EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0648

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - L-Unjoni Ewropea, Hong Kong u l-Makaw:possibilitajiet għal kooperazzjoni fl-2007-2013

/* KUMM/2006/0648 finali */

52006DC0648

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - L-Unjoni Ewropea, Hong Kong u l-Makaw:possibilitajiet għal kooperazzjoni fl-2007-2013 /* KUMM/2006/0648 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.10.2006

KUMM(2006) 648 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

L-Unjoni Ewropea, Hong Kong u l-Makaw:possibilitajiet għal kooperazzjoni fl-2007-2013

Sommarju eżekuttiv

Ir-relazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea mar-Reġjuni Amministrattivi Speċjali ta' Hong Kong u tal-Makaw (SARs) komplew jiżviluppaw wara li reġgħu irritornaw taħt is-sovranità taċ-Ċina.

L-UE għandha interess qawwi fl-awtonomija u l-libertajiet kontinwi li jgawdu ż-żewġ SARs, u tappoġġja l-progress bikri u sostanzjali lejn il-vot universali. Il-Kummissjoni ħarġet rapporti annwali dwar l-iżviluppi kostituzzjonali, politiċi, kummerċjali, ekonomiċi u bilaterali fiż-żewġ SARs u se tkompli tagħmel dan.

Ir-relazzjonijiet huma qabel kollox prattiċi u bbażati fuq l-interess reċiproku. Hemm kooperazzjoni sostanzjali li qed tikber, kemm b'mod dirett kif ukoll indirett, għaliex Hong Kong u l-Makaw jibqgħu iservu ta' bażi għat-tisħiħ ta' kooperazzjoni maċ-Ċina kontinentali.

L-Unjoni Ewropea għandha tkompli tibni fuq il-bażi qawwija ta' kooperazjoni u djalogu eżistenti. Għandu jkun hemm djalogu regolari strutturat bejn il-Kummissjoni u s-SAR ta' Hong Kong dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, u l-laqgħat annwali tal-Kumitat Konġunt bejn il-Kummissjoni u s-SAR tal-Makaw għandhom ikomplu.

Wara l-ftehim ta' strument ġdid ta' l-iffinanzjar għal pajjiżi industrijalizzati, għandu jkun hemm reviżjoni u aġenda mill-ġdid għal kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Din il-Kommunikazzjoni tistabbilixxi għadd ta' objettivi ta' sfida sabiex il-kooperazzjoni titmexxa 'l quddiem f'seba' oqsma prinċipali: kummerċ u dwana; finanzi; rabtiet ta' persuni-ma'-persuni (inkluż l-akkademiċi); trasport; l-ambjent; saħħa; u s-sikurezza ta' l-ikel.

L-UNJONI EWROPEA, HONG KONG U L-MAKAW: POSSIBILITAJIET GĦAL KOOPERAZZJONI FL-2007-2013

Il-politika tal-Kummissjoni lejn ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (SAR) kienet stabbilita f'Komunikazzjoni ta' l-1997 lill-Kunsill Ewropew. Dik il-Kommunkazzjoni, li nħarġet fil-kuntest tal-għoti lura ta' Hong Kong għas-sovranità Ċiniża, enfasizzat l-importanza ta' l-implimentazzjoni bla xkiel tal-prinċipju ta' 'pajjiż wieħed, żewġ sistemi' u stabbilixxiet il-mezzi li bihom l-UE setgħet tikkontribwixxi għall-iżvilupp politiku u ekonomiku ta' Hong Kong. Minn dak iż-żmien il-Kummissjoni ħarġet rapporti annwali dwar l-iżviluppi tas-SAR ta' Hong Kong, u l-aktar wieħed reċenti minnhom huwa t-tmien rapport annwali dwar żviluppi fl-2005. Il-Kummissjoni involviet ruħha mal-Gvern tas-SAR dwar għadd ta' djalogi politiċi, notevolment dwar il-politika kummerċjali u ekonomika, iffirmat ftehimiet importanti bilaterali f'oqsma bħall-kooperazzjoni tad-dwana u l-aċċettazzjoni lura ta' l-immigranti illegali, u meta nħass il-bżonn, ħarġet stqarrijiet dwar żviluppi politiċi f'Hong Kong.

Il-politika fir-rigward tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw ġiet stabbilita f'Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew fl-1999. Il-Kummissjoni ħarġet rapporti annwali dwar l-iżviluppi fis-SAR tal-Makaw u għamlet laqgħat annwali tal-Kumitat Konġunt ma' l-awtoritajiet tas-SAR.

Ir-relazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea kemm ma' Hong Kong kif ukoll mal-Makaw żviluppaw b'mod konsiderevoli minn mindu reġgħu lura għas-sovranità Ċiniża. Matul iż-żjara tiegħu fil-Makaw fit-18 ta' Lulju 2005, il-President Barroso ftiehem mal-Kapijiet Eżekuttivi maż-żewġ Gvernijiet tas-SAR li “il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżviluppa, twessa' u tapprofondixxi l-kooperazzjoni” bejn iż-żewġ Reġjunijiet Speċjali Amministrattivi f'oqsma ta' interess reċiproku. Għalhekk, din il-Kommunikazzjoni tevalwa r-relazzjonijiet kurrenti u tagħmel għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex ittejjeb u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ta' l-UE maż-żewġ SARs.

1. Żviluppi Politiċi u Kostituzzjonali

Mit-trasferiment ta' Hong Kong u tal-Makaw lura għas-sovranità Ċiniża, iż-żewġ Reġjunijiet Amministrattivi Speċjali ġew iggvernati skond il-prinċipju ta' 'pajjiż wieħed, żewġ sistemi', deskritt fid-dettal f'Legiżlazzjoni Fundamentali separata għal kull wieħed.

