EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0880

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/880 tal-4 ta' Ġunju 2015 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2015/3634

OJ L 143, 9.6.2015, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/12/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/880/oj

9.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/880

tal-4 ta' Ġunju 2015

dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 497(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-swieq finanzjarji internazzjonali u sabiex ma jitħalliex li l-istituzzjonijiet ikunu ppenalizzati billi jiġu soġġetti għal rekwiżiti ogħla ta' fondi proprji waqt il-proċessi ta' awtorizzazzjoni u rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali eżistenti (“CCPs”), l-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 stabbilixxa perjodu tranżizzjonali li matulu l-kontropartijiet ċentrali kollha li istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni jikklerjaw it-tranżazzjonijiet magħhom se jitqiesu bħala kontropartijiet ċentrali kwalifikanti.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 emenda wkoll ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward ta' ċerti inputs għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji ta' istituzzjonijiet għal skoperturi għal CCPs. Għaldaqstant, l-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jobbliga ċerti CCPs jirrappurtaw, għal perjodu ta' żmien limitat, l-ammont totali tal-marġni inizjali li huma jkunu rċevew mill-membri tal-ikklerjar tagħhom. Dan il-perjodu tranżizzjonali jirrifletti dak il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 497 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)

Kemm il-perjodu tranżizzjonali għar-rekwiżiti ta' fondi proprji stipulat fl-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ukoll il-perjodu tranżizzjonali għar-rapportar tal-marġni inizjali stipulat fl-ewwel u fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 kienu previsti li jiskadu fil-15 ta' Ġunju 2014.

(4)

L-Artikolu 497(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex f'ċirkostanzi eċċezzjonali tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex il-perjodu tranżizzjonali jittawwal b'sitt xhur. Dik l-estensjoni għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-perjodi tranżizzjonali diġà ttawlu sal-15 ta' Ġunju 2015, fil-bidu permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 591/2014 (3), u sussegwentement permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1317/2014 (4).

(5)

Il-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-kontropartijiet ċentrali eżistenti stabbiliti fl-Unjoni jinsab għaddej iżda mhux se jitlesta sal-15 ta' Ġunju 2015. L-ebda rikonoxximent għadu ma ngħata lil kontropartijiet ċentrali eżistenti stabbiliti f'pajjiżi terzi li diġà applikaw għal rikonoxximent. Għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġi evitat tfixkil fis-swieq finanzjarji internazzjonali, li kienet wasslet sabiex jittawwal il-perjodu tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 rigward il-kontropartijiet ċentrali stabbiliti f'pajjiżi terzi, tkun għadha hemm wara l-iskadenza tal-estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali stipulata fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1317/2014. Estensjoni ulterjuri tal-perjodu tranżizzjonali għandha tippermetti lill-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew lis-sussidjarji tagħhom stabbiliti lil hinn mill-Unjoni) jevitaw żieda sinifikanti fir-rekwiżiti ta' fondi proprji minħabba n-nuqqas ta' kontropartijiet ċentrali rikonoxxuti stabbiliti f'kull pajjiż terz rilevanti u li jipprovdu, b'mod vijabbli u aċċessibli, it-tip ta' servizzi tal-ikklerjar partikolari li jeħtieġu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Filwaqt li żieda bħal din tista' tkun biss temporanja, din tista' potenzjalment twassal għall-irtirar ta' dawk l-istituzzjonijiet milli jkunu parteċipanti diretti f'dawk il-kontropartijiet ċentrali u b'hekk jiġi kkawżat tfixkil fis-swieq li joperaw fihom dawk il-kontropartijiet ċentrali. Għalhekk jixraq li l-perjodi tranżizzjonali jittawlu b'sitt xhur oħra.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Banek Ewropej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-perjodi ta' 15-il xahar imsemmijin fl-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fl-ewwel u fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, rispettivament, kif diġà estiżi skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 591/2014 u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1317/2014, jittawlu b'sitt xhur oħra sal-15 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 591/2014 tat-3 ta' Ġunju 2014 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 31).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1317/2014 tal-11 ta' Diċembru 2014 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 355, 12.12.2014, p. 6).


Top