EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0511

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Proġetti tal-Programm għas-saħħa pubblika allokati fl-2003-2004

/* KUMM/2005/0511 finali */

52005DC0511

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Proġetti tal-Programm għas-saħħa pubblika allokati fl-2003-2004 /* KUMM/2005/0511 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2005

KUMM(2005) 511 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Proġetti tal-Programm għas-saħħa pubblika allokati fl-2003-2004

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Proġetti tal-Programm għas-saħħa pubblika allokati fl-2003-2004

(Test b'relevanza għall-EEA)

1. DAĦLA

1.1. Il-Politika għas-saħħa pubblika u l-kontribut tagħha lejn l-istrateġija Komunitarja dwar is-saħħa

L-Artikolu 12.1 tad-Deċiżjoni tal-Programm għas-Saħħa Pubblika[1] jistipula li l-programm għandu jirraporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tiegħu. Ir-Rapport li ġej tfassal għal dan il-għan.

Il-programm, li sar operattiv fl-1 ta’ Jannar 2003, jikkostitwixxi strument ewlieni għall-eżekuzzjoni finanzjarja ta' azzjonijiet li jirriżultaw minn kuntest ta' politika usa’ taħt il-forma ta' strateġija għas-saħħa[2].

Filwaqt li bena fuq l-esperjenza ta’ tmien programmi tas-saħħa separati[3], l-għan prinċipali tal-programm kien jikkonsisti fit-twaqqif ta' strateġija komprensiva u koerenti għas-Saħħa Pubblika, billi jikkonċentra fuq tliet prijoritajiet ewlenin: l-informazzjoni dwar is-saħħa, it-theddidiet għas-saħħa, u d-determinanti tas-saħħa. Flimkien, it-tliet fergħat ħabirku biex jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ saħħa fiżika u mentali u ta' benessri madwar l-UE kollha. L-azzjonijiet ġew maħsuba biex joħolqu mekkaniżmi awtosostenibbli li jippermettu lill-Istati Membri jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom relatati mas-saħħa.

Il-fergħat ittennew fi pjanijiet annwali suċċessivi ta’ ħidma għas-saħħa pubblika . Wieħed mill-mezzi l-iktar importanti biex jiġu implimentati l-pjanijiet ta’ ħidma għas-Saħħa Pubblika ta’ l-2003 u l-2004 kien l-użu ta’ sejħiet annwali għall-proposti. Attivitajiet oħra importanti kienu l-analiżi u r-rapporti dwar is-saħħa, proġetti bi prova, kontributi għal-leġiżlazzjoni, it-twaqqif ta’ databases , indikaturi komuni u sistemi ta’ informazzjoni.

L-allokazzjoni tal-baġit inizjali tal-programm ta’ € 312-il miljun żdiedet għal € 354 miljun fil-kuntest tat-tkabbir ta’ l-2004 sabiex tilqa’ l-10 Stati Membri ġodda.

1.2. Tkabbir

Mill-bidu tal-programm għas-Saħħa Pubblika, il-pajjiżi li qed iħejju għall-adeżjoni ġew involuti f’diversi aspetti tal-programm. Memoranda ta’ ftehim ġew konlużi mal-pajjiżi kollha li qed iħejju għall-adeżjoni u ma' dawk kandidati. Huma pparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-kumitat tal-programm u ressqu proposti fis-sejħa għall-proposti ta’ l-2003. Saru sforzi konsiderevoli sabiex dawn il-pajjiżi jkunu infurmati bil-possibilitajiet ta' finanzjament u sabiex ikunu involuti f’diversi aspetti tal-programm għas-Saħħa Pubblika. Mill-adeżjoni f’Mejju ta’ l-2004, l-Istati Membri l-ġodda pparteċipaw bis-sħiħ fil-programm.

Il-programm huwa wkoll miftuħ għall-pajjiżi ta’ l-EFTA/ŻEE[4], u l-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija[5], li jagħtu kontributi finanzjarji fil-programm. Fl-2003 l-pajjiżi taż-ŻEE kkontribwew € 1.1 miljun u l-Pajjiżi Kandidati (inklużi l-10 Pajjiżi li ssieħbu) € 3.6 miljuni lill-krediti operattivi. Fl-2004, dawn iċ-ċifri ammontaw għal €1.1 miljun għaż-ŻEE u € 1.3 miljun għat-tliet Pajjiżi Kandidati.

1.3. L-impatt mill-programm(i) ta’ qabel u attwali - il-wirt ta’ proġetti u politika ta’ l-imgħoddi

Twettqet evalwazzjoni[6] finali tat-tmien programmi ta’ azzjoni dwar is-saħħa pubblika ta’ l-1996-2002. L-effikaċjà, l-effiċjenza, l-utilità u s-sostenibilità ta’ kull programm tqiesu fid-dawl tal-qafas għas-saħħa pubblika adottat fl-1993 u kif espress fid-Deċiżjonijiet tal-programm. Fuq din il-bażi, hija għamlet rakkomandazzjonijiet li jistgħu jintużaw għall-immaniġġjar, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-programm għas-Saħħa Pubblika

2. ĦARSA ĠENERALI LEJN L-ATTIVITAJIET TA’ L-2003

2.1. L-adozzjoni tal-pjan ta’ ħidma ta’ l-2003

Il-pjan ta’ ħidma ta’ l-2003[7]; ir-regoli, il-kriterji u l-proċeduri għall-għażla u l-iffinanzjar ta' l-azzjonijiet tal-programm il-ġdid[8]; u s-sejħa għall-proposti[9] ta’ l-2003 ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fil-15 ta’ Marzu 2003.

