EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0984

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 984/2013 tal- 14 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 273, 15.10.2013, p. 5–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/04/2017; Imħassar b' 32017R0459

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/984/oj

15.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 984/2013

tal-14 ta’ Ottubru 2013

li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(11) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 jistabbilixxi regoli nondiskriminatorji għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass naturali bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-gass.

(2)

Id-duplikazzjoni tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass f’ħafna mill-każijiet la hija ekonomika u lanqas effiċjenti. Għaldaqstant, il-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass naturali teħtieġ aċċess trasparenti u nondiskriminatorju għall-infrastruttura tal-gass mill-utenti kollha tan-netwerk. Madankollu, f’partijiet kbar mill-Unjoni, in-nuqqas ta’ aċċess ugwali u trasparenti għall-kapaċità ta’ trażmissjoni jibqa’ ostaklu kbir għall-ilħuq ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-operaturi. Barra minn hekk, il-fatt li r-regoli nazzjonali huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor ifixkel il-ħolqien ta’ suq intern li jaħdem tajjeb għall-gass.

(3)

L-użu ineffiċjenti tal-pipelines bi pressjoni għolja tal-Unjoni u l-aċċess limitat għalihom iwassal għal kundizzjonijiet tas-suq subottimali. Jeħtieġ li tiġi implimentata sistema ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni skarsi aktar trasparenti, effiċjenti u nondiskriminatorja għall-grilja tal-gass bi pressjoni għolja tal-Unjoni, biex b’hekk il-kompetizzjoni transfruntiera tkun tista’ tiżviluppa aktar u jkun hemm progress fl-integrazzjoni tas-suq. L-iżvilupp ta’ tali regoli kien konsistentement appoġġjat mill-partijiet interessati.

(4)

Il-ftuħ għal kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri kemm mill-Unjoni u kemm minn barra l-Unjoni jitlob li dawn ikunu jistgħu jużaw is-sistemi ta’ trażmissjoni eżistenti b’mod flessibbli biex jittrasportaw il-gass tagħhom skont is-sinjali tal-prezzijiet. Huwa biss netwerk ta’ grilji ta’ trażmissjoni interkonnessi li jaħdem sew u li joffri kundizzjonijiet ta’ aċċess ugwali għal kulħadd, li jippermetti lill-gass jgħaddi liberament madwar l-Unjoni. Dan imbagħad jattira lil aktar fornituri, iżid il-likwidità fil-hubs ta’ kummerċ, u jikkontribwixxi biex ikun hemm mekkaniżmi għall-iskoperta ta’ prezzijiet effiċjenti u għaldaqstant prezzijiet tal-gass ġusti li huma bbażati fuq il-prinċipju tad-domanda u l-provvista.

(5)

Dan ir-Regolament li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk għall-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni tal-kapaċità f’sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass jimmira li jistabbilixxi l-grad meħtieġ ta’ armonizzazzjoni mal-Ewropa kollha. L-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament tiddependi wkoll mill-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tariffi li huma konsistenti mal-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità proposti f’dan ir-Regolament, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni mingħajr l-ebda effett ta’ detriment fuq il-pożizzjonijiet tad-dħul u l-fluss tal-flus tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni.

(6)

Dan ir-Regolament ġie adottat abbażi tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 li huwa kumplimentari għalih u li jagħmel parti integrali minnu. Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 715/2009 f’atti legali oħra għandhom jinftiehmu li jirriferu wkoll għal dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament ma japplikax għas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass naturali li jinsabu fi Stati Membri matul id-derogi mogħtija skont l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dan ir-Regolament ma japplikax għall-kapaċitajiet mhux eżentati f’infrastrutturi ġodda maġġuri li jkunu rċevew eżenzjoni mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73/KE jew minn dak li kien l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), sal-punt li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jipperikolax tali eżenzjoni, u filwaqt li titqies in-natura speċifika tal-interkonnetturi fir-raggruppament (bundling).

(7)

Dan ir-Regolament ġie stabbilit skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Ikompli jarmonizza r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u huwa kumplimentari għall-prinċipji tal-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u l-proċeduri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni fir-rigward tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kif stabbilit fil-punt 2.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

(8)

Dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali, b’mod partikolari l-projbizzjonijiet ta’ ftehimiet restrittivi (l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Il-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni tal-kapaċità implimentat għandu jiġi ddisinjat b’tali mod li jevita l-esklużjoni ta’ swieq ta’ provvista downstream.

