EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0465

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - i2010 : libreriji diġitali {SEC(2005) 1194} {SEC(2005) 1195}

/* KUMM/2005/0465 finali */

52005DC0465

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - i2010 : libreriji diġitali {SEC(2005) 1194} {SEC(2005) 1195} /* KUMM/2005/0465 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, it-30.9.2005

KUMM (2005) 465 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

i2010: LIBRERIJI DIĠITALI

{SEC(2005) 1194} {SEC(2005) 1195}

Werrej

1. Introduzzjoni 3

2. i2010: Libreriji Diġitali 3

3. Id-Disponibbiltà online tal-Wirt kulturali Ewropew: X'tinvolvi? 4

4. Id-diġitizzazzjoni 5

5. Aċċessibbiltà Online 7

6. Il-preżervazzjoni tal-kontenut diġitali 7

7. Ir-reazzjoni Ewropea 9

7.1. Inizjattivi fi triqithom lejn it-twettiq 9

7.2. Inizjattivi ġodda jew imsaħħa 10

8. Konklużjoni 12

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOÅJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

i2010: LIBRERIJI DIĠITALI

1. INTRODUZZJONI

F'ittra tat-28 ta' April 2005 lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni, sitt Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern argumentaw favur il-ħolqien ta' librerija Ewropea virtwali, bil-għan li l-kisbiet Ewropej fil-qasam tal-kultura u dak xjentifiku isiru aċċessibbli għal kulħadd. Il-Kummissjoni laqgħet dan il-pjan u se tagħti kontribut għalih permezz ta' l-inizjattiva prominenti i2010 dwar il-libreriji diġitali.

Il-Komunikazzjoni preżenti tagħti sinteżi tal-viżjoni li fuqha tissejjes l-inizjattiva dwar il-libreriji diġitali u tippreżenta l-elementi ewlenin li jsawruha. Fl-istess ħin tikkostitwixxi l-ewwel element ta' l-inizjattiva, li jirrigwarda d-diġitizzazzjoni, l-aċċessibbiltà bl-internet u l-preżervazzjoni diġitali tal-wirt kulturali tagħna. Il-Komunikazzjoni tanalizza l-isfidi sabiex jiġi sfruttat kemm jista' jkun il-potenzjal kollu kulturali u ekonomiku u tipproponi l-ewwel grupp ta' azzjonijiet li se jagħti kontribut sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni preżenti ta' l-isforzi fl-Ewropa.

2. I2010: LIBRERIJI DIġITALI

L- iniżjattiva dwar il-libreriji diġitali għandha l-għan li r-riżorsi Ewropej ta' l-informazzjoni jsiru eħfef u aktar interessanti għall-użu f'ambjent online. Issejjes fuq il-wirt għani ta' l-Ewropa bili tgħaqqad ambjenti multikulturali u multilingwi ma' avvanzi teknoloġiċi u mudelli ġodda impreditorjali.

Libreriji diġitali huma ġabriet organizzati ta' kontenut diġitali mqegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Jistgħu jikkonsistu f'materjal li ġie ddiġitizzat, bħalma huma kopji diġitali ta' kotba jew materjal 'fiżiku' ieħor minn libreriji u arkivji. Alternattivament, jistgħu jkunu bbażati fuq informazzjoni li ġiet prodotta oriġinarjament fil-format diġitali. Kull ma jmur dan qed iseħħ aktar ta' spiss fil-qasam ta' l-informazzjoni xjentifika, fejn il-pubblikazzjonijiet diġitali u kwantitajiet enormi ta' informazzjoni jinħażnu f'repożitorji diġitali. Iż-żewġ aspetti – il-materjal diġitizzat u dak li mill-bidu kien fil-format diġitali - huma koperti minn din l-inizjattiva.

Se jiġu segwiti tliet toroq ewlenin sabiex jiġi rrealizzat il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali għall aċċess mifrux u faċli għall-informazzjoni.

- Aċċessibbiltà online , kundizzjoni meħtieġa minn qabel sabiex iċ-ċittadini, ir-riċerkaturi u l-kumpaniji jiksbu l-akbar benefiċċji mill-informazzjoni.

- Id-Diġitizzazzjoni ta' ġabriet fiżiċi (mhux diġitali) sabiex jintużaw aktar fil-wisa’ fis-soċjetà ta' l-informazzjoni.

- Il-preżervazzjoni u l-ħażna sabiex jiġi żgurat li ġenerazzjonijiet ġejjiena jistgħu jaċċedu għall-materjal diġitali u sabiex kontenut prezzjuż ma jitħalliex jintilef.

