EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0726

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-seklu 21

/* KUMM/2007/0726 finali */

52007DC0726




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.11.2007

KUMM(2007) 726 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-seklu 21

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Realtajiet soċjali li qed jinbidlu 4

3. Viżjoni soċjali ta’ “opportunitajiet għall-ħajja” għall-Ewropa: l-avvanz tal-benesseri permezz ta’ opportunitajiet, aċċess u solidarjetà 6

4. L-oqsma ewlenin għal azzjoni 7

5. Ir-rwol ta’ l-UE 9

6. Il-passi li jmiss 11

1. INTRODUZZJONI

Kif jistgħu l-benesseri, il-kwalità tal-ħajja u l-valuri komuni taċ-ċittadini ta’ l-Ewropa jiġu avvanzati bl-aħjar mod fid-dinja tal-lum? Din il-mistoqsija hija ċentrali għall-Aġenda taċ-Ċittadini tal-Kummissjoni[1] u tinsab fil-qalba ta’ l-istrumenti ewlenin ta’ l-Ewropa bħas-suq uniku, l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli. Dawn il-politiki kollha jeħtieġ li jinbnew fuq fehim solidu tar-realitajiet soċjali ta’ l-Ewropa u li jżommu l-pass magħhom.

X’inhuma dawk ir-realtajiet?

- Is-soċjetajiet Ewropej qed jinbidlu b’rata mgħaġġla: l-Ewropej qed jgħixu aktar fit-tul, qed jiffaċċjaw bidliet straordinarji fil-mudelli tal-familja, jagħmlu progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u jaġġustaw għal xejriet ġodda ta’ mobilità u ta’ diversità.

- Il-globalizzazzjoni, il-progress teknoloġiku u l-iżviluppi ekonomiċi qed jaffettwaw il-mod li bih ngħixu u naħdmu, b’opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, ħtieġa għal ħiliet ġodda u rata tal-bidla li qed tiżdied. Il-benefiċċji u r-riskji assoċjati mhumiex kondiviżi b’mod ugwali u wħud mill-partijiet tal-popolazzjoni ma jsibuhiex faċli biex jadattaw irwieħhom u qegħdin f’riskju li jispiċċaw bla xogħol u li jkunu esklużi.

- L-UE nnifisha nbidlet: hija kibret sabiex tinkludi 500 miljun ċittadin u fiha wkoll diversità akbar; l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda firxet il-benefiċċji tal-paċi, il-libertà u l-prosperità madwar l-UE u fil-pajjiżi ġirien.

Dawn l-iżviluppi joffru opportunitajiet straordinarji f’termini ta’ għażla ħielsa, ħajjiet aktar b’saħħithom u itwal, kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar u soċjetajiet aktar innovattivi u miftuħin. Imma joħolqu wkoll riskji soċjali ġodda li jistgħu jnaqqsu l-opportunitajiet għall-ħajja u jalimentaw perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà, iżolament, inekwità u inugwaljanza. Hemm aspettattivi mifruxa li l-Ewropa għandu jkollha rwol aktar prominenti fl-avvanz tal-benesseri taċ-ċittadini tagħha f’dan il-kuntest ta’ globalizzazzjoni, għandha tgħinhom jantiċipaw u jrawmu l-bidla, kif ukoll għandha tippromwovi valuri Ewropej fuq ix-xena globali.

Sabiex tkun tista’ twieġeb aħjar għal dan it-tħassib u għal dawn l-aspettattivi, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni b’bażi wiesgħa dwar il-bidliet soċjali li għaddejjin bħalissa fl-UE. Filwaqt li bniet fuq dokument ta’ diskussjoni mill-Uffiċċju tal-Konsulenti dwar il-Politika Ewropea (BEPA) tagħha u fuq ir-riżultati ta’ stħarriġ tal-Eurobarometer,[2] il-Kummissjoni tat stimolu lil dibattitu fost il-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet l-oħra ta’ l-UE[3] u nediet konsultazzjoni fuq l-Internet biex tfittex fehmiet dwar x’inhi r-realtà soċjali ta’ l-Ewropa. L-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tarrikkixxi l-konsultazzjoni li għaddejja bħalissa dwar ir-realtà soċjali ta’ l-Ewropa billi twessa’ d-diskussjoni mill-analiżi għar-reazzjoni. Ir-reazzjonijiet għal din il-viżjoni se jalimentaw il-preparazzjoni ta’ Aġenda Soċjali mġedda, li l-Kummissjoni se tippreżenta f’nofs l-2008.

2. REALTAJIET SOċJALI LI JINBIDLU

Skond standards globali, is-soċjetajiet Ewropej ma jonqoshom xejn, u meta mistħarrġa, l-Ewropej jgħidu li huma kuntenti u sodisfatti b’ħajjithom. Madankollu, meta jiġu mistoqsija dwar il-ġejjieni, juru ansjetà u tħassib, b’mod partikolari għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Għaliex? Naturalment il-perċezzjonijiet ivarjaw ferm bejn l-individwi u minn pajjiż jew reġjun għall-ieħor. Madankollu, fattur wieħed jibqa’ komuni: l-Istati Membri kollha għaddejjin minn bidliet mgħaġġla u profondi:[4]

- Fis-soċjetà

- L-istennija tal-ħajja fis-soċjetajiet Ewropej tjiebet drammatikament: minn 43.5 sena fl-1900 għal 75.5 fl-2000 u 82 mistennija fl-2050, u għan-nisa, minn 46.0 għal 81.4 b’87.4 mistennija. Minħabba sittin sena ta’ paċi, ta’ progress mediku u ta’ kundizzjonijiet ta’ l-għajxien u tax-xogħol aħjar, proporzjon li qed jikber ta’ Ewropej issa qed igawdu rtirar itwal u aktar attiv. Dan għandu impatti mifruxa fuq is-sistema tal-ħarsien soċjali, bin-nefqa assoċjata mistennija titla’ għal 2.5% tal-PGD sa l-2030 u għal 4.3% sa l-2050. Fl-istess ħin, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u l-istennija ta’ ħajja b’saħħtiha għadhom ivarjaw konsiderevolment bejn il-gruppi bi dħul differenti u r-reġjuni.