B'mod ġenerali, il-prinċipju ta' 'pajjiż wieħed, żewġ sistemi' ġie rispettat u qed jaħdem tajjeb għan-nies ta' Hong Kong u tal-Makaw. L-UE tappoġġja dan il-prinċipju, u b'mod partikolari r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet individwali mnaqqxin fil-Legiżlazzjonijiet Fundamentali, li għandhom igawdu iċ-ċittadini taż-żewġ SARs. Iż-żewġ gvernijiet tas-SAR ikomplu jgawdu minn awtonomija ta' livell għoli fi kwistjonijiet ekonomiċi, kummerċjali, fiskali, finanzjarji u regolatorji, u n-nies ta' Hong Kong u l-Makaw jibbenefikaw mis-sistemi legali tagħhom stess, stat tad-dritt indipendenti, drittijiet ta' proprjetà individwali, libertà ta' espressjoni u sistemi ekonomiċi orjentati lejn is-swieq .

Fiż-żewġ SARs, il-miżuri speċifiċi ta' żvilupp kostituzzjonali previsti fil-Legiżlazzjonijiet Fundamentali tagħhom ġew implimentati b'mod sħiħ u skond l-iskeda.

Madankollu, il-Legiżlazzjoni Fundamentali ta' Hong Kong tistqarr ukoll: “L-għan aħħari huwa l-għażla tal-Kap Eżekuttiv b'vot universali wara nomina minn kumitat nominattiv b'rappreżentanza wiesgħa skond il-proċeduri demokratiċi”[1] (Ma hemm l-ebda artikolu analogu fil-Legiżlazzjoni Fundamentali tal-Makaw[2].) La Hong Kong u lanqas il-Makaw m'għadhom kisbu l-vot universali u lanqas m'għadhom fasslu rotta li twassal għad-demokrazija sħiħa.

L-Unjoni Ewropea tappoġġja id-demokrazija madwar id-dinja kollha bħala l-aħjar mezz sabiex jinħoloq gvern leġittimu, stabbli, responsabbli u trasparenti u li jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u jappoġġja l-istat tad-dritt. L-UE tappoġġja l-progress bikri u sostanzjali lejn l-għan aħħari tal-vot universali f'Hong Kong skond il-Legiżlazzjoni Fundamentali, kif ukoll fil-Makaw, skond ir-rieda tal-popli ta' Hong Kong u tal-Makaw.

Il-Kummissjoni ikkummentat fit-tul dwar l-iżvilupp kostituzzjonali ta' Hong Kong u dwar l-interpretazzjonijiet tal-Legiżlazzjoni Fundamentali tas-SAR mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu fir-rapporti annwali ta' qabel (ara b'mod partikolari ir-rapporti annwali ta' l-2004-2005)[3] Ikkummentat ukoll dwar żviluppi fil-Makaw fir-rapporti annwali ta' qabel dwar is-SAR tal-Makaw[4]

Fix-xena internazzjonali, iż-żewġ Gvernijiet tas-SAR ta' Hong Kong u tal-Makaw ġew aċċettati malajr bħala, u jibqgħu sħab awtonomi internazzjonali fi kwistjonijiet ekonomiċi, kummerċjali, fiskali, finanzjarji, sportivi, f'oqsma ta' riċerka, edukazzjoni, u kultura u ta' persuni ma' persuni, li għalihom jibqgħu iżommu l-kompetenza legali tagħhom skond il-Legiżlazzjonijiet Fundamentali tagħhom. Jibqgħu membri attivi ta' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji (WTO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana u huma firmatarji ta' għadd ta' trattati internazzjonali. Dan l-aħħar, f'Diċembru ta' l-2005, Hong Kong ospitat b'suċċess is-Sitt laqgħa Ministerjali tal-WTO, u fl-istess xahar il-Makaw ospitat il-Logħob ta' l-Ażja tal-Lvant ta' l-2005.

2. Żviluppi Ekonomiċi

It-tkabbir rapidu u l-prosperità ekonomika li qed tiżdied taċ-Ċina kontinentali ħolqu opportunitajiet ġodda għal Hong Kong u għall-Makaw. Ir-relazzjonijiet mill-qrib tas-SARs maċ-Ċina tan-Nofsinhar, b'mod partikolari mal-provinċja ta' Guangdong, saru element ewlieni fis-suċċess ekonomiku tagħhom. Hong Kong u l-Makaw qegħdin jibbenefikaw billi jservu bħala bibien liberali, miftuħin lejn u miċ-Ċina. Il-Ftehimiet għal Sħubija Ekonomika aktar mill-Qrib maċ-Ċina kontinentali u l-Iskemi taż-Żjara ta' l-Individwu, li jirrilassaw ir-restrizzjonijiet ta' l-ivjaġġar għar-residenti taċ-Ċina kontinentali li jixtiequ jżuru, għamlu kontribuzzjonijiet sinjifikanti għat-tkabbir ekonomiku.

Hong Kong

Fil-perjodu immedjament wara l-għoti lura, il-Gvern SAR ta' Hong Kong kellu jiffaċċja sfidi mhux mistennija fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja, ekonomika u fiskali. Huwa ta' kredtu għall-Gvern SAR ta' Hong Kong li issa irkupra mir-reċessjoni li kienet segwiet l-impatti negattivi ekonomiċi tal-kriżi finanzjarja Ażjatika ta' l-1997-98 u ta' meta kienet faqqgħet il-marda tas-SARS (Sindrome Respiratorju Sever u Akut) fl-2003.

Il-figuri ekonomiċi u finanzjarji ta' Hong Kong ta' l-2005 issa reġgħu laħqu il-livelli tagħhom ta' l-1997. Il-PGD żdied fl-2005 għal 7.3% (u t-bassir tal-gvern għall-2006 hija ta' tkabbir ta' bejn 4 u 5%). Il-qgħad f'Diċembru ta' l-2005 kien f'livell l-inqas baxx f'erba' snin ta 5.2%. Il-bilanċ fiskali eventwalment irkupra għall-2005-2006, l-ewwel darba fit-tmien snin wara l- handover , filwaqt li l-ekonomija ssaħħet u n-nefqa pubblika ġiet ristretta.

