EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0769

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali

/* KUMM/2007/0769 finali */

52007DC0769

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali /* KUMM/2007/0769 finali */


MT

Brussel 5.12.2007

KUMM(2007) 769 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri

fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali

1. Sfond

Dan ir-Rapport mill-Kummissjoni kien ippreparat skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar il-koperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali [1].

Qabel l-2001, ma kien hemm l-ebda strument li jorbot bejn l-Istati Membri kollha dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda. Fl-2001 il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru. 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali li jistabbilixxi regoli proċedurali sabiex ikun iħfef li tiġi kkumpilata xhieda fi Stat Membru ieħor. Ir-Regolament huwa applikabbli madwar l-Unjoni bl-eċċezzjoni tad-Danimarka sa mill-1 ta’ Jannar 2004. Bejn l-Istati Membri kkonċernati, huwa jieħu post il-Konvenzjoni ta' the Hague ta' l-1970. Ir-Regolament u l-informazzjoni kollha relevanti għall-applikazzjoni tiegħu huma disponibbli fl-Atlas Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili:

http://ec.europa.eu/justice_home/judicialatlascivil/html/te_information_mt.htm

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Kummissjoni ddiskutiet l-applikazzjoni tar-Regolament f’okkażjonijiet differenti fil-kuntest tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili u Kummerċjali. F’konsultazzjoni man-netwerk, il-Kummissjoni fasslet ukoll Gwida Prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet għal studju dwar l-applikazzjoni tar-Regolament.

1.1. Laqgħat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili

L-applikazzjoni tar-Regolament ġie diskuss f’laqgħat differenti tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili.

Fl-okkażjoni tal-laqgħat annwali tan-netwerk fit-13-14 ta’ Diċembru 2004 u fil-11 ta’ Diċembru 2006, kien hemm sessjonijiet għad-dikussjoni dwar l-esperjenzi bl-applikazzjoni tar-Regolament. Il-kwisjonijiet ewlenin li tqajmu kienu:

– Problemi prattiċi (eż f’xi każi t-talbiet kienu għadhom jintbagħtu lill-entitajiet ċentrali, fil-forom tal-lingwi użati ta’ l-Istat li jkun qed jagħmel it-talba, problemi oħra ta’ komunikazzjoni bejn il-qrati li jressqu t-talba u dawk li lilhom titressaq it-talba).

– L-ambitu ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament, b’mod partikolari il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” u ta’ “xhieda” (speċjalment problemi li qamu fir-rigward tat-teħid tad-DNA u partikolarment tal-kampjuni tad-demm fil-kuntest ta’ testi tal-paternità).

– L-użu ta’ teknoloġija moderna ta’ telekomunikazzjoni fil-kuntest tal-kumpilazzjoni tax-xhieda. B’mod partikolari, kien hemm ilmenti dwar il-fatt li f’bosta Stati Membri l-mezzi tekniċi għall-konferenzi bil-video kienu għadhom mhux disponibbli.

Fil-21 ta’ April 2005, in-netwerk ddiskuta abbozz tal-Gwida Prattika li kien imfassal mis-Servizzi tal-Kummissjoni b’konsultazzjoni man-netwerk. Il-gwida tfittex li tiggwida l-partijiet, l-imħallfin, l-avukati u l-entitajiet ċentrali u tipprovdi għarfien aħjar tar-Regolament. Il-gwida hi disponibbli wkoll fil-websajt:

http://ec.europa.eu/civiljustice/evidence/evidence_ec_guide_en.pdf

Fl-aħħar ta’ l-2006 u fil-bidu ta’ l-2007, il-Kummissjoni qassmet 50.000 kopja tal-gwida prattika lill-istati Membri. Il-qrati kollha involuti fl-applikazzjoni tar-Regolament kellhom jirċievu kopja ta’ din il-gwida.

