EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006DC0474
Green Paper on detection technologies in the work of law enforcement, customs and other security authorities
Green Paper dwar teknoloġiji ta’ skoperta fil-ħidma ta’ l-infurzar tal-liġi, id-dwana u awtoritajiet oħra ta’ sigurtà
Green Paper dwar teknoloġiji ta’ skoperta fil-ħidma ta’ l-infurzar tal-liġi, id-dwana u awtoritajiet oħra ta’ sigurtà
/* KUMM/2006/0474 finali */
Green Paper dwar teknoloġiji ta’ skoperta fil-ħidma ta’ l-infurzar tal-liġi, id-dwana u awtoritajiet oħra ta’ sigurtà /* KUMM/2006/0474 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 1.9.2006 KUMM(2006) 474 finali GREEN PAPER dwar teknoloġiji ta’ skoperta fil-ħidma ta’ l-infurzar tal-liġi, id-dwana u awtoritajiet oħra ta’ sigurtà (preżentata mill-Kummissjoni) WERREJ Introduzzjoni 4 I. STANDARDIZZAZZJONI U RIĊERKA DWAR IS-SIGURTÀ 7 1. L-istandardizzazzjoni 7 2. Ir-riċerka dwar is-sigurtà 7 II. ĦTIĠIJIET U SOLUZZJONIJIET 9 1. Ħtiġijiet u soluzzjonijiet teknoloġiċi 9 1.1 Soluzzjonijiet versatili 9 1.2 Soluzzjonijiet mobbli u li jinġarru 10 2. Interoperabilità tas-sistemi 10 3. Integrazzjoni ta’ tagħrif minn teknoloġiji differenti ta’ skoperta u analiżimtejba ta’ data. 10 III. UŻU U ĊERTIFIKAZZJONI TAT-TAGĦMIR U L-GĦODOD 12 1. L-aqwa prattika u l-użu ta’ għodod u tagħmir eżistenti 12 2. Identifikazzjoni u tixrid ta’ l-aqwa prattika u l-użu ta’ għodod u tagħmir ġdid 12 3. L-użu ta’ data u għodod ta’ tiftix fit-test 13 4. Eżaminazzjoni u ċertifikazzjoni tal-kwalità tat-tagħmir u l-għodod 15 IV. STUDJI 16 V. IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI 17 1. Djalogu Pubbliku Privat Speċifiku Mtejjeb dwar l-iskoperta u teknoloġijimarbuta 17 2. Pjan ta' Azzjoni 18 ANNESS 19 I. Sfond ta’ tagħrif dwar it-tħejjija tal-Green Paper 19 II. Standardizzazzjoni u l-bdil ta’ data personali 20 III. Studji 20 1. Protezzjoni f’avvenimenti tal-massa 20 2. Kooperazzjoni u bdil ta’ tagħrif bejn il-laboratorji forensiċi u l-istituti ta’riċerka dwar is-sigurtà 21 3. Il-Liġi u teknoloġija speċifika ta’ skoperta 21 4. Teknoloġija speċifika ta’ skoperta u l-użu prattiku tagħha 21 5. Teknoloġiji u biometrija ta' skoperta personali 21 GREEN PAPER dwar teknoloġiji ta’ skoperta fil-ħidma ta’ l-infurzar tal-liġi, id-dwana u awtoritajiet oħra ta’ sigurtà (Test b'relevanza għall-EEA) INTRODUZZJONI Is-sigurtà hi sies tal-politika tal-Kummissjoni. Il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu hi dimensjoni kruċjali tal-politika tas-sigurtà. Il-Kummissjoni stabbiliet il-politika tagħha ta’ kontra t-terroriżmu f’ “Komunikat dwar il-Prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal attakki terroristiċi” ta’ Ottubru 2004. Dan il-Komunikat jenfasizza Djalogu Pubbliku-Privat dwar is-Sigurtà bħala għodda strumentali għas-setturi privati u pubbliċi sabiex jidħlu fi djalogu sinifikattiv dwar il-ħtiġijiet tas-sigurtà għall-Ewropa. Il-Programm ta' l-Aja: insaħħu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea adottat mill-Kunsill Ewropew f’Novembru 2004, li fil-preżent jikkostitwixxi l-programm politiku ta’ l-Unjoni dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, jenfasizza wkoll l-importanza ta’ l-interazzjoni pubblika-privata fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Din il- Green Paper tfittex li tipprovdi l-ingredjenti għall-bidu ta’ dan id-djalogu fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ skoperta. It-teknoloġiji ta’ skoperta qed jintużaw aktar u aktar fil-ħidma ta’ kuljum ta’ l-awtoritajiet tas-sigurtà fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità. Teknoloġiji ta’ skoperta jintużaw ħafna sabiex jipproteġu passiġġieri meta jirkbu l-ajruplani u entużjasti sportivi meta jsegwu l-avvenimenti sportivi favoriti tagħhom, u sabiex jiskopru sustanzi perikolużi fl-arja, fl-ilma u fl-ikel. L-awtoritajiet ta’ sigurtà jużaw dawn it-teknoloġiji wkoll sabiex jipproteġu l-fruntieri tagħna u jiċċekkjaw prodotti li jidħlu fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, it-teknoloġiji ta’ skoperta huma essenzjali għall-ħarsien ta’ proprjetà privata u infrastruttura kritika. Din il- Green Paper għandha l-għan li tfittex l-irwol li tista' twettaq l-Unjoni sabiex trawwem teknoloġiji ta' skoperta għas-servizz tas-sigurtà taċ-ċittadini tagħha. Min-naħa l-oħra, teknoloġiji ta’ skoperta huma minnhom infushom intrużivi għall-privatezza jew jistgħu joffru sfida għal-libertajiet u d-drittijiet. Għalhekk, kull darba li jkun ikkunsidrat it-titjib u l-użu ta’ teknoloġiji ta’ skoperta, jitqies dan l-aspett u l-kwistjoni fundamentali ta’ x’għandhom ikunu l-limitazzjonijiet ta’ l-intrusività tagħhom. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tikkontribwixxi għaż-żewġ kwistjonijiet b’din l-inizjattiva. Il-Kummissjoni organizzat konferenza[1] - Public-Private Security Dialogue: Detection Technologies and Associated Technologies in the Fight against Terrorism – fi Brussell mit-28-29 ta’ Novembru 2005. Is-sehem ta’ aktar minn mitt rappreżentant/a kemm minn assoċjazzjonijiet Ewropej ewlenin fin-negozju u l-industrija kif ukoll mis-settur pubbliku wera l-interess tal-partijiet konċernati fit-tiftixa għal politika f’dan il-qasam. Is-settur pubbliku kien rappreżentat minn membri ta’ l-infurzar tal-liġi, dwana u awtoritajiet oħra ta’ sigurtà. Ir-rwol ta’ l-Ewropa, f’oqsma bħar-riċerka fis-sigurtà jew l-istandardizzazzjoni, hu stabbilit b’mod ċar. Għalkemm sar xogħol konsiderevoli f’ċerti oqsma b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, l-industrija u partijiet oħra interessati, għad baqa’ spazju għal politika Ewropea mtejba dwar it–teknoloġiji ta’ skoperta bħala tali. Dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, kemm ir-Regolamenti (KE) Nru 2320/2002 u Nru 622/2003[2] fihom ħtiġijiet dettaljati f’dak li jirrigwarda l-prestazzjoni tat-tagħmir ta’ l- iscreening li jintuża u l-metodoloġija. F’dan il-qasam, l-istandards u l-protokolli ta’ eżaminazzjoni ġew stabbiliti b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Konferenza Ewropea dwar l-Avjazzjoni Ċivili, li tpoġġi mill-ġdid fi gruppi esperti mill-awtoritajiet xierqa ta’ l-Istati Membri u Stati oħra Ewropej. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsab regolarment f’kuntatt mill-qrib ma’ l-industrija u partijiet oħra konċernati (Grupp Konsultattiv ta’ Partijiet Interessati fis-Sigurtà fl-Avjazzjoni – Il-Grupp SAGAS). Fid-dawl tat-tisħiħ ta' l-approċċ komuni lejn it-teknoloġiji ta' skoperta l-Kummissjoni ħadet din l-inizjattiva sabiex issaħħaħ aktar l-interazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati fi sforz sabiex tiffoka l-investiment fuq l-istandardizzazzjoni, ir-riċerka, iċ-ċertifikazzjoni u l-interoperabilità ta' sistemi ta' skoperta u biex titrasforma r-riżultati tar-riċerka f'għodod utli u applikabbli. Għandu jitwaqqaf ċirku li fih is-settur privat jiġi ggwidat fl-isforz ta’ riċerka tiegħu u n-nefqa minn settur pubbliku li jaf x’irid u x’jista’ joffri s-settur privat. Dan għandu jgħin sabiex ikun żviluppat suq avvanzat fil-prodotti ta’ skoperta u soluzzjonijiet ta’ sigurtà, li mbagħad għandu jwassal għal disponibbiltà akbar ta’ prodotti u servizzi bi prezz orħos. L-Azzjoni komuni u koordinazzjoni u bdil ta’ informazzjoni aħjar huma essenzjali jekk għandu jintlaħaq dan l-għan. Il-ħtiġijiet għandhom ikunu deskritti aħjar u għandhom jinstabu soluzzjonijiet teknoloġikament u ekonomikament vijabbli. Din il- Green Paper ċertament ma għandhiex il-ħsieb li tidħol fil-qasam ta’ attivitajiet oħra kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Il-Kummissjoni ma tixtieqx "tivvinta r-rota mill-ġdid”, imma li tfittex aktar dwar approċċi u prattiċi tajbin eżistenti, u li tappoġġjahom u xxerridhom fl-Unjoni. Il-Kummissjoni tixtieq ħafna li din il- Green Paper tiġġenera kemm jista’ jkun ħsibijiet li jistimulaw il-ħsieb u suġġerimenti konkreti dwar il-passi li jmiss. Il-parteċipazzjoni estensiva minn Stati Membri, is-settur privat u partijiet interessati relevanti oħra hi għalhekk indispensabbli. Il-Kummissjoni hi, madankollu, konxja tal-ħtiġijiet ta’ kunfidenzjalità fis-settur pubbliku u dak privat, kemm għal raġunijiet ta' sigurtà kif ukoll kummerċjali. Għalhekk, ir-rispondenti jintalbu sabiex jindikaw kwalunkwe tweġibiet li huma wisq sensittivi biex jinqasmu u sabiex jissuġġerixxu approċċ alternattiv biex jitqiesu dawn il-kwistjonijiet. Politiki marbuta ma’ l-iskoperta u teknoloġiji assoċjati għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-qafas legali eżistenti, inkluża l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali u prinċipji u regoli dwar il-protezzjoni ta’ data kif stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tisħaq li d-disinn, il-manifattura u l-użu ta’ teknoloġiji ta’ skoperta u teknoloġiji assoċjati, flimkien mal-leġiżlazzjoni jew miżuri oħra bl-għan li jirregolawhom u jippromwovuhom, għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-Drittijiet Fundamentali kif previsti fil-Karta ta’ l-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-konformità mal-protezzjoni tad- data personali u d-dritt għall-ħajja privata. Fil-fatt, ladarba l-użu ta’ teknoloġiji ta’ skoperta normalment iffisser intrużjoni fuq id-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali, kwalunkwe intrużjoni fuq id-drittijiet fundamentali għandha tkun konformi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani; b’mod partikolari, għandha tkun skond il-liġi u neċessarja f’soċjetà demokratika sabiex ikun imħares interess pubbliku importanti u għandha tkun tikkorrispondi għall-interess pubbliku mfittex. I. STANDARDIZZAZZJONI U RIĊERKA DWAR IS-SIGURTÀ 1. L-ISTANDARDIZZAZZJONI Teżist għażla kbira ta’ possibbiltajiet teknoloġiċi fl-oqsma relatati ma’ l-iskoperta u x-xogħol ta' l-awtoritajiet ta' sigurtà. Għalhekk, jinħtieġu standards minimi. Madanakollu, meqjusa din l-għażla, l-istandardizzazzjoni trid tagħmel il-prijoritajiet, u dan ikun possibbli biss jekk ikun hemm biżżejjed interazzjoni bejn is-settur pubbliku (ħtiġijiet) u s-settur privat (soluzzjonijiet). Fil-livell Ewropew, din l-interazzjoni hi kkunsidrata mis-setturi pubbliċi u privati bħala waħda insuffiċjenti. Barra minn hekk, qed jiżviluppaw għadd ta’ attivitajiet pożittivi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Madanakollu, ma teżistix ħarsa ġenerali lejn dak li qed jiġri, u din hi meħtieġa sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni u jitjieb l-għoti ta' prioritajiet. Hu evidenti li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-iżvilupp ta’ standards ma jistax ikun diskuss fil-miftuħ. Għalhekk din id-diskussjoni tikkonċentra l-aktar fuq il-kwistjoni dwar il-punt sa fejn huma mixtieqa standards komuni. L-użu u t-trattament ta’ data u informazzjoni miġbura bl-għodod ta’ skoperta, per eżempju bħala evidenza fi proċedimenti tal-qorti, huma wkoll marbuta mill-qrib ma’ l-istandardizzazzjoni. L-awtoritajiet relevanti jistgħu jibbenefikaw mill-identifikazzjoni u l-bdil ta’ l-aħjar prattiki dwar is-suġġett. Għandu jitqies ukoll il-ħolqien ta’ standards tekniċi sabiex ikun żgurat li d- data miġbura tkun konformi mal-ħtiġijiet tal-liġi għall-użu ta’ tali data fi proċedimenti tal-qorti.