- Ir-rati tat-twelid qegħdin jinżlu imma l-evidenza tissuġġerixxi li x-xewqa għat-tfal ta’ spiss tibqa’ mhux sodisfatta. Dan huwa relatat ma’ kombinazzjoni komplessa ta’ fatturi, inklużi kondiviżjoni mhux ugwali tar-responsabbiltajiet għat-trobbija ta’ l-ulied, faċilitajiet għall-kura tat-tfal inqas minn ottimali, is-sitwazzjoni tad-djar u organizzazzjoni tax-xogħol li ma tiffavorix il-familji.

- Ir-riskji soċjali, bħad-dipendenza ta’ l-anzjani u l-iżolament soċjali mistennija jitilgħu minħabba dawn it-tendenzi demografiċi. Illum, 28% tal-popolazzjoni li għandha aktar minn 70 sena bħalissa tgħix waħdiha. Sa żewġ terzi tal-persuni li għandhom iktar minn 75 huma dipendenti fuq kura informali, prinċipalment ipprovduta mill-familja immedjata, speċjalment min-nisa. Anzjan minn kull sitta jgħix fil-faqar, bin-nisa anzjani jkunu partikolarment esposti għal pensjonijiet baxxi minħabba karrieri mhux kompluti.

- Qed jitfaċċaw riskji ġodda ta’ qasma ġenerazzjonali bejn il-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk ta’ l-anzjani, f’termini ta’ pagi, sigurtà ta’ l-impjiegi, aċċess għad-djar, kif ukoll f’termini ta’ kondiviżjoni ta’ l-implikazzjonijiet finanzjarji tat-tixjiħ. Id-distakk bejn l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjoni żagħżugħa u t-theddida ta’ opportunitajiet limitati qed jirriskja li joħloq “ksur ġenerazzjonali”.

- Mudelli tal-familja li qed jinbidlu, inkluż it-tifrik taż-żwiġijiet, familji b’ġenitur wieħed u r-rabtiet li qed jiddgħajfu tal-familja estiża jqajmu kwistjonijiet ġodda rigward il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u r-responsabbiltajiet tal-kura. Familji b’ġenitur wieħed jiffaċċjaw riskju ogħla ta’ qgħad.

- Hemm progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi imma din tibqa’ ’l bogħod minn realtà fis-28 Stat Membru. In-nisa għadhom sotto-rappreżentati fis-suq tax-xogħol u f’pożizzjonijiet fejn jittieħdu deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi; barra minn hekk, id-distakk fil-pagi bejn is-sessi għadu bejn wieħed u ieħor ta’ 15%. L-isterjotipi sesswali għadhom jippersistu.

- Id-differenzi fid-dħul u fl-opportunitajiet huma mifruxa tul ir-reġjuni, bejn iż-żoni rurali u urbani, u kif ukoll bejn l-Istati Membri. Aktar minn 100 miljun persuna jgħixu bi dħul ekwivalenti għal massimu ta' EUR 22 kuljum. L-inċidenza tal-faqar fost it-tfal tibqa’ għolja u qed tiżdied f’diversi Stati Membri. Dawn it-tfal jiffaċċjaw riskji ferm akbar ta’ esklużjoni u ta’ faqar aktar tard f’ħajjithom.

- Il-migrazzjoni qed tittestja l-effikaċja ta’ l-istrateġiji ta’ integrazzjoni ta’ l-Istati Membri, speċjalment fl-ibliet ewlenin u fir-reġjuni fuq il-fruntieri Ewropej.

- Fl-ekonomija

- Għalkemm ir-rati ta’ l-impjiegi qed jiżdiedu u l-Ewropa ħolqot 3.5 miljun impjieg ġdid fl-2006, il-livell tal-qgħad jibqa’ għoli f’bosta partijiet ta’ l-Ewropa.

- L-iżviluppi demografiċi jżidu r-riskju ta’ problemi ta’ ħiliet u ta’ impjiegi. L-età medja ta’ ħruġ mis-suq tax-xogħol qed tiżdied imma, fost dawk li għandhom 55-64 sena, 47% mill-irġiel u 65% min-nisa waqgħu barra mis-suq tax-xogħol.

- Il-ħajja tax-xogħol qed titbiddel radikalment mill-effett ikkombinat tal-progress teknoloġiku, tal-ħtiġiet ekonomiċi li qed jinbidlu u tat-tkabbir tas-settur tas-servizzi. Il-forza tax-xogħol trid tlaħħaq ma’ rata akbar ta’ bidla, kemm biex takkwista ħiliet ġodda, taġġusta għal mudelli ġodda ta’ negozju jew tadatta ruħha għal preferenzi tal-konsumaturi li qed jinbidlu. Fl-istess ħin, hemm opportunitajiet għal forom ta' xogħol aktar flessibbli, grazzi għall-użu tat-teknoloġiji ta’ l-IT u biż-żjieda fl-importanza tal-ħin flessibbli ( flexi-time ) u t- tele-work .

- Il-mudelli u l-kundizzjonijiet tax-xogħol qed isiru dejjem aktar diversi u irregolari, bit-tmiem tal-prospettiva ta’ mudell ta’ karriera “impjieg għal ħajtek”, b’forom ġodda ta’ kuntratti, b’firxa ta’ xogħlijiet part-time , b’żjieda fil-mobilità ġeografika u b’aktar bidliet matul il-ħajja kemm f’impjiegi kif ukoll fl-istatus tax-xogħol. Dan qed iżid ir-riskju ta’ polarizzazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’evidenza ta’ żjieda fin-nuqqas ta’ ugwaljanzi fil-pagi u persuni bi ftit ħiliet maqbuda f’morsa f’impjiegi ta’ kwalità baxxa bi ftit prospetti li javvanzaw.

