EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0210

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar id-direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta’ Mejju 2002 li temenda u temenda temporarjament id-Direttiva 77/388/KEE rigward il-valur miżjud lill-arranġamenti tat-taxxa applikabbli fuq servizzi ta' xandir tar-radju u t-televiżjoni u ċertu servizzi fornuti elettronikament

/* KUMM/2006/0210 finali */

52006DC0210

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar id-direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta’ Mejju 2002 li temenda u temenda temporarjament id-Direttiva 77/388/KEE rigward il-valur miżjud lill-arranġamenti tat-taxxa applikabbli fuq servizzi ta' xandir tar-radju u t-televiżjoni u ċertu servizzi fornuti elettronikament /* KUMM/2006/0210 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.5.2006

KUMM(2006) 210 finali

2006/0069 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2002/38/KE rigward il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ l-arranġamenti tat-taxxa fuq il-valur miżjud għas-servizzi ta’ xandir tar-radju u t-televiżjoni u ċerti servizzi pprovduti elettronikament

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar id-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2002/38/KE tas-7 ta’ Mejju 2002 li temenda u temenda temporarjament id-Direttiva 77/388/KEE rigward il-valur miżjud lill-arranġamenti tat-taxxa applikabbli fuq servizzi ta' xandir tar-radju u t-televiżjoni u ċertu servizzi fornuti elettronikament

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta’ Mejju 2002 li temenda u temenda temporanjament id-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta’ l-arranġamenti tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għas-servizzi ta' xandir tar-radju u t-televiżjoni u għal ċerti servizzi pprovduti elettronikament, l-hekk imsejħa Direttiva tal-VAT e-kummerċ, fiha għadd ta’ dispożizzjonijiet li se jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2006 sakemm ma jiġux estiżi. Meta ddaħħlet, kien maħsub li d-dispożizzjonijiet li jkopru l-post li jforni dawn is-servizzi u ċerti miżuri ta’ faċilitazzjoni għal negozji li mhumiex ta' l-UE għandhom jiġu riveduti mill-Kunsill qabel it-tmiem ta’ l-ewwel tliet snin ta’ l-operat u, fuq il-bażi ta’ proposta riveduta jew estiża kif meħtieġ, mill-Kummissjoni. Ir-reviżjoni hija fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u għaldaqstant dan ir-rapport huwa mehmuż ma’ din il-proposta. L-adozzjoni f’waqtha mill-Kunsill ta' proposti mill-Kummissjoni dwar il-post li jforni s-servizzi (COM (2005) 334) u dwar is-simplifikazzjoni ta' l-obbligi tal-VAT (COM (2004) 728) kienet tevita l-bżonn li testendi d-dispożizzjonijiet ikkonċernati ladarba dawn il-proposti aktar ġenerali kienu jinkludu miżuri biex jiżguraw it-twettiq għal medda twila ta' żmien ta' l-għanijiet tad-Direttiva 2002/38/KE. Ir-rata baxxa ta’ progress leġiżlattiv min-naħa ta’ l-Istati Membri fil-Kunsill madankollu tfisser li dawn it-tibdiliet mhux se jkunu f’posthom fil-ħin qabel ma’ jiskadu l-miżuri fl-2002. Biex id-dispożizzjonijiet ma jiskadux din is-sena – eventwalità li ħadd ma jixtieqha – il-Kummissjoni ma għadx fadlilha għażla ħlief li tipproponi l-estensjoni temporanja tagħhom. L-għan ewlieni tad-Direttiva 2002 kien ċar – jirranġa nuqqas evidenti f’waħda mid-dispożizzjonijiet bażiċi tal-liġi tal-VAT. Il-konsenja elettronika tas-servizzi ma kinitx imbassra meta s-6 Direttiva tal-VAT kienet stabbilita u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kif kienu qabel it-tibdil ta' l-2002 taw riżultat pervers. Dawn mhux talli naqsu li jintaxxaw is-servizzi elettroniċi taxxabbli minn operaturi ta’ pajjiż terz iżda n-negozji Ewropej kellhom l-obbligu li jintaxxaw dawn il-provvisti kollha – indipendentement minn fejn joqgħod il-konsumatur. Dan ir-riżultat kien f’kunflitt man-newtralità li hija essenzjali għall-VAT u tfittex li t-taxxa ma “tgħawwiġx il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jew twaqqaf il-moviment ħieles tal-prodotti u s-servizzi” (L-ewwel Direttiva tal-Kunsill dwar il-VAT 67/227/KEE). Il-kwistjoni kienet fejn se jiġu ntaxxati dawn is-servizzi. Il-VAT hija taxxa ġenerali fuq il-konsum ta’ prodotti u servizzi u kull eskużjoni teħtieġ dispożizzjoni speċifika. Jekk l-iżviluppi fit-teknoloġija jew fil-prassi kummerċjali joħolqu nuqqasijiet fil-kopertura, il-prassi standard minn dejjem kienet li dawn jiġu rranġati. Id-Direttiva tinkludi reġistrazzjoni ssimplifikata u obbligi ta’ rappurtar biex jgħinu l-konformità ta’ operaturi mhux komunitarji, li jippermettulhom jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ taxxa Ewropea waħda ta’ l-għażla tagħhom. Din id-dispożizzjoni kienet bidla sinifikanti min-norma eżistenti fejn min iħallas it-taxxa kien meħtieġ ikollu x’jaqsam ma’ kull amministrazzjoni li fil-ġurisdizzjoni tagħha kienu jseħħu attivitajiet taxxabbli. Għalkemm limitat fil-kopertura għal fornituri ta' servizz e-kummerċ mhux stabbiliti, in-natura ġdida ta' dan il-punt waħdieni għall-konformità tal-VAT kien fattur li kkontribwixxa għad-dħul ta’ klawżola ta’ reviżjoni li obbligat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jerġgħu jeżaminaw il-kwistjoni qabel it-tmiem ta' tliet snin. Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill ikkonkluda li d-Direttiva 2002 ħadmet b’mod sodisfaċenti u kisbet l-għanijiet tagħha. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar it-tiġdid jew it-tibdil, id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva jistgħu jiskadu u r-regoli għall-e-servizzi jerġgħu lura għal dawk li kienu japplikaw qabel it-tibdiliet li seħħew mill-2003. Sabiex tiġi evitata din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li d-dispożizzjonijiet eżistenti li huma previsti li jiskadu din is-sena għandhom jiġu estiżi b’perjodu ta’ 30 xahar sal-31 ta’ Diċembru 2008. Dan jagħti biżżejjed żmien għall-adozzjoni taż-żewġ proposti msemmija hawn fuq u għall-Istati Membri biex jiżguraw li t-tibdiliet infrastrutturali meħtieġa jkunu f’posthom. Din il-proposta se tiżgura wkoll li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, meħtieġa biex jirreġistraw kummerċjanti barranin ta’ l-e-servizz għal raġunijiet ta’ VAT u għad-distribuzzjoni ta’ l-irċevuti tal-VAT għall-Istat Membru adattat, se jibqgħu fis-seħħ ladarba huma marbuta mad-Direttiva 2002/38/KE. |

