EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42008X0610(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2008-2010

OJ C 143, 10.6.2008, p. 9–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 143/9


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2008-2010

(2008/C 143/06)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

1.

Filwaqt li jfakkru l-objettivi assenjati lill-Komunità Ewropea fil-qasam kulturali mill-Artikolu 151 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

2.

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-ewwel Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2002-2004 kien pass importanti lejn proċeduri ta' ħidma aktar strutturati, u li t-tieni Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2005-2006, li kien estiż sa l-aħħar ta' l-2007, kompla jsaħħaħ l-aspirazzjoni lejn approċċ prattiku, iffokat u orjentat lejn riżultati.

3.

Wara li kkunsidraw l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura f'Dinja li Qed Tiġi Gglobalizzata (1), li tirrappreżenta pass importanti lejn l-iżvilupp sostnut tal-kooperazzjoni fil-qasam kulturali u fit-tkabbir tal-koerenza u l-viżibbiltà ta' l-azzjoni Ewropea f'dan il-qasam.

4.

Wara li kkunsidraw ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (2) li tendorsja l-oqsma prijoritarji ta' azzjoni għall-perijodu 2008-2010 fil-kuntest ta' l-objettivi strateġiċi ta' Aġenda Ewropea għall-Kultura.

5.

Wara li kkunsidraw l-introduzzjoni tal-metodu apert ta' koordinazzjoni bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 bħala mod ġenerali ġdid ta' kooperazzjoni fil-qasam kulturali li jipprovdi qafas flessibbli u li ma jorbotx u jħaddan skambji ta' prattiki tajbin.

6.

Wara li kkunsidraw il-ħames oqsma prijoritarji ta' azzjoni kif definiti fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' hawn fuq, li għandha tiggwida l-istabbiliment ta' prijoritajiet ta' linji ta' politika għall-perijodu 2008-2010, filwaqt li tirrispetta l-prerogattivi tal-Kummissjoni Ewropea.

JAQBLU:

li jkomplu l-attivitajiet taħt kull qasam prijoritarju, elenkati fl-Anness 1, li jistgħu jkunu riveduti sabiex jiffokaw aħjar fuq riżultati konkreti,

li jistabbilixxu gruppi ta' ħidma magħmula minn esperti mill-Istati Membri abbażi tal-prinċipji u l-mandati definiti fl-Annessi 1 u 2 u li jsegwu l-ħidma tagħhom,

li jistiednu lil kull Presidenza biex tibni fuq il-kisbiet tal-Pjan ta' Ħidma kif ukoll tirraporta dwar l-implimentazzjoni ta' dan ta' l-aħħar,

li jistiednu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkonsultaw lill-partijiet interessati b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma biex tiġi żgurata r-relevanza u l-viżibbiltà ta' l-attivitajiet,

li jistiednu lill-Kummissjoni, f'konsultazzjoni ma' u abbażi ta' kontributi volontarji mill-Istati Membri, biex tirraporta dwar żviluppi kemm ta' nofs it-terminu u fl-aħħar tal-perijodu kopert mill-Pjan ta' Ħidma.

JILQGĦU:

 

l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġa l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma kif imniżżla fl-Anness I.


(1)  Dok. 9496/07 u ADD 1.

(2)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.


ANNESS I

Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2008-2010

L-1 Prijorità:   Titjib tal-kondizzjonijiet għall-mobbiltà ta' l-artisti u ta' professjonisti oħrajn fil-qasam kulturali

Inizjattivi

Terminu taż-żmien

Għanijiet

L-Istati Membri:

 

 

Stabbiliment ta' grupp ta' ħidma dwar il-mobbiltà ta' l-artisti u ta' professjonisti oħrajn fil-qasam kulturali inklużi l-esperti ta' l-Istati Membri (1)

Marzu 2008 sa l-aħħar ta' l-2010 (madwar 3 laqgħat fis-sena)

