EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0808

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - L-edukazzjoni finanzjarja

/* KUMM/2007/0808 finali */

52007DC0808

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - L-edukazzjoni finanzjarja /* KUMM/2007/0808 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.12.2007

KUMM(2007) 808 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

L-EDUKAZZJONI FINANZJARJA

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

L-EDUKAZZJONI FINANZJARJA

DAĦLA

L-edukazzjoni finanzjarja tagħti l-possibiltà lill-individwi biex itejbu l-fehim tagħhom ta' prodotti u kunċetti finanzjarji, u tiżviluppa l-abbiltajiet meħtieġa għat-titjib tal-litteriżmu finanzjarju tagħhom; jiġifieri biex ikunu konxji tar-riskji u l-opportunitajiet finanzjarji u biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati fl-għażla tagħhom ta' servizzi finanzjarji. Hija kwistjoni mat-tul sħiħ tal-ħajja. L-edukazzjoni finanzjarja tikkomplementa l-miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw l-għoti xieraq ta' informazzjoni, protezzjoni u parir lill-konsumaturi[1]. Flimkien, dawn il-politiki jikkontribwixxu għall-infurzar tal-kapaċità tal-konsumaturi biex jieħdu l-aqwa deċiżjonijiet għaċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħhom.

Bosta servejs internazzjonali wrew li ġeneralment il-konsumaturi għandhom livell baxx ta’ fehim ta' kwistjonijiet finanzjarji u ta' l-ekonomija bażika. Fl-istess ħin, l-edukazzjoni taċ-ċittadini dwar kwistjonijiet finanzjarji qed issir dejjem iktar importanti minħabba li l-innovazzjoni u l-globalizzazzjoni qegħdin iżidu l-firxa u l-kumplessità tas-servizzi finanzjarji offerti. Id-diffikultajiet attwali fis-suq ta’ l-ipoteki sub-prime ta’ l-Istati Uniti, fejn ħafna konsumaturi m’għandhomx mezzi biżżejjed għall-ipoteki tagħhom, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ fehim tagħhom tal-karatteristiċi tal-prodott, ifakkru l-immensità tal-problema. L-Istati Membri għandu jkollhom rwol ċentrali, iżda l-UE tista’ tassistihom.

L-importanza ta’ edukazzjoni finanzjarja tajba kienet rikonoxxuta fil-livell globali u ta’ l-UE, inkluż fil-White Paper dwar Politika għas-Servizzi Finanzjarji (2005-2010)[2], il-Green Paper ta’ Mejju 2007 dwar is-Servizzi Finanzjarji bl-Imnut[3], u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar politika ta’ servizzi finanzjarji[4] adottata f’Lulju 2007. Il-kwistjoni ta’ l-edukazzjoni finanzjarja ġiet diskussa wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tat-8 ta’ Mejju 2007, li fih il-Kunsill jistieden lill-Istati Membri “iżidu b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom biex jgħollu s-sensibilizzazzjoni tal-familji dwar il-ħtieġa ta' dawn ta' l-aħħar biex jiksbu informazzjoni u edukazzjoni tajba, flimkien mar-responsabbiltajiet u l-inizjattivi proprji ta' l-industrija finanzjarja kif xieraq, sabiex tiżdied it-tħejjija tal-familji filwaqt li tinżamm protezzjoni xierqa għal min jinvesti”.

L-edukazzjoni finanzjarja kienet imħabbra, fir-rapport tal-Kummissjoni dwar Suq Uniku Għall-Ewropa tas-Seklu 21[5], bħala komponent essenzjali ta’ l-isforzi tagħha biex tiżgura li s-Suq Uniku jista’ joħloq benefiċċji diretti għaċ-ċittadini Ewropej, partikolarment billi tagħtihom il-kuraġġ biex mhux biss jiflu offerti differenti ħalli jixtru l-aqwa servizzi finanzjarji, kemm fl-Istat Membru tagħhom kif ukoll transkonfinali, iżda biex jifhmu ċerti punti essenzjali tal-finanzi personali.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tassisti lill-partijiet interessati fl-iżvilupp ta’ l-iskemi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja billi

- Tqajjem il-kuxjenza dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-edukazzjoni finanzjarja fqira.

- Tinkoraġġixxi u tippromwovi l-għoti ta’ edukazzjoni finanzjarja ta’ kwalità għolja fi ħdan l-UE, inkluż it-tqassim ta’ l-aqwa prattika.

- Tiżviluppa ċerti strumenti prattiċi u li jiffaċilitaw l-ilħiq ta' dawn l-għanijiet.

L-IMPORTANZA DEJJEM TIKBER TA’ L-EDUKAZZJONI FINANZJARJA

L-industrija tas-servizzi finanzjarji hija waħda dejjem tevolvi b’pass imħaffef. L-innovazzjoni u l-globalizzazzjoni lill-individwi jagħtuh aċċess għal għażla ta’ prodotti u servizzi maħsuba biex jintlaqgħu diversi bżonnijiet u ċirkostanzi. Avvanzi teknoloġiċi, kanali ġodda tal-forniment elektroniku u l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju żiedu l-firxa tas-servizzi offruti u l-mezzi li bihom huma disponibbli. Iżda għal bosta ċittadini, il-prodotti huma kumplessi fihom infushom u huwa diffiċli li jkun evalwat ir-rendiment futur. L-iżbilanċi ta’ informazzjoni jibgħu sinifikanti: saħansitra l-prodotti finanzjarji relativament sempliċi jistgħu jidhru piuttost kumplessi għaċ-ċittadin normali li jew m’għandu l-ebda edukazzjoni finanzjarja jew ftit li xejn. Mill-istħarriġ riċenti jidher il-kobor tal-problemi li jaffrontaw il-konsumaturi.

