EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0275(01)

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

/* KUMM/2006/0275 finali */

52006DC0275(01)

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra /* KUMM/2006/0275 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.6.2006

KUMM(2006) 275 finaliVolum I

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL -KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

Fl-Għanijiet Strateġiċi tagħha għall-2005-2009 il-Kummissjoni identifikat "il-ħtieġa partikolari għal politika marittima kumplessiva mmirata lejn l-iżvilupp ta' ekonomija marittima vitali u l-potenzjal sħiħ ta' l-attivitajiet marbuta mal-baħar b'mod li huwa ambjentalment sostenibbli." Imsejsa fuq Komunikazzjoni tat-2 ta' Marzu 2005, iddeċidiet li Green Paper dwar il-Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni, għall-adozzjoni mill-Kummissjoni fl-ewwel nofs ta' l-2006, għandha tkun l-ewwel pass lejn l-istabbiliment ta' Politika Marittima ta' l-UE kumplessiva bħal din.

Il-Kummissjoni adottat Green Paper f'konformità ma' dawn id-deċiżjonijiet. Wieħed għandu jħares lejn il-Green Paper fil-kuntest tal-politika ta' l-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli, li tagħha hija applikazzjoni waħda. Għandha l-għan, fl-isfera marittima usa', li tistimula l-iżvilupp u l-impjiegi taħt l-aġenda ta' Liżbona, b'mod sostenibbli li jiżgura l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar. Filwaqt li tagħmel dan, tirrikonoxxi r-rwol ewlieni li għandhom l-oċeani fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-numri dejjem jikbru ta' ċittadini ta' l-UE li jgħixu, jaħdmu u jqattgħu il-btajjel fir-reġjuni kostali.

Ir-rabta bejn dawn l-elementi hija l-ibħra u l-oċeani li jdawru l-kontinent tagħna u r-reġjuni periferiċi u l-aktar imbiegħda, u li għandhom diversi funzjonijiet. Minbarra li għandhom valur intrinsiku proprju, jipprovdu wkoll il-bażi tar-riżorsi għall-attivitajiet marittimi kollha. Il-Green Paper hija risposta għall-mandat mogħti lit-Task Force għall-Affarijiet Marittimi, taħt id-direzzjoni tal-Grupp Direzzjonali ta' Kummissarji, sabiex jiġu eżaminati l-attivitajiet ekonomiċi ta' l-Ewropej li huma marbuta ma', jew li għandhom impatt fuq, l-oċeani u l-ibħra, u l-politiki li huma marbuta magħhom, bil-għan li jinsabu mezzi aħjar sabiex l-Ewropej jisiltu aktar benefiċċji sostenibbli mill-oċeani.

Il-Green Paper hija mistennija tistimula dibattitu miftuħ wiesa' fost il-partijiet interessati kollha u fuq il-livelli kollha ta' governanza. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tgħin fl-organizzazzjoni ta' dan id-dibattitu.

Punti Ewlenin tal-Green Paper

Introduzzjoni ġenerali tiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali u l-ħsieb wara l-Green Paper. Sa issa, il-politiki tagħna dwar it-trasport marittimu, l-industrija, ir-reġjuni kostali, l-enerġija offshore , is-sajd, l-ambjent marittimu, il-koeżjoni soċjo-ekonomika u f'oqsma rilevanti oħra żviluppaw b'mod separat għaxħadd ma kien qed jeżamina kif dawn il-politiki jistgħu jiġu kkombinati sabiex isaħħu lil xulxin. Għalhekk wasal iż-żmien li dawn l-elementi kollha jingħaqdu u tinħoloq viżjoni ġdida dwar kif immexxu r-relazzjonijiet tagħna ma' l-oċeani.

Il-Green Paper għalhekk hija mmirata lejn li jinfetaħ dibattitu dwar Politika Marittima ta' l-UE għall-ġejjieni li titratta l-oċeani u l-ibħra b'mod ħolistiku.