L-inizjattiva dwar il-libreriji diġitali se tindirizza dawn it-toroq f'diversi għodod tal-bidu. Filwaqt li l-Komunikazzjoni preżenti titratta dwar il-wirt kulturali Ewropew , qasam ewlieni ieħor jirrigward l- informazzjoni xjentifika . Dan huwa qasam bil-partikolaritajiet u d-dinamika tiegħu stess fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu mmanipulati u maħżuna kwantitajiet enormi ta' dejta diġitali, u t-tkabbir mgħaġġel ta' pubblikazzjonijiet li huma biss disponibbli fil-forma diġitali. Komunikazzjoni prevista għall-2006 se titratta l-isfidi speċifiċi fir-rigward tal-libreriji diġitali f'dan il-qasam, inkluż ir-rwol ta' l-infrastruttura ta' appoġġ b'kapaċità kbira u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fuq livell Ewropew.

Konsultazzjoni online li takkumpanja d-dokument preżenti se titratta dwar xi uħud mill-isfidi ewlenin li jinfluwenzaw id-diġitizzazzjoni, l-aċċessibbiltà online u l-preżervazzjoni diġitali. Ir-risposti se jagħtu kontribut importanti lil Rakkomandazzjoni li x'aktarx tirriżulta dwar id-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni diġitali. Ir-risposti se jagħtu wkoll kontribut għal inizjattivi Komunitarji rilevanti oħra bħal ma hi r-reviżjoni tal-qafas tad-drittijiet ta' l-awtur.

Fil-qosor:

Il-Komunikazzjoni preżenti 'i2010: libreriji diġitali' li tiffoka fuq il-wirt kulturali (2005) Konsultazzjoni online (2005) dwar kwistjonijiet marbuta mad-diġitizzazzjoni, l-aċċessibbiltà online u l-preżervazzjoni diġitali. Ir-risposti se jikkontribwixxu lejn proposta għal Rakkomandazzjoni dwar id-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni diġitali (2006) u inizjattivi Komunitarji rilevanti oħra bħalma hi r-reviżjoni tal-qafas tad-drittijiet ta' l-awtur (2006) Komunikazzjoni dwar l-aċċessibbiltà ta' l-informazzjoni xjentifika, b'attenzjoni partikolari fuq il-kwistjoni ta' informazzjoni diġitali 'mill-bidu' (2006) |

3. ID-DISPONIBBILTÀ ONLINE TAL-WIRT KULTURALI EWROPEW: X'TINVOLVI?

Aspetti kulturali u soċjali

Il-libreriji Ewropej u l-arkivji[1] fihom ġid kbir f'termini ta' materjal – inklużi kotba, gazzetti, films, ritratti u mapep – li jirrappreżentaw kemm hi sinjura l-Ewropa f'dak li għandu x'jaqsam ma' storja, u d-diversità kulturali u lingwistika tagħha. Il-preżenza online ta' dan il-materjal minn kulturi differenti u f'lingwi differenti se jiffaċilita l-apprezzament taċ-ċittadini tal-wirt kulturali tagħhom kif ukoll tal-wirt ta' pajjiżi oħra Ewropej, u l-użu ta' dan il-wirt għall-istudju, ix-xogħol jew il-mogħdija taż-żmien. B'hekk jingħata kontribut li jikkomplementa u jappoġġa l-għanijiet ta' azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kultura.

Aspetti ekonomiċi

Il-libreriji u l-arkivji huma setturi ewlenin ta' attività f'termini ta' investimenti u impjiegi. Fl-2001 il-libreriji Ewropej impjegaw 336,673 ħaddiem b'xogħol ekwivalenti għal full-time b'aktar min 138 miljun utent irreġistrat[2]. L-impatt tagħhom fuq l-ekonomija in ġenerali huwa sostanzjali.

Id-diġitizzazzjoni tar-riżorsi tagħhom jista' jżid dan l-impatt konsiderevolment. Ladarba jiġi diġitizzat, il-wirt kulturali Ewropew jista' jkun xprun qawwi għat-traffiku fuq in-netwerks. Se jkun sors rikk ta' materjal mhux ipproċessat għall-użu mill-ġdid fil-provvista ta' servizzi u prodotti b'valur miżjud għal setturi bħalma huma t-turiżmu u l-edukazzjoni. Jekk jiġi ppriżervat sewwa, il-materjal jista' jintuża darba wara l-oħra. Barra minn hekk, sforzi ta' diġitizzazzjoni se jkollhom effetti sekondarji konsiderevoli għal impriżi li jiżviluppaw teknoloġiji ġodda.

4. ID-DIġITIZZAZZJONI

Il-kwantità u d-diversità tal-materjal fil-libreriji u l-arkivji Ewropej huma impressjonanti.

In-numru totali ta' kotba u sensiliet ta' rivisti (volumi) fil-libreriji Ewropej (UE 25) kien 2,533,893,879 fl-2001.[3]

Ir-raġuni ewlenija għad-diġitizzar ta' dan il-materjal hija li dan jitqiegħed għad-disponibbiltà ta' l-utenti f'ambjent online. F'ċerti każijiet, madankollu, id-diġitizzazzjoni ma tintużax l-ewwel u qabel kollox sabiex il-kontenut isir aktar aċċessibbli, iżda sabiex tiġi ggarantita s-soppravivenza tiegħu. Dan jirrigwarda primarjament il-materjal awdjoviżżiv, fejn formati analog jiddeterjoraw mażż-żmien, u materjal prezzjuż jintilef.

