EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0795

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni mill-istati membri tad-direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq

/* KUMM/2007/0795 finali */

52007DC0795

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni mill-istati membri tad-direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq /* KUMM/2007/0795 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.12.2007

KUMM(2007) 795 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-APPLIKAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI TAD-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 95/50/KE DWAR PROĊEDURI UNIFORMI GĦAL VERIFIKI FUQ IT-TRASPORT TA' MERKANZIJA PERIKOLUŻA BIT-TRIQ

WERREJ

1. INTRODUZZJONI 3

2. SFOND 3

3. ID-DIRETTIVA 95/50/KE 4

4. RAPPORTI MILL-ISTATI MEMBRI 4

5. KALKOLAZZJONI TAD-DEJTA 5

6. IL-FREKWENZA TAL-VERIFIKI FL-ISTATI MEMBRI 5

7. IL-PROPORZJON TA’ L-OPERAZZJONIJIET TA’ TRASPORT LI JIKSRU L-LEĠIŻLAZZJONI 6

8. PENALI 7

9. KONKLUŻJONIJIET 7

ANNESS I: TQASSIM SKOND IS-SENA (1997-2005) TAL-VERIFIKI, TA' L-INFRAZZJONIJIET U TAL-PENALI RREĠISTRATI F'KULL STAT MEMBRU 8

ANNESS II: GĦADD TA' VERIFIKI SKOND L-GĦADD TA' VJAĠĠI MAGĦMULA MINN VETTURI LI JITTRASPORTAW OĠĠETTI PERIKOLUŻI (%) 2003-2005 (STATI MEMBRI ĠODDA 2004-2005) 10

ANNESS III: GĦADD TA' VERIFIKI U PROPORZJON TA' VETTURI BARRANIN IKKONTROLLATI (2003-2005) 11

ANNESS IV: GĦADD TA' INFRAZZJONIJIET MISJUBA F'KULL VERIFIKA 2003-2005 12

ANNESS V: PENALI SKOND IT-TIP 2003-2005 13

1. INTRODUZZJONI

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq ġiet adottata fis-6 ta’ Ottubru 1995[1] u l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw magħha sa l-1 ta’ Jannar 1997.

Id-Direttiva 95/50/KE tipprevedi li kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, għal kull sena kalendarja u mhux aktar tard minn tnax-il xahar wara t-tmiem ta’ dik is-sena, rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva[2]. Id-Direttiva tipprevedi wkoll li l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, talanqas kull tliet snin, rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri[3].

Ir-rapport mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq ir-rapporti annwali rċevuti mill-Istati Membri. Dan huwa t-tielet rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE fl-Istati Membri u jkopri s-snin 2003-2005. L-ewwel rapport[4] kopra s-snin 1997-1998 u t-tieni rapport[5] kopra s-snin 1999-2002. Minħabba t-tkabbir ta’ l-UE li seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, f’dan ir-rapport jidhru għaxar Stati Membri ġodda. L-Istati Membri l-ġodda kienu obbligati li jagħtu dejta għas-snin 2004 u 2005 biss.

2. SFOND

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta’ Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq[6], kif emendata[7], daħħlet regoli armonizzati għat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bejn l-Istati Membri kif ukoll dak intern fl-Istati Membri.

L-annessi tekniċi tad-Direttiva 94/55/KE huma identiċi f’termini ta’ kontenut ma’ l-annessi tekniċi tal-ftehim internazzjonali ADR[8]. Għalhekk, id-Direttiva 94/55/KE tittrasponi fil-liġi Komunitarja d-dispożizzjonijiet tekniċi ta’ l-ADR, li tistipula regoli uniformi għat-trasport internazzjonali sigur bit-triq ta’ merkanzija perikoluża. Il-valur miżjud tad-Direttiva hu li testendi dawn ir-regoli wkoll biex ikopru t-traffiku nazzjonali sabiex tarmonizza l-kundizzjonijiet fil-Komunità kollha li taħthom din il-merkanzija perikoluża tinġarr fit-triq u b’hekk ittejjeb, fl-istess waqt, is-sikurezza fit-toroq fuq livell nazzjonali.