Kuntest Ġenerali Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE ġiet introdotta bl-għan primarju li telimina effett mhux mixtieq u mhux maħsub tas-6 Direttiva tal-VAT li permezz tagħha n-negozji ta’ l-UE sabu ruħhom iżommu u jiġbru l-VAT f’ċirkostanzi li jqegħduhom fi żvantaġġ ta’ kompetittività fil-konfront ta’ operazzjonijiet ibbażati f’pajjiż terz. Id-Direttiva wettqet dan il-għan. Illum il-bilanċ bejn l-operaturi ta’ l-UE u dawk li mhuwiex mhix problema fejn tidħol il-VAT u ħadd ma jixtieq jerġa’ lura għall-pożizzjoni li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tagħha. Għalkemm mhux l-għan primarju, id-Direttiva kkontribwiet għad-dħul mit-taxxi ta’ l-Istati Membri. Apparti t-taxxa miġbura u mħallsa minn operaturi mhux komunitarji rreġistrati taħt l-iskema speċjali, l-ammonti li jirriżultaw min-negozji li għażlu li jistabbilixxu ruħhom fi ħdan il-Komunità mistennija li jkunu sinifikanti. It-total madankollu huwa diffiċli biex jiġi kkwantifikat għaliex il-kumpaniji jagħżlu li jistabbilixxu ruħhom fil-Komunità għal bosta raġunijiet u mhuwiex prattiku li jiġi identifikat id-dħul mill-VAT mis-servizzi partikolari koperti mid-Direttiva bi preċiżjoni fl-istatistika tad-dħul ippubblikata. Effett ulterjuri dwar id-dħul mit-taxxa ġej mill-VAT ta' negozji komunitarji eżistenti li, bl-adozzjoni tad-Direttiva, ma kellhomx inċentiv aktar biex imexxu l-operazzjonijiet tagħhom barra l-Komunità biex iħarsu l-qagħda kompetittiva tagħhom. L-effett ikkombinat ta' dawn it-tliet fatturi jikkonferma l-bżonn ta’ estensjoni tad-dispożizzjonijiet. Matul l-aħħar tliet snin, is-suq għal dawnlowds B2C u għas-servizzi on-line kiber u sar aktar sofistikat maż-żmien minn meta ġiet adottata d-Direttiva. Skond l-IFPI, il-korp kummerċjali globali ta’ l-industrija tal-mużika, il-bejgħ tal-mużika distribwita diġitalment ittriplika ruħu matul l-2005. Kwistjonijiet regolatorji u legali bħal pereżempju dawk assoċjati ma’ drittijiet ta’ ġestjoni u dawnlowds illegali huma fil-proċess li jiġu solvuti. Inċertezza dwar trattament tat-taxxa fil-ġejjieni jkun pass lura u li jista’ jitneħħa biss permezz ta’ din il-miżura ta’ prolongazzjoni. Apparti li tinħoloq l-inċertezza, jekk il-miżuri ma jiġux estiżi jerġa’ jitqajjem tħassib dwar id-diżlokament ta’ l-attività tan-negozju li kien r-raġuni ewlenija li wasslet għat-tibdiliet adottati fl-2002. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Din hija estensjoni sempliċi tad-Direttiva eżistenti 2002/38/KE. Maż-żmien id-dispożizzjonijiet li jiskadu din is-sena se jingħataw effett permanenti bl-adozzjoni taż-żewġ proposti diġà msemmija, COM (2004) 728 u COM (2005) 334. Dawn huma miżuri li għandhom x’jaqsmu mas-simplifikazzjoni ta’ l-obbligi amministrattivi u l-post tat-tassazzjoni tas-servizzi b'mod ġenerali rispettivament. Primarjament minħabba l-ambitu wiesa’ ħafna tagħhom, il-progress leġiżlattiv kien aktar bil-mod milli mistenni. Madankollu, probabbli li jiġu adottati fil-futur qrib imma mhux fil-ħin biex ikopru l-iskadenza tad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva ta' l-2002. Meħuda flimkien, dawn iż-żewġ miżuri proposti se jiżguraw it-tħaddim korrett fil-medda twila ta’ żmien ta’ l-applikazzjoni tal-VAT għal-e-servizzi b’konformità ma’ l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/38/KE. |

Il-Konsistenza ma’ l-istrateġiji politiċi oħra u ma’ l-għanijiet ta’ l-Unjoni Id-dispożizzjonijiet li dwarhom qed tiġi proposta l-estensjoni huma b’konformita sħiħa mal-politika stabbilita tal-VAT tal-komunità kif stipulata fis-6 Direttiva tal-VAT. Id-Direttiva oriġinali ta’ l-2002 kienet ir-riżultat ta’ nuqqas fil-kopertura tas-6 Direttiva maħluq mill-bidla tekonoloġika u l-bżonn li tiġi assigurata applikazzjoni konsistenti tat-taxxa. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-EVALWAZZJONI TA' L-IMPATT |

Il-Konsultazzjoni tal-partijiet interessati |

Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi fil-mira ewlenin u l-profil ġenerali tar-rispondenti Il-Parteċipanti f’żewġ seminars fil-Programm Fiscalis li seħħew matul l-aħħar tliet snin biex jissorveljaw l-operat tad-Direttiva ta’ l-2002 kienu jinkludu rappreżentanti minn kull Stat Membru u rappreżentanti tal-maġġoranza ta’ l-operaturi involuti. |

Taqsira tat-tweġibiet u kif dawn ġew ikkunsidrati Minħabba n-natura sensittiva tar-relazzjoni bejn min iħallas it-taxxa u l-amministrazzjoni fiskali, mhuwiex xieraq li jiġu identifikati kontribuzzjonijiet individwali għal dan id-djalogu. Il-kwistjonijiet sinifikanti kollha li tqajmu huma madankollu indirizzati fir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill. |

Il-Ġbir u l-użu tal-parir espert |

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għall-parir espert estern. |

Il-Valutazzjoni ta’ l-impatt L-unika possibilità oħra għall-Kummissjoni setgħat kienet dik li tħalli d-dispożizzjonijiet ta' l-2002 jaqgħu. Ir-raġunijiet l-għala din ma kinitx possibilità realistika huma stipulati fir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill. |

