EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1053

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas- 7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas- 16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen

OJ L 295, 6.11.2013, p. 27–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/01/2023; Imħassar b' 32022R0922

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1053/oj

6.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/27


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1053/2013

tas-7 ta’ Ottubru 2013

li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi,

(1)

Iż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni tibbaża fuq l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ miżuri akkumpanjanti mill-Istati Membri fl-oqsma tal-fruntieri esterni, tal-politika tal-viża, tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, il-protezzjoni tad-dejta, tal-koperazzjoni tal-pulizija, tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u tal-politika dwar id-drogi.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 (2) (SCH/Com-ex (98) 26 def) (minn hawn ‘il quddiem “id-Deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 1998”), kien ġie stabbilit Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen. Il-Kumitat Permanenti ngħata l-mandat, l-ewwel nett, biex jistabbilixxi jekk kinux sodisfatti l-prekundizzjonijiet kollha biex jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni ma’ Stat kandidat u, it-tieni nett, biex jiġi żgurat li l-acquis ta’ Schengen ikun applikat kif suppost mill-Istati li diġà qed jimplimentawh b’mod sħiħ.

(3)

Huwa neċessarju mekkaniżmu speċifiku ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen minħabba l-bżonn li jkunu żgurati standards uniformi għolja fl-applikazzjoni tiegħu fil-prattika u li jinżamm livell għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn dawk l-Istati Membri li jagħmlu parti minn żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri. Tali mekkaniżmu għandu jkun ibbażat fuq il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u dawk l-Istati Membri.

(4)

Il-Programm tal-Aja (3) stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, malli tkun kompjuta t-tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, proposta li tissupplimenta l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni eżistenti ta’ Schengen b’mekkaniżmu ta’ monitoraġġ, li jiżgura l-involviment sħiħ tal-esperti tal-Istati Membri, u li jkun jinkludi ispezzjonijiet għall-għarrieda.

(5)

Il-Programm ta’ Stokkolma (4) jikkunsidra li l-evalwazzjoni taż-żona Schengen se tkompli tkun ta’ importanza ewlenija u li għalhekk għandha tittejjeb billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Unjoni Ewropea (Frontex), stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (5), f’dan il-qasam.

(6)

Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 1998 għandu għalhekk jiġi rivedut u d-Deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 1998 għandha titħassar.

(7)

L-esperjenza miksuba matul l-evalwazzjonijiet preċedenti turi l-bżonn li jinżamm mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni koerenti li jkopri l-oqsma kollha tal-acquis ta’ Schengen ħlief dawk fejn mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni speċifiku diġà jeżisti taħt il-liġi tal-Unjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-evalwazzjoni oġġettiva u imparzjali tal-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għandha ssir mill-Istati Membri f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni. Biex ikun effiċjenti, proċess adegwat ta’ evalwazzjoni għandu jinkludi segwitu u monitoraġġ adegwati tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li għandhom ikunu żgurati mill-Kummissjoni.

(9)

Barra minn hekk, biex il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni jkun aktar effiċjenti, għandhom jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, xi setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni u oħrajn fuq il-Kunsill.

(10)

Is-setgħat għat-tħejjija u l-ippjanar tal-evalwazzjonijiet u s-setgħa għall-adozzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni. Għadd minn dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (6). Fid-dawl tat-termini tal-Artikolu 2(2)(b)(iii) ta’ dak ir-Regolament, hija applikabbli l-proċedura ta’ eżami għall-adozzjoni ta’ dawk l-atti.

(11)

Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, biex ikun żgurat li dawn jiġu kkoordinati aħjar fil-livell tal-Unjoni u biex tiġi rinforzata l-pressjoni bejn il-pari fosthom, għandha tiġi kkonferita lill-Kunsill s-setgħa implimentattiva biex tadotta r-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni rimedjali maħsuba biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas identifikat fir-rapporti ta’ evalwazzjoni. Tali setgħa ta’ implimentazzjoni tirrifletti s-setgħat speċifiċi kkonferiti lill-Kunsill, taħt l-Artikolu 70 tat-TFUE, fil-qasam ta’ evalwazzjoni reċiproka tal-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Hija tirrifletti b’mod adegwat il-fini ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni bbażat fuq dan il-lex specialis, li huwa, f’dan il-qasam partikolari, u b’mod parallel mas-setgħa ġenerali tal-Kummissjoni biex tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ proċeduri relattivi għal infrazzjonijiet, li jwettaq funzjoni komplementarja ta’ monitoraġġ tal-effikaċja tal-implimentazzjoni prattika tal-politika tal-Unjoni permezz ta’ reviżjoni mill-pari.

