EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0240

2014/240/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 14 ta' April 2014 li tikkonċerna l-estensjoni tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika

OJ L 128, 30.4.2014, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/240/oj

30.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/43


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' April 2014

li tikkonċerna l-estensjoni tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika

(2014/240/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186 flimkien mal-punt (v) tal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 98/591/KE (1), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika (“il-Ftehim”).

(2)

L-Artikolu 12(b) tal-Ftehim jistipula li l-Ftehim huwa konkluż għal perjodu inizjali ta' ħames snin u li jista' jiġi estiz, b'emendi possibbli, wara dan għal perjodi addizzjonali ta' ħames snin bi ftehim komuni bil-miktub bejn il-Partijiet.

(3)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/306/KE (2), il-Ftehim ġie estiż għal perjodu ieħor ta' ħames snin.

(4)

Il-Partijiet għall-Ftehim jikkunsidraw li l-estensjoni rapida tal-Ftehim tkun fl-interess reċiproku tagħhom.

(5)

Il-kontenut tal-Ftehim estiż għandu jkun identiku għall-kontenut tal-Ftehim li jiskadi fl-14 ta' Ottubru 2013.

(6)

L-estensjoni tal-Ftehim għandha għalhekk tkun approvata f'isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-estensjoni, għal perjodu addizzjonali ta' ħames snin, tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika lill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika li l-Unjoni lestiet il-proċeduri interni tagħha meħtieġa sabiex jiġi estiż il-Ftehim taħt il-punt (b) tal-Artikolu 12 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħmel in-notifika li ġejja:

“Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita kull dritt u tassumi kull obbligu tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, kull referenza għall-‘Komunità Ewropea’ fit-test tal-Ftehim għandha tinqara, fejn ikun il-każ, bħala referenza għall-‘Unjoni Ewropea’.”.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 98/591/KE tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-konklużjoni ta' ftehim għall-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 284, 22.10.1998, p. 35; Ħarġa Speċjali bil-Malti: Kap 11, Vol 29, p. 280).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/306/KE tat-30 ta' Marzu 2009 dwar l-estensjoni u l-modifikazzjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 90, 2.4.2009, p. 20).


Top