Filwaqt li jiffoka b'mod partikolari fuq il-mobbiltà ta' l-artisti u professjonisti kulturali oħrajn, inter alia fil-qasam ta' l-ispettaklu ħaj, dan il-grupp ta' ħidma ser jikkunsidra, jirraporta u jagħmel rakkomandazzjonijiet (inkluż permezz tal-validazzjoni ta' prattiki tajbin, proposti għal inizjattivi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jew fil-livell tal-KE u għall-elementi ta' metodoloġija biex jiġi evalwat il-progress), kif meħtieġ, dwar l-oqsma li ġejjin:

li jsir studju tal-prattiki eżistenti f'kull Stat Membru sabiex ikun possibbli li jiġu ssuġġeriti modi kif jistgħu jittejbu l-kondizzjonijiet regolatorji għall-mobbiltà u l-proċessi amministrattivi relatati magħhom,

li jiġu ssuġġeriti soluzzjonijiet fil-livell nazzjonali u dak Komunitarju fir-rigward ta' l-inklużjoni ta' mobbiltà (ġewwa u barra l-Ewropa) fil-kurrikulu ta' taħriġ professjonali ta' artisti u professjonijisti kulturali,

li jiġu żgurati l-ġbir ta' u l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar il-kondizzjonijiet għall-mobbiltà fl-Ewropa (il-kondizzjonijiet dwar it-taxxa, il-kondizzjonijiet soċjali, il-kondizzjonijiet dwar id-dħul u r-residenza fl-Istati Membri differenti),

li jiġu msaħħin il-mekkaniżmi ta' appoġġ fuq il-livell reġjonali, nazzjonali u Komunitarju għall-mobbiltà u li tiġi żgurata l-kumplimentarjetà tagħhom.

Kummissjoni:

 

 

Studju dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema kulturali fl-Ewropa Sett

Ottubru 2008

Il-provvediment ta' idea ġenerali u tipoloġija ta' skemi ta' mobbiltà eżistenti għall-ħaddiema kulturali fil-livell nazzjonali/reġjonali u lokali fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, analiżi ta' l-impatt u l-effiċjenza tagħhom u n-nuqqasijiet potenzjali, rakkomandazzjonijiet dwar modi kif jista' jissaħħaħ l-appoġġ għall-mobbiltà fil-livell ta' l-UE.

Studju ta' vijabbiltà għal skema komprensiva mfassla biex tipprovdi sistema ta' informazzjoni dwar il-mobbiltà fis-settur kulturali għall-Ewropa kollha

L-1 Fażi (rapport interim: studju ta' skemi eżistenti), Ottubru 2008;

It-2 Fażi (Rapport finali: rakkomandazzjonijiet), L-aħħar ta' l-2008

Il-provvediment ta' idea ġenerali ta' skemi ta' informazzjoni eżistenti dwar aspetti legali, regolatorji, proċedurali u finanzjarji għall-mobbiltà fil-livell nazzjonali, analiżi ta' nuqqasijiet potenzjali, u rakkomandazzjonijiet għal sistema ta' informazzjoni komprensiva fil-livell Ewropew

It-2 Prijorità:   Promozzjoni ta' l-aċċess għall-kultura, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-wirt kulturali, il-multilingwiżmu, id-diġitizzazzjoni, it-turiżmu kulturali, sinerġiji ma' l-edukazzjoni, speċjalment l-edukazzjoni ta' l-arti u mobbiltà akbar tal-kollezzjonijiet,

Inizjattivi

Terminu taż-żmien

Għanijiet

Mobbiltà tal-kollezzjonijiet

L-Istati Membri:

 

 

Stabbiliment ta' grupp ta' ħidma għall-mobbiltà tal-kollezzjonijiet u l-attivitajiet tal-mużewijiet inklużi l-esperti ta' l-Istati Membri (2)

Ġunju 2008 sa l-aħħar ta' l-2010 (minn 2 sa 3 laqgħat fis-sena)