Bl-għajnuna tal-ħtiġijiet ta' l-iffinanzjar taċ-Ċina kontinentali, Hong Kong qed isaħħaħ il-pożizjoni tiegħu bħal ċentru finanzjarju internazzjonali għall-Ażja tal-Lvant. L-intrapriżi taċ-Ċina kontinentali qegħdin jużaw Hong Kong bħala ċentru ta' finanzjament ta' fondi u ta' investiment, u qegħdin joħolqu domanda dejjem tikber għas-servizzi finanzjarji, legali u kummerċjali ta' Hong Kong. Il-kumpaniji li għandhom x'jaqsmu maċ-Ċina wasslu għal aktar minn 80% tal-fondi ta' l-IPO (offerta inizjali lill pubbliku) ġejjin minn Hong Kong, u b'hekk jgħinu sabiex Hong Kong isir ir-raba' l-akbar ċentru dinji għall-iffinanzjar tal-fondi ta' ekwità fl-2005 u ċentru għan-negozjar ta' fondi u għall-ġestjoni ta' l-assi ta' importanza globali. Is-suċċess ta' Hong Kong bħala ċentru finanzjarju internazzjonali jiddependi fuq il-ħila tiegħu li jassumi rwol dejjem akbar fl-intermedjar tad-depożiti domestiċi kbar taċ-Ċina kontinentali. Minħabba l-kompetizzjoni miċ-ċentri finanzjarji reġjonali oħrajn, Hong Kong se jkollu jkompli jżid il-kompettitività billi jżomm is-swieq flessibbli ta' l-impjiegi u tal-prodotti, jżomm l-istituzzjonijiet qawwijin u l-politiki makroekonomiċi b'saħħithom.

In-negozji u n-nies ta' Hong Kong wrew ukoll kapaċità notevoli li jadattaw irwieħhom għall-isfidi kompettitivi u esterni. Kienu kapaċi jimxu ’l quddiem fil-katina tal-valur miżjud lejn attivitajiet ta' prezz ogħla u ta' marġini ogħla fis-servizzi finanzjarji, servizzi ta' negozju, kummerċ, manifattura ta' valur għoli, turiżmu, bejgħ bl-imnut u servizzi oħrajn. Madankollu Hong Kong għadu jiffaċċja l-isfidi ta' prezzijiet li jogħlew u ta' restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista, li jirriżultaw mill-isfidi ta' konġestjoni u ta' ħsara ambjentali. L-ambizzjoni tiegħu li jibqa “Il-Belt Dinjija ta' l-Ażja” jiddependi mill-ilħuq ta' dawn l-isfidi.

Il-Makaw

It-tkabbir splussiv ta' l-ekonomija zgħira u miftuħa tal-Makaw mill-2000 irriżulta primarjament mis-setturi tal-logħob u tat-turiżmu. Fl-2002 is-settur tal-logħob ġie liberalizzat, u l-40 sena ta' monopolju tal-każinò tneħħa. Flimkien ma' l-Iskema taż-Żjarat Individwali miċ-Ċina kontinentali, dan ġibed żieda fil-viżitaturi, li mbagħad serviet bħala spinta għat-tkabbir ekonomiku fuq firxa aktar wiesgħa. Billi d-domanda qed tiżdied, il-Makaw għandu jkompli jikber b'ħeffa, għalkemm dan jista' jiġi affettwat jekk jinqalgħu problemi jew xi sfida fir-rigward tal-monopolju tal-logħob taċ-Ċina.

Il-Makaw huwa ċentru urban zgħir iżda dinamiku, li qed jipprova jistabbilixxi lilu nnifsu bħala ċentru strateġiku ta' servizzi għall-Pearl River Delta. Peress li l-pilastri ekonomiċi fundamentali tiegħu huma l-logħob u t-turiżmu, il-Gvern SAR għandu l-għan li jiddiversifika l-Makaw u jbiddlu f'ċentru reġjonali ta' servizzi ta' divertiment, esibizzjonijiet u konferenzi. Iżda se jiffaċċja kompetizzjoni iebsa, minħabba l-fatt li qiegħed magħfus bejn l-ekonomija tas-servizzi żviluppata ferm ta' Hong Kong u s-salarji baxxi taċ-Ċina kontinentali. L-isfidi ewlenin tal-Makaw se jkunu: l-infurzar tas-sistemi legali u finanzjarji tiegħu biex isostnu t-tkabbir tal-futur u sabiex jiġi evitat li l-integrità tas-sistemi finanzjarji u soċjali ma tiddgħajjifx; u taħriġ effettiv ta' suq lokali ta' l-impjiegi (jew importazzjoni u integrazzjoni ta' ħaddiema kkwalifikati).

3. Każ għal aktar impenn

Hong Kong

L-interessi ta' l-UE f'Hong Kong huma sostanzjali: Hong Kong huwa s-sittax-il sieħeb bilaterali kummerċjali ta' l-UE mill-lat ta' volum, u jekk jingħadd il-kummerċ kbir ta' tranżitu minn Hong Kong lejn iċ-Ċina, jilħaq is-sitt post. Il-kummerċ f'żewġ direzzjonijiet, għalkemm dawn l-aħħar snin qed jonqos, (primarjament minħabba l-għadd ta' industriji ta' Hong Kong li qed jittrasferixxu ruħhom lejn iċ-Ċina kontinentali) jibqa' viċin it-€30 biljun. Hong Kong ikompli jaqdi l-funzjoni ta' ‘bieb’ għal għadd ta' persuni ġodda mill-UE li jfittxu aċċess għas-suq taċ-Ċina kontinentali. Il-kumpaniji taċ-Ċina kontinentali qegħdin jużaw dejjem aktar lil Hong Kong bħala bażi u sors ta' tagħrif — bieb għal opportunitajiet ta' negozju fl-Ewropa. L-UE hija t-tielet l-akbar fornitur ta' Hong Kong wara ċ-Ċina kontinentali u l-Ġappun, u t-tielet l-akbar investitur.

