EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0832

Komisijas ziņojums Eiropas Parlamentam un Padomei par pieredzi, kas gūta, piemērojot Eiropas Parlamenta un Padomes 2002. gada 16. decembra Regulu (EK) Nr. 91/2003 par dzelzceļa transporta statistiku

/* KUMM/2007/0832 finali */

52007DC0832

Komisijas ziņojums Eiropas Parlamentam un Padomei par pieredzi, kas gūta, piemērojot Eiropas Parlamenta un Padomes 2002. gada 16. decembra Regulu (EK) Nr. 91/2003 par dzelzceļa transporta statistiku /* KUMM/2007/0832 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.12.2007

KUMM(2007) 832 finali

KOMISIJAS ZIŅOJUMS EIROPAS PARLAMENTAM UN PADOMEI

par pieredzi, kas gūta, piemērojot Eiropas Parlamenta un Padomes 2002. gada 16. decembra Regulu (EK) Nr. 91/2003 par dzelzceļa transporta statistiku

WERREJ

Taqsira eżekuttiva 3

1 INTRODUZZJONI 3

1.1 L-ISFOND U L-GĦANIJIET 3

1.2 IL-KUNTEST POLITIKU 4

1.3 REGOLI TA' IMPLIMENTAZZJONI 5

1.4 KOPERTURA TA' STATI MEMBRI U PAJJIŻI OĦRAJN 6

2 L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT 7

2.1 KWISTJONIJIET LI SPUNTAW 7

2.1.1 Rispett ta' l-obbligi ġuridiċi 7

2.1.2 Il-piż ta' l-implimentazzjoni u l-forniment regolari tad-data għall-pajjiżi parteċipanti 9

2.1.3 Il-proċess tal-ġbir, kumpilazzjoni u validazzjoni tad-data 9

2.1.4 Kwistjonijiet metodoloġiċi 10

2.2 RIŻULTATI 10

2.2.1 Trażmissjoni u validazzjoni tad-data 10

2.2.2 Gwida metodoloġika 11

2.2.3 It-tqassim tad-data 11

3 KONKLUŻJONIJIET 14

3.1 ŻVILUPPI GĦAL ŻMIEN QASIR 15

3.2 ŻVILUPPI GĦAL ŻMIEN TWIL 15

TAQSIRA EżEKUTTIVA

Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija[1] jispeċifika fl-Artikolu 9 tiegħu li, wara li d-data tkun inġabret matul perjodu ta' tliet snin, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan ir-rapport hu mmirat biex jikkonforma ma' dan ir-rekwiżit ladarba jkunu tlestew l-ewwel 3 snin ta' ġbir ta' data (2003-2005).

Wara deskrizzjoni ġenerali ta' l-isfond, l-għanijiet u l-kuntest politiku ta' l-att legali, jiġu diskussi xi kwestjonijiet marbuta ma' l-implimentazzjoni. Ir-rapport jippreżenta wkoll informazzjoni dwar ir-riżultati ewlenin miksuba. It-taqsima finali tipprovdi l-konklużjonijiet u l-iżviluppi futuri possibbli.

L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament wassal għad-disponibilità ta' tagħrif dettaljat dwar it-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bil-ferrovija, kif ukoll data dwar l-inċidenti ferrovjarji u mmarka titjib fil-kwalità u l-puntwalità tad-data. L-Istati Membri għamlu sforzi biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tar-Regolament u dawn l-isforzi hemm bżonn li jkomplu jsiru għat-titjib tal-puntwalità u l-kompletezza tal-forniment tad-data.

1 INTRODUZZJONI

1.1 L-ISFOND U L-GĦANIJIET

Ir-Regolament 91/2003 kien għalhekk maħsub biex jipprovdi lill-Kummissjoni, lill-Istituzzjonijiet l-oħrajn ta' l-UE, lill-gvernijiet nazzjonali u lill-pubbliku ġenerali b'data statistika komparabbli, affidabbli, armonizzata, regolari u komprensiva dwar l-iskala u l-iżvilupp tal-ġarr tal-merkanzija u l-passiġġieri bil-ferrovija fl-Unjoni Ewropea.

Dan jinkiseb bl-espansjoni ta' ċerti aspetti essenzjali tad-data li nġabret qabel mid-Direttiva tal-Kunsill dwar l-istatistika tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija (80/1177/KEE) biex tinkludi tagħrif dwar it-trasport tal-passiġġieri, il-flussi tat-traffiku u l-inċidenti fuq in-netwerk tal-ferroviji; tagħrif dwar it-tip ta' merkanzija perikoluża; tagħrif dwar it-tip ta' unità tat-trasport u tagħrif dwar merkanzija nazzjonali u internazzjonali u t-trasport tal-passiġġieri fil-livell reġjonali (NUTS2).

