EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0079

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/79 tal-25 ta' Novembru 2015 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

OJ L 17, 26.1.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/79/oj

26.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 17/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/79

tal-25 ta' Novembru 2015

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika sistema ġeneralizzata ta' preferenzi tariffarji u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi kriterji ta' eliġibilità speċifiċi għall-għoti ta' preferenzi tariffarji skont l-arranġament ta' inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (SĠP+) lil pajjiż rikjedenti. Għal dan l-għan, il-pajjiż għandu jitqies bħala vulnerabbli. Huwa għandu jkun irratifika l-konvenzjonijiet kollha elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u l-aktar konklużjonijiet disponibbli reċenti tal-korpi ta' monitoraġġ rilevanti ma għandhomx jidentifikaw nuqqas serju fl-implimentazzjoni effettiva ta' xi waħda minn dawn il-konvenzjonijiet. Fir-rigward ta' kwalunkwe waħda mill-konvenzjonijiet rilevanti, il-pajjiż ma għandux ikun ifformula riżerva pprojbita mill-konvenzjoni jew li, għall-finijiet esklussivi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, titqies inkompatibbli mal-għan u l-fini ta' din il-konvenzjoni. Huwa għandu jaċċetta mingħajr riżerva l-obbligi ta' rapportar imposti minn kull konvenzjoni u jagħti l-impenji vinkolanti msemmijin fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

(2)

Pajjiż benefiċjarju tas-SĠP li jixtieq jibbenefika mis-SĠP+ ikollu jagħmel talba flimkien ma' informazzjoni komprensiva li tikkonċerna r-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti, ir-riżervi tiegħu u l-oġġezzjonijiet għal dawn ir-riżervi magħmula minn partijiet oħra għall-konvenzjoni, u l-impenji obbligatorji tiegħu.

(3)

Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa tadotta att delegat f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE biex tistabbilixxi u temenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 sabiex jingħata SĠP+ lil pajjiż rikjedenti billi jiżdied mal-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP+.

(4)

Fil-25 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni rċeviet talba għal SĠP+ mir-Repubblika Kirgiża.

(5)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talbiet magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, u stabbiliet li r-Repubblika Kirgiża tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità. Għalhekk ir-Repubblika Kirgiża għandha tingħata SĠP+ mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-Kummissjoni tħalli taħt rieżami l-istatus ta' ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom mir-Repubblika Kirgiża, kif ukoll il-kooperazzjoni tar-Repubblika Kirgiża mal-korpi ta' monitoraġġ rilevanti, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 huwa emendat kif ġej: fl-Anness III, il-pajjiż li ġej u l-kodiċi alfabetiku korrispondenti jiddaħħlu taħt il-kolonni B u A, rispettivament:

“Ir-Repubblika Kirgiża

KG”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.


Top