Filwaqt li jibni fuq il-ħidma ta' sitt gruppi stabbiliti fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Promozzjoni ta' l-UE tal-Mobbiltà tal-Kollezzjonijiet tal-Mużewijiet u ta' l-Istandards għas-Self (3), dan il-grupp ta' ħidma ser jikkunsidra, jirraporta u jagħmel rakkomandazzjonijiet (inkluż permezz tal-validazzjoni ta' prattiki tajbin, proposti għal inizjattivi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jew fil-livell tal-KE u għall-elementi ta' metodoloġija biex jiġi evalwat il-progress), kif meħtieġ, dwar l-oqsma li ġejjin:

li jiġu proposti mekkaniżmi ta' inċentivi għall-mobbiltà tal-kollezzjonijiet, inkluż is-self fit-tul (per eżempju l-indennità, id-diġitizzazzjoni, in-nuqqas ta' assigurazzjoni, il-laqgħat ta' l-esperti, il-paragun ta' sistemi ta' valutazzjoni għall-kollezzjonijiet, il-bini ta' fiduċja),

li jiġu studjati possibbilitajiet li jitneħħew l-ostakoli għall-mobbiltà tal-kollezzjonijiet li għadhom jippersistu f'oqfsa legali u amministrattivi rilevanti fil-livell nazzjonali (per eżempju kwistjonijiet ta' assigurazzjoni, nuqqas ta' immunità minn sekwestru),

li jiġu mqabblin il-liġijiet nazzjonali dwar il-mużewijiet jew l-ekwivalenti sabiex jiġi promoss l-aċċess għall-kultura,

li jsir skambju ta' prattiki tajbin fil-prevenzjoni ta' serq, li tintbagħat lura merkanzija misruqa, it-traffikar tal-kollezzjonijiet u li jiġu eżaminati mezzi ta' titjib, inkluż permezz ta' l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja rilevanti (4), eċċ.,

li jsir skambju ta' prattiki tajbin dwar il-promozzjoni ta' l-aċċess għal mużewijiet.

Sinerġiji ma' l-edukazzjoni, speċjalment l-edukazzjoni ta' l-arti

L-Istati Membri:

 

 

Mira ta' sinerġiji msaħħin bejn il-kultura u l-edukazzjoni fil-qafas ta' grupp ta' ħidma li għandu jissejjaħ mill-aktar fis possibbli (5)

Ġunju 2008 sa l-aħħar ta' l-2010 (minn 2 sa 3 laqgħat fis-sena)

Filwaqt li jibni fuq il-ħidma tan-netwerk ta' ħaddiema taċ-ċivil dwar l-edukazzjoni ta' l-arti u dik kulturali, dan il-grupp ta' ħidma ser jikkunsidra, jirraporta u jagħmel rakkomandazzjonijiet (inkluż permezz tal-validazzjoni ta' prattiki tajbin, proposti għal inizjattivi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jew fil-livell tal-KE u għall-elementi ta' metodoloġija biex jiġi evalwat il-progress), kif meħtieġ, dwar l-oqsma li ġejjin:

linji ta' politika li jippromwovu sinerġiji bejn il-kultura u l-edukazzjoni, inkluża l-arti fl-edukazzjoni u l-iżvilupp ta' proġetti sabiex tiġi implimentata kompetenza ewlenija “Kuxjenza u espressjoni kulturali” (6),

skambju ta' prattiki tajbin dwar attivitajiet u strutturi fil-livell reġjonali, nazzjonali u dak lokali biex jiġu promossi l-arti u l-edukazzjoni kulturali, formali (bħala parti integrata tal-kurrikuli ta' l-iskola), mhux formali jew informali

Diġitizzazzjoni

Stati Membri/Kummissjoni:

 

 

Tkomplija tal-ħidma li għaddejja bħalissa fil-qasam tad-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbità online ta' materjal kulturali, u l-konservazzjoni diġitali, inklużi l-aspetti awdjoviżivi (7)

Mill-2008 'il quddiem (tnedija ta' librerija ta' prototipi, l-aħħar ta' l-2008)

Stabbiliment ta' librerija diġitali Ewropea komuni, jiġifieri punt ta' aċċess multilingwu komuni għall-kollezzjonijiet differenti fil-libreriji, fl-arkivji u fil-mużewijiet Ewropej

Multilingwiżmu

Kummissjoni/Stati Membri:

 

 

Komunikazzjoni dwar il-multilingwiżmu:

Sett 2008

Strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu (biex ikun żviluppat, bl-inklużjoni ta' aspetti kulturali, flimkien ma' setturi rilevanti oħrajn, b'mod partikolari l-edukazzjoni)

Studju dwar il-kontribut tal-multilingwiżu għall-kreattività

L-ewwel nofs ta' l-2009

Jintwera l-kontribut tal-multilingwiżmu għall-kreattività u jiġi pprovdut kontribut għad-dibattitu dwar is-Sena Ewropea tal-Kreattività 2009

Djalogu Interkulturali

Stati Membri/Kummissjoni:

 

 

Implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tad-Djalogu interkulturali

2008

Jiġu implimentati, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi ta' koordinazzjoni nazzjonali rilevanti, l-objettivi tas-Sena u jiġu segwiti bħala kontribut għal strateġija sostennibli, inkluż l-iżvilupp ta' approċċ trans-settorjali għal kompetenzi interkulturali

Segwitu għas-Sena

2009-2010

Turiżmu kulturali/wirt kulturali

L-Istati Membri:

 

 

Promozzjoni ta' wirt kulturali permezz ta' sinerġiji ġodda bi proġetti multilaterali relatati mat-turiżmu kulturali.

 

Jikkontribwixxu għall-Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv (8) li tiffoka b'mod partikolari fuq it-turiżmu kulturali u l-promozzjoni tal-wirt kulturali, inkluż il-wirt mhux tanġibbli

Aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura

Kummissjoni:

 

 

Studju dwar l-aċċess taż-żgħażagh għall-kultura

It-tieni nofs ta' l-2009

Jiġu ddentifikati l-ostakoli għall-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura kif ukoll il-prattiki tajbin li jagħmlu dan l-aċċess aktar faċli

It-3 Prijorità:   Żvilupp ta' data, statistika u metodoloġiji fis-settur kulturali u titjib tal-komparabbiltà tagħhom

Inizjattivi

Terminu taż-żmien

Għanijiet

Kummissjoni/Stati Membri:

 

 

L-EUROSTAT [ser] (9) jerġa' jniedi l-attivitajiet tal-grupp ta' ħidma ta' l-istatistika dwar il-kultura.

Dan [ser] jaħdem mill-qrib ma' grupp żghir ta' Stati Membri interessati dwar l-estensjoni ta' metodoloġiji u sondaġġi pilota, għall-benefiċċju ta' l-Istati Membri kollha

Qabel l-aħħar ta' l-2008

Tiġi żviluppata l-produzzjoni ta' data abbażi ta' sistema ta' statistika koordinata dwar il-kultura u jsir studju dwar il-possibbiltà li jiġu adattati u żviluppati metodi eżistenti li jkopru ħtiġiet u oqsma ġodda

Ir-4 Prijorità:   Massimizzazzjoni tal-potenzjal ta' l-industriji kulturali u kreattivi, b'mod partikolari dak ta' l-SMEs

Inizjattivi

Terminu taż-żmien

Għanijiet

L-Istati Membri:

 

 

Stabbiliment ta' grupp ta' ħidma dwar l-industriji kulturali u kreattivi inklużi l-esperti ta' l-Istati Membri (10)

April 2008 sa l-aħħar ta' l-2010 (madwar 3 laqgħat fis-sena)

Dan il-grupp ta' ħidma hu mistieden jikkunsidra, jirraporta u jagħmel rakkomandazzjonijiet (inkluż permezz tal-validazzjoni u d-disseminazzjoni ta' prattiki tajbin, b'kont meħud ta' teknoloġiji ġodda, proposti għal inizjattivi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jew fil-livell tal-KE u għall-elementi ta' metodoloġija biex jiġi evalwat il-progress), kif meħtieġ, dwar l-oqsma li ġejjin:

l-identifikazzjoni ta' strateġiji nazzjonali u l-produzzjoni ta' inventarju ta' miżuri nazzjonali eżistenti li jimmiraw lejn il-ħolqien ta' ambjent li jwassal għall-istabbiliment u għall-iżvilupp ta' industriji kreattivi u kulturali (eż l-aċċess għall-investiment, l-aċċess ta' l-SMEs għal garanziji finanzjarji u bankarja, in-netwerking, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ta' l-SMEs fi ħdan ċentri tal-kompetittività, l-aspetti fiskali, il-promozzjoni ta' l-esportazzjoni, kwistjonijiet ta' proprjetà intellettwali, b'mod partikolari fil-kuntest ta' l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda),