Il-fatturi ewlenin tar-Regolament 91/2003 jistgħu għalhekk jinġabru fil-qosor kif ġej:

- Il-forniment tad-data għandha tkopri l-mezzi ferrovjarji kollha fil-Komunità.

- Il-forniment tad-data huwa definit kemm għat-trasport tal-merkanzija u kemm tal-passiġġieri bil-ferrovija. Id-data miġbura tinkludi statistika annwali u ta' kwart is-sena dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri.

- L-obbligu għall-forniment ta' data ta' oriġini-destinazzjoni kemm għall-merkanzija u kemm għall-passiġġieri hija definita ġeografikament fil-livell NUTS2.

- It-tagħrif miġbur jinkludi statistika dwar il-flussi tat-traffiku fuq in-netwerk ferrovjarju għall-ferroviji tal-merkanzija u tal-passiġġieri.

- Il-forniment tad-data tkopri l-istatistika ta' l-inċidenti ferrovjarji.

1.2 IL-KUNTEST POLITIKU

L-iżvilupp tal-Politika Komuni tat-Trasport teħtieġ l-aqwa għarfien possibbli dwar l-estent u l-evoluzzjoni tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bil-ferrovija. Il-White Paper "Il-politika Ewropea għat-trasport għall-2010: żmien li niddeċiedu"[2] fissret l-għan tal-Politika Komunitarja tat-Trasport bħala li tipprova tipprovdi sistemi ta' trasport effiċjenti u effettivi għall-Ewropej Dan l-għan inżamm fir-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tal-White Paper[3] għalkemm iktar orjentat lejn l-iżgurar ta' mobilità sostenibbli fl-Ewropa. L-Istrateġija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE[4] tistabbilixxi t-trasport sostenibbli bħala għan ewlieni għall-UE. B'hekk, l-istatistika tat-trasport ferrovjarju tal-Komunità tintuża għall-ħolqien, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politika tat-trasport ta' l-UE u politiki oħrajn ta' l-UE bħall-Istrateġija mġedda għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-funzjonament tas-suq intern.

L-importanza ta' din id-data għat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-UE qiegħda tikber, pereżempju, wara l-kompetenza attribbwita lill-Kummissjoni f'isem it-tieni u tielet pakketti ta' proposti għall-mezzi ferrovjarji.

It-tieni pakkett ferrovjarju huwa magħmul minn tliet direttivi (sikurezza, interoperabilità u direttivi tal-ftuħ tas-swieq) u regolament dwar l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea.

It-tielet pakkett ta' miżuri ġuridiċi jinkludi żewġ direttivi (direttiva dwar iktar ftuħ tas-suq għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija u direttiva għal-liċenzji tax-xufiera tal-ferroviji) u regolament (dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji). Dan it-tagħrif jintuża wkoll għall-kejl tal-flussi tal-passiġġieri u l-merkanzija u l-kalkolu tal-qasma skond il-mod tat-trasport fl-UE.

Eżempji oħrajn ta' l-użu ta' din id-data għall-bżonnijiet politiċi huma dawn li ġejjin:

- L-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ERA) hija interessata wkoll fl-isfruttament ta' din id-data għal xogħolha, eż. għall-iżvilupp ta' indikaturi komuni tas-sigurtà.

- Hemm ukoll il-potenzjal biex din id-data tintuża għal finijiet ta' politika ambjentali bi tqabbil ma' mezzi oħrajn tat-trasport. Il-bżonn tad-data qiegħed jikber bir-rieda politika li jissaħħaħ it-trasport bil-ferrovija għal raġunijiet ambjentali. Din l-istatistika hija rilevanti għall-mekkaniżmu ta' rappurtar ambjentali u tat-trasport TERM, li hu maħsub biex jinforma lil min ifassal il-politika tat-trasport fl-UE u huwa żviluppat mill-Aġenzija Ambjentali Ewropea b'kooperazzjoni ma' l-esperti ta' l-Istati Membri u mal-Kummissjoni Ewropea.

1.3 REGOLI TA' IMPLIMENTAZZJONI

Ir-Regolament 91/2003 jikkonferixxi setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni, li jridu jiġu eżerċitati permezz tal-proċedura tal-komitoloġija kif stabbilita fl-Artikoli 10 u 11. L-Eurostat użat din il-proċedura biex tadotta sett ta' regoli li jkopru aspetti differenti ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament. Dawn ir-regoli huma adottati fil-forma ta' Regolamenti tal-Kummissjoni wara opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku.

S'issa ġew adottati żewġ Regolamenti implimentattivi:

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1192/2003[5] tat-3 ta' Lulju 2003, li fil-parti l-kbira tiegħu jipprovdi definizzjonijiet armonizzati li jridu jintużaw fl-istatistika ferrovjarja mill-pajjiżi kollha li jipprovdu d-data imma jadatta wkoll il-kontenut ta' l-anness relatat ma' l-istatistika ta' l-inċidenti;

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 332/2007[6] tas-27 ta' Marzu 2007, li jipprovdi l-format tekniku għat-trażmissjoni tad-data (datasets li jridu jiġu pprovduti ma' l-istruttura u l-kodifikazzjoni korrispondenti).