- Individwi jsibuha diffiċli biex jifhmu affarijiet finanzjarji: In-nies jirrikonoxxu dejjem iżjed li jonqsuhom ċerti abiltajiet essenzjali biex jittrattaw u jifhmu kwistjonijiet finanzjarji. Dan jista’ ikollu konsegwenzi sinifikanti għall-abbiltà tagħhom biex jikkomunikaw mal-fornituri u jagħżlu l-aqwa pakkett mingħandhom. Stħarriġ fl-Ungerija wera li l-konsumaturi ma kenux konxji tat-termini finanzjarji bażiċi; 70 % ta' dawk li wieġbu ma kenux jafu xi tfisser l-inflazzjoni[6]. Stħarriġ li sar fi Franza, Spanja u l-Italja wera wkoll li proporzjon kbir tan-nies bi dħul baxx ma tawx kas tad-differenza fl-ispejjeż u t-termini bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji, u ma setgħux jevalwawhom[7].

- L-individwi ġieli jidhrilhom li jifhmu fis-servizzi finanzjarji aktar mili fil-fatt ikunu jifhmu. Aktarx il-konsumaturi ma jilqgħux l-edukazzjoni finanzjarja jekk ma jkunux jafu li tista' tkun rilevanti għalihom. Għalhekk l-ewwel pass huwa li titqajjem il-kuxjenza fost in-nies li “ma jafux li ma jafux” dwar il-kwistjonijiet finanzjarji. Dawk li wieġbu għall-istħarriġ fl-Istati Uniti wrew kunfidenza fil-fehim tagħhom dwar kwistjonijiet finanzjarji iżda, meta kienu eżaminati, deher li kellhom fehim limitat biss[8]. Fi stħarriġ fl-Awstralja, filwaqt li żewġ terzi minn dawk li rrispondu ħasbu li kienu litterati fil-finanzi, biss madwar kwart min-nies fehmu x’inhu l-imgħax kompost[9].

- Ħafna individwi jonqsu milli jippjanaw minn qabel jew jagħżlu prodotti li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom. Dan ifisser li huwa ħafna iktar possibbli li dawn ikollhom id-djun u li jesperjenzaw diffikultajiet jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi personali tagħhom (eż. minħabba mewt, tkissir ta’ relazzjoni jew perjodi bla impjieg). Jagħmilha wkoll iktar diffiċli għall-individwi biex jiżguraw standard sodisfaċenti tal-ħajja wara li jirtiraw. Stħarriġ fir-Renju Unit skopra li fil-livelli kollha ta’ dħul ħafna nies ma jippjanawx minn qabel, u 70 % ma kellhom l-ebda proviżjon biex ikopri tnaqqis mhux mistenni fid-dħul[10].

Madankollu, il-konsumaturi juru rieda biex jitgħallmu dwar kwistjonijiet finanzjarji. Minkejja l-kobor ta’ l-evidenza tal-livelli baxxi ta' l-edukazzjoni finanzjarja, hemm kuxejenza dejjem tikber fost il-konsumaturi li l-fehim ta’ kwistjonijiet finanzjarji jista' biss isir iktar importanti għalihom u għall-familji tagħhom. Studju minn VISA wera li l-ġenituri jikklassifikaw l-iżvilupp ta’ abbiltajiet finanzjarji personali tajbin bħala t-tieni, wara s-sikurezza personali[11].

BENEFIĊĊJI EKONOMIĊI U SOĊJALI TA’ L-GĦOTI TA’ L-EDUKAZZJONI FINANZJARJA

L-għoti ta' livell xieraq ta' l-edukazzjoni finanzjarja liċ-ċittadini f'kull stadju tal-ħajja jista' ikun ta' benefiċċju għal kull età u livell ta’ dħul. Iżda għandu wkoll benefiċċji għall-ekonomija u s-soċjetà ġenerali. Naturalment, l-edukazzjoni finanzjarja għandha titqies bħala żieda kumplimentari għall-ħarsien xieraq tal-konsumatur u għall-imġiba responsabbli tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji. Dan jista’ jitqies biss bħala l-unika soluzzjoni bħala rimedju għall-iżbilanċi ta’ informazzjoni bejn il-konsumaturi u l-fornituri.

Benefiċċji għall-individwi, is-soċjetà u l-ekonomija

Benefiċċji għall-individwi

L-edukazzjoni finanzjarja tista’ tgħin lit-tfal jifhmu l-valur tal-flus u tgħallimhom kif jibbaġitjaw u jġemmgħu l-flus. Tista’ tagħti lill-istudenti u liz-żgħażagħ l-abbiltajiet importanti biex jgħixu indipendentement, pereżempju fil-kontroll u l-ħlas lura tas-self ta’ l-istudenti. Tista’ tassisti fl-ippjanar ta’ avvenimenti importanti bħax-xiri ta' djar jew meta jiġu t-tfal. Din l-edukazzjoni tista’ ukoll tgħin liċ-ċittadini jkollhom tfaddil finanzjarju aħjar għal sitwazzjonijiet mhux mistennijin, jinvestu b’mod tajjeb u jfaddlu għal meta jirtiraw. Tista’ tgħin lin-nies jevitaw li jkunu vittmi ta’ frodi tal-ħlas. Dawk li jifhmu kwistjonijiet finanzjarji jagħmlu għażla aħjar ta’ servizzi finanzjarji għall-bżonnijiet partikolari tagħhom, u huma iktar inklinati għall-attenzjoni għal avviżi regolatorji ta’ riskju. Hemm inqas possibiltà li jixtru prodott li m’għandhomx bżonn, li jinġibdu minn prodotti li ma jifhmux, jew li jieħdu riskji li jistgħu jirriżultaw f'diffikultajiet finanzjarji.