[3] Mistoqsijiet Huma meħtieġa standars komuni fl-iskoperta u teknoloġiji marbuta użati fix-xogħol ta’ l-awtoritajiet ta’ sigurtà? Xi standards tqis li huma ta’ prijorità? Liema standards għandhom nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju fil-perjodu ta’ qabel l-istandardizzazzjoni? Sabiex tkun evitata kwalunkwe duplikazzjoni u sabiex titjieb it-trasparenza, jistgħu jkunu utli lista/ktejjeb/ database li jista’ jitfittex ta’ sforzi ta’ standardizzazzjoni mgħoddija, kurrenti u ppjanati fl-iskoperta u f’oqsma teknoloġiċi marbuta mill-qrib fil-livell nazzjonali u Ewropew? Tkun interessat fl-identifikazzjoni u l-bdil ta’ l-aqwa prattiki fl-użu u fit-trattament ta’ data u informazzjoni miġbura b’għodod ta’ skoperta, fi sforz ta’ konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni relevanti u r-regoli li jiggvernaw l-użu ta’ l-evidenza fi proċedimenti tal-qorti? Liema jkun l-aħjar mod sabiex ikunu identifikati u skambjati dawn il-prattiki? 2. IR-RIċERKA DWAR IS-SIGURTÀ Ir-riċerka dwar is-sigurtà hija qasam ieħor essenzjali għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet u prodotti ġodda dwar is-sigurtà għall-awtoritajiet tas-sigurtà ta’ l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, għandu jkun enfasizzat ir-rwol tal-Bord ta' Konsultazzjoni Ewropew dwar ir-Riċerka fis-Sigurtà (ESRAB). L-ESRAB jadotta perspettiva globali u wiesgħa f’dan il-qasam u jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-kontenut u l-implimentazzjoni tar-riċerka li għandha ssir, flimkien ma’ mekkaniżmi sabiex ikunu sorveljati l-iżviluppi relevanti fi programmi oħra. Għaddejjin għadd ta' attivitajiet dwar ir-riċerka fis-sigurtà fil-Livell Ewropew u fl-Istati Membri. Madanakollu, ma hemm l-ebda mekkaniżmu sabiex iressaq flimkien u jxerred l-informazzjoni dwar riċerka mgħoddija, kurrenti u proposta fis-sigurtà, fil-livell Ewropew, nazzjonali u fl-aħħar mill-aħħar fil-livell tas-settur privat. Tali mekkaniżmu jkun jista’ jiżgura li riżorsi skarsi ma jinħlewx fuq id-duplikazzjoni u proġetti li jikkoinċidu. Barra minn hekk, jekk meqjus bħala neċessarju, għandu jitfassal mekkaniżmu separat għat-tixrid ta’ attivitajiet klassifikati ta’ riċerka fis-sigurtà, li jiżgura li dawk biss intitolati għall-aċċess ta' l-informazzjoni jkunu jistgħu jagħmlu dan. Wara aktar minn sena ta’ ħidma, ESRAB qed jiffinalizza r-rapport tiegħu li jkun ippubblikat f’Settembru 2006. Ir-rapport jidentifika madwar 120 kapaċità ta’ sigurtà u 100 teknoloġija ewlenija li jinħtieġu aktar riċerka u żvilupp fil-livell ta’ l-UE, filwaqt li serje ta’ teknoloġiji oħra huma jew se jkunu indirizzati fil-livell nazzjonali. Mistoqsijiet Kif tista’ tixtered l-informazzjoni dwar ir-riċerka fis-sigurtà fl-Ewropa sabiex tkun evitata l-possibbiltà ta’ duplikazzjoni jew ħela ta’ riżorsi skarsi? II. ĦTIĠIJIET U SOLUZZJONIJIET 1. ĦTIġIJIET U SOLUZZJONIJIET TEKNOLOġIċI Soluzzjonijiet u prodotti tajba, effettivi u użabbli jistgħu jkunu żviluppati biss jekk il-produtturi ta’ dawn is-soluzzjonijiet u l-prodotti jkollhom biżżejjed informazzjoni dwar il-ħtiġijiet reali ta’ l-utenti aħħarija. Madanakollu, fil-livell Ewropew jidher li hemm ħtieġa għal interazzjoni aħjar bejn dawk li jeħtieġu soluzzjonijiet teknoloġiċi (i.e. l-awtoritajiet ta’ sigurtà relevanti) u dawk li qed joffruhom. Kwalunkwe interazzjoni bħal din għandha tipprova tidentifika wkoll x’inhuma l-ħtiġijiet fit-terminu l-qasir, medju u twil. Min-naħa l-oħra, dawk li jipprovdu s-soluzzjonijiet għandhom jindikaw ukoll il-medda ta' żmien meta s-soluzzjonijiet isiru disponibbli. Barra minn hekk, fid-djalogu bejn il-produtturi u l-utenti għandhom ikunu mistoqsija u indirizzati domandi aktar fundamentali marbuta man-natura tas-soċjetajiet tagħna u r-rwol tat-teknoloġiji ta’ skoperta. Dibattitu bħal dan hu importanti wkoll fid-dawl tal-preservazzjoni tal-valuri u n-natura tas-soċjetajiet tagħna. Mistoqsijiet Inti interessat f’dibattitu usa’ dwar ir-rwol ta’ teknoloġiji ta’ skoperta u ta’ l-użu tagħhom u kif dan jinfluwenza l-ħajja tas-soċjetajiet Ewropej? F’liema oqsma speċifiċi jeħtieġu titjib teknoloġiku l-awtoritajiet relevanti ta’ sigurtà? Jekk jogħġbok speċifika l-livell ta’ prijorità f’rabta ma’ ħtiġijiet speċifiċi? Teżisti qabża bejn il-ħtiġijiet għall-kapaċitajiet ta’ skoperta u t-teknoloġija li tinsab fis-suq bħalissa? X’soluzzjonijiet jeżistu għal dawn id-differenzi? F’liema oqsma speċifiċi teżisti l-offerta jew il-pjan ta’ offerta ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi mis-settur privat? Jekk jogħġbok agħti terminu ta' żmien li fih soluzzjonijiet tali jkunu disponibbli, u meqjusa l-effettività tan-nefqa? Ikun ta’ għajnuna u utli jekk tinħoloq lista/ database fl-Ewropa li tista’ titfittex, u li jkun fiha oqsma speċifiċi ta’ ħtiġijiet ta’ l-awtoritajiet ta’ sigurtà relevanti, u fl-istess waqt soluzzjonijiet offruti mis-settur privat? Jekk le, x’soluzzjonijiet oħra tipproponi sabiex jitjieb it-tixrid ta' informazzjoni bejn dawk li jeħtieġu s-soluzzjonijiet teknoloġiċi u dawk li joffruhom? 1.1 Soluzzjonijiet versatili It-theddidiet tal-lum, mill-kriminalità sat-terroriżmu, huma diversi, il-ħin kollu jinbidlu u preżenti f’forom u f’livelli differenti f’sitwazzjonijiet differenti. Għalhekk jeħtieġu livelli ta’ ħarsien u rispons differenti f’ħinijiet differenti, i.e. soluzzjonijiet versatili. Mistoqsija Għal liema għodod u tagħmir jistgħu jitjiebu l-applikabbiltà u l-effettività billi tissaħħaħ il-versatilità tagħhom? Liema għodod u tagħmir ġdid versatili huma meħtieġa? 