(9)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi tas-servizz pubbliku ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/73/KE.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/73/KE.

(11)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom iqisu l-aqwa prattiki u l-aqwa sforzi biex jiġu armonizzati l-proċessi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Aġenzija u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità jiġu implimentati fil-punti ta’ interkonnessjoni applikabbli mal-Unjoni kollha fl-aktar mod effettiv possibbli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk li jistabbilixxi mekkaniżmi standardizzati tal-allokazzjoni tal-kapaċità f’sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass. Il-mekkaniżmu standardizzat tal-allokazzjoni tal-kapaċità għandu jinkludi proċedura ta’ rkant għal punti ta’ interkonnessjoni rilevanti fi ħdan l-Unjoni, u l-prodotti ta’ kapaċità transfruntiera standard li għandhom jiġu offruti u allokati. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi kif l-operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni jikkooperaw sabiex jiffaċilitaw il-bejgħ ta’ kapaċità, filwaqt li jqis ir-regoli kummerċjali ġenerali kif ukoll dawk tekniċi relatati mal-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-punti ta’ interkonnessjoni. Jista’ japplika wkoll għall-punti ta’ dħul minn pajjiżi terzi u l-punti ta’ ħruġ tagħhom, soġġett għad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-punti ta’ ħruġ għall-konsumaturi aħħarin u n-netwerks ta’ distribuzzjoni, il-punti ta’ dħul mit-terminals ta’ “gass naturali likwifikat” (LNG) u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni, u l-punti ta’ dħul u ħruġ lejn il-faċiltajiet ta’ ħażna jew minnhom.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kapaċità teknika u interrompibbli kollha fil-punti ta’ interkonnessjoni, kif ukoll il-kapaċità addizzjonali fis-sens tal-punt 2.2.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-punti ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri fejn Stat Membru minnhom ikollu deroga abbażi tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE.

3.   L-Artikoli 8(1) sa (7), l-Artikoli 11 sa 18, 19(2) u 21 sa 27 ma għandhomx japplikaw għal kapaċità teknika ġdida allokata permezz ta’ proċeduri ta’ allokazzjoni miftuħa għal kapaċità teknika ġdida, bħal proċeduri ta’ staġun miftuħ, minbarra kapaċità li tibqa’ mhux mibjugħa wara li tkun ġiet inizjalment offruta permezz ta’ dawn il-proċeduri.

4.   Fejn jiġu applikati metodi ta’ allokazzjoni impliċita, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikoli 8 sa 27.

5.   Biex tiġi evitata l-esklużjoni tas-swieq ta’ provvista downstream, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, wara li jikkonsultaw mal-utenti tan-netwerk, jistgħu jiddeċiedu li jieħdu miżuri proporzjonati biex jillimitaw l-offerti minn qabel għall-kapaċità mingħand kwalunkwe utent tan-netwerk waħda, f’punti ta’ interkonnessjoni fi Stat Membru.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE. Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“irkant b’arloġġ li jgħolli l-prezz” tfisser irkant li fih utent tan-netwerk jqiegħed il-kwantitajiet mitluba ma’ żidiet fil-prezz iddefiniti, li jiġu mħabbra sussegwentement;

(2)

“kalendarju tal-irkant” tfisser tabella li turi informazzjoni relatata ma’ rkanti speċifiċi li tiġi ppubblikata mill-ENTSOG sa Jannar ta’ kull sena kalendarja għal irkanti li jiġu organizzati matul il-perjodu ta’ Marzu sa Frar tas-sena kalendarja sussegwenti u li tikkonsisti mill-ħinijiet rilevanti għall-irkanti, inklużi d-dati ta’ bidu u l-prodotti ta’ kapaċità standard li għalihom japplikaw;

(3)

“sessjoni ta’ offerti” tfisser perjodu ta’ ħin li matulu l-utenti tan-netwerk jistgħu jissottomettu, jemendaw u jirtiraw l-offerti;

(4)

“kapaċità raggruppata” tfisser prodott ta’ kapaċità standard offrut fuq bażi kostanti, li jikkonsisti minn kapaċità ta’ dħul u ħruġ korrispondenti fuq iż-żewġ naħat ta’ kull punt ta’ interkonnessjoni;

(5)

“kapaċitajiet f’kompetizzjoni” tfisser kapaċitajiet li għalihom il-kapaċità disponibbli f’waħda mill-irkanti kkonċernati ma tkunx tista’ tiġi allokata mingħajr ma l-kapaċità disponibbli titnaqqas b’mod sħiħ jew parzjali fl-irkant ikkonċernat l-ieħor;

