EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0037

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Reviżjoni għas-sena 2005 ta’ l-istrateġija ta’ l-UE għal żvilupp sostenibbli Ħarsa lura u Orjentazzjoni għall-Futur {SEK(2005) 225}

/* KUMM/2005/0037 finali */

52005DC0037

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Reviżjoni għas-sena 2005 ta’ l-istrateġija ta’ l-UE għal żvilupp sostenibbli Ħarsa lura u Orjentazzjoni għall-Futur {SEK(2005) 225} /* KUMM/2005/0037 finali */


Brussell, 09.02.2005

KUMM(2005) 37 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

reviżjoni għas-sena 2005 ta’ l-istrateġija ta’ l-UE għal żvilupp sostenibbli Ħarsa lura u Orjentazzjoni għall-Futur {SEK(2005) 225}

WERREJ

Kelmtejn ta’ Qabel 3

Parti I: L-Iżvilupp Sostenibbli – X’hemm fin-nofs? 6

1. Introduzzjoni 6

2. L-approċċ ta’ l-Unjoni Ewropea għal żvilupp sostenibbli 7

3 Għaliex issir reviżjoni? 8

4. Ħarsa lura lejn il-progress li sar 9

Parti II: Risposta għall-isfidi 18

5. Orjentazzjonijiet għall-futur 18

5.1. Affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipji bażiċi ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE għal Żvilupp Sostenibbli 18

5.2. Affermazzjoni mill-ġdid ta’ l-approċċ lejn il-ħolqien tal-politika u l-koerenza fil-politika 18

5.3. Iffokar sostenut fuq xejriet mhux sostenibbli ewlenin u stħarriġ aktar dettaljat ta’ l-irbit bejn xejriet mhux sostenibbli. 19

5.4. Iffissar ta’ oġġettivi, miri u għanijiet intermedji biex jitkejjel il-progress 20

5.5. Assigurazzjoni ta’ monitoraġġ effettiv 21

5.6. Tisħiħ ta’ l’-ownership’ u titjib tal-kooperazzjoni ma’ l-atturi pubbliċi u privati f’kull livell 21

6. Il-passi li jmiss 22

Kelmtejn ta’ Qabel

L-iżvilupp sostenibbli huwa oġġettiv fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea imma huwa wkoll sfida dinjija li qed jiffaċċjawha wkoll l-imsieħba tagħna madwar id-dinja. Hija tqajjem il-mistoqsijiet dwar kif għandu jkun hemm rikonċiljazzjoni ta’ l-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali, l-ekwità bejn it-tramuntana u n-nofsinhar u l-ħarsien ta’ l-ambjent. L-importanza tagħha hija riflessa fit-Trattat ta’ l-UE u terġa' titqajjem fil-Kostituzzjoni, li tisfida lill-Unjoni li “ taħdem sabiex l-iżvilupp sostenibbli ta’ l-Ewropa jkun imsejjes fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabbilità fil-prezzijiet, ekonomija tas-suq soċjali tassew kompetittiva li timmira għal okkupazzjoni sħiħa u livell għoli ta’ ħarsien u titjib fil-kwalità ta’ l-ambjent ”.

B’bidliet demografiċi mgħaġġla, id-deċennji li ġejjin se jpoġġu pressjoni enormi, u li dejjem tiżdied, fuq ir-riżorsi tad-dinja sew f’termini tal-bidla fil-klima, ir-riżorsi naturali, il-biodiversità jew id-differenza fil-prosperità bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Irridu nieħdu azzjoni llum sabiex nippriżervaw għal għada l-bilanċi delikati ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jirregolaw id-dinja.

Il-futur ta’ l-Ewropa jista’ jitqies biss f’dan il-kuntest dinji. L-UE diġa għamlet sforzi apprezzabbli sabiex tiffavorixxi l-żvilupp sostenibbli domestikament u internazzjonalment. Jekk tadotta approċċ proattiv, l-UE tista’ ddawar il-ħtieġa għall-ħarsien ta’ l-ambjent u l-koeżjoni soċjali f’opportunitajiet għall-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Permezz tar-reviżjoni ta’ l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli (SDS) inġeddu l-impenn tagħna li niddefinixxu aħjar il-bidliet strutturali li huma meħtieġa fl-ekonomiji u s-soċjetà tagħna u li noħolqu aġenda konkreta sabiex tidderieġi dan il-proċess ta’ bidla għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kullħadd.

Biex twieġeb għal din l-isfida, azzjoni koordinata u tmexxija b’saħħitha huma meħtieġa mill-Unjoni sabiex tifformula soluzzjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza li tibqa’ għan-nies fl-Ewropa u f'kull parti tad-dinja.

Huwa għalhekk li fil-bidu ta’ dan il-millenju l-UE impenjat ruħha għal aġenda qawwija għall-bidla, sabiex tiżgura li nibdew niffaċċjaw ix-xejriet ekonomiċi, soċjali u ambjentali mhux sostenibbli. Fis-sena 2000, l-Istrateġija ta’ Liżbona stabbilixxiet aġenda ambizzjuża ta' riformi ekonomiċi u soċjali sabiex toħloq ekonomija dinamika u tassew kompetittiva msejsa fuq it-tagħrif. Fis-sena 2001, Strateġija ġenerali għall-Iżvilupp Sostenibbli kienet imnedija mill-Kunsill Ewropew f’Gotenborg u fis-sena 2002 id-dimensjoni esterna tagħha kienet stabbilita f’Barċellona qabel is-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fis-Sajf ta’ l-2002. Kull wieħed minn dawn il-passi kien akkumpanjat minn deċiżjonijiet importanti u azzjoni sabiex jitwettqu l-impenji li ttieħdu. Madankollu, minkejja dan kollu ma kienx hemm progress biżżejjed; it-tendenzi mhux sostenibbli għadhom ma bdewx jitreġġgħu lura u dak li hemm x’jintrebaħ jew jintilef internazzjonalment jibqa’ importanti.

Il-bidu flimkien ta’ Kummissjoni ġdida u ta’ Parlament Ewropew ġdid joħloq il-mument tajjeb biex fih inħarsu lura lejn il-progress li sar u nagħmlu sforz biex inħaffu l-pass tal-bidla.

L-ewwel passi diġà saru. Il-Kummissjoni fil-proposta ta’ l-Għanijiet Strateġiċi għall-Unjoni matul il-ħames snin li ġejjin reġghet seħqet l-impenn tagħha għall-iżvilupp sostenibbli. Għadha kif ipproponiet fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu ta' l-Istrateġija ta' Liżbona li nagħmlu aġenda ta' Liżbona mġedda l-istrateġija tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; sabiex tippermettielna li nużaw il-mutur ta' ekonomija aktar dinamika sabiex immexxu ‘l quddiem l-ambizzjonijiet soċjali u ambjentali aktar wiesgħa tagħna. B’dan il-mod, Liżbona tibqa’ element essenzjali fl-għan ġenerali ta' l-iżvilupp sostenibbli stabbilit fit-Trattat: it-titjib tal-welfare u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja b'mod sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Kif saħqet il-Kummissjoni fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu: " Sew Liżbona u kif ukoll l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli jikkontribwixxu għall-ilħuq ta' dan l-għan. Filwaqt li jsaħħu lil xulxin, huma jimmiraw għal azzjonijiet kumplimentarji, jużaw firxa ta’ strumenti u jipproduċu r-riżultati tagħhom fuq skali ta’ żmien differenti ."