1.2 Soluzzjonijiet mobbli u li jinġarru In-natura tat-theddida mit-terroriżmu u l-kriminalità mhix biss qed tinbidel biż-żmien, imma qed issir dejjem iżjed waħda mobbli. Għalhekk, l-awtoritajiet tas-sigurtà jeħtieġu soluzzjonijiet li jinġarru. Tali soluzzjonijiet jistgħu itejbu wkoll l-effettività tan-nefqa u jkunu trasferiti minn imkien għall-ieħor fejn ikunu l-aktar meħtieġa, ladarba mhux vijabbli li jkun kopert kull punt ta’ dħul jew kull punt ta’ preokkupazzjoni bl-istess livell ta’ sigurtà. Barra minn hekk, soluzzjonijiet mobbli jew li jinġarru jistgħu joffru approċċi ġodda fl-operazzjoni. Mistoqsija Liema għodod u tagħmir eżistenti jistgħu jkunu użati aħjar u b’mod aktar effettiv fix-xogħol ta’ awtoritajiet relevanti ta’ sigurtà jekk ikunu mobbli u jistgħu jinġarru? X’għodod u tagħmir ġdid huma meħtieġa 2. INTEROPERABILITÀ TAS-SISTEMI[4] L-Istati Membri ta’ l-UE u l-awtoritjiaet relevanti tagħhom diġà għandhom għadd ta’ sistemi sabiex jgħinu fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Madanakollu, dawn is-sistemi spiss ma jkunux f’qagħda li jikkomunikaw ma’ xulxin. Dan jista’ jostakola l-isforzi komuni fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu fil-livell nazzjonali u wkoll dak Ewropew. Min-naħa l-oħra, is-sistemi għandhom ikunu konformi mal-oqfsa legali eżistenti u linji gwida oħra (per eżempju l-ħarsien tad- data u l-intrusività tas-sistemi ta’ skoperta). Mistoqsija Liema sistemi jeħtieġu interoperabilità mtejba? Jista’ studju dwar il-limitazzjonijiet legali u limitazzjonijiet oħra fuq l-interoperabilità ta’ sistemi tul l-UE jkun utli sabiex jidentifika limitazzjonijiet? 3. INTEGRAZZJONI TA’ TAGħRIF MINN TEKNOLOġIJI DIFFERENTI TA’ SKOPERTA U ANALIżI MTEJBA TA’ DATA. L-integrazzjoni ta’ data minn teknoloġiji differenti ta’ skoperta f’sistema unika ta’ analiżi ta’ data jista’ jagħmel is-sistemi ta’ skoperta aktar effettivi. Għal darb’oħra, kwalunkwe miżura adottata f’dan is-sens għandha tkun konformi mar-regoli tal-protezzjoni ta’ data . Mistoqsija F’liema oqsma temmen li l-integrazzjoni ta’ informazzjoni minn teknoloġiji differenti ta’ skoperta tista’ ttejjeb il-prestazzjoni ġenerali? F’liema oqsma huma meħtieġa t-tekniki ta’ analiżi mtejba ta’ data ? III. UŻU U ĊERTIFIKAZZJONI TAT-TAGĦMIR U L-GĦODOD 1. L-AQWA PRATTIKA U L-UżU TA’ GħODOD U TAGħMIR EżISTENTI Mhux dejjem ikunu meħtieġa soluzzjonijiet teknoloġiċi kompletament ġodda sabiex ikunu indirizzati theddidiet eżistenti jew ġodda biex isiru aktar effiċjenti. Spiss il-baġits pubbliċi ma jkunux jifilħu jiffinanzjawhom. Għalhekk, għandha tingħata attenzjoni lejn kif għodod eżistenti jew mixtrija qabel jistgħu jintużaw b’mod aktar effiċjenti jew jiġu aġġornati. Dan jista jkun mod, b'effettività fin-nefqa, li jtejjeb l-effettività, iżid l-affidabbiltà u jnaqqas l-għadd ta' allarmi foloz. Hemm nuqqas ta’ mekkaniżmu għall-qsim ta’ esperjenza dwar dawn il-kwistjonijiet fost l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri. Per eżempju, tista’ tinqasam informazzjoni dwar titjib miksub permezz ta’ tibdiliet fil-proċedura ta’ ħidma jew aġġornamenti b’effettività fin-nefqa. Mistoqsijiet Liema jkun l-aħjar mod sabiex ikunu identifikati u skambjati l-aħjar prattiki f’dan il-qasam? Identifikazzjoni ta’ l-aħjar prattiki Tista’ tkun permezz ta’ evalwazzjoni inter pares jew ta’ kwestjonarji mibgħuta lill-Istati Membri? Id-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin: Tista’ tkun permezz ta’ database sikur u li jista’ jitfittex, jew permezz ta’ laqgħat jew seminars? Tista’ tissuġġerixxi possibbiltajiet oħra dwar kif l-aħjar li jkunu identifikati u mxerrda l-aħjjar prattiki f’dan il-qasam? Jekk aġġornament ta’ għodda jew tagħmir kien meqjus bħala neċessarju u l-ebda awtorità fi Stati Membri oħra ma tkun wettqet dan l-aġġornament, tista’ tkun aċċettabbli l-konsultazzjoni mas-settur privat dwar is-suġġett? 2. IDENTIFIKAZZJONI U TIXRID TA’ L-AQWA PRATTIKA U L-UżU TA’ GħODOD U TAGħMIR ġDID L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu wkoll jbbenefikaw f’xogħolhom minn sistema li tiffaċilita l-bdil ta’ informazzjoni dwar l-użu ta’ għodod u tagħmir ġdid, u tippermettilhom li jitgħallmu minn xulxin u jibnu fuq l-esperjenza ta’ oħrajn. Skambji ta’ informazzjoni bħal dawn, esperjenza u l-aħjar prattiċi dwar il-benefiċċji u n-nuqqasijiet ta’ għodod u tagħmir ġdid jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet sabiex jidentifikaw tagħmir ġdid u jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom. Flimkien ma’ dan, l-ittestjar ta’ tagħmir ġdid jew sperimentali jista’ jkun promoss permezz ta’ ko-finanzjament mill-baġit tal-komunità u/jew mis-settur privat. Ittestjar usa’ ta’ tagħmir ġdid u sperimentali jista’ jgħin l-industrija Ewropea sabiextibdel ir-riċerka fis-sigurtà fi prodotti effettivi u kompetittivi. Mistoqsijiet Liema jkun l-aħjar mod sabiex ikunu identifikati u skambjati t-tagħrif u l-aħjar prattiki f’dan il-qasam? Identifikazzjoni ta’ l-aħjar prattiki Tista’ tkun permezz ta’ evalwazzjoni inter pares jew ta’ kwestjonarji mibgħuta lill-Istati Membri? Tixrid ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki Tista’ tkun permezz ta’ database sikur u li jista’ jitfittex, jew permezz ta’ laqgħat ristretti jew seminars? Għandek suġġerimenti oħra dwar kif jistgħu jkunu identifikati l-aħjar prattiki f'dan il-qasam u kif jistgħu jixxerdu b'mod effettiv? Għodod ġodda u esperimentali Inti interessat fl-użu esperimentali ta’ għodod u tagħmir ġdid? Jekk iva/le, jekk jogħġbok spjega Jista' jkun ta' interess l-iffinanzjar parzjali ta' l-użu esperimentali ta' għodod u tagħmir ġdid mill-Komunità u/jew mis-settur privat? 