Is-sejħa għall-proposti li timplimenta l-pjan ta’ ħidma ta’ l-2003 kienet miftuħa għal xahrejn bi skadenza fis-16 ta’ Mejju 2003.

2.2. Informazzjoni dwar is-sejħa għall-proposti

Twettqet kampanja ta’ informazzjoni għall-applikanti potenzjali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma ta’ l-2003. Din kien fiha avveniment ta’ tnedija uffiċjali fit-18.3.2003 fi Brussell mill-Kummissarju Byrne u l-Membru tal-Parlament Ewropew Trakatellis, relatur tal-PE dwar id-deċiżjoni tal-programm. Ġurnata ta’ informazzjoni fuq skala kbira ġiet organizzata f’Lussemburgu fit-13.3.2003 fejn kienu preżenti madwar 300 persuna li rrappreżentaw il-parteċipanti potenzjali tal-programm. Ingħatat assistenza speċifika sabiex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed iħejju għall-adeżjoni u dawk applikanti. Ġie żviluppat sit ġdid fuq l-internet dwar is-saħħa pubblika.

2.3. Proċedura ta' evalwazzjoni

Wasal total ta’ 427 proġett li talbu finanzjament globali ta’ aktar minn € 500 miljun, jew għaxar darbiet is-somma disponibbli. Il-proposti ġew evalwati minn uffiċjali b’għarfien fil-qasam tal-proposta. Fejn kien xieraq, il-proposti ġew evalwati ukoll minn uffiċjali minn Direttorati Ġenerali oħra sabiex jiġi żgurat li l-ebda duplikazzjoni jew sovrappożizzjoni ma sseħħ ma’ proġetti operattivi. Total ta’ 58 proġett tqiesu li jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament, 12-il proġett tqiegħdu fuq il-lista ta' riżerva A u 55 fuq il-lista ta’ riżerva B. It-302 proġetti li baqa’ ma tqisux adatti għall-finanzjament u ġew irrifjutati.

L-evalwaturi għamlu ħilithom biex jimxu b'mod konsistenti u bi standards komuni ta' evalwazzjoni. Kumitat ta’ Evalwazzjoni twaqqaf f’konformità mar-regoli finanzjarji. L-għotjiet ġew allokati finanzjament totali massimu ta’ 60% ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli. Il-proġetti innovattivi b’involviment sinifikanti minn pajjiżi kandidati setgħu jirċievu sa 80% ta’ finanzjamenti ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli.

Fil-laqgħa tiegħu tas-16-17 ta’ Lulju 2003, il-Kumitat tal-Programm ta opinjoni unanimu favur il-finanzjament ta' proposti magħżula mill-proċedura ta' evalwazzjoni. Huwa qaleb l-ordni ta’ prijorità għal żewġ proposti fuq il-lista ta’ riżerva.

2.4. L-adozzjoni tal-lista ta’ proġetti magħżula

Il-pjan ta’ ħidma inizjali ġie modifikat fis-17.12.2003[10] sabiex iqis iż-żieda fil-baġit tal-programm wara l-konklużjoni tal-memoranda ta' spjegazzjoni mal-pajjiżi li qed iħejju għall-adeżjoni u dawk kandidati. Dan kompla dewwem il-proċedura ta’ negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ għotjiet ma’ proġetti magħżula għall-finanzjament. Il-pjan ta’ ħidma rivedut ġie ppreżentat lill-Kumitat tal-Programm għal opinjoni fil-laqgħa tiegħu fid-9 ta’ Ottubru 2003. Fid-19 ta’ Diċembru 2003, wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ ħidma l-ġdid, l-Uffiċjal Awtorizzanti ddeċieda li jiffinanzja 70 proġett u aċċetta 55 proġett ieħor fuq il-lista ta’ riżerva, kif stabbilit mill-Kumitat tal-Programm. L-impenn globali għal dawn il-proposti ammonta għal € 50,4 miljun. It-302 proġetti li baqa’ ġew irrifjutati.

Total ta’ 72 proġett kienu ffinanzjati taħt il-baġit ta’ l-2003. 10 proġetti tħassru: 4 mil-lista tal-proposti aċċettati u 6 mil-listi ta’ riżerva. Il-lista ta’ riżerva ntużat sat-12-il proġett fl-ordni ta' prijorità.

2.5. Il-metodi ta’ tixrid u ta’ sfruttament tar-riżultati

Lista kompluta tas-sommarji tal-proġetti li ġew iffinanzjati hija disponibbli fuq http://europa.eu.int/comm/health/ph_projects/project_en.htm. Is-sommarji fihom informazzjoni amministrattiva dwar il-benefiċjarju ewlieni, informazzjoni finanzjarja, lista ta’ benefiċjarji assoċjati, u deskrizzjoni tal-proġetti bir-riżultati u l-metodi użati.