Barra minn dan, ir-reviżjoni ta' l-istrateġija ta' Liżbona hija akkumpanjata mill-varar illum ukoll mill-Kummissjoni ta' Aġenda Soċjali aġġornata għall-UE; aġenda li tippreżenta pjan ta’ l-istrateġiji li jistgħu jiżguraw kontinent aktar magħqud u t-tkomplija ta’ l-iżvilupp tal-mudell soċjali tagħna b’risposta għat-tendenzi mhux sostenibbli. B’dan il-mod, l-Aġenda Soċjali tagħna qed tikkontribwixxi hi stess għall-għan ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

Din il-Komunikazzjoni tirrapreżenta l-ewwel pass tal-Kummissjoni biex tirrevedi l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-2005. Dan ir-rapport jipprovdi stima inizzjali tal-progress li sar mill-2001 u jagħti ħjiel ġenerali dwar numru ta’ orjentazzjonijiet futuri, li jistgħu jiggwidaw ir-reviżjoni ta’ l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli li se tkun ippreżentata f’Komunikazzjoni separata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill aktar tard din is-sena. Din il-Komunikazzjoni tibni fuq id-dibattitu li sar matul is-sena ta’ qabel, inkluża l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta’ April li għadda u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni f’Ottubru li għadda[1].

L-Unjoni Ewropea għandha viżjoni wiesgħa u fit-tul tal-futur tagħha. Aħna nemmnu fis-saħħa u l-valuri bażiċi tal-mudell dinamiku Ewropew tagħna. Aħna se niżguraw li l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkunu jistgħu jiġu sodisfatti. Dan l-oġġetiv fundamentali għandu jidħol fil-politika kollha ta’ l-Unjoni. L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ azzjoni issa. L-Unjoni Ewropea għandha l-kapaċità, il-kompetenza u l-kreatività sabiex twettaq il-bidliet meħtieġa. L-Ewropej u ċ-cittadini kollha l-oħra tad-dinja jistgħu jiddependu fuq l-impenn ta’ l-Unjoni li tiżgura futur sostenibbli għalina lkoll.

Parti I: L-Iżvilupp Sostenibbli – X’hemm fin-nofs?

1. I ntroduzzjoni

Żvilupp Sostenibbli – li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjoni attwali mingħajr ma jikkomprometti l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet tal-futur li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom – huwa oġġettiv fundamentali taħt it-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea[2] u l-Kostituzzjoni. Dan huwa kunċett importanti ħafna li jsostni l-politika, azzjonijiet u strateġiji kollha ta’ l-Unjoni u jeħtieġ li l-politika ekonomika, ambjentali u soċjali jkunu maħsuba u implimentati b’mod ta’ rinforz reċiproku.

F’dinja dejjem aktar globalizzata, hemm il-ħtieġa ta’ tmexxija politika ċara sabiex tippromwovi mudell Ewropew dinamiku għal-lum u fil-futur. Il-Kummissjoni hija impenjata b’mod sħiħ għal żvilupp sostenibbli u trid tissettja aġenda konkreta ta’ bidla. Il-futur tagħna fl-Ewropa u fid-dinja jitlob viżjoni fit-tul u azzjoni fuq firxa wiesgħa ta’ politika. Il-Kummissjoni tinsab konvinta li hemm il-ħtieġa li ntejbu l-prosperità, s-solidarjetà u s-sigurtà sabiex niksbu kwalità ta’ ħajja aħjar għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Jinħtieġu aktar tkabbir ekonomiku u postijiet tax-xogħol, ambjent aktar nadif u tajjeb għas-saħħa. Għandna bżonn ta’ soċjetà aktar magħquda fejn il-prosperità u l-opportunitajiet jinqasmu ma’ l-Unjoni Ewropea u lilhinn minnha. Għandna bżonn aktar innovazzjoni, riċerka u edukazzjoni. Hemm il-ħtieġa li nissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-impenji dinjija tagħna. Il-prosperità u l-kwalità tal-ħajja tagħna fil-futur jiddependu fuq il-kapaċità u l-impenn tagħna li nibdlu l-modi tagħna ta’ produzzjoni u konsum u li nifirdu t-tkabbir ekonomiku mid-degradazzjoni ta’ l-ambjent.

L-azzjoni fuq dawn il-kwistjonijiet ma tistax tkun limitata għall-Unjoni biss. Is-sostenibbiltà tibqa’ sfida globali. Huwa għalhekk li huwa essenzjali li nuru tmexxija Ewropea tajba kemm fuq il-binarju intern u kif ukoll fuq dak estern. Dan jitlob approċċ integrat u jirrifletti l-fatt li, minħabba l-globalizzazzjoni u l-inter-dipendenza dejjem tikber bejn il-kwistjonijiet, l-UE tista’ tlaħħaq b’mod sħiħ mal-prijoritajiet interni tagħha biss jekk tirnexxi, fl-istess waqt, fix-xena dinjija. Bl-istess mod, il-kapaċità ta’ l-UE li tirrifletti l-impenji dinjin tagħha fil-politika kollha tagħha hija kruċjali sabiex issarraf il-kliem f’azzjoni u żżomm il-kredibilità tagħha bħala mexxej dinji fil-qasam ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

Filwaqt li din il-Kummissjoni għandha mandat li jkompli sas-sena 2009, hija għandha obbligu ċar li tħares lilhinn minn dik id-data meta tkun qed tiżviluppa l-politika. Jekk irridu nilħqu l-miri tagħna fil-futur, ma nistgħux nistennew sa għada, irridu naġixxu issa. Sabiex inwettqu l-viżjoni fit-tul, għandna bżonn ta’ oġġettivi konkreti li jidderiġu xejriet fit-tul kif ukoll mekkaniżmi li jilħqu l-miri ssettjati, minn issa stess. Il-Kummissjoni ġa kkonfermat ir-rilevanza ta’ l-oġġettivi prinċipali tagħha ta’ prosperità, solidarjetà u sigurtà għall-iżvilupp sostenibbli[3].

L-UE ħabbret l-impenn tagħha għal żvilupp sostenibbli l-ewwel darba f’Ġunju tas-sena 2001. F’dan iż-żmien, Il-Kunsill Ewropew ta’ Gotenborg adotta Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli (SIS) fuq il-bażi ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Fl-2002, il-Kummissjoni ppreżentat it-tieni Komunikazzjoni[4], iffokat fuq id-dimensjonijiet esterni ta’ l-iżvilupp sostenibbli, li kien approvat uffiċjalment mill-Kunsill Ewropew f’ Barċellona . Dawn it-testi, flimkien, jiffurmaw is-sisien ta’ Strateġija komprensiva ta’ l-UE għal Żvilupp Sostenibbli. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrevedi l-Istrateġija fil-bidu tal-ħatra ta’ kull Kummissjoni ġdida. Dan għandu jsir matul is-sena 2005 fuq il-bażi ta’ l-esperjenza ta’ l-erba’ snin li għaddew.

L-Istrateġija riveduta għall-Iżvilupp Sostenibbli se jinħtiġilha li tadotta approċċ aktar wiesa’ li jenfasizza t-tibdil strutturali fl-ekonomija li huwa meħtieġ sabiex ikun hemm ċaqlieq lejn xejriet ta’ produzzjoni u konsum aktar sostenibbli u li tkopri xejriet mhux sostenibbli. B’aktar tisħiħ ta’ l-approċċ il-ġdid għall-formulazzjoni tal-politika, l-Istrateġija riveduta għandha tisħaq mill-ġdid fuq l-approċċ fuq tliet dimensjonijiet u tiżgura wkoll l-integrazzjoni sħiħa u t-tisħiħ ta’ l-aspetti esterni ta’ l-iżvilupp sostenibbli. Għandha tikkonferma aktar l-impenn li sar fil-proposta dwar il-perspettivi finanzjarji 2007-2013 li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun prinċipju gwida għall-politika ta’ l-UE.

