EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0529

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu

/* KUMM/2008/0529 finali */

52008DC0529

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu /* KUMM/2008/0529 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.8.2008

KUMM(2008) 529 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu

Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta’ April dwar skema skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni[1] (minn hawn ’il quddiem: Ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra, - Green Line Regulation , GLR) ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004. Ir-Regolament jiddefinixxi t-termini li fuqhom id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ta’ l-UE japplikaw fir-rigward tal-moviment tal-persuni, tal-prodotti u tas-servizzi min-naħa għall-oħra tal-Linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru għandu kontroll effettiv u ż-żoni li fihom m’għandux.

Dan ir-rapport ikopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2007 u t-30 ta’ April 2008.

1. Emendi għar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra

Wara proposta magħmula mill-Kummissjoni fl-10 ta’ April 2008, fis-16 ta’ Ġunju 2008 il-Kunsill adotta Regolament li jemenda r-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra biex jiffaċilita aħjar il-kummerċ fuq il-gżira ta’ Ċipru[2].

Ir-Regolament li jemenda, li l-impatt tiegħu għandu jiġi eżaminat fir-Rapport dwar il-Linja l-Ħadra tas-sena li ġejja, jipprovdi biex jitneħħew id-dazji fuq il-prodotti agrikoli li joriġinaw fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Ċipru meta dawn jiġu negozjati mal-Linja. Barra minn hekk, il-valur massimu totali li jkun fihom il-bagalji personali tal-persuni li jaqsmu l-Linja żdied minn € 135 sa € 260 sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Torka Ċiprijotta. L-oġġetti sa dan l-ammont jistgħu issa jiddaħħlu mingħajr dwana, dazji u taxxi tul il-Linja fiż-żoni kkontrollati mill-gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru. Din ir-regola ma tapplikax għas-sigaretti u l-alkoħol. Fl-aħħarnett, l-emendi jirregolaw b’mod trasparenti l-introduzzjoni temporanja ta’ l-oġġetti (sa sitt xhur) mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern.

2. Miżuri implimentattivi

Fl-4 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjon adottat Deċiżjoni li tneħħi l-projbizzjonijiet fuq il-moviment ta’ ċerti prodotti ta’ l-annimali fil-gżira ta’ Ċipru taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 u li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-moviment ta’ dawn il-prodotti. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tiddetermina l-kundizzjonijiet fir-rigward tal-kummerċ ta’ l-għasel u l-ħut frisk min-naħa għall-oħra tal-Linja.[3]

Fid-29 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ esperti fitosanitarji biex iwettqu spezzjonijiet fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern.

Fit-18 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ esperti indipendenti biex iwettqu spezzjonijiet u jieħdu kampjuni biex jippermettu l-moviment ta’ ċerti prodotti ta’ annimali min-naħa għall-oħra tal-Linja ġo Ċipru. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni taħtar esperti indipendenti bl-iskop li jsiru spezzjonijiet fuq il-vapuri tas-sajd u li jieħdu kampjuni ta’ l-għasel fil-parti tat-tramuntana ta' Ċipru biex jitħalla jsir kummerċ ta’ għasel u ħut frisk tul il-Linja[4].

3. Persuni li jaqsmu l-linja

Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra, ir-Repubblika ta’ Ċipru “ għandha twettaq kontrolli fuq il-persuni li jaqsmu l-linja bil-għan li tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali taċ-ċittadini ta’ pajjżi terzi u biex tikxef u tipprevjeni kull theddida għas-sigurtà pubblika u l-politika pubblika. Dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu wkoll fuq il-vetturi u l-oġġetti fil-pussess tal-persuni li jaqsmu l-linja [l-Ħadra]” filwaqt li l-Artikolu 3 jiddikjara li “sorveljanza effettiva għandha titwettaq mir-Repubblika ta' Ċipru matul il-linja kollha, b'tali mod illi tiskoraġġixxi lill-persuni milli jaħarbu mill-kontrolli fil-postijiet tal-qsim.”