Regolament tal-Kummissjoni ieħor qiegħed jiġi diskuss bħalissa fil-kumitati rilevanti. Huwa għandu l-mira li jarmonizza għadd ta' definizzjonijiet u li jemenda l-Anness H tar-Regolament 91/2003 biex ikun konsistenti ma' l-Anness 1 tad-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ferroviji 2004/49/KE.

1.4 KOPERTURA TA' STATI MEMBRI U PAJJIŻI OĦRAJN

Ir-Regolament 91/2003 japplika direttament u fl-intier tiegħu fl-Istati Membri kollha. Ma għandux għalfejn jiġi traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, l-introduzzjoni gradwali ta' l-Annessi tar-Regolament (għal ċerti datasets, varjabili u kumpaniji ferrovjarji) skond ċerti regoli u għal perjodu massimu ta' żmien ta' tliet snin (sa l-2005 inkluż) ġie introdott.

Rigward ir-Rumanija u l-Bulgarija, iż-żewġ pajjiżi ddikjaraw ir-rieda tagħhom biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE f'dan il-qasam, mill-bidu ta' l-2006 bħala sena ta' referenza għall-fornimenti tad-data. Ir-Rumanija pprovdiet kważi d-data kollha ta' l-2005 skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

Rigward il-pajjiżi kandidati, il-Kroazja u t-Turkija jipprovdu xi data, filwaqt li r-Repubblika eks Jugożlava tal-Maċedonja għadha ma bagħtet l-ebda tagħrif.

Fl-2003, ir-Regolament 91/2003 ġie inkorporat formalment fl-Anness XXI (Statistika) tal-Ftehim taż-ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE[7]. Skond din id-Deċiżjoni, in-Norveġja għandha tibgħat id-data meħtieġa mir-Regolament. Ir-Regolament jipprevedi dispożizzjoni għal rappurtar issemplifikat u dan hu applikat għad-data tal-Liechtenstein[8].

Data bbażata fuq il-prinċipji tar-Regolament se tkun trażmessa mill-Iżvizzera b'konformità mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-istatistika[9]. L-Iżvizzera għandha tiġbor id-data meħtieġa mir-Regolament minn, l-iktar tard, il-bidu tas-sena 2006[10].

2 L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT

2.1 KWISTJONIJIET LI SPUNTAW

2.1.1 Rispett ta' l-obbligi ġuridiċi

Il-konformità ma' l-obbligi tal-forniment tad-data definiti fir-Regolament esperjenzaw evoluzzjoni pożittiva matul il-perjodu meqjus. It-tendenza ta' l-evoluzzjoni kienet ikkawżata l-iżjed mill-fatt li d-dispożizzjonijiet ta' l-Annessi ġew introdotti gradwalment kif ġej:

- id-data ta' l-2003 - It-Tabelli A1, A2, A3 u l-Anness I kienu meħtieġa għall-ewwel darba;

- id-data ta' l-2004 – It-Tabelli A4, A5, A6, A7, A8 u A9, l-Anness B, l-Anness C, l-Anness D, l-Anness E u l-Anness H kienu meħtieġa għall-ewwel darba;

- id-data ta' l-2005 - l-Anness F u l-Anness G kienu meħtieġa għall-ewwel darba.

It-Tabella 1 turi l-istat tat-twassil tad-data għas-sena ta' referenza 2005 skond id-dataset u l-perjodiċità. Skond ir-Regolament 91/2003:

- datasets relatati ma' l-Anness E (Statistika dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri) jinġabru kull kwart ta' sena;

- datasets ta' l-Annessi A, B, C, D (Statistika dwar it-trasport tal-merkanzija u l-passiġġieri) u H (Statistika dwar l-inċidenti) huma annwali;

- datasets ta' l-Annessi F (Statistika reġjonali dwar it-trasport tal-merkanzija u l-passiġġieri) u G (Statistika dwar il-flussi tat-traffiku fin-netwerk ferrovjarju) huma kull ħames snin (u għandhom jiġu pprovduti mill-bidu tas-sena ta' referenza 2005).

Tabella 1: Konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament rigward il-puntwalità u l-kompletezza fl-2005 (sena ta' referenza)

Twassil tad-data kull kwart ta' sena | Twassil annwali tad-data | 5 snin (jibdew mill-2005) |

T | problemi ta' puntwalità |

M | hemm xi tabelli neqsin |

Q | problemi ta' kwalità, data mhux kompleta |

– | mhux ikkonċernat |

Rigward il-forniment tad-data għall-2003, xi pajjiżi parteċipanti kellhom xi problemi fit-twassil ta' ċerti datasets (l-iktar rigward l-istatistika dwar l-inċidenti, eċċ.) jew ċerti elementi (movimenti tal-ferroviji, eċċ.). Il-forniment tad-data fis-sentejn ta' wara tjieb, għalkemm għad hemm bżonn ta' xi sforzi biex titejjeb il-perjodiċità u l-kompletezza tad-datasets.