Eluf ta' kumpaniji ta' l-UE għandhom kwartieri ġenerali jew uffiċċji reġjonali fis-SAR u aktar minn 45 000 ċittadin Ewropew huma residenti hemmhekk. L-istituzzjonijiet ta' servizzi finanzjarji ta' l-UE jkomplu jkollhom sehem prinċipali f'Hong Kong. Fl-2005, 34 mill-132 bank liċenzjati f'Hong Kond ġew inkorporati fl-UE; u mill-175 kumpaniji ta' l-assigurazzjoni awtorizzati f'Hong Kong 30 huma inkorporati fl-UE, b'hekk qegħdin fil-quċċata tal-lista f'termini ta' numri ta' assiguraturi barranin li joperaw f'Hong Kong.

L-attività tal-kummerċ Ewropew fi ħdan Hong Kong tikkostitwixxi l-akbar preżenza barranija mhux Ċiniża. Il-kumpaniji ta' l-UE jikkostitwixxu l-akbar għadd ta' kumpaniji barranin bi kwartieri ġenerali u uffiċċji reġjonali bbażati f'Hong Kong (1083 jew 28% tat-total, fl-aħħar ta' Ġunju 2005). Minbarra Kamra Ewropea tal-Kummerċ, hemm 14-il Kamra tal-Kummerċ bilaterali ta' l-Istati Membri ta' l-UE f'Hong Kong. Il-Kunsill Kummerċjali ta' l-UE/Hong Kong jiltaqa' annwalment biex jipprovdi forum għad-djalogu strateġiku bejn Hong Kong u l-mexxejja kummerċjali ta' l-UE.

Hong Kong huwa ċentru ewlieni ta' trasportazzjoni Ażjatika tal-Lvant għal kummerċjanti ta' l-Unjoni Ewropea, għal fornituri ta' servizzi u għal individwi. Il-port tal-kontejners ta' Hong Kong jibqa' l-akbar wieħed fid-dinja f'termini ta' l-għadd ta' kontejners li jgħaddu minn hemm. L-UE għandħa ukoll relazzjonijiet sodi ta' avjazzjoni ċivili ma' Hong Kong: Ħafna mill-Istati Membri għandhom ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru. Hong Kong huwa ċentru ewlieni tal-ġarr tal-passiġġieri u tal-merkanzija bl-ajru għat-traffiku lejn ir-reġjun usa' ta' l-Ażja-Paċifiku kif ukoll bieb importanti għaċ-Ċina kontinentali. L-ambjent miftuħ ta' Hong Kong fejn l-Ingliż huwa lingwa mitkellma, ifisser li huwa ukoll destinazzjoni ewlieni għat-turiżmu, għall-edukazzjoni u għall-konferenzi.

B'mod ġenerali, ir-relazzjoni bilaterali tagħna ma' Hong Kong hija tajba fis-setturi kollha, b'punti fokali ewlenin li jinkludu:

- is-saħħa tar-relazzjonijiet kummerċjali u l-prijoritajiet komuni għall-ingaġġ kummerċjali multilaterali permezz tal-proċess tal-WTO;

- il-Ftehim tagħna ta' Kooperazzjoni Doganali, iffirmat fl-1999, li jiffaċilita l-kooperazzjoni biex jiġu miġġielda l-frodi, il-piraterija u forom oħra ta' illegalità, u l-iskambju ta' informazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana ta' Hong Kong u l-Istati Membri ta' l-UE.

- u l-ftehim tagħna dwar 'aċċettazzjoni lura ta' persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni', li daħal fis-seħħ fl-2004, u li jipprovdi bażi tajjeb biex titressaq ’l quddiem il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet usa' rigward l-immigrazzjoni.

Iżda hemm oqsma ukoll fejn nixtiequ naraw titjib. Żewġ oqsma ewlenin huma:

- il-politika dwar il-kompetizzjoni, hawn il-kumpaniji Ewropej ta' sikwit igergru fuq in-nuqqas ta' kundizzjonijiet ugwali f'ċerti setturi prinċipali;

- u l-ksur ta' l-IPR, li fuqu Hong Kong ħadem ħafna dawn l-aħħar snin, iżda li għaldaqstant jibqa' il-kaġun ta' madwar 8% tal-ksur kollu rrapurtat fl-UE.

Mill-1993, l-UE żammet Uffiċċju permanenti f'Hong Kong (akkreditat kemm lil Hong Kong kif ukoll lill-Makaw). Huwa mħaddem minn impjegati mill-Kummissjoni Ewropea u attiv f'ħafna oqsma, u jiffoka fuq kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali. 16-il Stat Membru ta' l-UE huma rappreżentati minn missjonijiet residenti akkreditati lil Hong Kong u lill-Makaw (il-missjoni ta' Portugall jinsab fil-Makaw u l-missjonijiet oħrajn jinsabu f'Hong Kong).

Fi Frar 2006, il-Gvern ta' Hong Kong ippropona li jsaħħaħ l-uffiċċji tiegħu ta' rappreżentanza fl-Ewropa, u fetaħ uffiċċju kummerċjali ġdid f'Berlin biex jagħti servizz lill-Ġermanja u lill-Istati Membri ta' l-Ewropa tal-Lvant ta' l-UE. L-Uffiċċju eżistenti ta' Hong Kong fi Brussell għandu jogħla fil-grad sabiex isir l-uffiċċju prinċipali ta' Hong Kong fl-Ewropa, u b'hekk l-uffiċċji ta' Londra u ta' Berlin jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' dak fi Brussell.

Il-Makaw

L-UE hija t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Makaw. Waqt li hemm biss ftit kumpaniji ta' l-UE ibbażati fil-Makaw, dawk li qegħdin hemm jesprimu s-sodisfazzjon tagħhom rigward l-infrastruttura u l-kommunkazzjonijiet.