3.1. Il-qsim fil-postijiet uffiċjalita’ qsim

Ir-Regolament jipprovdi qafas legali stabbli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini Ċiprijotti, ta' ċittadini oħrajn ta’ l-UE u ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-Linja fil-postijiet tal-qsim. Skond id-dejta disponibbli, 633,163 (is-sena l-oħra: 788,823) Ċiprijotti Grieki qasmu miż-żoni kkontrollati mill-ġvern għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 1,162,739 (is-sena l-oħra: 1,348,215) Ċiprijott Tork qasmu mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għaż-żona kkontrollata mill-gvern matul il-perjodu tar-rapport[5]. Il-monitoraġġ ta’ l-impatt ta’ l-emenda għall-kodiċi Penali tar-Repubblika ta’ Ċipru, li tikkastiga kwalunkwe użu illegali ta’ proprjetà (imsemmi fir-rapport dwar il-Linja l-Ħadra tas-sena l-oħra), dwar il-qsim taċ-Ċiprijotti Torok juri li n-numru ta’ qsim reġa' ġie stabbilizzat.

Fit-3 ta’ April 2008, infetaħ is-sitt post ta’ qsim min-naħa għall-oħra tal-Linja fi Triq Ledra / Lokmaci fiċ-ċentru tal-belt il-qadima ta’ Nikosija. Aktar minn 106,500 ruħ (fosthom aktar minn 41,000 ċittadin ta’ l-UE ieħor u ċittadini ta’ pajjiżi terzi) użaw dan il-qsim sa tmiem ix-xahar.

In-numru tal-Puliżija tar-Repubblika ta’ Ċipru (minn hawn ’il quddiem: CYPOL) li jaħdmu direttament fil-postijiet ta’ qsim naqas minn 61 (2006) għal 54 (2007), sakemm reġa’ tela’ għal 67 (2008).

Ma kien irrappurtat l-ebda inċident importanti fir-rigward tal-qsim ta’ kuljum ta' persuni fil-postijiet tal-qsim. Flimkien ma’ dan, wara ftehim f’wieħed mill-kumitati tekniċi imwaqqfa mill-mexxejja taż-żewġ komunitajiet fil-21 ta' Marzu 2008 (il-Kumitat dwar il-kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali), il-karozzi mikrija fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru issa jistgħu jidħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern min-naħa għall-oħra tal-Linja.

3.2. Immigrazzjoni illegali minn naħa għal oħra tal-Linja l-Ħadra

L-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-Linja b’mod illegali għadha kwistjoni li toħloq tħassib serju. Fil-perjodu tar-rapport, skond id-dejta sottomessa mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, in-numru totali ta’ immigranti illegali li nstabu (jew li inqabdu) aktar minn irdoppja (żieda minn 2919 sa 5844), li laħaq l-ogħla livell s’issa.

CYPOL irrapportat li minn dawn il-5844, 5710 immigrant illegali daħal fiż-żoni kkontrollati mill-gvern tul il-Linja, filwaqt li 128 daħlu permezz taż-Żona tal-Bażi Sovrana[6] u sitta biss daħlu direttament fiż-żoni kkontrollati mill-gvern. Il-Pulizija tar-Repubblika ta’ Ċipru rrapportat ukoll il-postijiet prinċipali ta’ l-oriġini ta’ l-immigranti illegali: is-Sirja (37 %) Ix-Xatt tal-Punent (16 %) u l-Iran (9 %). Numru kbir ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li daħlu b'mod illegali aktar tard applikaw għall-ażil (3470 minn 5844).[7]

Il-valutazzjoni tar-rotta tad-dħul fiż-żoni kkontrollati minn CYPOL hija bbażata fuq:

- Dokumenti – ċifri minn CYPOL jindikaw li 47 % ta’ dawk l-immigranti illegali li huma rrappurtati li daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern tul il-Linja (2683 minn 5710) fil-passaporti tagħhom għandhom jew boll għad-dħul jew ħruġ Tork jew Ċiprijott Tork (33 % u 13 % respettivament), viża maħruġa mit-Turkija li hi wkoll valida għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru (1%) jew 'viża' jew 'permess għar-residenza' tat-'TRNC' (0.2 %);[8]

- dikjarazzjonijiet mill-immigranti nfushom, oġetti li jinstabu fil-pussess tagħhom li bihom ikollhom rabta mal-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru jew it-Turkija u l-preżunzjoni bbażata fuq il-pajjiż ta’ l-oriġini;

- vapur dirett bejn Latakia fis-Sirja u Famgusta fil-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru kien fattur addizzjonali.. Skond l-informazzjoni mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, 560 immigrant illegali (l-aktar Palestinjani mill-Iraq) ġew identifikati li għamlu użu mill-konnessjoni diretta tal-vapur, u b’hekk evitaw li jgħaddu mit-Turkija. rapporti mill-istampa jindikaw ukoll interċezzjonjiet frekwenti ta’ dgħajjes żgħar li jġorru immigranti illegali.