1.2. Studju dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 1206/2001)

Kif intqal aktar ‘il fuq, sabiex jitħejja dan ir-rapport il-Kummissjoni talbiet għal studju dwar l-applikazzjoni tar-regolament li kien imħejji minn kuntrattur. l-Istudju jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm

L-għan ewlieni ta’ l-Istudju kien li tinkiseb analiżi empirika ta’ l-applikazzjoni tar-regolament, partikolarment dwar il-kwistjoni jekk permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regolament ittejbitx, ġietx simplifikata u aċċelerata l-kooperazzjoni bejn il-qrati fil-kumpilazzjoni tax-xhieda

L-Istudju hu bbażat fuq stħarriġ li sar mill-kuntrattur minn Novembru 2006 sa Jannar 2007 u hu bbażat fuq 425 minn 544 tweġiba ta’ kwestjonarju dwar l-applikazzjoni ta’ diversi artikli tar-Regolament. Il-kwestjonarju twieġeb minn amministrazzjonijiet ta’ Stati Membri, imħallfin, avukati u persuni oħra involuti fl-applikazzjoni tar-Regolament.

2. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE)1206/2001

Din it-taqsima tiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tar-Regolament issimplifikatx u aċċelleratx il-kooperazzjoni bejn il-qrati fil-kumpilazzjoni tax-xhieda, u fl-applikazzjoni prattika ta’ diversi dispożizzzjonijiet tar-Regolament.

2.1. Iż-żmien meħtieġ biex jintlaqgħu t-talbiet

L-istudju jindika li bosta talbiet għall-kumpilazzjoni tax-xhieda jintlaqgħu fi żmien 90 jum kif ipprovdut mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (ara l-Anness 1) Skond dawk li rrispondew il-kwestjonarju, dan hu aktar mgħaġġel minn qabel daħal fis-seħħ ir-Regolament. Madanakollu, hemm ukoll numru sinifikanti ta’ każi li fihom jinqabeż il-limitu ta’ 90 jum. F’xi każi jkunu meħtieġa anke aktar minn 6 xhur. Barra minn hekk, l-ammont ta’ żmien meħtieġ biex ikunu sodisfatti t-talbiet ivarja b’mod sinifikanti fl-Istati Membri. Ta' min jinnota b’mod partikolari li f’bosta Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-2004 t-talbiet ġeneralment ikunu milqugħa fi żmien 90 jum, filwaqt li ż-żmien meħtieġ f’uħud mill-Istati Membri l-oħra għandu ħabta jkun itwal.

2.2. Entitajiet ċentrali

B’mod ġenerali jidher li l-entitajiet ċentrali huma effettivi fit-twettiq ta’ l-obbligi imposti fuqhom mir-Regolament (ara l-Anness II). Madanakollu, din l-effettività tidher li tvarja b’mod sinifikanti fl-Istati Membri.

L-istudju jindika wkoll li l-entitajiet ċentrali kultant iridu jsibu soluzzjonijiet għal tipi differenti ta’ diffikultajiet li jkunu inqalgħu fir-rigward ta' talba,kif ipprovdut mill-Artikolu 3(1) b) tar-Regolament [2].

Minkejja l-fatt li r-Regolament jipprovdi li t-trażmissjoni tat-talbiet għal mod kif tkun kumpilata x-xhieda għandu jsir direttament bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri, u li konsegwentament l-entitajiet ċentrali għandhom iressqu biss it-talbiet lill-qorti kompetenti “f’każi eċċezzjonali”, l-istudju jindika li l-entitajiet ċentrali “kultant” jew anke “spiss” iressqu talbiet lill-qorti kompetenti. Għalhekk tista’ tinġibed il-konklużjoni li fil-perjodu kurrenti ta’ l-adattament li għadu għaddej, ir-Regolament mhux magħruf biżżejjed, u għandu jsir kull sforz biex isir magħruf aktar fost il-qrati ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.3. Formoli

L-istudju jindika li l-użu tal-formoli standard ġeneralment ma ħoloq l-ebda problema (ara l-Anness III). L-introduzzjoni tal-formoli hi kkunsidrata bħala pożittiva ħafna u bħala raġuni ewlwnija għas-simplifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-kumpilazzjoni tax-xhieda. Madanakollu, hemm taħriġ insuffiċjenti fost dawk involuti fil-prattika tal-liġi fil-mili tal-formoli li jwasslu għall-problemi fl-użu tal-formoli. Jidher b’mod partikolari li kultant il-formoli mhumiex jimtlew kompletament u li informazzjoni essenzjali biex tintlaqa’ t-talba qed titħalla barra.