(6)

“l-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz” tfisser okkorrenza fejn id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun inqas mill-kapaċità offruta jew inqas minnha fi tmiem it-tieni sessjoni ta’ offerti jew sessjoni ta’ offerti sussegwenti;

(7)

“jum tal-gass” tfisser perjodu mill-5:00 sal-5:00 UTC l-ġurnata ta’ wara għall-ħin tax-xitwa, u mill-4:00 sal-4:00 UTC l-ġurnata ta’ wara meta jiġi applikat il-ħin tas-sajf;

(8)

“metodu ta’ allokazzjoni impliċita” tfisser metodu ta’ allokazzjoni fejn, possibbilment permezz ta’ rkant, kemm il-kapaċità ta’ trażmissjoni kif ukoll kwantità korrispondenti ta’ gass jiġu allokati fl-istess ħin;

(9)

“ftehim ta’ interkonnessjoni” tfisser ftehim konkluż minn operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni, li s-sistemi tagħhom huma mqabbda f’punt ta’ interkonnessjoni partikolari, li jispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet, il-proċeduri operattivi u d-dispożizzjonijiet, fir-rigward tat-twassil u/jew l-irtirar tal-gass fil-punt ta’ interkonnessjoni bl-għan li tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà tan-netwerks ta’ trażmissjoni interkonnessi;

(10)

“punt ta’ interkonnessjoni” tfisser punt fiżiku jew virtwali li jgħaqqad sistemi kontigwi ta’ dħul u ħruġ, jew li jgħaqqad sistema ta’ dħul u ħruġ ma’ interkonnettur, safejn dawn il-punti jkunu soġġetti għall-proċeduri ta’ prenotazzjoni mill-utenti tan-netwerk;

(11)

“żieda qawwija fil-prezz” tfisser ammont fiss jew varjabbli ddefinit għal kull punt ta’ interkonnessjoni u prodott ta’ kapaċità standard;

(12)

“nomina eċċessiva” tfisser id-dritt tal-utenti tan-netwerk li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għas-sottomissjoni tan-nomini biex jitolbu kapaċità interrompibbli fi kwalunkwe ħin f’ġurnata, billi jissottomettu nomina li żżid it-total tan-nomini tagħhom għal livell ogħla mill-kapaċità kuntrattata tiegħu;

(13)

“prezz ta’ riżerva” tfisser il-prezz minimu eliġibbli fl-irkant;

(14)

“żieda żgħira fil-prezz” tfisser ammont fiss jew varjabbli ddefinit għal kull punt ta’ interkonnessjoni u prodott ta’ kapaċità standard li jkun iżgħar miż-żieda qawwija fil-prezz;

(15)

“prodott ta’ kapaċità standard” tfisser ammont partikulari ta’ kapaċità tat-trasport matul perjodu ta’ ħin partikolari, f’punt ta’ interkonnessjoni speċifikat;

(16)

“irkant bi prezz uniformi” tfisser irkant li fih l-utent tan-netwerk, f’sessjoni waħda ta’ offerti, jagħmel offerta ta’ prezz kif ukoll ta’ kwantità, u l-utenti tan-netwerk kollha li jkollhom suċċess fil-kisba tal-kapaċità jħallsu l-prezz tal-iżgħar offerta b’suċċess;

(17)

“punt ta’ interkonnessjoni virtwali” tfisser żewġ punti ta’ interkonnessjoni jew aktar li jgħaqqdu l-istess żewġ sistemi kontingwi ta’ dħul u ħruġ, integrati flimkien sabiex jipprovdu servizz ta’ kapaċità wieħed;

(18)

“kapaċità matul l-istess jum” tfisser il-kapaċità offruta u allokata wara l-għeluq tal-irkanti tal-kapaċità b’jum bil-quddiem fir-rigward ta’ dak il-jum.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI TA’ KOOPERAZZJONI

Artikolu 4

Koordinazzjoni tal-manutenzjoni

Meta l-manutenzjoni ta’ pipeline jew parti minn netwerk ta’ trażmissjoni jkollha impatt fuq l-ammont ta’ kapaċità ta’ trażmissjoni li jista’ jiġi offrut f’punti ta’ interkonnessjoni, l-operatur(i) ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandu/għandhom jikkoopera(w) mal-operatur(i) kontigwu/i tas-sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward tal-pjanijiet ta’ manutenzjoni rispettivi tagħhom, sabiex inaqqsu kemm jistgħu jkun l-impatt fuq il-flussi potenzjali ta’ gass u l-kapaċità f’punt ta’ interkonnessjoni.