3. ĦARSA ĠENERALI LEJN L-ATTIVITAJIET TA’ L-2004

3.1. L-adozzjoni tal-pjan ta’ ħidma ta’ l-2004

Il-pjan ta’ ħidma ta’ l-2004 għall-progamm għas-Saħħa pubblika ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2004[11]. Sejħa għall-proposti[12], b'implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma ta’ l-2004, tnediet fl-istess ġurnata u baqgħet miftuħa għal xahrejn.

3.2. Informazzjoni dwar is-sejħa għall-proposti

Ġurnata ta’ informazzjoni seħħet f’Lussemburgu fit-22 ta’ Marzu 2004 sabiex tipprovdi informazzjoni lil min potenzjalment seta' jressaq il-proġetti dwar kif ikunu ppreżentati l-proposti lill-programm għas-Saħħa pubblika. L-avveniment ġabar madwar 300 parteċipant mill-UE, Pajjiżi Kandidati u Pajjiżi taż-ŻEE/EFTA.

Is-sit ta' l-internet tal-programm għas-Saħħa pubblika fih l-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa biex jintressqu l-proposti, eż. l-avviż tal-pubblikazzjoni tas-sejħa, il-pjan ta' ħidma ta' l-2004, il-formoli ta' applikazzjoni, gwida għall-applikanti, il-kriterji ta' evalwazzjoni u mudell ta’ ftehim ta’ għotja.

Twaqqaf help-desk li rċieva ‘l fuq minn 500 talba għal informazzjoni jew assistenza

3.3. Proċedura ta' evalwazzjoni

Tressqu 231 proposta, li talbu kontribut totali ta’ l-UE ta’ € 180.8 miljun. Minkejja li l-proposti kienu inqas meta mqabbla ma’ l-2003, il-kwalità tagħhom ġeneralment tjiebet. Kull proposta ġiet evalwata minn uffiċjal u wieħed minn 20 espert estern indipendenti. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn żewġ evalwaturi, evalwatur intern jew estern ieħor ipprovda rapport ta’ evalwazzjoni bi qbil komuni. Id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ l-Evalwazzjoni ġiet ippreżentata għall-konsultazzjoni formali ta’ Direttorati Ġenerali oħra sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni jew is-sovrappożizzjoni ma’ proġetti operattivi oħra.

Id-dokument Rules, criteria and procedures for the selection and funding of actions under the Public health programme [13], serva bħala bażi għall-kriterji ta’ evalwazzjoni.

79 proġett ġew irrakkomandati għal finanzjament, li minnhom 12-il proġett tqiegħdu fuq lista ta’ riżerva. Il-lista ta’ riżerva tnaqqset b'mod sinifikanti meta mqabbla ma’ l-2003, sabiex toffri possibilità iżjed realistika ta’ finanzjament. 139 proġett ġew irrifjutati u 9 ma kinux eliġibbli. 4 proposti ġew esklużi minħabba nuqqas ta’ konformità ma' l-iskadenza għall-preżentazzjoni.

Il-proġetti mressqa taħt is-sejħa għall-proposti ta’ l-2004 kienu ppreżentati lill-Kumitat tal-Programm fil-laqgħa tiegħu fit-8 ta’ Lulju 2004. Il-proġetti ġeneralment tqiesu bħala innovattivi u ta’ kwalità għolja.

Il-Kumitat għamel xi tibdiliet żgħar: ġie kkoreġut il-baġit ta' proġett wieħed u żewġ proġetti ġew imtawla. Bħal fl-2003, l-ordni ta’ żewġ proposti fuq il-lista ta’ riżerva ġiet maqluba. Il-Kumitat ta l-opinjoni unanimu tiegħu favur il-lista aġġornata tal-proġetti aċċettati u l-lista ta’ riżerva.

3.4. L-adozzjoni tal-lista ta’ proġetti magħżula

Wara l-laqgħa tal-Kumitat tal-Programm, l-Uffiċjal Awtorizzanti approva l-lista ta’ 67 proġett rakkomandat għal finanzjament u l-ordni tal-12-il proġett fuq il-lista ta’ riżerva kif approvata mill-Kumitat tal-Programm. It-152 proġetti li baqa’ ġew irrifjutati. L-impenn totali għall-proposti miżmuma ammonta għal € 48.8 miljun.

Fil-15 ta’ Diċembru 2004, wara d-disponibilità ta’ finanzjamenti addizzjonali, l-Uffiċjal Awtorizzanti alloka € 6.6 miljuni oħra għas-sejħa għall-proposti ta’ l-2004, u b’hekk it-12-il proġett kollha fuq il-lista ta’ riżerva ġew iffinanzjati.

3.5. Il-metodi ta’ tixrid u ta’ sfruttament tar-riżultati

Lista kompluta ta' l-ismijiet u deskrizzjonijiet qosra tal-proġetti li ntgħażlu għall-finanzjament huma disponibbli fuq is-sit ta’ l-Europa għas-Saħħa Pubblika fuq http://europa.eu.int/comm/health/ph_projects/project_en.htm.