3. L-UżU TA’ DATA U GħODOD TA’ TIFTIX FIT-TEST L-awtoritajiet ta’ sigurtà nazzjonali u Ewropej qed jiffaċċjaw żieda kostanti fil-volum ta’ dokumentazzjoni u informazzjoni li għandhom jindirizzaw. Sabiex din l-isfida tkun indirizzata b’mod aktar effiċjenti, jeżistu għodod moderni għat-tiftix fid- data u fit-testi. Din it-teknoloġija tista’ tgħin sabiex tinsilet l-informazzjoni relevanti minn għadd kbir ta’ dokumenti. Bl-użu ta’ din it-teknoloġija hu possibbli li oqsma ta’ testi u dokumenti jingħarblu b’mod intelliġenti għal ħidmiet li jvarjaw mill-esplorazzjoni (tgħaqqid ta’ dokumenti), sa l-awto-kategorizzazzjoni (id-direzzjoni u l-għoti ta’ prijorità lill-mixja ta’ dokumenti fost it-timijiet ta’ investigazzjoni) u l-eżaminazzjoni tal-validità bl-użu ta’ kodiċi. L-għanijiet huma: - ħarsa ġenerali b’ħeffa f’ġabriet ta’ dokumenti mhux magħrufa; - l-istadju ta’ qabel l-ipproċessar għal tiftix f’dokumenti magħżula; - klassifikazzjoni fuq il-bażi tal-kontenut għad-dokumenti, sabiex ikunu strutturati u ffukati l-analiżi ulterjuri; - analiżi awtomatika ta’ l-informazzjoni għal sorsi varji. Il-potenzjal ta’ dawn l-għodod moderni mhux sfruttat biżżejjed fl-Istati Membri. Madanakollu, filwaqt li tippromwovi l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji, għandu jitqies b’kawtela li, per eżempju, is-sorveljanza ta’ e-mails jew l-internet huma minnhom infushom intrużjoni tad-dritt fundamentali taċ-ċittadini għall-privatezza. L-emails huma korrispondenza u, bħala tali, huma koperti mid-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni stabbilita fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Umani. L-użu ta’ kwalunkwe teknika ta’ tiftix fid- data u t-testi trid għalhekk tkun skond il-liġi, tkun meħtieġa f’soċjetà demokratika sabiex tipproteġi interess pubbliku importanti u tkun tikkorrispondi għall-interess pubbliku mfittex. L-appoġġ għall-konformità mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ta’ ħarsien ta’ data għandu jkun fil-qalba ta’ għodod bħal dawn u l-użu tagħhom. Finalment, dawn l-attivitajiet isiru taħt il-kontroll u s-superviżjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi relevanti. Mistoqsijiet Eżerċizzju ta’ tkattir ta’ l-għarfien L-Istati Membri u l-korpi relevanti Ewropej ikunu interessati fil-qsim ta’ l-aqwa prattiċi u fil-benefiċċji potenzjali li jqumu mill-użu ta’ għodod ta’ tiftix ta’ data u testi? L-Istati Membri li jużaw din it-teknoloġija jkunu lesti li jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ l-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra? Is-seminars ristretti dwar is-suġġett organizzati mill-Istati Membri, l-Europol jew l-OLAF ikunu utli? It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ l-UE għat-tiftix fid-data u t-testi Ċentru ta’ eċċellenza fil-livell Ewropew li jkun aċċessibbli għall-Istati Membri kollha u l-awtoritajiet relevanti tagħhom jgħin sabiex ikun sfruttat il-potenzjal ta’ dawn l-għodod fil-prattika? Jekk le, x’għażliet oħra tissuġġerixxi sabiex ikun massimizzat il-potenzjal ta’ dawn l-għodod? Identifikazzjoni u tixtrid ta’ l-aħjar prattiki Evalwazzjoni inter pares jew kwestjonarju mibgħut lill-Istati Membri jkunu utli fl-identifikazzjoni ta’ l-aħjar prattiki fl-użu ta’ dawn l-għodod? Jekk le, x’approċċi oħra tissuġġerixxi sabiex ikunu identifikati l-aħjar prattiċi f’dan il-qasam? It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ l-UE għat-tiftix fid-data u t-testi Ikun hemm xi kapaċità ta’ sostituzzjoni fl-Istati Membri u l-korpi Ewropej sabiex tgħin Stati Membri oħra li ma jużawx din it-teknoloġija biex jaħdmu fuq id-dokumenti tagħhom? Jekk ma jkunx hemm kapaċità ta’ sostituzzjoni jew biss kapaċità limitata, tkun utli u prattika ż-żieda ta’ kapaċità ta’ sostituzzjoni ffinanzjata mill-UE, għal Stati Membri li m’għandhomx din il-kapaċità? L-Istati Membri li m'għandhomx biżżejjed kapaċità ta' tiftix fid- data u t-testi jikkunsidraw l-użu ta' l-għodod ta’ korpi oħra, jekk dawn ikunu disponibbli? Ikun possibbli li jinħolqu ċentri reġjonali għat-tiftix fid- data u t-testi li jkunu jistgħu jintużaw minn diversi Stati Membri u l-awtoritajiet tagħhom għat-tiftix fid- data u t-testi? L-għodod eżistenti ta’ tiftix fid- data u t-testi jindirizzaw il-lingwi varji fl-Ewropa b’mod suffiċjenti? Jeżistu għodod adekwati sabiex jappoġġjaw lill-awtoritajiet li jittrattaw testi u dokumenti b’ilsna barranin? Oħrajn Jekk inti ma taqbilx ma kwalunkwe mill-għażliet suġġeriti hawn fuq, kif tindirizza l-kwistjonijiet imqajma b’dan il-punt? 4. EżAMINAZZJONI U ċERTIFIKAZZJONI TAL-KWALITÀ TAT-TAGħMIR U L-GħODOD Is-suqq diġà joffri għadd ta’ prodotti ta’ skoperta. Madanakollu, spiss ikun diffiċli li wieħed jidentifika liema għodod u prodotti huma l-aħjar jew għallinqas jilħqu ċerti ħtiġijiet. Sistema ta’ ċertifikazzjoni u benchmarking ta’ għodod ta’ kwalità tajba, imfassla sabiex jissimplifikaw il-proċess li jistabbilixxi liema mill-għodod u t-tagħmir jistgħu jilħqu l-ħtiġijiet partikolari ta’ awtorità partikolari, u jistgħu jindirizzaw dan id-defiċit. Dan jista’ jagħmilha eħfef għall-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiddeċiedu liema tagħmir u għodod għandhom jixtru. Jista’ wkoll jgħin lill-awtoritajiet sabiex jużaw riżorsi skarsi bl-aħjar mod possibbli. Jista’ jkun stabbilit netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni li jaqsmu l-esperjenza u l-għarfien, sabiex jindirizza dan in-nuqqas ta’ sistema li tiddetermina l-kwalità ta’ l-għodod. Dawn l-awtoritajiet jaqblu wkoll dwar l-istandards tal- benchmarking u