Benefiċċji għas-soċjetà

L-effetti anċillari ta’ l-edukazzjoni finanzjarja jaffettwaw ħafna aktar mill-individwi involuti bil-benefiċċji tagħhom għas-soċjetà usa. Tista’ tgħin biex tindirizza l-problemi ta’ esklużjoni finanzjarja: dawk li kellhom xi tip ta’ edukazzjoni finanzjarja aktar probabbli li jkunu involuti ħafna fl-industrija finanzjarja ġenerali, u m’għandhomx bżonn jiddependu fuq fornituri ogħla u b’riskju akbar jew dawk li jisilfu bl-użura. Tista’ tinkorraġixxi liċ-ċittadini, anke dawk bi dħul baxx, biex jippjanaw u jfaddlu parti mid-dħul tagħhom. L-edukazzjoni finanzjarja tista’ tgħin fl-iżvilupp ta’ l-abbiltajiet għall-istabbiliment tal-finanziera tal-ġejjieni.

Benefiċċji għall-ekonomija

L-edukazzjoni finanzjarja tista’ tikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja billi tgħin lill-konsumaturi jagħżlu l-prodotti u s-servizzi xierqa, b’riżultat ta’ rati ta’ kontumaċja iktar baxxi għal pereżempju s-self u l-ipoteki, u għal tfaddil u investiment iktar varjat u għalhekk iktar sikur. Dan jista’ jgħin biex jipprevjeni, jew talanqas itaffi, sitwazzjonijiet bħal dik li dehret fis-suq ta’ l-ipoteki sub-prime ta’ l-Istati Uniti fl-2007, b’effetti iktar mifruxa għas-swieq finanzjarji globali. Ċittadini b’edukazzjoni finanzjarja li huma kapaċi jfittxu prodotti u servizzi aħjar, irħas u iktar xierqa jistgħu jagħtu impetu lill-effiċjenza ta’ l-industrija finanzjarja u jtejbu l-qagħda ekonomika billi joħolqu iktar kompetizzjoni, u b’hekk iktar innovazzjoni u domanda ta’ titjib fil-kwalità u d-diversità. Iċ-ċittadini li jsiru kunfidenti fl-investiment jistgħu jipprovdu iktar likwidità għas-swieq kapitali, li jistgħu jikbru permezz ta’ finanzjament ta’ intrapriżi żgħar fl-UE, li huwa element importanti fl-appoġġ tat-tkabbir u l-impjiegi. Organizzazzjonijiet strutturati ta’ konsumaturi li huma litterati fil-finanzi jistgħu jservu wkoll ta’ bilanċ politiku fil-proċess tat-tħejjija regolatorja, b'hekk titnaqqas il-probabbiltà ta' qbid regolatorju mill-industrija finanzjarja. Għalhekk hemm potenzjal għal effett ta’ infiltrazzjoni ta’ l-edukazzjoni finanzjarja fl-ekonomija usa.

L-edukazzjoni finanzjarja tista’ tinkoraġġixxi lill-konsumaturi biex ifittxu l-aħjar prodott għall-bżonnijiet tagħhom, ikun fejn ikun il-fornitur tas-servizzi finanzjarji, u b’hekk japprofittaw mill-opportunitajiet offerti mis-suq uniku. Min-naħa l-oħra, żieda fill-litteriżmu finanzjarju u r-rieda tal-konsumatur biex ikun flessibbli bejn il-fornituri jistgħu jagħmluha iktar attraenti għall-fornituri tas-servizzi finanzjarji biex jippenetraw swieq ġodda fi Stati Membri oħra, u b'hekk ittejjeb l-attività transkonfinali.

L-għoti ta’ l-Edukazzjoni Finanzjarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea

Żewġ studji riċenti b’firxa wiesgħa ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea[12] jipprovdu deskrizzjoni ġenerali ta' diversi inizjattivi dwar l-edukazzjoni finanzjarji fl-UE li qegħdin jitwettqu fl-Istati Membri.

- L-edukazzjoni finanzjarja hija pprovduta minn għadd kbir ta’ parteċipanti, li jvarjaw mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza finanzjarja għall-aġenziji ta’ litteriżmu għall-adulti, ċentri ta’ konsulenza dwar id-djun, ħaddiema soċjali, federazzjonijiet ta’ l-industrija finanzjarja, organizzazzjonijiet tal-mikrofinanzi, rappreżentanti tal-konsumaturi, awtoritajiet ta’ l-edukazzjoni, kumpaniji finanzjarji individwali, awtoritajiet tad-djar u oħrajn. L-awtoritajiet nazzjonali (ministeri tal-gvern, kontrolluri finanzjarji, banek ċentrali eċċ.) huma l-katalisti tal-programmi fi 11-il Stat Membru.

- L-għoti ta’ l-edukazzjoni finanzjarja tidher partikolarment b’saħħitha f’ċerti Stati Membri ta’ l-UE, inkluż ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Olanda u l-Italja. F’bosta oħrajn, inkluża l-Greċja, il-Bulgarija u l-Latvja, hemm attività limitata meta jkun hemm.

- Is-suġġett l-iktar komuni tal-programmi ta’ edukazzjoni finanzjarja huwa “punti bażiċi dwar il-flus”, bħal kif jintuża kont il-bank. Dan huwa segwit mill-abbiltajiet ta’ l-ibbaġitjar, inkluża l-kontroll tal-kreditu u d-djun. Il-kwistjonijiet ta’ l-investiment, it-tfaddil u l-irtirar, l-assigurazzjoni u l-ġestjoni ta’ riskji mhumiex daqshekk komuni, b'indikazzjoni li dawn l-oqsma jeħtieġu iktar attenzjoni fil-ġejjieni.