2.1.2 Il-piż ta' l-implimentazzjoni u l-forniment regolari tad-data għall-pajjiżi parteċipanti

Fil-maġġoranza tal-pajjiżi parteċipanti l-konformità mar-Regolament fissret sfruttament ċar tad-data eżistenti u għalhekk, ma ttieħdu l-ebda miżuri speċifiċi, peress li l-proċessi eżistenti kienu suffiċjenti biex jissodisfaw ir-rekwiżiti. Madankollu, f'xi pajjiżi, kien hemm bżonn ta' estensjonijiet tal-ġbir tad-data u proċeduri ta' kumpilazzjoni addizzjonali Ta' min isemmi li ma kien previst l-ebda appoġġ finanzjarju fir-Regolament li jkopri l-ispiża ta' l-implimentazzjoni tiegħu.

Rigward il-forniment regolari tad-data, ix-xogħol involut jitqies aċċettabbli mill-maġġoranza tal-pajjiżi parteċipanti. Madankollu, f'xi pajjiżi dan jinvolvi piż maġġuri, partikolarment għall-kumpaniji ferrovjarji peress li fornituri oriġinali tad-data u għas-CNA tal-pajjiżi fejn ir-regoli ta' liberalizzazzjoni ta' l-UE huma applikati u, minħabba f'hekk, ħafna kumpaniji ferrovjarji ġodda huma attivi.

F'termini ta' spejjeż, studju pilota mniedi fl-2006 f'isem il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Koordinament u l-Programmazzjoni tas-Sistema Statistika Ewropea żvelat sitwazzjoni eteroġenea, bi spiża medja annwali għall-produzzjoni ta' l-istatistika tat-trasport bil-ferroviji li tvarja konsiderevolment anke fost l-Istati Membri b'daqs u strutturi tas-suq simili. Ħlief għal xi eċċezzjonijiet verament żgħar, l-Istati Membri kkonfermaw li ċ-ċifri ppreżentati fl-istudju spiża-benefiċċju qegħdin[11] realment jirriflettu l-ispiża totali annwali għall-produzzjoni ta' l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija skond ir-Regolament 91/2003.

2.1.3 Il-proċess tal-ġbir, kumpilazzjoni u validazzjoni tad-data

Il-proċess tal-ġbir u l-kumpilazzjoni tad-data fil-pajjiżi parteċipanti ssegwi fluss tradizzjonali ta' tagħrif minn isfel għal fuq. B'mod ġenerali, dan il-fluss jibda mill-kumpanija ferrovjarja li tibgħat it-tagħrif lis-CNA, li tagħmel il-kumpilazzjoni, validazzjoni u trażmissjoni tad-data nazzjonali ta' l-Eurostat.

F'xi każijiet, is-CNA tuża tagħrif minn sorsi oħrajn, bħall-Ministeru tat-Trasport, il-maniġers ta' l-infrastruttura jew l-Awtoritajiet tas-Sikurezza Nazzjonali, partikolarment għall-istatistika dwar il-flussi tat-traffiku fuq in-netwerk ferrovjarju u għall-istatistika dwar l-inċidenti.

Is-CNA kollha japplikaw kontrolli ta' validazzjoni qabel jibagħtu t-tagħrif lill-Eurostat, bl-użu ta' proċeduri ta' kontroll żviluppati internament u/jew bl-użu ta' softwer ta' prevalidazzjoni pprovdut mill-Eurostat. Ir-regoli ta' validazzjoni jkopru ħafna aspetti tal-proċess inkluż il-format tad-data, il-kodifikazzjoni, il-konsistenza interna ta' kull dataset, konsistenza bejn id-datasets u l-varjabili, eċċ. u meta jinstabu xi żbalji jiġu kkoreġuti manwalment qabel ma d-data tintbagħat lill-Eurostat.

