EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0285

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni ta' l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)

/* KUMM/2007/0285 finali */

52007DC0285




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.6.2007

KUMM(2007) 285 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni ta' l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)

STEDINA GĦAL KUMMENTI DWAR DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropa tistieden lill-partijiet kollha interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-kwistjonijiet trattati f'din il-Komunikazzjoni, u b'mod partikolari, biex iwieġbu l-mistoqsijiet tas-sezzjoni 7.2, permezz ta' sondaġġ fuq l-internet. Dan is-sondaġġ se jkun miftuħ għal tmien ġimgħat. Jinstab fl-indirizz:

http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=EnisaFuture&lang=en

Rapport li jiġbor fil-qosor il-kummenti rċevuti, flimkien ma' elenku ta' l-organizzazzjonijiet u ta' l-individwi li mlew il-kwistjonarju tas-sondaġġ, ser ikunu ppubblikati fuq il-websajt. Il-kummenti anonimi ma jitqisux.

Il-Kummissjoni żżomm id-dritt li ma tinkludix ċerti kummenti li tirċievi fir-rapport (per eżempju minħabba lingwaġġ offensiv). Ir-rapport ikun disponibbli permezz ta' link fil-websajt imsemmi hawn fuq.

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni ta' l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)

WERREJ

1. Daħla 4

2. L-istorja ta' l-ENISA 4

3. L-evalwazzjoni ta' l-ENISA: il-proċedura u l-għanijiet 5

3.1. Il-proċedura 6

3.2. L-għanijiet ta' l-evalwazzjoni esterna 6

4. Ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-evalwazzjoni esterna 6

4.1. Is-sejbiet ewlenin tal-Bord ta' Evalwazzjoni 6

4.2. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta' Evalwazzjoni 8

5. Analiżi tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni esterna 9

6. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija ta' l-ENISA 10

7. It-triq 'il-quddiem 10

7.1. Aktar konsultazzjoni u analiżi 10

7.2. Mistoqsijiet għall-orjentament tad-diskussjonijiet 11

8. Konklużjoni 12

1. Daħla

In-netwerks tal-komunikazzjoni u s-sistemi ta' l-informazzjoni saru fattur ta' l-akbar importanza fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Is-sigurtà u l-flessibbiltà tan-netwerks tal-komunikazzjoni u s-sistemi ta' l-informazzjoni qed iqajmu aktar tħassib għas-soċjetà. Id-dokument ta' strateġija tal-Kummissjoni "i2010 – Soċjetà ta' l-informatika Ewropea għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi"[1] saħaq fuq l-importanza tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni għall-ħolqien ta' spazju waħdieni Ewropew għall-informazzjoni. Dan l-aħħar, il-Komunikazzjoni " A strategy for a Secure Information Society – Dialogue, partnership and empowerment "[2] analizzat il-qagħda attwali rigward it-theddid li hemm għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u ressqet strateġija politika aġġornata, b'enfasi fuq l-impatt pożittiv tad-diversità teknoloġika fuq is-sigurtà kif ukoll fuq l-importanza tal-ftuħ u ta' l-interoperabbiltà.

Bil-għan li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Komunità, ta' l-Istati Membri u għaldaqstant ukoll tal-komunità tan-negozji, biex jipprevjenu, jindirizzaw u jwieġbu għar-riskji ewlenin tas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni, fl-2004 twaqqfet l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (l-ENISA) għal perjodu ta' ħames snin[3].L-iskop ewlieni ta' l-Aġenzija huwa "li jiġi żgurat livell għoli u effettiv tan-netwerks u s-sigurtà tas-sistemi ta' l-informazzjoni ġewwa l-Komunità u sabiex tkun żviluppata kultura ta' sigurtà tan-netwerks u s-sistemi ta' l-informazzjoni għall-benefiċċju taċ-cittadini, tal-konsumaturi, ta' l-impriżi u ta' l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea, u permezz ta' hekk għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern."

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta r-riżultati ta' evalwazzjoni ta' l-Aġenzija li saret minn bord estern ta' esperti, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija ta' l-ENISA dwar ir-Regolament ta' l-ENISA[4]. Tinkludi wkoll analiżi tar-rapport ta' evalwazzjoni u tniedi konsultazzjoni pubblika. It-test sħiħ tar-rapport ta' evalwazzjoni[5] u d-dokument li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija[6] se jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill[7]. L-evalwazzjoni ta' l-ENISA tifforma parti mill-prassi tal-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjonijiet sistematiċi ex ante, intermedji u ex post ta' l-attivitajiet Komunitarji kollha.