2. L-approċċ ta’ l-Unjoni Ewropea għal żvilupp sostenibbli

L-Istrateġija għal-Żvilupp Sostenibbli għandha l-komponenti li ġejjin:

L-ewwelnett, tagħti viżjoni ġenerali ta’ dak li hu sostenibbli . Il-messaġġ strateġiku ta’ l-istrateġija huwa li, fl-aħħar mill-aħħar, id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tas-sostenibbiltà għandhom jimxu id f’id u jirrinfurzaw lil xulxin b’mod reċiproku. “ L-Iżvilupp sostenibbli joffri, lill-Unjoni Ewropea, viżjoni fit-tul pożittiva ta’ soċjetà li hija aktar sinjura u aktar ġusta u li twiegħed ambjent aktar nadif, bla periklu u b’saħħtu – soċjetà li tipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar għalina, għat-tfal tagħna u t-tfal tat-tfal tagħna”[5]. Huwa kruċjali li nifhmu l-importanza ta’, u l-interrelazjonijiet bejn, dawn it-tliet pilastri ta’ l-żvilupp sostenibbli.

It-tieni u, forsi l-aktar parti importanti ta’ l-istrateġija, tfittex li ttejjeb il-mod kif nagħmlu l-politika , billi tiffoka fuq titjib fil-koerenza tal-politika u billi tagħmel lin-nies konxji mill-kompromessi possibbli bejn oġġettivi kontradittorji sabiex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet informati dwar politika. Dan jimplika eżami bir-reqqa ta’ l-effetti kollha tagħhom, inklużi dawk ta’ jekk ma titteħidx azzjoni, speċjalment permezz ta’ evalwazzjonijiet ta’ l-impatt li jsiru kmieni u li jintbagħtu sinjali xierqa lis-swieq billi l-prezzijiet ikunu korretti. Jitlob ukoll li min jifformola l-politika ta’ l-UE jagħti każ tal-kuntest dinji u jippromwovi b’mod attiv il-konsistenza bejn il-politika interna u esterna. Barra minn hekk, jitlob ukoll li jkun hemm investiment fix-xjenza u t-teknoloġija bħala appoġġ għall-aġġustamenti meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli. Finalment, l-approċċ il-ġdid għall-formulazzjoni tal-politika jinsisti fuq it-titjib tal-komunikazzjoni u l-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini u l-intrapriżi.

It-tielet, tindirizza numru limitat ta’ xejriet li jidher ċar li ma humiex sostenibbli , bħall-kwistjoni tal-bdil fil-klima u l-użu ta’ l-enerġija, it-theddid għas-saħħa pubblika, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, soċjetajiet li qed jixjieħu, l-immaniġġar tar-riżorsi naturali, u l-użu ta’ l-art u t-trasport.

Finalment, id-dimensjoni dinjija tiftaħ fuq xi wħud mill-miri internazzjonali u tiffoka fuq l-oġġettivi prioritarji identifikati fil-kontribuzzjoni ta’ l-UE fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD). Dawn huma l-utilizzazzjoni għaqlija tal-globalizzazzjoni, il-kummerċ għall-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra l-faqar, l-iżvilupp soċjali, l-imaniġġar sostenibbli tar-riżorsi naturali u ambjentali, it-titjib tal-koerenza fil-politika ta’ l-UE, sistemi ta’ tmexxija aħjar f’kull livell u l-iffinanzjar ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

3. Għaliex issir reviżjoni?

Il-Kummissjoni hija diġà impenjata li tirrevedi l-istrateġija fil-bidu tal-mandat ta’ kull Kummissjoni ġdida. Dan intlaqa’ pożittivament mill-Kunsill Ewropew, l-aktar riċentement f’Ġunju u Novembru 2004. Barra minn hekk, numru ta’ żviluppi komplew jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ reviżjoni f’dan il-mument:

- xejriet mhux sostenibbli li sejrin għall-agħar, b’mod partikolari il-pressjoni li qiegħda tiżdied fuq ir-riżorsi naturali, il-biodiversità u l-klima, kif ukoll l-inegwaljanza u l-faqar persistenti u l-isfidi ekonomiċi u soċjali, li qegħdin jikbru, maħluqa minn popolazzjoni li qed tixjieħ.

- ir-rendiment ekonomiku baxx ta’ l-Ewropa flimkien mal-pressjonijiet kompetittivi ġodda stimulati mill-globalizzazzjoni kontinwa u mill-iżvilupp ta’ pajjiżi riċentement industrijalizzati (bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil) li tfisser kompetizzjoni ekonomika akbar u l-possibbiltà ta’ ċaqlieq fl-istrutturi ta’ produzzjoni nazzjonali, li għandhom implikazzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli fuq livell dinji.

- impenji internazzjonali ġodda u negozjati li kollha għandhom il-potenzjal li jagħtu kontribut għal żvilupp sostenibbli dinji għandhom ilkunu magħquda ma’ sforzi ta’ implimentazzjoni akbar (bħall-Aġenda ta’ Żvilupp WTO ta’ Doħa, Il-pjan ta’ implimentazzjoni ta’ Johannesburg deċiż fil-WSSD, u l-impenji ta’ Monterrey dwar il-finanzjamant għall-iżvilupp u l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp).

- theddid ġdid għas-sigurtà, bħat-terroriżmu (l-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001 u l-11 ta’ Marzu 2004), kriżijiet naturali (għargħar) u allarmi dwar is-saħħa (per eż. SARS) wassal għal sens aktar qawwi ta’ vulnerabbiltà. Barra minn hekk, qed jikber l-għarfien tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u r-razziżmu.

- fl-aħħarnett, ir-reviżjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni t-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea għal 25 Stat Membru, id-definizzjoni ta’ strateġiji għal żvilupp sostenibbli nazzjonali fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri u l-involviment akbar ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali.

4. Ħarsa lura lejn il-progress li sar

Waqt li sar xi progress fl-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija u waqt li wieħed ma għandux jistenna riżultati immedjati, huwa ċar li għad baqa ħafna xi jsir. Ftit li xejn hemm sinjali li jindikaw li l-biċċa l-kbira tat-theddid għall-iżvilupp sostenibbli ġew imreġġgħin lura. Dawn jeħtieġu attenzjoni urġenti u konsistenti. Filwaqt li rendikont dettaljat tal-progress jinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni[6], wieħed jista’ jiġbed l-attenzjoni fuq numru ta’ żviluppi importanti.

- Bidla fil-mod kif nifformolaw il-politika. Mis-sena 2001, ‘mod ġdid kif nifformolaw il-politika’ kien introdott sabiex il-politika tkun aktar koerenti u jinħolqu l-kondizzjonijiet xierqa li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli.

Titjib fil-koerenza tal-politika

L-integrazzjoni ta’ numru ta’ prinċipji orizzontali tat-Trattati fil-politika kollha ta’ l-UE hija oġġettiv ċentrali. Eżempju ta’ azzjoni ta’ l-UE għal dan il-għan huwa l-proċess ta’ Cardiff, li jippromwovi l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-politika reġjonali. Madankollu, rendikont inizjali fis-sena 2004 tal-proċess ta’ Cardiff wera li, sa issa, il-progress kien limitat.

Mekkaniżmu ġdid għall-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt kien introdott mill-Kummissjoni fis-sena 2003 bħala wieħed mill-istrumenti li jgħinu sabiex titjieb il-koerenza. Huwa maħsub sabiex jistma l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-proposti ewlenin ta’ politika b’mod integrat u biex joħroġ aktar fid-deher il-kompromessi bejn miri konfliġġenti. Sal-lum, il-Kummissjoni pproduċiet aktar minn 50 Evalwazzjoni ta’ l-Impatt dwar firxa wiesgħa ta’ politika, minn proposti għad-Direttiva tar-Riassigurazzjoni sa orjentamenti ta’ politika dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni taz-Zokkor u l-iffinanzjar ta’ Natura 2000. Fuq in-naħa esterna, studji ta’ l-impatt tas-sostenibbiltà nbdew dwar in-negozjati ewlenin kollha dwar kummerċ.