Hemm diviżjoni uniformi fil-profil tad-destinatarji tal-programmi bejn dawk maħsuba għat-tfal u ż-żgħażagħ u dawk maħsuba għall-adulti. Ftit skemi biss jidhru li huma maħsuba għal pubbliku iktar speċifiku, bħal dawk ta’ età qabel l-irtirar, in-nisa, minoritajiet etniċi jew dawk bi dħul baxx.

L-evalwazzjoni ta’ l-impatt pożittiv ta’ l-inizjattivi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja

Minħabba li bidla fl-imġiba tkun perċettibbli biss ma' tul taż-żmien, pjuttost ftit kienu l-evalwazzjonijiet twettqu dwar il-benefiċċji tal-programmi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja. Id-dejta disponibbli, bħall-volumi ta’ kreditu tal-konsumatur, l-għadd ta' ħlasijiet mill-ġdid ta’ nuqqasijiet, ilmenti tal-konsumaturi, u bidliet fin-nefqa soċjali f’termini tal-medjazzjoni tad-djun, tista' tkun biss ta' użu limitat għall-evalwazzjoni dwar jekk l-inizjattivi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja għamlu kontribuzzjoni diretta għall-bidliet komportamentali ta' dan it-tip. Huwa diffiċli niddistingwu bejn l-impatt ta’ programm ta’ edukazzjoni finanzjarja, influwenzi usa tas-suq bħar-rati ta’ l-impjiegi, iż-żieda tal-pagi, l-innovazzjoni finanzjarja eċċ., u ċ-ċirkostanzi personali u l-ambjent li jaffettwaw l-imġiba ta' individiwu.

Għalhekk, ix-xejra hi li l-evalwazzjonijiet jiffukaw fuq il-parteċipazzjoni fi programmi individwali ta’ l-edukazzjoni finanzjarja. Dawn huma miżuri bħal: iż-żieda fl-għadd ta’ parteċipanti, il-pubblikazzjonijiet mitluba, il-popolarità ta' websajt, l-attenzjoni ta’ l-istampa, il-mistoqsijiet irċevuti, eċċ. Strument effettiv li jużaw xi fornituri ta’ l-edukazzjoni finanzjarja, inklużi l-Istati Membri, għall-kalkolu tal-benefiċċji huwa l-użu ta’ stħarriġiet ta’ referenza. Dawn jagħtu idea tal-livell tal-litteriżmu finanzjarju tal-popolazzjoni, jistgħu jgħinu għall-prijoritizzazzjoni u jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-progress wara perjodu speċifiku taż-żmien.

Kien hemm ukoll sforzi biex ikunu eżaminati l-bidliet fl-imġiba li jistgħu jseħħu minħabba l-edukazzjoni finanzjarja.

- L-evalwazzjonijiet ta’ programm ta’ edukazzjoni finanzjarja fuq il-post tax-xogħol fir-Renju Unir wera li 82 % kellhom l-intenzjoni li jaġixxu (pereżempju b’kontribuzzjoni għal pjan volontarju ta’ pensjoni jew li jħallsu lura d-djun) bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fis-seminars; Meta ġew ikkuntattjati 3 xhur wara, 60 % ta’ dawk li attendew kienu diġà wettqu dawn l-intenzjonijiet[13].

- Riċerka fl-Istati Uniti wriet li seminars dwar l-irtirar huma ġeneralment assoċjati ma’ rati ħafna ogħla ta' parteċipazzjoni u kontribuzzjonijiet ikbar għal skemi ta’ pensjoni volontarji ta’ l-impjieg[14]. Riċerka oħra turi li dawn jistgħu jinfluwenzaw l-akkumulazzjoni kemm tal-valur nett kif ukoll ta’ kejl usa' tal-ġid[15].

- Riċerka dwar l-effettività ta’ l-għoti ta’ parir qabel ix-xira ta’ dar fost dawk bi dħul baxx li jiddejnu fl-Istati Uniti skopriet li dawk li hemm possibbiltà li jissellfu u li jirċievu dan l-għoti ta' parir qabel ma jixtru, għandhom rata medja ta' 13 % inqas ta’ delinkwenza[16].

Dawn l-eżempji juru l-bidla pożittiva fl-imġiba li tista’ tirriżulta mill-parteċipazzjoni fl-iskemi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tippromwovi l-iżvelar tar-riċerka u l-evalwazzjonijiet li twettqu s'issa.

KUNTEST GĦAL AZZJONI FUQ IL-LIVELL TA' L-UE

B’kull rispett lejn il-kompetenzi ta’ l-Istati Membri għall-għoti ta’ l-edukazzjoni, l-UE żviluppat għadd ta’ attivitajiet fil-qasam ta’ l-edukazzjoni finanzjarja, u jista' jkollha rwol ta' appoġġ għall-partijiet interessati. Barra minn hekk, l-Artikolu 153 tat-Trattat jipprovdi li l-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-dritt għall-informazzjoni u l-edukazzjoni tal-konsumaturi sabiex jiġu protetti l-interessi tagħhom u se jadotta miżuri li jappoġġaw, jissupplimentaw u jissorveljaw il-politika segwita mill-Istati Membri f’dan il-qasam. L-edukazzjoni finanzjarja tista’ wkoll ikollha rwol utli fl-iffurmar ta’ bażi ta’ sostenn tas-Suq Uniku fis-servizzi finanzjarji, billi tgħin biex tinkorraġixxi liċ-ċittadini jfittxu s-servizz finanzjarju l-iktar xieraq għall-bżonnijiet tagħhom, irrispettivament minn fejn ikun ibbażat il-fornitur. F’dan il-kuntest, jista’ jkun hemm rwol għall-azzjoni fuq il-livell ta’ l-UE.