L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Sommarju ta’ l-azzjoni proposta Il-proposta se testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni previst fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE u b’hekk tiżgura li l-miżuri adottati għat-tassazzjoni korretta ta’ ċerti servizzi pprovduti elettronikament u s-servizzi ta’ xandir tar-radju u t-televiżjoni jibqgħu f’posthom. |

Il-Bażi legali L-Artikolu 93 tat-Trattat u d-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE |

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

Il-proposta hija estensjoni sempliċi tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżura eżistenti fis-6 Direttiva tal-VAT. Ma hemm ebda alternattiva raġjonevoli. |

Il-miżuri adottati fl-2002 ħadmu b’mod sodisfaċenti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għan-negozji kkonċernati. Ma hemm ebda possibilità alternattiva li jirnexxielha tikseb aħjar l-għanijiet tal-miżura oriġinali. |

L-għażla ta’ l-istrumenti |

Strumenti proposti: direttiva. |

Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġunijiet li ġejjin. Din il-Proposta testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni diġà adottata f’Direttiva. Ma hemm ebda mezz alternattiv biex jinkiseb dan l-għan. |

L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni kwantifikabbli għall-Baġit tal-Komunità. |

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI |

Klawżola ta’ evalwazzjoni/reviżjoni/estinzjoni |

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ reviżjoni. |

Tabella ta’ korrelazzjoni L-Istati Membri huma meħtieġa jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva kif ukoll it-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. |

1. 2006/aaaa (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2002/38/KE rigward il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ l-arranġamenti tat-taxxa fuq il-valur miżjud għas-servizzi ta’ xandir tar-radju u t-televiżjoni u ċerti servizzi pprovduti elettronikament

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Billi:

(1) Ir-reviżjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta’ Mejju 2002 li temenda u temenda temporanjament id-Direttiva 77/388/KEE rigward it-taxxa fuq il-valur miżjud li tapplika għas-servizzi ta’ xandir tar-radju u t-televiżjoni u ċerti servizzi pprovduti elettronikament twettqet.

(2) Fid-dawl ta’ dik ir-reviżjoni, jeħtieġ li, fl-interess tat-tħaddim xieraq tas-suq intern u sabiex tiġi żgurata l-eliminazzjoni kontinwa tad-distorsjoni, l-arranġamenti tat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għas-servizzi ta' xandir tar-radju u t-televiżjoni u ta' ċerti servizzi pprovduti elettronikament għandhom ikomplu japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2008.

(3) Id-Direttiva 2002/38/KE għandha għalhekk tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/38/KEE huwa mibdul b' li ġej:

'L-Artikolu 1 għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2008.'

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2006. Mingħajr dewmien l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bit-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella korrispendenti bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2006.

Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir referenza bħal din.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fi jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar id-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2002/38/KE tas-7 ta’ Mejju 2002 li temenda u temenda temporarjament id-Direttiva 77/388/KEE rigward il-valur miżjud lill-arranġamenti tat-taxxa applikabbli fuq servizzi ta' xandir tar-radju u t-televiżjoni u ċertu servizzi fornuti elettronikament

1. SFOND

Id-Direttiva 2002/38/KE tobbliga lill-Kummissjoni li tagħmel rapport sat-30 ta’ Ġunju 2006 dwar l-operat tagħha u, jekk meħtieġ, biex tipproponi jew tibdel il-mod li topera jew biex testendi l-applikabbiltà. Dan ir-rapport hu marbut ma’ l-ewwel obbligu. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll il-grad ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva sa l-aħħar ta’ l-2008. Sabiex tevita d-dupplikazzjoni tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta ta’ estensjoni, ir-rapport jikkonċentra fuq l-impatt prattiku tad-Direttiva u kif din taħdem fil-prattika.

Il-miżuri ta’ l-2002 fissru li l-UE saret l-ewwel ġurisidizzjoni tat-taxxa li tintaxxa l-e-servizzi f’konformità mal-prinċipji żviluppati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku[4]. Il-prinċipji ta’ l-OECD dwar it-tassazzjoni ta’ l-e-kummerċ sar qbil dwarhom fl-1998 f'Ottawa u jipprevedu li meta taxxi tal-konsum applikati (bħall-VAT) għandhom jirriżultaw f'tassazzjoni fejn iseħħ il-konsum.

Din ir-reviżjoni tagħti ħarsa lejn is-servizzi koperti bid-Direttiva u l-mistoqsijiet prattiċi fl-amministrazzjoni tat-taxxa kif ukoll il-qafas operazzjonali tagħha fuq medda twila ta’ żmien.

2. L-ISKOP TAR-RAPPORT

2.1. E-servizzi

Servizzi provduti elettronikament koperti bid-Direttiva fl-Anness L huma deskritti bħala “lista illusttrattiva ta' servizzi provduti elettronikament imsemmija fl-Artikolu 9.2.(e)” u ssemmi l-eżempji li ġejjin:

Servizzi ta’ forniment ta’ websajts, web-hosting , manteniment b’distanza ta’ programmi u tagħmir.

Forniment ta’ softwer u l-aġġornar tiegħu.

Forniment ta’ stampi, testi u informazzjoni, u disponibbiltà ta’ bażijiet tad- data .

Forniment ta’ mużika, films u logħob, inkluż logħob tal-fortuna u logħob ta' l-azzard, u xandir ta’ avvenimenti politiċi, kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi u divertiment.

Forniment ta’ tagħlim b’distanza.

L-Anness L jkompli jżid li sempliċiment komunikazzjoni permezz ta’ email, fiha nfisha ma tfissirx li qed jingħata servizz elettroniku.

Jekk l-illustrazzjonijiet jidhru anqas definittivi, dan għandu jiġi bbilanċjat mal-bżonn ta' wisa’ suffiċjenti sabiex jittieħed kont ta’ l-innovazzjoni possibbli fil-firxa ta’ servizzi ta’ l-e-kummerċ.

Din il-parti tat-test kienet miżjuda bil-linjigwida tal-Kumitat tal-VAT li kienu eventwalment implimentati bħala parti mir-Regolament tal-Kunsill[5].

Dan il-metodu ħadem tajjeb fl-iżgurar li s-servizzi in kwestjoni jiġu identifikati b’mod ċar. L-iżviluppi l-ġodda ma qajmu l-ebda tħassib u m’hemmx bżonn ta’ aktar miżuri f’dan l-istadju.