Artikolu 5

Standardizzazzjoni tal-komunikazzjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jikkoordinaw l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ komunikazzjoni standard, is-sistemi ta’ informazzjoni kkoordinati u l-komunikazzjoni elettronika fuq l-Internet kumpatibbli bħal formati u protokolli ta’ skambju ta’ dejta kondiviża, u għandhom jaqblu fuq prinċipji dwar kif trid tiġi indirizzata din id-dejta.

2.   Il-proċeduri ta’ komunikazzjoni standard għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dawk relatati mal-aċċess tal-utenti tan-netwerk għas-sistema ta’ rkant tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jew pjattaforma rilevanti ta’ prenotazzjoni u r-reviżjoni tal-informazzjoni dwar l-irkant ipprovduta. Il-ħin u l-kontenut tad-dejta li trid tiġi skambjata għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III.

3.   Il-proċeduri ta’ komunikazzjoni standard adottati mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinkludu pjan ta’ implimentazzjoni u t-tul tal-applikabbiltà, li għandhom ikunu konformi mal-iżvilupp ta’ pjattaforma/pjattaformi ta’ prenotazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 27. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 6

Kalkolu u massimizzazzjoni tal-kapaċità

1.   Il-kapaċità teknika massima għandha tkun disponibbli għall-utenti tan-netwerk, filwaqt li jitqiesu l-integrità tas-sistema tal-kontijiet, is-sikurezza, u l-operat effiċjenti tan-netwerk.

(a)

Sabiex tiġi massimizzata l-offerta ta’ kapaċità raggruppata tul l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità teknika, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin fil-punti ta’ interkonnessjoni, filwaqt li jagħtu prijorità lil dawk il-punti ta’ interkonnessjoni fejn ikun hemm konġestjoni kuntrattwali skont il-punt 2.2.3(1) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009: l-4 ta' Frar 2015, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jistabbilixxu u japplikaw metodu konġunt, li jistipula l-passi speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-operaturi rispettivi tas-sistema ta’ trażmissjoni, għall-ksib tal-ottimizzazzjoni meħtieġa:

(1)

il-metodu konġunt għandu jinkludi analiżi fil-fond tal-kapaċitajiet tekniċi, inkluża kwalunkwe diskrepanza li jkun fihom fuq iż-żewġ naħat ta’ punt ta’ interkonnessjoni, kif ukoll azzjonijiet speċifiċi u skeda ddettaljata — inklużi l-implikazzjonijiet possibbli u l-ksib tal-approvazzjonijiet regolatorji meħtieġa biex jiġu rkuprati l-ispejjeż u jiġi aġġustat ir-reġim regolatorju — meħtieġa biex tiġi mmassimizzata l-offerta tal-kapaċità raggruppata. Tali azzjonijiet speċifiċi ma għandhomx jipperikolaw l-offerta ta’ kapaċità f’punti relevanti oħra tas-sistemi kkonċernati u f’punti għan-netwerk ta’ distribuzzjoni rilevanti għas-sikurezza tal-provvista lill-klijenti aħħarija, bħal dawk lejn ħażniet, terminali tal-LNG u klijenti protetti, kif inhu ddefinit fir-Regolament (KE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Din l-analiżi fil-fond għandha tqis l-assunzjonijiet magħmula fil-pjan ta’ żvilupp għal għaxar snin mifrux madwar l-Unjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, il-pjanijiet ta’ investiment nazzjonali, l-obbligi rilevanti skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli u kull obbligu kuntrattwali rilevanti;

(2)

l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni rilevanti għandhom japplikaw approċċ dinamiku għall-kalkolu mill-ġdid tal-kapaċità teknika, fejn xieraq flimkien mal-kalkolu dinamiku applikat għall-kapaċità addizzjonali abbażi tal-punt 2.2.2(2) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, biex jidentifikaw b’mod konġunt il-frekwenza xierqa għall-kalkolu mill-ġdid għal kull punt ta’ interkonnessjoni, u filwaqt li jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet partikulari tiegħu;

(3)

l-operaturi kontigwi tas- sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinkludu operaturi oħra ta’ sistemi ta’ trażmissjoni milqutin speċifikament mill-punt ta’ interkonnessjoni fil-metodu konġunt;

(4)

l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom iqisu l-informazzjoni li l-utenti tan-netwerk jistgħu jipprovdu fir-rigward ta’ flussi mistennija fil-futur meta jiġu biex jikkalkulaw mill-ġdid il-kapaċità teknika.