- F’soċjetà msejsa fuq l-għarfien, il-kapital uman, l-edukazzjoni u l-ħiliet huma saħansitra aktar essenzjali sabiex irawmu l-ħolqien ta’ l-impjiegi u jirrinforzaw l-inklużjoni soċjali. Imma tifel li jmur l-iskola minn kull ħamsa ma jiksibx l-istandards bażiċi tal-litteriżmu u tan-numeriżmu u sitt miljuni żgħażagħ jitilqu l-iskola bla ebda kwalifika. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar il-kwalità u l-effikaċja tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ ta’ l-Ewropa. Iż-żgħażagħ, u partikolarment dawn li jitilqu kmieni mill-iskola, isibuha diffiċli biex jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol, b’inqas impjiegi li ma jeħtiġux ħiliet disponibbli u aċċess ’il bogħod minn ugwali għal tagħlim tul il-ħajja.

- Fl-istili ta’ ħajja u fil-valuri

- Ir-rabtiet tradizzjonali, bħall-familja, il-grupp soċjali u r-reliġjon qed jiddgħajfu. Hemm tendenza lejn individwalizzazzjoni tal-valuri u lejn atomizzazzjoni tal-kultura – attenzjoni ffokata fuq l-individwu u fuq il-konsumatur aktar milli fuq is-soċjetà kollha, u kwistjonijiet ġodda ta' tolleranza u rispett għall-oħrajn. Fl-istess ħin qed jitfaċċaw forom ġodda ta’ solidarjetà, inkluż permezz ta’ attivitajiet ġodda ta’ ħin ħieles u ta’ kultura.

- L-importanza marbuta ma’ forom tradizzjonali ta’ parteċipazzjoni politika qed tonqos u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ spiss tkun baxxa. Madankollu, hemm tiftixa għal forom ġodda u aktar flessibbli ta’ parteċipazzjoni ċivika u xewqa li jissawwar il-ġejjieni.

- Il-globalizzazzjoni żjidet l-espożizzjoni għad-diversità, billi tistimola l-kurżita u tarrikkixxi s-soċjetajiet. Imma provokat ansjetajiet dwar id-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali, kif ukoll dwar il-ħila ta’ l-Ewropa li tasserixxi l-valuri komuni tagħha.

- Qed jitfaċċaw problemi soċjali ġodda bħat-tensjoni u d-dipressjoni, l-obeżità, il-mard relatat ma’ l-ambjent u n-nuqqas ta’ eżerċizzju. Dawn jiżdiedu ma’ problemi tradizzjonali ta’ iżolament soċjali, mard mentali, abbuż mid-drogi u mill-alkoħol, kriminalità u nuqqas ta’ sigurtà.

- Ir-rivoluzzjoni ta’ l-IT u l-għodod il-ġodda ta’ komunikazzjoni ġġeneraw forom ġodda ta’ djalogu u ta’ parteċipazzjoni ċivika. Imma hemm riskju li jitfaċċaw “distakki ġodda fil-komunikazzjoni” bejn id-diversi komunitajiet u ġenerazzjonjiet li mhumiex jew m’għadhomx konnessi. Hemm ukoll evidenza ta’ “distakk diġitali” b’ċittadini inqas edukati, aktar imdaħħla fiż-żmien u ekonomikament inattivi ikollhom diffikultà biex jagħmlu użu mit-teknoloġiji l-ġodda.

- Il-mudelli ta’ produzzjoni u ta’ konsum li jsejsu l-ġid li jgawdu bosta partijiet ta’ l-Ewropa għandhom implikazzjonijiet, inkluż fuq il-bidla klimatika u żjieda fil-pressjonijiet fuq ir-riżorsi naturali. Jekk jiddawru dawn l-impatti negattivi ta’ l-istili ta’ ħajja kurenti se jfisser li tiġi aġġustata l-imġiba u se jkollhom impatti soċjali sinfikanti.

- Il-progress teknoloġiku ta bidu għal mistoqsijiet etiċi, pereżempju dwar it-trattament mediku, it-terapija ġenetika, iċ-ċelluli staminali, eċċ.

L-istati eżistenti ta’ ħarsien soċjali mhux dejjem ikunu intunati sew biex jadattaw irwieħhom għal dawn l-isfidi ġodda u fil-parti l-kbira straordinarji, minkejja bosta riformi li għaddejjin bħalissa.

3. VIżJONI SOċJALI TA’ “OPPORTUNITAJIET GħALL-ħAJJA ” GħALL-EWROPA: L-AVVANZ TAL-BENESSERI PERMEZZ TA’ OPPORTUNITAJIET, AċċESS U SOLIDARJETÀ

Min-naħa għall-oħra ta’ l-UE, qed tifaċċa viżjoni soċjali ġdida ta’ kif jiġi avvanzat il-benesseri bl-aħjar mod minkejja l-isfidi tal-lum. Dan il-metodu l-ġdid għandu fil-qalba tiegħu l-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjetà:

- L-opportunitajiet – biex wieħed jibda l-ħajja sew, jirrealizza l-potenzjal tiegħu u jagħmel dak kollu li jista’ bl-opportunitajiet offruti minn Ewropa innovattiva, miftuħa u moderna.

- L-aċċess – modi ġodda u aktar effettivi sabiex wieħed jikseb edukazzjoni, jagħmel progres fis-suq ta’ l-impjiegi, jikseb kura tas-saħħa u ħarsien soċjali ta’ kwalità u jipparteċipa fil-kultura u fis-soċjetà.

- Solidarjetà – sabiex jitrawmu l-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà soċjali, u sabiex ikun żgurat li l-ebda individwu ma jitħalla jkarkar wara.

Din il-viżjoni tirrifletti fehma li qed tiġi aċċettata dejjem aktar li billi s-soċjetà ma tistax tiggarantixxi riżultati ugwali għaċ-ċittadini tagħha, trid issir aktar deċiżiva fit-trawwim ta’ opportunitajiet ugwali.