it-taħriġ ta' professjonisti tas-settur kulturali (fil-kompetenzi maniġerjali, fl-intraprenditorija, fl-għarfien tad-dimensjoni Ewropea/ta' l-attivitajiet tas-suq),

l-impatt ta' l-industriji kulturali u kreattivi, inkluż it-turiżmu kulturali, fl-iżvilupp lokali u reġjonali,

l-impatt, fost l-oħrajn, tal-miżuri u l-istrumenti finanzjarji tal-Politika Reġjonali Ewropea fuq it-tisħiħ tal-kapaċità u l-intraprenditorija fl-oqsma ta' industriji kulturali u kreattivi,

il-proposta ta' modi u mezzi potenzjali ġodda biex jiġu promossi l-industriji kulturali u kreattivi fil-livell Komunitarju

Kummissjoni:

 

 

Studju dwar il-kontribut tal-kultura għall-kreattività

Frar 2009

Li jiġi esplorat aktar il-kunċett ta' kreattività u li jinftiehem aħjar il-kontribut effettiv u konkret tal-kultura għall-kreattività u l-innovazzjoni kif ukoll tal-modi kif jistgħu jiġu mkejla r-rabtiet bejniethom

Studju dwar id-dimensjoni intraprenditorjali ta' l-industriji kulturali u kreattivi

Settembru 2009

Li jinftiehmu aħjar il-funzjonament u l-ħtiġiet speċifiċi ta' l-industriji kulturali u kreattivi, b'mod partikolari l-SMEs, kif ukoll il-fatturi ambjentali li għandhom impatt fuq l-iżvilupp tagħhom

Studju dwar il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali

It-tieni nofs ta' l-2009

Li jiġi analizzat l-impatt soċjo-ekonomiku ta' l-investiment fil-kultura fil-livelli sub-nazzjonali

Green Paper dwar l-industriji kulturali u kreattivi

Diċembru 2009

Dibattitu ta' tnedija dwar l-aħjar modi biex jinfetaħ il-potenzjal ta' l-industriji kulturali u kreattivi fl-Ewropa

Il-5 prijorità:   Promozzjoni u implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali

Inizjattivi

Terminu taż-żmien

Għanijiet

L-implimentazzjoni

Għadu għaddej

 

Stati Membri/Kummissjoni:

 

Koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet ta' l-UE f'laqgħat dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni abbażi tal-kodiċi ta' kondotta

Protezzjoni u promozzjoni tal-pożizzjonijiet u l-interessi ta' l-UE fil-korpi governattivi tal-Konvenzjoni, kif ukoll oqfsa internazzjonali oħrajn

L-Istati Membri:

 

Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u inklużjoni ta' l-objettivi tagħha fil-linji ta' politika nazzjonali rilevanti

Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-livell nazzjonali u dak Komunitarju li jwassal għal integrazzjoni aħjar ta' l-objettivi tagħha fil-linji ta' politika rilevanti

Kummissjoni:

Grupp ta' interservizzi dwar il-Kultura biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u l-integrazzjoni ta' l-objettivi tagħha fil-linji ta' politika Komunitarji

Promozzjoni

 

 

L-Istati Membri:

 

 

Promozzjoni tar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni u ta' l-objettivi tal-Konvenzjoni fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi. Skambju ta' esperjenzi dwar il-kooperazzjoni kulturali ma' pajjiżi terzi

Għadu għaddej

Promozzjoni tal-Konvenzjoni fil-livell internazzjonali

Laqgħat ta' uffiċjali governattivi għolja fil-qasam tal-kutura, inklużi l-laqgħat tad-Diretturi Ġenerali tal-Kultura fil-Ministeri ta' l-Affarijiet Barranin

Skond l-Aġenda

Skambju ta' fehmiet u rakkomandazzjonijiet potenzjali dwar il-promozzjoni tal-kultura fl-UE u fir-relazzjonijiet esterni tagħha, u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kulturali ta' l-Istati Membri ta' l-UE, u ma' l-omologi tagħhom f'dawk il-pajjiżi terzi

Kummissjoni:

Promozzjoni sistematika tal-Konvenzjoni fi djalogu ma' pajjiżi terzi


(1)  Il-prinċipji relatati ma' l-istabbiliment u l-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma jistgħu jinstabu fl-Anness II.