Il-Kummissjoni diġà għamlet xi passi inizjali biex tindirizza l-edukazzjoni finanzjarja. Ħolqot websajt, Dolceta[17], li joffri l-edukazzjoni tal-konsumatur għall-adulti. Dan is-sit, li huwa tradott fil-lingwi Komunitarji kollha u adattata għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull suq nazzjonali, inizjalment kien żviluppat għall-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni għall-adulti. Wieħed mill-moduli ta’ dan is-sit huwa ddedikat lis-servizzi finanzjarji, b’suġġetti li jinkludu l-ibbaġittjar, il-kreditu tal-konsumaturi u self għad-dar, mezzi ta’ pagament u investimenti.

Inizjattiva oħra hija ‘Europe Diary’[18], fuljett imqassam lill-istudenti tat-tieni livell biex ikunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi. Dan jinkludi sezzjoni dwar il-flus u d-dejn, li tispjega kif l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-prodotti jiffunzjonaw, u tagħti avviż bikri dwar il-perikli tad-dejn eċċessiv.

F’Marzu 2007, il-Kummissjoni organizzat Konferenza dwar “Żieda fil-Kapaċità Finanzjarja” biex tenfasizza l-importanza ta’ l-għoti ta’ edukazzjoni finanzjarja ta’ kwalità għolja u tipprovdi forum għall-iskambju ta’ l-aqwa prattiki[19].

Il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni[20] ssuġġeriet li jista’ jsir iktar biex tiġi nkoraġġata l-edukazzjoni finanzjarja. Din il-fehma kienet appoġġata minn maġġoranza kbira ta' dawk li wieġbu għal din il-konsultazzjoni. Bosta qalu li l-edukazzjoni għandha tibqa’ir-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, u pproponew li l-Kummissjoni għandha jkollha rwola fil-ġbir u l-firxa ta’ informazzjoni dwar l-aqwa prattiki u fl-iżvilupp ta’ prinċipji li jorbtux biex tgħin lill-fornituri ta’ l-edukazzjoni finanzjarja. Oħrajn qalu li l-benefiċċji ta’ l-edukazzjoni finanzjarja se jkunu maħsuda biss fit-tul ta’ żmien, u li l-attenzjoni għandha tkun iddevjata minn dispożizzjonijiet robusti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji.

PRINĊIPJI BAŻIĊI GĦALL-GĦOTI TA’ SKEMI TA’ EDUKAZZJONI FINANZJARJA TA’ KWALITÀ GĦOLJA

B’ħarsa lejn id-deskrizzjoni tagħha ta’ l-iskemi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja li diġa qegħdin jitwettqu fl-UE, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa utli li jkunu definiti xi prinċipji li jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tas-servizzi finanzjarji, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, min iħaddem u partijiet interessati oħra fl-isforzi tagħhom biex jibdew u jwettqu programmi ta' l-edukazzjoni finanzjarja[21]. Dawn il-prinċipji jikkunsidraw id-diversità ta' l-approċċi u l-metodi disponibbli għall-iżvilupp ta' strateġija ta’ suċċess għall-edukazzjoni finanzjarja.

Prinċipju 1: L-edukazzjoni finanzjarja għandha tkun disponibbli u promossa attivament f’kull stadju tal-ħajja, fuq bażi kontinwa. |

L-edukazzjoni finanzjarja għandha tkun disponibbli biex tindirizza l-isfidi finanzjarji assoċjati ma’ l-avvenimenti ta’ kuljum fil-ħajja taċ-ċittadini, li jvarjaw minn dawk esperjenzati miż-żgħażagħ u dawk rilevanti għall-irtirati. Il-programmi għandhom japplikaw għas-sitwazzjoni finanzjarja taċ-ċittadini u l-livell ta’ fehim tagħhom dwar kwistjonijiet finanzjarji. |

Prinċipju 2: Il-programmi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja għandhom ikunu maħsuba b'attenzjoni biex jaqdu l-bżonnijiet speċifiċi taċ-ċittadini. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, riċerka ex-ante għandha titwettaq fuq il-livell attwali tal-kuxjenza finanzjarja min-naħa taċ-ċittadini, biex tidentifika dawk il-kwistjonijiet li jeħtiġilhom ikunu indirizzati b'mod partikolari. Il-programmi għandhom ikunu f’waqthom u faċilment aċċessibbli. |

L-edukazzjoni finanzjarja għandha tilqa’ bżonn speċifiku: għal dawk li se jibdew jaħdmu għall-ewwel darba, dawk bla impjieg, dawk li qegħdin jippjanaw ikollhom familja, adulti żgħażagħ, dawk bid-djun eċċ., huwa importanti li jkun żgurat li l-programm ikun trażmess b’mezz li jiftiehem u b’mod li jffaċilita l-konsultazzjoni jew l-aċċess mill-utenti meta jkollhom bżonn. Dawk li jħaddmu għandhom jikkunsidraw kif tista' tkun trasmessa l-edukazzjoni finanzjarja permezz tal-post tax-xogħol, possibilment b'mod konġunt ma' l-informazzjoni dwar l-iskemi ta' pensjoni tax-xogħol. |

Prinċipju 3: Il-konsumaturi għandhom ikunu edukati fil-kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kmieni kemm jista’ ikun, bil-bidu li jsir l-iskola. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkunsidraw li l-edukazzjoni finanzjarja ssir obbligatorja bħala parti mill-kurrikulu ta’ l-edukazzjoni fl-iskola. |