L-iżvilupp tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni

Il-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni jista’ jkun strument effettiv ħafna li jippromwovi l-iskambju ta’ prattiċi tajbin, jinvolvi u jimmotiva lil dawk li għandhom interess u jagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri sabiex jaddottaw approċċ aktar strateġiku u integrat u jifformolaw politika aktar effiċjenti. Oġġettivi komuni u indikaturi komuni, per eżempju, kienu miftehma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-oqsma ta’ l-inklużjoni soċjali u l-pensjonijiet. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri stabbilixxew miri ta’ kwantità għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Prezzijiet u inċentivi ġusti

Meta l-prezzijiet tas-suq jirriflettu l-ispejjeż reali għas-soċjetà ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, dan jinkoraġġixxi tibdil fix-xejriet ta’ produzzjoni u konsum. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, strumenti bbażati fuq is-suq, bħal taxxi relatati ma’ l-ambjent, skemi ta’ tpartit ta’ l-emissjonijiet u sussidji jistgħu ikunu suppliment effettiva ma’ miżuri regolatorji tradizzjonali. F’dan il-qasam, fis-snin riċenti sar progress fuq il-livell ta’ l-UE, iżda t-teħid tad-deċiżjonijiet, b’mod partikolari dwar it-tassazzjoni, għadu kultant diffiċli,minħabba l-ħtieġa ta’ unanimità fil-Kunsill. Eżempji ta’ fejn l-UE applikat strumenti bbażati fuq is-suq jinkludu d-Direttiva ta’ l-2003 dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija, li testendi s-sistema tal-Komunità dwar rati ta’ taxxi minimi minn fuq iż-żjut minerali għal fuq prodotti oħra ta’ l-enerġija, u l-iskema, mifruxa ma’ l-UE, għall-iskambju tal-konċessjonijiet ta’ l-emissjoni tal-gassijiet b’effett serra, li ilha topera mill-2005, sabiex tgħin biex jintlaħqu l-miri ta’ Kyoto għat-naqqis fl-emissjonijiet.

Investiment fix-xjenza u t-teknoloġija

Avanzi fit-tagħrif u l-progress teknoloġiku huma vitali sabiex jinkiseb bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà soċjali u ambjentali. Hemm ħafna sinerġiji li jistgħu jkunu sfruttati bejn l-innovazzjoni għall-kwalità u r-rendiment u l-innovazzjoni għall-aħjar użu ta’ l-enerġija, l-iskart u s-sigurtà. Per eżempju, magni aktar effiċjenti fl-użu ta’ l-enerġija jikkonsmaw anqas riżorsi naturali u jwasslu għal anqas emissjonijiet. L-investiment f’teknoloġija ġdida wkoll iwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi u t-tkabbir ekonomiku. Azzjoni ta’ l-UE f’dan il-qasam tinkludi l-attivitajiet għal żvilupp sostenibbli tas-Sitt Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fit-Teknoloġija. Il-Pjan ta’ Azzjoni għat-Teknoloġiji Ambjentali jippromwovi pjattaformi teknoloġiċi dwar ċelluli ta’ l-idroġenu u l-fjuwil, fotovoltajċi, kimika sostenibbli, provvista ta’ l-ilma u sanità. L-UE qed tistimola wkoll l-adozzjoni ta’ teknoloġiji li jkollhom impatt fuq is-sistemi soċjali tagħna, per eżempju, is-sistemi tal-kura tas-saħħa[7].

Il-Komunikazzjoni maċ-ċittadini u n-negozju u l-mobilitazzjoni tagħhom

Is-soċjetà ċivili u s-settur privat għandhom rwol importanti fl-iżvilupp sostenibbli. Ittieħdu diversi inizjattivi fuq livell ta’ l-UE sabiex jinkoraġġixxu l-involviment attiv ta’ dawn il-gruppi, u sabiex itejbu l-proċess ta’ konsultazzjoni u l-mobilizzazzjoni ta’ dawk li għandhom interess. Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni adottat standards minimi għall-konsultazzjoni ma’ dawk li għandhom interess u aktar tagħrif u parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ambjent. Ħadet ukoll diversi inizjattivi sabiex ittejjeb ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva.

- Xejriet mhux sostenibbli

Bidla fil-klima u enerġija nadifa

Fl-aħħar 100 sena, it-temperatura ta’ l-Ewropa għoliet b’rata aktar mgħaġġla mill-medja dinjija (0.95°Ċ fl-Ewropa mqabbel ma’ 0.7°Ċ globalment); 8 minn 9 glaciers qegħdin jirtiraw b’mod apprezzabbli, avvenimenti ta’ temp estrem – bħal nixfa, mewġiet ta’ sħana u għargħar – żdiedu[8]. Sabiex iż-żieda fit-temperatura dinjija tinżamm taħt il-livell fejn bidla fil-klima aktar perikoluża ssir probabbli hemm il-ħtieġa ta’ tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tal-gass b’effett serra. Ċerti stimi tal-ħsara kkawżata minn avvenimenti ta’ temp estrem fis-sena 2002 jindikaw telf ta’ €25 biljun[9]. Provvista ta’ enerġija bi prezz li wieħed jista' jilħqu u ta’ min jorbot fuqha żgur li ma hijiex komuni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, fejn aktar minn 2 biljun ruħ jiddependu fuq il- biomass (injam, skart, eċċ) bħala s-sors ewlieni ta’ l-enerġija u 1.6 buljuni ma għandhomx aċċess għall-elettriku.

Il-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima (PEBK) serva bħala mezz ewlieni sabiex tittieħed azzjoni kontra l-bidla fil-klima fl-Ewropa. Dan ikopri inizjattivi kruċjali dwar l-enerġija u l-iskema, imnedija riċentement u mifruxa ma’ l-Ewropa, għat-tpartit tal-konċessjonijiet ta’ l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra, li bdiet topera fl-1 ta’ Jannar 2005. L-UE qiegħda tippromwovi wkoll numru ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-immaniġġar tal-bidla fil-klima permezz tal-Fondi Reġjonali tagħha. Madankollu, waqt li l-aħħar tagħrif disponibbli juri li, sas-sena 2002, l-UE15 kienu naqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra bi 2.9% mil-livelli tas-sena 1990, hemm bżonn isir ħafna aktar sabiex tintlaħaq il-mira tal-Protokoll ta’ Kyoto ta’ tnaqqis ta’ 8% mil-livelli tas-sena 1990 matul il-perjodu 2008-2012. Internazzjonalment, l-UE kompliet ukoll tieħu sehem ewlieni fil-promozzjoni tar-ratifikazzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto u fl-implimentazzjoni ta’ l-impenji magħmula fis- 2002 Summit Dinji ta’ Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD). F’dan ir-rigward, l-UE rakkomandat l-użu ta’ enerġija li tiġġedded mad-dinja kollha permezz tal-Koalizzjoni ta’ Johannesburg għall-Enerġija li Tiġġedded. L-Inizjattiva ta’ l-UE dwar l-Enerġija hija kontribut għall-WSSD, li jimmira li jipprovdi aċċess għal servizzi ta’ enerġija adegwati, sostenibbli u bi prezz li jintlaħaq fiż-żoni rurali, semi-urbani u urbani.

Fl-Ewropa, hemm impenn imġedded li jsir progress reali fl-effiċjenza fl-enerġija permezz ta’ Inizjattiva ġdida għall-Effiċjenza fl-Enerġija.

Saħħa pubblika

It-theddid għas-saħħa pubblika fl-UE kompla jikber mis-sena 2001. Il-mard relatat ma’ l-istil ta’ ħajja u mard kroniku kibru b’mod mgħaġġel mad-dinja kollha, bl-obeżità turi l-aktar żviluppi allarmanti (żieda ta’ 10-40% matul l-aħħar 10 snin fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta’ l-Ewropa). L-epidemija tal-HIV/AIDS laħqet l-ogħla livell ta’ infezzjonijiet, globalment, li qatt kien hawn (39.4 miljuni) u l-proporzjon ta’ infezzjonijiet HIV rappurtati għall-ewwel darba aktar minn irdoppja fl-Ewropa mill-1996. Il-kuntatti u l-mobilità akbar minn parti għal oħra tad-dinja żiedu l-impatt tat-theddid għas-saħħa permezz ta’ mard li jittieħed bħall- avian flu u s-SARS. Il-bijoterroriżmu huwa element ġdid ieħor. Fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, kisbiet riċenti fis-saħħa u l-iżvilupp marru lura u l-firxa ta’ mard gravi li jittieħed hija theddida serja għall-iżvilupp tagħhom fil-futur. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tistma li, kull sena, l-ambjenti ħżiena għas-saħħa jikkawżaw il-mewt ta’ aktar minn 5 miljun tifel u tifla madwar id-dinja.