2. L-istorja ta' l-ENISA

Fil-proposta tagħha ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-twaqqif ta' l-ENISA[8], il-Kummissjoni għarrfet li s-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni " kienet saret prijorità politika ewlenija ". F'dan il-kuntest, l-ENISA twaqqfet f'Marzu 2004. L-istruttura formali ta' l-Aġenzija tinkludi Bord tat-Tmexxija (magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-partijiet interessati), Direttur Eżekuttiv u Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati. L-iskop ta' dan ta' l-aħħar huwa li jagħti pariri u li jservi ta' rabta mal-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija. Il-bażi legali għar-Regolament ta' l-ENISA hija l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Din il-bażi legali ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (il-QEĠ) wara talba mressqa mir-Renju Unit, li fiha l-QEĠ ikkonfermat li r-Regolament kien imsejjes b'mod leġittimu fuq l-Artikolu 95[9].

L-ewwel azzjoni li ttieħdet fil-kuntest tar-Regolament ta' l-ENISA kienet it-twaqqif tal-Bord tat-Tmexxija, li ħatar id-Direttur Eżekuttiv tiegħu fl-14 ta' Settembru 2004 (minn pre-selezzjoni mressqa mill-Kummissjoni). Wara perjodu inizjali f'Brussell matul il-fażi ta' l-implimentazzjoni, fl-1 ta' Settembru 2005 l-Aġenzija u l-impjegati tagħha ġarrew sal-belt ta' Heraklion. Is-sede ġiet magħżula mill-Gvern tal-Greċja wara d-Deċiżjoni li ttieħdet fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-12-13 ta' Diċembru 2003 biex l-Aġenzija tkun ibbażata fil-Greċja.

Il-kompiti mogħtija lill-Aġenzija jinkludu l-ġbir ta' informazzjoni xierqa għall-analiżi tar-riskji attwali u li qegħdin jidhru fix-xefaq, partikularment dawk li jista' jkollhom impatt fuq il-flessibbiltà tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll fuq l-awtentiċità, l-integrità u l-kunfidenzjalità ta' dawk il-komunikazzjonijiet. Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha tiżviluppa 'metodoloġiji komuni' għall-prevenzjoni ta' problemi marbutin mas-sigurtà, biex tqajjem aktar kuxjenza, biex tippromwovi l-iskambju ta' 'l-aħjar prattiċi attwali' u ta' 'metodi ta' twissija', u biex twettaq attivitajiet ta' analiżi u ta' ġestjoni tar-riskji. Fl-istess ħin, l-Aġenzija għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-partijiet involuti fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni, billi tgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fid-djalogu tagħhom ma' l-industrija biex jindirizzaw problemi marbutin mas-sigurtà f'prodotti ta' hardware u software , u billi tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkoopera ma' pajjiżi terzi u, fejn jaqbel, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bil-għan li jġibu 'l quddiem strateġija ġenerali komuni għas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni, filwaqt li jsir kontribut għat-tiswir ta' kultura tas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni[10].

Fir-Reżoluzzjoni tiegħu tal-11-12 ta' Diċembru 2006 dwar Strateġija għal Soċjetà Sikura ta' l-Informazzjoni, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea reġa' saħaq fuq l-importanza ta' dawn il-ħidmiet billi talab lill-ENISA " li tkompli taħdem id f'id ma' l-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-partijiet interessati l-oħra, sabiex twettaq il-kompiti u tilħaq l-għanijiet iddefiniti fir-Regolament ta' l-Aġenzija, u sabiex tgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-ħtiġiijiet tas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni, u b'hekk tagħti kontribut għall-implimentazzjoni u għall-iżvilupp kontinwu ta' l-Istrateġija l-ġdida għal Soċjetà Sikura ta' l-Informazzjoni fl-Ewropa, kif stabbilita f'din ir-Reżoluzzjoni " [traduzzjoni mhux uffiċjali][11]. Mindu twaqqfet, l-ENISA wettqet attivitajiet u pprovdiet riżultati konkreti, kif iddefiniti fil-Programmi ta' Ħidma għall-2005 u l-2006[12].