Barra minn hekk, tali setgħa ta’ implimentazzjoni kkonferita fuq il-Kunsill tikkontribwixxi biex jingħata effett lix-xewqa tal-Kunsill Ewropew, espressa fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, li l-kooperazzjoni fiż-żona ta’ Schengen tissaħħaħ ulterjorment permezz tat-titjib tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, u li l-Istati Membri jkunu responsabbli għall-garanzija li r-regoli kollha ta’ Schengen jiġu applikati b’mod effettiv f’konformità mal-istandards komuni maqbula u mal-prinċipji u n-normi fundamentali. Tali setgħa ta’ implimentazzjoni tikkontribwixxi wkoll, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Marzu 2012, għat-titjib tal-governanza taż-żona ta’ Schengen permezz ta’ diskussjonijiet ta’ politika fil-livell Ministerjali dwar il-funzjonament tajjeb taż-żona ta’ Schengen, inklużi diskussjonijiet f’sitwazzjonijiet fejn ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jkunu wrew nuqqasijiet serji. Dawn id-diskussjonijiet, li jsiru fil-Kumitat Imħallat li jikkonsisti mill-Istati Membri tal-UE u l-Istati assoċjati ta’ Schengen, għandhom jassistu lill-Kunsill biex jieħu deċiżjonijiet fl-ambitu tal-kompetenzi tiegħu biex jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti taż-żona ta’ Schengen. Finalment, il-konferiment ta’ tali setgħa implimentattiva lill-Kunsill jieħu kont adegwatament tan-natura potenzjalment politikament sensittiva tar-rakkomandazzjonijiet, li spiss jirriferu għas-setgħat nazzjonali eżekuttivi u ta’ infurzar.

(12)

Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni għandu jistabbilixxi regoli trasparenti, effiċjenti u ċari dwar il-metodu li għandu jiġi applikat għall-evalwazzjonijiet, l-użu ta’ esperti bi kwalifiki għolja għal żjarat fuq il-post, u s-segwitu għall-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet. B’mod partikolari, il-metodu għandu jipprovdi għal żjarat fuq il-post mhux imħabbra biex jissupplimentaw iż-żjarat fuq il-post li jkunu mħabbra, partikolarment fir-rigward ta’ kontrolli fil-fruntieri u viżi.

(13)

Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ għandu jkopri l-aspetti kollha tal-acquis ta’ Schengen. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-fruntieri, il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ għandu jkopri kemm l-effiċjenza tal-kontrolli fil-fruntieri esterni kif ukoll in-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni.

(14)

Matul l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ għandha tingħata attenzjoni b’mod partikolari lir-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

(15)

L-evalwazzjoni għandha tiggarantixxi li l-Istati Membri japplikaw ir-regoli ta’ Schengen b’mod effettiv b’konformità ma’ prinċipji u normi fundamentali. Għalhekk il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni għandu jinkludi l-leġislazzjoni rilevanti u l-attivitajiet operattivi kollha li jikkontribwixxu għall-funzjonament ta’ żona mingħjar kontrolli fil-fruntieri interni.

(16)

Bil-ħsieb tat-tisħiħ tal-effikaċja u l-affidabbiltà tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni, għandu jittieħed kont fl-evalwazzjonijiet kollha tal-funzjonament korrett tal-awtoritajiet li japplikaw il-partijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen. Dak ser iżid il-kapaċità tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni biex jiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tar-regoli ta’ Schengen mill-Istati Membri f’konformità mal-prinċipji u n-normi fundamentali kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011. Dak ikun f’konformità mat-talba tal-Kunsill Ewropew, espressa fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 u t-2 ta’ Marzu 2012, li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni jindirizza l-funzjonament meħtieġ tal-istituzzjonijiet involuti fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

(17)

Il-Frontex għandha tappoġġa l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni, primarjament fil-qasam tal-analiżi tar-riskju relatat mal-fruntieri esterni. Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni għandu jkun jista’ jiddipendi ukoll mill-kompetenza esperta tal-għajnuna tal-Frontex fuq bażi ad hoc meta jsiru żjarat fuq il-post fil-fruntieri esterni.

(18)

Il-korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, bħall-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (‘Europol’), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (7), u l-Eurojust, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (8), għandhom, fejn ikun rilevanti, jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni fl-oqsma koperti mill-mandat tagħhom. Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni għandu wkoll, meta rilevanti, ikun jista’ jiddipendi mill-kompetenza esperta tal-korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni meta dawn jassistu fit-twettiq ta’ żjarat fuq il-post relatati ma’ oqsma tal-acquis ta’ Schengen koperti mill-mandat tal-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-UE. Pereżempju dan għandu jkun il-każ tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data, li fihom jistgħu jiġu involuti wkoll l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data.

(19)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-esperti ppreżentati bħala disponibbli għaż-żjarat fuq il-post ikollhom l-esperjenza meħtieġa u jkunu ħadu taħriġ speċifiku għal dan l-iskop, inkluż dak fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. Għandu jiġi pprovdut taħriġ xieraq mill-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji rilevanti, bħall-Frontex, u l-fondi għandhom isiru disponibbli għall-Istati Membri għal inizjattivi mmirati għal taħriġ speċifiku fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni u bl-iżvilupp ta’ dawn l-istrumenti.

(20)

Bil-ħsieb tar-rwol partikolari fdat lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali taħt l-aħħar sentenza tal-Artikolu 70 tat-TFUE, kif issottolinjat fil-punt (c) tal-Artikolu 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) fir-rigward tal-parlamenti nazzjonali, huwa meħtieġ jiġi previst li l-Kunsill u l-Kummissjoni jinformaw bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali dwar il-kontenut u r-riżultati tal-evalwazzjoni. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tippreżenta proposta biex temenda dan ir-Regolament, il-Kunsill, taħt l-Artikolu 19(7)(h) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew sabiex jikkunsidra l-opinjoni tiegħu, sa fejn possibbli, qabel ma jadotta t-test finali.