L-introduzzjoni tagħraf li l-politika marittima għandha tkun ingastata fi ħdan l-istrateġija ta' Liżbona, filwaqt li tirrifletti l-prinċipji ta' ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi, u tenfasizza li l-azzjoni ta' l-UE hija meħtieġa biss fejn iġġib valur miżjud għall-azzjoni nazzjonali u lokali.

Kapitlu 2: Iż-Żamma tat-Tmexxija ta' l-Ewropa fl-Iżvilupp Marittimu Sostenibbli

It-tieni kapitlu jħares lejn l-importanza ekonomika ta' l-ekonomija marittima u l-prospetti ta' żvilupp tagħha u jidentifika s-sors tal-kompetittività tagħha. Iħares lejn l-assi disponibbli għaliha f'termini ta' l-ambjent marittimu nnifsu, għarfien ta' l-oċeani, il-kreattività tal-kumpaniji u l-għarfien espert ta' dawk li qed jaħdmu f'diversi setturi, u jistaqsi kif l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jgħinu sabiex dawn l-assi jikbru kemm jista' jkun. Imbagħad jagħti ħarsa lejn in-nisġa ta' relazzjonijiet bejn is-setturi ekonomiċi, u lejn il-qafas regolatorju.

Il-kapitlu jidentifika l-ħtieġa, f'dinja li qed tigglobalizza b'pass mgħaġġel, għas-setturi marittimi sabiex dawn ikomplu jibbażaw l-iżvilupp tagħhom fuq prodotti innovattivi. F'din id-direzzjoni, jirreferi għall-programmi Komunitarji eżistenti li huma maħsuba għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, u jagħti ideat għal approċċ aktar integrat li jinvolvi l-attivitajiet ta' l-Istati Membri.

Jenfasizza r-rwol essenzjali ta' l-Istrateġija Tematika Marittma sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali u tal-leġiżlazzjoni għas-Sikurezza Marittima.

Janalizza x'jista' jsir sabiex titjieb ix-xejra negattiva attwali fin-numru ta' Ewropej li qed jinvolvu rwieħhom fi professjonijiet marittimi u sabiex tittejjeb il-kwalità ta' l-impjiegi.

Jilqa' wkoll l-iżvilupp ta' approċċ aktar integrat li bħalissa qed jiġi żviluppat mis-settur privat ( clustering ), u jissuġġerixxi kif l-ambjent regolatorju fis-setturi marittimi jista' jiġi żviluppat. Din it-taqsima titlob għal diskussjoni dwar is-semplifikazzjoni, msejsa fuq ir-rappurtar tal-partijiet interessati tal-każijiet fejn leġiżlazzjoni żviluppata għall-ħtiġijiet u l-għanijiet ta' politika ikollha impatti kontradittorji fuq għanijiet marittimi oħra. Tinkludi wkoll diskussjoni tad-dilemmi marbuta ma' azzjonijiet possibbli tal-KE fir-rigward tar-reġistri tat-tbaħħir u l-istabbiliment ta' reġistru ta' l-UE mhux mandatorju.

Il-kapitlu jirreferi għall-ħtieġa sabiex jitqiesu sfidi ġodda quddiem id-dinja marittima, jiddiskuti l-effetti tat-tibdil fil-klima globali, jiddeskrivi xi żviluppi promettenti fil-qasam ta' l-enerġija, u jidentifika l-potenzjal konsiderevoli tal-bijoteknoloġija blu.