3. L-evalwazzjoni ta' l-ENISA: il-proċedura u l-għanijiet

Skond l-Artikolu 25 tar-Regolament ta' l-ENISA, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq evalwazzjoni ta' l-Aġenzija sa Marzu 2007. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni " għandha twettaq din il-valutazzjoni, prinċipalment bl-iskop li jiġi deċiż jekk it-tul ta' l-Aġenzija għandux jiġi estiż lil hinn mill-perjodu speċikat fl-Artikolu 27 " (jiġifieri, ta' ħames snin). Barra minn hekk, " [i]l-valutazzjoni għandha tirrigwarda kemm ir-riżultati miksuba mill-Aġenzija fil-kisba ta' l-għanijiet u l-kompiti tagħha, kif ukoll il-prattiċi tax-xogħol tagħha u tikkunsidra, jekk hemm bżonn, il-proposti approprjati ".

3.1. Il-proċedura

Bi qbil mat-termini ta' referenza miftehma mal-Bord tat-Tmexxija ta' l-ENISA, il-Kummissjoni niedet evalwazzjoni indipendenti minn bord estern ta' esperti li sservi ta' bażi għall-evalwazzjoni msemmija fir-Regolament ta' l-ENISA. L-għan ta' l-evalwazzjoni esterna kien li tipprovdi analiżi kostruttiva tal-prattiċi, ta' l-organizzazzjoni u tal-kompetenza ta' l-Aġenzija, b'rakkomandazzjonijiet għal titjib fejn xieraq. Kif speċifikat fit-termini ta' referenza, l-evalwazzjoni esterna qieset il-fehmiet tal-partijiet kollha interessati.

3.2. L-għanijiet ta' l-evalwazzjoni esterna

L-għan ewlieni ta' l-evalwazzjoni esterna kien li tanalizza l-progress ta' l-Aġenzija fil-ksib tal-miri u fil-qadi tad-dmirijiet tagħha, kif ukoll il-prattiċi ta' ħidma tagħha. Ġie vvalutat l-impatt potenzjali ta' l-Aġenzija fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali, u tqiesu t-tagħlimiet li nkisbu u li jistgħu jkunu utli għall-iżvilupp tal-programmi ta' ħidma u għall-aġġornament possibbli fl-orjentament ta' l-ambitu ta' attività ta' l-Aġenzija. L-evalwazzjoni kejlet ukoll il-ħila miksuba mill-Aġenzija kif ukoll in-netwerks li bniet mal-partijiet interessati.

L-evalwazzjoni esterna kienet iffokata fuq l-aspetti li ġejjin:

1. Ir-relevanza u l-utilità , inkluża l-konsistenza ta' l-ambitu, ta' l-għanijiet u tal-kompiti ta' l-Aġenzija mal-ħtiġijiet tal-partijiet interessati.

2. L-effiċjenza, l-effikaċità u l-impatt , fost l-oħrajn, ta' l-użu tal-baġit u tar-riżorsi umani, tat-tqassim tar-riżultati, ta' l-użu tal-fondi ta' għarfien espert estern, u tal-ħolqien u ż-żamma tal-kuntatti. Fiex jikkonsisti l-valur miżjud ta' l-attivitajiet ta' l-ENISA; kemm huma effiċjenti s-sistemi tat-tmexxija, tal-kontroll intern, tal-proċeduri baġitarji u tal-proċeduri interni?

3. It-tagħlimiet għall-ġejjieni : il-kontributi u l-ideat tal-partijiet interessati ewlenin dwar l-inizjattivi u l-kompiti ta' l-Aġenzija li għandha tingħatalhom prijorità fil-ġejjieni; kif jistgħu jinkisbu l-aqwa sinerġiji ma' istituzzjonijiet u attivitajiet oħrajn fil-livell ta' l-UE; u kif jistgħu jissaħħu s-sinerġiji mal-partijiet interessati fl-Istati Membri u fl-industrija.

4. IR-RIżULTATI U R-RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' L-EVALWAZZJONI ESTERNA

4.1. Is-sejbiet ewlenin tal-Bord ta' Evalwazzjoni

Ir-rapport ta' evalwazzjoni tal-bord estern ta' esperti[13] jikkonferma l-validità ta' l-istrateġija politika li skondha twaqqfet l-ENISA u ġew stabbiliti l-għanijiet oriġinali tagħha. Il-partijiet interessati ewlenin kollha jaqblu ma' din il-fehma. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta' l-Aġenzija huma konformi mal-programm ta' ħidma tagħha, u s'issa l-kisbiet tagħha huma xierqa u saħansitra tajbin.