2.1.4 Kwistjonijiet metodoloġiċi

L-arranġamenti metodoloġiċi tar-Regolament ta' implimentazzjoni 91/2003 pprovdew qafas komuni bies jiġi żgurat il-ġbir armonizzat tad-data u l-produzzjoni ta' riżultati komparabbli. Matul il-perjodu meqjus, tqajmu l-kwistjonijiet metodoloġiċi ewlenin li ġejjin:

- Il-kwistjoni ta' l-inklużjoni/esklużjoni tal-passiġġieri fi tranżitu;

- Problemi metodoloġiċi biex tiġi stabbilita t-tabella korrispondenti tal-kodiċi stazzjonarji UIC mar-reġjuni NUTS2 u għodda komuni ta' konverżjoni għall-NST/R-NST2000 (CPA, CN) għal finijiet ta' l-istatistika tat-trasport;

- Il-bżonn għall-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet bejn id-Direttiva tas-Sikurezza Ferrovjarja 49/2004 u r-Regolamenti ferrovjarji (flimkien ma' bidliet fil-firxa tal-ġbir tad-data) biex titjieb il-kwalità ta' l-istatistika ta' l-inċidenti ferrovjarji;

- Għajnuna metodoloġika għall-Anness G - Statistika dwar il-flussi tat-traffiku fin-netwerk ferrovjarju;

- Problemi ta' korrispondenza bejn l-Anness I u d-data li trid tintbagħat.

2.2 RIŻULTATI

2.2.1 Trażmissjoni u validazzjoni tad-data

Kull Anness tar-Regolament 91/2003 jipprovdi skadenzi speċifiċi għat-trażmissjoni tad-data mill-pajjiżi parteċipanti. Matul il-perjodu meqjus, il-konformità ma' dawn l-iskadenzi tjiebet.

Fir-rigward ta' l-arranġamenti tekniċi għat-trażmissjoni tad-data, intlaħaq livell għoli ta' standardizzazzjoni. Id-data tiġi trażmessa elettronikament lill-Eurostat filwaqt li tirrispetta l-istruttura tal-fajls tad-data u l-format tar-reġistrazzjoni. Dan jippermetti integrazzjoni malajr tat-tagħrif fid-database tal-produzzjoni ta' l-Eurostat u sejba minn kmieni ta' żbalji bażiċi u kodiċi mhux magħrufa.

Ladarba d-data tiddaħħal fid-database ta' l-Eurostat, jiġu applikati proċeduri dettaljati ta' validazzjoni sabiex tkun żgurata l-kwalità tad-data trażmessa. Il-validazzjoni tinkludi l-konsistenza interna tad-datasets, il-konsistenza maż-żmien, il-koerenza bejn id-datasets u t-tqabbil tar-riżultati għat-traffiku bejn żewġ pajjiżi parteċipanti.

Il-kwalità tad-data tista' tiġi ġġudikata bħala tajba għat-trasport tal-merkanzija (li huwa bbażat fuq id-dokumenti tal-merkanzija). Id-data tal-passiġġieri ma tistax tilħaq l-istess livell ta' kwalità, b'riżultat ta' metodoloġiji differenti fil-ġbir tad-data f'kull Stat Membru. Rigward l-istatistika ta' l-inċidenti d-data xi kultant tkun 'imniġġsa' minn suwiċidji u attentati ta' suwiċidji. Partijiet mid-data dwar l-inċidenti għadhom ibatu minn nuqqas ta' adattament nazzjonali għad-definizzjonijiet komuni (probabbilment minħabba l-perjodu tranżitorju ta' ħames snin permessi fir-Regolament 91/2003); id-definizzjonjiet armonizzati msemmija hawn fuq se jtejbu l-kwalità tad-data. Din l-istqarrija hija bbażata fuq l-implimentazzjoni ta' qafas metodoloġiku komuni solidu, fuq l-isforzi fil-proċeduri ta' kumpilazzjoni u validazzjoni fil-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-kontrolli ta' kwalità sussegwenti li jsiru fl-Eurostat qabel it-tixrid tad-data.

Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri jqisu l-livell ta' konformità mar-Regolament 91/2003 bħala wieħed tajjeb. Ħafna mid-diffikultajiet jiġu mill-forniment tat-tagħrif fil-livell reġjonali minħabba sorsi ta' data u għodod ta' pproċessar fqar, aċċess limitat għad-data u, f'xi każijiet, diffikultajiet ta' pproċessar tad-data. Madankollu, f'ħafna pajjiżi parteċipanti hemm sforzi għaddejjin biex titjieb is-sitwazzjoni, bħal kuntatti regolari ma' min iforni d-data biex jippermettu t-tlestija tat-trażmissjoni tad-data, jew l-iżvilupp ta' sistemi ta' pproċessar tad-data.

2.2.2 Gwida metodoloġika

L-Eurostat ipproduċiet Manwal ta' Referenza għall-implimentazzjoni tar-Regolament 91/2003 biex tipprovdi gwida għall-Istati Membri u l-pajjiżi parteċipanti l-oħrajn dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament. Il-Manwal ta' Referenza jiġi aġġornat kull sena biex jinkludi t-tagħrif, id-dokumentazzjoni jew il-linji gwida l-aktar reċenti, rilevanti għall-ġabra ta' din l-istatistika.

Barra minn hekk, it-tabella ta' korrispondenza tal-kodiċi ta' l-istazzjonijiet UIC mar-reġjunijiet NUTS2 ġiet stabbilita mill-Eurostat b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri u l-UIC.