Il-Makaw iżomm rabtiet mill-qrib mal-kultura Portugiża u l-Portugiż jibqa' waħda mil-lingwi uffiċċjali tal-Makaw. Dan jikkontribwixxi għas-saħħa tar-relazzjonijiet ta' l-UE mal-Makaw u l-attrazzjoni tiegħu bħala destinazzjoni għat-turiżmu, għall-edukazzjoni u għall-konferenzi.

L-UE kkonkludiet Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni mal-Makaw fl-1992 u l-Kumitat Konġunt KE-Makaw, li ġie stabbilit taħt dan il-ftehim, jiltaqa' annwalment. Minn żmien l-iffirmar tal-ftehim, l-UE iffinanzjat proġetti ta' kooperazzjoni mal-Makaw li jiswew madwar miljun euro fis-sena. Proġetti jinkludu: taħriġ għall-industrija tat-turiżmu (1999-2001); programm Ewropew ta' l-istudji (1999-2001); programm ta' żvilupp ta' servizzi (1999-2001) li jagħti pariri lill-Makaw rigward mezzi biex jittejjeb is-settur tas-servizzi tal-Makaw; u l-programm Asia-Invest (2001 u 2002). Il-Programm ta' Kooperazzjoni Legali UE-Makaw (2001-2005) qed ikompli u jipprovdi taħriġ, workshops u seminars biex tiġi żviluppata s-sistema legali tal-Makaw u biex jiġi promoss l-istat tad-dritt. Is-servizz ta' interpretazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea (SCIC) tipprovdi taħrig fit-traduzzjoni u interpretazzjoni fl-2006, iffinanzjat mill-Gvern tal-Makaw.

Il-Ftehim dwar id-Dħul mill-Ġdid EUMakaw iffirmat fl-2002 qed jaħdem tajjeb, u qegħdin isiru laqgħat bilaterali annwali kostruttivi għar-reviżjoni l-proġress li jkun sar.

Ir-rappreżentant tal-Makaw fl-Ewropa, ibbażat f'Liżbona, Ġinevra u Brussell, għandu rwol utli u pożittiv ħafna fir-rigward tar-relazzjonijiet UE-Makaw.

4. Rendiment ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib: GħANIJIET

Il-politika eżistenti u d-djalogi regolatorji u l-kooperazzjoni bejn l-UE u s-SARSs ta' Hong Kong u tal-Makaw jipprovdu bażi eċċellenti għar-relazzjonijiet. Sabiex ir-relazzjonijiet jimxu aktar ’l quddiem, jinħtieġ li dan il-bażi tinbena u tissaħħaħ u fl-istess waqt titwessa' sabiex jiddaħħlu setturi oħrajn u titqies il-kooperazzjoni ħafna aktar wiesgħa ta' l-UE maċ-Ċina kontinentali. Hong Kong u l-Makaw huma verament pjattaformi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni maċ-Ċina kontinentali. L-UE issa għandha twessa' u tapprofondixxi l-ambitu għal aktar involviment ta' l-UE fil-kooperazzjoni trilaterali bejn Hong Kong, il-Makaw u ċ-Ċina kontinentali.

Għalhekk, dan is-settur jistabbilixxi għadd ta' objettivi ġodda sabiex il-kooperazzjoni titmexxa ’l quddiem f'seba' oqsma prinċipali: il-kummerċ u d-dwana; il-finanzi; konnessjonijiet ta' persuni-ma'-persuni (inkluż l-akkademiċi); it-trasport; l-ambjent; is-saħħa; u s-sikurezza ta' l-ikel.

Kooperazzjoni tal-kummerċ u tad-dwana

Il-kooperazzjoni kummerċjali u doganali tibqa' l-ġebla tax-xewka fir-rigward ta' relazzjoni bilaterali qawwija bejn l-UE u ż-żewġ sħab. Din għandha tinbena permezz ta':

- Titjib tal-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni informali dwar ir-regolazzjoni multilaterali kummerċjali u ekonomika, b'mod partikolari fi ħdan il-qafas tal-WTO skond u fejn jixraq;

- Tkomplija ta' konsultazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet kummerċjali bilaterali, b'mod partikolari dwar l-iffaċilitar u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni doganali fl-IPR. L-UE għandha tikkunsidra programmi għat-tixrid u l-ispjegar ta' miżuri dwar regolamenti, standards, proċeduri doganali, rekwiżiti fitosanitarji u regolamenti oħrajn li jistgħu iħallu impatt fuq il-kummerċ tal-merkanzija u s-servizzi bejn l-UE, Hong Kong, il-Makaw u ċ-Ċina;

- Tkabbir tal-qafas tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni Doganali sabiex tissaħħaħ l-azzjoni kontra l-ksur tad-dritt tal-awtur; il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tranżnazzjonali ta' sigaretti ffalsifikati permezz tal-qsim ta' l-informazzjoni u ta' l-intelligenza; u l-ħidma lejn sistema globali tat-tbaħħir aktar sigura permezz ta' l-iskrutinizzar elettroniku tal-kontejners, mingħajr ma' jixxekkel il-fluss tal-kummerċ internazzjonali.

- Skambju ta' ideat u l-aqwa prassi dwar il-politika tal-kompetizzjoni u l-proċeduri tal-kuntratti pubbliċi skond il-każ;

- Appoġġ akbar għan-negozju (b'mod partikolari SMEs), inkluż il-provvista ta' informazzjoni dwar is-swieq taċ-Ċina kollha kemm hi. Il-Kmamar tal-Kummerċ Ewropej f'Hong Kong u l-Uffiċċji ta' Hong Kong u l-Makaw fl-Ewropa jistgħu jkunu involuti u integrati aktar mill-qrib fil-ħidma tal-Kumitati ta' Kooperazzjoni tal-Kunsill Kummerċjali UE-Hong Kong;

- Inkoraġġiment sabiex l-universitajiet u l-iskejjel kummerċjali fl-UE, Hong Kong, il-Makaw u ċ-Ċina kontinentali jikkooperaw fil-qasam tal-ġestjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ.