Eżempji ta’ miżuri ta’ politika meħuda mill-2001 jinkludu l-finanzjament ta’ riċerka fuq il- genome biex tiġġieled kontra r-reżistenza għall-antibiotiċi; l-istabbiliment ta’ networks konġunti ta’ sorveljanza u twissija minn kmieni, fl-UE, dwar mard li jittieħed; l-adozzjoni ta’ proposta għal qafas regolatorju ġdid fl-UE dwar is-sustanzi kimiċi (REACH); l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew 2004-2010 dwar L-Ambjent u s-Saħħa; u l-ħolqien ta’ Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u Ċentru Ewropew għall-Mard li Jittieħed (ECDC).

Internazzjonalment, il-finanzjamernt mill-UE għall-ġlieda kontra mard bħall-HIV/AIDS, TB u l-malarja żdied b’mod sostanzjali. Saru wkoll kontribuzzjonijiet sabiex jitnaqqas il-prezz ta’ prodotti farmaċewtiċi essenzjali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Faqar u esklużjoni soċjali

Il-faqar u l-esklużjoni soċjali jirrappreżentaw problema li qiegħda tikber. Fl-UE, madwar 15% tal-popolazzjoni tgħix fil-periklu ta’ ‘faqar fid-dħul’. Is-sitwazzjoni f’xi wħud mill-Istati Membri ġodda hija ta’ tħassib partikolari. Xejriet oħra li jnisslu tħassib huma t-trasmissjoni tal-faqar u l-esklużjoni minn ġenerazzjoni għall-oħra u l-piżijiet sproporzjonati li jġorru ċerti sotto-gruppi tal-popolazzjoni (per eż. min hu bla xogħol, familji b’ġenitur wieħed, persuni b’diżabilità, minoritajiet etniċi). Madwar id-dinja, 2.8 biljuni mill-popolazzjoni ta’ 6 biljuni jgħaddu b’anqas minn €2 kuljum.

L-Istati Membri ta’ l-UE qablu li jikkoordinaw il-politika tagħhom għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali billi jissettjaw miri komuni, jiddiżinjaw pjani ta’ azzjoni nazzjonali u jevalwaw dawn ta’ l-aħħar bl-użu ta’ indikaturi komuni sabiex jimmonitorjaw il-progress. Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tappoġġja dan il-proċess ta’ koordinazzjoni. Il-finanzjament tal-Politika Reġjonali ta’ l-UE jikkontribwixxi wkoll għal dan il-għan, per eżempju, permezz ta’ l-investiment fl-edukazzjoni, t-taħriġ u l-impjiegi lokali.

Sabiex taffronta din il-kwistjoni fuq skala dinjija, il-politika ta’ l-UE dwar l-iżvilupp tqiegħed bħala l-għan ewlieni tagħha t-tnaqqis b’mod apprezzabbli u, eventwalment, l-eliminazzjoni tal-faqar. Varjetà ta’ azzjonijiet twettqu fil-qafas tal-sħubija dinjija ġdida għall-eliminazzjoni tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli stabbilit fis-summits ta’ Doha, Monterrey u Johannesburg.

Soċjetà li qiegħda tixjieħ

Iż-żieda fil-popolazjoni fl-UE hija pproġettata li tieqaf u popolazzjoni li qiegħda tonqos u tixjieħ tkun trid tagħmel tajjeb għal numru dejjem jikber ta’ persuni anzjani. Il-proporzjon tad-dipendenza tax-xjuħija huwa mistenni li jiżdied minn 24% fl-2004 sa 47% fl-2050.

Filwaqt li żieda fiż-żmien li persuna tkun mistennija tgħix hija kisba importanti, il-fatt li s-soċjetà Ewropea qiegħda tixjieħ iqajjem kwistjonijiet li hemm bżonn ikunu indirizzati. La l-migrazzjoni u lanqas żieda ta’ malajr fir-rati tat-twelid ma jistgħu jevitaw żieda sostanzjali fil-proporzjon ta’ persuni anzjani fil-popolazzjoni matul l-għoxrin sena li ġejjin.

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ma’ l-Istati Membri sabiex timmodernizza s-sistemi tal-ħarsien soċjali sabiex tiżgura li jibqgħu finanzjarjament sostenibbli u soċjalment adegwati. Il-miżuri jinkludu wkoll li titwal il-ħajja tax-xogħol ta’ ħaddiema akbar. Il-mira stabbilita mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona hija li 50% tal-persuni li għandhom bejn il-55 u s-64 sena jkunu jaħdmu sa’ l-2010 u li d-data effettiva tal-ħruġ mis-suq tax-xogħol titla’ b’5 snin sa’ l-2010. Apparti mit-trattament tan-naħa finanzjarja, is-sistemi tal-kura tas-saħħa għandhom bżonn jevolvu sabiex ilaħħqu mad-domanda mistennija min-numru akbar ta’ persuni anzjani, b’mod partikolari sabiex jitjieb l-aċċess għall-kura tas-saħħa. L-Unjoni qiegħda tiffaċilita l-kooperazzjoni strutturata f’dan il-qasam u l-iskambju ta’ prattiċi tajbin.

Immaniġġjar tar-riżorsi naturali

Tkabbir mgħaġġel tal-popolazzjoni dinjija jfisser li, sa l-2010 diġa se jkun hawn fid-dinja 400 miljun ruħ aktar milli hawn illum, essenzjalment fiż-żoni urbani. F’dinja fejn l-‘interdipendenza’ qiegħda tikber, ma nistgħux inkomplu nipproduċu u nikkunsmaw kif qegħdin nagħmlu llum. Il-biodiversità tinsab mhedda. Madwar id-dinja, hemm 15 500 speċi ta’ pjanti u annimali li qed jiffaċċjaw periklu serju ta’ estinzjoni. L-aħħar għexieren diġa raw telf sinifikanti ħafna kważi f’kull tip ta’ ekosistema u speċi (annimali, pjanti, foresti, ilma ħelu, art fertili, eċċ). L-ilma ħelu huwa riżors naturali ieħor li qiegħed taħt pressjoni. B’mod ġenerali l-kriżi dinjija dwar l-ilma hija ta’ theddida għall-ħajja, l-iżvilupp sostenibbli u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-paċi u s-sigurtà.

Azzjonijiet ta’ politika meħuda sabiex tintlaħaq il-mira ta’ l-UE li jitwaqqaf it-telf tal-biodiversità mis-sena 2010 jinkludu r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni dwar is-Sajd. Komunikazzjoni dwar it-twaqqif tat-telf tal-biodiversità sas-sena 2010 qiegħed jitħejja. Miżuri maħsuba biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jinkludu d-Direttiva ta’ l-UE dwar tagħmir elettriku u elettroniku skartat u l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar politika integrata għall-prodotti. Fil-perjodu mis-sena 2000 sa s-sena 2006, l-UE qiegħda wkoll tagħmel użu minn somom kbar mill-Fondi Strutturali u tal-Koeżjoni għal ko-finanzjamanent ta’ investimenti favur l-infrastrutturi ambjentali u r-riabilitazzjoni u l-manteniment ta’ siti industrijali, urbani u naturali.