2.2. Xandir

Barra li tindirizza l-e-servizzi, id-Direttiva biddlet ukoll il-post tat-tassazzjoni għax-xandir permezz tar-radju u t-televiżjoni. Il-miżuri speċjali għal operaturi ta’ e-servizzi li m’humiex stabbiliti hawnhekk ma japplikawx u xandara mhux stabbiliti iridu jirreġistraw f’kull Stat Membru fejn huma jwettqu attivitajiet taxxabbli.

Għalkemm id-definizzjoni għax-xandir ma kkawżatx problemi, kull distinzjoni mill-kategorija usa’ ta' l-e-servizzi ma kinitx ċara matul l-aħħar snin. It-tkabbir fil- podcasting , video-on-demand , streaming u xandir diġitali jfisser li l-kontenut jista' jsir aċċess għalih b'diversi modi. Twassil ta’ kontenut simili jista’ jsir permezz ta’ l-internet, permezz ta’ netwerks tax-xandir tradizzjonali u dawk interattivi jew permezz tan-netwerks 3G.

Maż-żmien, se jkun dejjem aktar diffiċli li jiġu ġġustifikati differenzi fit-trattament tat-taxxa minħabba li x-xandir, it-telekomunikazzjonijiet u l-e-servizzi qegħdin jingħaqdu. Ir-referenzi fix-xandir fis-Sitt Direttiva jirriflettu l-intenzjoni tal-leġiżlaturi fi żmien ta’ teknoloġija aktar sempliċi. Apparti mill-iżbilanċ kompetittiv b’konsegwenza li x’aktarx jiżdied matul iż-żmien, huwa diffiċli li wieħed jara kif applikazzjonijiet dejjem iktar sofistikati li qegħdin jevolvu jaqblu ma' l-intenzjoni tal-leġiżlaturi fi żmien meta ir-riċezzjoni ta' servizzi ta' xandir kien ferm aktar sempliċi, u forsi anke servizz lokalizzat[6].

L-evoluzzjoni tat-teknoloġija u l-aċċettar mgħaġġel tal-kanali tad-distribuzzjoni matul l-aħħar 3 snin iqajmu kwistjonijiet ġodda li d-Direttiva ma indirizzatx. Il-Kummissjoni madankollu ma tikkunsidrax jekk dawn l-implikazzjonijiet għandhomx bżonn li jiġu indirizzati bil-leġiżlazzjoni qabel ma tqis il-kwistjoni fid-dettall.

3. AMMINISTRAZZJONI PRATTIKA TAT-TAXXA

Id-Direttiva ta’ l-2002 kienet miżura innovattiva tat-taxxa li tipprovdi miżuri speċjali għall-operaturi mhux residenti. Din introduċiet kunċetti u proċeduri ġodda fil-ġbir tal-VAT. Dawn l-innovazzjonijiet kellhom impatt fuq in-negozji kif ukoll fuq l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Kien hemm tħassib addizzjonali li t-teknoloġija u protokolli fil-qalba ta' l-e-kummerċ jistgħu jkunu inkompatibbli mal-ġbir tat-taxxi, u anke jqiegħed f'dubju l-vijabbiltà tal-VAT bħala taxxa ġenerali fuq l-oġġetti u s-servizzi kollha tal-konsum.

Bħalma wriet l-esperjenza, dan it-tħassib kien bla bażi u s-sistema tikkawża ftit li xejn diffikultajiet operazzjonali fuq bażi ta' kuljum. Fil-fatt dan kien ikollu jkun pre-kundizzjoni essenzjali sabiex tkompli bla ma jkun hemm bidla.

Minħabba ħafna aspetti ġodda tat-taxxa, l-implimentazzjoni dettaljata tagħha kellha bżonn attenzjoni speċjali. Is-servizzi tal-Kummissjoni ħadmu mill-qrib ma' l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u partijiet interessati oħra. Barra ż-żewġ seminars Fiscalis, dan involva kuntatti ma’ numru ta’ atturi kummerċjali inkluż kunsilliera professjonali u fornituri ta’ l-infrastruttura. Is-servizzi tal-Kummissjoni ħadmu wkoll ma’ l-OECD fuq kwistjonijiet ta’ taxxa ta’ l-e-kummerċ, b-mod partikolari dwar linjigwida sabiex jiġi determinat il-post tal-konsum.

Dan wera li kien utli fl-ikkunsidrar ta’ Direttiva u l-identifikar tad-diffikultajiet potenzjali. F’termini ta’ funzjonar ġenerali tad-dispożizzjonijiet, dawn wasslu l-għanijiet tagħha u li m’hemm ebda bżonn urġenti ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni lilhinn mill-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-aspetti ta’ l-implimentazzjoni dettaljata kienu diffiċli li jiġu preveduti u m’hemm ebda sorpriża li hemm xi kwistjonijiet li kellhom jissemmew fil-kuntest ta’ reviżjoni ġenerali.

Il-Kummissjoni organizzat żewġ seminars Fiscalis biex tgħin il-proċess. L-ewwel wieħed iffoka fuq għajnuna lill-Istati Membri fl-introduzzjoni u l-operar tad-dispożizzjonijiet il-ġodda. It-tieni seminar, fl-2004, ħares lejn kif dawn kienu qed jaħdmu u fittex li jidentifika kwistjonijiet operazzjonali li jistgħu joħolqu diffikultajiet. Fiż-żewġ seminars, kelliema minn negozji u aġenziji kkonċernati ma’ aspetti oħra ta’ l-e-kummerċ għamlu kontribuzzjonijiet siewja.

3.1. Rabta ma' l-Iskema biex Tinqeda f’Post Wieħed.

Għall-Kummissjoni u l-Istati Membri, mill-ewwel deher ċar li l-unika punt ġdid ta’ identifikazzjoni mhux biss ħadem tajjeb għall-e-servizzi imma kien mudell li jipprometti sabiex jitratta ma’ numru ta’ aspetti tal-Kummerċ intra-Komunitarju fejn ġew identifikati xi diffikultajiet. Dan kien il-ġenesi ta’ l-Iskema biex Tinqeda f'Post Wieħed (OSS) u li ffurmat il-qalba ta' firxa wiesgħa ta' proposti biex jissimplifikaw l-obbligi tal-VAT[7]. Dan jipprevedi żona ta’ applikazzjoni ferm usa’ minn dik ferm speċifika koperta mill-iskema tas-servizzi ta’ l-e-kummerċ.

Mhux l-aspetti kollha ta’ l-iskema tas-servizzi ta’ l-e-kummerċ kienu meqjusa bħala li jistgħu jiġu applikati fi skala ferm akbar. Il-mudell ta’ l-OSS propost huwa differenti f’ċertu aspetti, b’mod partikolari fil-mod li bih isiru l-ħlasijiet tat-taxxa, għalkemm il-parti l-kbira ta' l-iskopijiet ikunu simili fis-sens ġenerali.