Madankollu, jidher li l-attivitajiet ta' l-Aġenzija mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-impatt u l-valur miżjud mixtieqa, filwaqt li l-viżibbiltà ta' l-Aġenzija hija inqas milli kien mistenni. Hemm għadd ta' problemi li qegħdin jolqtu l-kapaċità ta' l-Aġenzija biex tuża l-potenzjal kollu tagħha: problemi li għandhom x'jaqsmu ma' l-istruttura organizzattiva tagħha, man-numru u t-taħlit tal-ħiliet tal-persunal operazzjonali tagħha, mal-pożizzjoni mbiegħda tagħha, u man-nuqqas ta' attenzjoni fuq ir-riperkussjonijiet pjuttost milli fuq riżultati konkreti. Uħud minn dawn il-problemi jitnisslu mid-dispożizzjonijiet ambigwi jew mill-għażliet tar-Regolament oriġinali. Is-suċċess ta' l-ENISA fil-ġejjieni se jiddependi minn ftehim politiku aġġornat fost l-Istati Membri, imsejjes fuq it-tagħlimiet meħuda u fuq il-kisbiet ta' l-ewwel fażi ta' l-Aġenzija.

Ta' min ikun enfasizzat li l-evalwazzjoni saret wara li l-Aġenzija kienet ilha operazzjonali għal sena waħda biss. Il-kontribut potenzjali ta' l-Aġenzija għall-funzjonament tas-suq intern huwa apprezzat mill-partijiet interessati, u mistenni li jikber, partikolarment billi titnaqqas id-duplikazzjoni ta' l-attivitajiet fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni (bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni), kif ukoll permezz ta' l-armonizzazzjoni tal-politiki u ta' l-atti regolamentari.

Skond il-fehma tal-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati, jekk l-Aġenzija tagħlaq meta jiskadi l-mandat tagħha fl-2009, dan l-għeluq ikun jirrappreżenta opportunità mitlufa għall-Ewropa, u jkollu konsegwenzi negattivi għas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni, kif ukoll għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Min-naħa l-oħra, jemmnu wkoll li jeħtieġ tibdil fid-direzzjoni strateġika u fl-istruttura ta' l-Aġenzija.

Tabella ta' l-analiżi SWOT, meħuda mir-Rapport ta' Evalwazzjoni tal-bord estern ta' esperti, p. 72 |

PUNTI TA' SAĦĦA | NUQQASIJIET |

Mandat ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni Bidu tajjeb fil-bini ta' relazzjonijiet Il-ħila tal-impjegati | Nuqqas ta' viżjoni, ta' flessibbiltà u ta' attenzjoni ffokata fuq l-impatt Relazzjoni skomda bejn il-Bord tat-Tmexxija u l-Aġenzija Pożizzjoni mbiegħda, li toħloq problemi għall-ingaġġ u għall-ħolqien u ż-żamma ta' kuntatti Nuqqas ta' massa kritika ta' impjegati operazzjonali L-Aġenzija għadha tinsab fi stadju bikri tal-kurva tat-tagħlim |

OPPORTUNITAJIET | THEDDIDIET |

Żieda fl-importanza tas-sigurtà fl-UE Pożizzjoni unika biex twieġeb għall-ħtiġijiet ta' koordinament tas-sigurtà L-alleanzi dinjija jfittxu kontroparti fl-UE Tnedija ta' proġetti ġodda b'relevanza għolja fil-qasam tas-sigurtà L-Aġenzija tista' ssir punt ta' referiment għall-Istati Membri kollha | Jekk ma jkunx kemm titjib fl-effiċjenza, l-Aġenzija tista' titlef ħafna saħħa kif ukoll ir-reputazzjoni tagħha rapidament Il-bdil frekwenti fl- impjegati jwassal biex idgħajfu L-aspettattivi ta' l-Istati Membri u tal-partijiet interessati huma kontradittorji Il-partijiet interessati esterni ma jifhmux għalkollox ir-rwol u l-għanijiet ta' l-Aġenzija |

4.2. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta' Evalwazzjoni

Minbarra r-riżultati u l-analiżi tad-dejta miġbura, ir-rapport tal-Bord ta' Evalwazzjoni fih ċerti rakkomandazzjonijiet għall-futur ta' l-ENISA wara l-2009. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

- Il-mandat ta' l-Aġenzija għandu jkun estiż wara l-2009, billi jinżammu l-għanijiet ewlenin u l-istrateġija politika oriġinali tagħha filwaqt li titqies l-esperjenza attwali.