Inizjattivi internazzjonali jinkludu id-Direttiva ta’ l-UE dwar l-Ilma – “Ilma għall-Ħajja” – bħala segwitu tas-Summit Dinji għal Żvilupp Sostenibbli. L-UE qiegħda tieħu wkoll rwol ewlieni kemm fil-Konvenzjoni dwar il-Biodiversità kif ukoll fil-ħidma sabiex ikun stabbilit qafas ta’ għaxar snin ta’ programmi dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli.

Użu ta’ l-art u t-trasport

Minkejja l-għan li t-trasport jinfired mit-tkabbir tal-PGD, il-volum tat-trasport kompla jikber b’rata aktar mgħaġġla mill-PGD. Dan għandu impatti f’diversi oqsma, li jvarjaw mill-konġestjoni tat-traffiku u problemi tas-saħħa kkawżati minn sustanzi li jniġġsu l-arja, sa aktar emissjonijiet ta’ CO2 li jeffettwaw il-miri ta’ l-UE dwar it-tibdil fil-klima.

L-UE nidiet numru ta’ inizjattivi ta’ politika sabiex jillimitaw l-effetti negattivi ta’ din ix-xejra ta’ tkabbir fit-trasport. Hija qiegħda tinkoraġġixxi moviment mit-trasport bit-toroq lejn mezzi b’anqas impatt ambjentali, bħal karrozzi tal-linja ‘ndaf’, it-trasport bil-baħar u bil-ferroviji. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-Istati Membri jibdew jiġbru ħlasijiet għall-infrastruttura sabiex jinfluwenzaw id-domanda għat-trasport, billi jersqu lejn sitwazzjoni fejn il-prezzijiet imħallsa minn min juża t-trasport jirriflettu l-ispiża reali għas-soċjetà, (eż. id-Direttiva Euro vignette ) iżda l-implimentazzjoni għada limitata. Barra minn hekk, kien hemm progress fit-teknoloġija tal-vetturi u l-fjuwil, imbuttat mil-leġislazzjoni u l-inizjattivi ta’ l-UE, għalkemm kien hemm żieda fid-domanda u l-volum tat-trasport li pattiet għalih. Finalment, qegħdin jittieħdu azzjonijiet sabiex ikun hemm titjib fl-ambjent urban u l-maniġġar ta’ l-użu ta’ l-art, per eżempju permezz tal-programm ta’ Fondi Strutturali ta’ l-UE “Urban II” u l-Programm Qafas ta’ Riċerka. Il-Kummissjoni qiegħda tipprepara wkoll Strateġija Tematika dwar l-Iżvilupp Urban li għandha tkun ippubblikata fis-sena 2005.

Aspetti esterni ta’ l-iżvilupp sostenibbli

Minbarra x-xejriet mhux sostenibbli elenkati hawn fuq, il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli fuq livell dinji min-naħa ta’ l-UE involviet, , l-azzjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

- Użu Għaqli tal-Globalizzazzjoni

Il-globalizzazzjoni hija l-kuntest il-ġdid li fih irid jitwettaq l-iżvilupp sostenibbli. Waqt li jistgħu ikunu stimolu importanti għall-iżvilupp sostenibbli, ir-rebħiet mill-globalizzazzjoni ta’ spiss jitqassmu b’mod mhux uniformi bejn u fil-pajjiżi u integrazzjoni mhux regolata jista’ jkollha impatti negattivi fuq l-ambjent u s-soċjetà in ġenerali.

L-UE tappoġġa approċċ koerenti u integrat għal kwistjonijiet relatati mal-globalizzazzjoni fil-WTO, Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs) u fl-entitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti. Tixtieq ukoll li ssaħħaħ l-entitajiet l-aktar importanti – bħal, per eżempju, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

Sabiex tintegra, b’mod effettiv u ekwu, lid-dinja li qiegħda tiżviluppa fl-ekonomija dinjija, in-negozjati li għadhom għaddejjin tal-WTO, l-Aġenda ta’ Doħa għall-Iżvilupp (DDA) huma essenzjali. Fin-negozjati DDA, l-UE, sa mis-sena 2002, ħadmet b’mod konsistenti favur il-miri tagħha li tiffavorixxi l-iżvilupp sostenibbli dinji b’mod ġenerali fuq numru kbir ta’ suġġetti li jkunu qed jiġu nnegozjati. Barra minn hekk, ladarba hemm il-ħtieġa li l-isforzi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jintegraw fis-sistema ta’ kummerċ dinjija jkollhom appoġġ effettiv, l-assistenza relatata mal-kummerċ (TRA) kienet indikata bħala wieħed mill-oqsma ta’ priorità għall-kooperazzjoni ta’ l-UE fl-iżvilupp u d-dimensjoni TRA kienet integrata fil-livelli kollha rilevanti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-fondi.

B’żieda ma’ dan, sa mis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, l-UE ħadet ukoll passi importanti sabiex timplimenta azzjoni ta’ appoġġ relatata mal-politika tal-kummerċ li m'hix inkluża fl-ambitu ta’ l-DDA, fost l-oħrajn billi ssegwi l-isforzi tagħha sabiex tinkludi element sostantiv dwar l-iżvilupp sostenibbli fin-negozjati bilaterali jew reġjonali preżenti jew futuri.

- Iggvernar aħjar fuq livell Dinji

L-iggvernar tajjeb u l-promozzjoni tad-demokrazija huma fatturi kruċjali sabiex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp. Id-Dikjarazzjoni tal-Millenju tgħid li l-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi l-iżvilupp u l-eliminazzjoni tal-faqar jiddependi, inter alia , fuq iggvernar tajjeb f’kull pajjiż, fuq iggvernar tajjeb f’livell internazzjonali u fuq it-trasparenza fis-sistemi finanzjarji, monetarji u kummerċjali.

Il-Kummissjoni ttrattat it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali, l-iggvernar tajjeb u l-istat tad-dritt f’Komunikazzjoni dwar l-Iggvernar u l-Iżvilupp, li jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u djalogu dwar l-iggvernar f’tipi differenti ta’ sitwazzjonijiet f’pajjiż. Saru wkoll sforzi sabiex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehim ta’ kooperazzjoni u strumenti ta’ politika internazzjonali u reġjonali eżistenti kollha. Barra minn hekk, iggvernar internazzjonali msaħħaħ għal żvilupp sostenibbli huwa fil-qalba ta’ l-isforzi ta’ l-UE sabiex tiżviluppa multilateraliżmu effettiv.

- Finanzjament għall-iżvilupp (FfD)

It-twettiq ta’ l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp jeħtieġu l-finanzjament. Madankollu, il-mira tal-Nazzjonijiet Uniti ta’ 7% tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI) bħala Assistenza Uffiċċjali għall-Iżvilupp (ODA) għadha ’l bogħod ħafna milli tintlaħaq.

L-UE fissret il-kontribut tagħha għall-“Finanzjament għall-proċess ta’ żvilupp” fi tmien impenji espliċiti, approvati mill-Kunsill Ewropew f’Barċellona fl-14 ta’ Marzu 2002. L-aħħar rapport ta’ monitoraġġ ibassar li l-livelli ta’ għajnuna fl-UE mkabbra (25 Stat Membru), meħudin flimkien, għandhom jaqbżu l-mira intermedja ta’ 0.39% ODA/Dħul Gross Nazzjonali (GNI) u jipprovdu 0.42% tal-GNI tagħha bħala ODA sas-sena 2006, jew somma stmata li tlaħħaq €38.5 biljun. Il-volum totali tar-riżorsi addizzjonali mmobilizzati matul il-perjodu 2002 – 2006 huwa ta’ €19 biljun.

Parti II: Risposta għall-isfidi

5. Orjentazzjonijiet għall-futur

Fid-dawl ta’ l-isfidi kontinwi, l-Ewropa għandha mhux biss issostini l-impenn tagħha għal aġendi fit-tul għal żvilupp sostenibbli u kwalità ta’ ħajja aħjar, iżda wkoll issib mod kif tittrattahom b’mod aktar effettiv.