Stħarriġ dwar għaxar arkivji ewlenin tax-xandir irriżulta b'1 miljun siegħa ta' film, 1.6 miljun siegħa ta' rekordjar fil-format vidjo u 2 miljun siegħa ta' rekordjar fil-format awdjo. It-total tar-riżorsi Ewropej ta' materjal għax-xandir huwa x'aktarx 50 darba aktar minn hekk. Il-biċċa l-kbira tal-materjal huwa oriġinali u analog. 70% tal-materjal huwa f'riskju li jintilef, għaliex qed jitmermer, huwa fraġli jew qiegħed fuq mezzi li m'għadhomx jintużaw. Kull sena l-arkivji awdjoviżwali Ewropej jitilfu madwar 10,000 siegħa ta' l-aktar parti qadima tal-ġabriet tagħhom.[4]

Fil-preżent, parti żgħira biss tal-ġabriet Ewropej huma diġitizzati. L-attivitajiet ta' diġitizzazzjoni jeżistu fl-Istati Membri kollha, iżda l-isforzi huma frammentati u l-progress għaddej relattavament bil-mod. Dan ġie enfasizzat mill-istqarrija ta' l-inizjattiva Google għad-diġitizzazzjoni ta' 15-il miljun ktieb minn erba' libreriji ewlenin fl-Istati Uniti u waħda fl-Ewropa. Jekk jitwettaq kif ippjanat, l-inizjattiva Google tisboq bil-kbir l-isforzi fuq livell nazzjonali fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri. F'partijiet oħra tad-dinja, l-isforzi ta' diġitizzazzjoni qed jissaħħu. Fl-Indja u ċ-Ċina pereżempju, hemm fis-seħħ aġendi ambizzjużi ta' diġitizzazzjoni li jkopru l-materjal f'lingwi differenti.

Numru ta' sfidi jħallu impatt fuq il-pass u l-effiċjenza tad-diġitizzazzjoni fl-Ewropa.

Sfidi Finanzjarji: Id-Diġitizzazzjoni tirrikjedi ħafna xogħol u tqum ħafna flus. Teżiġi investiment konsiderevoli bil-quddiem, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet imur lil hinn mill-mezzi ta' l-istituzzjonijiet li għandhom l-informazzjoni. Id-diġitizzazzjoni tal-materjal rilevanti kollha hija biċċa xogħol impossibbli, għalhekk iridu jsiru għażliet dwar x'għandu jiġi diġitizzat u meta dan għandu jsir.

Sfidi organizzazzjonali: Strateġija ta' 'iddiġitizza darba, qassam fil-wisa’' tista' tkun ta' benefiċċju għall-organizzazzjonijiet kollha involuti. Id-duplikazzjoni ta' l-isforzi – id-diġitizzazzjoni ta' l-istess xogħlijiet jew ġabriet diversi drabi – trid tiġi evitata. Dan jista' jinkiseb biss permezz ta' sforz ta' koordinazzjoni sostnut fuq livell nazzjonali u Ewropew. Dan ta' l-aħħar jista' wkoll itejjeb il-valur miżjud Ewropew, fejn ir-riżultat finali huwa aktar mit-total tal-partijiet individwali.

Mezzi ġodda ta' ħidma huma meħtieġa sabiex id-diġitizzazzjoni tkun tista' titwettaq. Sħubijiet ma' jew sponsorizzazzjoni mis-settur pubbliku jistgħu jikkontribwixxu, iżda din it-tip ta' sħubija għadha mhix żviluppata sew. Barra minn hekk, investimenti fid-diġitizzazzjoni jridu jkunu akkumpanjati b'bidliet organizzazzjonali fi ħdan l-istituzzjonijiet kkonċernati, inklużi tiġdid u aġġornament tal-kapaċitajiet ta' l-istaff involut.

Sfidi Tekniċi: Sfida teknika ewlenija hija l-ħtieġa li jittejjbu t-tekniki ta' diġitizzazzjoni sabiex id-diġitizzazzjoni – għall-materjal awdjoviżwali kif ukoll għall-kotba – jsiru aktar effiċjenti u aċċessibbli f'termini ta' nfiq. Għad-diġitizzazzjoni ta' testi miktuba, tagħmir awtomatiku li jiffidja l-kotba u d-dokumenti huwa meħtieġ, kif ukoll tagħmir ottiku u li jagħraf il-kitba b'rendiment ogħla għal lingwi oħra apparti l-Ingliż.

Sistemi ottiċi li jagħrfu l-kitba (OCR) bil-lingwa Ingliża ġew ittestjati u mħaddma fuq il-biċċa l-kbira tat-tipi ta' stampar (fonts) matul l-aħħar 10-15-il sena, u ttejbu permezz ta' algoritmi awtomatiċi jew semi-awtomatiċi għall-korrezzjoni ta' l-iżbalji ortografiċi. Sistemi simili għal lingwi oħra huma anqas avvanzati, u dan iwassal għal aktar spejjeż u riżultati ta' kwalità inferjuri.