Kapitlu 3: It-titjib tal-Kwalità tal-Ħajja kemm jista' jkun fir-Reġjuni Kostali

Dan il-kapitlu jeżamina r-rwol speċjali tar-reġjuni kostali fl-affarijiet marittimi. Jiddiskuti l-importanza ta' ambjent marittimu f'saħħtu għall-kwalità tal-ħajja ta' numru dejjem jikber ta' ċittadini. Jeżamina t-theddidiet varji għall-kosta u l-abitanti tagħha, kif jistgħu jiġu indirizzati u kif minnhom wieħed jista' jikseb l-opportunitajiet. Jagħti ħarsa lejn ir-rwol ewlieni tat-turiżmu marittimu fl-ekonomiji lokali u x'inhu l-aħjar mod sabiex tiġi żgurata l-vitalità tiegħu fit-tul. Finalment, jindirizza kif inhu l-aħjar mod sabiex jitmexxew in-nisġiet kumplessi ta' relazzjonijiet bejn l-attivitajiet marittimi u dawk ta' fuq l-art, sabiex dawn ikunu jistgħu jsaħħu lil xulxin.

Kapitlu 4: Nipprovdu l-għodod għall-ġestjoni tar-Relazzjonijiet tagħna ma' l-Oċeani

Dan il-kapitlu jeżamina numru ta' għodod importanti sabiex tittejjeb il-ġestjoni sostenibbli tar-relazzjonijiet tagħna ma' l-oċeani u l-ibħra.

Jagħti ħarsa lejn it-tip ta' data li jeħtieġ li ssir disponibbli, kemm dwar l-oċeani u l-ibħra nfushom kif ukoll dwar l-attivitajiet relatati tal-bnedmin, u jidentifika l-ħtieġa sabiex jitwaqqaf netwerk komprensiv ta' l-UE għad- data marittima u sabiex jiġu integrati u żviluppati aktar in-netwerks eżistenti li huma mmirati sabiex jidentifikaw il-moviment ta' bastimenti fuq l-ibħra kostali ta' l-UE.

Jitlob sistemi ta' ppjanar spazjali sabiex jiġu rregolati l-attivitajiet ekonomiċi fl-ilmijiet kostali, mibnija fuq l-approċċ ta' ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi li diġà kien propost fl-Istrateġija Marittima Tematika. Fl-aħħar jiddiskuti r-rwol importanti li jista' jkollu l-appoġġ finanzjarju tal-KE għar-reġjuni kostali, prinċipalment permezz tal-fondi strutturali (l-ERDF, l-ESF) u l-Fond ta' Koeżjoni.

Kapitlu 5: Il-Governanza

Fi ħdan l-UE

Għarfien ġdid ta' l-Oċeani u l-Ibħra jisfida approċċi tradizzjonali settorjali u limitati ġeografikament u jwassal għal forma aktar integrata ta' tfassil ta' politika bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Żviluppi teknoloġiċi, fosthom avvanzi marbuta mal-monitoraġġ u s-sorveljanza ta' l-ibħra, wasslu biex is-servizzi tad- data jiġu integrati għal livelli li wieħed qatt ma seta' jimmaġinahom fl-imgħoddi. Politiki integrati huma l-aħjar mezz sabiex jinkisbu ekonomiji fil-kobor imsejsa fuq it-teknoloġija. L-infurzar tal-liġi fuq il-baħar jiġi organizzat l-aħjar permezz ta' l-użu koordinat tar-riżorsi skarsi u għalja disponibbli fl-Istati Membri. Dan il-kapitlu jispeċifika f'aktar dettall l-implikazzjonijiet li għandu l-iżvilupp ta' politika marittima integrata, u jistipola xi prinċipji ġenerali għat-tfassil tal-politika marittima. Jissuġġerixxi wkoll it-tip ta' diviżjoni ta' l-attivitajiet li wieħed jista' jimmaġina bejn il-KE u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' l-ippjanar spazjali.

Il-governanza marittima għandha tagħmel użu mill-esperjenza miksuba mill-politika reġjonali fl-oqsma tal-koordinazzjoni fost il-politiki settorjali, il-kooperazzjoni fuq eżempji ta' prassi tajba u partenarjat bl-involviment tal-partijiet interessati.

Dan il-kapitlu wkoll jagħmel referenza għal-livell baxx ta' integrazzjoni tad-diversi attivitajiet offshore ta' ħafna Stati Membri b'ilmijiet kostali. Jissuġġerixxi li jkun ta' ġid li ssir mossa lejn aktar koordinazzjoni u komunalità bejn il-funzjonijiet u bejn l-Istati Membri.