2.4. It-teknoloġiji tal-komunikazzjoni

L-istudju jindika li l-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni pprovduta fl-Artikolu 10(4) u 17 (4) tar-Regolament fil-prattika ssimplifika u aċċellera l-kumpilazzjoni tax-xhieda fl-Istati Membri l-oħra, iżda dan l-użu għadu pjuttost rari. F’każi fejn intużat it-teknoloġija tal-Komunikazzjoni, partikolarment fil-konferenzi bil-video, ġeneralment din ma ħolqot l-ebda problema (ara l-Anness IV).

Dawn is-sejbiet juru li minn banda l-kumpilazzjoni tax-xhieda hu simplifikat b’mod sinifikanti mill-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni, iżda mill-banda l-oħra sfortunatament il-potenzjal li jinsab fl-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni fil-preżent ftit qed jintuża minħabba li t-teknoloġija neċessarja hi disponibbli biss sa ċertu punt [3]. Fil-futur għandhom isiru sforzi mill-Istati Membri biex iżidu l-użu tat-teknoloġija tal-Komunikazzjoni, partikolarment bil-konferenzi video. L-importanza li l-Ġustizzja Elettronika jkollha aktar promozzjoni kienet sostnuta mill-Kunsill li fil-laqgħa tiegħu tat-12 u t-13 ta' Ġunju 2007 talab li jitkompla x-xogħol fuq il-Ġustizzja Elettronika "bil-ħsieb li tinħoloq pjattaforma teknika fuq livell Ewropew”, kif ukoll mill-Kunsill Ewropew li kkomkluda fil-laqgħa tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007 li “il-Kunsill għandu jippromqovi aktar il-komunikazzjoni elettronika dwar materji legali («E-Justice»)".

2.5. Trażmissjoni ta' talbiet

Mill-istudju jidher (ara l-Anness V) li talbiet u komunikazzjonijiet huma normalment trażmessi bl-“aktar mezzi veloċi possibbli” (l-Artikolu 6 tar-Regolament) [4].

2.6. Kuntatti diretti minn Qorti għal oħra

F’kuntrast mal-Konvenzjoni ta’ Aja ta’ l-1970 dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda, ir-Regolament jipprovdi – bħala waħda mill-aktar innovazzjonijiet importanti mqabbla mal-Konvenzjoni ta’ Aja – li t-trażmissjoni tat-talbiet għat-twettiq tal-kumpilazzjoni tax-xhieda ssir direttament bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri.

L-istudju jindika li l-qrati rikjesti u dawk rikjedenti (l-Artikolu 2) huma ġeneralment effettivi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skond ir-Regolament. Madanakollu, dan ivarja fl-Istati Membri.

It-trażmissjoni diretta tat-talbiet bejn il-qrati ma tidhirx li ħolqot problemi speċifiċi. Kif indikat aktar 'il fuq (taħt 2.2). fil-perjodu kurrenti ta' l-adattament hemm diversi każi li minħabba nuqqas ta' għarfien tar-Regolament, il-kuntatti diretti bejn qorti u oħra, u l-kumpilazzjoni tax-xhieda qed jaqgħu lura minħabba li l-entitajiet ċentrali qed jintalbu biex iressqu t-talbiet lill-qorti kompetenti.

2.7. Kumpilazzjoni Diretta ta’ Xhieda (Artikolu 17)

Fattur ieħor importanti tar-Regolament hu l-possibiltà li l-Kumpilazzjoni diretta tax-xhieda mill-qorti rikjedenti ssir fi Stat Membru ieħor.

L-istudju jindika li l-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda pprovduta fl-Artikolu 17 tar-Regolament ftit għadha qed tintuża’. Madanakollu, f’dawk il-każi fejn din intużat, issimplifikat u aċċellerat il-kumpilazzjoni tax-xhieda, ġeneralment mingħajr ma ħolqot xi problema partikolari (ara l-Anness VII).

2.8. Applikazzjoni ta' l-Artikolu 18 (spejjeż)

Mill-istudju jirriżulta li l-Artikolu 18 tar-Regolament ġeneralment ma ħoloq l-ebda problema partikolari (ara l-Anness VIII). Madanakollu, l-istudju jindika, li d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar ir-rimborż tat-tariffi mħallsa lill-esperti kultant huma kkunsidrati b'mod negattiv.

