EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L1794

Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 li temenda d-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE u 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi tal-Kunsill 98/59/KE u 2001/23/KE, fir-rigward tal-baħħara (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 263, 8.10.2015, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/1794/oj

8.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/1


DIRETTIVA (UE) 2015/1794 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Ottubru 2015

li temenda d-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE u 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi tal-Kunsill 98/59/KE u 2001/23/KE, fir-rigward tal-baħħara

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(2)(b) flimkien mal-Artikolu 153(1)(b) u (e) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu, skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, jadottaw, permezz ta' direttivi, rekwiżiti minimi għal implementazzjoni gradwali bil-ħsieb li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Tali direttivi għandhom jevitaw li jimponu spejjeż sproporzjonati, jew restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju li huma l-muturi tat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi.

(2)

Id-Direttivi 2008/94/KE (4), 2009/38/KE (5) u 2002/14/KE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kunsill 98/59/KE (7) u 2001/23/KE (8), jew jeskludu lil ċerti baħħara mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom jew jippermettu lill-Istati Membri li jeskluduhom.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-21 ta' Jannar 2009 bit-titolu “L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li jiġi stabbilit qafas legali integrat sabiex is-settur marittimu jsir aktar kompetittiv.

(4)

L-eżistenza ta', u/jew il-possibbiltà li jiġu introdotti, esklużjonijiet jistgħu jipprevjenu lill-baħħara milli jgawdu b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, jew jillimitaw t-tgawdija sħiħa ta' dawk id-drittijiet. Sakemm l-eżistenza ta', u/jew il-possibbiltà li jiġu introdotti, esklużjonijiet mhijiex iġġustifikata għal raġunijiet oġġettivi u l-baħħara ma jiġux trattati b'mod ugwali, id-dispożizzjonijiet li jippermettu tali esklużjonijiet għandhom jitħassru.

(5)

Fil-preżent, is-sitwazzjoni legali, li teżisti sa ċertu punt b'riżultat tan-natura speċifika tal-professjoni tat-tbaħħir, twassal biex ħaddiema fl-istess kategorija jingħataw trattament differenti minn Stati Membri differenti, skont jekk japplikawx jew le l-eżenzjonijiet u l-esklużjonijiet fakultattivi permessi mil-leġislazzjoni fis-seħħ. Għadd sinifikanti ta' Stati Membri għamlu użu limitat biss, jew ebda użu, minn dawk l-esklużjonijiet fakultattivi.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Ottubru 2007 bit-titolu “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea”, il-Kummissjoni ddeskriviet li tali politika hija msejsa fuq ir-rikonoxximent ċar tal-fatt li l-kwistjonijiet kollha relatati mal-oċeani u l-ibħra Ewropej huma marbuta ma' xulxin, u li biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa, il-politiki li għandhom x'jaqsmu mal-ibħra għandhom jiġu żviluppati b'mod konġunt. Enfasizzat ukoll il-ħtieġa li jiżdied l-għadd tal-impjiegi marittimi kif ukoll il-kwalità ta' dawn l-impjiegi għaċ-ċittadinital-Unjoni, u l-importanza li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord, fost oħrajn bl-investiment fir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa u s-sigurtà.

(7)

Din id-Direttiva hija konformi mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi tagħha dwar l-impjiegi u mal-istrateġija ppreżentata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi”.

(8)

L-hekk imsejħa ekonomija blu tirrappreżenta sehem sostanzjali tal-ekonomija tal-Unjoni f'termini ta' impjiegi u valur miżjud gross.

(9)

Skont l-Artikolu 154(2) TFUE, il-Kummissjoni kkonsultat lis-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni dwar x'direzzjoni tista' tieħu l-azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam.

(10)

Fil-qafas tad-djalogu soċjali tagħhom, is-sħab soċjali fis-settur marittimu laħqu fehim komuni li huwa ta' importanza kbira għal din id-Direttiva. Dak il-fehim komuni jsib bilanċ tajjeb bejn il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara u l-ħtieġa li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur.

(11)

Minħabba n-natura partikolari tas-settur marittimu u l-kundizzjonijiet tax-xogħol partikolari tal-ħaddiema affettwati mill-esklużjonijiet imħassra b'din id-Direttiva, jeħtieġ li jiġu adattati xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi li huma emendati b'din id-Direttiva biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tas-settur ikkonċernat.

(12)

Meta jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi ta' dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari fir-rigward tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni, ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom jiġu aġġornati u applikati bl-aktar mod xieraq, inkluż bl-użu ta' teknoloġiji ġodda għall-komunikazzjoni mill-bogħod u permezz tat-titjib tad-disponibbiltà tal-Internet u billi jiġi żgurat l-użu raġonevoli ta' dan abbord, sabiex titjieb l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(13)

Id-drittijiet tal-baħħara koperti minn din id-Direttiva, li huma mogħtija mill-Istati Membri fil-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE, 2002/14/KE, 98/59/KE u 2001/23/KE ma għandhomx jiġu affettwati. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhiex isservi biex tiġġustifika xi rigressjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni li diġà tipprevali f'kull wieħed mill-Istati Membri.