Ladarba jkunu ġew iffirmati l-ftehimiet kollha tal-kuntratti, iktar informazzjoni se tkun disponibbli dwar l-informazzjoni amministrattiva tal-benefiċjarju ewlieni, tal-benefiċjarji assoċjati, ta’ l-informazzjoni finanzjarja, tad-deskrizzjonijiet tal-proġetti, tar-riżultati u l-metodi użati tagħhom.

4. AZZJONIJIET IMPORTANTI MNEDIJA TAĦT IL-PJANIJIET TA' ĦIDMA TA’ L-2003 U TA’ L-2004.

4.1. Temi mifruxa

Azzjonijiet ta’ importanza strateġika, li jorbtu ħafna għanijiet tal-programm ġew miġbura taħt temi mifruxa fl-2003. Il-proġetti ewlenin koprew networking ta’ NGOs fil-qasam tas-saħħa; strateġiji għal azzjoni u networking għat-tnaqqis ta’ inugwaljanzi fis-saħħa; u t-twaqqif ta’ netwerk multidixxiplinarju mifrux madwar l-Ewropa kollha dwar il-prevenzjoni tad-droga fil-ħabsijiet.

Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tas-saħħa ta’ l-Istati Membri kienet koperta minn tliet proġetti dwar il-prevenzjoni ta’ mard kardjovaskolari, it-tfassil ta’ l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u l-evalwazzjoni tas-saħħa pubblika f’reġjuni li jinsabu fuq il-fruntieri ta' l-Ewropa.

Fl-2004. it-temi mifruxa ġew inkorporati fit-tliet fergħat tal-programm.

4.2. Informazzjoni sanitarja

Fl-2003, il-programm ħabrek biex jinkorpora x-xogħol imwettaq taħt it-tmien programmi Komunitarji għas-saħħa pubblika ta’ qabel. Essenzjalment, dan kien dwar: (i) proġetti ta’ l-indikaturi tas-saħħa indirizzati biex joħolqu lista komuni ta’ l-UE ( ECHI ) kif ukoll biex jiżviluppaw indikaturi f’oqsma bħal mard, sistemi tas-saħħa, farmaċewtiċi, saħħa mentali, stili ta’ ħajja, eċċ.; (ii) proġetti li jiffukaw fuq l-ġbir ta' rutina u sostenibbli ta’ data (eż. Databases ta’ ferimenti u tal-kanċer); (iii) proġetti li jiffukaw fuq it-titjib ta’ mekkaniżmi ta’ rapurtaġġ dwar is-saħħa (proġetti ta’ Stħarriġ fuq Intervisti tas-Saħħa, proġetti dwar id-Data fl-Isparijiet); u (iv) proġetti indirizzati għat-titjib jew it-twaqqif ta’ l-aħjar prattika klinika u ta’ kodifikazzjoni.

Ingħatat attenzjoni partikolari għas-sinerġiji mal-Programm Statistiku Komunitarju[14]. L-Organizzazzjoni Dinjija dwar is-Saħħa ( WHO ) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku ( OECD ) huma assoċjati mal-biċċa l-kbira tal-proġetti ta’ l-UE fil-qasam.

Sistema sostenibbli ta’ monitoraġġ tas-saħħa qed tiġi mwaqqfa bl-għan li tipprovdi comparable information informazzjoni komparabbli dwar is-saħħa u dwar l-imġiba tal-popolazzjoni relatata magħha, dwar mard u sistemi tas-saħħa. L-element statistiku ta' din is-sistema se jkun żviluppat aktar, bl-użu kif meħtieġ tal-Programm Statistiku Komunitarju. Din hija bbażata fuq indikaturi u strumenti komuni u maqbuQabbel għandha tifsira oħrala ma’ l-Ewropa kollha fir-rigward tad-definizzjonijiet tagħhom, il-metodi tal-ġbir u użu tad-data. Seba’ gruppi ta’ ħidma li jiffurmaw netwerk komplew ix-xogħol ta’ qabel dwar il-monitoraġġ tas-saħħa billi kkonċentraw fuq l-indikaturi u l-ġbir tad-data.

Ix-xogħol twettaq ukoll biex joħloq, l-ewwelnett, lista qasira ta’ l-indikaturi Komunitarji tas-saħħa bl-intenzjoni li din il-lista tespandi fis-snin li ġejjin; Suġġett = ix-xogħol, mhux il-listajiżviluppa strumenti għall-ġbir ta’ informazzjoni komparabbli flimkien mal-Programm Statistiku Komunitarju; u jiżviluppa serje ta’ Rapporti Komunitarji dwar is-Saħħa li jippreżentaw analiżi u informazzjoni għal min ifassal il-politika, għal udjenzi speċifiċi u għall-pubbliku ġenerali.

Il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sistemi tas-saħħa inġieb ‘il quddiem permezz ta’ sostenn ta’ attivitajiet dwar lĦallejtha għax ma nistax nifhem preċiżament xi jridu jgħidu b'"health evidence activities", imma ma ddoqqlix ħej! Forsi "t-turija tas-saħħa"...?-evidenza tas-saħħa u t-tfassil ta’ l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa.

