EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0729

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 729/2014 tal- 24 ta' Ġunju 2014 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (Riformulazzjoni)

OJ L 194, 2.7.2014, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/729/oj

2.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 729/2014

tal-24 ta' Ġunju 2014

dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(Riformulazzjoni)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (1) ġie emendat bosta drabi b'mod sostantiv (2). Ladarba jridu jsiru aktar emendi, għandu jiġi riformulat għal aktar ċarezza.

(2)

Skond l-Artikolu 128(2) tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu joħorġu muniti tal-euro bl-approvazzjoni tal-Bank Ċentrali Europew (BĊE) dwar il-volum tal-ħruġ. Il-Kunsill, wara proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-BĊE, jista' jadotta miżuri biex jiġu armonizzati d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti kollha maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni safejn dawn ikunu meħtieġa biex tkun possibbli ċ-ċirkolazzjoni bla xkiel tagħhom fl-Unjoni.

(3)

Il-karti ta' flus euro għandhom firxa minn 5 sa 500 euro. Jeħtieġ li d-denominazzjonijiet tal-karti ta' flus u tal-muniti jippermettu li ħlasijiet bi flus kontanti ta' ammonti espressi f'euro u f'ċenteżmi tiegħu jkunu ffaċilitati.

(4)

Is-sistema ta' munita unika tal-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-fiduċja pubblika u tinvolvi innovazzjonijiet teknoloġiċi li jiżguraw li tkun sistema fiż-żgur, affidabbli u effiċjenti.

(5)

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tas-sistema tal-muniti tal-Unjoni hija li l-pubbliku jaċċetta s-sistema. Il-fiduċja pubblika fis-sistema tiddependi mill-karatteristiċi fiżiċi tal-muniti tal-euro, li għandhom ikunu kemm jista' jkun faċli għal min jużahom.

(6)

Saru konsultazzjonijiet ma' għaqdiet tal-konsumaturi, mal-Unjoni tal-Għomja Ewropej u ma' rappreżentanti tal-industrija tal-magni awtomatiċi tal-bejgħ biex jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kategoriji importanti ta' utenti tal-muniti. Sabiex jiġi żgurat li l-bidla għall-euro ssir bla tfixkil u sabiex l-utenti jaċċettaw is-sistema tal-muniti b'iktar faċilità, kien meħtieġ li tingħata garanzija li jkun hemm distinzjoni bejn il-muniti permezz ta' karatteristiċi viżwali u tas sens tal-mess.

(7)

Il-muniti tal-euro jintgħarfu waħda mill-oħra iktar faċilment u huma eħfef biex jindraw minħabba r-rabta bejn id-dijametru u l-valur nominali tagħhom.

(8)

Huma meħtieġa ċerti karatteristiċi speċjali ta' sigurtà sabiex titnaqqas il-possibilità ta' frodi tal-muniti tal-euro u taż-żewġ euro minħabba l-valur għoli tagħhom. Muniti magħmula fi tliet saffi u t-taħlita ta' żewġ kuluri differenti f'munita huma meqjusa bħala l-karatteristiċi ta' sigurtà l-iktar effiċjenti li jeżistu.

(9)

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/27/KE (3) tillimita l-użu tan-nijkil f'ċerti prodotti peress li tagħraf li n-nijkil jista' jkun il-kawża ta' allerġiji taħt ċerti kondizzjonijiet. Il-muniti mhumiex koperti b'dik id-Direttiva. Madankollu, jidher li huwa mixtieq li jitnaqqas il-kontenut ta' nijkil fil-muniti għal raġunijiet ta' saħħa pubblika.

(10)

Il-fatt li l-muniti għandhom naħa Ewropea komuni u naħa nazzjonali li tiddistingwihom huwa espressjoni xierqa tal-idea tal-unjoni monetarja Ewropea bejn l-Istati Membri. Fuq in-naħat Ewropej komuni tal-muniti tal-euro hemm l-isem tal-munita unika kif ukoll id-denominazzjoni tal-munita. In-naħa nazzjonali m'għandhiex la tirrepeti l-isem tal-munita unika u lanqas id-denominazzjoni tal-munita.

(11)

Fuq in-naħa nazzjonali tal-munita għandu jkun hemm indikazzjoni ċara tal-isem tal-Istat Membru emittenti, sabiex min juża l-muniti u jkun interessat, ikun jista' faċilment jidentifika l-Istat Membru emittenti.

(12)

L-ittri fit-truf tal-muniti tal-euro għandhom jitqiesu parti min-naħa nazzjonali u għaldaqstant m'għandhomx jirrepetu kwalunkwe indikazzjoni tad-denominazzjoni, ħlief fil-każ tal-munita taż-żewġ euro, u sakemm jintużaw biss iċ-ċifra “2” jew il-kelma “euro” bl-alfabett rilevanti, jew jintużaw it-tnejn.