Skond l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-parti l-aktar vulnerabbli tal-Linja għall-immigranti illegali hija ż-Żona tal-Bażi Sovrana. Il-Pulizija taż-ŻBS, id-Dipartiment tad-Dwana u l-imigrazzjoni taż-ŻBS u r-riżorsi militari tar-Renju Unit jaħdmu flimkien biex jikkunbattu l-imigrazzjoni illegali. Id-Dipartiment tad-Dwana u l-Imigrazzjoni taż-ŻBS ingaġġaw 10 uffiċjali ġodda, in-numru ta’ timijiet operattivi li qed jaħdmu fil-Linja żdied minn 3 għal 5, sar taħriġ addizzjonali fil-kontrolli tad-dwana u tat-taħriġ, ġew akkwistati diversi assi tekniċi u l-awtoritajiet taż-ŻBS baqgħu jiskambjaw l-intelliġenza u jkomplu jikkooperaw tajjeb mal-komunità Ċiprijotta Torka. Skond l-informazzjoni minn dawn ta’ l-aħħar, 4,234 ċittadin ta’ pajjiżi terzi kienu miċħuda milli jidħlu fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru fl-2007 u 1,030 fl-ewwel erba’ xhur ta’ l-2008; Fl-2007, inżammu 244 imigrant illegali u 150 inżammu fl-ewwel erba’ xhur ta’ l-2008; 1,155 immigrant illegali kienu deportati (lejn it-Turkija) fl-2007 u 488 fl-ewwel erba’ xhur ta’ l-2008;

Il-Kummissjoni żammet djalogu kostruttiv ma’ l-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru u ma’ l-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana fuq il-livell ta’ ħidma. Saru diversi laqgħat b’iffokar partikolari fuq il-problemi ta’ l-imigrazzjoni illegali min-naħa għall-oħra tal-Linja u li offrew l-opportunità biex jiġu diskussi l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-futur qrib. F’din l-okkażjoni, ir-rappreżentanti tar-Repubblika ta’ Ċipru aġġornaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu matul il-perjodu tar-rapport. Dawn il-miżuri kienu jinkludu l-użu tal-persunali ta’ l-Istazzjonijiet lokali tal-Pulizija u tal-Kwartieri tal-Pulizija tad-Dipartiment tal-Imigrazzjoni u tal-Persuni Barranin[9] u ħelikopter[10] għas-sorveljanza tal-Linja.

Fir-rigward tas-sorveljanza tal-Linja, tul il-perjodu tar-rapport, ir-Repubblika ta’ Ċipru baqgħet bil-pożizzjoni li ma tixtieq tieħu l-ebda miżura li possibbilment twassal biex il-Linja tieħu d-dehra ta’ fruntiera esterna. Ma sar l-ebda skambju ta’ informazzjoni jew intelliġenza mal-komunità Ċiprijotta Torka.

Minħabba n-numru allarmanti kbir ta’ imigranti illegali, il-Kummissjoni hi tal-fehma li s-sorveljanza tal-Linja bejn il-postijiet ta’ qsim li qed jitmexxew mir-Repubblika ta’ Ċipru skond l-Art 3 GLR u mill-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana skond l-Art 2 (5) GLR jeħtieġ li jissaħħaħ b’mod sostanzjali. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li b’mod partikolari l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru jieħdu passi konkreti mingħajr dewmien sabiex ikunu konformi ma' l-obbligi tagħhom fir-rigward tas-sorveljanza tal-Linja kif definit mir-Regolament tal-Linja l-Ħadra anke minħabba l-parteċipazzjoni futura ta’ Ċipru fiż-żona ta’ Schengen. Filwaqt li l-Linja l-Ħadra ma tikkostitwix fruntiera esterna, l-obbligi ta’ sorveljanza tar- Repubblika ta’ Ċipru fin-naħa kkontrollata mill-gvern tal-Linja għandhom jiġu rispettati b'mod effettiv filwaqt li fl-istess ħin inaqqsu x-xkiel fuq il-kuntatti bejn iż-żewġ Komunitajiet.

4. Merkanzija li taqsam il-linja

4.1. Il-valur tal-kummerċ

Skond l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004[11] il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka (minn hawn ’il quddiem: KtKĊT) tirrapporta kull xahar dwar ix-xorta, il-volum u l-valur tal-prodotti li tkun ħarġitilhom dokumenti anċillari.