(21)

B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, kif anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, b’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill jiddeċiedi dwar dan ir-Regolament jekk hijiex se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(22)

Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonjiet tal-acquis ta’ Schengen (9).

(23)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonjiet tal-acquis ta’ Schengen (10).

(24)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Irlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (11) li jaqgħu fl-ispazju msemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (12) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(25)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13) li jaqgħu fl-ispazju msemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE applikabbli konġuntement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (14).

(26)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (15) li jaqgħu fl-ispazju msemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE applikabbli konġuntement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (16).

(27)

Ladarba, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-evalwazzjoni ta’ Ċipru tkun diġà nbdiet taħt id-Deiżjoni tas-16 ta’ Settembru 1998, dan ir-Regolament mhux ser japplika għal Ċipru sal-1 ta’ Jannar 2016.

(28)

Ladarba l-verifika f’konformità mal-proċeduri applikabbli tal-evalwazzjoni ta’ Schengen fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija diġà ġiet ikkompletata f’konformità mal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, il-verifika taħt l-Artikolu 1(b) ta’ dan ir-Regolament mhijiex se ssir fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri.

(29)

Esperti minn Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja għandhom madankollu jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, li jservi l-għanijiet li ġejjin:

(a)

il-verifika tal-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-Istati Membri li għalihom huwa japplika bis-sħiħ kif ukoll fl-Istati Membri li għalihom, f’konformità mal-Protokolli rilevanti annessi mat-TUE u mat-TFUE, l-acquis ta’ Schengen japplika in parti;

(b)

il-verifika li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen ikunu ġew sodisfatti f’dawk l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom ma tteħditx deċiżjoni tal-Kunsill li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta’ Schengen għandhom japplikaw bis-sħiħ jew parzjalment, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li l-evalwazzjoni tagħhom tkun diġà tlestiet fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-verifika msemmija fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 fir-rigward ta’ Stati Membri li fihom diġà jkunu bdew il-proċeduri ta’ evalwazzjoni fis-26 ta' Novembru 2013.

3.   Esperti mill-Istati Membri li, skont l-Att ta’ Adeżjoni rilevanti, ma japplikawx bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen għandhom madanakollu jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, “l-acquis ta’ Schengen” tfisser id-dispożizzjonijiet integrati fil-qafas tal-Unjoni taħt il-Protokoll Nru 19 anness mat-TUE u mat-TFUE, flimkien mal-atti li jibnu fuqhom jew li huma b’xi mod ieħor relatati magħhom.

Artikolu 3

Responsabbiltajiet

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ kif speċifikat f’dan ir-Regolament, bl-appoġġ tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni involuti fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

2.   Il-Kummissjoni għandha jkollha rwol ta’ koordinazzjoni ġenerali fir-rigward tal-istabbiliment tal-programmi ta’ evalwazzjoni annwali u pluriennali, l-abbozzar ta’ kwestjonarji u t-tfassil ta’ skedi ta’ żjarat, it-twettiq ta’ żjarat u l-abbozzar ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni u ta’ rakkomandazzjonijiet. Hi għandha tiżgura wkoll is-segwitu u l-monitoraġġ tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet b’konformità mal-Artikolu 16.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-evalwazzjonijiet sabiex iwettqu l-kompiti fdati lilhom taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Evalwazzjonijiet

1.   L-evalwazzjonijiet jistgħu jkopru l-aspetti kollha tal-acquis ta’ Schengen, inkluża l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-miżuri akkumpanjanti mill-Istati Membri fl-oqsma tal-fruntieri esterni, il-politika tal-viża, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, il-protezzjoni tad-dejta, il-kooperazzjoni tal-pulizija, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, kif ukoll in-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni. L-evalwazzjonijiet kollha għandhom jieħdu kont tal-funzjonament tal-awtoritajiet li japplikaw il-partijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen, kif stabbilit f’dan il-paragrafu.

2.   L-evalwazzjonijiet jistgħu jikkonsistu fi kwestjonarji u fi żjarat fuq il-post li jistgħu jiġu mħabbra jew le. Iż-żjarat fuq il-post imħabbra għandhom ikunu preċeduti minn kwestjonarju. Fejn xieraq, iż-żjarat fuq il-post u l-kwestjonarji jistgħu jintużaw jew b’mod indipendenti jew b’mod kombinat fl-evalwazzjoni ta’ Stati Membri speċifiċi u/jew oqsma speċifiċi.

3.   Kemm il-kwestjonarji kif ukoll iż-żjarat fuq il-post jistgħu jiġu supplimentati minn preżentazzjonijiet mill-Istat Membru evalwat dwar il-qasam kopert mill-evalwazzjoni.