2.2.3 It-tqassim tad-data

Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament 91/2003, il-Kummissjoni tista' tqassam id-data kollha mhux iddikjarata bħala kunfidenzjali mill-Istati Membri. Fil-prattika, ftit pajjiżi biss użaw din il-klawżola u l-biċċa l-kbira tad-data mogħtija lill-Eurostat tista' titqassam. Id-data ta' l-Anness I (tagħrif dwar l-impriżi ferrovjarji) hija kunfidenzjali abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

L-Eurostat jippubblika d-data miġbura permezz tad-database ta' tqassim tiegħu liberament u din hija aċċessibbli mill-websajt ta' l-Eurostat. Diġà hemm 19-il tabella li mtlew bid-data li ġejja mill-Annessi A-E u H. Din is-sena (2007) l-għadd ta' tabelli se jiżdied minħabba t-tqassim tad-data mill-Annessi F u G.

L-Eurostat tqassam l-informazzjoni wkoll permezz ta' pubblikazzjonijiet speċifiċi bħas-sensiela Statistics in Focus jew stqarrijiet ta' l-aħbarijiet li jagħtu rilevanza lid-data għall-mezzi tax-xandir u għall-pubbliku ġenerali.

Abbażi tad-data li waslet skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, kien possibbli li jiġu ppubblikati tliet Statistics in Focus għad-data ta' l-2005:

- Inċidenti tat-trasport ferrovjarju fl-Unjoni Ewropea fl-2004-2005;

- It-trasport tal-merkanzija ferrovjarja fl-2005;

- It-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija fl-2004-2005.

It-tabella 2 fiha xi ċifri ewlenin dwar it-trasport ferrovjarju Ewropew miġbura fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament.

Tabella 2: Total [12] ta' passiġġieri u merkanzija ttrasportata bil-ferrovija u persuni li nqatlu minn inċidenti ferrovjarji skond il-pajjiż fl-2005

It-trasport tal-passiġġieri (f'miljuni ta' pkm) | Bidla meta mqabbla ma' l-2004 (%) | Trasport tal-merkanzija (f'miljuni ta' tkm) | Bidla meta mqabbla ma' l-2004 (%) | Għadd ta' persuni maqtula minn inċidenti ferrovjarji[13] |

