EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0536

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Rapport Annwali 2006-2007 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

/* KUMM/2007/0536 finali */

52007DC0536




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.9.2007

KUMM(2007) 536 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali 2006-2007 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali 2006-2007 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

1. DAĦLA

Fis-26 ta' April 2004, il-Kunsill, waqt il-laqgħa tiegħu fil-Lussemburgu, innota r-riżultati tar-referenda simultanji f'Ċipru fl-24 ta' April 2004 dwar il-Pjan Annan u stqarr dan li ġej:

“Il-komunità Turko-Ċiprijotta esprimiet ix-xewqa ċara tagħħa għal futur fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill huwa ddeterminat li jtemm l-iżolament tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jħaffef ir-rijunifikazzjoni ta' Ċipru billi jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta. Il-Kunsill stieden il-Kummissjoni biex tagħmel proposti kompleti għal dan l-iskop, b'enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira u fuq it-titjib fil-kuntatt bejn iż-żewġ komunitajiet u ma' l-UE. Il-Kunsill irrakkomanda li l-259 miljun ewro li diġà ġew allokati għan-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru fl-eventwalità ta' soluzzjoni issa għandhom jiġu użati għal dan il-għan.”

Bħala konsegwenza għal dawn il-konklużjonijiet, fis-7 ta' Lulju 2004[1], il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar strument ta' appoġġ finanzjarju li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta. Id-dikjarazzjoni finanzjarja li kienet ma' din il-proposta kienet tipprovdi għall-allokazzjoni ta' €259 miljun għal dan il-programm matul il-perjodu 2004-2006 taħt l-Intestatura 7 (Strateġija ta' qabel is-sħubija) tal-Perspettiva Finanzjarja.

Dan wassal għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006, li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2006, li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 dwar Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni[2] (minn hawn 'il quddiem ir-"regolament dwar l-għajnuna").

L-Artikolu 10 tar-regolament dwar l-għajnuna jipprovdi li " Il-Kummissjoni għandha kull sena tibgħat rapport dwar l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna Komunitarja taħt dan l-istrument lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-azzjonijiet iffinanzjati matul is-sena u dwar is-sejbiet tal-ħidma ta' monitoraġġ, u għandu jagħti evalwazzjoni tar-riżultati milħuqa fl-implimentazzjoni ta' l-għajnuna."

Dan ir-rapport, li hu l-ewwel rapport, ikopri l-perjodu mis-27 ta' Frar 2006 sat-28 ta' Frar 2007. Skond il-prassi normali fir-rappurtar ta' progress dwar għajnuna finanzjarja fuq bażi annwali skond iċ-ċiklu normali tas-snin tal-baġit, ir-rapport annwali li jmiss se jkopri l-perjodu sa l-aħħar ta' Diċembru 2007. L-ewwer rapport ikopri, b'mod partikolari, l-oqsma li ġejjin: 1) l-ipprogrammar ta' l-għajnuna finanzjarja, 2) il-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni għal dan il-programm, 3) l-ewwel azzjonijiet f'dak li jirrigwarda tendering u għoti ta' kuntratti, u 4) konklużjonijiet b'evalwazzjoni ta' l-isfidi li jirriżultaw minn dan il-programm speċifiku ta' għajnuna.

2. L-IPROGRAMMAR TA' L-GħAJNUNA

2.1. Kuntest

Wara l-adozzjoni tar-regolament dwar l-għajnuna fi Frar 2006, matul il-perjodu ta' rappurtar il-Kummissjoni iffukat l-attivitajiet tagħha prinċipalment fuq l-ipprogrammar ta' l-għajnuna bl-għan li tadotta l-impenji meħtieġa tal-baġit qabel l-2006. Il-kunstest ta' l-ipprogrammar ta' l-2006 kien ikkaratterizzat mill-elementi li ġejjin:

2.1.1. L-approvazzjoni mdewma tar-regolament dwar l-għajnuna

Ir-regolament dwar l-għajnuna ġie adottat mill-Kunsill madwar 20 xahar wara l-proposta inizjali mill-Kummissjoni f'Lulju 2004. L-approvazzjoni mdewma tar-regolament dwar l-għajnuna fissret li l-impenji tal-baġit li inizjalment kienu maħsuba biex ikunu mifruxa fuq tliet snin – l-2004, 2005 u 2006 – kellhom isiru f'sena waħda biss. Fil-qafas ta' programmar multiannwali tqiesu tagħlimiet minn snin preċedenti ħalli jiġu definiti aħjar l-ħtiġijiet annwali ta' programmar. Dan ma kienx possibbli f'dan il-każ u għaldaqstant kellu jiġi żviluppat programm li jkopri l-ammont totali ta' €259 miljun li kellu jiġi adottat fl-2006 biss. Dan l-aspett huwa ta' importanza partikolari anki meta jitqies li l-intensità ta' l-għajnuna f'dan il-programm ta' għajnuna hija ħafna ogħla milli kienet fi programmi ta' għajnuna finanzjarja għall-komunità Turko-Ċiprijotta oħrajn.

Il-konsegwenza ta' dan id-dewmien hija li ma setgħux iseħħu sensiela ta' attivatijiet preparatorji li kienu diġà ppjanati għall-2004-2005. Biex tipprepara l-programm, il-Kummissjoni kellha tistrieħ fuq baġit limitat ta' €2 miljun għall-istudji ta' fattibilità, liema baġit ġie pprovdut permezz tal-Pakkett ta' Għajnuna Speċjali ta' l-2003 għan-naħa tat-Tramuntana ta' Ċipru[3]. Saru studji ta' fattibilità fl-oqsma, inter alia , ta' l-iskart solidu, l-ilma u d-drenaġġ, l-enerġija u l-iżvilupp rurali. Sar ukoll stħarriġ bażilineari mill-Bank Dinji f'isem il-Kummissjoni fuq is-sitwazzjoni ekonomika tan-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru biex jgħin fil-preparazzjoni globali tal-programm.

L-istudji msemmija aktar 'il fuq ipprovdew evalwazzjoni inizjali tan-nuqqasijiet tas-sitwazzjoni rigward ir-rekwiżiti ta' l- acquis u identifikaw proġetti prijoritarji biex jitwettqu taħt il-programm ta' għajnuna. Dawn l-istudji ġeneralment enfasizzaw il-livell għoli ta' l-investimenti meħtieġa biex l-infrastruttura u s-servizzi fin-naħa tat-Tramuntana ta' Ċipju jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l- acquis communautaire .