5.1. Affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipji bażiċi ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE għal Żvilupp Sostenibbli

Il-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli u l-kumplimentarità bejn l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli u l-Istrateġija ta’ Liżbona kienu ċċarati fil-kelmtejn ta’ qabel.

Barra minn hekk, ir-reviżjoni għandha tikkonferma n- natura essenzjalment tridimensjonali ta’ l-iżvilupp sostenibbli bħala l-bażi ta’ l-istrateġija, jiġifieri: żvilupp li jista’ jitwettaq biss jekk it-tkabbir ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien ta’ l-ambjent jimxu id f’id, kemm fl-Ewropa kif ukoll f’partijiet oħra tad-dinja.

Ir-reviżjoni tqis ukoll il -kontribut ta’ l-UE għal żvilupp sostenibbli dinji b’żewġ modi: l-ewwel, billi tindirizza l-aspetti internazzjonali tas-sitt xejriet mhux sostenibbli indirizzati mill-istrateġija; it-tieni billi tintegra fiha dawk l-aspetti tal-politika barranija ta’ l-UE li jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli dinji. Permezz ta’ dan, l-UE tikkonferma mill-ġdid u ssaħħaħ l-impenn tagħha li jkollha sehem ewlieni fil-promozzjoni ta’ l-aġenda ta’ żvilupp sostenibbli fuq livell dinji.

5.2. Affermazzjoni mill-ġdid ta’ l-approċċ lejn il-formulazzjoni tal-politika u l-koerenza fil-politika.

Ir-reviżjoni għandha tirrinforza l- ‘approċċ il-ġdid lejn il-formulazzjoni tal-politika’ bħala l-mezz ċentrali sabiex l-iżvilupp sostenibbli jitqiegħed fil-qalba tal-formulazzjoni tal-politika ta’ l-UE. B’mod partikolari, l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli futura ta’ l-UE għandha tagħti imbuttatura oħra lid-diversi komponenti ta’ l-aġenda ta’ l-UE għal Regolazzjoni Aħjar, inklużi l-evalwazzjonijiet ta’ l-impatt, il-konsultazzjoni ma’ dawk li għandhom interess u s-simplifikazzjoni tar-regolazzjoni.

Dan ifisser li l-formulazzjoni tal-politika sostenibbli u li tagħti valur għall-flus għandu jibqa’ jkun promoss permezz ta’ Regolazzjoni Aħjar, inkluża implimentazzjoni aktar effettiva ta’ mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ l-impatt bilanċjat li jkopri inizjattivi ġodda ta’ politika tal-Kummissjoni kemm interni kif ukoll esterni. B’żieda ma’ dan, studji dwar evalwazzjonijiet ta' l-impatt dwar is-sostenibbiltà jkomplu jkunu applikati fuq kull ftehim importanti dwar il-kummerċ. Waqt li din l-għodda kienet irfinuta riċentament sabiex tieħu in kusiderazzjoni l-ewwel lezzjonijiet li ħarġu[10], tibqa’ tingħata attenzjoni dwar modi possibbli li jkomplu jtejbu l-metodu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ l-żvilupp sostenibbli. B’dan il-għan, il-Kummissjoni bi ħsiebha wkoll ittejjeb il-konsultazzjoni ma’ dawk li għandhom interess dwar il-politika ta’ l-UE. Barra minn hekk, tingħata wkoll attenzjoni lill-importanza li jkun żgurat segwitu xieraq għall-Ftehim Interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill[11] (eż. il-ħtieġa li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill japplikaw l-istess prinċipji u standards dwar l-evalwazzjonijiet ta’ l-impatt meta jittrattaw l-evalwazzjonijiet ta’ l-impatt dwar emendi sostanzjali għal proposti tal-Kummissjoni).

Inkluż ukoll fl-approċċ il-ġdid hemm il- metodu ta’ koordinazzjoni miftuħ , speċjalment fl-oqsma ta’ l-inklużjoni soċjali, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-ħarsien soċjali fejn dan il-metodu għandu rwol kruċjali fl-immodernizzar tas-sistemi ta’ ħarsien soċjali.

Bħala parti mill-approċċ il-ġdid lejn il-formulazzjoni tal-politika, il-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq sabiex tirrifletti l-ispejjeż reali ta’ l-użu tar-riżorsi u l-impatt ambjentali tiegħu fuq is-soċjetà. Per eżempju, l-Istati Membri se jkunu mħajra sabiex jaraw kif jistgħu jgħaddu l-piż tat-taxxi għal fuq il-kawżi tal-ħsara għall-ambjent u jneħħuhom minn fuq ix-xogħol. Ir-reviżjoni tkompli tenfasizza wkoll l-importanza ta’ l-investimenti fix- xjenza u t-teknoloġija għal żvilupp sostenibbli. Mezzi possibbli li jistgħu jippromwovu aktar l-eko-innovazzjoni jinkludu l-programm ta’ riċerka ta’ l-UE, il-Politika ta’ Innovazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll ix-xiri pubbliku. Se jkun promoss wkoll bdil ta’ tagħrif ma’ msieħba esterni dwar riċerka, xjenza u teknoloġija sostenibbli.

5.3. Iffokar sostenut fuq xejriet mhux sostenibbli ewlenin u stħarriġ aktar dettaljat ta’ l-irbit bejn xejriet mhux sostenibbli.

Ir-reviżjoni żżomm l-Istrateġija ffokata fuq ix-xejriet prinċipali li huma ta’ theddida għall-iżvilupp sostenibbli. Ħafna minn dawn ix-xejriet jistgħu jkunu ttrattati biss permezz ta’ azzjoni kontinwa fuq perjodu twil ta’ żmien u jinvolvu bidliet strutturali importanti fil-mod kif jaħdmu s-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna. Madankollu, dan ma għandux iservi ta’ skuża sabiex ma jittieħdux azzjonijiet fil-futur iżjed immedjat.

Ir-reviżjoni, għalhekk, għandha tinkludi stima bir-reqqa tax-xejriet mhux sostenibbli koperti mill-istrateġija attwali bil-ħsieb li jkunu identifikati l-oġġettivi u l-azzjonijiet meħtieġa fis-snin li ġejjin. L-oqsma ta’ priorità identifikati fis-sena 2001 għandhom ukoll ikunu konformi ma’ l-impenji internazzjonali meħuda mill-UE fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, il-konferenza tal-UN dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp kif ukoll id-Dikjarazzjoni tal-Millenju tal-UN u ftehim multilaterali u impenji oħra relatati li l-UE impenjat ruħha dwarhom. Barra minn hekk, ikunu aġġornati sabiex jirriflettu l-adeżjoni ta’ għaxar Stati Membri ġodda fl-UE – u l-prospett ta’ aktar tkabbir fil-futur mhux daqstant imbiegħed – li toħloq sfidi ġodda għall-kapaċità ta’ l-Unjoni li tittratta x-xejriet mhux sostenibbli. F’dan il-kuntest, ir-reviżjoni teżamina wkoll il-każ għaż-żieda ta’ numru limitat ta’ xejriet jew ġodda jew li ma kienux meqjusa qabel, inkluż xejriet mhux sostenibbli ekonomikament.

Finalment, ir-reviżjoni tagħti attenzjoni akbar għall-identifikazzjoni ta’ l-interrelazzjonijiet bejn ix-xejriet mhux sostenibbli magħżula . Hija tfittex li żżid is-sinerġiji pożittivi kemm jista’ jkun u tnaqqas il-kompromessi. Per eżempju, billi jiġi promoss iċ-ċaqlieq tat-trasport mit-toroq għall-ferroviji huwa possibbli li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra u fl-istess waqt tonqos il-konġestjoni (tinħoloq sitwazzjoni fejn ikun hemm gwadann miż-żewġ aspetti). Eżempju ieħor jista’ jkun kif investiment f’bidla teknoloġika bażika jista’ jirriżulta f’aktar kompetittività u, fl-istess waqt, itejjeb il-kwalità ambjentali u l-koeżjoni soċjali.