Sfidi Legali: Id-diġitizzazzjoni tinvolvi l-ikkupjar, li jista' jkun problematiku fid-dawl tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali (IPR). Direttiva KE/2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni[5] tipprevedi eċċeżżjoni għal atti speċifiċi ta' riproduzzjoni minn libreriji li huma pubblikament aċċessibbli, stabbilimenti edukazzjonali, mużewijiet jew arkivji. L-eċċezzjoni madanakollu mhix mandatorja u wasslet għal implimentazzjonijiet differenti fl-Istati Membri. L-użu limitat li jista' jsir legalment mill-kopji diġitali li jirriżultaw huwa diżinċentiv ieħor għad-diġitizzazzjoni.

5. AċċESSIBBILTÀ ONLINE

Il-mudell tradizzjonali ta' servizzi tal-libreriji bbażati fuq is-self ta' l-oġġetti fiżiċi li għandhom ma jinqalibx faċilment għall-ambjent diġitali. Skond il-liġi attwali ta' l-UE u ftehimiet internazzjonali, materjal li jirriżulta mid-diġitizzazzjoni jista' jsir biss disponibbli online jekk hu aċċessibbli għall-pubbliku[6] jew bl-aċċettazzjoni espliċita tad-detenturi tad-drittijiet. Għalhekk librerija diġitali Ewropea fil-prinċipju se tiffoka fuq materjal għall-aċċess pubbliku.

Għal-letteratura, dan ifisser li huma biss ix-xogħlijiet mill-bidu tas-seklu 20 jew qabel li huma disponibbli mingħajr restrizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet ta' l-awtur, skond f'liema sena miet l-awtur. Madankollu, ukoll jekk ix-xogħlijiet ikunu skadewlhom id-drittijiet ta' l-awtur, is-sitwazzjoni mhix dejjem ċara Jista' jkun hemm drittijiet marbuta ma' l-edizzjonijeit differenti ta' biċċa xogħol li fiha nfisha m'għadhiex imħarsa mid-drittijiet ta' l-awtur, pereżempju drittijiet għall- introduzzjoni, il-qoxra u t-tipografija.

Librerija online li toffri xogħlijiet li ma jaqgħux taħt il-kategorija ta' materjal aċċessibbli għall-pubbliku mhix possibbli mingħajr bidla sostanzjali fil-leġiżlazzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur, jew ftehimiet, skond il-każ, mad-detenturi tad-drittijiet.

F'dan il-kuntest, il-kjarifika u t-trasparenza ta' l-istatus ta' xogħlijiet fir-rigward tad-drittijiet ta' l-awtur huma rilevanti ħafna. F'ċerti każi, l-ispejjeż marbuta ma' l-istabbiliment ta' l-IPR status ta' xogħol huma ogħla mid-diġitizzazzjoni u t-tqegħid tiegħu online. Dan huwa partikolarment minnu għall-hekk imsejħa 'xogħlijiet orfni' – films jew kotba li għalihom huwa impossibbli jew diffiċli ħafna li jiġi ddeterminat min kienu d-detenturi tad-dritt. Dawn l-elementi huma enfasizzaati fid-dokument ta’ ħidma għall-istaff u l-konsultazzjoni online li jakkumpanjaw dan id-dokument.

Kwistjonijiet ta' aċċessibbiltà online mhumiex limitati għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. It-tqegħid tal-materjal online ma jfissirx li jista' jinstab faċilment mill-utent, u inqas minn hekk li jista' jitfittex u jintuża. Servizzi xierqa li jippermetti li l-utent jagħmel skoperti fir-rigward ta' u jaħdem bil-kontent huma meħtieġ. Dan jimplika deskrizzjoni strutturata u ta' kwalità tal-kontenut, kemm il-ġabriet kif ukoll l-affarijiet li fihom, u appoġġ għall-użu tiegħu (eż. annotazzjoni).

6. Il-preżervazzjoni tal-kontenut diġitali

Li ssir kopja diġitali ta' ktieb jew film ma jiggarantix bilfors is-soppravivenza fit-tul tiegħu. Il-materjal diġitali kollu – xogħlijiet diġitizzati kif ukoll materjal li kien diġitali mill-bidu - għandu jinżamm f'kundizzjoni tajba sabiex jibqa' disponibbli għall-użu. Għalhekk id-diġitizzazzjoni mingħajr strateġija tajba ta' preżervazzjoni tista' tinbidel f'investiment moħli.