L-istudji indikaw ukoll il-bżonn ta' aktar tħejjija tal-proġett fil-każ ta' l-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet dettaljati ta' l-offerti. Ma kien hemm ġeneralment l-ebda data bi statistika soċjo-ekonomika affidabbli dwar in-naħa tat-Tramuntana ta' Ċipru.

Id-dewmien fit-twettiq ta' l-attivitajiet preparatorji se jfisser li fil-każ ta' xi proġetti ta' l-investiment, l-ikkuntrattar se jseħħ qrib ħafna t-terminu ta' l-ikkuntrattar fl-aħħar ta' l-2009.

2.1.2. Inċertezzi dwar l-ammont globali ta' riżorsi finanzjarji disponibbli

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta' April 2004, il-Kunsill irrakkomanda li l-€259 miljun li diġà kienu allokati għan-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru fl-eventwalità ta' soluzzjoni kienu se jintużaw biex jintlaħqu l-għanijiet tar-regolament dwar l-għajnuna. Għal dan l-iskop, ġew imwarrba bħala riżerva krediti li jammontaw għal €120 miljun fil-Baġit ta' l-2005 u għal €120 miljun fil-baġit ta' l-2006 sakemm tiġi adottata il-bażi legali.

L-approvazzjoni mdewma tal-bażi legali fissret li l-krediti mwarrba għall-2005 ma kinux għadhom disponibbli. Meta r-Regolament ġie approvat fi Frar 2006, l-uniċi riżorsi disponibbli kienu l-€139 miljun. Fil-bidu, l-ipprogrammar kien ibbażat fuq dik l-allokazzjoni.

Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri li kien ikun possibbli li jerġa' jiġi rikostitwit l-pakkett ta' €259 miljun billi jintalbu €120 miljun addizzjonali taħt l-Intestatura 7 tal-baġit, liema intestatura kellha marġni ta' €1 085.4 miljun disponibbli.

Ġie adottat baġit ta' modifika f'Ottubru 2006. Meta kien ċar li l-ammont sħiħ li kien oriġinarjament imbassar ta' €259 miljun kien se jkun disponibbli, ġie rivedut l-ipprogrammar biex b'hekk xi proġetti ġew żviluppati f'żewġ fażijiet.

2.1.3. Konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru

Fi stqarrija li ġiet inkluża fil-Minuti tal-Kunsill meta ġie adottat ir-regolament dwar l-għajnuna, il-Kummissjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika eżistenti f'Ċipru kif ukoll l-għan li l-gżira tiġi integrata u riunifikata, iddikjarat li kienet lesta tikkonsulta l-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru dwar l-aspetti ewlenin ta' l-implimentazzjoni ta' għajnuna taħt dan ir-Regolament.

Fid-19 ta' Ġunju u mid-9 sal-11 ta' Ottubru 2006 saru laqgħat ta' konsultazzjoni dwar il-kontenut tal-programm ma' rappreżentanti mill-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru b'enfasi partikolari fuq il-kwistjoni ta' ppjanar tul il-gżira kollha. Minn Marzu sa Ottubru 2006 kien hemm laqgħat oħra u korrispondenza dwar kwistjonijiet orizzontali oħrajn (b'mod partikolari dwar l-Artikolu 7(1) tar-regolament dwar l-għajnuna fuq il-ħarsien ta' drittijiet ta' proprjetà).

2.1.4. Komitoloġija

L-Artikolu 3(3) tar-regolament dwar l-għajnuna jirrikjedi li l-Kumitat tat-Tmexxija tal-Phare jagħti l-opinjoni tiegħu dwar abbozzi ta' deċiżjonijiet dwar iffinanzjar meta dawn ikunu ta' aktar minn €5 miljuni u jkunu jkopru attivitajiet operattivi pjuttost milli attivitajiet ta' sostenn. Il-Kumitat tat-Tmexxija tal-Phare ġie kkonsultat dwar żewġ deċiżjonijiet dwar iffinanzjar li kienu jaqgħu taħt ir-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu fil-laqgħat tiegħu tat-3 ta' Lulju u ta' l-20 ta' Ottubru rispettivament. Ittieħed vot fiż-żewġ okkazjonijiet. Filwaqt li fit-3 ta' Lulju ma ngħatat l-ebda opinjoni, fl-20 ta' Ottubru, il-Kumitat ta opinjoni favorevoli b'maġġoranza kwalifikata. Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet dwar iffinanzjar skond ir-regoli dwar il-komitoloġija.

Fil-laqgħa tat-3 ta' Lulju, il-membri tal-Kumitat talbu lill-Kummissjoni biex terġa' tikkonsulta mal-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru. Seħħew aktar kuntatti matul is-sajf u l-ħarifa ta' l-2006 kemm permezz ta' laqgħat kid ukoll permezz ta' korrispondenza, kif ġie indikat f'2.1.3 aktar 'il fuq.

2.2. Kontenut tal-programm

L-allokazzjoni globali ta' €259 miljun ġiet kommessa mill-Kummissjoni bl-adozzjoni ta' 5 deċiżjonijiet dwar iffinanzjar bejn it-23 ta' Ġunju u t-22 ta' Diċembru 2006 (ara lista tad-deċiżjonijiet dwar iffinanzjar fl-Anness I kif ukoll l-Anness II għal analiżi tal-programm globali ta' għajnuna skond il-proġett).

Minn €259 miljun, ġew allokati €240.15 miljun għall-parti operattiva tal-programm ta' għajnuna filwaqt li l-bqija ta' €18.85 miljun (jiġifieri 7.2 % ta' l-allokazzjoni finanzjarja globali) se jintużaw fl-appoġġ ta' l-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna mill-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(3) tar-regolament dwar l-għajnuna.

Fit-tfassil tal-programm, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan li ġej:

- L-għanijiet tar-regolament dwar l-għajnuna;

- Id-diskussjonijiet mal-komunità benefiċjarja;

- Ir-riżultati ta' proġetti kurrenti;

- Is-sejbiet ta' studji mwettqa fl-2004-2006;

- Il-perjodi ta' żmien disponibbli għall-ikkuntrattat (N+3).