Tnediet sejħa għall-offerti dwar ir-rapurtaġġ u l-analiżi tas-saħħa, u għall-impatti ekonomiċi u soċjali ta’ l-alkoħol sabiex tindirizza l-politika eżistenti u ppjanata fuq livell nazzjonali, ta’ l-UE u tad-WTO biex tidentifika rakkomandazzjonijiet u għażliet għall-politika potenzjali jew għażliet strateġiċi ta’ l-UE dwar l-alkoħol. Sejħa għall-offerti oħra tnediet għall-iżvilupp ta’ indikaturi tal-prestazzjoni tas-saħħa għas-settur farmaċewtiku sabiex isir monitoraġġ ta' kemm is-settur farmaċewtiku jinsab allineat mas-saħħa pubblika u għanijiet soċjali oħrajn.

Fl-2004, ix-xogħol tkompla fuq l-informazzjoni u t-tixrid, sistemi tas-saħħa, mard serju u kroniku, id-Database ta’ ferimenti, mard mentali u mard rari. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-informazzjoni u t-tixrid, ix-xogħol iffoka fuq il-kunċett u l-elementi tas-Sistema ta’ Informazzjoni u Għarfien tas-Saħħa ta’ l-Unjoni Ewropea tal-futur, fuq l-iżvilupp ta’ strutturi pubbliċi għat-tixirid ta’ l-azzjoni tas-saħħa ta’ l-UE (il-Portal tas-Saħħa) u għat-tixrid tal-lista l-qasira ta’ l-indikaturi Komunitarji tas-saħħa, fuq il-ħolqien ta’ struttura għat-tixird ta’ lista simili fuq livell subnazzjonali; fuq struttura għax-xandir dwar is-saħħa; u fuq l-impatt tal-politika tar-rapurtaġġ tas-saħħa pubblika.

Fil-qasam tas-sistemi tas-saħħa, netwerk ta’ awtoritajiet u istituzzjonijiet involuti f’affarijiet farmaċewtiċi twaqqfet sabiex taqsam l-informazzjoni dwar l-ipprezzar u r-rifużjoni tal-farmaċewtiċi. Proġett ta’ ġbir ta’ data fl-isptarijiet beda jtejjeb il-komparabilità tal-metodi ta’ reġistrazzjoni dwar ir-rilaxxi u l-proċeduri kirurġiċi, it-twessigħ fl-ambitu tal-ġbir tad-data, u l-estensjoni ta’ dan ix-xogħol għall-Istati Membri ġodda. Il-moviment ħieles ta' servizzi u professjonisti hu wkoll previst bl-iżvilupp ta' mezzi komuni fil-metodoloġija użata madwar l-UE kollha dwar sikurezza għall-pazjent f'istituzzjonijiet għall-kura tas-saħħa.

Sabiex tittejjeb il-kwalità u s-sostenibilità ta' netwerks ta' informazzjoni dwar il-mard prinċipali u kroniku, ġie mogħti sostenn lir-reġistri Ewropej tal-Kanċer u lis-sistemi ta' database, lil bosta proġetti ta' katalogar tas-sorsi ta' morbidità u lill-proġetti li joħolqu sistemi xierqa ta’ monitoraġġ u ta’ indikaturi kif ukoll metodi ta’ ġbir ta’ data għal bosta gruppi ta’ mard (l-ażma u COPD, mard kardjovaskolari, dijabete, mard muskolu-skeletriku, eċċ).

Sabiex tkun koperta l-informazzjoni dwar mard rari, ingħata sostenn lil konferenza biex tindirizza modi kif tista’ tiżdied il-kuxjenza dwar il-mard rari, flimkien mal-kooperazzjoni u qsim ta’ għarfien fuq livell Komunitarju biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni, għad-dijanjożi, għall-kura, għad-drogi u għas-sostenn. Inħolqot sistema operattiva ta’ monitoraġġ għall-anomaliji konġeniti, u se jitwaqqaf netwerk għall-anemija rari u konġenitali, filwaqt li se jsir ukoll operattiv segretarjat għal task force għall-mard rari.

Is-saħħa mentali ġiet indirizzata minn bosta inizjattivi bħall-indikaturi tas-saħħa għal persuni b’diżabilitajiet intellettwali, it-trattament tal-morda mentali fil-ħabs u l-ekonomija tas-saħħa mentali. Struttura dwar il-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni ta' diżordni mentali twaqqfet sabiex timplimenta strateġija komprensiva għas-saħħa mentali.

Oqsma oħra koperti fl-2004 jikkonsistu fl-ambjent u s-saħħa; fi stħarriġ dwar is-saħħa, il-mortalità; f’evalwazzjoni ta' l-impatt tas-saħħa; f’ferimenti u inċidenti; f'e-health; u fi stili ta’ ħajja.