- Ir-Regolament ta' l-ENISA għandu jkun rivedut sabiex jirrifletti r-rwol strateġiku oriġinali ta' l-Aġenzija, kif ukoll biex ikunu ċċarati l-ambigwitajiet dwar il-profil tagħha. Sabiex l-Aġenzija tkun aktar flessibbli u tkun tista' tadatta ruħha għall-evoluzzjoni tal-qasam tas-sigurtà, ir-Regolament ma għandux jiddefinixxi fid-detall il-ħidmiet operazzjonali ta' l-Aġenzija.

- Għandhom jiżdiedu d-daqs u r-riżorsi ta' l-Aġenzija (sa madwar 100 ħaddiem), bil-għan li tintlaħaq il-massa kritika meħtieġa.

- Ir-rwol tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun rivedut sabiex tittejjeb il-governanza ta' l-ENISA.

- Il-ħatra ta' persuna bi profil għoli, magħrufa sew fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni, li tkun tista' sservi ta' ambaxxatur, aktarx tgħin biex tiżdied il-viżibbiltà ta' l-ENISA.

- Il-Bord iressaq rakkomandazzjonijiet rigward il-pożizzjoni ġeografika ta' l-Aġenzija f'Heraklion[14].

Fl-aħħar nett, il-Bord ta' Evalwazzjoni jirrakkomanda għadd ta' azzjonijiet fil-medda l-qasira biex jittejjeb ir-rendiment ta' l-ENISA. Il-Kummissjoni stiednet lill-Bord tat-Tmexxija u lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-ENISA biex iqisu dawn ir-rakkomandazzjonijiet għall-medda l-qasira u biex jieħdu l-passi meħtieġa.

5. Analiżi tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni esterna

L-evalwazzjoni tal-bord estern ta' esperti pprovdiet bosta sejbiet siewja dwar aspetti speċifiċi li huma ta' l-akbar importanza kemm għall-funzjonament tajjeb ta' l-ENISA kif ukoll għall-impatt tagħha fuq il-qagħda tas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mas-sehem tagħha fis-suq intern. Il-Kummissjoni ġeneralment taqbel ma' dawn is-sejbiet, li kollox ma' kollox jisħqu fuq il-validità ta' l-istrateġija politika u l-għanijiet oriġinali, iżda jenfasizzaw ukoll li d-daqs attwali ta' l-Aġenzija, flimkien ma' l-organizzazzjoni tal-ħidma tagħha, jidher li mhumiex biżżejjed biex jilqgħu l-isfidi tal-ġejjieni.

Tagħlima ta' fejda kbira li toħroġ mill-evalwazzjoni hija li wħud mill-intoppi sinifikanti li l-ENISA ltaqgħet magħhom jidhru li huma ta' natura strutturali, u jitnisslu mill-ambigwità fl-interpretazzjoni tar-Regolament ta' l-ENISA, kif ukoll mil-livell mhux tajjeb biżżejjed tar-riżorsi umani li għandha l-Aġenzija. In-nuqqas ta' koerenza li hemm bejn l-interpretazzjoni tar-Regolament mill-persunal ta' l-Aġenzija, fuq naħa, u mill-Bord tat-Tmexxija, fuq l-oħra, aktarx li huwa kkaġunat ukoll min-nuqqas ta' viżjoni komuni ta' l-ENISA fost l-Istati Membri. F'dan ir-rigward, ir-rapport ta' evalwazzjoni huwa ċar ħafna, u jisħaq fuq il-ħtiġijiet diversi ta' l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni. It-tkabbir għal 25 pajjiż fl-1 ta' Mejju 2004 (u għal 27 fl-1 ta' Jannar 2007) ħoloq għall-ENISA aspettattivi u esiġenzi akbar minn dawk li kienu mistennija meta twaqqfet.

L-emerġenza u l-konverġenza ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni aktar avvanzati u sofistikati u mingħajr wajer, flimkien ma' l-evoluzzjoni kostanti tat-theddid eżistenti, ikkontribwew ukoll biex biddlu radikalment l-ambjent li fih topera l-ENISA. L-impatt potenzjali ta' dawn l-iżviluppi fuq l-isfidi marbutin mas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni għall-UE ġie enfasizzat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija għal Soċjetà Sikura ta' l-Informazzjoni[15]. Huwa importanti li jitqiesu dawn l-iżviluppi meta wieħed jiġi biex jirrifletti fuq il-ġejjieni ta' l-ENISA u jiddeċiedi kif l-Istati Membri ta' l-UE u l-partijiet interessati għandhom jikkooperaw sabiex ilaħħqu ma' l-isfidi l-ġodda għas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni.