2.2.1. Għajnuna finanzjarja għal proġetti operattivi

Permezz ta' tliet deċiżjonijiet ta' ffinanzjar, ġie żviluppat programm li jirrappreżenta pakkett bilanċjat ta' l-azzjonijiet li jindirizzaw il-ħtiġijiet ewlenin tal-Komunità Turko-Ċiprijotta u l-għanijiet kollha tar-Regolament tal-Kunsill Nru 389/2006 (ara t-Tabella 1 aktar 'l isfel għal sunt tad-distribuzzjoni ta' l-iffinanzjar skond l-għanijiet prijoritarji).

L-għajnuna finanzjarja taħt dan ir-regolament dwar l-għajnuna hija kkonċentrata fuq ħames għanijiet prijoritarji:

Għan 1: L-iżvilupp u r-ristrutturar ta' l-infrastruttura (madwar €129.25 miljun):

Taħt dan l-għan prijoritarju, il-programm huwa intenzjonat li jikkumpensa għan-nuqqasijiet serji fil-provvista ta' l-infrastruttura li teżisti fin-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru f'setturi ewlenin bħall-ambjent (b'mod partikolari l-ilma u s-sanità, l-iskart solidu u l-ħarsien tan-natura), l-enerġija (b'enfasi partikolari fuq il-ġestjoni ta' kwistjonijiet ta' provvista u domanda), is-sikurezza tat-traffiku u t-telekomunikazzjoni. Wara snin ta' nuqqas ta' investiment u ta' traskuraġni, is-setturi ewlenin jeħtieġu rijabilitazzjoni u aġġornament biex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l- acquis communautaire .

Minbarra l-investiment fl-infrastruttura, se tingħata għajnuna teknika fil-bini tal-kapaċità u fir-riforma tal-politika biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul fil-każ tal-provvista mtejba ta' servizzi. Is-sitwazzjoni tal-proprjetà x'aktarx se taffettwa l-aktar din il-prijorità. Fil-programm tinsab xi flessibbiltà rigward l-iffinanzjar ta' proġetti ta' riżerva fil-każ li wħud minnhom ma jkunux jistgħu jipproċedu minħabba l-bżonn li jiġu osservati d-drittijiet ta' proprjetà.

Għan 2: L-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp soċjali u ekonomiku (madwar €70.2 miljun):

Din il-prijorità tkopri l-medda wiesgħa ta' attivitajiet li ġejja li għandhom l-għan li jtejbu s-sostenibbiltà ekonomika tal-komunità Turka-Ċiprijotta fit-tul:

- L-iżvilupp rurali u l-immodernizzar tas-settur agrikolu, inklużi azzjonijiet li jsostnu l-popolazzjoni lokali f'żoni rurali permezz ta' bażi ekonomika lokali aktar diversifikata u t-titjib tal-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi u tal-provvista ta' servizzi lokali;

- Ir-restawr ta' l-infrastruttura urbana u lokali fit-tlett ibliet prinċipali ta' Nicosia, Kyrenia u Famagusta kif ukoll f'ċentri urbani u villaġġi minuri oħra;

- Ix-xogħol ta' infrastruttura li hu meħtieġ għall-ftuħ ta' punti ta' qsim ġodda tal-Linja l-Ħadra;

- L-iżvilupp tar-riżorsi umani , is-sostenn ta' riformi fis-settur ta' l-edukazzjoni kif ukoll it-tisħiħ tat-taħriġ vokazzjonali biex jiġu pprovduti l-ħiliet meħtieġa minn kumpaniji lokali permezz ta' diversi skemi differenti;

- Azzjonijiet li jippromwovu l-kompetittività tas-settur privat , fost l-oħrajn, permezz ta' skema ta' self u ta' l-appoġġ dirett ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

Għan 3: L-inkoraġġiment tar-rikonċiljazzjoni, miżuri biex tinbena l-fiduċja u appoġġ lis-soċjetà ċivili (madwar €13-il miljun):

Taħt din il-prijorità, il-programm ta' għajnuna se jiffinanzja attivitajiet:

- Biex isaħħaħ is-soċjetà ċivili u jsostni r-rikonċiljazzjoni u l-miżuri biex tinbena l-fiduċja (inkluż sostenn lill-Kumitat ta' Persuni Neqsin) Is-suċċess tar-rikonċiljazzjoni u l-miżuri biex tinbena l-fiduċja jiddependi fuq it-titjib tal-klima politika preżenti. Ir-riżultati f'dan il-qasam fl-imgħoddi kienu diversi iżda l-livell ta' fiduċja bejn iż-żewġ komunitajiet għadu baxx u kull tama għal soluzzjoni tiddependi fuq il-bini mill-ġdid ta' din il-fiduċja fost is-setturi kollha tas-soċjetà;

- Biex titkompla t-tneħħija tal-mini fiż-żona ta' lqugħ u f'żoni li jmissu magħha. Se tkompli tingħata attenzjoni speċjali lit-tneħħija tal-mini ta' punti ta' qsim futuri;

- Biex isostni xogħol konġunt bejn iż-żewġ komunitajiet fil-qasam tat- tagħlim ta' l-istorja bi sħubija mal-Kunsill ta' l-Ewropa fuq il-bażi ta' xogħol preparatorju li sar mill-2004 maż-żewġ komunitajiet.

Għan 4: It-tqarrib tal-Komunità Turko-Ċiprijotta ma' l-Unjoni Ewropea (madwar €9.5 miljun):

Din il-prijorità għandha l-għan li tneħħi l-iżolament tal-komunità Turko-Ċiprijotta billi tiffaċilita kuntatti ma' l-Unjoni Ewropea permezz ta':

- skema ta' boroż ta' studju komunitarja għal studenti u għalliema:

- għotjiet għal kuntatti bejn il-persuni bejn il-komunità Turko-Ċiprijotta u organizzazzjoniet ekwivalenti fl-Unjoni Ewropea;

- it-tkattir fl-għarfien ġenerali dwar l-Unjoni Ewropea u l-politiki tagħha. l-istabbiliment ta' punt ta' l-informazzjoni ta' l-UE fin-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru.