Il-volum ta’ attività immaniġġjata mill-OSS tkun akbar b’numru ta' drabi sinifikanti mill-iskema ta' servizzi ta' l-e-kummerċ. Ma jkunx effiċċjenti li ż-żewġ skemi jibqgħu jaħdmu u l-intenzjoni hija li l-OSS tassorbi l-iskema ta’ l-e-kummerċ.

Il-proposta għall-OSS indikat data tal-bidu ta’ l-1 ta’ Lulju 2006, li hija l-istess bħall-iskadenza tad-Direttiva ta’ l-e-servizzi. Madankollu l-progress fil-Kunsill qed isir ħafna aktar bil-mod milli stenniet il-Kummissjoni. Dan japplika wkoll għall-proposta fuq il-post tal-forniment tas-servizzi[8] fejn l-implimentazzjoni kienet prevista wkoll għall-1 ta’ Lulju 2006, biex tippermetti kontinwità tar-regoli kurrenti fid-Direttiva 2002/38/KEE dwar il-post tal-konsum.

Sakemm dawn il-bidliet ikunu f’posthom, l-iskema speċjali eżistenti u r-regoli tal-post tat-tassazzjoni jkollhom jiġu estiżi. Aktar minn hekk, jekk id-dispożizzjonijiet ma jiġux imġedda, il-kwistjonijiet problematiċi oriġinali tat-taxxa jerġgħu jfiġġu. Il-bidliet ta' l-2003 issa ġa daħlu sewwa u ftit jagħtu problemi lill-industrija. Bidla li tfixkel ir-reġim tat-taxxa, bħal ritorn għas-sitwazzjoni ta' qabel l-2003, din id-darba ma tintlaqax tajjeb, la għall-operaturi u lanqas għall-amministraturi tat-taxxa.

3.2. Kwistjonijiet operazzjonali ta’ kuljum

Meta d-Direttiva ġiet implimentata, ġie espress tħassib rigward id-diffikultajiet amministrattivi u ta’ konformità għal kumpaniji non-Ewropej li jbigħu l-e-servizzi fil-Komunità. Iż-żmien wera li dawn ma kinux diffiċli daqs kemm kien previst.

Għall-parti l-kbira tal-kumpaniji mhux Ewropej il-bidliet ma wasslu għall-ebda obbligi fil-konformità. Il-parti l-kbira tas-servizzi on-line huma bejn negozju u negozju u hawnhekk il-konformità hija kwistjoni għall-klijent Ewropew. In-negozju li rċieva dawn is-servizzi jrid jagħti kont tal-VAT lill-amministrazzjoni tat-taxxa ta’ pajjiżu.

Huwa biss meta kumpanija li mhix Ewropea tforni merkanzija lil dawk li m’humiex negozju jew klijent finali fl-UE li jibdew l-obbligi tat-taxxa. Li tiddetermina jekk il-klijent huwiex negozju jew le hija ġeneralment kwistjoni verifikabbli tal-fatt u, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li tasal ma tidhirx li kkawżat xi problemi sinifikattivi ħlief f'xi waqtiet iżolati.

Kumpanija li mhix fl-UE li għandha l-obbligu li tiġbor u tħallas it-taxxa taħt id-Direttiva għandha tliet għażliet sabiex tikseb konformità. L- ewwel għażla tkun li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru. Effettivament dan ikun ifisser li topera fuq l-istess bażi ta’ negozju Ewropew u, għal numru sinifikanti ta' operaturi, tidher li hija l-aktar għażla attraenti. Dan seta’ kien motivat mill-attrazzjoni tar-rata applikabbli tal-VAT, imma ugwalment xi kumpaniji jidhru li għażlu l-post tat-twaqqif tagħhom fuq il-bażi ta' raġunijiet oħra li m'għandhomx x'jaqsmu mal-VAT.

It- tieni għażla taħt id-dispożizzjonijiet eżistenti għal operaturi mhux stabbiliti, hija li jirreġistraw kull Stat Membru fejn l-operatur iwettaq attivitajiet taxxabbli imma mingħajr ma joħloq stabbiliment. Ftit kien hemm indikazzjoni ta’ azzjoni sinifikanti taħt din l-intestatura. Il-probabbiltà hija, li l-prospett ta’ 25 reġistrazzjoni u numru ekwivalenti ta’ obbligi differenti ma kienx meqjus attraenti.

Biex ikun evitat piż mhux raġonevoli fuq negozji ta’ pajjiżi terzi, id-Direttiva provdiet it- tielet għażla għal reġistrazzjoni unika fi “Stat Membru ta' identifikazzjoni" magħżul permezz ta' arranġamenti innovattivi simplifikati. Il-VAT imbagħad tiġi ċċarġjata u tinġabar skond ir-rata standard tat-taxxa tal-klijenti fl-Unjoni Ewropea. Finalment, dawn it-taxxi miġbura għandhom jitħallsu lill-amministrazzjoni tat-taxxa ta’ l-identifikazzjoni flimkien ma’ rċevuta bil-format standard li juri d-dettalji ta’ l-attivitajiet taxxabbli fuq l-Istati Membri differenti. Indipendentement, iddaħħlet fis-seħħ sistema li tiżgura li s-sehem ġust mid-dħul tat-taxxa u d- data meħtieġa għall-għanijiet ta' konferma ġiet mgħoddija lill-Istat Membru adatt[9]. Amministrattivament, dan iqiegħed operaturi li mhux stabbiliti f’pożizzjoni kumparabbli ma’ ta’ persuna taxxabbli stabbilita, b'taxxa waħda biss ta' l-amministrazzjoni.

3.3. Id-determinazzjoni tal-post tat-tassazzjoni

Xi evidenza ippreżentata f’relazzjoni mal-kunflitt potenzjali bejn il-passi użati għall-post tat-tassazzjoni (il-post fejn il-klijent huwa stabbilit taħt id-Direttiva) u interpretazzjoni stretta tal-post tal-konsum propju. L-indirizz fejn jintbagħat il-kont ġeneralment huwa indikazzjoni li tista' toqgħod fuqha tal-post tal-konsum imma mhux dejjem jagħti riżultati tajba għal test pur tal-konsum. Hekk kif is-servizzi koperti bid-Direttiva jsiru dejjem aktar mobbli din tista’ ssir aktar kwistjoni sinifikanti. F’ċertu ċirkostanzi r-riżultat jista' jkollu effett fuq id-drittijiet tat-tassazzjoni tal-pajjiżi li mhux membri ta’ l-UE li jkun kontra l-intenzjoni ta’ din id-Direttiva. Meta l-post tal-konsum propju jkun f'pajjiż mhux membru ta' l-UE, jfiġġu kwistjonijiet dwar il-konformità mal-prinċipji ta' l-OECD kif ukoll il-ġurisprudenza ta' l-ECJ dwar il-limiti territorjali tad-Direttiva (eż., Trans Tirreno Express kontra Ufficio Provinciale Iva C-283/84 kif ukoll Kohler kontra Finanzamt Dusseldorf-Nord C-58/04).