L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru kkomunikaw ukoll ix-xorta, il-volum u l-valur tal-prodotti li qasmu l-Linja f'rapporti lill-Kummissjoni kull xahar. Dawk ir-rapporti jinkludu prodotti li daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-Gvern mill-postijiet ta' qsim ta' Pergamos u Strovilia , li huma taħt l-awtorità taż-ŻBS.

Skond ir-rapporti tal-KtKĊT, il-valur totali tal-prodotti li nħarġulhom dokumenti anċillari fil-perjodu tar-rappurtaġġ ammonta għal €5,471,461 filwaqt li l-valur tal-prodotti attwalment fil-kummerċ kien ta’ €4,473,408[12].

Meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel, iċ-ċifri juru żieda fil-valur totali ta’ prodotti li qasmu l-Linja. Skond ir-rapporti mogħtija mill-awtoritajiet tar- Repubblika ta’ Ċipru, il-valur kummerċjali totali tal-prodotti li attwalment qasmu l-Linja żdied bi kważi terz għal € 4,473,408 meta mqabbel mat-€ 3,380,805 tal-perjodu tar-rappurtaġġ preċedenti. Madanakollu, ta’ min jinnota, li l-kummerċ fil-patata kien jammonta għal kważi 30% tal-valur totali tal-kummerċ u huwa l-element ewlieni fiż-żieda fil-kummerċ fuq il-Linja l-Ħadra.[13]

F’Jannar 2008, qasmu l-Linja oġġetti b’valur ta’ aktar minn € 700.000. Dan kien l-ogħla livell irrekordjat mindu l-GLR daħal fis-seħħ. L-element ewlieni kien il-patata Ċiprijotta Torka, li kellha valur ta’ € 350,000.

Għalkemm mhux kopert mill-ambitu tal-GLR, wieħed jista’ jinnota li skond iċ-ċifri tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija Ċiprijotta, fil-perjodu tar-rappurtaġġ il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-Gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru ammonta għal valur ta' € 1,015,340 (li minnhom € 626,533 bejn Frar u April 2008) meta mqabbel mal-€ 1,027,688 tal-perjodu preċedenti. Għalhekk il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru baqa' bejn wieħed u ieħor l-istess u jilħaq anqas minn kwart tal-kummerċ fid-direzzjoni opposta.[14]

Il-komunità Ċiprijotta Torka tapplika sistema ta’ kummerċ, li fil-prinċipju, “tirrifletti” r-restrizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. Pereżempju, din tirrifletti l- Art 6 (1) GLR fis-sens li l-oġġetti li jkun hemm fil-bagalji personali tal-persuni li jaqsmu l-Linja miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru huma eżentati mit-'taxxa fuq il-qligħ', 'id-dazju fuq is-sisa' u 'dazji oħra', sakemm dawn l-oġġetti ma jkunux ta' natura kummerċjali u li l-valur tagħhom ma jaqbiżx il-€ 135. Dan ir-reġim ma japplikax dejjem b’mod konsistenti. Fil-ħarifa ta’ l-2007, pereżempju, iċ-Ċiprijotti Torok li marru jixtru fiż-żoni kkontrollati mill-gvern ħabbtu wiċċhom ma’ problemi kbar biex ħadu lura l-oġġetti li xtraw għan-naħa l-oħra tal-Linja u dawk iċ-Ċiprijotti Torok li jkabbru l-patata kienu pprojbiti milli jġibu lura ż-żerriegħa tal-patata mixtrija mingħand il-kummerċjanti Ċiprijotti Grieki.

4.2. It-tip ta’ prodotti

Iċ-ċifri dwar it-tipi ta’ prodotti kkumerċjati juru għadd limitat ta' prodotti ġodda li qed jaqsmu l-Linja lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern. Bħal fil-perjodu tar-rappurtaġġ preċedenti, il-ħxejjex, il-prodotti ta’ l-injam u l-għamara kienu jikkostitwixxu l-gruppi ewlenin ta' prodotti kkummerċjati.[15]