4.3. Theddid għas-saħħa

Twettqu attivitajiet biex jagħtu appoġġ u jiżviluppaw sorveljanza ta' patoġeni enteriċi batterjali, l-influwenza, il- Creutzfeldt Jakob Disease u l-leġjonellożi assoċjata ma’ l-ivvjaġġar. F'dak li jirrigwarda t-twissija u r-respons bikrija , twaqqaf servizz ta’ pubblikazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika bejn l-esperti tas-settur. Inbdew l-isforzi biex jitjiebu l-kontroll u l-komunikazzjoni tal-mard li jittieħed.

Is-sigurtà u t-tlestija għas-saħħa kienu ttrattati permezz ta' sforzi kontra t-tixrid apposta ta' aġenti bijoloġiċi u epidemiji naturali oħra ta' impatt potenzjalment ikbar; netwerk ta’ tobba speċjalizzati fil-mard infettiv; u sistema bi prova ta’ allarm relatat mar-rilaxx ta' kimiċi minn terroristi.

Proġetti ewlenin preċedenti rigward il-mard rari kienu marbuta ma’ l-attivitajiet il-ġodda. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ tessuti u ċelluli, tressqu metodi biex influwenzaw il-kwalità u s-sigurtà tat-tessuti kemm għat-trapjant kif ukoll għall-ħażna tat-tessuti. Ingħata impuls għad-definizzjoni ta' standards, kif ukoll għall-ispezzjoni u l-akkreditazzjoni ta' l-istituzzjonijiet u l-faċilitajiet tas-saħħa involuti fil-ġbir, l-ipproċessar u t-trapjant taċ-ċelluli ematopojetiċi mhux speċjalizzati.

Inbeda sew żvilupp ta’ netwerk bejn laboratorji biex ikunu jistgħu jsiru reazzjonijiet bla dewmien, effettivi u koordinati għal theddidiet għas-saħħa li jirriżultaw minn infezzjonijiet naturali kif ukoll programm li jidentifika tifqigħat ta’ norovirus. Ġie mħeġġeġ l-iżvilupp tal-kapaċità sabiex tissaħħaħ is-sorveljanza u l-kontroll tal-mard li jittieħed.

Tkompla l-enfasi fuq is-sorveljanza fl-2004, b’mod partikolari fl-oqsma tal-mard li għalih jista' jintlaqa' bit-tilqim, it-tnaqqis ta' theddid ta’ infezzjonijiet nożokomjali, u l-provvista ta' informazzjoni fuq l- HIV madwar l-UE u l-Pajjiżi Kandidati kollha. Is-sorveljanza tat-tuberkolożi ġiet imħeġġa, eż. bl-iżvilupp ta’ kapaċità Ewropea għall-identifikazzjoni u l-monitoraġġ ta’ avvenimenti ta' tuberkolożi ta’ interess għall-UE. Is-sorveljanza ta’ infezzjonijiet li huma trażmessi sesswalment u mard infettiv ieħor ġew indirizzati ukoll.

Bil-kollaborazzjoni ta' xjenzjati Russi, ġiet żviluppata kapaċità dijanjostika mtejba fl-UE taħt it-titolu tas-sigurtà u tlestija għas-saħħa. Sistema ta’ allarm, kriterji għall-iżvilupp ta' sistema ta' sorveljanza tas-saħħa, u moduli ta' taħriġ għal każijiet tar-rilaxx terroristiku apposta ta' kimiċi kienu wkoll koperti taħt l-attivitajiet ta’ l-2004. Sejħa għall-offerti tnediet sabiex tevalwa u ttejjeb it-tlestija għall-emerġenzi ta’ saħħa pubblika kkawżati mir-rilaxx apposta ta’ aġenti bijoloġiċi u kimiċi u pandemija ta' l-influwenza.

Għal iktar sikurezza fid-demm, it-tessuti u l-organi, netwerk ta’ sistema Ewropea ta' mmaniġġjar tal-kwalità għas-sikurezza ematoloġika ġiet approvata. Attivitajiet li jkopru kwistjonijiet ġuridiċi, etiċi u soċjali ġew indirizzati sabiex itejbu is-sigurtà tal-ktajjen Ewropej ta' donazzjonijiet integrati fi trapjanti ta’ ċelluli ematopojetiċi mhux speċjalizzati u mhux relatati.

Ingħata appoġġ lin-networking bejn il-laboratorji, għall-mard virali importat bħas- SARS , u għall-katalogar fi spartijiet ta’ resistenzi antimikrobiċi f’infezzjonijiet fuq livell Ewropew. Ġie mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet fis-settur tat-taħriġ, kemm għall-professjonisti tas-saħħa dwar respons bla dewmien għat-theddidiet għas-saħħa kif ukoll għall-epidemjoloġija ta’ l-intervent fil-qasam ta’ alarm u respons.

4.4. Determinanti tas-saħħa

Fl-2003 u fl-2004 ngħata enfasi għal tranżizzjoni bla ntoppi mit-tmien programmi separati għas-Saħħa pubblika għall-programm il-ġdid tas-Saħħa pubblika. Perspettiva koerenti bejn azzjonijiet determinanti tas-saħħa kienet żviluppata, b’iktar attenzjoni fuq perspettivi strateġiċi.