Skond sejba ewlenija tar-rapport ta' evalwazzjoni, huwa importanti ħafna li l-ENISA ssaħħaħ il-kuntatti u r-relazzjonijiet tagħha mal-partijiet interessati u maċ-ċentri ta' għarfien espert ta' l-Istati Membri. B'mod partikolari, in-nuqqas ta' attivitajiet regolari u effiċjenti għall-ħolqien u ż-żamma ta' kuntatti mal-komunitajiet u s-setturi xjentifiċi, tekniċi u industrjali Ewropej jitqies bħala xkiel ewlieni għall-ENISA, li minħabba dan mhux jirnexxilha ssib saqajha f'dan il-qasam, u wisq inqas twettaq ir-rwol tagħha, kif iddefinit fir-Regolament. F'dan ir-rigward, skond ir-rapport tal-bord estern ta' esperti, il-pożizzjoni ġeografika attwali ta' l-ENISA qiegħda taħdem kontriha. L-ENISA qiegħda ssibha bi tqila tistabbilixxi kuntatti regolari u kostanti mal-komunitajiet u s-setturi xjentifiċi, tekniċi u industrjali, u mhux qed jirnexxilha tiġbed u żżomm lil esperti ewlenin fil-qasam li jkollhom il-profil u r-reputazzjoni meħtieġa biex jistabbilixxu dawn il-kuntatti. L-istess argumenti jgħoddu f'dak li għandu x'jaqsam mar-relazzjonijiet u l-kuntatti mal-laboratorji u/jew maċ-ċentri tekniċi ta' l-Istati Membri.

6. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija ta' l-ENISA

Fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija ta' l-ENISA tas-26 ta' Jannar 2007 fi Brussell u tat-22-23 ta' Marzu 2007 f'Heraklion, il-Kummissjoni rrappurtat dwar l-evalwazzjoni u l-Bord tat-Tmexxija ddiskuta r-rapport ta' l-esperti esterni. Fit-23 ta' Marzu, il-Bord tat-Tmexxija fassal ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-futur ta' l-Aġenzija u dwar tibdiliet li għandhom isiru fir-Regolament ta' l-ENISA[16].

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija ta' l-ENISA huma dawn li ġejjin:

4. Ir-Regolament għandu jkun rivedut sabiex il-mandat jiġi estiż. Dak il-mandat għandu jerġa' jiġi rrivedut fi żmien determinat.

5. L-ambitu ta' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija ma għandux jiġi emendat fil-qofol tiegħu.

6. Fir-reviżjoni tar-Regolament, l-Artikoli 2 u 3[17] għandhom jitgħaqqdu sabiex ikunu stabbiliti għanijiet ewlenin imsejsa fuq riżultati li huma realistiċi u li jaqgħu fl-ambitu ta' l-Aġenzija.

7. L-Aġenzija għandha żżomm il-kapaċità tagħha biex twieġeb għal talbiet speċifiċi għal parir espert u għajnuna, iżda n-natura ta' dawn it-talbiet, u l-proċeduri biex ikunu rċevuti u kkunsidrati, għandhom ikunu mfissra fir-Regolament b'mod aktar ċar.

8. L-istruttura governattiva ta' Bord tat-Tmexxija, Direttur Eżekuttiv u Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati ma għandhiex tinbidel.

9. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu d-dmir li jaħtar –b'konsultazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija– persuna fost il-partijiet interessati bħala president tal-Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati. Minbarra r-rwol tiegħu marbut mal-Programm ta' Ħidma, il-Grupp għandhom jingħatawlu kompiti aktar ċari biex jikkontribwixxi għall-iskambju kontinwu ta' ideat bejn l-Aġenzija (sew il-Bord sew id-Direttur Eżekuttiv) u bejn il-komunità tal-partijiet interessati, kif ukoll biex iħeġġeġ l-għoti ta' riżorsi mill-komunità tal-partijiet interessati bħala appoġġ għall-għanijiet ta' l-Aġenzija.

7. It-triq 'il quddiem

7.1. Aktar konsultazzjoni u analiżi

F'dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li jixraq li titnieda konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni ta' l-impatt, inkluża analiżi ta' l-ispejjeż u l-benefiċji, dwar l-estensjoni tal-mandat u l-ġejjieni ta' l-Aġenzija, bi qbil ma' l-istrateġija tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar[18]. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bis-sejbiet u r-riżultati ewlenin.