Il-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja matul il-perjodu tar-rappurtaġġ kien biss għall-iskop tal-kummerċ fi ħdan il-ġżira. F’Mejju 2007, żewġ kunsinni ta’ ram u skart ta’ l-aluminju qasmu l-Linja u sussegwentement twasslu bil-vapur lejn ir-Renju Unit u fil-bidu ta’ Frar 2008, kunsinna żgħira ta’ frott taċ-ċitru qasmet il-Linja u intbagħtet bl-ajru lejn il-Ġermanja biex tkun esebita fil-fiera kummerċjali. Wara kunsinna ta’ Cyprus Delights (ħlewwiet) f’Diċembru 2005 u kunsinna bi skart ta’ l-aluminju f’April ta’ l-2007, dawn il-kunsinni kienu l-uniċi każi magħrufa ta’ oġġetti li qasmu l-Linja u sussegwentement kienu suġġetti għal tranżazzjoni intrakomunitarja ma’ Stat Membru ieħor. Madanakollu hu maħsub li ftit mill-patata Ċiprijotta Torka, li oriġinarjament kienet destinata biex tiġi kkunsmata f’Ċipru, kienet ippakkjata mill-ġdid fiż-żona kkontollata mill-gvern u nbiegħet barra minn Ċipru.

4.3. Irregolaritajiet

Minn Mejju 2007 ġew rappurtati għaxar każi ta' irregolaritajiet li fihom prodotti ma tħallewx jaqsmu l-Linja. Ir-raġunijiet biex ma jingħatax permess kienu jinkludu li l-fornitur irrifjuta li jħallas id-dazji rilevanti, il-prodotti ma kinux skond il-ħtiġiet tas-suq, il-ħxejjex instabu li ma kinux tajbin għall-konsum uman u li ma kinux ippreżentati d-dokumenti obbligatorji li jakkumpanjaw.

Minbarra dawn l-irregolaritajiet direttament fil-Linja, l-esperti fitosanitarji li nħatru mill-Kummissjoni sabu passaporti foloz tal-pjanti għaż-żrieragħ tal-patata ta’ oriġini mill-UE. Il-patata kollha li tkabbret minn dawn iż-żrieragħ sussegwentement kienet ipprojbita mill-kummerċ biex jiġi protett il-konsumatur Ewropew.

4.4. Żviluppi pożittivi dwar il-moviment ta’ prodotti

Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, jeħtieġ li wieħed jinnota xi żviluppi pożittivi li gradwalment neħħew xi ostakli li preċedentement kienu qed jillimitaw il-kummerċ minn naħa għal oħra tal-Linja. Dawn l-iżviluppi jinkludu:

- Tkomplew 'Round Table Meetings' tat-tliet kmamar (il-Kamra tal-Kummerċ u l-industrija ta’ Ċipru, il-KtKIĊ, il-KtKĊT, u il-Kamra ta’ l-Industrija taċ-Ċiprijotti Torok, il-KtIĊT).

- In-'netwerk Ċiprijott tal-Produtturi', netwerk tal-produtturi ĊT u ĊG, stabbilit bil-għan li tiżdied il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni u li tkun pprovduta assistenza teknika, taħriġ u pariri biex jittaffew il-problemi tal-kummerċ mal-Linja l-Ħadra, għamlet seminars fuq iż-żewġ naħat tal-Linja, bdiet stħarriġ bejn iż-żewġ komunitajiet, waslet biex tniedi websajt interattiva u għamlet laqgħat dwar il-kummerċ f’diversi setturi tal-prodott. Dan il-proġett, li hu ffinanzjat mill-UNDP-ACT (iffinanzjat mill-Istati Uniti), għandu l-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-kmamar parteċipanti (il-KtIĊT, il-KtKĊT, u l-KtKIĊ).

- Fil-perjodu tar-rappurtaġġ preċedenti, kien hemm xi diffikultajiet fir-rigward tal-qsim temporanju tal-prodotti. Dawn id-diffikultajiet ingħelbu bl-emendi rispettivi tal-GLR.[16]

- Fl-imgħoddi, il-Kummissjoni rċeviet xi ilmenti minn għadd ta' negozjanti Ċiprijotti Torok dwar dewmien fl-approvazzjoni biex il-prodotti jaqsmu l-Linja, inklużi b'mod partikolari, xi kunsinni ta' patata. Wara l-miżuri implimentati mill-awtorritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, kienu ttrattati dawn l-ilmenti.

- Mal-bidu ta’ Settembru 2007, qasmu l-Linja b’suċċess u mingħajr xkiel kbir, aktar minn 2878 tunellata ta’ patata, b’valur ta’ aktar minn € 1,318,480, destinata (biss) għall-konsum fiż-żoni kkontrollati mill-gvern. L-Amministrazzjoni taż-ŻBS sabet arranġament prattiku ma’ l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru biex jagħmlu l-ispezzjonijiet fitosanitarji meħtieġa. Dan jidher li qed jaħdem b’mod sodisfaċenti.