L-Anness A għad-Direttiva 94/55/KE jelenka l-merkanzija perikoluża li tista’ tinġarr fit-triq u jistipola regoli għall-imballaġġ, għat-tikkettar u għad-deskrizzjoni tal-merkanzija fid-dokumenti tat-trasport. L-Anness B jistipola r-regoli dwar il-vetturi u l-operazzjonijiet ta’ trasport.

3. ID-DIRETTIVA 95/50/KE

Fil-kuntest tad-Direttiva 94/55/KE, u sabiex ikompli jitjieb il-livell ta’ sikurezza fit-trasport ta’ merkanzija perikoluża u sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta’ livell xieraq ta’ kontrolli b’mod armonizzat, il-Kunsill, fis-6 ta’ Ottubru 1995 adotta d-Direttiva 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq. Din id-Direttiva tinkludi lista ta’ kontrolli armonizzata użata mill-Istati Membri kif ukoll lista armonizzata tal-kodiċijiet ta’ l-infrazzjonijiet sa l-2004. Fl-2004, l-Annessi tad-Direttiva ġew emendati[9], u mill-2005, il-kodiċijiet ta’ l-infrazzjonijiet ġew mibdula fi tliet kategoriji ta’ riskju.

Dawn il-verifiki uniformi għandhom x’jaqsmu ma’ kull operazzjoni ta’ trasport bit-triq fir-rigward ta' merkanzija perikoluża fit-territorju ta’ Stat Membru jew li tiddaħħal minn pajjiżi terzi, irrispettivament mill-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura. Id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li proporzjon rappreżentattiv ta’ konsenji ta’ merkanzija perikoluża ttrasportata bit-triq tkun ikkontrollata fuq bażi aleatorja (random), filwaqt li tkopri porzjon estensiv tan-netwerk tat-toroq.

Bħala miżura preventiva, jew inkella waqt kontroll mal-ġenb tat-triq jkunu nstabu rreġistrat xi infrazzjonijiet li jipperikolaw is-sikurezza, il-kontrolli jistgħu jitwettqu wkoll fil-kwartieri ta’ l-impriżi.

4. RAPPORTI MILL-ISTATI MEMBRI

Rapporti waslu mingħand l-Istati Membri kollha, li huma obbligati li jibagħtu rapporti għall-perjodu 2003-2005 kollu. Ir-rapporti li waslu mingħand l-Istati Membri l-ġodda, li huma obbligati li jibagħtu rapporti għall-perjodu li jibda mill-2004 biss, ikopru l-perjodu kollu jew parti minnu biss. Wieħed mill-Istati Membri ma bagħat l-ebda dejta.

Stati Membri li ppreżentaw rapporti għas-snin kollha fil-perjodu 2003-2005 | l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, l-Iżvezja, is-Slovenja, ir-Renju Unit |

Stati Membri li ppreżentaw rapporti għall-parti mill-perjodu 2003-2005 (mill-2004, obbligatorju) | ir-Repubblika Ċeka (2004-05), l-Estonja (2004-2005), l-Ungerija (2004-05), il-Litwanja (2004-05), il-Latvja (2004-05), Malta (2005), il-Polonja (2005), is-Slovakkja (2005) |