Għan 5: Il-preparazzjoni tal-Komunità Turko-Ċiprijotta għall-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire (madwar €13.46 miljun):

Din il-prijorità se tgħin fil-preparazzjoni ta' testi legali kif ukoll fir-rinfurzar tal-kapaċità biex jiġi implimentat l- acquis sabiex fil-futur tiġi rtirata s-sospensjoni ta' tali acquis skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 10 ta' l-Att ta' Sħubija. Il-biċċa l-kbira ta' l-attivitajiet li jaqgħu taħt din il-prijorità se jitwettqu permezz ta' l-Istrument ta’ Skambju ta’ Informazzjoni ta’ Assistenza Teknika (TAIEX). Se jiġu wkoll iffinanzjati tagħmir u investimenti fuq skala żgħira meħtieġa għall-armonizzazzjoni ma' l- acquis . Fid-dawl ta' l-importanza tal-ħarsien ta' l-ambjent fin-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru, se jingħata wkoll sostenn lil proġett separat għall-bini ta' kapaċità għar-responsabbiltà ambjentali.

Faċilità mhux allokata għal Għajnuna Teknika u Riżerva għall-Programmi (madwar €4.74 miljun, 2 %):

L-element tar-Riżerva għall-Programmi se jipprovdi riżorsi limitati biex jirrispondi għal talbiet għal attivitajiet ġodda li jistgħu jsiru meħtieġa meta tibda l-implimentazzjoni u li jistgħu jirriżultaw minn bidliet fis-sitwazzjoni politika. Dan huwa ta' importanza partikolari meta jiġi kkunsidrat li għalkemm l-implimentazzjoni ta' dan il-programm ta' għajnuna kellha ddum 5 snin, fl-2006, kien hemm biss disponibbli finanzjament għal skopijiet ta' programmar.

Tabella 1. Distribuzzjoni ta' finanzjament skond l-għanijiet ta' prijorità

---

2.2.2. L-għajnuna finanzjarja biex tkopri nefqa amministrattiva skond l-Artikolu 4(3) tar-regolament dwar l-għajuna

Skond l-Artikolu 4(3) tar-regolament dwar l-għajnuna, l-għajnuna tista' tintuża wkoll "biex jiġu koperti b'mod partikolari l-ispejjeż għal attitvitajiet ta' appoġġ bħalma huma studji preliminari u komparattivi, taħriġ, attivitajiet marbuta mal-preparazzjoni, il-valutazzjoni, il-ġestjoni, l-implimentazzjoni, is-sorveljanza, il-kontroll u l-evalwazzjoni ta' l-assistenza, l-attivitajiet marbuta ma' l-informazzjoni u skopijiet ta' viżibilità, kif ukoll l-ispejjeż għal persunal ta' appoġġ, għall-kiri ta' proprjetà u għall-provvista ta' tagħmir".

Ġie allokat ammont totali ta' €18.85 miljuni għas-sostenn tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna. Is-sostenn finanzjarju għan-nefqa amministrattiva se jiġi mmobilitat inter alia għal:

1. Il-formulazzjoni ta' strateġiji settorjali;

2. L-istħarriġ u/jew it-twettiq ta' studji ta' fattibilità għall-preparazzjoni ta' proġetti (inklużi analiżi ekonomiċi u finanzjarji, speċifikazzjonijiet dettaljati, disinni tekniċi, evalwazzjonijiet legali, tħejjija ta' dokumenti ta' sejħiet għall-offerti għal xogħolijiet, servizzi, provvisti u għoti għal proposti, eċċ.);

3. Il-provvista ta' esperti biex jgħinu fil-proċess ta' l-akkwist pubbliku u fil-fażi ta' l-implimentazzjoni, jekk dan ikun neċessarju (inklużi verifiki, sorveljanza, evalwazzjonijiet eċċ.);

4. Ir-reklutaġġ ta' aġenti b'kuntratt għat-Tim tal-Programm tal-Kummissjoni, għall-akkwist pubbliku ta' loġistika relatata mal-ġestjoni ta' uffiċċju (inkluż il-kiri ta' stabbilimenti) u l-provvista relatata ta' tagħmir bil-għan li jiġi stabbilit uffiċċju ta' sostenn għall-programm fil-komunità benefiċjarja.

2.3. It-termini għall-ikkuntrattar u l-eżekuzzjoni

It-termini għall-ikkuntrattar huma stabbiliti f'kull waħda mill-ħames Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ttieħdu taħt dan ir-regolament dwar l-għajnuna fl-2006. Huma ffisati għal bejn Ġunju u Diċembru 2009 skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(1) tar-regolament dwar l-għajnuna li għandhom x'jaqsmu mad-dewmien tal-perjodu ta' kkuntrattar. L-eżekuzzjoni għandha tibqa' sejra sa Diċembru 2013 għall-biċċa l-kbira tal-programm. Fil-każ tal-proġett li jinvolvi l-istabbiliment ta' skema ta' kreditu li jdur, il-perjodu ta' eżekuzzjoni jibqa' sejjer sa Diċembru 2014.

3. MEKKANIżMI TA' IMPLIMENTAZZJONI

Skond l-Artikolu 3(1) tar-regolament dwar l-għajnuna, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-amministrazzjoni ta' l-għajnuna. L-Artikolu 5(2) tar-regolament dwar l-għajnuna jippermetti l-Kummissjoni tafda l-implimentazzjoni ta' parti mill-programm ta' għajununa jew il-programm kollu lill-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni.

Madankollu, skond ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-futur ta' l-Aġenzija[4] li jipproponi l-għeluq ta' l-Aġenzija sa l-aħħar ta' l-2008, l-għażla li l-Aġenzija tintuża ma baqgħatx kkunsidrata bħala xierqa. Kien ikollhom jiġu introdotti arranġamenti alternattivi f'mument kritiku fil-fażi ta' implimentazzjoni bil-potenzjal ta' dewmien u tfixkil.

3.1.1. Ġestjoni ċentralizzata mill-Kummissjoni

L-implimentazzjoni ta' dan il-programm issegwi l-Artikolu 53(a) tar-Regolament Finanzjarju[5] (ġestjoni fuq bażi ċentralizzata) bid-DĠ Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea li għandu r-rwol ta' Awtorità Kontraenti bl-eċċezzjonijiet elenkati fis-sezzjoni 3.1.2.