(13)

Id-deċiżjoni dwar id-disinji fuq in-naħa nazzjonali tal-muniti tal-euro tittieħed minn kull Stat Membru li l-munita tiegħu tkun l-euro, u f'din id-deċiżjoni għandu jitqies il-fatt li l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fiż-żona kollha tal-euro u mhux biss fl-Istat Membru emittenti. Sabiex jiġi żgurat li l-muniti jintgħarfu immedjatament bħala muniti tal-euro, anki min-naħa nazzjonali tagħhom, id-disinn għandu jkun imdawwar kompletament mit-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni.

(14)

Sabiex il-muniti għaċ-ċirkolazzjoni jkunu jistgħu jintgħarfu faċilment u sabiex ikun żgurat li jkun hemm kontinwità fiz-zekka, l-Istati Membri għandhom ikollhom il-permess li jibdlu d-disinji użati fuq in-naħa nazzjonali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni regolari darba kull 15-il sena biss, ħlief jekk jinbidel il-Kap tal-Istat li jidher fuq il-muniti. Madankollu, dan għandu jkun bla preġudizzju għat-tibdil li jkun meħtieġ biex jiġi evitat l-iffalsifikar tal-munita. It-tibdil fid-disinn tan-naħa Ewropea komuni tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandu jiġi deċiż mill-Kunsill u d-drittijiet tal-vot għandhom ikunu limitati għall-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro.

(15)

L-Istati Membri individwali għandu jkollhom il-permess li joħorġu muniti kommemorattivi biex jiċċelebraw suġġetti ta' rilevanza nazzjonali jew Ewropea ewlenija, filwaqt li muniti kommemorattivi maħruġa kollettivament mill-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro għandhom ikunu riservati għal suġġetti li jkollhom l-ogħla rilevanza Ewropea. Il-munita taż-żewġ euro hija d-denominazzjoni l-iktar xierqa għal dan il-għan, prinċipalment minħabba li għandha dijametru kbir u minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħha, li joffru protezzjoni xierqa kontra l-iffalsifikar.

(16)

Meta jitqies li l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fiż-żona kollha tal-euro, biex jiġi evitat l-użu ta' disinji mhux xierqa, l-Istati Membri emittenti għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' disinji għan-naħa nazzjonali tal-muniti tal-euro qabel id-data tal-ħruġ prevista. Il-Kummissjoni għandha tivverifika li d-disinji jkunu jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi ta' dan ir-Regolament. L-abbozz tad-disinji għandu jitressaq quddiem il-Kummissjoni f'biżżejjed żmien minn qabel li jippermetti lill-Istati Membri jimmodifikaw id-disinn jekk ikun meħtieġ.

(17)

Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni tad-disinji tan-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro biex jiġi evitat li jintagħżlu disinji li jistgħu jitqiesu mhux xierqa f'uħud mill-Istati Membri. Fid-dawl tal-fatt li huma l-Istati Membri li għandhom il-kompetenza fi kwistjoni daqstant sensittiva daqs id-disinn fuq in-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kunsill. Kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni li l-Kunsill jieħu fuq din il-bażi għandha tkun marbuta mill-qrib mal-atti adottati mill-Kunsill skont l-Artikolu 128(2) tat-Trattat. Għaldaqstant, fl-adozzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet mill-Kunsill għandha tapplika s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro, kif stabbilit fl-Artikolu 139(4) tat-Trattat. Il-proċedura għandha tippermetti lill-Istat Membru emittenti jimmodifika d-disinn meta u jekk ikun meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-serje ta' muniti euro tinkludi tmien denominazzjonijiet b'firxa minn ċenteżmu sa żewġ euro li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“muniti għaċ-ċirkolazzjoni” tfisser muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, li d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom huma msemmija fl-Artikolu 1;

(2)

“muniti regolari” tfisser muniti għaċ-ċirkolazzjoni esklużi l-muniti kommemorattivi;

(3)

“muniti kommemorattivi” tfisser muniti għaċ-ċirkolazzjoni li huma maħsuba biex jikkommemoraw suġġett speċifiku kif speċifikat fl-Artikolu 9.

Artikolu 3

Il-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandu jkollhom naħa Ewropea komuni u naħa nazzjonali li tiddistingwihom.

Artikolu 4

1.   In-naħa nazzjonali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni ma għandha tirrepeti l-ebda indikazzjoni tad-denominazzjoni tal-munita jew xi partijiet minnha. Hija m'għandhiex tirrepeti l-isem tal-munita unika jew xi sottodiviżjoni tagħha, sakemm din l-indikazzjoni ma tirriżultax minħabba l-użu ta' alfabett differenti.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-ittri fit-truf tal-munita taż-żewġ euro jistgħu jinkludu indikazzjoni tad-denominazzjoni, sakemm tintuża biss iċ-ċifra “2” jew il-kelma “euro” fl-alfabett rilevanti, jew jintużaw it-tnejn.