Artikolu 5

Programm ta’ evalwazzjoni pluriennali

1.   Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali li jkopri perijodu ta’ ħames snin għandu jkun stabbilit mill-Kummissjoni, fejn xieraq wara konsultazzjoni mal-Frontex u l-Europol, mhux aktar tard minn sitt xhur qabel il-bidu tal-perijodu sussegwenti ta’ ħames snin. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2). Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Kull Stat Membru għandu jiġi evalwat matul kull perijodu ta’ ħames snin kopert minn programm ta’ evalwazzjoni pluriennali. Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali għandu jelenka l-ordni tal-Istati Membri li jkunu ser jiġu evalwati kull sena. L-ordni li fiha għandhom ikunu evalwati l-Istati Membri għandha tieħu kont taż-żmien li jkun għadda mill-evalwazzjoni preċedenti u l-bilanċ bejn il-partijiet differenti tal-acquis ta’ Schengen li għandhom ikunu evalwati.

3.   Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali jista’ jiġi adattat, fejn meħtieġ, taħt il-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali jista’ jkun fih referenza għal evalwazzjonijiet tematiċi kif imsemmi fl-Artikolu 6(1)(b).

5.   L-ewwel programm ta’ evalwazzjoni pluriennali għandu jiġi stabbilit sas-27 ta' Mejju 2014. Id-data tal-bidu ta’ dak il-programm għandha tkun is-27 ta' Novembru 2014 u d-data tat-tmiem għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 6

Programm ta’ evalwazzjoni annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ta’ evalwazzjoni annwali sal-31 ta’ Ottubru tas-sena li tippreċedi dik li għaliha jirriferi l-programm, b’kont partikolarment meħud tal-analiżi tar-riskju pprovduta mill-Frontex f’konformità mal-Artikolu 7 u, fejn xieraq, l-informazzjoni pprovduta mill-Europol u minn korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari f’konformità mal-Artikolu 8.

Il-programm ta’ evalwazzjoni annwali għandu jinkludi proposti għall-evalwazzjoni ta’:

(a)

l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen jew partijiet tiegħu minn Stat Membru wieħed, kif speċifikat fil-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali; u

(b)

fejn rilevanti, l-applikazzjoni ta’ partijiet speċifiċi tal-acquis ta’ Schengen f’diversi Stati Membri (jiġifieri evalwazzjonijiet tematiċi).

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-ewwel taqsima tal-programm ta’ evalwazzjoni annwali, inkluż skeda ta’ żmien proviżorja taż-żjarat fuq il-post. Dik it-taqsima għandha telenka l-Istati Membri li għandhom ikunu evalwati fis-sena sussegwenti f’konformità mal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali, l-oqsma li għandhom ikunu evalwati u ż-żjarat fuq il-post. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2). Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Il-Kummissjoni għandha tabbozza u tadotta t-tieni taqsima tal-programm ta’ evalwazzjoni annwali. Dik it-taqsima għandha telenka ż-żjarat fuq il-post mhux imħabbra li għandhom jitwettqu fis-sena sussegwenti. Hija għandha tiġi kkunsidrata kunfidenzjali u m’għandhiex tiġi kkomunikata.

4.   Il-programm ta’ evalwazzjoni annwali jista’ jiġi adattat, jekk meħtieġ, f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

5.   L-ewwel programm ta’ evalwazzjoni annwali għandu jiġi stabbilit sas-27 ta' Mejju 2014. Id-data tal-bidu ta’ dak il-programm għandha tkun is-27 ta' Novembru 2014 u d-data tat-tmiem għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 7

Analiżi tar-riskju tal-Frontex

1.   Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, il-Frontex għandha tippreżenta analiżi tar-riskju lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri skont il-mandat tagħha. Tali analiżi tar-riskju għandha tieħu kont, fost l-oħrajn, l-immigrazzjoni illegali u bidliet sinifikanti fl-ambjent operattiv fil-fruntieri esterni, u għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar prijoritajiet għall-evalwazzjonijiet fis-sena sussegwenti. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jirriferu għal taqsimiet speċifiċi tal-fruntieri esterni u għal punti speċifiċi ta’ qsim fil-fruntieri li għandhom ikunu evalwati fis-sena sussegwenti taħt il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali. Il-Kummissjoni għandha tibgħat mingħajr dewmien l-analiżi tar-riskju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, il-Frontex għandha tippreżenta lill-Kummissjoni analiżi tar-riskju separata li tkun distinta minn dik imsemmija fil-paragrafu 1, li għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar prijoritajiet għall-evalwazzjonijiet li għandhom ikunu implimentati permezz ta’ żjarat mhux imħabbra fuq il-post fis-sena sussegwenti, irrispettivament mill-ordni li fiha l-Istati Membri għandhom jiġu evalwati kull sena, kif stabbilit fil-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali taħt l-Artikolu 5(2). Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jirrigwardaw kwalunkwe reġjun jew qasam speċifiku u għandhom jinkludu lista ta’ mill-inqas għaxar taqsimiet speċifiċi tal-fruntieri esterni u mill-inqas għaxar punti speċifiċi ta’ qsim tal-fruntiera. Il-Kummissjoni tista’ f’kull ħin titlob lill-Frontex biex tippreżentalha analiżi tar-riskju b’rakkomandazzjonijiet ta’ evalwazzjonijiet li jridu jiġu implimentati fil-forma ta’ żjarat mhux imħabbra fuq il-post.

3.   L-analiżi tar-riskju, imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, li għandhom ikunu pprovduti mill-Frontex, għandhom jiġu ppreżentati għall-ewwel darba lill-Kummissjoni mhux aktar tard mis-27 ta' Frar 2014.