Huwa essenzjali li ż-żgħażagħ sa mill-iskola primarja u sekondarja jiksbu l-għarfien ekonomiku u finanzjarju. Il-Kummissjoni diġà ppubblikat Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2006/962/KE), li tappoġġa l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet bħall-abbiltà biex wieħed japplika l-ħsieb matematiku fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum, fehim wiesa' ta’ kif taħdem l-ekonomija u l-abbiltà biex wieħed jippjana u jmexxi ħajtu. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali ta’ l-edukazzjoni għandhom iqisu kif l-edukazzjoni ekonomika u finanzjarja tista' tkun inkluża fil-kurrikula ta' l-iskejjel. |

Prinċipju 4: L-iskemi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja għandhom jinkludu strumenti ġenerali biex iqajjmu l-kuxjenza dwar il-ħtieġa tat-titjib tal-fehim tal-kwistjonijiet u r-riskji finanzjarji. |

Il-konsumaturi mhux dejjem ikunu konxji tan-nuqqas tal-fehim tagħhom dwar kwistjonijiet u riskji finanzjarji, li huwa l-ewwel pass biex wieħed jilqa’ l-edukazzjoni dwar dawn il-punti. Strumenti bħal kwestjonarji ta’ evalwazzjoni u kampanji tar-reklamar dwar l-għarfien finanzjarju jistgħu jgħinu f’dan it-tqajjim ta’ kuxjenza. Id-destinatarji għandhom imbagħad ikunu diretti lejn materjali speċifiċi dwar l-edukazzjoni finanzjarja. |

Prinċipju 5: L-edukazzjoni finanzjarja li tingħata minn fornituri tas-servizzi finanzjarji għandhom ikunu trażmessi b’mod ġust, trasparenti u imparzjali. Għandha tingħata attenzjoni għall-iżgurar li dan huwa dejjem għall-interess tal-konsumatur. |

L-industrija tas-servizzi finanzjarji għandha, wara konsultazzjoni mal-konsumatur jew ir-rappreżentanti ta’ l-investimenti, tkun inkoraġġata tieħu inizjattivi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni finanzjarja u biex ikun disponibbli l-kompetenza tagħha. Madankollu, meta tingħata l-edukazzjoni finanzjarja lill-pubbliku, l-industrija għandha tiżgura li ssir distinzjoni ċara bejn l-edukazzjoni finanzjarja ġenerali, l-informazzjoni dwar prodotti individwi, u l-parir għal konsumatur speċifiku dwar prodott jew servizz partikolari. Attenzjoni partikolari trid tingħata rigward il-forma ta’ kif huma trasmessi l-materjali ta’ l-edukazzjoni finanzjarja, biex jindirizzaw it-tħassib li dawn id-distinzjonijiet mhumiex ċari. |

Prinċipju 6: L-għalliema ta’ l-edukazzjoni finanzjarja għandhom jingħataw ir-riżorsi u t-taħriġ xieraq biex ikunu jistgħu jittrasmettu l-programmi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja b’suċċess u kunfidenza. |

Kwistjoni ewlenija fl-iżvilupp ta’ edukazzjoni finanzjarja b’suċċess hija li jkunu nkoraġġati dawk li jwettqu t-taħriġ: “jitgħallmu l-għalliema”. Dan ma jfissirx biss l-għalliema fl-iskejjel, iżda wkoll il-ħaddiema soċjali, impjegati tal-banek, voluntiera u individwi oħra li jkollhom kuntatt mal-klijenti u li jkollhom jgħallmu permezz ta’ taħriġ b’mod li l-aktar ikun ta’ benefiċċju għad-destinatarji. Dan jeħtieġ l-iżvilupp ta’ materjali li jistgħu jintużaw għat-tagħlim u programm ta’ taħriġ. |

Prinċipju 7: Koordinazzjoni nazzjonali bejn il-partijiet interessati għandha tkun promossa biex tinkiseb definizzjoni ċara tar-rwoli, ikun faċilitat it-tqassim ta' esperjenzi u jkunu razzjonalizzati u prijoritizzati r-riżorsi. Kooperazzjoni internazzjonali bejn il-fornituri għandha tissaħħaħ biex tiffaċilita skambju ta’ l-aqwa prattiki. |

L-awtoritajiet nazzjonali, il-fornituri tas-servizzi finanzjarji, il-gruppi ta’ konsumaturi, dawk li jedukaw u partijiet interessati oħra għandhom ikunu nkoraġġati biex jikkooperaw fl-għoti ta’ l-edukazzjoni finanzjarja. Dan jista’ jgħin biex ikunu simplifikati l-għanijiet, jirriżulta b’firxa usa tal-gruppi tad-destinatarji, ikunu razzjonalizzati u prijoritizzati r-riżorsi u għall-promozzjoni ta’ iktar tgħalim mill-esperjenza. B’mod simili, fuq livell internazzjonali, il-kooperazzjoni u n-netwerking bejn l-esperti jistgħu jenfasizzaw dawk l-oqsma li jeħtieġu l-iktar attenzjoni u jiffaċilitaw skambju ta’ l-aqwa prattiki. |

Prinċipju 8: Il-fornituri ta’ l-edukazzjoni finanzjarja għandhom jevalwaw regolarment u, fejn hemm bżonn, jaġġornaw l-iskemi li jużaw biex ikunu iktar konformi ma' l-aqwa prattiki fil-qasam. |

Il-fornituri ta’ l-edukazzjoni finanzjarja għandhom jinkorporaw fil-programmi tagħhom, l-element ta’ evalwazzjoni regolari tal-progress li qed isir u jekk l-għanijiet qegħdin jiġu sodisfatti. Jekk dan ma jseħħx, għandhom jikkunsidraw emendi għall-programm biex ikun konformi ma’ l-istandards li ntlaħqu minn l-aqwa esperti magħrufin. |

Il-Kummissjoni tistieden lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-fornituri tas-servizzi finanzjarji, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-partijiet interessati l-oħra biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-edukazzjoni finanzjarja bil-programmi xierqa ta' l-edukazzjoni finanzjarja rigward il-prinċipji ta' fuq għal din l-edukazzjoni.

