aċċess kundizzjonali għal skopijiet oħra barra l-protezzjoni tar-remunerazzjoni. B'hekk, il-grupp għandu jikkunsidra l-vantaġġi potenzjali tal-użu tas-sistemi innovattivi ta' aċċess kundizzjonali u tad-DRM, waqt li jivvaluta, b'mod partikulari, il-potenzjal tagħhom li jillimitaw il-ħtieġa ta' iktar sanzjonijiet dissważivi. F'dan il-kuntest, il-grupp jikkunsidra wkoll l-aspetti kollha li jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-dejta personali u tal-ħajja privata. Bl-adozzjoni ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni tiddeċiedi li twaqqaf dan il-grupp qabel l-aħħar tas-sena 2008. 4.2.2. Grupp ta' ħidma fuq is-suq griż Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li l-grupp ta' esperti jiddelega grupp ta' ħidma speċifiku fuq it-tema tas-suq griż. Dan il-grupp ta' ħidma għandu jistinka biex jiġbor kemm jista' jkun informazzjoni fuq il-movimenti intra-Komunitarji taċ-ċittadini Ewropej u fuq id-drawwiet tal-konsum tagħhom tas-servizzi awdjoviżivi. Dan jista' jwitti toroq għal soluzzjonijiet għall-aċċess taċ-ċittadini interessati fis-servizzi provduti mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. 4.2.3. Ġbir ta' informazzjoni Ir-rapport jitfa' dawl fuq ċertu nuqqas ta' informazzjoni, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mal-eżerċizzju tad-dritt għaċ-ċaqliq ħieles taċ-ċittadini Ewropej u t-talbiet u l-forniment tas-servizzi awdjoviżivi lilhinn mill-fruntieri. Din l-informazzjoni għandha tgħin biex jiġu stabbiliti l-potenzjali tas-swieq transkonfinali u tikkontribwixxi fis-settur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet fuq l-avvenimenti sportivi. Il-Kummissjoni tipproponi li tvara stħarriġ fuq dan is-suġġett fil-bidu tas-sena 2009. F'qasam ieħor, l-informazzjoni fuq il-bejgħ tad-drittijiet fuq l-avvenimenti sportivi għandha tinġabar bħala parti mill-istudju fuq il-finanzjament tal-isport imħabbar mill-Kummissjoni fil-White Paper tagħha fuq l-isport[14]. Din l-informazzjoni tagħmel parti mill-ewwel fażi fil-ġbir tal-informazzjoni fuq is-sitwazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fuq l-avvenimenti sportivi meta jaffaċjaw il-piraterija fejn għandha x'taqsam it-trażmissjoni mill-ġdid tal-avvenimenti. 4.2.4. Ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea fuq il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq l-aċċess kundizzjonali Din il-Konvenzjoni Ewropea toffri potenzjal qawwi fit-tkabbir internazzjonali tal-protezzjoni tas-servizzi ta' aċċess kundizzjonali lilhinn mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Din ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Komunità Ewropea tagħti l-possibbiltà li terġa' tittieħed azzjoni internazzjonali fost is-47 Membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tipproponi fi żmien qasir lill-Kunsill biex jirratifika l-Konvenzjoni f'isem il-Komunità Ewropea.[pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic] [1] ĠU L 320, 28.11.1998, p. 54-57, ara: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31998L0084:FR:NOT [2] COM (2003) 198 finali, 24.4.2003, ara: http://ec.europa.eu/internal_market/media/docs/elecpay/com-2003-198_fr.pdf [3] http://ec.europa.eu/internal_market/media/elecpay/index_fr.htm [4] http://ec.europa.eu/internal_market/media/elecpay/index_fr.htm [5] http://ec.europa.eu/internal_market/media/elecpay/natimpl/index-map_fr.htm [6] Eurostat – paġni tat-tabella 18-19: http://www/interculturaldialogue2008.eu/fileadmin/downloads/documents/630-factsfigures/KS-EP-07-001-EN.PDF [7] Ara wkoll il-Kommunikazzjoni dwar l-antenni paraboliċi: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52001DC0351:FR:NOT [8] http://conventions.coe.int/Treaty/Commun/QueVoulezVous.asp?NT=178&CM=1&DF=4/29/2008&CL=FRE [9] Il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja, Franza, il-Lussemburgu, il-Moldavja, in-Norveġja, l-Olanda, ir-Rumanija, ir-Russja, l-Iżvizzera – il-Lussemburgu, in-Norveġja, ir-Russja, li ffirmaw iżda għad iridu jirratifikawha. [10] Definizzjoni tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE: kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi. [11] ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10 [12] http://ec.europa.eu/sport/whitepaper/wp_on_sport_fr.pdf [13] Ara l-istudju ta' April 2000 imwettaq mill- Institute for Information Law (IVR) tal-Università ta' Amsterdam għall-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/internal_market/media/elecpay/background_fr.htm [14] http://ec.europa.eu/sport/whitepaper/wp_on_sport_fr.pdf