Artikolu 8

Analiżi tar-riskju minn korpi, uffiċċji u aġenziji, barra l-Frontex, tal-Unjoni

Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, titlob korpi, uffiċċji u aġenziji, barra l-Frontex, tal-Unjoni, li huma involuti fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, biex jagħmlu analiżi tar-riskju, anke dwar il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, sa fejn dawn jistgħu jimminaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri. Dawn l-analiżi jistgħu jintużaw għat-tħejjija tal-programmi ta’ evalwazzjoni annwali.

Artikolu 9

Kwestjonarju

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi u taġġorna kwestjonarju standard f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Il-Frontex u l-Europol jistgħu jiġu kkonsultati dwar l-abbozz tal-kwestjonarju standard. Il-kwestjonarji standard għandu jkopri l-leġislazzjoni rilevanti, ir-rakkomandazzjonijiet maqbula b’mod komuni u l-aħjar prattiċi, b’mod partikolari kif iddikjarat fil-katalogi ta’ Schengen, u l-mezzi organizzattivi u tekniċi disponibbli għall-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u d-dejta statistika disponibbli għal kull qasam tal-evalwazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2).

2.   Sal-1 ta’ Lulju kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-kwestjonarju standard lil dawk l-Istati Membri li għandhom jiġu evalwati fis-sena sussegwenti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju fi żmien tmien ġimgħat mill-komunikazzjoni tal-kwestjonarju. Il-Kummissjoni għandha tagħmel it-tweġibiet disponibbli għal Stati Membri oħra u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bit-tweġibiet. Jekk il-Parlament Ewropew jitlob dan, partikolarment minħabba l-gravità tal-kwistjoni, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-każ speċifiku u f’konformità mar-regoli applikabbli dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew bil-kontenut ta’ tweġiba speċifika.

Artikolu 10

Gruppi responsabbli għal żjarat fuq il-post

1.   Tim li jkun responsabbli għal żjarat fuq il-post (it-“tim ta’ fuq il-post”) għandu jikkonsisti minn esperti maħtura mill-Istati Membri u minn rappreżentanti tal-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri biex jaħtru esperti li huma disponibbli għall-parteċipazzjoni fiż-żjarat rispettivi fuq il-post, filwaqt li jindikaw il-qasam ta’ kompetenza esperta tagħhom.

Fil-każ ta’ żjarat fuq il-post imħabbra, il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel ma tkun skedata li tibda ż-żjara fuq il-post, għandha tistieden lill-Istati Membri biex jaħtru l-esperti. L-Istati Membri għandhom jaħtru esperti fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievu dik l-istedina.

Fil-każ ta’ żjarat fuq il-post mhux imħabbra, il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel ma tkun skedata li tidba ż-żjara fuq il-post, għandha tistieden lill-Istati Membri biex jaħtru l-esperti. L-Istati Membri għandhom jaħtru esperti fi żmien 72 siegħa minn meta jirċievu din l-istedina.

3.   L-għadd massimu ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni li jipparteċipaw fi żjara fuq il-post għandu jkun tnejn. L-għadd massimu ta’ esperti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fi żjara fuq il-post imħabbra għandu jkun tmienja, u sitta għal żjara fuq il-post mhux imħabbra.

Jekk l-esperti maħtura mill-Istati Membri jeċċedu l-għadd massimu rilevanti stabbilit fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, għandha taħtar il-membri tat-tim abbażi ta’ bilanċ ġeografiku u l-kompetenzi tal-esperti.

4.   L-esperti tal-Istati Membri ma jistgħux jieħdu sehem f’missjoni ta’ evalwazzjoni li tinkludi żjara fuq il-post fl-Istat Membru li fih huma jkunu impjegati.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-Frontex, lill-Europol, jew lil korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni li jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen biex jaħtru rappreżentant biex jieħu sehem bħala osservatur fi żjara fuq il-post dwar qasam kopert mill-mandat tagħhom.

6.   L-esperti li jmexxu tim ta’ fuq il-post għandhom ikunu rappreżentant tal-Kummissjoni u espert minn Stat Membru, li għandhom jinħatru b’mod konġunt mill-membri ta’ dak it-tim mill-aktar fis possibbli wara li t-tim ikun ġie stabbilit. L-esperti li jmexxu għandhom jinħatru fi żmien debitu qabel ma jiġi stabbilit il-programm imsemmi fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 11

Timijiet responsabbli għal evalwazzjonijiet abbażi ta’ kwestjonarju

1.   Fejn kwestjonarju jintuża b’mod indipendenti, jiġifieri mingħajr ma jkun segwit minn żjara fuq il-post kif imsemmi fl-Artikolu 4(2), it-tim responsabbli għall-evalwazzjoni tat-tweġibiet għall-kwestjonarju (it-“tim tal-kwestjonarju”) għandu jikkonsisti minn esperti mill-Istati Membri u rappreżentanti tal-Kummissjoni.

2.   Meta l-kwestjonarju jintbagħat lill-Istat Membru sabiex jiġi evalwat, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri biex jaħtru esperti li huma disponibbli biex jipparteċipaw fl-evalwazzjoni, u jindikaw il-qasam ta’ kompetenza esperta tagħhom. L-Istati Membri għandhom jaħtru esperti fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievu din l-istedina. L-esperti għandhom jinħatru f’konformità mal-Artikolu 10(3) u (4).