Bħalissa m’hemm ebda gwida tal-Komunità dwar metodu aċċettabbli ta’ verifika, partikolarment fejn hemm l-alternattivi. Jista’ jkun hemm każ ta’ xi forma ta’ gwida dwar il-verifika tal-post tal-klijenti, partikolarment fejn operatur jaġixxi in bona fede, imma qabel hija meħtieġa xi konferma dwar kemm hi sinifikanti il-problema. L-Artikolu 29a tas-Sitt Direttiva jippermetti lill-Kunsill li jadotta miżuri ta' implimentazzjoni u jista' mbagħad ikun strument adatt jekk iġġustifikat.

3.4. Segmentazzjoni ġeografika

Għalkemm l-e-kummerċ fil-parti l-kbira jidher bħala attività bla fruntieri, fil-verità hemm bosta eżempji fejn operatur internazzjonali jifred lill-klijenti fuq bażi ġeografika. Dan jista’ jseħħ għal diversi raġunijiet inkluż għanijiet kummerċjali, restrizzjonijiet tal- copyright jew obbligi oħra regolatorji. Jista’ wkoll jagħmilha eħfef għall-operatur li jitratta kwistjonijiet ta’ VAT ta’ l-UE.

Fejn klijent li jidħol f’websajt u s-sistema tal-komputer tinduna li ġej minn pajjiż ta’ l-UE (forsi fuq il-bażi tas- software tal-lokazzjoni tal-post), huwa jiġi awtomatikament dirett lejn sit ta’ l-UE fejn l-obbligi tal-VAT huma parti mill-proċeduri normali tat-tranżazzjoni. Fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet din taħdem bla problemi u għandha l-vantaġġ li tiżgura li l-bejgħ lil klijenti bbażati fl-UE jiġi trattat bil-mod korrett għall-VAT minħabba li dawn huma iżolati minn negozji oħra.

M’huwiex partikolarment faċli li jiġu evitati dawn is-sistemi imma dan jista' jinkiseb b'ammont ta' determinazzjoni u tagħrif. Il-motivazzjoni tista’ tkun aktar għażla jew prezzijiet aħjar (li mhux bil-fors ikunu minħabba l-VAT) jew sempliċiment perversità. Hi x’inhi r-raġuni, ir-riżultat huwa li l-konsumatur ta’ l-UE jikseb servizz taxxabbli minn sors li m’huwiex immirat biex jimmaniġġja tranżazzjonijiet ta’ l-UE. M’hemm ebda evidenza li dan huwa fenomenu mifrux imma jista’ jikkawża diffikultajiet għal min iħallas it-taxxa b’mod konformi.

In-nuqqas ta’ limitu fid-Direttiva jfisser li l-iskopertura tat-taxxa tista’ tfiġġ minn tranżazzjoni unika. Huwa diffiċli għall-operaturi li jidentifikaw tranżazzjonijiet “ spill-over ” simili f’ħin reali u sussegwentment jistgħu jsibu ruħhom responsabbli. Ir-riżultat huwa wieħed li ma setax jiġi previst b’mod raġonevoli fiż-żmien meta ġiet introdotta d-Direttiva u meta ma kien hemm ebda dispożizzjoni xierqa.

Għal raġunijiet prattiċi l-amministrazzjoni tat-taxxa għandhom jiġu mħeġġa biex jagħrfu li dawn huma tranżazzjonijiet ta’ kultant u li m’humiex intenzjonati, u sakemm jibqgħu jseħħu, biex jiġu mmaniġġjati fil-kuntest tal-materjalità u l-proporzjonalità. Jekk meqjus neċessarju, sabiex tkun żgurata l-konformità u l-konsistenza, it-trattament korrett ikun ikkunsidrat neċessarju mill-Kumitat tal-VAT u, fejn adatt, ikkonfermat mill-użu ta’ l-Artikolu 29a.

3.5. Status taxxabbli tal-konsumatur

Verifika ta’ l-istatus taxxabbli tal-konsumatur hija ċentrali għal kull deċiżjoni ta’ tassazzjoni u d-Direttiva ma tagħti ebda gwida dwar kif operatur għandu jagħmel din id-distinzjoni. F’dan ir-rigward, il-provvediment ta’ servizzi fornuti elettronikament ġeneralment m’hi xejn differenti minn tranżazzjoni taxxabbli oħra u l-bejjiegħ irid jagħmel għażla fuq il-bażi ta' l-informazzjoni kollha disponibbli. Aspett wieħed fejn dawn is-servizzi huma uniċi hija n-natura kważi istantanja tal-parti l-kbira tat-tranżazzjonijiet ta’ l-e-servizzi fejn hemm ftit żmien biex wieħed jirrifletti fuq id-deċiżjoni jew biex jaġġustaha b’mod retrospettiv.

Xi operaturi wrew l-opinjoni li għandhom jitħallew jagħmlu distinzjoni biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tista' tiġi vverifikata f'ħin reali vis-à-vis l-bażi tad- data tas-Sistemi ta' l-Iskambjar ta' l-Informazzjoni tal-VAT (VIES). Għalkemm superfiċjalment dan jista’ jidher raġonevoli, hemm numru ta’ żvantaġġi. Filwaqt li l-VIES hija servizz on-line li tippermetti konferma istantanja tal-validità tan-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent, qatt ma tista' tkun mistennija li taħdem bħala l-gwida definittiva ta' status taxxabbli. Hija biss element wieħed fi proċess usa’. Bħalissa, madankollu, l-VIES tipprovdi għodda sabiex tidentifika negozju u n-nuqqas ta’ numru tal-VAT li jista' jiġi vverifikat huwa, fil-parti l-kbira tal-każijiet, indikazzjoni prima facie li l-fornitur mhux qed jitratta ma’ operatur taxxabbli. Il-Kummissjoni se tkompli x-xogħol biex taġġorna l-kwalità u l-funzjonalità tal-VIES. Aktar reċenti, ġiet estiża biex timmaniġġja l-grupp ta’ talbiet ta’ verifika bi tweġiba għad-domandi min-negozji.