Il-Belġju | 8305 | -4.3 | :c[14] | 5.7 14 | 24 |

Ir-Repubblika Ċeka | 6667 | 1.3 | 14866 | -1.5 | 249 |

Id-Danimarka | 5957 | 0.7 | 1976 | -14.9 | 23 |

Il-Ġermanja | 78244 | 7.4 | 95421 | 3.8 | 157 |

L-Estonja | 248 | 28.6 | 10639 | 1.4 | 21 |

Il-Greċja | 1854 | 11.1 | 613 | 3.6 | 26 |

Spanja | 21153 | 4.1 | 11635 | -2.0 | 65 |

Franza | 76886 | 3.4 | 40701 | -9.8 | 79 |

L-Irlanda | 1781 | 12.6 | 303 | -24.1 | 0 |

L-Italja | 50088 | 1.7 | 22761 | 2.6 | 99 |

Ċipru | - | - | - | - | - |

Il-Latvja | 894 | 10.3 | 19779 | 6.2 | 5 |

Il-Litwanja | 280 | -1.0 | 12457 | 7.0 | 33 |

Il-Lussemburgu | 267 | 5.8 | 392 | -33.9 | 0 |

L-Ungerija | 9851 | -3.1 | 9090 | 3.9 | 91 |

Malta | - | - | - | - | - |

L-Olanda | 14036 | -0.4 | 5025 | -3.8 | 25 |

L-Awstrija | 9236 | 5.0 | 18957 | 1.1 | 44 |

Il-Polonja | 17882 | -3.0 | 49972 | -4.5 | 291 |

Il-Portugall | 3809 | 1.5 | 2422 | 6.1 | 99 |

Is-Slovenja | 716 | 3.0 | 3245 | 3.0 | 5 |

Is-Slovakkja | 2182 | -2.0 | 9463 | -2.5 | 7 |

Il-Finlandja | 3478 | 3.8 | 9706 | -4.0 | 22 |

L-Iżvezja | 8910 | 3.2 | 21675 | 3.9 | 21 |

Ir-Renju Unit | 44415 | 2.5 | 22322 | -1.0 | 74 |

L-Unjoni Ewropea 25 | : | : | : | : | 1464 |

Il-Bulgarija | : | : | : | : | : |

Il-Kroazja | 1227 | 5.0 | 2835 | 13.7 | 35 |

FYROM | : | : | : | : | : |

L-Iżlanda | - | - | - | - | - |

Il-Liechtenstein | 1 | 0.0 | 17 | -17.3 | 0 |

In-Norveġja | 2709 | 3.4 | 3149 | 10.7 | 4 |

Ir-Rumanija | 7960 | -7.6 | 16582 | -2.6 | 36 |

L-Iżvizzera[15] | : | : | : | : | : |

It-Turkija | 5036 | -3.8 | 9077 | -2.7 | 154 |

3 KONKLUŻJONIJIET

L-esperjenza u r-riżultati miksuba ma' l-implimentazzjoni tar-Regolament 91/2003 jistgħu jitqiesu, b'mod ġenerali, bħala pożittivi ħafna. L-adozzjoni tar-Regolament, ix-xogħol u r-riżorsi użati fit-twaqqif tar-rekwiżiti legali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell ta' l-Eurostat, ippermettew il-produzzjoni malajr ta' riżultati komparabbli u affidabbli. Dan hu partikolarment rilevanti fil-każ ta' l-għaxar Stati Membri li ngħaqdu ma' l-UE fl-2004.

Instabu iktar problemi li jikkonċernaw il-ġbir tad-data ferrovjarja fil-pajjiżi fejn is-suq ferrovjarju huwa żviluppat (hemm ħafna operaturi ferrovjarji).

Il-fornimenti tad-data fis-sentejn ta' wara tjiebu, għalkemm għad fadal xi problemi, partikolarment fir-rigward tal-perjodiċità u l-kompletezza tad-datasets.

Minħabba l-proċess ta' tagħlim kostanti (matul it-tliet snin preċedenti), id-data ta' kull kwart ta' sena ta' l-2006 kienu diġà disponibbli f''Mejju 2007 (l-Istati Membri kollha rrispettaw l-iskadenza għad-data ta' kull kwart ta' sena).

Intlaħaq progress kbir minn xi pajjiżi biex jilliberaw ir-restrizzjonijiet ta' kunfidenzjalità ta' xi tabelli. Fil-bidu, 7 pajjiżi ddikjaraw xi tabelli bħala kunfidenzjali, imma bil-kuntatti ta' l-NSIs ma' l-impriżi ferrovjarji, id-data setgħet issir pubblika. Bħalissa tliet pajjiżi biss (AT[16], BE[17] u BG[18]) għandhom xi restrizzjonijiet fuq id-data. Il-proċedura għall-pubblikazzjoni tad-data għadha għaddejja f'dawn il-pajjiżi. Minħabba f'hekk, l-aggregati ta' l-UE (għal xi varjabili) għadhom mhumiex disponibbli. Dan ixekkel serjament il-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju fil-livell Ewropew u għalhekk l-utilità tad-datasets.

Ħafna mill-kwistjonijiet marbuta ma' l-interpretazzjoni tar-Regolament, il-ġbir, il-kumpilazzjoni, it-trażmissjoni u l-validazzjoni ta' data ġew indirizzati u affrontati b'mod adegwat. L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament wassal għal żieda fid-disponibbiltà ta' tagħrif dwar is-settur kif ukoll għal titjib fil-kwalità u l-puntwalità tad-data. Fir-rigward ta' l-użu tad-data, ir-riżultati miksuba għandhom applikazzjoni immedjata fit-tfassil tal-politika, b'mod partikolari għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki fis-settur tat-trasport ferrovjarju fil-livell nazzjonali u ta' l-UE. It-tixrid ta' data permezz ta' mezzi pubbliċi differenti kkontribwixxa biex jagħti viżibilità lill-proċess kollu u biex jipprovdi prospett liċ-ċittadini fuq ir-riżorsi li investew fih.

3.1 ŻVILUPPI GĦAL ŻMIEN QASIR

Fiż-żmien qasir, l-isforzi għandhom ikunu kkonċentrati fuq il-kwistjonijet li ġejjin:

- Iffinalizza l-introduzzjoni tad-definizzjonijiet armonizzati għal komparabilità aħjar tad-data ta' pajjiżi differenti u modi differenti ta' trasport.

- L-integrazzjoni u l-armonizzazzjoni ta' xi data dwar l-inċidenti ferrovjarji (li qegħdin attwalment jinġabru separatament mill-ERA u l-Eurostat) biex jevitaw id-duplikazzjoni tax-xogħol u l-pubblikazzjoni ta' ċifri differenti fil-ġejjieni.

- Iktar titjib tal-kwalità tad-data għal ċerti elementi u ta' puntwalità hija neċessarja. Xi pajjiżi parteċipanti għandhom bżonn li jagħmlu sforzi addizzjonali biex ifornu data affidabbli u kumparabbli u biex titjieb il-puntwalità tal-forniment tad-data.

- It-tqassim ta' data reġjonali u flussi tat-traffiku fuq in-netwerk ferrovjarju;

- It-tkabbir ta' l-UE għall-Bulgarija u r-Rumanija. L-Eurostat se jagħti attenzjoni partikolari biex jiżgura li dawn iż-żewġ Stati Membri ġodda jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar l-istatistika tat-trasport ferrovjarju.