Artikolu 12

Esperti

L-esperti li jipparteċipaw fl-evalwazzjonijiet għandu jkollhom kwalifiki adegwati, inklużi konoxxenza teoretika solida u esperjenza prattika fl-oqsma koperti mill-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni, flimkien ma’ konoxxenza tajba tal-prinċipji ta’ evalwazzjoni, proċeduri u tekniki, u għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw b’mod effettiv b’lingwa komuni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, għandhom jiżguraw li l-esperti jirċievu taħriġ adatt, inkluż dak dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Artikolu 13

Kif isiru ż-żjarat fuq il-post

1.   It-timijiet ta’ fuq il-post għandhom jagħmlu l-attivitajiet preparatorji kollha meħtieġa sabiex jiżguraw l-effiċjenza, l-akkuratezza u l-konsistenza taż-żjarat fuq il-post.

2.   Il-programm dettaljat għal żjarat imħabbra fuq il-post għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti ewlenin u l-Istati Membri kkonċernati. L-Istati Membri għandhom jiġu infurmati dwar dak il-programm. Il-programm dettaljat għal żjarat mhux imħabbra fuq il-post għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jiġi kkonsultat u nnotifikat dwar l-iskeda ta’ żmien u l-programm dettaljat:

(a)

mill-inqas sitt ġimgħat qabel id-data ta’ żjara mħabbra fuq il-post;

(b)

mill-inqas 24 siegħa qabel żjara mhux imħabbra fuq il-post.

Iż-żjarat fuq il-post mhux imħabbra li jsiru fil-fruntieri interni għandhom isiru mingħajr notifika minn qabel lill-Istat jew Stati Membri kkonċernati. Għandhom jiġu stabbiliti linji gwida ġenerali dwar l-arranġamenti prattiċi għal dawn iż-żjarat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

3.   Kull membru tat-tim ta’ fuq il-post għandu jġorr identifikazzjoni li tawtorizzah biex jagħmel żjarat fuq il-post f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

4.   L-Istat Membru li jkun ser jiġi evalwat għandu jiżgura li t-tim ta’ fuq il-post ikun jista’ jeżerċita l-mandat tiegħu biex jivverifika l-attivitajiet fl-oqsma li għandhom jiġu evalwati. Huwa għandu, b’mod partikolari, jiżgura li t-tim ta’ fuq il-post jista’ jindirizza direttament lill-persuni rilevanti u jkollu aċċess għall-oqsma, bini u dokumenti kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni.

5.   L-Istat Membru li jkun ser jiġi evalwat għandu, b’kull mezz fis-setgħat legali tiegħu, jassisti lit-tim ta’ fuq il-post fit-twettiq tal-kompitu tiegħu.

6.   Fil-każ ta’ żjarat fuq il-post imħabbra, il-Kummissjoni għandha tipprovdi minn qabel l-ismijiet tal-esperti fit-tim ta’ fuq il-post lill-Istat Membru li jkun ser jiġi evalwat. Dak l-Istat Membru għandu jaħtar punt ta’ kuntatt biex isiru l-arranġamenti prattiċi għaż-żjara fuq il-post.

7.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-arranġamenti tal-ivvjaġġar meħtieġa lejn u mill-Istat jew Stati Membri li jkunu ser jiġu evalwati għall-esperti rispettivi tagħhom li qed jipparteċipaw fit-tim ta’ fuq il-post. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni għall-esperti li jkunu qed jieħdu sehem fiż-żjarat fuq il-post għandhom ikunu rifużi mill-Kummissjoni.

L-Istat jew Stati Membri li jkunu ser jiġu evalwati għandhom ikunu responsabbli biex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa ta’ akkomodazzjoni u biex jipprovdu t-trasport meħtieġ fuq il-post. Għal żjarat fuq il-post mhux imħabbra, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-arranġamenti tal-akkomodazzjoni għall-esperti.

Artikolu 14

Rapporti ta’ evalwazzjoni

1.   Għandu jitfassal rapport ta’ evalwazzjoni wara kull evalwazzjoni. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-konklużjonijiet taż-żjara fuq il-post u l-kwestjonarju, kif xieraq. Fil-każ ta’ żjara mħabbra fuq il-post, ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jitfassal mit-tim ta’ fuq il-post matul iż-żjara.

L-esperti tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jieħdu r-responsabbiltà sħiħa għall-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni u jiżguraw l-integrità u l-kwalità tiegħu. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, it-tim ta’ fuq il-post jew it-tim tal-kwestjonarju, skont il-każ, għandu jagħmel ħiltu biex isib kompromess.

2.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu janalizza l-aspetti kwalitattivi, kwantitattivi, operattivi, amministrattivi u organizzattivi, kif xieraq, u għandu kwalunkwe nuqqas identifikat matul l-evalwazzjoni.