Stati Membri li ma ppreżentaw l-ebda rapport għall-perjodu 2003-2005 | Ċipru |

Fir-rapporti tagħhom, l-Istati Membri ntalbu jużaw il-kodiċijiet armonizzati ta’ infrazzjonijiet fl-Anness II tad-Direttiva u li jippreżentaw ir-rapport f’konformità ma’ l-Anness III tad-Direttiva sa l-2004, il-kategoriji ta’ riskju ġodda fl-2005 u li jippreżentaw ir-rapport skond l-Anness III tad-Direttiva, li ġiet modifikata fl-2005. Mhux l-Istati Membri kollha mxew fuq dan il-mudell. Xi Stati Membri użaw il-kodiċi mil-lista ta’ verifiki (Anness I mad-Direttiva), xi wħud kellhom sistema tagħhom ta’ klassifikazzjoni ta' l-infrazzjonijiet, kif kien il-każ tar-rapporti ta’ qabel ukoll. Fl-2005, ħafna mill-Stati Membri xorta użaw il-prattiċi antiki tagħhom, iżda xi Stati Membri oħra diġà kienu bdew jużaw il-kategoriji ta’ riskju ġodda. Għaldaqstant, ma kienx possibbli li tinħoloq stampa globali koerenti tat-tip ta’ infrazzjonijiet. Din kienet twassal għal total akbar taħt il-klassifikazzjoni ta’ ”infrazzjonijiet oħra”, li fl-aħħar rapport kien diġà jammonta għal 57.78 % tat-total.

Is-sommarju tar-rapporti jintgħata fl-Anness I ta’ dan ir-rapport. L-Anness I fih serje ta’ dejta taż-żmien tan-numru ta’ verifiki, ta’ infrazzjonijiet u ta’ penali rreġistrati f’kull Stat Membru mill-1997 sa l-2005.

5. KALKOLAZZJONI TAD-DEJTA

L-Istati Membri ntalbu jagħtu l-istimi tagħhom ta’ l-ammont ta’ trasportazzjoni ta’ merkanzija perikoluża f’tunnellati jew f’kilometri ta’ tunnellati fir-rapport tagħhom. Ftit kienu l-Istati Membri li taw din l-informazzjoni. Għalhekk, ġew segwiti l-prattiċi antiki li ntużaw għar-rapporti ta’ qabel: fil-kalkolazzjonijiet intużat proporzjon ta’ 6% tal-merkanzija kollha trasportata bħala valur medju kostanti għall-istima ta’ l-ammont ta’ merkanzija perikoluża trasportata[10], vjaġġ medju ta’ 110 kilometri u tagħbija medja ta’ 10 tunnellati ta’ merkanzija perikoluża.

Fuq il-bażi ta’ din id-dejta ġie kkalkulat in-numru ta’ vjaġġi magħmula minn vetturi li jġorru merkanzija perikoluża. Din iċ-ċifra kienet korrelatata man-numru ta’ verifiki fil-pajjiż biex tinkiseb informazzjoni dwar il-frekwenza tal-verifiki bħala perċentwali tan-numru ta’ verifiki għal kull ammont ta’ vjaġġi. Sabiex tiġi stabbilita bażi bilanċjata għad-diversi Stati Membri, il-vjaġġi kollha kienu kkalkolati abbażi tad-dejta statistika ta’ l-Eurostat.

6. IL-FREKWENZA TAL-VERIFIKI FL-ISTATI MEMBRI

Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva hu li tkompli ttejjeb il-livell ta’ sikurezza billi tiżgura li jitwettqu biżżejjed verifiki. Il-frekwenza ta’ verifiki fit-toroq ta’ l-Istati Membri għall-perjodu 2003-2005 jidher fit-tabella ta’ l-Anness II.

Fuq il-bażi ta’ din it-tabella u tar-riżultati minn rapporti preċedenti jista’ jiġi konkluż li:

1) Il-frekwenza ta’ verifiki fl-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali naqset minn 0.27 % (1997-1998) għal 0.23 % (1999-2002) u, mill-2004, bil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri l-ġodda inklużi, żdiedet għal 0.29 % (2003-2005).

2) Fir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija u s-Slovenja l-frekwenza ta’ verifiki għall-perjodu 2003-2005 hija ogħla minn 0.60 %, fl-Awstrija, Spanja, Franza, il-Polonja u l-Iżvezja din tammonta għal 0.25 %, fil-Belġju, il-Finlandja u Malta hija kemmxejn aktar minn 0.1 % u fil-pajjiżi l-oħrajn 0.06 % jew anke inqas. Madankollu, ta’ min jinnota li f’xi Stati Membri, proporzjon sinifikanti tal-kapaċità ta’ infurzar disponibbli jintuża biex jitwettqu verifiki fil-fruntieri. Dawn il-verifiki wkoll huma bbażati fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/50/KE, iżda ma jidhrux fid-dejta.