(14)

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għandha l-għan kemm li tikseb kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-baħħara billi tipprevedi standards għas-saħħa u s-sigurtà, regoli ġusti ta' impjieg u taħriġ professjonali, kif ukoll li tikseb kompetizzjoni ġusta għas-sidien tal-bastimenti permezz tal-applikazzjoni globali tagħha kif ukoll li tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi fuq livell internazzjonali fir-rigward ta' wħud mid-drittijiet, iżda mhux kollha, tal-impjegati, irrispettivament min-nazzjonalità jew il-bandiera tal-bastiment. Dik il-Konvenzjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE (9) u d-Direttivi 2009/16/KE (10) u 2013/54/UE (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxu d-drittijiet tal-baħħara għal kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti fuq firxa wiesgħa ta' oqsma, jipprovdu drittijiet u protezzjoni koerenti għall-baħħara fuq ix-xogħol, u jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet ekwi inkluż fl-Unjoni.

(15)

L-Unjoni għandha tħabbrek biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-bastimenti, u biex tisfrutta l-potenzjal għall-innovazzjoni sabiex tagħmel lis-settur marittimu aktar attraenti għall-baħħara tal-Unjoni, inklużi ħaddiema żgħażagħ.

(16)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-baħħara u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tagħhom, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan.

(17)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fl-impriża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u ma' dawk il-prinċipji.

(18)

Għaldaqstant, id-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE, 2002/14/KE, 98/59/KE u 2001/23/KE għandhom jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva 2008/94/KE

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/94/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Fejn tali dispożizzjoni diġà tapplika fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, is-servi domestiċi impjegati minn persuna fiżika.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2009/38/KE

Id-Direttiva 2009/38/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jitħassar il-paragrafu 7;

(2)

fl-Artikolu 10(3), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Membru ta' korp speċjali tan-negozjati jew ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħol, jew is-supplenti ta' tali membru, li huwa membru tal-ekwipaġġ ta' bastiment tal-baħar, għandu jkun intitolat li jipparteċipa f'laqgħa tal-korp speċjali tan-negozjati jew tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħol, jew f'kull laqgħa oħra taħt kwalunkwe proċedura stabbilita skont l-Artikolu 6(3), meta dak il-membru jew is-supplenti ma jkunx fuq il-baħar jew f'port f'pajjiż ieħor għajr dak fejn hija domiċiljata l-kumpanija tat-tbaħħir, meta sseħħ il-laqgħa.

Il-laqgħat għandhom ikunu skedati, meta jkun prattikabbli, biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' membri jew supplenti, li jkunu membri tal-ekwipaġġi ta' bastimenti tal-baħar.

F'każijiet fejn membru ta' korp speċjali tan-negozjati jew ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħol, jew is-supplenti ta' tali membru, li huwa membru tal-ekwipaġġ ta' bastiment tal-baħar, ma jkunx jista' jattendi laqgħa, għandha titqies il-possibbiltà li jintużaw, fejn jista' jkun, teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.”.

Artikolu 3

Emenda għad-Direttiva 2002/14/KE

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2002/14/KE huwa mħassar.

Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 98/59/KE

Id-Direttiva 98/59/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(2), jitħassar il-punt (c);

(2)

fl-Artikolu 3(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara t-tieni subparagrafu:

“Meta s-sensji kollettivi previsti jkunu jikkonċernaw lil membri tal-ekwipaġġ ta' bastiment tal-baħar, min jimpjega għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera mtajra mill-bastiment.”.

Artikolu 5

Emenda għad-Direttiva 2001/23/KE

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2001/23/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal trasferiment ta' bastiment tal-baħar li huwa parti minn trasferiment ta' impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju fis-sens tal-paragrafi 1 u 2, dment li min lilu jsir it-trasferiment jinsab, jew l-impriża, in-negozju, jew parti minn impriża jew negozju ttrasferiti jibqgħu, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tat-Trattat.

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika fejn l-oġġett tat-trasferiment jikkonsisti esklużivament minn bastiment tal-baħar wieħed jew aktar.”.

Artikolu 6

Livell ta' protezzjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva taħt l-ebda ċirkostanza ma tikkostitwixxi raġuni għal tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-persuni koperti minn din id-Direttiva, diġà mogħtija mill-Istati Membri fl-oqsma koperti bid-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE, 2002/14/KE, 98/59/KE u 2001/23/KE.

Artikolu 7

Rapportar mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u s-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 sal-10 ta' Ottubru 2019.

Artikolu 8

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sal-10 ta' Ottubru 2017. Huma għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp ta' applikazzjoni kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta' Ottubru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 35.

(2)  ĠU C 174, 7.6.2014, p. 50.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2015.

(4)  Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta' min iħaddimhom (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36).

(5)  Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).

(6)  Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).

(7)  Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar sensji kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).

(8)  Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).

(9)  Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta' Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30).

(10)  Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(11)  Direttiva 2013/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar ċerti responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-konformità mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006 u l-infurzar tagħha (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 1).


Top