Artikolu 5

Fuq in-naħa nazzjonali tad-denominazzjonijiet kollha tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandu jkun hemm indikazzjoni tal-Istat Membru emittenti permezz tal-isem tal-Istat Membru, jew ta' abbrevjazzjoni tiegħu.

Artikolu 6

1.   Fuq in-naħa nazzjonali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandu jkun hemm ċirku ta' 12-il stilla li jdawwar kompletament id-disinn nazzjonali, inkluża l-marka tas-sena u l-indikazzjoni tal-isem tal-Istat Membru emittenti. Dan ma jżommx milli xi elementi tad-disinn jestendu lejn iċ-ċirku tal-istilel, sakemm l-istilel kollha jkunu ċari u kompletament viżibbli. It-12-il stilla għandhom jiġu stampati kif jidhru fuq il-bandiera tal-Unjoni.

2.   Id-disinji għan-naħa nazzjonali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jintgħażlu billi jitqies il-fatt li l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 7

1.   Tibdil fid-disinji użati għan-naħat nazzjonali tal-muniti regolari jista' jsir biss darba kull ħmistax-il sena, mingħajr preġudizzju għat-tibdill li jkun meħtieġ biex jiġi evitat l-iffalsifikar tal-munita.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, jista' jsir tibdil fid-disinji użati għan-naħat nazzjonali tal-muniti regolari meta jinbidel il-Kap ta' Stat li jkun jidher fuq il-munita. Madankollu, kariga temporanjament vakanti jew okkupazzjoni provviżorja tal-funzjoni tal-Kap ta' Stat ma jagħtu l-ebda dritt addizzjonali għal tibdil bħal dan.

Artikolu 8

L-Istati Membri emittenti għandhom jaġġornaw in-naħat nazzjonali tal-muniti regolari tagħhom sabiex jikkonformaw bis-sħiħ ma' dan ir-Regolament sal-20 ta' Ġunju 2062.

Artikolu 9

1.   Il-muniti kommemorattivi jkollhom disinn nazzjonali differenti minn dak li jidher fuq il-muniti regolari u jikkommemoraw biss suġġetti ta' rilevanza nazzjonali jew Ewropea ewlenija. Il-muniti kommemorattivi maħruġa kollettivament mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, jikkomemoraw biss suġġetti tal-ogħla rilevanza Ewropea u d-disinn tagħhom għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti kostituzzjonali possibbli ta' dawk l-Istati Membri.

2.   L-ittri fit-truf tal-muniti kommemorattivi jkunu l-istess bħal dawk fuq il-muniti regolari.

3.   Il-muniti kommemorattivi jista' jkollhom valur nominali ta' żewġ euro biss.

Artikolu 10

1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar l-abbozz tad-disinji tan-naħat nazzjonali ġodda tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni, inklużi l-ittri fit-truf, u, fil-każ tal-muniti kommemorattivi, dwar l-istima ta' volum ta' ħruġ, qabel l-approvazzjoni formali ta' dawk id-disinji.

2.   Is-setgħa biex jiġu approvati d-disinji, ġodda jew modifikati, għan-naħat nazzjonali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni hija mogħtija lill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata f'konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 sa 7.

Fit-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu jiġu sospiżi d-drittijiet tal-vot tal-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro.

3.   Għall-iskop tal-paragrafu 1, l-abbozzi tad-disinji tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jiġu ppreżentati mill-Istat Membru emittenti lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn li l-munita tagħhom tkun l-euro, bħala prinċipju mill-inqas tliet xhur qabel id-data ta' ħruġ ippjanata.

4.   Fi żmien sebat ijiem wara l-preżentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kwalunkwe Stat Membru li l-munita tiegħu tkun l-euro jista', f'opinjoni motivata indirizzata lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, iqajjem oġġezzjoni għall-abbozz ta' disinn propost mill-Istat Membru emittenti jekk dak id-disinn tal-abbozz x'aktarx li joħloq reazzjonijiet negattivi fost iċ-ċittadini.

5.   Fejn il-Kummissjoni tqis li l-abbozz ta' disinn ma jirrispettax ir-rekwiżiti tekniċi stipulati minn dan ir-Regolament, fi żmien sebat ijiem wara l-preżentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, hija tippreżenta valutazzjoni negattiva lill-Kunsill.

6.   Jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda opinjoni motivata jew valutazzjoni negattiva lill-Kunsill fl-iskadenza msemmija fil-paragrafi 4 u 5 rispettivament, jitqies li d-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tad-disinn tkun ġiet adottata mill-Kunsill fil-jum ta' wara d-data tal-iskadenza tal-perijodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 5.