4.5. Ostakli u diffikultajiet li għandhom jippersistu fil-moviment tal-prodotti

Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, għadhom jippersistu ħafna ostakoli għall-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra.

Il-vetturi kummerċjali Ċiprijotti Torok u partikolarment it-trakkijiet u x-xarabankijiet għad ma għandhomx il-possibbiltà ta' moviment ħieles fil-gżira. Ir-Repubblika ta’ Ċipru ma taċċettax ċertifikati dwar il-kundizzjoni ta’ vetturi kummerċjali[17] ( roadworthiness certificates ) jew liċenzji tas-sewqan professjonali[18] maħruġa mill-awtoritajiet Ċiprijotti Torok (għalkemm taċċetta ċertifikati dwar il-kundizzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri). Il-Gvern kien ippropona leġiżlazzjoni bil-għan li tiffaċilita t-trasport ta’ prodotti fuq trakkijiet Ċiprijotti Torok min-naħa għall-oħra tal-Linja billi jitnaqqsu l-limitazzjonijiet tal-liċenzji professjonali għas-sewqan taċ-ĊT. Wara protesti mill-organizzazzjoni Ċiprijotta Griega tas-sewwieqa tat-trakkijiet, il-Parlament ma ħa l-ebda deċiżjoni dwar il-kwistjoni (għalkemm din għadha pendenti) la fil-leġiżlatura preċedenti u lanqas f’dik attwali. Rigward il-kwistjoni taċ-ċertifikati dwar il-kundizzjoni ta’ vetturi, il-Gvern ippropona li jinkariga lil NGO Ċiprijotta Torka (KAR IS) biex toħroġ dawn iċ-ċertifikati f’isimha. Din il-proposta ma ntlaqgħetx mill-Komunità Ċiprijotta Torka. Lanqas ma ntlaqgħet proposta separata mill-Gvern (b’kooperazzjoni mal-KtKIĊ) biex tassisti lix-xufiera tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja Ċiprijotti Torok biex jiksbu ċ-ċertifikati normali tal-kundizzjoni tal-vetturi. Flessibbiltà akbar miż-żewġ naħat għandha ttejjeb il-kooperazzjoni ekonomika bejn iż-żewġ komunitajiet min-naħa għall-oħra tal-Linja.

In-negozjanti Ċiprijotti Torok baqgħu jirrappurtaw diffikultajiet biex jaħżnu s-supermarkets u biex jirriklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-ġurnali taż-żoni kkontrollati mill-gvern. F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li l-parteċipazzjoni taċ-Ċiprijotti Torok fil-Fiera Kummerċjali Internazzjonali ta’ Ċipru qiegħda tonqos b’mod b’saħħtu minn 53 kummerċjant Ċiprijott Tork fl-2005, 16 fl-2006 u 3 biss is-sena l-oħra. Din is-sena ma kien hemm l-ebda parteċipazzjoni ta’ Ċiprijotti Torok.

Fl-aħħarnett, jidher li l-kutrabandu ta’ l-oġġetti min-naħa għall-oħra tal-Linja baqa' jinfirex. Diversi "postijiet ta’ qsim" informali fir-raħal ta’ Pergamos u viċin tiegħu (li parti minnu tinsab fiż-ŻBS u parti oħra fil-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru) użati mir-residenti lokali u l-bdiewa kif ukoll mill-provvista taradizzjonali (Art 4 (10) GLR) tal-popolazzjoni Ċiprijotta Torka tar-raħal ta’ Pyla (li jinsab fil- Buffer Zone ) huma b’mod partikolari diffiċli li jiġu kkontrollati. Il-problema tal-kutrabandu ta’ l-oġġetti tisħaq il-ħtieġa għal sorveljanza effikaċi tal-Linja mill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u għal superviżjoni stretta mill-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana għan-natura u l-kwantità ta’ l-oġġetti forniti lill-popolazzjoni Ċiprijotta Torka ta’ Pyla .

4.6. L-iffaċilitar tal-kummerċ

Ittieħdu l-miżuri li ġejjin sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ ta' ċerti prodotti:

Patata

F’Jannar 2008, il-Kummissjoni flimkien mal-KtKĊT organizzat seminar li kellu l-għan li jqajjem kuxjenza fost il-kummerċjanti Ċiprijotti Torok dwar ir-reġistazzjoni tal-patata li hi meħtieġa għall-kummerċ fil-Linja l-Ħadra.