Permezz ta' l-istabbiliment tal-Ftehimiet għal Sħubija Ekonomika aktar mill-Qrib bejn iż-żewġ SARs u ċ-Ċina (CEPAs) sa minn Lulju 2003, il-kumpaniji fis-SARs qegħdin jibbenefikaw minn aċċess dejjem jikber għas-suq taċ-Ċina kontinentali. Dan huwa żvilupp pożittiv, iżda l-UE għandha tkompli timmonitorja l-konformità tal-WTO mill-CEPAs u kwalunkwe impatt negattiv li jista' jkun hemm fuq kumpaniji b'investiment barrani.

Kooperazzjoni finanzjarja

Ir-relazzjoni finanzjarja, bankarja u ta' investiment bejn l-UE u s-SARs hija digà b'saħħitha, izda hemm lok għal:

- Titjib fid-djalogu regolatorju u konverġenza dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw regolamenti finanzjarji, b'mod partikolari kwistjonijiet bħal leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus u l-implimentazzjoni tagħha, ir-regolazzjoni ta' fondi ta' investiment, kwistjonijiet dwar ġurisdizzjoni u ggvernar korporattivi, u standards ta' kontabilità u ta' rappurtar finanzjarju.

- Titjib fid-djalogu, kooperazzjoni u konverġenza dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw tmexxija tajba fi kwistjonijiet ta' taxxa, li filwaqt li titqies l-awtonomija fiskali ta' Hong Kong u s-SARs tal-Makaw ġewwa ċ-Ċina sovrana. Fi qbil mal-politika stabbilita tagħha dwar it-taxxi li tippromwovi fuq firxa kemm jista' jkun wiesgħa l-prinċipji ta' tmexxija tajba li huma aċċettati fuq livell internazzjonali, il-Kummissjoni tipproponi ħidma maż-żewġ SARs biex ittejjeb it-trasparenza u l-iskambju ta' l-informazzjoni, it-tisħiħ ta' miżuri ta' infurzar li jimpedixxu l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa, u b'mod partikolari sabiex tiżgura l-applikazzjoni ta' miżuri ekwivalenti dwar tassazzjoni ta' dħul minn depożiti għal dawk applikati fi ħdan l-UE. Barra min dan il-Kummissjoni tinkoraġġixxi ż-żewġ SARs biex jadottaw il-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-tassazzjoni kummerċjali li l-għan tiegħu huwa l-iżvilupp ta' ambjent ta' taxxa ġust, trasparenti u kooperattiv li jiffavorixxi l-kummerċ, it-tkabbir u l-impjiegi fuq iż-żewġ naħat.

Konnessjonijiet ta' persuni-ma'-persuni u akkademiċi

- Is-setturi ta' edukazzjoni u riċerka jipprovdu qasam rikk għall-possibiltà ta' kooperazzjoni UE/Hong Kong u l-UE/Makaw. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-opportunità għat-titjib tar-relazzjonijiet permezz ta' kuntatti bejn it- think tanks u l-ġurnalisti, l-iskambji parlamentari, l-iskambji ta' studenti u għalliema, l-arranġamenti ta' ġemellaġġ istituzzjonali, ir-riċerka u d-diskussjoni kunġunti dwar ir-politika pubblika, l-iskambji kulturali u t-taħrig fil-lingwi (ikompli fuq l-appoġġ kurrenti tal-Kummissjoni għat-titjib tal-kapaċità għall-interpretazzjoni Portugiża/Ċiniża fil-Makaw); l-UE għandha tkompli ukoll bl-inkoraġġiment ta' dibattiti u djalogi tas-soċjetà ċivili u mhux-governattiva.

- Kemm il-boroż ta' studji ta' l-iskambji Erasmus kif ukoll il-Programm Jean Monnet huma rilevanti u għandhom ikunu aċċessibbli;

- Programm aktar sostanzjali għall-viżitaturi għandu jinbena fuq il-Programm tal-Viżitaturi ta' l-Unjoni Ewropea (EUVP) eżistenti, li hu ta' suċċess iżda ta' ambitu limitiat fiż-żmien preżenti.

- L-universitajiet u l-istituti ta' riċerka ta' Hong Kong u tal-Makaw flimkien diġà qegħdin jikkompetu għall-aċċess għall-iffinanzjar mill-Programmi ta' Qafas ta' l-UE għar-Riċerka it-Teknoloġija u l-Iżvilupp. Għandhom jiġu addottati miżuri li jsaħħu din ix-xejra u b'mod parallel li jinkoraġġixxu kooperazzjoni aktar profonda — possibilment permezz ta' ftehimiet ta' ġemellaġġ u kooperazzjoni (u possibilment li jinkludu l-istituzzjonijiet taċ-Ċina kontinentali) — sabiex jipprovdu opportunitajiet għall-iskambji ta' tagħrif u għan-netwerking;

- Il-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-immigrazzjoni għandha tkompli. L-UE u Hong Kong u l-Makaw isostnu djalogu regolari permezz tal-Kumitat Konġunt għad-Dħul mill-Ġdid KE-Hong Kong li ltaqa' l-aħħar f'Jannar 2005 f'Hong Kong. Dan għandu jifforma bażi għall-mixja lejn kooperazzjoni akbar dwar kwistjonijiet usa' rigward l-immigrazzjoni;

- Il-proġett kurrenti ta' kooperazzjoni u taħriġ legali fil-Makaw huwa eżempju tajjeb u għandu jiġi żvilupat; kwistjonijiet legali internazzjonali li jaqsmu l-fruntiera jistgħu jiffurmaw qasam interessanti ta' kooperazzjoni dwar l-istat tad-dritt, l-iggvernar ġust, kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi ċivili u l-liġi kummerċjali;

- Il-viżibilità ta' l-UE f'Hong Kong u fil-Makaw għandha tittejjeb. Dan għandu jsir prinċipalment permezz ta' azzjonijiet prattiċi, inkluż permezz il-possibiltà li jiġi stabbilit “Ċentru Ewropew” jew “Dar Ewropea”. Iżda hemm ukoll il-bżonn li l-viżibilità ta' l-UE tissaħħaħ aktar b'mod ġenerali u dirett. Għandu jkun hemm strateġija diplomatika pubblika konġunta għall-UE f'Hong Kong u fil-Makaw u għar-reġjun usa'.