- It-tneħħija sħiħa tar-restrizzjonijiet tal-kunfidenzjalità biex ikun permess it-tqassim fil-ħin ta' l-aggregati ta' l-UE.

3.2 ŻVILUPPI GĦAL ŻMIEN TWIL

Il-ġbir ta' varjabili ġodda jista' jkun previst u se jkun diskuss, abbażi tal-bżonnijiet imħabbra mill-utenti tad-data (eż. il-ferrovija-km koperti maqsuma f'diżil u elettriku jista' jkun utli għall-kalkoli ta' l-impatt ambjentali). Il-possibilità ta' ġbir ta' data fuq ferroviji tal-passiġġieri b'veloċità għolja (għadd ta' passiġġieri, passiġġieri-km u ferrovija-km) jistgħu jiġu diskussi wkoll.

Madankollu, il-pajjiżi parteċipanti esprimew b'mod ċar il-problemi ta' ġbir ta' tagħrif bħal dan u l-ħtieġa biex jiġi ġġustifikat kwalunkwe piż ieħor marbut mal-ġbir ta' l-istatistika b'mod ġenerali u l-istatisitka dwar it-trasport bil-ferrovija b'mod partikolari.

Ta' l-inqas żewġ żviluppi oħrajn mhux marbuta mar-rekwiżiti ta' data ġodda jistgħu jkunu previsti:

- Tnaqqis żgħir fuq il-perjodu tat-trażmissjoni ta' data ta' ħames xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' osservazzjoni għad-data annwali dwar il-passiġġieri tal-ferrovija, skond il-ġbir ta' data ta' l-istatistika dwar modi oħra ta' trasport.

- L-estensjoni tal-kopertura ġeografika jew minħabba t-tkabbir ta' l-UE fil-futur jew minħabba l-involviment volontarju ta' pajjiżi terzi permezz ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni.

[1] Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, ĠU L 14, 21.1.2003, p. 1.

[2] COM(2001) 370 tat-12 ta' Settembru 2001.

[3] COM(2006) 314 tat-22 ta' Ġunju 2006: "Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna. Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport ta’ l-2001 tal-Kummissjoni Ewropea".

[4] Adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15-16 ta' Ġunju 2006.

[5] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1192/2003 tat-3 ta' Lulju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika kollha fuq trasport bil-ferrovija, ĠU L 167, 4.7.2003, p.13.

[6] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 332/2007 tas-27 ta' Marzu 2007 dwar l-arranġamenti tekniċi għat-trażmissjoni ta' l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, ĠU L 88, 29.3.2007, p.16.

[7] Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 12/2004 tas-6 ta' Frar 2004 li temenda l-Anness XXI (Statistika) mal-Ftehim taż-ŻEE, ĠU L 116 tat-22 ta' April 2004, pp.63-64.

[8] Id-data tal-Liechtenstein hija pprovduta mill-Awstrija, peress li impriża ferrovjarja (Awstrijaka) waħda topera fit-territorju tal-Liechtenstein biss.

[9] Iffirmat fis-26 ta' Ottubru 2004 u approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-istatistika, ĠU L 90 tat-28 ta' Marzu 2006, pp.1-21.

[10] L-Anness A Statistika tat-Trasport u t-Turiżmu tal-Ftehim imsemmi hawn fuq.

[11] Ir-rapport kien ippreżentat u diskuss ma' l-Istati Membri fil-Programmazzjoni u Koordinament WG ESS fid-19 ta' Ġunju 2006 (Punt 2.1. fuq l-aġenda Reviżjoni tal-prijoritajiet - riżultati minn studji pilota spiża-benefiċċju ).

[12] Rappurtar dettaljat u ssemplifikat, kull tip ta' trasport (internazzjonali, nazzjonali, tranżitu għat-trasport tal-merkanzija biss).

[13] Xi data jaf ikun fiha s-suwiċidji.

[14] Id-data hija kunfidenzjali minħabba l-klawżola ta' kunfidenzjalità mqiegħda fuq ir-rappurtar issemplifikat (impriżi żgħar); id-data għall-impriżi l-kbar (rappurtar iddettaljat) kien 8130 miljun tkm fl-2005.

[15] L-Iżvizzera għandha tibda tipprovdi d-data ferrovjarja mill-2006 bħala sena ta' referenza (skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-istatistika, ĠU L 90 tat-28 ta' Marzu 2006, pp.1-21).

[16] It-Tabelli A3, F1 u F2 huma kunfidenzjali, it-tabelli C1, C2, C3 C4, E2, F3, F4 jinsabu taħt proċedura ta' pubblikazzjoni.

[17] B1 għall-2004 u l-2005 huma kunfidenzjali.

[18] It-Tabelli E1 u E2 - proċedura għaddejja għall-pubblikazzjoni.

Top