Il-patata mhi suġġetta għal ebda tariffa iżda kull trakk jeħtieġ ikollu Rapport ta’ Spezzjoni Fitosanitarja, maħruġ minn esperti fitosanitarji indipendenti skond l-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004[19]. Sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-patata minn naħa għal oħra tal-Linja, il-Kummissjoni żgurat il-preżenza permanenti ta’ dawn l-esperti matul l-istaġun ewlieni tal-ħsad (minn nofs April sa nofs Ġunju). Matul perjodi oħra, id-disponibbiltà tagħhom ġiet garantita fi żmien ftit jiem ta’ xogħol (s’issa, setgħu jintlaqgħu it-talbiet Ċiprijotti Torok kollha għall-preżenza ta’ espert fitosanitarju).

Il-Kummissjoni ħatret esperti fitosanitarji indipendenti addizzjonali fid-dawl tad-domanda riċenti għal dwan is-servizzi.

Frott taċ-ċitru

Kunsinna żgħira ta’ frott taċ-ċitru qasmet il-Linja kmieni fi Frar 2008 biex din tkun esebita fil-Ġermanja. L-ispezzjoni annwali ta’ qabel il-ħsad fil-ħarifa ta’ l-2007, li twettqu wkoll mill-esperti indipendenti ta’ l-Istati Membri maħtura mill-Kummissjoni, ikkonfermat ir-riżultati pożittivi ta’ l-ispezzjonijiet preċedenti.

Għasel u ħut

Kif irrappurtat aktar ’il fuq, fl-4 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjon adottat Deċiżjoni li tneħħi l-projbizzjonijiet fuq il-moviment ta’ ċerti prodotti ta’ l-annimali fil-gżira ta’ Ċipru taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-moviment tal-ħut frisk u l-għasel min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra[20].

Il-Kummissjoni ħatret esperti indipendenti mill-Istati Membri li, skond l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, spezzjonaw vapuri tas-sajd Ċiprijotti Torok u ġabru kampjuni ta’ għasel fil-katina ta’ produzzjoni għal analiżi sussegwenti f’laboratorji speċifiċi ta’ l-UE.

5. Konklużjonijiet

Ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra għadu jipprovdi qafas legali stabbli għall-moviment ħieles ta' ċittadini Ċiprijotti u ċittadini oħrajn ta’ l-UE li jaqsmu l-linja fil-postijiet tal-qsim. Il-ftuħ ta’ post ġdid ta’ qsim pedonali fi Triq Ledra/Lokmaci fil-belt il-qadima ta’ Nikosija ikompli jiffaċilita l-kuntatt uman bejn iż-żewġ komunitajiet.

Madanakollu, l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-Linja b’mod illegali għadha kwistjoni li toħloq tħassib serju. Fil-perjodu tar-rapport, in-numru totali ta’ immigranti illegali li nstabu (jew li nqabdu) irdoppja, u laħaq l-ogħla livell s’issa. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li s-sorveljanza tal-Linja bejn il-postijiet ta’ qsim immexxija mir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana teħtieġ li tiġi msaħħa b’mod sostanzjali mingħajr dewmien. Madanakollu, ir-Repubblika ta’ Ċipru ma tixtieq tieħu l-ebda miżura li possibbilment twassal biex il-Linja tieħu d-dehra ta’ fruntiera esterna.

Meta mqabbla mal-perjodu tar-rappurtaġġ preċedenti, fir-rigward tal-prodotti li jaqsmu l-Linja l-Ħadra iċ-ċifri rrapportati jerġgħu juru żieda kbira fil-valur totali ta’ l-oġġetti li jaqsmu l-Linja.. Skond ir-rapporti mogħtija mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-valur kummerċjali totali tal-prodotti li attwalment qasmu l-Linja żdied bi kważi terz u kien ta’ madwar € 4,473,408 meta mqabbel mat-€ 3,380,805 tal-perjodu tar-rappurtaġġ preċedenti. Madanakollu, ta’ min jinnota, li kważi 30% kien jammonta għall-kummerċ tal-patata.

Il-livell ġenerali tal-kummerċ fil-Linja l-Ħadra baqa’ pjuttost limitat, l-aktar minħabba l-ambitu ristrett tar-Regolament. Fil-perjodu attwali tar-rapport ftit prodotti ġodda biss kienu introdotti. Fi tliet każi biss, il-prodotti li qasmu l-Linja ġew sussegwentement soġġetti għal tranżazzjoni intrakomunitarja ma’ Stat Membru ieħor.