Il-preżervazzjoni diġitali hija problema vitali għas-soċjetà ta' l-informazzjoni, fejn il-provvista ta' l-informazzjoni qed tikber esponenzjalment u fejn il-kontenut qed isir aktar u aktar dinamiku. Fil-preżent, hemm ftit esperjenza bil-preżervazzjoni diġitali, il-qafas legali għadu qed jevolvi, ir-riżorsi huma skarsi, u r-riżultati ta' sforzi ta' preżervazzjoni huma inċerti. Il-problema jistħoqqilha li tiġi indirizzata b'urġenza, kemm mill-politiċi kif ukoll mill-istituzzjonijiet li l-aktar huma kkonċernati. L-impatt imur ferm lil hinn mill-isfera tal-libreriji u l-arkivji u jirrigwarda l-organizzazzjonijiet kollha li jipproduċu informazzjoni diġitali u li huma interessati li jżommuha disponibbli.

Jeżistu kawżi differenti għat-telf tal-kontenut diġitali. L-ewwel raġuni hija l-evoluzzjoni tal-ġenerazzjonijiet ta' hardware li minħabba fiha ċerti fajls jistgħu ma jibqgħux jinqraw.

Bħala tifkira tad-900 anniversarju tad-Domesday Book fl-1985, ġiet ikkompilata edizzjoni multimedjali ġdida. Fl-2002, deher li d-diska ma setgħetx tibqa' tinqara peress li l-kompjuters li huma kapaċi jaqraw dak il-format ftit li xejn baqgħu jeżistu. Biex dan ix-xogħol ma jintilifx, ġiet żviluppata sistema kapaċi li taċċedi għad-diski permezz tat-teknika ta' l-emulazzjoni. Il-punt interessanti huwa li filwaqt li dejta diġitali mill-1986 m'hix faċilment disponibbli, id-Domesday Book oriġinali, issa 'il fuq minn 900 sena, għadu jista' jiġi kkonsultat.

Ir-rata li biha joħorġu u ma jibqgħux jintużaw programmi tal-kompjuter hija fattur ieħor. Jekk id-dejta ma tiġix trasferita għal programmi kurrenti jew li ma jitteħidx ħsieb li l-kodiċi ta' sors oriġinali ma jiġix ippriżervat, l-aċċess għall-informazzjoni diġitali jista' jsir għali ferm, jekk mhux impossibbli. Dan huwa partikolarment minnu għal formati 'magħluqa' ta' dejta li għalihom il-kodiċi ta' sors mhux magħruf pubblikament. Iż-żmien limitat li jdum jopera tagħmir għall-ħażna diġitali, pereżempju CD-ROMs, huwa raġuni oħra għat-telf tal-kontenut diġitali.

Il-libreriji u l-arkivji bdew jittrattaw il-kwistjonijiet marbuta mal-preżervazzjoni fl-era diġitali fuq skala limitata. Xi kollaborazzjoni minn pajjiż għall-ieħor teżisti, imma kumplessivament, l-azzjoni fl-Ewropa hija frammentata. Fi ħdan Stati Membri individwali ma teżistix, ġeneralment, l-ebda politika ċara dwar il-preżervazzjoni diġitali. Fejn pjanijiet ta' preżervazzjoni diġitali jeżistu x'aktarx li dawn jikkonċentraw fuq il-ħarsien ta' materjal analogu li huwa mhedded, minflok ma jidħlu fil-qasam ta' materjali diġitali.

L-akbar progress li jsir huwa fil-qasam tad-depożitu legali, fejn l-Istati Membri jintroduċu depożitu obbligatorju għal materjali diġitali sabiex jiżguraw li l-materjal jinġabar u jinħażen mill-istituzzjonijiet rilevanti. Madankollu, bħalissa, l-ambitu ta' l-iskemi jvarja ferm minn pajjiż għall-ieħor. Pereżempju, xi kultant ikopru materjal online dinamiku, xi drabi le.

L-isfidi bażiċi għall-preżervazzjoni diġitali huma simili għal dawk għad-diġitizzazzjoni:

Sfidi finanzjarji : l-ispejjeż reali marbuta mal-preżervazzjoni diġitali fuq perjodu twil mhumiex ċari. Jiddependu fuq fatturi bħalma huma n-numru ta' migrazzjonijiet meħtieġa maż-żmien. Huwa madankollu ovvju li minħaba r-riżorsi limitati disponibbli, iridu jsiru għażliet fir-rigward ta' liema materjal għandu jiġi ppriżervat.

Sfidi ta' organizzazzjoni: L-għażliet huma meħtieġa, iżda min jiddeċiedi u min hu responsabbli għall preżervazzjoni ta' xiex? F'qasam fejn xi mistoqsijiet bażiċi għad fadlilhom ħafna biex jitwieġbu, jeżisti r-riskju ta' strateġiji differenti ferm u d-duplikazzjoni ta' l-isforzi. Valur miżjud Ewropew jista' jinstab jekk jiġu żgurati l-komplementarjetà u l-iskambju ta' prassi tajba. Il-preżervazzjoni ta' l-informazzjoni diġitali teħtieġ ukoll metodi ġodda ta' xogħol. Dan jinkludi l-aġġornament tal-kapaċitajiet ta' l-istaff kif ukoll aktar kollaborazzjoni bejn atturi pubbliċi u privati.