L-akkwist pubbliku jsir skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti 2 (Azzjonijiet esterni) tar-Regolament Finanzjarju u tal-Kapitolu 3 tat-Titolu III tal-Parti 2 tar-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu[6] kif ukoll id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2006)117 ta' l-24 ta' Jannar 2006 u C(2007)2034 ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar "Regoli u proċedura għal kuntratti ta' servizzi, provvista u xogħolijiet iffinanzjati mill-Baġit Ġenerali għall-Komunitajiet Ewropej għall-finijiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi".

Ġie stabbilit Tim tal-Programm apposta, magħmul minn uffiċjali tal-Kummissjoni u aġenti b'kuntratt, bħala parti mit- Task Force tal-komunità Turko-Ciprijotta fid-DĠ Tkabbir sabiex jimplimenta l-programm.

It-Tim tal-Programm ilu juża l-faċilitajiet ta' Uffiċċju ta' Sostenn għall-Programm li jinsab fin-naħa tat-Tramuntana ta' Nicosia minn Settembru 2006 biex jiżgura koordinazzjoni li hija effettiva f'dak li jirrigwarda l-ispiża mal-komunità benefiċjarja fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna filwaqt li jkollu wkoll post għal-laqgħat u s-seminars. Kuntrattur privat - GTZ (Deutsche Gesellschaft für Technische Zusammenarbeit) – jipprovdi l-ġestjoni ta' l-uffiċċju, kemm ta' l-istabbiliment kif ukoll tal-persunal ta' sostenn bħalma huma s-segretarji u s-sewwieqa. Ġie stabbilit ukoll, bħala parti integrali tat-Tim tal-Programm, Punt Lokali ta' Sostenn tat-TAIEX li għandu l-iskop li jikkoordina ż-żjarat ta' l-esperti ta' l-Istati Membri.

It-Tim tal-Programm ġie mibni gradwalment matul il-perjodu ta' rappurtar. Fl-aħħar ta' Frar 2007, it-Tim tal-Programm kien magħmul minn 20 membru tal-persunal, inklużi żewġ uffiċjali statutorji tal-Kummissjoni, 8 aġenti kuntrattwali u 10 membri tal-persunal ipprovduti mill-kuntrattur privat għas-sostenn amministrattiv u loġistiku. Kien qed isir reklutaġġ għal postijiet ta' aġenti kuntrattwali oħra biex it-tim jiġi kkompletat sa l-aħħar ta' l-2007.

3.1.2. Ġestjoni konġunta

L-attivitajiet fil-qasam tat-titjib ta' l-infrastruttura lokali u urbana u s-sostenn lis-settur privat (għal ammont totali ta' €17.5 miljun) se ikunu ġestiti fuq bażi konġunta mal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (il-UNDP), skond l-Artikolu 53(d) tar-Regolament Finanzjarju. Il-Kummissjoni se tieħu vantaġġ mill-ħila u l-għarfien żviluppati mill-UNDP – Partenarjat għall-Futur għall-perjodu 2001-2004 meta l-UNDP kienet wasslet l-għajnuna ta' l-UE lill-komunità Turko-Ċiprijotta.

3.1.3. Ġestjoni ċentralizzata indiretta

L-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet mwassla mit-TAIEX (€9.5 miljun) ser titwettaq skond il-proċedura ta' ġestjoni ċentralizzata indiretta stabbilita fl-Artikoli 54.2(c) u 56 tar-Regolament Finanzjarju (ġestjoni ċentralizzata indiretta). Bħalissa hemm Ftehim ma' GTZ (Deutsche Gesellschaft für Technische Zusammenarbeit) sa l-20.06.2008 għall-Programm kollu tat-TAIEX.

3.1.4. Għoti ta' għotjiet mingħajr sejħa għal proposta

Fil-programm saret dispożizzjoni għall-għoti ta' numru ta' għotjiet mingħajr sejħa għal proposta lill-UNDP (Programm ta' għajnuna fit-tneħħija tal-mini u Kampanja ta' Sostenn lill-Kumitat ta' Persuni Neqsin) għal ammont totali ta' €5.5 miljun u lill-Kunsill ta' l-Ewropa (Proġett tat-Tagħlim ta' l-Istorja u l-Akkademja tal-Proġett ta' Studji Politiċi) għal ammont totali ta' €1.6 miljun, rispettivament. L-għoti dirett huwa ġustifikat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 168(1)(c) minħabba l-monopolju de facto ta' dawn l-organizzazzjonijiet f'dawn is-setturi.

4. L-AZZJONIJIET IFFINANZJATI MATUL IL-PERJODU TA' RAPPURTAR

4.1. Attivitajiet

Il-Kummissjoni ħadet il-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet ta' finanzjament taħt il-programm ta' għajnuna matul il-Ħarifa 2006. L-attivitajiet matul il-perjodu ta' rappurtar enfasizzaw fuq it-twaqqif tat-Tim tal-Programm tal-Punt Lokali ta' Sostenn tat-TAIEX kif ukoll fuq sistemi u proċeduri mfassla apposta. F'Diċembru 2006, ġew ukoll iffirmati ftehimiet għal għotjiet mal-UNDP fil-qasam ta' l-iżvilupp tas-settur privat u l-infrastruttura urbana u lokali. Huwa importanti li tiġi żgurata l-kontinwità ta' l-attivitajiet tal-UNDP favur il-komunità Turko-Ċiprijotta minħabba li ftehimiet preċedenti dwar għotjiet f'dawn is-setturi mal-UNDP skadew f'Novembru 2006. Il-Kumitata li Jmexxi l-Proġett li jinkludi l-UNDP u l-Kummissjoni ltaqa' f'Jannar 2007 biex jiddeċiedi fuq l-attivitajiet speċifiċi li għandhom jitwettqu.

Matul il-perjodu ta' rappurtar bdew ukoll attivitajiet dwar il-preparazzjoni ta' pjan dwar il-ġestjoni ta' l-iskart solidu għall-komunità Turko-Ċiprijotta. Dan il-pjan huwa prerekwiżit importanti għat-tnedija ta' sejħa għall-offerti antiċipata taħt il-Programm dwar is-Settur tal-Ġestjoni ta' l-Iskart Solidu.

L-Anness 3 jipprovdi lista tal-kuntratti ffirmati mill-Kummissjoni matul il-perjodu ta' rappurtar.