3) Fil-pajjiżi fejn il-livell tal-verifiki hu l-ogħla, dan hu aktar minn 30 darba ogħla minn dak fil-pajjiżi fejn il-livell hu l-aktar baxx. Id-dejta ta’ l-Ungerija hija notevolment ogħla minn dik ta’ Stati Membri oħra.

Ta’ min jinnota li l-Istat Membru li ma ppreżentax rapport huwa eskluż għal kollox mid-dejta kollha.

Sabiex tiġi evalwata l-ekwivalenza tal-verifiki bejn operaturi nazzjonali u dawk barranin, il-verifiki magħmula minn kull Stat Membru u l-proporzjon ta’ vetturi barranin verifikati huma ppreżentati fl-Anness III. Fil-fatt, dan il-proporzjon ivarja konsiderevolment. Madanakollu, peress li l-akbar proporzjon ta’ verifiki fuq vetturi barranin jitwettaq f’pajjiżi ta’ tranżitu, il-proporzjonijiet xorta jidhru raġonevoli meta jitqiesu l-pożizzjonijiet ġeografiċi. Għalhekk nistgħu nikkonkludu li m’hemm l-ebda indikazzjoni li l-kontrolli mhumiex ibbilanċjati f’dan ir-rigward.

7. IL-PROPORZJON TA’ L-OPERAZZJONIJIET TA’ TRASPORT LI JIKSRU L-LEĠIŻLAZZJONI

Il-proporzjon ta’ l-operazzjonijiet ta’ trasport li jiksru l-leġiżlazzjoni ġie kkalkulat permezz ta' relazzjoni bejn l-infrazzjonijiet kollha (indipendentement mill-vettura, mis-sewwieq, mid-dokumentazzjoni jew mill-merkanzija trasportata) u l-vettura verifikata. Peress li seta’ kien hemm iktar minn infrazzjoni waħda għal kull vettura, dan seta’ jwassal għal ċifra artifiċjalment għolja. Dan għandu jitqies waqt il-valutazzjoni taċ-ċifri. L-informazzjoni dwar il-proporzjon ta’ infrazzjonijiet f’kull verifika għall-perjodu 2003-2005 tidher f’tabella ta’ l-Anness IV.

Meta dawn il-valuri jiġu mqabbla mar-riżultati mir-rapporti preċedenti, jista’ jiġi konkluż li:

1) il-proporzjon tan-numru ta’ infrazzjonijiet f’kull verifika fl-Unjoni Ewropea bħala entità waħda żdied minn 0.22 (1997-1998) għal 0.26 (1999-2002) u mbagħad naqas għal 0.18 (2003-2005);

2) skond il-pajjiż, il-proporzjon tan-numru ta’ infrazzjonijiet f’kull verifika għall-perjodu 1999-2002 varja bejn 0.02 sa kważi 2.00;

3) fl-Awstrija, l-Estonja, l-Irlanda, Malta, u l-Portugall, il-proporzjon tan-numru ta’ infrazzjonijiet f’kull verifika għall-perjodu 2003-2005 huwa sinifikament ogħla mill-medja ta’ l-UE (0.26). Fil-biċċa tal-pajjiżi, l-proporzjoni huwa bejn 0.10 u 0.50.

Dawn iċ-ċifri juru li l-verifiki fit-toroq huma meħtieġa u huma għodda importanti biex tittejjeb is-sikurezza fit-trasport ta' merkanzija perikoluża, għalkemm meta wieħed iqabbel il-frekwenza ta' verifiki (Anness II) mal-proporzjon ta' infrazzjonijiet (Anness IV), din il-korrelazzjoni mhijiex ovvja.

8. PENALI

F’ħafna każijiet, l-informazzjoni dwar il-penali li ngħatat ma kenitx sħiħa. Fl-Anness V, qed tingħata stampa globali tat-tipi ta’ penali applikabbli fl-Istati Membri li taw din l-informazzjoni. L-aktar penali komuni kienet il-multa (madwar 80%) u wara din kien hemm it-twissija (madwar 20%) filwaqt li ftit li xejn kien hemm prosekuzzjonijiet.