Sfidi tekniċi: S'issa, saret biss riċerka limitata fir-rigward tal-preżervazzjoni diġitali. Sfida ewlenija hija li jittejbu l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà f'termini ta' nfiq. It-titjib ta' l-għarfien dwar kif jistgħu jiġu ppriżervati volumi kbar ta' informazzjoni distribwita li tinbidel malajr huwa qasam essenzjali ieħor li għandu jiġi indirizzat. Progress f'oqsma relatati, bħalma huma għodod għall-analiżi awtomatika u għar-referenzjar se jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni tibqa' aċċessibbli u disponibbli għall-użu mill-ġdid.

Sfidi legali: Peress li l-preżervazzjoni diġitali tiddependi fuq l-ikkupjar u l-migrazzjoni, għandha titqies fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Sfidi oħra huma marbuta mad-depożitu legali tal-materjal diġitali: il-veloċità u l-ambitu differenti tal-miżuri legali adottati mill-Istati Membri jista' jwassal għal ħafna rqajja' ta' regoli differenti li jaffettwaw il-produtturi tal-kontenut b'attivitajiet li jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor. Fl-intersezzjoni bejn id-depożitu legali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-introduzzjoni ta' miżuri teknoloġiċi ta' ħarsien kontra l-ikkupjar, jew ta' sistemi ta' ġestjoni tad-drittijiet diġitali li jirrestrinġu l-aċċess għall-materjal diġitali tqajjem għadd ta' kwistjonijiet ġodda. Skemi ta' depożitu legali jistgħu jonqsu milli jissodisfaw l-iskop utli tagħhom jekk kopji mhux protetti ma jsirux disponibbli minn dawk li jipproduċu l-informazzjoni.

7. IR-REAZZJONI EWROPEA

L-organizzazzjoni u l-finanzjament tad-diġitizzazzjoni ta' ġabriet kulturali u l-preżervazzjoni diġitali huma primarjament responsabbiltà ta' l-Istati Membri. Huma, madankollu, oqsma fejn jista' jinkiseb valur miżjud Ewropew konsiderevoli, u fejn ix-xogħol fuq livell Ewropew beda xi snin ilu. Dan ix-xogħol issa se jingħata skoss 'il quddiem u jiġi kkumplimentat minn attivitajiet ġodda.

7.1. Inizjattivi fi triqithom lejn it-twettiq

Koordinazzjoni fil-livell Ewropew

L-importanza li jiġi diġitizzat il-wirt kulturali Ewropew diġa ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni eEwropa. Dan wassal, fl-2001, għall-Prinċipji Lund u l-pjan ta' azzjoni Lund korrispondenti, u għall-ħolqien ta' Grupp ta' Rappreżentanti Nazzjonali tad-diġitizzazzjoni. Fir-rigward tal-preżervazzjoni diġitali, reżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-2002 enfasizzat l-importanza ta' din il-kwistjoni u talbet lill-Istati Membri jindirizzawha.[7]

Għas-settur awdjoviżwali, l-abbozz tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-wirt ċinematokgrafiku u l-kompetittività ta' l-attivitajiet industrijali relatati[8] huwa partikolarment rilevanti. Jitlob lill-Istati Membri, fost l-oħrajn, li jippermettu l-ikkupjar għal skopijiet ta' preżervazzjoni.

Kofinanzjament

Il-finanzjament tar-riċerka ta' l-UE irriżulta f'portafoll ta' proġetti mmirati lejn aċċessibbiltà aħjar tal-wirt kulturali Ewropew permezz ta' l-użu ta' teknoloġiji ġodda. Proġetti li jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn il-libreriji nazzjonali Ewropej ġew żviluppati mill-iskambju ta' rekords ta' katalogar għall-Proġett Ewropew tal-Libreriji (TEL). It-TEL issa tnieda bħala servizz operazzjonali li jipprovdi bieb wieħed għall-ġabriet tal-libreriji nazzjonali Ewropej.

Filwaqt li huma biss ftit il-proġetti taħt il-programmi ta' riċeka li bdew jaffrontaw il-kwistjoni tal-preżervazzjoni diġitali, bosta minn dawn il-proġetti jindirizzaw speċifikament id-diġitizzazzjoni. Eżempju wieħed, li fiħ id-diġitizzazzjoni tintuża bħala mezz sabiex jiġi ppriżervat il-materjal analogu huwa PRESTOSPACE.

PRESTOSPACE (2004-2007, 9 MEUR ta' kofinanzjament) qed jiżviluppa ġabra ta' għodod li jistu jintużaw mill-arkivji awdjoviżwali sabiex jiġi diġitizzat materjal awdjoviżiv. L-għodod se jwasslu għal diġitizzazzjoni aktar aċċessibbli ekonomikament u li hija ta' kwalità aħjar fid-dawl tal-konverżjoni u l-preżervazzjoni tal-materjal awdjoviżwali analogu.