Ġew imnedija wkoll antiċipazzjonijiet ta' kuntratti u avviżi ta' akkwist pubbliku, inkluża l-ewwel sejħa għal proposta għal skema ta' boroż ta' studju komunitarja għas-sena akkademika 2007/2008 li ġiet ippubblikata f'Jannar 2007. Bosta mis-sejħiet għall-offerti li ġew imnedija kienu għal attivitajiet ta' konsulenza fil-preparazzjoni ta' sejħiet għall-offerti għal xogħolijiet. Minħabba l-ammont limitat ta' fondi li qabel kien disponibbli ma setgħatx titwettaq qabel il-preparazzjoni dettaljata ta' proġett għal xogħolijiet .

4.2. TAIEX

Mill-2004, it-TAIEX ta għajnuna teknika lill-komunità Turko-Ċiprijotta taħt arranġamenti ta' ffinanzjar preċedenti. Matul il-perjodu ta' rappurtar, il-fondi taħt il-programm ta' għajnuna ġew prinċipalment użati għall-istabbiliment ta' Punt Lokali ta' Sostenn tat-TAIEX. L-attivitajiet l-oħra għadhom iffinanzjati minn fondi taħt il-programmi ta' ffinanzjar preċedenti.

4.3. Informazzjoni u Pubbliċità

Matul il-perjodu ta' rappurtar, l-enfasi, f'dak li għandu x'jaqsam ma' attivitajiet ta' pubbliċità, kien fuq it-tqanqil ta' għarfien, fost il-komunità benefiċjarja, dwar il-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati taħt ir-regolament dwar l-għajnuna. Bejn Novembru u Diċembru 2006, ingħatat informazzjoni lill-komunità benefiċjarja permezz ta' seminars ta' tnedija mogħtija mid-DĠ Tkabbar lil diversi gruppi ta' interess, inkluża t-tmexxija tal-komunità Turko-Ċiprijotta, il-komunitajiet lokali, ir-rappreżentanti tas-setturi ta' l-edukazzjoni u ta' l-agrikultura, is-settur privat u s-soċjetà ċivili. Inżammu konferenzi stampa kemm għall-istampa Turko-Ċiprijotta u għal dik Griega-Ċiprijotta f'Novembru 2006 u Jannar 2007 rispettivament. Ġie prodott u mqassam fuljett lill-benefiċjarji potenzjali u lil pubbliku aktar wiesa'.

Barra minn dan, il-websajt tad-DĠ Tkabbir hija użata biex jiġi ppubbliċizzat il-programm ta' għajnuna. Il-websajt tinkludi t-test tar-regolament dwar l-għajnuna id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Iffinanzjar u dokumenti relatati. Hemm ukoll links għal websajts oħra dwar is-sejħiet għall-offerti għal kuntratti li għandhom jiġu ffinanzjati taħt ir-regolament dwar l-għajnuna.

4.4. L-eżekuzzjoni finanzjarja (kuntrattar u ħlas)

Fl-aħħar tal-perjodu ta' rappurtar kien saru kuntratti għal ammont totali ta' €14.5 miljun. Minn dan l-ammont, madwar €13.2 miljun kienu għal kuntratti taħt il-parti operattiva tal-programm ta' għajnuna u €1.3 miljun kienu għal attivitajiet ta' sostenn.

Fil-każ tal-ħlas, matul il-perjodu ta' rappurtar, il-Kummissjoni ħallset lill-kuntratturi tagħha somma ta' madwar €4.25 miljun. Minn dan l-ammont, madwar €3.7 miljun kienu għal kuntratti taħt il-parti operattiva tal-programm ta' għajnuna u €550 000 miljun kienu għal attivitajiet ta' sostenn. Barra minn dan, il-Kummissjoni nefqet madwar €400 000 fi spejjeż għal persunal u missjonijiet.

5. KONKLUżJONIJIET

Il-biċċa l-kbira ta' l-attivitajiet matul il-perjodu ta' rappurtar kienu jikkonċentraw fuq:

5. l- ipprogrammar ta' l-għajnuna id-deċiżjonijiet finanzjarji kollha ġew adottati fl-2006;

6. l-i stabbiliment tal-mekkaniżmu ta' implimentazzjoni : it-tim tal-programm ġie mwaqqaf; u l-Uffiċju ta' Sostenn għall-Programm u l-Punt Lokali ta' Sostenn tat-TAIEX saru operattivi f'Settembru 2006, anqas minn seba' xhur wara l-adozzjoni tar-regolament dwar l-għajnuna;

7. li tkun żgurata ta' kontinwità ma' attivitajiet preċedenti ffinanzjati mill-UE għall-benefiċċju tal-komunità Turko-Ċiprijotta: l-attivitajiet li qabel kienu jitwettqu mill-UNDP setgħu jitkomplew mingħajr tfixkil permezz ta' l-iffirmar ta' ftehimiet ta' għotjiet bejn il-Kummissjoni u l-UNDP f'Diċembru 2006.

Il-kuntest legali, diplomatiku u politiku li fih qed topera l-Kummissjoni huwa uniku. Dan il-kuntest iwassal għal numru ta' sfidi u riskji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-regolament dwar l-għajnuna b'suċċess:

8. Termini qosra ta' kuntrattar u limitazzjoni fuq id-dewmien tal-programm: kif ġie nnutat qabel, l-impenn tal-fondi disponibbli għal dan il-programm ġie llimitat mill-adozzjoni tardiva tal-bażi legali. Il-konsegwenzi tat-tnaqqis globali fid-dewmien ta' l-implimentazzjoni kien dawn li ġejjin:

9. L-attivitajiet preparatorji ppjanati għall-parti l-bikrija tal-programm ma setgħux iseħħu. L-ikkuntrattar ta' investimenti ta' infrastruttura fuq skala kbira se jkun sfida konsiderevoli minħabba n-nuqqas ta' preparazzjoni preċedenti tal-proġett;

10. L-attivitajiet li kien ippjanat li kellhom jitwettqu fuq bażi annwali jistgħu biss iseħħu għal tliet snin konsekuttivi (2007-2009) pjuttost milli għal ħames snin (2005-2009) kif kien oriġinarjament ippjanat. Per eżempju, l-iskema ta' boroż ta' studji komunitarji se tiġi biss implimentata għal tliet snin. Bħalissa m'hemm l-ebda fondi disponibbli għall-iffinanzjar ta' skema bħal din wara s-sena akkademika 2009/2010. Dan japplika wkoll għall-iskemi kollha ta' għotjiet previsti taħt il-programm ta' għajnuna, per eżempju għall-bdiewa, il-komunitajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili eċċ. L-aħħar sejħa għal proposti għal dawn l-iskemi ta' għotjiet se toħroġ fl-ewwel nofs ta' l-2009.