Kien hemm żviluppi tanġibbli pożittivi fir-rigward tal-moviment tal-prodotti. Madankollu, għadd ta’ każijiet li ġew irrappurtati jikkonfermaw li għad hemm ħafna tfixkil għall-iżvilupp ulterjuri tal-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. Il-vetturi kummerċjali Ċiprijotti Torok u b’mod partikolari t-trakkijiet u l-karozzi tal-linja ma jistgħux jiċċaqilqu b’mod liberu madwar il-gżira peress li soluzzjonijiet ta’ kompromess jew kienu rifjutati jew kienu ttardjati minn komunità jew oħra. Barra minn hekk, il-kummerċjanti Ċiprijotti Torok baqgħu jirrappurtaw diffikultajiet biex jaħżnu s-supermarkets u biex jirriklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-ġurnali fiż-żoni kkontrollati mill-gvern. Finalment, jidher li l-kutrabandu ta’ l-oġġetti min-naħa għall-oħra tal-Linja baqa' jinfirex.

Il-Kummissjoni wettqet diversi miżuri bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja, partikolarment il-kummerċ tal-patata, il-frott taċ-ċitru, l-għasel u l-ħut.

Il-konklużjoni ġenerali hi li r-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra għadu jipprovdi bażi legali li wieħed jista' jaħdem biha biex prodotti u persuni jitħallew jaqsmu minn u lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern tar-Repubblika ta' Ċipru. Il-Kummissjoni għandha tibqa’ ssegwi l-implimentazzjoni tar-Regolament.

[1] ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 587/2008 (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1).

[2] ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 587/2008 tas-16 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 866/2004 dwar reġim skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni rigward ir-regoli dwar l-oġġetti, is-servizzi u l-persuni li jaqsmu l-Linja l-Ħadra f’Ċipru.

[3] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/330/KE ta’ l-4 ta' Mejju 2007, ĠU L 123, 12.5.2007, p. 30.

[4] Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)4666 tat-18 ta’ Ottubru.

[5] Skond l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, ma jinżamm l-ebda reġistru fir-rigward tar-ritorn ta’ Ċiprijotti Griegi lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern u dwar ir-ritorn ta’ Ċiprijotti Torok lejn il-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru(ara l-Anness VII).. Madanakollu, dawn iċ-ċifri ma jinkludux il-persuni li jaqsmu l-postijiet ta’ qsim ta’ Pergamos u Strovilia, li t-tnejn huma taħt l-awtorità ga’ l-amministrazzjoni tal- SBA.

[6] Minn hawn ’il quddiem: SBA

[7] Ara l-Anness VI

[8] Ara l-Annessi VI and VIII

[9] B’kollox, kienu użati total minimu ta’ 110 sigħat ta’ xogħol kull ġurnata ta’ għassa mal-Linja bejn il-postijiet ta’ qsim (minn 241 uffiċjal, inklużi persunal tal-pulizija lokali). Dan ma jidhirx li hu żieda meta mqabbel ma’ l-aħħar perjodu ta’ rapport.

[10] Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, ħelikopter wettaq ammont totali ta’ 90 siegħa ta' titjir ta' għassa mal-Linja.

[11] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 ta' l-10 ta' Awissu 2004, ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3.

[12] Ara l-Annessi I, II u III

[13] Ara s-sezzjoni 4.4 aktar 'l isfel

[14] Madanakollu, l-istatisitċi fuq in-nefqa tal-karti ta’ keditu juru li ċ-Ċiprijotti Torok nefqu diversi miljuni ta’ Ewro fis-supermarkets u fil-ħwienet l-oħra fiż-żoni kkontrollati mill-gvern.

[15] Ara l-Annessi IV u V

[16] Ara t-taqsima 2 aktar ’il fuq

[17] Mit-total ta' trakkijiet Ċiprijotti-Torok ta' piż gross massimu ta' aktar minn 3.5 tunnellati

[18] Fil-każ tat-trakkijiet Ċiprijotti Torok kollha b'piż gross massimu ta’ 7.5 tunnellata jew iżjed

[19] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 ta' l-10 ta' Awissu 2004, ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3.

[20] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/330/KE ta’ l-4 ta' Mejju 2007, ĠU L 123, 12.5.2007, p. 30.

Top