9. KONKLUŻJONIJIET

Minkejja li fil-perjodu 2003-2005 ħafna mill-Istati Membri wettqu verifiki f’ġenb it-triq fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża, il-frekwenza tal-kontrolli tvarja konsiderevolment. B’kunsiderazzjoni għat-tkabbir li seħħ fl-2004, f’dawn l-aħħar snin, il-frekwenza medja tal-verifiki fl-Unjoni Ewropea żdieded.

Il-ġustifikazzjoni għal dawn il-verifiki toħroġ fiċ-ċar mill-proporzjon ta’ vetturi li waqt il-verifiki jinstabu li qed jiksru l-leġiżlazzjoni, anke jekk il-proporzjon medju tan-numru ta’ infrazzjonijiet f’kull verifika fl-Unjoni Ewropea naqas bi ftit.

Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport il-Kummissjoni tisħaq li l-verifiki fit-toroq huma għodda effettiva sabiex tiżvela l-problemi relatati mas-sikurezza tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża u għat-titjib tagħha. Madanakollu, verifiki mwettqa fl-istabbilimenti minn xi Stati Membri huma ovvjament mod daqstant ieħor effettiv ta’ infurzar, minkejja li dan ma jidhirx mill-annessi ta’ dan ir-rapport.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni ta' l-Istati Membri li għandhom jintużaw il-formoli ta’ rrapurtar armonizzati u r-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-Istati Membri kollha. L-introduzzjoni u l-applikazzjoni tal-kategoriji ġodda ta’ riskju għall-infrazzjonijiet fl-Istati Membri kollha ser ittejjeb il-kwalità ta’ rrappurtar fil-futur.

ANNESS I: TQASSIM SKOND IS-SENA (1997-2005) TAL-VERIFIKI, TA' L-INFRAZZJONIJIET U TAL-PENALI RREĠISTRATI F'KULL STAT MEMBRU

[pic]

[pic]

ANNESS II: GĦADD TA' VERIFIKI SKOND L-GĦADD TA' VJAĠĠI MAGĦMULA MINN VETTURI LI JITTRASPORTAW OĠĠETTI PERIKOLUŻI (%) 2003-2005 (STATI MEMBRI ĠODDA 2004-2005)

[pic]

ANNESS III: GĦADD TA' VERIFIKI U PROPORZJON TA' VETTURI BARRANIN IKKONTROLLATI (2003-2005)

[pic]

ANNESS IV: GĦADD TA' INFRAZZJONIJIET MISJUBA F'KULL VERIFIKA 2003-2005

[pic]

ANNESS V: PENALI SKOND IT-TIP 2003-2005

[pic]

[1] ĠU Nru L 249, tas-17.10.1995,p. 35, kif l-aħħar emendat mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/112/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE (ĠU Nru L 367, ta’ l-14.12.2004, p. 23)

[2] L-Artikolu 9(1) tagħha

[3] L-Artikolu 9(2) tagħha

[4] COM(2000) 517 finali, tas-06.09.2000

[5] COM(2005) 430 finali, tal-15.09.2005

[6] ĠU Nru L 319, tat-12.12.1994, p 7.

[7] Id-Direttiva emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/111/KE tad-9 ta’ Diċembru 2004 li tadatta għall-progress tekniku id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE (ĠU Nru L 365, ta’ l-10.12.2004, p. 25)

[8] Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali bit-Triq ta’ Merkanzija Perikoluża li ġie konkluż f’Ġinevra fit-30 ta’ Settembru 1957, kif emendat, bl-aħħar verżjoni tkun dik ta’ l-2005.

[9] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/112/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE (ĠU Nru L 367, ta’ l-14.12.2004, p. 23)

[10] Id-dejta dwar il-merkanzija kollha trasportata ġejja mill-manwal statistiku “2006 EU Energy and Transport in Figures”, maħruġ mill-Eurostat. Lussemburgu, l-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007. Tabella 3.2.4c

Top