(2)  Il-prinċipji relatati ma' l-istabbiliment u l-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma jistgħu jinstabu fl-Anness II.

(3)  Ara d-dok.14721/06.

(4)  B'mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE tal-15 ta' Marzu 1993 fuq ir-ritorn ta' oġġetti ta' kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru (ĠU L 74, 27.3.1993) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3911/92 tad-9 ta' Diċembru 1992 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali (ĠU L 395, 31.12.1992).

(5)  Il-prinċipji relatati ma' l-istabbiliment u l-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma jistgħu jinstabu fl-Anness II.

(6)  B'konformità fost l-oħrajn ma' l-objettivi tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni 2009, proposta.

(7)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006, ĠU C 297, 7.12.2006, p. 1.

(8)  Endorsjata mill-Kunsill Ewropew fl-14 ta' Diċembru 2007, dok. 16616/07.

(9)  F'parentesi minħabba li għada ma tteħditx id-deċiżjoni finali mill-Eurostat.

(10)  Il-prinċipji relatati ma' l-istabbiliment u l-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma jistgħu jinstabu fl-Anness II.


ANNESS II

Gruppi ta' Ħidma li ser jiġu stabbiliti fl-implimentazzjoni tal- Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2008-010

Prinċipji dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma

Il-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri fil-ħidma tal-gruppi hi volontarja u l-Istati Membri jistgħu jingħaqdu magħhom fi kwalunkwe ħin.

Kull Stat Membru interessat li jipparteċipa fil-ħidma tal-gruppi ta' ħidma jrid jinnomina espert bħala membru tal-grupp ta' ħidma. Idealment, l-espert għandu jkollu taħlita ta' esperjenza operattiva u ta' politika fil-qasam rilevanti fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jistiednu esperti jew uffiċjali oħrajn biex jattendu għal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma bħala osservaturi.

Kull grupp ta' ħidma jista' jiddeċiedi li jistieden esperti minn oqsma oħrajn biex jikkontribwixxu għall-ħidma tal-grupp kif meħtieġ.

Il-gruppi ta' ħidma ser ikunu responsabbli biex jiddeċiedu liema Stat Membru jew Stati Membri ser jippresjedi/u l-gruppi, fost dawk li wrew ix-xewqa tagħhom f'dan ir-rigward.

Il-funzjonament ta' dawn il-gruppi ser ikun totalment trasparenti sabiex l-Istati Membri kollha jinżammu informati kif suppost dwar il-ħidma tal-gruppi, irrispettivament mil-livell tal-parteċipazzjoni tagħhom f'qasam partikolari. Il-presidenti tal-gruppi ta' ħidma ser jirrapportaw b'mod regolari (darba kull Presidenza) lill-Kumitat ta' l-Affarijiet Kulturali dwar il-progress tal-ħidma fil-gruppi ta' ħidma rispettivi. Il-Kumitat ta' l-Affarijiet Kulturali ser jingħata l-opportunità li jiggwida lill-gruppi ta' ħidma sabiex ikunu garantiti l-eżitu mixtieq u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-gruppi.

Il-gruppi ta' ħidma ser jippreżentaw rapport ta' nofs it-terminu sa Lulju 2009 dwar il-ħidma mwettqa sa dak iż-żmien, li ser jikkontribwixxi għar-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2008-2010.

Il-Kummissjoni ser tappoġġa l-ħidma tal-gruppi ta' ħidma billi tniedi studji rilevanti għall-qasam tax-xogħol tagħhom u hi ser tipprovdi appoġġ loġistiku u segretarjali għall-ħidma tal-gruppi.


Top