7.2. Inizjattivi ġodda jew imsaħħa

Diskussjoni strateġika mal-partijiet interessati u koordinazzjoni msaħħa

Abbażi tal-mistoqsijiet fl-Anness II għal din il-Komunikazzjoni, se jkun hemm konsultazzjoni diġitali dwar l-isfidi organizzazzjonali, legali u tekniċi għad-diġitizzazzjoni, l-aċċessibbiltà online tal-kontenut u l-preżervazzjoni diġitali. Ir-riżultati se jagħtu kontribut importanti lir-Rakkomandazzjoni li x'aktarx tirriżulta dwar id-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni diġitali. Se jagħtu kontribut għal proċessi oħra, bħalma huma l-implimentazzjoni tal-programmi Komunitarji RTD u r-reviżjoni tal-qafas dwar id-drittijiet ta' l-awtur. Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-libreriji diġitali se jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-aħjar mod li bih jistgħu jiġu identifikati l-isfidi fuq livell Ewropew.

Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha sabiex tistimula l-kooperazzjoni Ewropea dwar id-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni diġitali. L-għan huwa li jingħata impetu ġdid għall-proċess ta' diġitizzazzjoni fl-Istati Membri, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' l-isforzi, u sabiex titħeġġeġ l-adozzjoni ta' prassi tajba. L-aġġornament tal-pjan ta' azzjoni Lund, skedat taħt il-presidenza tar-Renju Unit, jista' jkollha funzjoni importanti f'dan ir-rigward, li titratta numru ta' aspetti tekniċi. L-użu ta' indikaturi kwantitattivi fi ħdan il-kuntest Lund jgħin sabiex jitkejjel il-progress madwar l-Ewropa.

Se tingħata attenzjoni speċjali għax-xogħol tal-libreriji nazzjonali u ta' depożitu, atturi predominanti u se tkun impenjata lejn l-għoti ta' kontribut lejn librerija diġitali Ewropea.

Kofinanzjament

Fuq il-livell Komunitarju, il-programmi Riċerka u e Content plus se jiġu mobilizzati lejn azzjonijiet b'interess u skala Ewropej fir-rigward tad-diġitizzazzjoni, il-preżervazzjoni diġitali u l-aċċessibilità tal-kontenut kulturali. Il-Fondi Reġjonali diġà jikkofinanzjaw l-inizjattivi tad-diġitizzazzjoni f'xi uħud mill-Istati Membri u jistgħu jagħtu kontribut akbar għad-diġitizzazzjoni.

Id-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali saret għan ta' proġetti ta' kooperazzjoni li huma kofinanzjati taħt il-programm "Kultura 2000" f'numru ta' każijiet dejjem jikber; fi ħdan il-programm "Kultura 2007" kif propost mill-Kummissjoni, il-kofinanzjament se jkun disponibbli għal proġetti ta' kooperazzjoni li jtejbu ċ-ċirkolazzjoni tranżnazzjonali tax-xogħlijiet u l-prodotti kulturali, fost l-oħrajn permezz tad-diġitizzazzjoni u l-aċċess online.

Ir-Riċerka

Taħt il-programmi ta' riċerka, il-Kummissjoni se tieħu l-inizjattivi speċifiċi li ġejjin fil-qasam tal-kontenut kulturali, wara r-riċerka ġenerika kurrenti marbuta mal-kontenut (għodod għat-tiftix, teknoloġiji tal-lingwi, eċċ.):

L-aħħar sejħa tal-programm dwar it-Teknoloġiji tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, li għalqet fil-21 ta' Settembru 2005, allokat 36 MEUR għar-riċerka f'teknoloġiji ġodda għat-tiftix u l-irkupru tal-kontenut kulturali (22 MEUR) u għall-preżervazzjoni diġitali (14 MEUR).

Taħt is-seba' Programm ta' Qafas, il-Kummissjoni tipproponi li tespandi l-kontribut tagħha għar-riċerka fl-oqsma tad-diġitizzazzjoni, l-aċċess għall-kontenut kulturali diġitali u l-preżervazzjoni diġitali. L-istimulazzjoni tal-progress teknoloġiku f'dan il-qasam hija proposta, fost l-oħrajn, permezz ta' netwerk ta' Ċentri ta' Kompetenza, li jistgħu isiru l-pern tad-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni Ewropej. Il-Komunità tikkontribwixxi għal dawn iċ-Ċentri billi tikkofinanzja l-proġetti.

