EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1234

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1234/2014 tat- 18 ta’ Novembru 2014 li jemenda l-Annessi IIIB, V u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta' skart Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 332, 19.11.2014, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1234/oj

19.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1234/2014

tat-18 ta’ Novembru 2014

li jemenda l-Annessi IIIB, V u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta' skart

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 58(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-ħdax-il laqgħa tagħha li ltaqgħet bejn it-28 ta' April u l-10 ta' Mejju 2013 f'Ġinevra, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom (“Konvenzjoni ta' Basilea”) adottat id-deċiżjoni BC-11/6 li temenda l-Anness IX tal-Konvenzjoni ta' Basilea. L-Anness IX tal-Konvenzjoni ta' Basilea huwa elenkat fl-Anness V, il-Parti 1, l-Elenku B tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. L-emenda, li tinkludi żewġ entrati tal-iskart ġodda, issir effettiva mal-iskadenza ta' sitt xhur mis-26 ta' Novembru 2013 f'konformità mal-Artikolu 18(2)(b) tal-Konvenzjoni ta' Basilea.

(2)

Il-flussi tal-iskart deskritti biż-żewġ entrati l-ġodda B3026 u B3027 jikkorrispondu ma' dawk ta' tliet entrati eżistenti tal-Anness IIIB tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Dawk l-entrati huma BEU01, BEU02 u BEU03. L-ewwel u t-tieni subinċiżi tal-entrata B3026 jikkorrispondu mal-entrati BEU02 u BEU03, rispettivament. L-entrata B3027 tikkorrispondi mal-entrata BEU01.

(3)

Biex tiqies id-deċiżjoni BC-11/6, l-entrati B3026 u B3027 jeħtieġ li jiddaħħlu fl-Anness V, il-Parti 1, l-Elenku B tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Fl-istess waqt, l-entrati BEU01, BEU02 u BEU03 għandhom jitħassru mill-Anness IIIB tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, li fih skart mhux klassifikat fuq bażi proviżorja sakemm toħroġ deċiżjoni fuq l-inklużjoni tiegħu fl-Annessi relevanti tal-Konvenzjoni ta' Basilea jew tad-Deċiżjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku.

(4)

Fl-istess laqgħa, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea adottata bid-deċiżjoni BC-11/15 it-taqsimiet 1, 2, 4 u 5 tad-dokument ta' gwida dwar il-ġestjoni ambjentalment b'saħħitha ta' tagħmir tal-kompjuter użat u li ma għadux jintuża. Wara din l-adozzjoni, l-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu jiġi aġġornat skont dan.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi IIIB, V u VII tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mis-26 ta' Mejju 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).


ANNESS

L-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huma emendati kif ġej:

1.

Fl-Anness IIIB, l-entrati BEU01, BEU02 u BEU03 huma mħassrin mill-punt 2.

2.

Fl-Anness V, il-Parti 1, l-Elenku B iż-żewġ entrati li ġejjin huma mdaħħla wara l-entrata B3020:

“B3026

L-iskart li ġej mit-trattament ta' qabel ta' ppakkjar kompost għal-likwidi, li ma fihx materjali tal-Anness I f'konċentrazzjonijiet biżżejjed biex ikunu manifestati karatteristiċi tal-Anness III:

Frazzjoni ta' plastik mhux separabbli

Frazzjoni ta' plastik-aluminju mhux separabbli

B3027

Skart ta' laminat ta' tikketti li jeħlu weħidhom li fih materja prima użata fil-produzzjoni tal-materjal tat-tikketti”

.

3.

L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Punt 1.14 jinbidel b'dan li ġej:

“14.

Id-Dokument ta' Gwida dwar l-Immaniġġar Ambjentalment San ta' Tagħmir tal-Kompjuter Użat u li ma Għadux Jintuża, it-Taqsimiet 1, 2, 4 u 5 (1).

(1)  Adottati mill-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, it-28 ta' April sal-10 ta' Mejju 2013.”"

(b)

It-tieni entrata fil-punt II hija sostitwita b'dan li ġej:

“Kompjuters personali użati u skartati (2)

(2)  Adottata mill-Kumitat tal-Politika tal-Ambjent tal-OECD fi Frar tal-2003 (id-dokument ENV/EPOC/WGWPR(2001)3/FINAL).”"


(1)  Adottati mill-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, it-28 ta' April sal-10 ta' Mejju 2013.”

(2)  Adottata mill-Kumitat tal-Politika tal-Ambjent tal-OECD fi Frar tal-2003 (id-dokument ENV/EPOC/WGWPR(2001)3/FINAL).””


Top