Minkejja dan, jista’ jkun hemm każ għal ċarezza u konsistenza fil-livell ta’ verifika aċċettabbli għal tranżazzjonijiet ġenerali on-line . Xi Stati Membri diġà jaċċettaw tranżazzjonijiet f’ħin reali ta’ valur baxx, fejn dikjarazzjoni sempliċi mill-klijenti hi biżżejjed imma din tista’ ma tkunx aċċettabbli għall-amministrazzjonijiet kollha.

Din hija kwistjoni li għandha bżonn aktar kunsiderazzjoni, partikolarment jekk tista’ tinġieb evidenza li għal servizzi provduti elettronikament, hemm konsiderazzjonijiet speċjali.

3.6. Kwistjonijiet ta' ekwivalenza

Kif diġà ntqal, kien hemm espansjoni fl-attivitajiet kummerċjali koperti bid-Direttiva. F'xi każijiet dan ġara permezz ta' tkabbir organiku fejn applikazzjonijiet ġodda huma diġà aċċettati mis-suq. F’oħrajn dan wasal permezz ta’ tranżizzjoni mill-medja tradizzjonali għal dik diġitali. Għall-industriji tal-pubblikazzjoni, l-effetti x’aktarx li jkunu sinifikanti fuq medda twila ta’ żmien.

L-industrija ibbenefikat minn dispożizzjonijiet ta’ rata tal-VAT imnaqqsa fl-Anness H tas-Sitt Direttiva għall-materjal mitbugħ. Il-benefiċċji ta’ din il-miżura huma apprezzati bil-kbir u ġeneralment jitqiesu bħala kontribuzzjoni sostenibbli għall-għanijiet usa’ tal-politika pubblika. Meta d-Direttiva ta’ l-2002 kienet qed tiġi diskussa, spiss qamet il-kwistjoni jekk xi miżuri ekwivalenti jistgħux japplikaw fuq pubblikazzjonijiet on-line fuq bażijiet tan-newtralità bejn il-kanali differenti tad-distribuzzjoni. Madankollu n-natura propja tal-bidla lejn id-diġitalizzazzjoni tippreżenta numru ta’ ostakoli. Il-pubblikazzjoni elettronika tiftaħ il-bieb għal firxa ta’ funzjonalitajiet li jagħtu servizz dejjem aktar imbiegħed minn dak ta’ l-istampar tradizzjonali u aktar bħala komunikazzjoni u distribuzzjoni ġenerali elettronika. Ikun għalxejn li wieħed jipprova jidentifika u jiżola, għal trattament speċjali tat-taxxa, kategorija ta’ kontenut on-line b’ekwivalenza diretta għal materjal mitbugħ.

Id-diġitalizzazzjoni se tkompli u l-industrija qed taffaċċja perjodu ta' tranżizzjoni. Il-qari tal-gazzetti qed ikompli jonqos u anke d-dħul mir-reklamar qed jistaġna hekk kif jiżviluppaw ir-riżorsi on-line . Il-kontenut tal-kotba qiegħed faċilment (għall-anqas teknikament) u b’mod wiesa’ jiġi diġitalizzat. Il-konsumaturi qegħdin dejjem aktar ifittxu kontenut diġitali maħluq biss sabiex jiġi distribwit on-line . L-inizjattiva[10] tal-libreriji diġitali tal-Kummissjoni tagħraf ir-realtà ta’ dan il-proċess u l-bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi għall-wirt kulturali Ewropew u l-ħażna tat-tagħrif xjentifiku.

Jidher diffiċli li jistab mod li bih dawn il-miżuri fiskali jiġu applikati hawnhekk. Il-faċilità ta' rata mnaqqsa fl-Anness H ma tistax tiġi trasposta għall-ambjent diġitali. Dan madankollu m'hu xejn fil-mixja lejn id-diġitalizzazzjoni li toġġezzjona għat-tkomplija ta' VAT imnaqqsa għal materjal mitbugħ. Minkejja dan, ir-realtà iżżid il-VAT li ma tistax tiġi rkuprata imħallsa minn istituzzjonijiet bħal universitajiet u libreriji. Filwaqt li hi konxja tal-kwistjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan mhux il-post adatt fejn tiġi indirizzata.

3.7. Logħob tax-xorti u ta’ l-azzard.

Iż-żona sinifikanti ta’ tkabbir mill-2003 kienet fil-qasam tal-logħob ta' l-azzard, logħob u mħatri on-line .

F’ħafna każi dan jinvolvi logħob elettroniku on-line jew pjattaforma elettronika fejn il-parteċipanti jagħmlu mħatra ma' xulxin jew jilagħbu għal sehem minn somma komuni. B’mod frekwenti l-fornitur tas-servizz ma jaġixxix bħala l-“house” u lanqas jipprovdi servizz li jiġbru l-imħatri imma jaqla’ l-flus mill-aċċess jew l-użu tas-sit. Dak li huwa offrut huwa b’mod ċar servizz taxxabbli provdut elettronikament taħt id-Direttiva li fuqha hija ċċarġjata l-VAT.

L-imħatri u l-logħob ta’ l-azzard huma eżenti mill-VAT taħt l-Artikolu 13(B)(f) tas-Sitt Direttiva imma biss meta jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri individwali. Dan jippermetti lill-Istati Membri biex jagħżlu l-attivitajiet li jixtiequ jeżentaw bil-konsegwenza li l-attivitajiet ta’ imħatri u logħob ta’ l-azzard li m’humiex eżentati speċifikament huma soġġetti għall-VAT. L-ambitu tad-diskrezzjoni huwa madankollu ristrett bil-prinċipji tan-newtralità stabbiliti mill-ECJ f’numru ta’ sentenzi[11].

Il-post tat-tassazzjoni għall-imħatri u l-logħob ta’ l-azzard provduti elettronikament mill-operaturi bbażati barra l-UE huwa l-post fejn il-konsumatur tas-servizz huwa stabbilit u t-tassazzjoni hija determinata bil-manjiera li l-eżenzjoni ġiet affettwata fl-Istati Membri ta’ l-istabbiliment tal-konsumatur. Meta fornuti minn operatur stabbilit fi Stat Membru, il-post tat-tassazzjoni huwa l-post fejn l-operatur huwa stabbilit u t-trattament tat-taxxa huwa determinat bil-mod li l-Istat Membru japplika l-eżenzjoni.