ċ-ċertifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi ta’ kwalità tajba. Dan it-tip ta’ ċertifikazzjoni jista’ jintuża mhux biss sabiex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jiddeterminaw jekk għodda hix tajba jew le, imma wkoll sabiex tippromwovi soluzzjonijiet Ewropej fis-suq. Hu evidenti li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-iżvilupp ta’ protokols ta’ eżaminazzjoni ma’ jistax ikun diskuss fil-miftuħ. Mistoqsija Ikun utli l-ħolqien ta’ netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni li jaqsmu l-esperjenza u l-għarfien tagħhom, flimkien ma’ sistema ta’ ċertifikazzjoni ta’ kwalità u benchmarking ? Jekk le, x’soluzzjoni oħra tissuġġerixxi sabiex tkun indirizzata l-problema mqajma? Ikunu ta’ għajnuna standards komuni għaċ-ċertifikazzjoni u l- benchmarking ? Jekk le, kif tista’ tiżgura t-trasparenza ta’ dan il-proċess u l-użu tar-riżultati fl-UE kollha? IV. STUDJI[5] Il-parteċipanti fil-konferenza identifikaw għadd ta’ suġġetti li jeħtieġu aktar studji. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li twettaq studji dwar: 1. it-teknoloġija u l-protezzjoni ta’ avvenimenti tal-massa; 2. l-ostakoli għall-koperazzjoni u bdil ta’ tagħrif bejn il-laboratorji forensiċi u l-istituti ta’ riċerka dwar is-sigurtà 3. id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw l-użu ta’ teknoloġija speċifika ta’ skoperta; 4. l-użu prattiku ta’ teknoloġija speċifika ta’ skoperta; 5. il-qafas legali li jirregola l-użu ta’ l-iskoperta personali (inkluża s-sorveljanza) fl-UE; 6. il-livelli ta’ aċċettazzjoni ta’ skoperta personali (inkluża s-sorveljanza u l-użu tal-biometrija) fl-UE. B’mod ġenerali, l-għan ta’ l-istudji hu li jintużaw bħala strument sabiex jissaħħaħ l-għarfien tal-partijiet interessati relevanti u sabiex tkun żgurata konformità mal-oqfsa legali eżistenti waqt it-tħejjija u l-użu ta’ teknoloġiji ta’ detezzjoni. F’każijiet oħra, l-istudji jistgħu jintużaw sabiex ikunu kkunsidrati għażliet għal politika u għażliet għal aktar miżuri prattiċi. Mistoqsija Tkun interessat li tirċievi studji dwar dawn is-suġġetti bbażati fuq l-isfond ta’ tagħrif deskritt fl-Anness? Jekk le, jekk jogħġbok speċifika r-raġunijiet u ssuġġerixxi alternattivi dwar kif jistgħu jkunu indirizzati l-preokkupazzjonijiet imqajma. V. IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI 1. DJALOGU PUBBLIKU PRIVAT SPEċIFIKU MTEJJEB DWAR L-ISKOPERTA U TEKNOLOġIJI MARBUTA Din il- Green Paper tirrifletti għadd ta' attivitajiet possibbli li jistgħu jgħinu sabiex tissaħħaħ l-interazzjoni pubblika-privata fil-qasam tat-teknoloġiji ta' skoperta, u b'hekk jgħinu lill-awtoritajiet ta' sigurtà ta' l-Istati Membri sabiex ikollhom aċċess għall-aħjar għodod, soluzzjonijiet u prattiċi disponibbli. Min-naħa l-oħra, dawn l-attivitajiet jistgħu jgħinu lis-settur privat sabiex jiffoka l-investiment u jilħaq il-ħtiġijiet tas-settur pubbliku. Hu ovvju, madanakollu, li dan jeħtieġ koperazzjoni intensiva bejn is-setturi pubbliċi u privati. Għalhekk, jinħtieġ djalogu pubbliku privat speċifiku mtejjeb f’dan il-qasam. Dan jista’ jitwettaq b’modi differenti, inter alia, permezz tat-twaqqif ta’ korp speċifiku jew it-twaqqif ta’ grupp speċifiku fil-qafas ta’ eżerċizzji orizzontali ta’ sħubija pubblika privata marbuta mas-sigurtà, li għandhom jitnedew fil-futur qrib. L-għan tal-PPTF ma jkunx li tikkompeti ma’ korpi eżistenti (bħall-ESRAB), imma li tindirizza n-nuqqasijiet fl-interazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati li jinvolvu l-awtoritajiet ta' sigurtà relevanti fil-livell Ewropew. Lanqas m’għandha tkun korp permanenti; ikollha għanijiet ċari u definiti imma tispiċċa meta dawn jinkisbu. Isservi bħala forum għall-esperti mis-setturi pubbliċi u privati, u tgħin sabiex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet imqajma f’dan id-dokument jew sfidi ġodda li jistgħu jitfaċċaw tul l-implimentazzjoni tar-riżultati mill-konsultazzjoni pubblika dwar dan id-dokument. Min-naħa l-oħra, hu ċar li għadd ta’ azzjonijiet possibbli proposti f’dan id-dokument jinħtieġu attività min-naħa ta’ l-Istati Membri li fiha ma jkunx involut is-settur pubbliku. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ ħidmiet bħall-kooperazzjoni jkunu soġġetti għal ftehim bejn is-setturi privati u pubbliċi, u għalhekk permezz tas-sħubija tagħhom l-Istati Membri jkunu jistgħu jinfluwenzaw ir-rwol u l-attenzjoni tagħha. Ikollha wkoll tindirizza l-kwistjoni tal-qsim ta’ tagħrif kunfidenzjali bejn is-setturi pubbliċi u privati, għalkemm għandu jkun enfasizzat li s-settur pubbliku mhux l-uniku repożitorju ta’ tagħrif sensittiv. Mistoqsija Għodda bħal djalogu speċifiku pubbliku privat imtejjeb dwar l-iskoperta teknoloġiji marbuta jista’ jkun ta’ għajnuna fl-implimentazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar din il-karta? Jekk iva, taqbel mas-suġġerimenti t’hawn fuq jew għandek ideat differenti? Jekk le, x’mekkaniżmi oħra tissuġġerixxi sabiex għas-segwitu tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar dan id-dokument? Tkun interessat li tikkontribwixxi fix-xogħol tagħha jew li tipparteċipa direttament fiha? 2. PJAN TA' AZZJONI Fil-livell nazzjonali u Ewropew il-pjanijiet t’azzjoni kienu għodda li rnexxiet fis-sorveljanza ta’ azzjoni f’oqsma kumplessi bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità. Kemm il-konferenza kif ukoll dan id-dokument qajmu għadd ta’ domandi marbuta ma’ l-iskoperta u teknoloġiji assoċjati magħha fix-xogħol ta’ l-awtoritajiet ta' sigurtà relevanti. Sabiex ikun sorveljat il-progress f’dan il-qasam u jkunu stabbiliti l-għanijiet, jista’ jitfassal Pjan ta’ Azzjoni bbażat fuq it-tweġibiet għad-domandi mqajma u fuq aktar konsultazzjoni, jekk dan ikun meħtieġ. Mistoqsija Pjan ta’ azzjoni ikun għodda utli għall-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati fit-tweġibiet għal dan id-dokument? Kumment ta’ konklużjoni It-tweġibiet għal dan id-dokument għandhom jintbagħtu elettronikament sa l-10 ta’ Jannar 2007 fl-indirizz e-mail li ġej: JLS-D1-Detection@ec.europa.eu . It-tweġibiet kollha mis-setturi privati u pubbliċi jkunu ppubblikati fis-sit internet tal-Kummissjoni, sakemm min iwieġeb ma jistqarrx b’mod espliċitu x-xewqa tiegħu li jżomm informazzjoni partikolari kunfidenzjali. ANNESS I. SFOND TA’ TAGħRIF DWAR IT-TħEJJIJA TAL-GREEN PAPER Din il- Green Paper hi bbażata fuq ir-riżultati tal-konferenza u tqajjem temi u kwistjonijiet li kienu prominenti fid-diskussjonijiet (per eżempju l-istandardizzazzjoni, ir-riċerka fis-sigurtà, it-titjib ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi, il-ħarsien tal-privatezza, il-qafas legali u linji gwida oħra li jridu jikkonformaw magħhom it-teknoloġiji, eċċ.). Aktar minn mitt parteċipant/a min-negozju, l-industrija u s-settur pubbliku involvew irwieħhom fid-dibattitu. Is-settur pubbliku kien rappreżentat mill-membri ta’ l-infurzar tal-liġi, id-dwana u awtoritajiet oħra ta’ sigurtà, mill-Kummissjoni u minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri. It-titlu tal-konferenza jissuġġerixxi li din iffukat fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Madanakollu, deher ċar mill-bidu li approċċ usa’ dwar is-sigurtà kien inevitabbli jekk ma kellhomx jinqabżu preokkupazzjonijiet importanti dwar is-sigurtà. Dan l-approċċ wiesa’ kien affermat mill-ġdid bid-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Diċembru 2005 li jibbaża l-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika Ewropea fuq l-approċċ tar-‘riskji kollha’. Barra minn hekk, il-konferenza kellha approċċ ħolistiku billi ressqet flimkien il-partijiet interessati minn oqsma differenti ta’ għarfien sabiex jiddiskutu s-suġġetti li ġejjin: - It-teknoloġiji ta’ skoperta fil-ħarsien ta’ l-infrastruttura - Teknoloġiji u biometriji ta' skoperta personali - L-iskoperta ta’ splussivi u sustanzi kimiċi, bioloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN). It-temi kollha ffukaw fuq ix-xogħol ta’ l-infurzar tal-liġi, is-sigurtà u l-awtoritajiet doganali. Dan l-approċċ ippermetta lill-konferenza sabiex tidentifika diversi oqsma komuni ta’ preokkupazzjoni kemm għas-settur pubbliku kif ukoll dak privat (per eżempju l-interazzjoni bejn il-fornituri ta’ soluzzjonijiet u dawk li jeħtieġu s-soluzzjonijiet fis-settur pubbliku). Dan hu rifless fid-dokument kollu. Definizzjoni ta’ teknoloġiji ta’ skoperta u kategoriji relevanti Għall-għanijiet tal-konsultazzjoni, it-terminu ‘teknoloġija ta’ skoperta’ hu użat fl-aktar sens wiesa’. Teknoloġiji ta’ skoperta jistgħu jkunu “in situ” jew esterni u probabbilment il-mezzi aktar sofistikati sabiex jindirzzaw uħud mill-isfidu għas-sigurtà f’xenarji diversi jkun meta jkunu integrati fis-sistema kumplessa (bħas-sistema tat-trasport). Teknoloġija ta’ skoperta tista’ kważi tkun kwalunkwe oġġett użat sabiex jiskopri xi ħaġa f’kuntest ta’ sigurtà, bl-attenzjoni fuq l-infurzar tal-liġi, id-dwana jew l-awtorità dwar is-sigurtà. Hu possibbli li jkunu identifikati diversi kategoriji[6] li, jekk jitqiesu fir-rispons għall-mistoqsijiet deskritti f’dan id-dokument, jgħinu sabiex ikunu ppreċiżati t-tweġibiet: - Detetturi li jinżammu fl-idejn - Bibien ta’ skoperta - Soluzzjonijiet ta’ sorveljanza - Skoperta ta’ biometriji - Għodod għat-tiftix fid- data u t-testi - Għodod oħra b’bażi ta’ softwer, eċċ. Barra minn hekk, min iwieġeb għandu jikkunsidra wkoll it-teknoloġiji assoċjati meta jwieġeb id-domandi, għax it-teknoloġiji li jgħinu l-bnedmin sabiex jifhmu d- data miġbura mid-detetturi huma importanti wkoll għal soluzzjonijiet effettivi. It-teknoloġija hi meħtieġa sabiex tintegra s-soluzzjonijiet u tagħmel is-sistemi aktar interoperabbli. Minkejja li jkunu enfasizzaw dawn il-kategoriji, dawk li jwieġbu m’għandhomx iħossuhom limitati minnhom, imma huma mħeġġa sabiex imorru lilhinn minnhom. II. STANDARDIZZAZZJONI U L-BDIL TA’ DATA PERSONALI Il-Kummissjoni tindika li, f’termini tat-trattament ta’ data personali, id-Direttiva 95/46/KE diġà tipprovdi l-qafas legali għall-bdil ta’ informazzjoni li fiha data personali f’dak li jirrigwarda attivitajiet marbuta ma’ "l-ewwel pilastru”. F’dak li jirrigwarda l-informazzjoni bħala parti mill-kooperazzjoni ġudizzjarja u kriminali, u taħt il-prinċipju tad-disponibbiltà, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva li qed tkun diskussa. III. STUDJI 1. Protezzjoni f’avvenimenti tal-massa Kull sena l-Istati Membri ta’ l-UE jorganizzaw diversi avvenimenti pubbliċi tal-massa, li jkunu ta’ importanza nazzjonali, Ewropea u wkoll internazzjonali. Fl-ambjent ta’ sigurtà tal-lum l-ispejjeż ta’ sigurtà għal avvenimenti bħal dawn jista’ jieħu parti sostanzjali mill-baġits tagħhom. L-Istati Membri kollha jistgħu jibbenefikaw minn approċċ komuni għal din il-problema. Sabiex twitti t-triq għal miżuri li eventwalment jittieħdu f'dan il-qasam, il-Kummissjoni tipproponi li jkun organizzat studju dwar il-protezzjoni ta' avvenimenti tal-massa. L-istudju janalizza x’għodod ta’ sigurtà, tagħmir u għarfien applikati fil-protezzjoni ta’ avvenimenti tal-massa huma trasferibbli minn sit/avveniment għall-ieħor. L-istudju jqis ukoll il-prattikalità u l-implikazzjonijiet ta’ tagħmir li jappartjeni lill-Komunità, tagħmir maqsum fil-Komunità, u l-iżvilupp ta' mudell ta' negozju għas-servizzi fornuti mis-settur privat jew il-kombinazzjoni tat-tliet approċċi. Din il-parti ta’ l–istudju għandha tiddetermina liema soluzzjoni: - hi l-aktar effettiva fin-nefqa u flessibbli biżżejjed sabiex taqdi l-ħtiġijiet ta’ diversi Stati Membri; - tista’ tiżgura aċċess għal din is-soluzzjoni għall-Istati Membri kollha flimkien bil-qsim xieraq ta’ l-ispejjeż mill-Istati Membri. Meta jkunu lesti r-riżultati ta’ l-istudju, il-Kummissjoni tikkunsidra aktar miżuri f’dan il-qasam flimkien ma’ l-Istati Membri u partijiet oħra relevanti. 