3.   Għal kull konklużjoni fir-rapport ta’ evalwazzjoni għandha tingħata waħda mill-valutazzjonijiet segwenti:

(a)

konformi;

(b)

konformi iżda meħtieġ titjib;

(ċ)

mhux konformi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Istat Membru evalwat fi żmien sitt ġimgħat miż-żjara fuq il-post jew mir-riċezzjoni tat-tweġiba għall-kwestjonarju, skont il-każ. L-Istat Membru evalwat għandu jipprovdi l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni fi żmien ġimagħtejn mir-riċezzjoni tiegħu. Għandha ssir laqgħa ta’ abbozzar fuq it-talba tal-Istat Membru evalwat. Il-kummenti tal-Istat Membru evalwat jistgħu jiġu riflessi fl-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni.

5.   L-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni u l-kummenti dwaru mill-Istat Membru evalwat għandhom jiġu ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Istati Membri oħrajn li għandhom jiġu mistiedna jikkummentaw dwar it-tweġiba għall-kwestjonarju, l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni u l-kummenti tal-Istat Membru evalwat.

Abbażi ta’ dak, il-Kummissjoni, jekk meħtieġ wara li jkunu saru l-bidliet rilevanti għall-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni, għandha tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, r-rapport ta’ evalwazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2). Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 15

Rakkomandazzjonijiet

1.   Meta jabbozzaw ir-rapport ta’ evalwazzjoni u fid-dawl tal-konklużjonijiet u l-valutazzjonijiet inklużi f’dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni, l-esperti tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jabbozzaw rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet ta’ rimedju maħsuba biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas identifikat matul l-evalwazzjoni u jagħtu indikazzjoni tal-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll, fejn ikun il-każ, eżempji tal-aħjar prattika.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jadotta r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kunsill għandu jadotta r-rakkomandazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jibgħathom lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.

Artikolu 16

Segwitu u monitoraġġ

1.   Fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15, l-Istat Membru evalwat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u l-Kunsill pjan ta’ azzjoni biex jirrimedja kwalunkwe nuqqas identifikat fir-rapport ta’ evalwazzjoni. Jekk ir-rakkomandazzjonijiet jikkonkludu li l-Istat Membru evalwat qed jittraskura serjament l-obbligi tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi l-pjan ta’ azzjoni tiegħu fi żmien xahar mill-adozzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tibgħat tali pjan ta’ azzjoni lill-Parlament Ewropew.

2.   Wara li tikkonsulta t-tim ta’ fuq il-post jew it-tim tal-kwestjonarju, skont il-każ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-valutazzjoni tagħha dwar l-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni lill-Kunsill fi żmien xahar minn meta tirċievi l-pjan ta’ azzjoni mingħand l-Istat Membru evalwat. L-Istati Membri l-oħrajn għandhom ikunu mistiedna jikkummentaw fuq il-pjan ta’ azzjoni.

3.   L-Istat Membru evalwat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u minn hemm ‘il quddiem ikompli jagħmel dan kull tliet xhur sakemm il-pjan ta’ azzjoni jkun implimentat kollu kemm hu.

4.   Minkejja l-perijodu ta’ sitt xhur għar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni msemmi fil-paragrafu 3, jekk ir-rakkomandazzjonijiet jikkonkludu li l-Istat Membru evalwat ikun qed jittraskura serjament l-obbligi tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

5.   Skont il-gravità tan-nuqqasijiet identifikati u l-miżuri meħuda biex ikunu rrimedjati, il-Kummissjoni tista tippjana żjarat fuq il-post mill-ġdid imħabbra biex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tistieden mill-inqas erba’ esperti li jkunu pparteċipaw fiż-żjara fuq il-post biex jipparteċipaw fiż-żjara mill-ġdid. Il-Kummissjoni tista’ tistieden osservaturi sabiex jipparteċipaw fiż-żjara mill-ġdid fuq il-post. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-programm taż-żjara mill-ġdid. L-Istat Membru evalwat għandu jiġi nnotifikat dwar il-programm mill-inqas xahar qabel ma tkun ser issir iż-żjara mill-ġdid. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tiskeda żjarat mill-ġdid mhux imħabbra fuq il-post.

6.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni jew il-miżuri ta’ titjib imsemmija f’dan l-Artikolu.

7.   Jekk żjara fuq il-post tiżvela nuqqas serju li jkun meqjus li jikkostitwixxi theddida serja għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Parlament Ewropew jew ta’ Stat Membru, għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru mill-aktar fis possibbli.

8.   Fejn jinstab li l-Istat Membru huwa konformi, iżda fejn ir-rakkomandazzjonijiet fihom indikazzjonijiet għal titjib ulterjuri possibbli taħt l-Artikolu 14(3)(b), l-Istat Membru evalwat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-valutazzjoni tiegħu dwar implimentazzjoni possibbli ta’ tali indikazzjonijiet fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

Artikolu 17

Informazzjoni sensittiva

Il-membri tat-timijiet ta’ fuq il-post jew tat-timijiet tal-kwestjonarju għandhom iqisu kwalunkwe informazzjoni li jiksbu matul il-qadi ta’ dmirijiethom bħala kunfidenzjali. Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni mfassla wara ż-żjarat fuq il-post għandhom jiġu kklassifikati bħala EU RESTRICTED/RESTREINT UE skont ir-regoli ta’ sigurtà applikabbli. Il-klassifikazzjoni m’għandhiex teskludi li l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew. It-trasmissjoni u t-trattament tal-informazzjoni u dokumenti mibgħutin lill-Parlament Ewropew taħt dan ir-Regolament għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar it-trasmissjoni u t-trattament ta’ informazzjoni klassifikata li huma applikabbli bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat, għandha tiddeċiedi liema parti tar-rapport ta’ evalwazzjoni tista’ ssir pubblika.