INIZJATTIVI PPJANATI U ASSISTENZA PRATTIKA

Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li r-responsabbiltà ewlenija għall-edukazzjoni finanzjarja tibqa' għall-Istati Membri, l-aġenziji li ma jaħdmux għal profitt u l-fornituri ta’ servizzi finanzjarji, l-UE tista’ tintuża bħala strument biex tipprovdi l-assistenza prattika. Il-Kummissjoni identifikat l-inizjattivi li ġejjin bħala kwistjoni ta’ prijorità:

- Il-ħolqien ta’ netwerk ta’ l-esperti ta’ l-edukazzjoni finanzjarja - l-opportunità għan-netwerking u t-tagħlim mill-esperjenza hija appoġġata minn bosta partijiet interessati. Sabiex dan tippromwovih iktar, il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ esperti fl-edukazzjoni finanzjarja li fiha rappreżentanti mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri (inklużi esperti ta’ l-edukazzjoni), fornituri tas-servizzi finanzjarji, organizzazzjonijiet tal-konsumatur u gruppi oħra fejn xieraq. L-għan tiegħu jkun li jkun hemm skambju u promozzjoni ta’ l-aqwa prattika fl-edukazzjoni finanzjarja; jassisti lill-Kummissjoni biex tidentifika l-problemi fl-għoti ta’ din l-edukazzjoni; jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kif il-prinċipji ta’ hawn fuq jistgħu jkunu implimentati; jissorvelja r-rendiment u l-għoti ta’ l-edukazzjoni finanzjarja u jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tal-miżuri f’din il-Komunikazzjoni fil-perjodi sa l-2010. Sejħiet għall-espressjoni ta’ l-interess f’dan in-netwerk se jsiru fil-bidu ta’ l-2008.

- L-isponsorizzazzjoni ta’ l-Istati Membri u l-atturi privati għall-organizzazzjoni ta’ konferenzi nazzjonali/reġjonali dwar l-edukazzjoni finanzjarja – il-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja għandhom kamp ta' applikazzjoni lokali, reġjonali jew l-iktar nazzjonali. Għaldaqstant, jeħtieġ l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti għat-tqajjim tal-kuxjenza kemm jista' jkun l-iktar qrib possibbli għad-destinatarji. Il-Kummissjoni tinkoraġġa ħafna lill-Istati Membri u l-atturi privati biex jorganizzaw avvenimenti ta’ dan it-tip, u tista’ tipprovdi sponsorizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħha. L-involviment tal-Kummissjoni jipprovdi opportunità tajba biex tappoġġa jew tinkoraġġa l-istabbiliment ta’ fora nazzjonali dwar l-edukazzjoni finanzjarja, tippromwovi l-aqwa prattika fuq il-livell lokali u tippromwovi l-inizjattivi eżistenti. Konferenzi bħal dawn jipprovdu impetu, viżibbiltà u attenzjoni wiesgħa għall-kwistjonijiet ta' l-edukazzjoni finanzjarja fuq il-livell li jistgħu jkunu ttrattati.

- Il-pubblikazzjoni ta’ database ta’ l-iskemi u r-riċerka ta’ l-edukazzjoni finanzjarja fl-UE - Bl-użu tar-riżultat ta’ l-istudji msemmija fis-sezzjoni 3.2 hawn fuq, il-Kummissjoni se tiżviluppa dejtabejż fuq l-internet ta’ l-iskemi ta’ l-edukazzjoni finanzjarja madwar l-UE. Se tagħti tagħrif dwar proġetti rigward il-bażi ġeografika tagħhom, is-suġġeti li jittrattaw, id-destinatarji, u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornituri. Id-dejtabejż se tiġbor ukoll ir-riżultati tar-riċerka li twettqet f'edukazzjoni finanzjarja u livelli tal-litteriżmu finanzjarju fl-UE. L-għan ta’ din id-dejtabejz huwa li tiffaċilita l-konsultazzjoni ta’ prattika tajba u riżultati ta’ riċerka. Il-Kummissjoni se tagħmel kull sforz biex tiżgura li d-dejta tibqa’ preċiża. Biex iżżid il-kuxjenza pubblika ta' din id-dejtabejż, il-Kummissjoni se tippubblika bulettin regolari biex tiġbed l-attenzjoni lejn daħliet ġodda jew ta' importanza partikolari fid-dejtabejż. Id-dejtabejż fuq l-internet se tkun disponibbli fl-2008.