Fejn it-tranżazzjonijiet tal-logħob ta’ l-azzard m’humiex eżentati, il-manjiera li għandha titħallas il-VAT għandha tiġi stabbilita mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’każ C-38/93[12] li żamm l-ammont taxxabbli bħala dak li għandu jingħata bħala nett mill-operazzjoni minflok l-ammont totali li jinħareġ. Madankollu din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq elementi speċifiċi preżenti fil-każ u f’każijiet oħra[13] il-Qorti wriet opinjoni differenti fir-rigward ta’ xi attivitajiet ta' logħob.

L-interpretazzjoni t-tajba ta’ dawn id-deċiżjonijiet meta applikati għal-logħob ta’ l-azzard on-line u l-imħatri jista' jkollhom bżonn ta’ kjarifika, partikolarment fejn jidher li hemm trattament differenti fuq livell ta’ Stati Membri jqiegħed piż mhux neċessarju fuq operatur li jikkonforma mat-taxxa. Din jista' jkollha bżonn ta' aktar eżaminazzjoni, partikolarment jekk ir-regoli eżistenti dwar il-post tas-servizzi on-line magħmul minn operatur stabbilit fl-UE jinbidlu.

3.8. Iż-żamma u d-disponibbiltà tar-reġistri

Għal operaturi mhux stabbiliti, l-Artikolu 26c.B(9) tas-Sitt Direttiva dwar iż-żamma u l-aċċess għar-reġistri jirrifletti r-realtà li huma ma jkollhomx stabbiliment fl-UE. Il-verifika normali u l-proċeduri ta’ awditjar użati għal iċċekkjar tal-konformità m’għadhomx relevanti fejn negozju jopera minn post ’il bogħod. Din id-distanza toħloq problemi u d-Direttiva tittrattaha b’mod ġust u ċar li sempliċiment jitlob li huma jżommu reġistri b’biżżejjed dettall sabiex ikollhom prova meta jagħtu l-prospett tat-taxxa. Dawn ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli elettronikament għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kkonċernati meta jitolbuhom u għandhom jinżammu għal 10 snin.

Ma kien hemm ebda indikazzjoni tad-diffikultajiet fuq il-parti ta’ l-operaturi sabiex jilħqu dawn l-obbligi. Lanqas l-amministrazzjonijiet tat-taxxa ma indikaw xi problema fil-verifika tal-korrettezza tal-prospetti tal-VAT sottomessi taħt l-iskema speċjali. Dispożizzjoni simili fl-Artikolu 22a tas-Sitt Direttiva tippermetti lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa b’mod ġenerali biex jivverifikaw ir-reġistri b'mod remot. In-nuqqas ta’ problemi rappurtati min-naħa ta' l-amministrazzjonijiet għandha forsi tinqara fl-isfond tar-realtà li m'hemm ebda evidenza biex tissuġġerixxi li dawn id-dispożizzjonijiet ġa ġew użati fuq bażi sistematika mill-Istati Membri.

4. KONKLUżJONIJIET

Fil-monitoraġġ għall-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva mill-2003, kien hemm livell ta' kuntatt konsistenti u estensiv kemm ma' l-Istati Membri kif ukoll mal-ħafna operaturi kkonċernati. Dan ippermetta lill-Kummissjoni biex tidentifika l-kwistjonijiet kolha li setgħu kkawżaw tħassib u biex tiġi mmonitorjata l-evoluzzjoni tagħhom tul iż-żmien. Fil-parti l-kbira, kienu kwistjonijiet ta’ sinifikanza relattivament minuri jew kwistjonijiet li s-soluzzjoni tagħhom tinsab x’imkien ieħor. Fejn neċessarju, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja dan it-tħassib li jiżgura li huma jiksbu reżoluzzjoni sodisfaċenti.

Madankollu wieħed jista’ jikkonkludi b’ċertezza li jekk ma tittawwalx id-Direttiva, ikun hemm effett negattiv ewlieni fuq il-partijiet interessati kollha. L-esperjenza matul l-aħħar tliet snin ma tista’ twassal għall-ebda deċiżjoni oħra. L-estensjoni li qed tiġi proposta tippermetti għall-allinjament ta’ l-iskema speċjali għal operaturi mhux stabbiliti bl-Iskema aktar ġenerali biex Tinqeda f’Post Wieħed. Uħud mill-kwistjonijiet tekniċi imsemmija hawn fuq huma orrizontali fin-natura tagħhom u huma indirizzati aktar tajjeb fil-kuntest usa'.

Fil-mixja lejn implimentazzjoni sħiħa ta’ l-Iskema biex Tinqeda f’Post Wieħed, il-Kummissjoni għalhekk se tkompli tieħu kont ta’ l-esperjenzi kemm ta' l-amministrazzjoni kif ukoll ta’ l-operaturi kummerċjali fl-implimentazzjoni ta' l-iskema ta' l-e-servizzi.

[1] ĠU C [...], [...], p. [...].

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU C [...], [...], p. [...].

[4] Qafas ta’ Kundizzjonijiet tat-Tassazzjoni ta' Ottawa għall-e-kummerċ f'http://www.oecd.org/dataoecd/45/19/20499630.pdf

[5] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1777/2005 tas-17 t’Ottubru 2005 li jistabbilixxi l-miżuri ta' implimentazzjoni għad-Direttiva 77/388/KEE dwar sistema komuni ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud Ġ.U. 29.10.2005 L 288 p. 1.

[6] L-inklużjoni tar-riċeviment tar-servizzi tax-xandir fl-istess inċiż bħal “dħul f’wirjiet, teatri, ċirki, fieri u parks ta’ divertiment” eċċ., tikkonferma dan.

[7] COM(2004)728. Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-għan li tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud; Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, kif previst fid-Direttiva 77/388/KEE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż imma stabbiliti fi Stat Membru ieħor; Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 rigward l-introduzzjoni ta’ arranġamenti amministrattivi ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ skema biex tinqeda f’post wieħed u l-proċedura ta’ rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

[8] COM(2005)334. Proposta emendata għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward il-post tal-forniment tas-servizzi.

[9] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 t’Ottubru 2003 li jemenda temporanjament ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta (il-VAT) rigward miżuri addizzjonali fir-rigward tal-kummerċ elettroniku ĠU L 264, 15.10.2003, p. 1

[10] COM(2005) 465 finali tat-30.9.2005 – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “i2010 : Libreriji Diġitali”

[11] Eż. Każijiet konġunti C453/02 u 462/02 5linneweber) u każ C-283/95 (Fischer).

[12] Glawe kontra Finanzamt Hamburg-Barmburg-Uhlenhorst - każ C-38/93.

[13] Town and Country Factors Limited kontra il-Kummissarju tad-Dwana u s-Sisa - każ C-498/99

Top