2.9. Problemi ta’ interpretazzjoni

L-istudju jindika li r-Regolament ma ħoloq l-ebda problema kbira ta’ interpretazzjoni. Madanakollu, hemm indikazzjonijiet li l-kunċetti ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, “xhieda” u “qorti” mhux dejjem huma ċari u li kultant hu kkonsidrat xieraq li jkun hemm aktar gwida għall-kontenut preċiż. (ara l-Anness IX)

Jidher li b’mod partikolari l-fatt li l-kunċett ta’ “xhieda” mhux definit fir-Regolament ħoloq problemi. Dan wassal għal interpretazzjonijiet diverġenti b’mod sinifikanti ta’ x’inhu kkunsidrat bħal “xhieda” fis-sens tar-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tat-teħid tad-DNA u l-kampjuni tad-demm u dwar l-għarfien espert fuq il-benessri tal-familja jew tat-tfal. Filwaqt li jirrispetta li r-responsabbiltà aħħarija għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “xhieda” taqa’ fuq il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja [5], il-Kummissjoni hi tal-fehma li dan il-kunċett għandu jkun interpretat b’mod awtonomu u sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament, l-ambitu tar-Regolament ma għandux ikun limitat għal interpretazzjoni stretta ħafna. Fuq din il-kwistjoni, għandhom jitkomplew l-iskambji ta’ opinjonijiet u esperjenzi fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewroew f’Materji Ċivili.

2.10. Referenza għal-liġi nazzjonali

Il-fatt li r-Regolament jagħmel diversi referenzi għal-liġijiet nazzjonali dan mhux meqjus bħala problematiku, Madanakollu, skond l-istudju, tinħass il-ħtieġa li għandu jkun hemm armonizzazzjoni fil-liġijiet nazzjonli (ara l-Anness X).

2.11. Il-kompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Aja ta’ l-1970

Ma hemm l-ebda problema dwar il-kompatibbiltà bejn ir-Regolament u strumenti oħra bħal Konvenzjoni ta’ Aja ta’ l-1970 dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda (ara l-Anness XI).

2.12. Simplifikazzjoni u aċċellerazzjoni tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda

Ir-Regolament issimplifika u aċċellera l-kumpilazzjoni tax-xhieda (ara l-Anness XII). Madanakollu, il-punt safejn dan sar, ivarja b’mod sinifikanti fl-Istati Membri.

3. Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tiġbed dawn il-konlużjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-Regolament 1206/2001 sa mid-dħul tiegħu fis-seħħ fl-2004.

L-applikazzjoni tar-Regolament b’mod ġenerali tejjbet, issimplifikat u aċċellerat il-kooperazzjoni bejn il-qrati fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f'materji ċivili u kummerċjali. Ir-Regolament laħaq iż-żewġ għanijiet tiegħu, jiġifieri l-ewwelnett jissimplifika l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u t-tieni jaċċellera x-xogħol tal-kumpilazzjoni tax-xhieda, sa livell relattivament sodisfaċenti. Is-simplifikazzjoni saret prinċipalment bl-introduzzjoni ta’ trażmissjoni diretta minn qorti għall-oħra (għalkemm t-talbiet għadhom kultant jew anke ta' spiss jintbagħtu lill-entitajiet ċentrali), u bl-introduzzjoni ta' formoli standard. Sa fejn għandha x’taqsam l-aċċellerazzjoni, wieħed jista’ jikkonkludi li bosta talbiet għall-kumpilazzjoni tax-xhieda jintlaqgħu ferm aktar malajr minn qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament u fi żmien 90 jum kif previst mir-Regolament.

Konsegwentement, mhumiex meħtieġa tibdiliet fir-Regolament, iżda għandha tittejjeb il-funzjoni tiegħu. Partikolament fil-perjodu kurrenti ta’ adattament li għadu għaddej, hemm ċerti aspetti dwar l-applikazzjoni tar-Regolament li għandhom jiġu mtejba.

L-ewwelnett, minn diversi sejbiet jirriżulta li – minkejja d-diskussjonijiet li saru fin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili u d-disponibbiltà tal-gwida prattika fl-Istati Membri kollha – ir-Regolament mhux magħruf biżżejjed fost dawk li jeżercitaw il-professjoni legali. Dan iwassal għal dewmien u problemi bla bżonn.

Għalhekk, ix-xogħol magħmul fil-kuntest tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili u Kummerċjali, għandu jkun sfruttat aktar fl-Istati Membri, u partikolarment għandu jkun żgurat li l-gwida prattika tinxtered sew bi kwalunkwe mezz fost dawk li jeżerċitaw il-professjoni legali.