- L-iżvilupp ta’ modul tat-taħriġ għall-għalliema dwar il-litteriżmu finanzjarju - L-inizjattiva Dolceta diġà tidher li kienet utli ħafna fil-faċilitazzjoni tat-tagħlim ta’ kwistjonijiet finanzjarji lill-adulti li jridu jitgħallmu. B’din bħala bażi, mill-bidu ta’ l-2008, il-Kummissjoni se tibda tiżviluppa modul dwar l-edukazzjoni finanzjarja għal raġunijiet ta’ taħriġ għall-għalliema. Dan il-proġett se jitwettaq bl-għajnuna ta’ għalliema u esperti fil-finanzi min-Netwerk ta’ l-Universitajiet Ewropej għall-Edukazzjoni Kontinwa. Dan il-modulu Dolceta se jipprovdi kits lesti għall-użu lill-għalliema fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, inkluż it-taħriġ dwar l-internet, sabiex jinkoraġġihom u jgħinhom jinkorporaw il-kwistjonijiet finanzjarji fil-kurrikulu ġenerali fuq bażi volontarja. Il-materjali kollha se jkunu adattati skond il-kultura nazzjonali. Wara t-tmiem ta’ dan il-modul, it-tims ta’ l-iżvilupp nazzjonali, fejn possibbli, se jipparteċipaw fl-avvenimenti ta’ taħriġ għall-għalliema biex jirrekklamaw il-materjali għall-edukazzjoni tal-konsumatur u jinkoraġġixxu lill-għalliema biex jużawhom.

SEGWITU

Din il-Komunikazzjoni hija waħda mill-elementi fil-pakkett ta’ miżuri dwar servizzi finanzjarji bl-imnut stabbiliti fir-rapport tal-Kummissjoni dwar Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21, li għandu l-għan li jtejjeb l-għoti tal-benefiċċji ta’ l-integrazzjoni fis-suq finanzjarju liċ-ċittadini Ewropej. Il-fokus ta’ ħafna mix-xogħol futur tal-Kummissjoni fis-servizzi finanzjarji bl-imnut se jkun fuq l-inkoraġġament tal-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati. Sforzi biex itejbu l-litteriżmu finanzjarju se jkunu element importanti għal dan ix-xogħol.

Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-progress tad-diversi inizjattivi li huma mniżżla f’din il-Komunikazzjoni sabiex tista' tagħraf jekk ikunux qegħdin iwettqu l-għanijiet spjegati hawn fuq. Barra minn hekk, l-inizjattivi se jkunu soġġetti għal reviżjoni komprensiv fl-2010.

[1] Tagħrif u protezzjoni għall-konsumatur huma fil-qalba tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar is-servizzi finanzjarji. Eżempji jinkludu d-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, bid-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni ta' investituri mhux professjonali; ir-reviżjoni attwali tad-direttivi ta' l-UCITS, inkluż il-Prospett Simplifikat; id-Direttivi dwar il-Kreditu tal-Konsumatur, fid-Direttiva dwar ir-Reklamar mill-Bogħod ta’ Servizzi Finanzjarji u Intermedjarji ta’ l-Assigurazzjoni, u l-proposti mressqa fil-White Paper dwar il-Kreditu b’Ipoteka, li huma mfassla biex il-konsumaturi jitħallew jieħdu deċiżjonijiet tajbin meta jixtru prodott finanzjarju. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni twettaq studju trans-settorjali fl-2008 dwar l-adegwatezza u l-konsistenza u tar-rekwiżiti tat-tagħrif fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji ta’ l-UE, huma wkoll riveduti fl-evalwazzjonijiet tar-regoli speċifiċi rilevanti.

[2] KUMM(2005) 629.

[3] KUMM(2007) 226.

[4] P6_TA-PROV(2007)0338/A6-0248/2007.

[5] KUMM(2007) 724, SEG(2007) 1520.

[6] Gecser, Presentation on 8 steps to teach young Hungarians to use their money in a smart way, Financial Capability Conference, Brussell, 28 ta’ Marzu 2007.

[7] Nieri, Access to Credit: the Difficulties of Households, New Frontiers in Banking Services: Emerging Needs and Tailored Products for Untapped Markets, Springer Verlag: Berlin, 2006.

[8] Mandell, Personal Finance Survey of High School Seniors, The Jumpstart Coalition for Personal Financial Literacy, 2004.

[9] ANZ Banking Group, ANZ Survey of Adult Financial Literacy in Australia, 2003.

[10] Financial Services Authority, Financial Capability in the UK: Establishing a Baseline,2006.

[11] The Jumpstart Coalition for Personal Financial Literacy, Making the case for financial literacy, 2007.

[12] Observatoire du Crédit et de l'Endettement et al, FES - Better access to financial services and financial education (2007), Report of the survey on Financial Education, April 2007 u Evers & Jung, Survey on Financial Literacy Schemes in the EU27, Novembru 2007.

[13] Dredge, Presentation on Financial Capability in the workplace, Financial Capability Conference, Brussell, 28 ta’ Marzu 2007.

[14] Bayer, Bernheim, Scholz , The effects of financial education in the workplace: evidence from a survey of employers, Ġunju 1996.

[15] Lusardi, Saving and the effectiveness of Financial Education, Pension Research Council Working Paper 2003-14, Pension Research Council, 2003.

[16] Hirad, Zorn , Empirical Evidence of the effectiveness of pre-purchase homeownership counselling, Mejju 2001.

[17] Development of On-Line Consumer Education Tools for Adults, www.dolceta.eu

[18] http://ec.europa.eu/consumers/cons_info/consumer_diary_en.htm

[19] Il-konferenza u l-preżentazzjonijiet li ngħataw jinsabu fil-qosor hawnhekk: http://ec.europa.eu/internal_market/finservices-retail/capability/index_en.htm

[20] KUMM(2007) 226.

[21] Il-linji gwida huma konsistenti mal- Principles and Good Practices for Financial Education and Awareness ta’ l-OECD ta’ l-2005, li kienu approvati mill-membri kollha ta’ l-OECD, inklużi bosta mill-Istati Membri ta’ l-UE (disponibbli fl-indirizz: http://www.oecd.org/dataoecd/7/17/35108560.pdf).

Top