Kooperazzjoni fit-trasport

- Jeżisti għarfien espert komuni sinifikanti dwar is-sigurtà u regolazzjoni marittima, u dan għandu jifforma l-bażi għal aktar kooperazzjoni. Il-proġett pilota li għaddej bħalissa rigward is-sigurtà tal-kontejners marittimi, li jinvolvi l-Kummissjoni u l-portijiet fir-Renju Unit (Felixtowe), fl-Olanda (Rotterdam) f'Shanghai u f'Hong Kong, huwa eżempju tajjeb.

- L-UE għandħa relazzjonijiet qawwija ma' Hong Kong fil-qasam ta' l-avjazzjoni: il-maġġoranza ta' l-Istati Membri għandhom ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru mas-SAR. Hong Kong innifsu huwa ċentru prinċipali għat-traffiku li jgħaddi lejn ir-reġjun usa' ta' l-Ażja-Paċifiku kif ukoll bieb importanti għaċ-Ċina kontinentali. L-UE tixtieq issaħħaħ ir-relazzjonijiet ta' l-avjazzjoni ma' Hong Kong kif ukoll mal-Makaw, sħab ewlenin fl-industrija ta' l-avjazzjoni ta' l-UE f'dak ir-reġjun.

- Sforzi konġunti huma għaddejjin u jenħtieġ li jiġu rinfurzati, sabiex jiġu konklużi ftehimiet orizzontali fuq livell Komunitarju ma' Hong Kong u mal-Makaw, b'hekk terġa' lura ċ-ċertezza legali għall-kumpaniji tat-trasport bl-ajru fuq iż-żewġ naħat skond il-ftehimiet bilaterali eżistenti. Dan ikun jirrapreżenta l-ewwel pass importanti fl-iżvilupp ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-avjazzjoni ċivili bejn l-UE u Hong Kong u l-Makaw. Oqsma ta' kooperazzjoni usa', inkluż il-kooperazzjoni teknika, industrijali u regolatorja f'oqsma bħall-gestjoni tat-traffiku ta' l-ajru, is-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili u s-sigurezza kif ukoll f'oqsma oħrajn għandhom jiġu mistħarrġa.

Is-saħħa, u s-sikurezza ta' l-ikel u l-prodotti

L-UE u Hong Kong u l-Makaw għandhom interessi komuni fil-kwistjonijiet internazzjonali dwar is-saħħa u s-sikurezza ta' l-ikel u l-prodotti.

- Rigward il-mard li jista' jittieħed fuq livell internazzjonali il-konsultazzjonijiet informali bejn il-Kummissjoni Ewropea u Hong Kong diġà bdew f'Jannar 2006 u għandhom jiffurmaw il-bażi għal diskussjonijiet fil-ġejjieni u għall-possibilità ta' kooperazzjoni maż-żewġ SARs.

- Iż-żewġ naħat għandhom iqisu l-lok għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar is-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf.

- Minħabba l-importanza tar-rwol ta' Hong Kong fl-esportazzjoni tal-prodotti għall-konsumaturi u l-importanza li jiġu miġġielda l-prodotti għall-konsumaturi li jikkostitwixxu riskju serju, iż-żewġ naħat għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jassiguraw li l-prodotti magħmula jew li jgħaddu fi tranżitu minn Hong Kong jkunu sikuri u jiġu mmonitorjati skond l-istandards ta' sikurezza ta' l-UE.

Kooperazzjoni ambjentali

- Il-Kummissjoni tilqa' d-djalogu li qed jissaħħaħ bejn l-UE u ċ-Ċina kontinentali rigward it-tibdil fl-ambjent u fil-klima. Il-Kummissjoni għandha wkoll tistħarreġ ma' Hong Kong u mal-Makaw il-lok għal kooperazzjoni dwar it-tniġġis ta' l-ajru u ta' l-ilma u dwar l-emmissjonijiet industrijali biex jgħinu lis-SARs ta' Hong Kong u tal-Makaw jwettqu aħjar l-istrateġiji tagħhom kontra t-tniġġis, jieħdu f'kunsiderazzjoni u jinfluwenzaw il-kwistjonijiet tranżkonfinali u jaħdmu għas-soluzzjonijiet fuq livell reġjonali u globali fejn dan ikun rilevanti.

- Fost affarijiet oħrajn, dan għandu jkollu l-għan li jippromwovi il-kooperazzjoni kummerċjali għall-SMEs u d-djalogu dwar it-tniġġis ta' l-ajru u ta' l-ilma u l-emmissjonijiet industrijali. L-universitajiet ta' Hong Kong u tal-Makaw, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali u l-faċilitajiet ta' taħriġ jistgħu iservu bħala pjattaforma għall-involviment f'dawn il-kwistjonijiet.

5. Il-mekkaniżmi tat-twassil

Konsultazzjonijiet u trasparenza

F'Lulju 2005 il-President Barroso u l-Kapijiet Eżekuttivi ta' Hong Kong u l-Makaw — Donald Tsang u Edmund Ho — ftehmu dwar l-importanza ta' djalogu stutturat regolari bejn il-Kummissjoni Ewropea u ż-żewġ gvernijiet tas-SAR rigward kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza taż-żewġ gvernijiet skond il-Liġijiet Fundamentali rispettivi tagħhom.