7.   Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-Kunsill jiddeċiedi mingħajr dewmien dwar l-approvazzjoni tal-abbozz ta' disinn, sakemm, fi żmien sebat ijiem wara l-preżentazzjoni ta' opinjoni motivata jew ta' valutazzjoni negattiva, l-Istat Membru emittenti ma jirtirax l-abbozz tad-disinn li jkun ippreżenta u jinforma lill-Kunsill dwar l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta abbozz ġdid tad-disinn.

8.   L-informazzjoni rilevanti kollha dwar disinji ġodda tal-muniti nazzjonali għaċ-ċirkolazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

L-Artikoli 4, 5 u 6 u l-Artikolu 9(2):

(a)

ma japplikawx għall-muniti għaċ-ċirkolazzjoni li jkunu nħarġu jew ikunu ġew prodotti qabel id-19 ta' Ġunju 2012;

(b)

ma japplikawx, matul perijodu tranżizzjonali li jintemm fl-20 ta' Ġunju 2062, għad-disinji li diġà kienu qed jintużaw b'mod legali fuq il-muniti għaċ-ċirkolazzjoni fid-19 ta' Ġunju 2012.

Il-muniti għaċ-ċirkolazzjoni li jkunu nħarġu jew li jkunu ġew prodotti matul il-perijodu tranżizzjonali jistgħu jibqgħu valuta legali mingħajr limitu ta' żmien.

Artikolu 12

Ir-Regolament (KE) Nru 975/98 hu mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri, skont it-Trattati.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

E. VENIZELOS


(1)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6.

(2)  Ara l-Anness II.

(3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/27/KE tat-30 ta' Ġunju 1994 li temenda, għat-12-il darba d-Direttiva 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 188, 22.7.1994, p. 1).


ANNESS I

Speċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 1

Valur nominali (euro)

Dijametru f'mm

Ħxuna f'mm

Piż fi grammi

Għamla

Lewn

Kompożizzjoni

Tarf

2

25,75

2,20

8,5

Tonda

Il-parti ta' barra: bajda

Ram u nikil

(Cu75Ni25)

Bl-ittri fit-truf u ssingjata fin

Il-parti ta' ġewwa: safra

Tliet saffi:

nikil-ram isfar/nikil/nikilram isfar

(CuZn20Ni5/Ni12/CuZn20Ni5)

1

23,25

2,33

7,5

Tonda

Il-parti ta' barra: safra

Nikil-ram isfar

(CuZn20Ni5)

B'issingjar interrott

Il-parti ta' ġewwa: bajda

Tliet saffi:

Cu75Ni25/Ni7/Cu75Ni25

0,50

24,25

2,38

7,8

Tonda

Isfar

“Nordic Gold”

Cu89Al5Zn5Sn1

tarf iddisinjat bil-forma ta' arzell fin

0,20

22,25

2,14

5,7

Għamla ta' “Fjura Spanjola”

Isfar

“Nordic Gold”

Cu89Al5Zn5Sn1

Lixx

0,10

19,75

1,93

4,1

Tonda

Isfar

“Nordic Gold”

Cu89Al5Zn5Sn1

tarf iddisinjat bil-forma ta' arzell fin

0,05

21,25

1,67

3,9

Tonda

Aħmar

Azzar miksi bir-ram

Lixx

0,02

18,75

1,67

3

Tonda

Aħmar

Azzar miksi bir-ram

Lixx b'sing

0,01

16,25

1,67

2,3

Tonda

Aħmar

Azzar miksi bir-ram

Lixx


ANNESS II

Regolament imħassar flimkien ma' lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98

(ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/1999

(ĠU L 52, 27.2.1999, p. 2)

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 566/2012

(ĠU L 169, 29.6.2012, p. 8)


ANNESS III

Tabella ta' korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 975/98

Dan ir-Regolament

Artikolu 1, il-kliem introduttorju

Artikolu 1

Artikolu 1a

Artikolu 2

Artikolu 1b

Artikolu 3

Artikolu 1c

Artikolu 4

Artikolu 1d

Artikolu 5

Artikolu 1e

Artikolu 6

Artikolu 1f

Artikolu 7

Artikolu 1g

Artikolu 8

Artikolu 1h

Artikolu 9

Artikolu 1i

Artikolu 10

Artikolu 1j, il-kliem introduttorju, punt (a) u l-ewwel sentenza tal-punt (b)

Artikolu 11, l-ewwel paragrafu

Artikolu 1j, it-tieni sentenza tal-punt (b)

Artikolu 11, it-tieni paragrafu

Artikolu 12

Artikolu 2

Artikolu 13

Artikolu 1, tabella

Anness I

Anness II

Anness III


Top