Jidher li l-mod li bih kienet simplifikata u aċċellerata l-kumpilazzjoni tax-xhieda tvarja b’mod sinifikanti fl-Istati Membri. Dan jidher partikolarment evidenti fir-rigward taż-żmien rikjest għall-kumpilazzjoni tax-xhieda minħabba li f’uħud mill-Istati Membri ħafna drabi l-konformità mal-limitu ta’ 90 jum ħafna ma tkunx rispettata. Iżda anke l-effettività ta’ l-entitajiet ċentrali u d-disponibbiltà tat-teknoloġija moderna tal-komunikazzjonijiet tvarja b’mod sinifikanti fl-Istati Membri.

Finalment, għandu jkun konkluż li mhux biss il-potenzjal tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni għadha mhux tintuża bis-saħħa kollha, iżda l-possibiltà tal-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda, li hi innovazzjoni importanti tar-Regolament, għadha rarament tintuża.

Għalhekk il-Kummissjoni

· tinkoraġġixxi aktar sforzi – b’mod partikolari t-tixrid tal-gwida prattika – biex ittejjeb il-livell tal-familjarità mar-Regolament fost dawk li jeżerċitaw il-professjoni legali fl-Unjoni Ewropea.

· hi tal-fehma li għandhom jittieħdu miżuri mill-Istati Membri biex jiżguraw li jkunu konformi mal-limitu ta’ żmien ta’ 90 jum biex jintlaqgħu t-talbiet

· hi tal-fehma li t-teknoloġija moderna tal-komunikazzjonijiet, partikolarment tal-videoconferencing li hi mezz importanti biex tissimplifika u taċċellera l-kumpilazzjoni tax-xhieda, mhux qed tintuża sal-massimu possibli, u tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri ħalli jintroduċu l-mezzi neċessarji fil-qrati u-t-tribunali tagħhom biex jagħmlu konferenzi video fil-kuntest tal-kumpilazzjoni tax-xhieda. Il-Kunsill saħaq dwar l-importanza ta’ promozzjoni akbar għall-Ġustizzja Elettronika (E-Justice) (waqt il-laqgħa tiegħu ta-12 u t-13 ta’ Ġunju 2007) u mill-Kunsill Ewropew (fil-laqgħa tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007).

Anness I: Iż-żmien meħtieġ biex ikunu milqugħa t-talbiet

Mill-espejenza tiegħek, iż-żmien medju biex tkun esegwita t-talba hu:

(...PICT...)

(...PICT...)

Dan hu aktar malajr minn qabel daħal fis-seħħ ir-Regolament?

(...PICT...)

(...PICT...)

Anness II: Entitajiet ċentrali

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

Kemm kuma effettivi l-entitajiet ċentrali fil-forniment ta’ l-informazzjoni lill-qrati u li jfittxu soluzzjonijiet għal kwalunkwe diffikulta li tista’ tinqala’ fir-rigward tat-talba?

(...PICT...)

Kemm kienu spiss id-drabi li l-entitajiet ċentrali kellhom ifittxu soluzzjoni għad-diffikultajiet li setgħu nqalgħu fir-rigward tat-talba?

(...PICT...)

Mill-esperjenza tiegħek, kemm kien frekwenti li l-entitajiet ċentrali ressqu talbiet lill–qorti kompetenti fuq talba tal-qorti rikjedenti?

(...PICT...)

(...PICT...)

Anness III: Formoli

L-applikazzjoni prattika tal-formoli kkawżaw problemi? Jekk iva, liema formoli? Għaliex?

(...PICT...)

Anness IV: It-teknoloġija tal-komunikazzjoni

Kemm hu frekwenti l-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni għall-kumpilazzjoni tax-xhieda? Fl-liema tipi ta’ talbiet?

(...PICT...)

(...PICT...)

Fil-prattika l-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni ssimplifika u aċċellera l-kumpilazzjoni tax-xhieda fl-Istati Membri l-oħra?

(...PICT...)

(...PICT...)

L-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni ħoloq problemi? Jekk iva, liema kienu?