11. Il-kwistjoni tal-proprjetà : huwa stmat li 78 % mill-art li hija proprjetà privata fin-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru hija l-proprjetà ta' Griegi Ċiprijotti. Il-lok ta' bosta mill-investimenti infrastrutturali li huma ppjanati għad irid jiġi deċiż. Madankollu, minħabba l-ammont ta' proprjetà ta' proprjetarji privati Griegi Ċiprijotti, x'aktarx bosta investimenti jkun jistgħu biss jipproċedu bil-kunsens ta' dawn il-proprjetarji. Se jiġu mħejjija proġetti ta' riżerva biex jittaffa r-riskju li wħud mill-proċetti ma jkunux jistgħu jipproċedu minħabba li ma jkunx hemm il-kunsens tal-proprjetarji. Il-ħtieġa li jinkiseb kunsens se tfisser ukoll żmien addizzjonali fi skeda ta' implimentazzjoni li hija diġà limitata ħafna.

12. Kapaċità ta' assorbiment baxxa tal-komunità benefiċjarja : minkejja li l-bżonnijiet huma kbar, il-komunità Turko-Ċiprijotta hija żgħira u mhijiex mgħammra tajjeb f'dak li jirrigwarda l-istrutturi meħtieġa biex tirċievi ammont daqstant kbir ta' riżors f'perjodu ta' żmien daqstant qasir. L-impatt globali f'termini ekonomiċi u ta' żvilupp soċjali għandu mnejn jitnaqqas bl-implimentazzjoni tal-programm fuq perjodu iqsar ta' żmien.

13. Il-Persunal tat-Tim tal-Programm tal-Kummissjoni : minħabba r-regolamenti preżenti tal-persunal dwar id-dewmien massimu ta' kuntratti għal aġenti kuntrattwali, se jkun hemm bidla maġġuri fil-persunal tat-Tim tal-Programm fl-2009 viċin it-terminu ta' l-ikkuntrattar.

14. Kooperazzjoni bejn il-komunità Turko-Ċiprijotta u l-komunità Griega-Ċiprijotta: is-suċċess globali tal-programm fil-kisba ta' l-għan globali li hu l-iffaċilitar tar-rijunifikazzjoni ta' Ċipru jiddependi ħafna fuq kooperazzjoni li tirnexxi bejn iż-żewġ komunitajiet fil-gżira. Kwistjonijiet politiċi li mhumiex relatati mal-programm ta' għajnuna nnifsu iżda pjuttost mal-kuntest politiku globali fil-gżira jistgħu jwasslu ż-żewġ komunitajiet biex iwaqqfu l-implimentazzjoni ta' xi partijiet mill-programm. F'dan is-sens, l-implimentazzjoni titħaffef ħafna minn progress fil-proċess ta' rijunifikazzjoni taħt l-awspiċji tan-NU.

6. ANNESSI

6.1. Anness 1: Lista ta' Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament dwar l-Għajnuna

Titolu u data tad-Deċizjoni | Ammont f'€m |

1 | ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI C/2006/2336/3 tat-23/06/06 li tistabbilixxi faċilità ta' għajnuna biex issostni l-implimentazzjoni ta' l-istrument ta' sostenn finanzjarju biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta | 4.00 |

2 | ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI C/2006/2335/4 tas-26/06/2006 li tistabbilixxi programm ta' għajnuna pprovdut mill-Istrument ta’ Skambju ta’ Informazzjoni ta’ Assistenza Teknika (TAIEX) għall-komunità Turko-Ċiprijotta | 4.50 |

3 | ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI C/2006/5000 ta' l-2006 tas-27/10/2006 li tistabbilixxi programm ta' għajnuna finanzjarja biex jinkoraġġixxi l-iżvilup ekonomiku tal-Komunità Turko-Ċiprijotta – Parti I | 38.10 |

4 | ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI C/2006/6533 tal-15/12/2006 li tistabbilixxi programm ta' għajnuna finanzjarja biex jinkoraġġixxi l-iżvilup ekonomiku tal-Komunità Turko-Ċiprijotta – Parti II | 197.55 |

5 | ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI C/2006/7035 tat-22/12/2006 li tistabbilixxi faċilità ta' għajnuna sabiex issostni l-implimentazzjoni ta' l-istrument ta' sostenn finanzjarju biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta – Parti III | 14.65 |

258.800* |

* Dan huwa l-ammont totali fil-linja tal-baġit ta' l-2006 Nru 22.02.11(linja tal-baġit ta' l-2007 Nru 22.020703). Il-bilanċ huwa magħmul minn EUR 200 000 f'linja tal-baġit relatata man-nefqa amministrattiva għat-TAIEX fl-2006 għall-implimentazzjoni ta' l-għajnuna tat-TEIEX għall-komunità Turko-Ċiprijotta.

6.2. Anness 2: Analiżi tal-proġetti individwali

Għanijiet u proġetti | Spejjeż (€) |

Għan 1: L-iżvilupp u r-ristrutturar ta' l-infrastruttura (49.9 %) |

Għan sussidjarju 1 – Il-ħarsien ta' l-ambjent |

Proġett 1.1. – Programm għall-aġġornament tas-settur tal-kwalità u l-ġestjoni tal-provvista ta' l-ilma u tas-servizzi sanitarji | 71 400 000 |

Proġett 1.2 – Sostenn lill-komunità Turko-Ċiprijotta rigward il-ġestjoni u l-ħarsien ta' siti potenzjali tan-Natura 2000 fin-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru | 5 000 000 |

Proġett 1.3 Programm għas-settur ta' l-iskart solidu għall-komunità Turko-Ċiprijotta | 21 200 000 |

Proġett 1.4 Studju ta' Fattibilità għar-rijabilitazzjoni taż-żona tal-minjieri ta' Lefke | 900 000 |