Ġie stabbilit netwerk għal stateġiji koerenti fis-settur tan-nutrizzjoni u ta' l-attività fiżika, kif ukoll netwerks għall-prevenzjoni ta' l-obeżità tat-tfal. Sforzi biex tiżdied f-effettività fin-nefqa u l-effiċjenza ta' attivitajiet ta' prevenzjoni tat-tipjip fost is-soċjetà ċivili kienu wkoll imħeġġa, per eżempju fil-forma ta' programmi ta' waqfien għall-adolexxenti, sptarijiet fejn it-tipjip mhux permess, u evalwazzjoni ta’ l-effetti tal-leġiżlazzjoni Irlandiża dwar it-tabakk[15]. Fis-settur tat-tabakk ukoll, tnedew żewġ kampanji kontra t-tipjip u ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti fuq il-kontroll tat-tabakk.

Il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ ħsara relatata mas-saħħa assoċjata mad-dipendenza mid-drogi kienet indirizzata permezz ta' sejħa għall-offerti. Azzjonijiet dwar id-droga fil-ħabs u prevenzjoni tad-droga fl-ibliet kienu koperti taħt is-sejħiet għall-offerti ta’ l-2003 u ta’ l-2004.

Bdiet evalwazzjoni ta’ l-abbuż ta’ prodotti farmaċewtiċi legali. Intgħażlu proġetti li jħeġġu s-saħħa sesswali taż-żgħażagħ, u l-prevenzjoni ta' l- AIDS/HIV fir-rigward ta’ żgħażagħ li jħallu pajjiżhom u jmorru f’ieħor. Dan ix-xogħol issaħħaħ fl-2004 billi ġew inklużi prostituti li jiġu minn barra l-pajjiż, is-saħħa sesswali u riproduttiva ta’ persuni bl- HIV , u l-aħjar prattika għas-saħħa sesswali fl-Istati Membri l-ġodda b’enfasi fuq l- HIV/AIDS .

Fis-settur ta’ l-ambjent, il-proġetti għandhom x’jaqsmu ma’ l-informazzjoni dwar l-ambjent u s-saħħa, l-effett tal-ħsejjes fuq saħħet it-tfal, u taħriġ fl-ambjent u fis-sikurezza. L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/49/KEE[16] nbdiet fis-settur tat-theddid ġdid li jirriżulta minn iktar traffiku matul il-lejl bl-ajru u bil-ferrovija.

Il-prevenzjoni tal-mard ġiet indirizzata fis-setturi tad-dijabete u tal-kanċer. Il-prevenzjoni tad-dijabete kienet miġġielda permezz ta' stil ta' ħajja b'saħħtu, nutrizzjoni u attività fiżika. L-aħjar prattika kienet garantita fil-prevenzjoni tal-kanċer sekondarju.

Ġew previsti strutturi għat-tfassil tal-politika fir-rigward tal-kampi elettromanjetiċi, flimkien ma’ edukazzjoni ta’ stil ta’ ħajja b'saħħitha integrata fil-kurrikula skolastiċi. Masters Ewropew fis-saħħa pubblika għandu jipprovdi dimensjoni Ewropea lit-taħriġ wara l-ewwel grad.

Sforzi biex jitnaqssu d-disparitajiet fis-saħħa fil-komunità Roma kienu promossi taħt l-intestatura fatturi soċjo-ekonomiċi. Twaqqaf netwerk dwar l-aħjar prattika għall-gruppi vulnerabbli fi ħdan l-inklużjoni sanitarja u soċjali. Ġie stabbilit netwerk dwar il-promozzjoni tas-saħħa fil-post tax-xogħol sabiex tinxtered l-aħjar prattika, l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-pajjiżi li qed iħejju għall-adeżjoni. Taħriġ għall-pubbliku ġenerali kien enfasizzat fl-Istati Membri l-ġodda.

5. KONKLUŻJONI

Inkisbu riżultati sinifikanti matul l-ewwel sentejn tal-programm għas-Saħħa pubblika, li qajmu interess ħaj fost l-atturi Ewropej fis-saħħa. Fl-ewwel sentejn ta’ ħajtu, il-programm irċieva ħafna applikazzjonijiet li pprovdew medda ġeografika wiesgħa u indirizzaw firxa kbira ta' attivitajiet taħt il-pjanijiet ta' ħidma ta' l-2003 u ta' l-2004.

Madanakollu, jidher li sabiex tkun assigurata implimentazzjoni effiċjenti u effettiva ta' dan il-programm ambizzjuż u kumpless, tinħtieġ aġenzija eżekuttiva kif previst fid-Deċiżjoni tal-programm. It-twaqqif tagħha ġie pospost minn dewmien fil-qafas ġuridiku u proċedurali ġenerali għall-ħolqien ta' aġenziji eżekuttivi. B'riżultat ta' dan, ir-riżorsi addizzjonali meħtieġa biex il-programm ikun implimentat bl-aħjar mod ma kinux disponibbli. L-Aġenzija nħolqot f’Diċembru 2004[17] u suċċessivament qed issir operattiva fl-2005.