Mhemm l-ebda metodu ta’ “daqs wieħed joqgħod lil kulħadd” min-naħa għall-oħra ta’ l-Ewropa, imma hemm sfidi komuni u hemm ħtieġa komuni li tittieħed azzjoni. L-ambizzjoni ċentrali hija li tinkiseb distribuzzjoni usa’ ta’ l-“opportunitajiet għall-ħajja”, sabiex kulħadd fl-UE jkun jista’ jkollu aċċess għar-riżorsi, għas-servizzi, għall-kundizzjonijiet u għall-kapaċitajiet ħalli l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet u ċ-ċittadinanza attiva teoretiċi jitbiddlu f’realtà b’sinifikat.

Din hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali u ta’ koeżjoni soċjali. Distakk bejn ir-“rebbieħa” u t-“telliefa” tal-bidla ekonomika u teknoloġika jista' jirriżulta f'xejriet ġodda ta’ inugwaljanza, b’riskju persistenti ta’ faqar li jikkoinċidi ma’ forom ġodda ta’ esklużjoni. F’soċjetà moderna u maqgħuda, kulħadd għandu jkun jista’ jikkontribwixxi b’mod sħiħ għas-soċjetà u jkollu aċċess għal “slielem ta’ opportunità” ġodda fi stadji differenti tal-ħajja.

Dan huwa imperattiv ekonomiku. Soċjetà li tiffunzjona sew, li hija kunfidenti u ferrieħa li tinvesti fil-kapital uman tagħha u li toħloq opportunitajiet biex l-individwi jimxu ’l quddiem tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom hija essenzjali sabiex issostni t-tkabbir ekonomiku, il-parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol, l-istandards ta’ għajxien u tiġġieled l-esklużjoni soċjali. Dan huwa wkoll investiment finanzjarju sod: jekk il-problem soċjali jingħelbu minn għeruqhom jitnaqqas ir-riskju li s-sistema ta’ ħarsien soċjali se jkollha tħallas hija għad-disfunzjonijiet soċjali u għan-nuqqas ta’ opportunitajiet ekonomiċi aktar tard fiż-żmien.

Dan huwa rekwiżit politiku. Il-bini tal-kunfidenza u tal-fiduċja huwa essenzjali għall-progress, għall-modernizzazzjoni u biex ikun hemm ftuħ għall-bidla.

4. L-OQSMA EWLENIN GħALL-AZZJONI

Din l-aġenda ta’ opportunitajiet, aċċess u solidarjetà teħtieġ investiment – impenn imġedded sabiex jiġi utilizzat il-potenzjal uman sħiħ ta’ l-Ewropa u sabiex jitkabbru l-opportunitajiet tal-ħajja għal kulħadd:

- L-investiment fiż-żgħażagħ : Bidliet soċjali ġodda jkollhom impatt kbir fuq iż-żgħażagħ. L-evidenza turi li l-opportunijiet individwali għall-ħajja ta’ spiss ikunu diġà ffissati meta t-tifel jasal biex imur l-iskola, bl-isfond familjari u l-ambjent tal-viċinat ikollu rwol ewlieni. Il-ħiliet konoxxitivi, tan-numeriżmu u tal-litteriżmu jiġu akkwistati kmieni fit-tfulija. “Titgħallem kif titgħallem”, l-aspirazzjoni għal edukazzjoni ogħla, l-attitudnijiet lejn il-parteċipazzjoni ċivika u l-għażla ta’ dieti u ta’ stili ta’ ħajja b’saħħithom jissawru meta wieħed ikun għadu żgħir. Jinħtieġu metodi innovattivi sabiex jittejjeb il-benesseri taż-żgħażagħ u tissaħħaħ il-ħila taż-żgħażagħ sabiex jagħmlu bidu sod fil-ħajja. Jinħtieġu sforzi partikolari sabiex tingħata spinta lill-kura tat-tfal u lill-faċilitajiet edukattivi għat-tfal żgħar, jiġu adattati l-kurrikula ta’ l-iskejjel, jitnaqqas in-numru ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mil-iskola, u jittaffew id-diffikultajiet li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ biex ikollhom aċċess għas-suq ta’ l-impjiegi, għad-djar u għall-finanzjament. L-investiment fit-tfulija u fiż-żgħożija qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar bħala essenzjali biex jagħti spinta lill-opportunitajiet għall-ħajja . Huwa investiment għal tul il-ħajja – investiment fil-ġejjieni.

- L-investiment f’karrieri li jagħtu sodisfazzjon : Fil-ħajja tax-xogħol tal-lum u ta’ għada, kulħadd se jiffaċċjaw firxa ta’ tranżizzjonijiet, mill-iskola għax-xogħol, minn impjieg u minn status tax-xogħol għall-ieħor, minn tiftix għal impjieg għal taħriġ, bejn waqfiet fil-karriera u perjodi ta’ kura, bejn il-ħajja tax-xogħol u l-irtirar. Hemm riskju ta’ polarizzazzjoni bejn dawk li jistgħu jiġġestixxu s-sitwazzjoni u dawk, speċjalment dawk li għandhom ftit ħiliet, li ma jistgħux. F’metodu ta’ ċiklu ta’ ħajja, is-swieq ta’ xogħol iridu jsiru aktar flessibbli u jridu jipprovdu l-inċentivi u s-salvagwardji meħtieġa sabiex il-ħaddiema u n-negozji jirnexxielhom jiġġestixxu l-bidla u jibbenefikaw minn ħajjiet tax-xogħol aktar diversifikati. Is-sigurtà u l-flessibilità jistgħu jirrinforzaw lil xulxin u għandhom jibnu fuq xulxin (“flessigurtà”) sabiex jirrinforzaw il-ħila tal-persuna li tidħol fid-dinja tax-xogħol, tagħmel progress u tibqa’ aktar żmien fiha, billi jkunu assigurati tranżizzjonijiet u passaġġi bla problemi matul il-karriera tagħhom. Bħalissa qed ikun hemm bidla fil-politika u fil-kultura radikali, ’il bogħod minn “impjieg għall-ħajja” li jintemm bi rtirar bikri, lejn “xogħol għall-ħajja”, strateġiji attivi ta’ tixjiħ b’tagħlim tul il-ħajja msaħħaħ u aktar aċċessibbli, arranġamenti tax-xogħol flessibbli, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u innovattivi, u mekkaniżmi ta’ ħarsien soċjali moderni u effettivi fil-qalba tagħhom. Dan huwa l-mod li bih għandhom jiġu attratti u għandhom jinżammu aktar persuni fid-dinja tax-xogħol, sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-aspirazzjonijiet tagħhom, kif ukoll jaħdmu b’mod aktar produttiv.