5.4. Iffissar ta’ oġġettivi, miri u għanijiet intermedji biex jitkejjel il-progress

L-approċċ li ttieħed fl-istrateġija 2001 kien li jfisser l-oġġettivi ewlenin fuq terminu ta’ żmien medju relatati ma’ kull waħda mix-xejriet mhux sostenibbli u jidentifika numru ta’ miżuri maħsuba biex jindirizzawhom. Ir-reviżjoni għandha tikkonferma l-ħtieġa għal oġġettivi, miri u deadlines relatati aktar ċari bħala mezz li jikkonċentra l-azzjonijiet f’oqsma ta’ priorità u jippermetti li l-proġress ikun imkejjel.

Għalkemm ix-xejriet jirrappreżentaw problemi fit-tul li jeħtieġu soluzzjonijiet f’termini ta’ żmien twal, l-uniku mod kif ikun aċċertat li s-soċjetà tkun miexja fid-direzzjoni t-tajba huwa billi jkun hemm miri intermedji ċari u billi jitkejjel il-progress. Għalhekk, il-fatt li jkun hemm oġġettivi fuq termini ta’ żmien twal ma għandhux ifisser li l-azzjoni tkun posposta.

L-istrateġija riveduta, għalhekk, għandha tippreżenta oġġettivi ewlenin ġodda għal kull waħda mix-xejriet mhux sostenibbli u tistabbilixxi miri intermedji kruċjali li jippermettu lill-UE li timmonitorja l-progress reali. L-oġġettivi ta’ operazzjoni u l-pjani ta’ azzjoni għandhom ikunu identifikati fi ħdan il-politika interna u esterna rilevanti li għandha tkun il-mezz ewlieni għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ l-inizjattivi ta’ politika inklużi l-impenji internazzjonali miftiehma bħala parti mid-Dikjarazzjoni tal-Millenju u mis-summits ta’ Barċellona u Monterrey.

5.5. Assigurazzjoni ta’ monitoraġġ effettiv

Id-deċiżjoni ta’ Gotenborg li jkun żgurat monitoraġġ ta’ kull sena fil-Kunsilli Ewropej tar-Rebbiegħa ma tatx ir-riżultati mistennija. Sistema msaħħa ta’ rappurtaġġ għandha tkun żviluppata f’din ir-reviżjoni. Din għandha tiffoka fuq it-twettiq ta’ l-oġġettivi fuq termini ta’ żmien qsar u medji ta’ l-Istrateġija u tissimplifika, sa fejn ikun possibbli, ir-rapporti attwali dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Ir-responsabbiltajiet istituzzjonali (speċjalment ir-rwoli tal-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew) fil-proċess ta’ monitoraġġ għandhom ikunu wkoll iċċarati.

Il-monitoraġġ iseħħ, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ l-indikaturi ta’ żvilupp sostenibbli żviluppati mill-Kummissjoni. Dawn huma bbażati, fost affarijiet oħra, fuq id-diversi indikaturi żviluppati fi ħdan il-proċessi ta’ politika settorali u s-sinteżi li diġa saru ta’ dawn fis-sett ta’ indikaturi strutturali li mmonitorjaw il-progress lejn il-miri stabbiliti bħala parti mill-aġenda ta’ riforma ta’ Liżbona. Għandu jkun hemm ukoll sforz akbar sabiex ikunu żviluppati mudelli għall-futur, previżjonijiet u aktar ġbir ta’ tagħrif xjentifiku sabiex jgħin ħalli jkun hemm monitoraġġ effettiv.

5.6. Tisħiħ tar-responsabbiltà diretta u titjib tal-kooperazzjoni ma’ l-atturi pubbliċi u privati f’kull livell

Hemm il-ħtieġa ta’ aktar azzjoni sabiex iżżid l-għarfien u timmobiliżża u tinvolvi lil dawk li għandhom interess fil-livelli kollha. Għandu jkun ċar min huwa responsabbli għal liema azzjoni u f’liema żmien u min se jkun responsabbli għall-ispejjeż. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tesplora kif toħloq sħubija effettiva ma’ l-industrija, it-trejd unjons, l-entitajiet mhux governattivi u l-interessi tal-konsumatur, b’mod partikolari sabiex tiddiskuti modi kif tgħin ħalli jitrażżnu x-xejriet mhux sostenibbli identifikati fil-kuntest ta’ din ir-reviżjoni.

Isiru sforzi sabiex ikun hemm aktar konsistenza bejn l-inizjattivi ta’ l-UE, dawk dinjija, nazzjonali, reġjonali u lokali li jippromwovu żvilupp sostenibbli. Azzjonijiet li jistgħu jittieħdu għandhom jinkludu l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet komuni taħt kull wieħed mill-oġġettivi ewlenin; jingħata bidu għal proċess ta’ tagħlim reċiproku ma’ Stat Membru u/jew reġjuni; u l-ħolqien ta’ mekkaniżmu għall-iskambju permanenti ta’ tagħrif dwar prattika tajba.

L-Unjoni se tkun teħtieġ ukoll li żżid l-isforzi tagħha sabiex tistimula aktar azzjoni f’partijiet oħra tad-dinja, kemm fil-pajjiżi industrijalizzati u f'pajjiżi fi transizzjoni u kemm fid-dinja li qiegħda tiżviluppa. Il-Kummissjoni tistinka sabiex tiżviluppa djalogu dwar l-oġġettivi ta’ żvilupp sostenibbli ma' l-imsieħba barra l-UE, speċjalment amministrazzjonijiet u s-soċjetà ċivili f’pajjiżi terzi kif ukoll l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-NGOs li jikkonċentraw fuq kwistjonijiet globali.

6. I l - passi li jmiss

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lil kull parti tas-soċjetà ċivili sabiex jagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-orjentazzjonijiet proposti għall-istrateġija. L-ewwel opportunità għad-diskussjoni se tkun il-forum għal dawk li għandhom interess organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-14 u l-15 ta’ April 2005. Il-Kummissjoni mbagħad se tippreżenta proposta ta’ strateġija riveduta għal żvilupp sostenibbli għall-Unjoni aktar tard din is-sena.

[1] Sinteżi aktar dettaljata ta’ dak li ħareġ minn dawn l-eżerċizzji tinsab f’Partijiet 1 u 2 tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni SEC(2005)225. Ir-rapport sħiħ tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jkunu disponibbli f’qasir żmien fuq http://europa.eu.int/comm/sustainable/pages/review_en.htm

[2] Art. 2 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea.

[3] KUMM(2005) 12 26.1.2005: “Għanijiet Strateġiċi 2005-2009 – Ewropa 2010: Sħubija għat-Tiġdid ta’ l-Ewropa: Prosperità, Solidarjetà, Sigurtà”

[4] KUMM(2002) 82 13.2.2002: “Lejn sħubija dinjija għal żvilupp sostenibbli”

[5] Kumm (2001) 264 “Ewropa Sostenibbli għal Dinja Aħjar: Strateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli”, p. 2

[6] SEC(2005) 225

[7] Ara, per eżempju, il-pjan ta’ azzjoni dwar l- e-health li ġie adottat riċentament: nagħmlu l-kura tas-saħħa aħjar għaċ-ċittadini Ewropej – pjan ta’ azzjoni għal żona Ewropea ta’ l- e-health , Kumm(2004) 356.

[8] Rapport EEA “Impatti tat-tibdil fil-klima ta’ l-Ewropa” ta’ Awwissu 2004

[9] Munich Re, Dipartiment riċerka Geo risk , Jannar 2004

[10] Ref. Evalwazzjoni ta’ l-Impatt: Passi li jmiss – appoġġ għall-Kompetittività u l-Iżvilupp Sostenibbli, SEC(2004)1377, 21.10.2004.

[11] Ftehim interistituzzjonali dwar leġiżlazzjoni aħjar ĠU C321 31.12.2003, 2003, p.1

Top