Għan sussidjarju 2 – Titjib tal-ġestjoni tas-settur ta' l-enerġija |

Proġett 1.5 Aġġornament tal-ġestjoni tas-settur ta' l-enerġija | 5 000 000 |

Proġett 1.6. Żvilupp u ristrutturar ta' l-infrastruttura ta' l-enerġija – Parti II | 8 750 000 |

Għan sussidjarju 3 – Titjib fis-sigurtà tat-traffiku |

Proġett 1.7. Titjib fis-sigurtà tat-traffiku | 3 000 000 |

Għan sussidjarju 4 - Telekomunikazzjonijiet |

Proġett 1.8 Żvilupp u ristrutturar ta' l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet | 14 000 000 |

Sub-Total | 129 250 000 |

Għan 2: L-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp soċjali u ekonomiku (27.1 %): |

Proġett 2.1 Programm għall-Iżvilupp tas-Settur Rurali | 29 700 000 |

Proġett 2.2 Aġġornament ta' l-infrastruttura lokali u urbana | 7 000 000 |

Proġett 2.3 Aġġornament ta' l-infrastruttura lokali u urbana – Parti II | 8 000 000 |

Proġett 2.4 Programm għall-Iżvilupp tas-Settur tar-Riżorsi Umani | 8 000 000 |

Proġett 2.5 Programm ta' self għall-mikro-impriżi u għall-impriżi żgħar | 9 000 000 |

Proġett 2.6 Programm għas-settur ta' l-iżvilupp sostenibbli ekonomiku | 6 000 000 |

Proġett 2.7 Sostenn għall-iżvilupp tas-settur privat fil-komunità Turko-Ċiprijotta | 2 500 000 |

Sub-Total | 70 200 000 |

Għan 3: Inkoraġġiment tsr-rikonċiljazzjoni, miżuri biex tinbena l-fiduċja u għajnuna lis-soċjetà ċivili (5 %) |

Proġett 3.1 Rikonċiljazzjoni, miżuri biex tinbena l-fiduċja u għajnuna lis-soċjetà ċivili | 8 000 000 |

Proġett 3.2 Programm ta' għajnuna biex jitneħħew il-mini | 4 000 000 |

Proġett 3.3 Sostenn għall-iżvilupp ta' xejriet ġodda fit-tagħlim ta' l-istorja għar-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà f'Ċipru | 1 000 000 |

Sub-Total | 13 000 000 |

Għan 4: It-tqarrib tal-Komunità Turko-Ċiprijotta ma' l-Unjoni Ewropea (3.7 %): |

Proġett 4.1 Programm ta' boroż ta' studju Komunitarji | 5 000 000 |

Proġett 4.2 L-inkoraġġiment ta' skambji ta' żgħażagħ u kuntatti oħra bejn in-nies | 3 000 000 |

Proġett 4.3 Informazzjoni dwar is-sistema politika u legali ta' l-Unjoni Ewropea | 1 500 000 |

Sub-Total | 9 500 000 |

Għan 5: Il-preparazzjoni tal-Komunità Turko-Ċiprijotta għall-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire (5.2 %) |

Proġett 5.1 Għajnuna Teknika għas-sostenn tat-traspożizzjoni legali kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' l-acquis permezz ta' l-istrument TAIEX – Parti II (Komponent A – Għajnuna permezz tat-TAIEX); Komponent B – faċilità għal tagħmir fuq skala żgħira)+ Parti I | 6 500 000 4 500 000 |

Proġett 5.2 Bini ta' kapaċità fis-settur ta' l -ambjent | 2 460 000 |

Sub-Total | 13 460 000 |

Għan 6: Faċilità mhux allokata għal Għajnuna Teknika u Riżerva għall-Programmi (1.8 %) |

Proġett 6.1 Faċilità mhux allokata għal Għajnuna Teknika u Riżerva għall-Programmi | 4 740 000 |

Sub-Total | 4 740 000 |

Total | 240 150 000 |

+ Għajnuna teknika globali għall-implimentazzjoni tal-programm (7.2 %) | 18 850 000 |

Total globali | 259 000 000 |

6.3. Anness 3: Kuntratti ffirmati matul il-perjodu ta' rappurtar

Numru tal-kuntratt (CRIS) | Titolu tal-Kuntratt | Kuntrattur | Firma | Ammonti (€) |

2006/124-237 | Żjieda mal-ftehim ta' l-2005 tat-TAIEX ma' GTZ bl-iskop li jiġi stabbilit Punt Lokali ta' Kuntatt tat-TAIEX fin-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru | Deutsche Gesellschaft für Technische Zusammenarbeit - GTZ GMBH (il-Ġermanja) | 18/07/2006 | 506.836 |

2006/124-397 | L-istabbiliment ta' Uffiċju ta' Sostenn tal-Programm fin-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru | Deutsche Gesellschaft für Technische Zusammenarbeit - GTZ GMBH (il-Ġermanja) | 25/07/2006 | 1.324.257 |

2006/127-273 | Żjieda mal-ftehim ta' l-2005 tat-TAIEX ma' GTZ għat-twettiq ta' għajnuna teknika lill-komunità Turko-Ċiprijotta | Deutsche Gesellschaft für Technische Zusammenarbeit - GTZ GMBH (il-Ġermanja) | 08/11/2006 | 2.993.164 |

2006/129-343 | Programm għall-Iżvilupp tas-Settur privat fin-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru | Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp - il-UNDP | 26/12/2006 | 2.500.000 |

2006/129-353 | Aġġornament ta' l-infrastruttura lokali u urbana | Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp - il-UNDP | 26/12/2006 | 7.000.000 |

2006/131-199 | Pjan settorjali dwar l-Iskart Solidu għall-Komunità Turko-Ċiprijotta | AGRECO | 23/02/2007 | 199.850 |

TOTAL | 14.524.107 |

----

[1] COM (2004) 465 finali tas-7 ta' Lulju 2004 kif immodifikata minn COM (2004) 696 finali tal-21 ta' Ottubru 2004

[2] ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5.

[3] Iffinanzjat taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 555/2000 tat-13 ta' Marzu 2000 dwar l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni għar-Repubblika ta' Ċipru u r-Repubblika ta' Malta

[4] COM (2005) 710 finali tal-23.12.2005

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002; ĠU L 248; 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006, ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1.

[6] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 (ĠU L 537; 31.12.2002; p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111, 28.04.2007, p. 13).

Top