Għall-finijiet tal-konsultazzjoni pubblika u tal-valutazzjoni ta' l-impatt (inkluża l-analiżi ta' l-ispejjeż u l-benefiċji), hemm bosta toroq li wieħed jista' jesplora. L-ewwelnett, għandha ssir għażla bejn li jiġi estiż il-mandat ta' l-Aġenżija jew li l-Aġenżija tiġi ssostitwita b'mekkaniżmu ieħor, per eżempju forum permanenti ta' partijiet interessati, jew netwerk ta' organizzazzjonijiet ta' sigurtà. Jekk il-mandat jiġi estiż, ikollhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-għadd ideali ta' persunal operazzjonali li għandu jkollha l-Aġenzija, fid-dawl tal-ħtieġa li l-Aġenżija ssaħħaħ il-kapaċità tagħha biex tibni u żżomm kuntatti, kif ukoll tat-twessigħ possibbli tal-kompiti tagħha.

Mill-ġdid, jekk il-mandat ta' l-Aġenzija jiġi estiż, ikun jeħtieġ li l-kompetenzi tagħha jsiru aktar preċiżi, sabiex tappoġġa l-elementi marbutin mas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni fil-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-fażi tar-reviżjoni ta' l-2006. L-għan ikun li jiġi ċċarat kif l-Aġenzija għandha taħdem mal-korpi regolatorji nazzjonali, ma' ċentri oħra ta' għarfien espert fl-Istati Membri, u mas-settur privat, biex jiddefinixxu l-ħtiġijiet u jorjentaw l-attivitajiet tagħhom sabiex jilqgħu għall-isfidi marbutin mas-sigurtà u l-integrità fil-qasam tan-netwerks elettroniċi tal-lum u tal-ġejjieni. Biex jinkiseb il-massimu ta' valur miżjud għas-suq intern, ikun importanti ħafna li l-ENISA tiffoka fuq l-impatt pjuttost milli fuq riżultati konkreti.

7.2. Mistoqsijiet għall-orjentament tad-diskussjonijiet

Il-Kummissjoni fasslet għadd ta' mistoqsijiet li jistgħu jservu ta' gwida għal aktar diskussjonijiet.

10. X'inhuma l-aktar sfidi importanti li hemm illum għas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni? Xi nbidel mindu twaqqfet l-ENISA fl-2004? Liema huma l-aktar kwistjonijiet li jeħtiġilhom tweġiba fuq livell Ewropew? Biex jiġu affrontati dawn il-kwistjonijiet, Aġenzija għadha l-aħjar strument, jew ikun aktar xieraq xi mekkaniżmu ieħor?

11. Kif tista' l-ENISA tadatta l-attivitajiet tagħha għall-bżonnijiet attwali tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni? X'għandu jinbidel fil-kompetenzi ta' l-Aġenzija sabiex jiġi żgurat il-massimu ta' valur miżjud għall-istituzzjonijiet ta' l-UE u għall-Istati Membri? Kif għandu jkun rifless ir-rwol strateġiku ta' l-Aġenżija? Kif jista' jiġi ċċarat il-profil tagħha bħala ċentru ta' għarfien espert li jipprovdi pariri u għanjuna? Permezz ta' liema attivatajiet tikkontribwixxi l-aktar l-Aġenzija lejn il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern?

12. Kif tista' tissaħħaħ l-interazzjoni effiċjenti bejn l-Aġenzija u bejn il-partijiet interessati? Fl-attivitajiet tagħha biex toħloq u żżomm kuntatti, liema gruppi għandha tingħatalhom prijorità mill-Aġenzija sabiex jinkiseb l-akbar valur? Kif tista' l-Aġenzija tieħu l-akbar frott mill-minjiera ta' esperjenza tal-korpi nazzjonali u tal-komunitajiet tal-partijiet interessati fil-qasam tas-sigurtà? Kif jistgħu jiġi vvalorizzati aħjar ir-riżultati tal-ħidma ta' l-Aġenzija sew għas-settur pubbliku sew għal dak privat, u b'hekk tissaħħaħ il-viżibbiltà ta' l-Aġenzija?