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

Anness V: Trażmissjoni tat-talbiet

It-talbiet u l-komunikazzjonijiet indirizzati lill-Istat Membru tiegħek skond dan ir-Regolament huma trażmessi bl-“aktar mezzi veloċi possibbli" (l-Artikolu 6 tar-Regolament) li l-Istat Membru jaċċettta?

(...PICT...)

(...PICT...)

Anness VI: Trażmissjoni diretta minn qorti għall-oħra

Kemm huma effettivi l-qrati li jressqu u dawk li lilhom jitressqu t-talbiet (l-Artikolu 2) fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skond dan ir-Regolament?

(...PICT...)

(...PICT...)

l-introduzzjoni tal-kuntatti diretti bejn qorti u oħra ħolqot problemi speċifiċi?

(...PICT...)

Anness VII: Kumpilazzjoni diretta tax-xhieda

Kemm hu frekwenti l-użu tal-kumpilazzjoni tax-xhieda?

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

Fil-prattika l-użu ta’ dan il-metodu ssimplifika u aċċellera l-kumpilazzjoni tax-xhieda fl-Istati Membri l-oħra?

L-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni ħoloq problemi? Jekk iva, liema kienu?

(...PICT...)

Anness VIII: Applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18

l-applikazzjoni prattika ta’ l-Artikolu 18 (spejjeż) ħoloq problemi? Jekk iva, liema kienu?

(...PICT...)

Anness IX: Problemi ta’ interpretazzjoni

Kien hemm problemi bl-interpretazzjoni tar-Regolament, partikolarment dwar l-ambitu tiegħu u l-kunċett ta’ "xhieda"? Din wasslet għar-rifjut biex tkun esegwita talba (Artikolu 14)?

(...PICT...)

Anness X: Referenza għal-liġi nazzjonali

(...PICT...)

(...PICT...)

Issib li hi problema li r-Regolament ħafna drabi jirreferi għal-liġijiet nazzjonali ta' Stati Membri?

Tikkonsidra li l-armonizzazzjoni tal-liġijiet proċedurali ta’ l-istati Membri dwar il-kwistjoni tal-kumpilazzjoni tax-xhieda hi mixtieqa?

(...PICT...)

Anness XI: Kompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Aja ta’ l-1970

Sibt problemi dwar il-kompatibbiltà bejn ir-Regolament u strumenti oħra bħal Konvenzjoni ta’ Aja ta’ l-1970 dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda?.

(...PICT...)

Anness XII: Simpifikazzjoni u aċċelerazzjoni tal-kumpilazzjoni tax-xhieda

Mill-esperjenza tiegħek, l-applikazzjoni tar-Regolament 1206/2001 issimplifika u aċċellera l-kooperazzjoni bejn il-qrati fir-rigward tal-kumpilazzjoni tax-xhieda?

(...PICT...)

(...PICT...)

[1] ĠU L 174, 27.6.01, p. 1.

[2] Madanakollu, il-kummenti li saru fil-kwestjonarju ma tantx jagħtu informazzjoni dwar it-tipi ta’ problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-entitajiet ċentrali.

[3] Il-qrati li fihom hemm disponibbli fil-preżent il-konferenza video huma indikati fil-manwal ta’ l-Atlas Ġuridiku Ewropew f’Materji Ċivili. Fil-preżent, il-konferenza video hi disponibbli fil-qrati kollha ta’ l-Olanda u l-Portugall, u f’ċerti qrati fl-Awstrija, Ċipru, l-Estonja, il-Fillandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

[4] F’dan ir-rigward jekk jogħġbok innota li l-Istati Membri kollha jaċċettaw talbiet bil-posta, kollha (minbarra l-Polonja u Spanja) jaċċettaw ukoll bil-faks. Il-posta elettronika hi aċċettata biss fi 13-il Stat Membru (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Portugall, is-Slovenja u s- Slovakkja).

[5] Jekk jogħġbok innota f'dan il-kuntest li fil-preżent hemm kwistjoni pendenti dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. F' C-175/06 (Tedesco/Fittings SrL), il-Qorti li għamlet ir-referenza staqsiet jekk talba għall-akkwist tad-deskrizzjoni ta' l-affarijiet taħt l-Artikoli 128 u 130 tal-Kodiċi Taljana dwar il-Proprjetà industrijali u intellettwali hix waħda mill-foroli għall-kumpilazzjoni tax-xhieda preskritta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001.

--------------------------------------------------

Top