2. Kooperazzjoni u bdil ta’ tagħrif bejn il-laboratorji forensiċi u l-istituti ta’ riċerka dwar is-sigurtà Il-parteċipanti fil-konferenza enfasizzaw il-fatt li jeżistu ostakoli legali u ostakoli oħra fil-livell nazzjonali, liema ostakoli jwaqqfu l-kooperazzjoni u l-qsim effettiv ta’ informazzjoni fost l-istituti forensiċi nazzjonali fil-livell Ewropew. Għalhekk, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jitwettaq studju dwar is-suġġett. Dan l-istudju jista’ jindirizza wkoll l-għażliet sabiex tkun rimedjata s-sitwazzjoni. Tqajjem tħassib dwar il-kooperazzjoni u l-bdil ta’ tagħrif fost l-istituti ta’ riċerka fis-sigurtà. Jista’ jsir ukoll studju separat dwar din il-kwistjoni. 3. Il-Liġi u teknoloġija speċifika ta’ skoperta L-infurzar tal-liġi, id-dwana u awtoritajiet oħra ta’ sigurtà spiss jiġu skrutinizzati dwar jekk jikkonformawx ma’ l-istandards legali applikabbli. Anke jekk it-teknoloġiji bħala tali ma tkunx qed tikser l-istandards legali, l-użu tagħha minn bniedem jista’ jqajjem tħassib. Għalhekk, l-identifikazzjoni tal-qafas legali li jirregola l-użu ta’, u jistabbilixxi l-limiti għas-soluzzjonijiet teknoloġiċi jista’ jgħin sabiex iqajjem kuxjenza akbar fis-setturi pubbliċi u privati u sabiex jiffaċilita l-konformità ma’ l-istandards eżistenti. Is-settur privat jista’ jibbenefika wkoll minn studju bħal dan meta jipproponi u jfassal soluzzjonijiet u servizzi teknoloġiċi għas-settur pubbliku. 4. Teknoloġija speċifika ta’ skoperta u l-użu prattiku tagħha Bl-istess mod, il-gwida u l-aħjar prattika fl-użu tat-teknoloġiji, partikolarment it-teknoloġiji ta’ skoperta, għandha tqis kif l-utenti ta’ dawn it-teknoloġiji attwalment jużaw għodod bħal dawn fil-prattika, u kif jaġixxu f’relazzjoni mal-persuni soġġetti għall-iskoperta. Teknoloġija speċifika tista’ ma tiksirx l-istandards legali, imma l-użu tagħha fir-realtà minn operatur jista’ jqajjem tħassib. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda jew l-użu li jinbidel ta’ teknoloġiji eżistenti jista’ jirriżulta f’sitwazzjonijiet fejn il-liġi li tirregola l-użu tagħhom ma tkunx eżistenti. Jista’ jkunu ukoll li użu partikolari ta’ teknoloġija ma jkunx jikser il-liġi, imma jkun imur kontra l-linji gwida għall-aħjar prattiċi jew kodiċi ta’ imġiba żviluppati sabiex jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet legali. L-għarfien ta’ regolamenti (strumenti) ta’ dan it-tip jista’ joffri ħjiel u gwida dwar jekk jikkonformawx mal-qafas legali (b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali u l-ħarsien tad- data ) u dwar x’inhu aċċettabbli jew le f’sitwazzjoni fejn id-dispożizzjonijiet legali ma jkunux ġew żviluppati. 5. Teknoloġiji u biometrija ta' skoperta personali L-iskoperta personali (inkluża s-sorveljanza) u l-biometrija huma kwistjonijiet li jeffettwaw l-individwi b’mod dirett, u għalhekk għaddej dibattitu politiku sensittiv dwar l-użu ta’ dawn l-għodod għall-għan tat-titjib tas-sigurtà fl-Ewropa. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jsir studju sabiex ikun identifikat il-qafas legali li jirregola t-teknoloġija personali ta’ skoperta u l-biometrija. Dan l-istudju janalizza s-sistemi legali ta’ l-Istati Membri u l-UE u għalhekk jistabbilixxi r-regoli eżistenti li jirregolaw l-iskoperta personali u l-biometrija. Studju ta’ din ix-xorta hu partikolarment importanti waqt it-twettiq ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi proposti mis-settur privat b'konformità mal-liġi. F’termini sempliċi, jgħin ħafna għas-settur privat jekk dan jifhem il-limitazzjonijiet legali u limitazzjonijiet oħra ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi li jiżviluppa. Jistgħu jitfasslu wkoll studji speċjali dwar il-livelli ta’ aċċettazzjoni ta’ sorveljanza u biometrija mill-popolazzjoni fi Stati Membri individwali u fl-UE. Il-metodoloġija ta’ dawn l-istudji għandha tiżgura li m’hemm l-ebda konfużjoni bejn iż-żewġ suġġetti – is-sorveljanza u l-biometrija. Studji bħal dawn jgħinu lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali sabiex iwettqu strateġiji adekwati ta’ komunikazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet. B’mod ġenerali, l-istudji jikkontribwixxu aktar għad-dibattitu politiku fl-Ewropa dwar dawn il-materji importanti. [1] Għal sfond ta’ aktar tagħrif, ara l-parti I ta’ l-Anness. [2] Ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi r-regoli fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, ĠU L 355 tat-30.12.2002, p.1 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 ta’ l-4 ta’ April 2003 li jistabbilixxi l-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, Ġ.U. L 89 tal-5.4.2003, p.9 [3] Għad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-bdil ta’ data personali, ara l-parti II ta’ l-Anness. [4] Għandhom jitqiesu wkoll sistemi oħra minbarra dawk ta’ informazzjoni. [5] Għal aktar deskrizzjoni ta’ l-ideat wara l-ħtieġa għal dawn l-istudji, ara l-parti III ta’ l-Anness. [6] Din il-lista ta’ kategoriji mhix komprensiva.