13. Mingħajr ma jinbidlu l-għanijiet u l-ambitu attwali ta' l-ENISA, liema attivitajiet addizzjonali jistgħu jgħinu lill-Aġenzija biex issir aktar effiċjenti, biex tipprovdi valur miżjud sinifikanti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati, u, l-aħħar iżda mhux l-anqas, biex tiżgura impatt akbar?

14. Ikun utli u vjabbli li jiġu stipulati għall-Aġenzija għanijiet u attivitajiet imwessa', ta' natura operazzjonali jew regolatorja? X'tip ta' kompiti jistgħu jżidu l-valur Ewropew għall-Istati Membri jew għall-partijiet interessati? F'dan il-każ, kif għandhom jinbidlu l-għanijiet u l-ambitu?

15. X'għandhom ikunu l-massa kritika, in-numru ideali tal-persunal ta' l-Aġenzija u l-ammont tal-baġit, li jippermettu lill-Aġenzija topera b'mod effiċjenti, b'taħlit xieraq ta' ħiliet u ta' kompetenzi?

16. Kif jistgħu jiġu affrontati l-aħjar il-kwistjonijiet marbutin mal-ħolqien ta' kuntatti u maż-żamma ta' persunal, identifikati mill-bord estern ta' esperti bħala konsegwenza tal-pożizzjoni ġeografika ta' l-ENISA?

8. Konklużjoni

Il-Kummissjoni tapprezza ħafna s-sejbiet u l-analiżi tar-rapport ta' evalwazzjoni tal-bord estern ta' esperti, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija ta' l-ENISA dwar il-futur ta' l-Aġenzija u t-tibdiliet li għandhom isiru fir-Regolament ta' l-ENISA. Konsultazzjoni pubblika, flimkien ma' valutazzjoni ta' l-impatt li tinkludi analiżi ta' l-ispejjeż u l-benefiċji, se jikkompletaw il-kontributi u l-kummenti meħtieġa biex issir deċiżjoni trasparenti u definittiva rigward l-estensjoni possibbli tal-mandat ta' l-ENISA. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-Parlament u lill-Kunsill bir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u tal-valutazzjoni ta' l-impatt, u se tkompli tispeċifika r-riżultati globali ta' l-evalwazzjoni, partikolarment id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir proposta għall-estensjoni tal-mandat ta' l-Aġenzija.

[1] http://europa.eu.int/information_society/eeurope/i2010/index_en.htm.

[2] COM(2006) 251, 31.5.2006.

[3] Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 460/2004 ta' l-10 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni – ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament ta' l-ENISA").

[4] Ara l-Artikolu 25 tar-Regolament ta' l-ENISA.

[5] Ir-rapport jista' jinqara fl-indirizz: http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/studies/index_en.htm.

[6] Id-dokument jista' jinqara fl-indirizz: http://enisa.europa.eu/pages/03_02.htm.

[7] Bi qbil ma' l-Artikolu 25(3) tar-Regolament ta' l-ENISA.

[8] COM(2003) 63, 11.2.2003.

[9] Sentenza tat-2 ta' Mejju 2006, Kawża c-217/04.

[10]. Kif imtenni fis-sentenza tal-QEĠ, sezzjonijiet 56 u 57.

[11] Dokument 15900/06 (Presse 343), l-2772 Laqgħa tal-Kunsill, it-Transport, it-Telekomunikazzjonijiet u l-Enerġija, Brussell, il-11-12 ta' Diċembru 2006, p. 14.

[12] Ara http://enisa.europa.eu.

[13] Ir-rapport jista' jinqara fl-indirizz: http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/studies/index_en.htm.

[14] Wieħed għandu jżomm f'moħħu li s-sede ta' l-Aġenzija ġiet stabbilita minn deċiżjonijiet tal-Kapijiet ta l-Istat u tal-Gvern, kif ukoll tal-Gvern tal-Greċja.

[15] COM (2006) 251, 31.5.2006.

[16] Kif ipprovdut fl-Artikolu 25 tar-Regolament ta' l-ENISA. It-test sħiħ tad-dokument adottat mill-Bord tat-Tmexxija ta' l-ENISA, li fih ukoll il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord, huwa disponibbli fl-indirizz: http://enisa.europa.eu/pages/03_02.htm.

[17] L-Artikoli 2 u 3 jittrattaw, rispettivament, l-għanijiet u l-kompiti.

[18] Ara, fost l-oħrajn, "Regolamentazzjoni Aħjar għat-Tkabbir u għall-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea", Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, COM(2005)97, 16.3.2005.

Top