- L-investiment f’ħajjiet itwal u aktar b’saħħithom : L-implikazzjonijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ qed isiru ovvji, b’riskji ġodda għas-saħħa u għas-soċjetà li jkollhom impatti mifruxa fuq is-sistemi ta’ ħarsien soċjali. Imma l-bidla demografika tiftaħ anki opportunijiet ġodda biex jinfirxu servizzi, oġġetti u teknoloġiji innovattivi, pereżempju għall-kura ta’ l-anzjani, b’potenzjal sostanzjali għat-tkabbir u għall-impjiegi. Minn perspettiva ta’ ċiklu ta’ ħajja, l-implikazzjonijiet soċjali u finanzjarji tat-tixjiħ jeħtieġu li sostanzjalment jerġgħu jitqiesu r-responsabbiltajiet bejn il-ġenerazzjonijiet u l-mod li bih l-ispejjeż assoċjati qed jiġu kondiviżi bejn il-ġenerazzjonijiet. L-Ewropa għandha tagħmel użu sħiħ mit-tieqa ta’ opportunitajiet kurrenti offruta mis-sitwazzjoni ekonomika tajba sabiex tintroduċi riformi sostenibbli.

- L-investiment fl-ugwaljanza bejn is-sessi : Wisq ostakli għadhom ifixklu l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà, bir-riskju addizzjonali li responsabbiltajiet ta’ kura ġodda relatati mat-tixjiħ jistgħu jaqgħu b’mod sproporzjonat fuqhom. Huwa essenzjali li l-Ewropa tkompli bil-bidla tagħha mill-mudell ta’ politika soċjali u fiskali fejn “ir-raġel jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum” għal wieħed ta’ appoġġ għad-drittijiet individwali u familja “bi dħul doppju”, fejn iż-żewġ partners ikunu involuti f’impjieg imħallas u jistgħu jirrikonċiljaw l-aspetti professjonali, privati u familjari ta’ ħajjithom. F’dan ir-rigward, li jiġu indirizzati d-differenzi fil-pagi, jiġu analizzati s-sistemi tat-taxxi sabiex jittejbu l-inċentivi għax-xogħol, jiġu żviluppati kura tat-tfal u kura ta’ l-anzjani għall-bwiet ta’ kulħadd u aċċessibbli, jinfirxu prattiki li jiffavorixxu lill-familja fil-post tax-xogħol b’arranġamenti aktar flessibbli ta’ lif matul il-ħajja huma prijoritajiet essenzjali. Tali miżuri se jiffaċilitaw ukoll iż-żamma ta’ aktar persuni fil-forza tax-xogħol u jnaqqsu r-riskji tal-faqar.

- L-investiment f’inklużjoni u f’nuqqas ta’ diskriminazzjoni attivi : L-opportunitajiet għall-ħajja mhumiex imqassma ndaqs fis-soċjetajiet tal-lum. Aċċess effettiv u ugwali għall-impjieg, it-tagħlim tul il-ħajja, is-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa jvarjaw notevolment madwar l-UE, fejn parti sinifikanti mill-popolazzjoni qed tesperjenza faqar u esklużjoni soċjali u qed tiffaċċja diffikultajiet kbar biex tikseb għajxien deċenti u ssib impjieg. Kull sitwazzjoni hija differenti: ir-reazzjoni se teħtieġ ġabra ta’ miżuri mfasslin apposta li jikkombinaw appoġġ għad-dħul fuq livell biżżejjed biex il-pesuni jkollhom ħajja dinjituża ma’ rabta mas-suq tax-xogħol, permezz ta’ opportunitajiet ta’ impjieg jew taħriġ vokazzjoni u permezz ta’ aċċess aħjar għal servizzi soċjali li jagħtu għajnuna. Barra minn hekk, madwar 44.6 miljun persuna li għandhom bejn 16 u 64 sena - 16% tal-popolazzjoni ta’ l-UE li għandha età biex taħdem – iqisu lilhom infushom bħala li għandhom problema ta’ saħħa li ilha magħhom jew diżabbiltà. Ħafna minnhom huma lesti u jistgħu jaħdmu sakemm jiġu sodisfatti kundizzjonijiet xierqa. Id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabbiltà, ta’ l-età, tar-reliġjon, tar-razza, ta’ l-oriġini etnika jew ta’ l-orjentazzjoni sesswali hija pprojbita imma xorta tfixkel l-opportunitajiet għall-ħajja ta’ bosta. Bit-tixjiħ tal-popolazzjoni u bil-possibbiltà għal kważi ħames ġenerazzjonijiet li jgħixu fl-istess żmien, bl-individwalizzazzjoni tal-preferenzi u bi flussi aktar varjati ta’ migrazzjoni, is-soċjetajiet tagħna qed isiru aktar miftuħin, diversi u komplessi. L-aċċettazzjoni tad-diversità, l-inklużjoni attiva ta’ l-aktar persuni żvantaġġjati, il-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza u l-qerda tad-diskriminazzjoni huma prijoritajiet essenzjali għall-Ewropej sabiex jiksbu libertà u setgħa personali.