Artikolu 18

Kondizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda

1.   L-esperti tar-Renju Unit u tal-Irlanda għandhom jipparteċipaw biss fl-evalwazzjoni tal-parti tal-acquis ta’ Schengen li fiha dawk l-Istati Membri ġew awtorizzati jipparteċipaw.

2.   L-evalwazzjonijiet, kif deskritti fl-Artikolu 4(1), għandhom ikopru biss l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti mir-Renju Unit u l-Irlanda tal-parti tal-acquis ta’ Schengen li fiha dawk l-Istati Membri ġew awtorizzati jipparteċipaw.

3.   Ir-Renju Unit u l-Irlanda għandhom jieħdu sehem biss fl-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill, kif previst fl-Artikolu 15(3), fir-rigward tal-parti tal-acquis ta’ Schengen li fiha dawk l-Istati Membri ġew awtorizzati jipparteċipaw.

Artikolu 19

Informazzjoni għall-parlamenti nazzjonali

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-parlamenti nazzjonali dwar il-kontenut u r-riżultati tal-evalwazzjoni li jsiru taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 20

L-irrappurtar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport komprensiv annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjonijiet li jsiru taħt dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jsir pubbliku u għandu jkun jinkludi l-informazzjoni dwar l-evalwazzjonijiet li jkunu saru matul is-sena preċedenti, dwar il-konklużjonijiet meħudin minn kull evalwazzjoni u dwar il-qagħda attwali fir-rigward ta’ azzjoni ta’ rimedju. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-parlamenti nazzjonali.

Artikolu 21

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu jkun applikabbli t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 22

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-operazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Kunsill fi żmien 6 xhur mill-adozzjoni tar-rapporti kollha fir-rigward tal-evalwazzjonijiet koperti mill-ewwel programm ta’ evalwazzjoni pluriennali msemmi fl-Artikolu 5(5). Tali reviżjoni għandha tkopri l-elementi kollha ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-funzjonament tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti taħt il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet transizzjonali u tħassir

Mingħajr preġudizzju għat-tieni u t-tielet paragrafi ta’ dan l-Artikolu, id-Deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 1998 hija b’dan imħassra mis-26 ta' Novembru 2013.

Il-Parti I tad-Deċiżjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkompli tapplika sal-1 ta’ Jannar 2016 fir-rigward tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Stati Membri li jkunu diġà bdew fis-26 ta' Novembru 2013.

Il-Parti II tad-Deċiżjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkompli tapplika sas-27 ta' Novembru 2014 fir-rigward tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Stati Membri li jkunu diġà bdew fis-26 ta' Novembru 2013.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BERNATONIS


(1)  Opinjoni tat-12 ta’ Ġunju 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 138 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 19, Vol 02, p. 122).

(3)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(4)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1; ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 136 (MT)).

(6)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 19 Vol 04, p. 197).

(9)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 19, Vol 01, p. 178).

(10)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 19, Vol 04, p. 211).

(11)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(12)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(13)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(14)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(15)  ĠU L 160, 18.5.2011, p. 21.

(16)  ĠU L 160, 18.5.2011, p. 19.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilqgħu l-adozzjoni tar-Regolament li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sabiex jipprevedi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali u tar-Regolament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Huma jemmnu li dawn il-mekkaniżmi l-ġodda jindirizzaw b'mod adegwat is-sejħa tal-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2011 għal titjib fil-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fiż-żona Schengen u għal sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni effettiva u affidabbli sabiex jiġi żgurat l-infurzar ta' regoli komuni u t-tisħiħ, l-adattament u l-estensjoni tal-kriterji bbażati fuq l-acquis tal-UE, filwaqt li jfakkru li l-fruntieri esterni tal-Ewropa għandhom jiġu ġestiti b'mod effettiv u konsistenti, abbażi ta' responsabbiltà komuni, solidarjetà u kooperazzjoni prattika.

Huma jiddikjaraw li din l-emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen ser issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni billi tipprevedi, min-naħa waħda, kriterji għal kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri mill-Istati Membri, u min-naħa l-oħra mekkaniżmu bbażat fl-UE li jirrispondi għal sitwazzjonijiet verament kritiċi fejn il-funzjonament ġenerali taż-żona titqiegħed fir-riskju jekk ma jkunx hemm kontrolli fil-fruntieri.

Huma jissottolinjaw li din is-sistema l-ġdida ta' evalwazzjoni hija mekkaniżmu bbażat fl-UE u li ser tkopri l-aspetti kollha tal-acquis ta' Schengen u tinvolvi esperti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u aġenziji rilevanti tal-UE.

Huma jifhmu li kwalunkwe proposta futura mill-Kummissjoni biex tiġi emendata din is-sistema ta' evalwazzjoni tiġi ppreżentata għall-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex jittieħed kont tal-opinjoni tagħha, bl-aktar mod sħiħ possibbli, qabel l-adozzjoni ta' test finali.


Top