Il-programm għas-Saħħa pubblika saħħaħ il-kollaborazzjoni tiegħu ma’ entitajiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ( WHO ), il-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku ( OECD ), il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Osservatorju Ewropew għal Sistemi tal-Kura tas-Saħħa u l-Politika.

L-importanza li l-Kummissjoni tagħti lis-saħħa pubblika fil-politika ta’ l-UE kienet riflessa fl-isforzi biex tkun assigurata strateġija għas-saħħa globali u koerenti fl-UE, rabtiet mill-qrib bejn il-miżuri dwar is-saħħa pubblika, u inizjattivi relatati mas-saħħa f’oqsma politiċi oħra. Dawn ir-rabtiet kienu megħjunin minn mekkaniżmi u strumenti ġodda, eż. l-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq is-saħħa ta’ oqsma oħrajn tal-politika, miżuri konġunti ma’ oqsma varji tal-politika u mekkaniżmi li jsaħħu il-koordinament ta’ attivitajiet relatati mas-saħħa.

Proċess ta’ riflessjoni dwar il-politika tas-saħħa ta’ l-UE tnieda mill-Kummissarju Byrne fil-15 ta’ Ottubru 2004 sabiex jgħin isawwar l-istrateġija tas-saħħa ta' l-UE. Awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, NGOs, universitajiet, ċittadini individwali u kumpaniji kienu ħerqana biex jagħtu sehemhom. Il-proċess iġġenera dibattitu kbir madwar l-UE kollha u lil hinn minnha.

Numru ta’ attivitajiet leġiżlattivi kienu koperti għal aspetti varji fi ħdan il-miri tal-programm. Fost dawn jistgħu jissemmew id-Direttiva 2003/33/KE[18] dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tal-proċeduri amministrattivi ta’ l-Istati Membri fil-qasam tar-reklamar u ta' l-isponsorizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw Direttiva li tistipola standards għall-użu ta' tessuti u ċelluli umani[19]. Twaqqaf netwerk internazzjonali ta’ sorveljanza epidemjoloġika u ta’ kontroll tal-mard li jittieħed u beda x-xogħol fuq it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fi Stokkolma[20]. L-operat tiegħu beda f’Mejju 2005.

ANNESS

Konsum ta’ krediti allokati - Miljuni ta’ EUR |

2003 | 2004 |

Spejjeż amministrattivi | 1,975 | 3,739 |

Spejjeż operattivi: | 50,018 | 55,898[21] |

Sejħa għall-offerti | 0,190 | 2,255 |

Sejħa għall-proposti (baġit maqsum indaqs bejn il-tliet fergħat) | 49,649 | 55,286 |

[1] ĠU L 271 tad-9.10.2002, p.1, id-Deċiżjoni 1786/2002/KE mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Settembru.

[2] Ara wkoll http://europa.eu.int/comm/health/index_en.htm

[3] Deċiżjoni 645/96/KE, ĠU L 95, tas-16.4.1996, p. 1; Deċiżjoni 646/96/KE, ĠU L 95, tas-16.4.1996, p. 9; Deċiżjoni 647/96/KE ĠU L 95, tas-16.4.1996, p. 16; Deċiżjoni 102/97/KE, ĠU L 19, tat-22.1.1997, p. 25; Deċiżjoni 1400/97/KE, ĠU L 193, tat-22.7.1997 p. 1; Deċiżjoni 372/1999/KE, ĠU L 46, tat-20.2.1999, p. 1; Deċiżjoni 1295/1999/KE, ĠU L 155, tat-22.6.1999, p. 1; Deċiżjoni 1296/1999/KE, ĠU L 155, tat-22. 6. 1999, p. 7, emendata mid-Deċiżjoni 521/2001/KE.

[4] In-Norveġja. L-Iżlanda u l-Liechtenstein

[5] Il-Kroazja ma kenitx eliġibbli li tieħu sehem fl-2003 u l-2004.

[6] Aktar tagħrif: http://europa.eu.int/comm/health/ph_programme/evaluation_en.htm

[7] ĠU L 62 tal-15.3.2003, p.21.

[8] ĠU L 62 tal-15.3.2003, p.14

[9] ĠU L 62 tal-15.3.2003, p.7

[10] Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2003/4701

[11] ĠU L 60 tat-27.2.2004, p. 58

[12] ĠU L 52 tal-15.3.2003, p. 22

[13] ĠU L 62 tal-15.3.2003, p.14

[14] ĠU L 358 ta' l-31.12.2002, p. 1

[15] S.I. Nru 481 ta' l-2003

[16] ĠU L 189 tat-18.7.2002, p. 12

[17] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/858/KE, ĠU L 369, tas-16.12.2004, p. 73

[18] ĠU L 152 ta' l-20.6.2003, p. 16

[19] Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004, ĠU L 102 tas-07.04.2004 p. 48

[20] Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004, ĠU L 142 tat-30.4.2004, p.1.

[21] Iċ-ċifri għall-2004 huma indikattivi u jibqgħu suġġetti għall-finanzjament tal-proġetti magħżula wara s-suċċess fi proċedura ta' negozjati u l-iffirmar tal-ftehim ta' l-għotja.

Top