- L-investiment fil-mobilità u f’integrazzjoni li tirnexxi : L-Ewropej se jsiru aktar mobbli – iż-żgħażagħ Ewropej tal-lum huma aktar mobbli mill-ġenerazzjonijiet preċedenti u l-mobilità fi ħdan l-UE hija dritt fundamentali li jeżerċitawh iċ-ċittadini, bil-mobilità fi ħdan l-UE tkun karatteristika milqugħa tajjeb ta’ ekonomija aktar integrata. Barra minn hekk, flussi immigratorji sostnuti jitqiesu bħala meħtieġa biex l-Ewropa tilqa’ l-isfidi ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u fejn dawk li għandhom l-età biex jaħdmu qed jonqsu. Dawn il-flussi probabbilment se jkunu aktar varjati mix-xejriet immigratorji tradizzjonali, b’numru dejjem akbar ta’ persuni jitilqu u mbagħad jirritornaw fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom. Dan kollu jfisser li s-soċjetajiet Ewropej se jsiru aktar miftuħin, diversi u komplessi. Jinħtieġu metodi ġodda li jħarsu ’l quddiem sabiex jippromwovu integrazzjoni aħjar tal-migranti, jinkoraġġixxu r-rispett reċiproku fi proċess minn żewġ naħat fejn jiġu eżerċitati d-drittijiet u jiġu sodisfatti l-obbligi.

- L-investiment f’parteċipazzjoni ċivika, f’kultura ċivika u fi djalogu ċiviku : Il-parteċipazzjoni attiva f’attivitajiet kollettivi bħall-kultura, l-isport, l-attiviżmu ċiviku u politiku tikkontribwixxi għall-koerenza u għas-solidarjetà tal-komunitajiet Ewropej u b’hekk tista’ tgħin biex jiġu miġġielda r-riskji ta’ l-atomizzazzjoni u ta’ l-iżolament. Il-ħidma volontarja u l-involviment ċiviku għandhom ukoll rwol prominenti fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali. Fl-Ewropa tal-lum, l-iskambji kulturali huma ħajjin u vibranti bħal dejjem. Iż-żjieda fil-ħin ħieles ħolqot domanda straordinarja għal oġġetti kulturali ġodda. Id-diversità kulturali ta’ l-Ewropa hija sors ta’ arrikkiment uman u ta’ ispirazzjoni mad-dinja kollha. Hija wkoll vantaġġ ekonomiku, bl-innovazzjoni u bil-kreattività jkunu kawża importanti ta’ attivitajiet ekonomiċi u ta’ impjiegi f’dinja msejsa fuq l-għarfien.

Dawn l-“investimenti” qed isiru fil-kapital uman u soċjali tas-soċjetajiet tagħna. Dawn jitolbu sforz min-naħa ta’ l-individwi, tal-familji, tal-komunitajiet lokali, ta’ l-istituzzjonijiet soċjali u tan-negozju, ta’ l-NGOs u tal-livelli differenti tal-gvern. F’uħud mill-każi, dan jista’ jfisser direzzjoni ġdida jew kondiviżjoni ġdida tan-nefqa soċjali. Mhix sempliċement nefqa biex ikunu sussidjati l-konsegwenzi tal-falliment soċjali. Huwa investiment soċjali li jeħtieġ li jiġi ġustifikat skond l-aħjar stimi disponibbli tal-qligħ soċjali u ekonomiku minn perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli. Pereżempju, l-investiment fis-snin bikrija, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ jew fil-kura tas-saħħa preventiva jwassal għal qligħ kbir ferm u joffri kumpens sostanzjali aktar tard fil-ħajja jew ġenerazzjoni wara, mhux biss f’termini ta’ aktar impjiegi u produttività, imma anki f’termini ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż enormi li l-falliment soċjali jimponi fuq is-soċjetajiet tagħna. Dan huwa l-mod biex ikunu rikonċiljati l-ekwità u l-effiċjenza.

5. IR-RWOL TA’ L-UE

L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-bidliet fil-politika li huma meħtieġa sabiex din il-viżjoni tkun tradotta f’realtà. L-azzjoni ta’ l-UE se tibqa’ kondizzjonali fuq valur miżjud ipprovat, skond ir-rekwiżiti ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità. Dan huwa dak li jistennew iċ-ċittadini u dan huwa dak li ġeneralment huwa l-aktar effiċjenti. Imma dan ma jipprekludix rwol aktar pro-attiv fuq il-livell ta’ l-UE sabiex tkun ikkatalizzata l-bidla u jkunu gwidati, appoġġjati u akkumpanjati r-riformi meħtieġa.

Dan ir-rwol huwa ankrat fuq sies solidu: l- acquis Komunitarju u l-ġabra ta’ drittijiet u ta’ valuri kondiviżi, li huma espressi b’mod ċar fl-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ Riforma, kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, għal-libertà, għad-demokrazija, għall-ugwaljanza, għas-supremazija tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu lil minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha – is-soċjetajiet Ewropej fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Is-saħħa ta’ l-UE ma tinsabx biss fil-fatt li hija komunità ta’ valuri, imma anki għaliex hija komunità ta’ azzjoni, fejn l-Istati Membri jingħaqdu flimkien u jiksbu r-riżultati kollettivament. It-Trattat ta’ Riforma jinkludi klawżola soċjali orizzontali li tagħti prominenza lill-impenn ta’ l-UE rigward l-impjiegi u l-ħarsien soċjali u tikkonferma r-rwol tar-reġjuni u ta’ l-imsieħba soċjali bħal parti mill-istruttura politika, ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni. Biex jiġu sodisfatti l-isfidi l-ġodda stabbiliti aktar ’il fuq jeħtieġ li din l-enerġija kollettiva tkun diretta lejn soluzzjonijiet innovattivi ta’ politika ekonomika u soċjali. Il-parti l-kbira minnhom se jinstabu fuq il-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Imma l-UE tista’ tgħin f’mill-inqas ħames aspetti:

- L-iffissar ta’ oqfsa tal-politika biex tittieħed azzjoni : F’bosta oqsma tal-politika soċjali, id-diversità fil-politiki u fil-prattiki u l-eteroġeneità ta’ l-istituzzjonijiet nazzjonali bejn l-Istati Membri jixhdu kontra l-armonizzazzjoni. Imma, hemm ħtieġa qawwija u xewqa kondiviża għal ħidma lejn miri komuni. Dan huwa għaliex f’numru ta’ oqsma ta’ politika bħall-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, il-ħarsien soċjali, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura, is-saħħa u l-integrazzjoni ta’ l-immigranti, l-UE stabbiliet għanijiet komuni bi skedi, mekkaniżmi ta’ rapportaġġ u indikaturi speċifiċi bħala mezz biex ikun immonitorjat il-progress u titqabbel l-aħjar prattika. L-esperjenza ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi mnedija għaxar snin ilu – u issa pilastru essenzjali ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona – turi li tali mekkaniżmi jistgħu jagħmlu differenza, billi jixħtu dawl ġdid fuq prijoritajiet li ma kinux prominenti fuq il-livell ta’ l-UE aktar qabel dwar – pereżempju, kwistjonijiet ta’ “flessigurtà”, kwalità u produttività tax-xogħol, kura tat-tfal, immigrazzjoni, xogħol mhux iddikjarat u minoranzi – u modi kif dawn jiġu indirizzati. Dawn il-proċessi issa ilhom jaħdmu għal diversi snin. Kisbu suċċess għaliex ippermettew li l-Istati Membri u l-Kummissjon jiddefinixxu miri komuni; imma kellhom inqas suċċess biex jistimulaw il-livell neċessarju ta' ambizzjoni u sforzi ta' politika sabiex jinkisbu dawn il-miri komuni. Kif qed isir għar-reviżjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, l-UE għandha tqis kif tagħmel dawn il-proċessi volontarji aktar dinamiċi u aktar iffokati fuq l-implimentazzjoni filwaqt li fl-istess ħin tqis id-diversità ta’ l-istituzzjonijiet u tat-tradizzjonijiet. L-approċċ ta' "prinċipji komuni" użat fil-każ tal-flessigurtà jista' pereżempju jiġi applikat għall-promozzjoni ta' l-inklużjoni attiva ta' dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, fir-rispett sħiħ tal-kuntesti nazzjonali u tal-kompetenzi ta' l-Istati Membri. Barra minn hekk, jeħtieġ li tingħata attenzjoni sabiex tkun żgurata l-koerenza u jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn id-diversi proċessi ta’ koordinazzjoni (eż. l-Istrateġiji ta’ Liżbona u ta’ Żvilupp Sostenibbli kif ukoll il-programmazzjoni tal-fondi strutturali).

- Is-sostenn tal-valuri ta’ l-Ewropa u jkunu żgurati l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd : Hemm qafas legali solidu ta’ l-UE f’oqsma bħall-ugwaljanza bejn is-sessi, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, il-moviment ħieles tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjiegi. L-imsieħba soċjali Ewropej kienu attivi biex jinnegojaw ftehimiet jew jiddefinixxu strateġiji konġunti f’oqsma ewlenin, bħal-lif għall-ġenituri, it-tensjoni fuq ix-xogħol, it-tagħlim matul il-ħajja u l-ġestjoni tar-ristrutturizzazzjoni. Fid-dawl ta’ realtajiet soċjali li qed jinbidlu, iż-żjieda fid-diversità ta’ l-UE u t-Trattat ta’ Riforma l-ġdid, jeħtieġ li l-qafas legali jeħtieġ li jiġi revedut u adattat, fejn xieraq, sabiex jiġi żgurat li jilħaq l-għanijiet b'mod effettiv. Il-leġiżlazzjoni ta' l-UE se tibqa' essenzjali għall-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini kif stabbiliti fit-Trattat, inkluż billi tiġi assigurata kompatibilità akbar bejn ir-regoli nazzjonali. Fl-aħħar nett, l-EU ppreżentat il-fehmiet tagħha dwar kif l-Ewropa tista’ tirnexxi f’era ta’ globalizzazzjoni billi ssawwar regolamentazzjoni globali u teżamina l-aħjar modi biex tkun promossa konverġenza ta’ l-istandards b’mod globali.

- Il-kondiviżjoni ta’ l-esperjenzi u tal-prattiki tajba : Minkejja d-diversità ta’ l-UE, l-Istati Membri ta’ spiss ikunu ffaċċjati b’tendenzi komuni fis-soċjetà u b’diffikultajiet prattiċi komuni, li joffru okkażjoni tajba biex jitgħallmu minn xulxin. Il-progress lejn miri komuni ta’ l-UE jrid jiġi monitorjat, evalwat u paragunat. L-innovazzjonijiet soċjali jeħtieġ li jiġu ttestjati u l-qligħ soċjali fuq il-forom differenti ta’ investment jeħtieġ li jiġi vvalutat. Jeħtieġ li tiġi implimentata l-aħjar prattika; il-mekkaniżmi ta’ l-UE għall-iskambju ta’ l-esperjenzi, ta’ l-evalwazzjonijet konġunti u ta’ l-analiżijiet min-naħa ta’ pari għandhom jingħataw ħajja mill-ġdid, biex ikun żgurat li huma parti mid-dibattitu ewlieni dwar il-politika nazzjonali u dik Ewropea. Il-kisba ta’ involviment akbar tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali, ta’ l-awtoritajiet lokali u reġjonali, ta’ l-imsieħba soċjali u ta’ l-NGOs hija essenzjali f’dan ir-rigward.