Jissemma wkoll li l-Ispazju Marittimu Komuni ta' l-UE għandu jiġi estiż għal attivitajiet addizzjonali, (fosthom tbaħħir kostali bejn l-Istati Membri ta' l-UE), kif ukoll l-idea li tiġi stabbilita gwardja kostali ta' l-UE. L-iżvilupp ta' diversi attivitajiet illegali, fosthom it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu, huwa identifikat bħala fattur li qed iwassal għall-ħtieġa urġenti għal koordinazzjoni aħjar tar-riżorsi nazzjonali eżistenti u l-akkwist komuni ta' riżorsi ġodda. L-involviment dejjem jikber tal-forzi tal-baħar ta' l-Istati Membri f'attivitajiet ċivili jissemma partikolarment.

Fl-Arena Internazzjonali

Dan il-kapitlu jargumenta li l-politika marittima għandu jkollha dimensjoni esterna, peress li l-oċeani tad-dinja huma interkonnessi u t-tfassil tar-regoli huwa kemm-il darba globali. Tabilħaqq, ħafna mill-politika marittima, min-natura tagħha stess, tmur lil hinn mill-konfini ta' l-Ewropa, u kwistjonijiet bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-ambjent marittimu u l-ħarsien tal-bijodiversità, it-tbaħħir u s-sajd, huma regolati bl-aħjar mod abbażi ta' regoli internazzjonali. Għalhekk, fejn l-UE tiżviluppa ideat ġodda fil-politika marittima se tkun trid taqsamhom mal-komunità internazzjonali. Meta tara l-ħtieġa għal regoli internazzjonali ġodda se tkun trid iżżid il-piż tagħha għall-introduzzjoni tagħhom billi tieħu sehem fl-iżvilupp tagħhom. Jekk, madankollu, tfalli l-azzjoni fuq livell internazzjonali, l-UE għandha tassumi r-responsabbiltajiet tagħha u tqis l-għażliet tagħha għalazzjoni skond it-Trattat. Fejn xi pajjiżi terzi jonqsu l-kapaċità jew il-governanza effettiva sabiex japplikaw regoli maqbula fuq livell internazzjonali, se tkun trid tuża l-istrumenti tal-politika esterna tagħha sabiex trawwem it-titjib. Finalment, il-kapitlu jgħid biċ-ċar li, minkejja li politika marittima Ewropea teħtieġ qafas ġenerali, l-implimentazzjoni tagħha se teħtieġ li jitqiesu r-realtajiet u d-diversitajiet tas-sitwazzjoni ġeografika ta' l-Ewropa.

Kapitlu 6: L-Akkwist mill-Ġdid tal-Patrimonju Marittimu Ewropew u l-Affermazzjoni mill-ġdid ta' l-Identità Marittima Ewropea

Dan il-kapitlu jeżamina kif l-attivitajiet marbuta mal-patrimonju marittimu jistgħu jiġu inkoraġġati, b'rabta ma' setturi marrittimi oħra, u kif l-edukazzjoni tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp dejjem jikber ta' viżjoni komuni dwar ir-rwol ta' l-oċean f'ħajjitna. Tista' twassal ukoll għal perspettiva aktar favorevoli għall-professjonijiet marittimi u tgħin biex jittejjeb ir-rendiment tas-setturi marittimi.

Kapitlu 7: It-Triq 'il Quddiem – Il-Proċess ta' Konsultazzjoni

Dan il-kapitlu jenfasizza l-impenn tal-Kummissjoni li tisma' l-partijiet interessati matul il-perjodu ta' konsultazzjoni sa l-aħħar ta' Ġunju 2007. Qabel tmiem l-2007, il-Kummissjoni se tindirizza Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament li tagħti sinteżi tar-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni u li tipproponi t-triq 'il quddiem.

Top