Iċ-Ċentri, magħżula permezz ta' sejħiet għall-proposti se jakkomodaw il-kompetenzi differenti – tekniċi u legali – meħtieġa għall-kisba ta' l-eċċellenza għall-proċessi ta' diġitizzazzjoni u preżervazzjoni. Se jintegraw u jibnu fuq l-għarfien eżistenti li għandhom il-kumpaniji tat-teknoloġija, l-universitajiet, l-istituzzjonijiet kulturali, u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn. Huma se:

- iwettqu riċerka u jappoġġaw soluzzjonijiet tekniċi avvanzati, jittestjawhom u jqabbluhom ma punti ta' riferiment fil-prattika fuq volumi kbar ta' riżorsi;

- iħeġġu l-adattament u t-trasferiment ta' dawn is-soluzzjonijiet għall-istituzzjonijiet kulturali;

- jittrasferixxu l-għarfien għal u jappoġġaw l-iżvilupp ta' ħiliet fl-istituzzjonijiet utenti.

eContentplus

Fi ħdan il-programm e Content plus , 60 MEUR se jkunu disponibbli fil-perjodu 2005-2008 għal proġetti li jtejbu l-aċċessibbiltà u l-użabilità tal-kontenut kulturali u xjentifiku Ewropew. Il-kisba ta' l-interoperabbiltà bejn il-kollezzjonijiet diġitali nazzjonali u s-servizzi (eż. permezz ta' standards komuni) u l-iffaċilitar ta' l-aċċess u l-użu tal-materjal f'kuntest multilingwi se jkunu għanijiet ewlenin.

Fil-qosor:

Diskussjoni strateġika mal-partijiet interessati u koordinazzjoni msaħħa Konsultazzjoni online dwar id-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni diġitali (Kummissjoni 2005). Stabbiliment ta' Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli (Kummissjoni 2005) Proposta għal Rakkomandazzjoni dwar id-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni diġitali (Kummissjoni 2006). Kontributi għal inizjattivi rilevanti bħalma huma ir-reviżjoni tar-regoli dwar id-drittijiet ta' l-awtur (2006) u l-implimentazzjoni tas-seba' programm ta' qafas (2007) Aġġornament tal-pjan ta' azzjoni Lund (inklużi l-indikaturi kwantitattivi) u diskussjoni fi ħdan il-Kunsill dwar l-impenji ta' l-Istati Membri fir-rigward tad-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni diġitali (SM/Kummissjoni 2005) Stimolu għax-xogħol tal-libreriji nazzjonali (libreriji tal-Kummissjoni/nazzjonali 2005-2007) Kofinanzjament 36 MEUR fis-sejħa 5 tas-Sitt Programm ta' Qafas (2005) Sforzi miżjuda fir-rigward tar-riċerka fid-diġitizzazzjoni, il-preżervazzjoni diġitali u l-aċċess għall-kontenut kulturali fis-Seba' Programm ta' Qafas (2007). Ċentri ta' Kompetenza dwar id-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni fis-Seba' Programm ta' Qafas (2007) 60 MEUR f' eContentplus (2005-2008) |

- 8. KONKLUŻJONI

It-teknoloġiji ta' l-informazzjoni għandhom il-potenzjal li jtejbu l-viżibbiltà u d-disponibbiltà tal-wirt kulturali u xjentifiku Ewropew għall-użu preżenti u dak fil-ġejjieni. Dan jeżiġi sforz komuni fuq il-livell ta' l-Istati Membri – li l-isforzi tagħhom fir-rigward tad-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni diġitali bħalissa huma frammentati ferm – u fuq livell Komunitarju. Reazzjoni ta' suċċess għall-isfida involuta tista' tħaffef id-diġitizzazzjoni, iżżid l-aċċessibbiltà ta' l-informazzjoni u tiżgura l-preżervazzjoni fit-tul tal-kontenut diġitali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għall-istrateġija u lill-Istati Membri li jingħaqdu ma' l-isforzi fuq il-livell ta' l-Unjoni sabiex il-libreriji diġitali jsiru realtà madwar l-Ewropa.

[1] Ħafna minn dawn il-kwistjonijiet huma wkoll rilevanti għall mu¿ewijiet li jippre¿entaw il-ġabriet tagħhom online.

[2] Statistiċi internazzjonali dwar il-libreriji: Xejriet u Kummentarju bbażżat fuq id-dejta tal-Libecon, D. Fuegi u M. Jennings, 2004.

[3] Ibid.

[4] Stħarriġ mill-proġett IST Presto li ntemm f'Ottubru 2002. http://presto.joanneum.ac.at/index.asp

[5] Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001, ĠU L 167, tat-22.6.2001, p.10.

[6] It-terminu aċċessibbli għall-pubbliku hawnhekk jintuża fis-sens dejjeq, jiġifieri għal riżorsi ta' informazzjoni li jistgħu jinkisbu liberament u jintużaw minn kulħadd, pereżempju għaliex ikunu skadew id-drittijiet ta' l-awtur.

[7] Reżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002, Il-preżervazzjoni tal-memorja ta' għada: il-preżervazzjoni tal-kontenut diġitali għall-ġenerazzjonijiet ġejjiena, ĠU C 162. tas-6.7.2002, p.4 Il-kwistjoni tissemma wkoll fil-proposta tal-Kummissjoni tat-18.2.2005 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar azzjonijiet prijoritarji sabiex tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-arkivji ta' l-Ewropa, KUMM (2005) 53 finali.

[8] Maqbul bejn il-Parlament u l-Kunsill fl-ewwel qari iżda għadu mhux adottat.

Top