- L-appoġġ ta’ azzjoni fuq il-livell lokali, reġjonali u nazzjonali : Permezz tal-politika ta’ koeżjoni u tal-fondi strutturali tagħha, l-UE kellha rwol ewlieni biex jitnaqqsu d-differenzi fil-prosperità u fl-istandards ta’ għajxien min-naħa għall-oħra ta’ l-UE. Il-fondi provdew u jkomplu jipprovdu l-lieva finanzjarja biex ir-reġjuni u l-Istati Membri inqas avvanzati ilaħħqu, u għal interkonnessjoni u skambju aħjar bejn l-Istati Membri. F’dawn l-aħħar snin, dawn l-istrumenti ġew assoċjati aktar mill-qrib mal-prijoritajiet tal-politika dwar it-“tkabbir u l-impjiegi” ta’ l-UE. Tul il-perjodu 2007-2013, il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) investa €75 biljun sabiex il-ħaddiema jingħataw ħiliet ġodda u sabiex il-kumpaniji jingħataw organizzazzjonjiet tal-ħidma innovattivi. Barra minn hekk, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, ġie stabbilit Fond Ewropew tal-Globalizzazzjoni sabiex jgħin ħalli l-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba xejriet kummerċjali globali li qed jinbidlu jiġu ri-integrati fis-suq tax-xogħol. Dan il-Fond huwa sinjal importanti ta’ solidarjetà għal dawk li ġew affetwati mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u għandu jservi biex jipprovdi miżuri preventivi u attivi effettivi biex dawn jadattaw irwieħhom u jimxu ’l quddiem. Il-Kummissjoni nediet dibattitu dwar il-ġejjieni tal-baġit Ewropew wara l-2013. Se jkun importanti li s-sejbiet ta’ din il-konsultazzjoni dwar ir-realtà soċjali jalimentaw dan id-dibattitu.

- Iż-żjieda fil-kuxjenza u l-bini ta’ bażi ta’ għarfien soda : L-UE għandha rwol importanti biex tiġbed l-attenzjoni għal kwistjonijiet ewlenin, tistimola d-diskussjoni u toħloq momentum politiku sabiex jingħelbu l-isfidi komuni fl-Ewropa. Inizjattivi bħas-Snin Ewropej għal Opportunijiet Ugwali għal Kulħadd (2007), għal Djalogu Interkulturali (2008) u għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) jiffaċilitaw dan it-tip ta’ diskussjoni. Il-kuxjenza minn u l-analiżi tal-kwistjonjiet soċjali ta’spiss kienu mfixkla min-nuqqas ta’ statistika u indikaturi kompluti u aġġornati għall-Ewropa kollha. Il-ġbir ta’data paragunabbli huwa meħtieġ u jibqa’ kompitu li jitlob sforz kbir. Madankollu, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jeħtieġu dawn il-fatti sabiex ikunu jistgħu jinformaw aħjar id-dibattitu pubbliku u jivvalutaw l-impatt soċjali ta’ l-inizjattivi. Numru ta’ fondazzjonijiet u ta’ aġenziji – il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Għajxien u tax-Xogħl, l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali li għadha kemm inħolqot u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi se jikkontribwixxu dejjem aktar biex jinformaw it-teħid tad-deċiżjonijiet u jqajmu kuxjenza. L-użu aktar sistematiku tal-konsultazzjoni u tal-panils ta’ esperti indipendenti, inkluż minn pajjiżi mhux ta’ l-UE, għandu wkoll ikun mod biex il-bażi ta’ evidenza tkun irrinforzata u talimenta d-dibattitu politiku Ewropew.

6. IL-PASSI LI JMISS

L-iskop ta’ li jittieħed rendikont tar-realtà soċjali huwa li jiġu analizzati mill-ġdid id-dinamiċi komplessi tal-bidla soċjali fi ħdan is-soċjetajiet tagħha sabiex wieħed ikun jista’ jiġġudika r-rilevanza u kemm huma xierqa l-politiki kurrenti u jiżviluppa bażi solida għall-ġejjieni.

Il-Komunikazzjoni preżenta tispjega fil-qasir viżjoni soċjali ġdida ta’ “opportunitajiet għall-ħajja ” għall-Ewropa tas-seklu 21, ibbażata fuq analiżi preliminari ta’ kif is-soċjetajiet tagħna qed jinbidlu, l-isfidi soċjali l-ġodda li qed jiffaċċjaw u kif l-Istati Membri u l-UE jistgħu jaħdmu fi sħubija biex jindirizzaw dawn l-isfidi. Tarrikkixxi l-konsultazzjoni li għaddejja bħalissa billi ssemmi fil-qasir l-oqsma possibbli biex tittieħed azzjoni u r-rwol ta’ l-UE f’dan ir-rigward. Il-konsultazzjoni għaddejja bħalissa u l-partijiet interessati huma mistiedna jibagħtu l-fehmiet tagħhom. Sabiex ikunu faċilitat t-tweġibiet, l-iskadenza ġiet estiża għall-15/2/2008.[5]

Filwaqt li tibni fuq din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tipprepara Aġenda Soċjali mġedda għal nofs l-2008. Fl-iżvilupp ta’ din l-Aġenda l-ġdida, se tanalizza n-natura, l-ambitu u l-kombinazzjoni ta’ strumenti li ntużaw fid-diversi oqsma. Se tqis ukoll b’mod xieraq il-qafas istituzzjonali l-ġdid mogħti mit-Trattat ta’ Riforma. Flimkien ma’ l-analiżi tas-suq uniku, din l-Aġenda Soċjali mġedda se tgħin sabiex twassal riżultati ġodda liċ-ċittadini ta’ l-Ewropa.

[1] KUMM(2006) 211 ta’ l-10 ta’ Mejju 2006.

[2] Ara d-dokumenti ta’ : http://ec.europa.eu/citizens_agenda/social_reality_stocktaking/more index_en.htm

[3] Ara pereżempju r-rapport tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2007 (A6-400/07) u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Jannar 2007 (2007/C 93/11), kif ukoll l-attivitajiet tar-rappreżentanzi ta’ Dublin, Pariġi u Budapest tal-Kummissjoni Ewropea.

[4] Id-dokument ippreparat mill-BEPA jipprovdi stampa ġenerali dettaljata tat-tendenzi fis-soċjetà li hemm bħalissa. Wieħed jista’ jsib fatti u figuri addizzjonali fir-rapport dwar is-Sitwazzjoni Soċjali tal-Kummissjoni għall-2007.

[5] Ir-risposti u l-kummenti addizzjonali għandhom jintbagħtu lil: SG-Social-Reality@ec.europa.eu

Top