Sa fejn jikkonċerna ’l Hong Kong, l-aħjar mezz biex isir dan huwa permezz ta' konsultazzjonijiet regolari, li l-arranġamenti għalihom jistgħu jkunu hekk: (a) laqgħat għandhom isiru kull sena; (b) għandu jkun hemm livell adegwat ta' rappreżentanza mill-Kummissjoni Ewropea u mill-gvern ta' Hong Kong; u (ċ) l-aġenda għal kull laqgħa għandha tkopri l-ambitu sħiħ ta' kwistjonijiet prattiċi li għandhom x'jaqsmu mar-relazzjoni u għandu jiġi miftiehem minn qabel miż-żewġ naħat. Dawn l-arranġamenti, li għandhom jikkomplementaw u mhux jieħdu l-post tad-djalogu eżistenti li huwa speċifiku għal setturi partikolari, għandhom jiġu implimentati malajr kemm jista' jkun, u l-ewwel konsultazzjonijiet annwali għandhom isiru qabel tmiem is-sena 2006.

Il-Kummissjoni temmen li l-mekkaniżmu eżistenti ta' Kumitat Konġunt KE/Makaw qed jaħdem tajjeb u għandu jkompli, u t-tagħlimiet pożittivi li nħarġu minnu jistgħu jagħtu tagħrif lill-istabbiliment ta' konsultazzjonijiet ma' Hong Kong.

Għandu jkun hemm rappurtar pubbliku u trasparenti tal-konsultazzjonijiet annwali u l-kooperazzjoni għaddejja, li jista' jsir permezz ta' tgħaqqid ta' l-Stqarrijiet Konġunti u tal-mekkaniżmi eżistenti tar-Rapporti Annwali tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli timassimizza l-koordinazzjoni tal-politika mas-sħab kollha ta' l-UE (kemm ma' l-Istati Membri kif ukoll mal-Komunità kummerċjali Ewropea) f'Hong Kong, fil-Makaw, u fl-Ewropa — kif ukoll fiċ-Ċina kontinentali, kif jixraq. Li t-tagħrif isir disponnibbli u li tiġi żgurata l-kommunikazzjoni miftuħa rigward inizjattivi għal kooperazzjoni bejn Hong Kong u l-Makaw għandhom jiżguraw li dawn l-azzjonijiet jikkomplementaw u jappoġġjaw l-istrateġiji ta' l-Istati Membri ta' l-UE, ta' Hong Kong u tal-gvernijiet tal-Makaw, u l-entitajiet privati u l-individwi.

Diġà fl-2005 u fil-bidu ta' l-2006, sabiex jiġu diskussi u mistħarrġa l-kontenut u l-mezzi possibbli għat-tisħiħ, l-żvilupp u t-twessigħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u Hong Kong u l-Makaw f'oqsma ta' interess komuni, saru serje ta' seminars informali, miftuħa, konsultattivi u ta' "brainstorming" mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea f'Hong Kong u l-Makaw li għalihom attendew ’il fuq minn 200 rappreżentant ta' setturi varji mis-soċjetà ta' Hong Kong u tal-Makaw: operaturi kummerċjali u ekonomiċi, Kapijiet tal-Missjonijiet ta' l-UE, professjonisti ta' l-ambjent u tas-saħħa u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, NGOs, u l-komunità akkademika u ta' riċerka. Is-sitt seminar sar f'Novembru 2005 bl-attendenza ta' rappreżentanti mis-setturi varji tas-soċjetà ċivili tal-Makaw.

Kooperazzjoni finanzjarja

Hong Kong u l-Makaw huma sħab importanti li għandhom komuni ħafna valuri u strutturi istituzzjonali ma' l-UE fl-oqsma ekonomiċi, regolatorji, soċjali u kulturali.

Id-djalogu u l-kooperazzjoni għalhekk għandhom jiġu appoġġjati u msaħħa permezz ta' strument finanzjarju ta' l-UE, bħall-Istrument ġdid tal-Pajjiżi Industrijalizzati taħt il-Perspettivi Finanzjarji tal-ġejjieni ta' l-UE. Dan jista' jkun jipprovdi finanzjar għal laqgħat, konferenzi u azzjonijiet oħrajn li jinkoraġġixxu sħubijiet ekonomiċi, kollaborazzjoni kummerċjali u kooperazzjoni xjentifika u teknika, kif ukoll skambji ta' persuni-ma'-persuni u żvilupp ta djalogi ta' politika fl-oqsma msemmija f'din il-Kommunikazzjoni. L-għan ġenerali ta' azzjoni bħal din huwa li tippromwovi għarfien reċiproku u kooperazzjoni u tistimola aktar żvilupp ta' kummerċ bilaterali, ċirkolazzjonijiet ta' investiment u kooperazzjoni doganali bejn l-UE u ż-żewġ SARs. Il-Kummissjoni għandħa tistħarreġ is-sinerġiji potenzjali għal kooperazzjoni trilaterali maċ-Ċina kontinentali, inklużi dawk taħt l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

[1] Artikolu 45

[2] Fir rigward tal-Makaw, il-Legiżlazzjoni Fundamenta li tistipola li "jekk hemm bżonn ta' tibdil fil-metodu tat-tfassil ta' l-Assemblea Leġiżlattiva tas-SAR tal-Makaw fl-2009 u wara, emendi bħal dawn għandhom jiġu endorsjati minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha ta' l-Assemblea u bil-kunsens tal-Kap Eżekuttiv”, u ma hemm ebda referenza għad-dritt tal-vot.

[3] Ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar Hong Kong huma disponibbli fuq il-websajt ta' l-internet: http://www.delhkg.cec.eu.int/en/index.htm u qegħdin elenkati f'anness ma' din il-Kommunikazzjoni.

[4] Ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar Hong Kong huma disponibbli fuq il-websajt ta' l-internet: http://www.delhkg.cec.eu.int/en/index.htm u qegħdin elenkati f'anness ma' din il-Kommunikazzjoni.

Top