(b)

l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jivvalutaw b’mod konġunt tal-anqas il-parametri li ġejjin, u fejn xieraq jaġġustawhom:

(1)

l-impenji ta’ pressjoni;

(2)

ix-xenarji ta’ domanda u provvista rilevanti kollha, inklużi d-dettalji dwar il-kundizzjonijiet klimatiċi ta’ referenza u l-konfigurazzjonijiet tan-netwerk assoċjati ma’ xenarji estremi;

(3)

il-valur kalorifiku.

2.   Fejn l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità teknika tikkaġuna spejjeż lill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni, partikularment spejjeż li jolqtu b’mod żbilanċjat l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni fuq naħa jew oħra ta’ punt ta’ interkonnessjoni, l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandu jkollhom il-permess biex jirkupraw tali spejjeż imġarrba permezz tal-qafas regolatorju stabbilit mill-awtoritajiet regolatorji relevanti skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 jew l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2009/73/KE. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 għandhom japplikaw.

3.   Fejn xieraq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkonsultaw mal-utenti tan-netwerk dwari l-metodu ta’ kalkolu applikat u l-approċċ konġunt.

4.   Il-bidliet fl-ammont tal-kapaċità raggruppata offruta f’punti ta’ interkonnessjoni b’riżultat tal-proċess skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu inklużi fir-rapport tal-Aġenzija ppubblikat skont il-punt 2.2.1(2) tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

Artikolu 7

Skambju ta’ informazzjoni bejn operaturi kontingwi tas-sistema ta’ trażmissjoni

1.   L-operaturi kontigwi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar in-nomina, in-nomina mill-ġdid, it-tqabbil u l-konferma f’punti ta’ interkonnessjoni rilevanti fuq bażi regolari.

2.   L-operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiskambjaw l-informzzjoni dwar il-manutenzjoni tan-netwerk ta’ trażmissjoni individwali sabiex jikkontribwixxu għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-użu tekniku tal-punti ta’ interkonnessjoni. Il-proċeduri għall-iskambju ta’ dejta bejn l-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jiġu integrati fil-ftehim ta’ interkonnessjoni rispettiv tagħhom.

KAPITOLU III

ALLOKAZZJONI TA’ KAPAĊITÀ KOSTANTI

Artikolu 8

Metodoloġija tal-allokazzjoni

1.   Għandhom jintużaw irkanti għall-allokazzjoni tal-kapaċità f’punti ta’ interkonnessjoni.

2.   Fil-punti ta’ interkonnessjoni kollha għandu jiġi applikat l-istess disinn ta’ rkant. Il-proċessi ta’ rkant rilevanti għandhom jibdew fl-istess ħin għall-punti ta’ interkonnessjoni kkonċernati kollha. Kull proċess ta’ rkant, relatat ma’ prodott ta’ kapaċità standard uniku, għandu jalloka kapaċità indipendentement minn kull proċess ta’ rkant ieħor ħlief meta, soġġett għall-ftehim bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni involuti direttament u l-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, tiġi allokata kapaċità ta’ kompetizzjoni.

3.   Il-prodotti ta’ kapaċità standard għandhom isegwu ordni loġika li permezz tagħha l-ewwel għandhom jiġu offruti l-prodotti li jkopru kapaċità annwali, segwiti mill-iqsar tul ta’ kapaċità li jmiss għall-użu fl-istess perjodu. Il-ħin tal-irkanti previst fl-Artikoli 11 sa 15 għandu jkun konsistenti ma’ dan il-prinċipju.

4.   Ir-regoli dwar il-prodotti ta’ kapaċità standard kif stabbiliti fl-Artikolu 9 u l-irkanti kif stabbiliti fl-Artikoli 11 sa 15 għandhom japplikaw għall-kapaċità magħquda u l-kapaċità mhux raggruppata f’punt ta’ interkonnessjoni.

5.   Għal irkant partikolari, għandha tġi kkomunikata d-disponibbiltà tal-prodotti ta’ kapaċità standard rilevanti skont l-Artikoli 11 sa 15 u skont il-kalendarju tal-irkant.

6.   Għandu jitwarrab ammont ta’ mill-inqas 20 % tal-kapaċità teknika f’kull punt ta’ interkonnessjoni li għandu jiġi offrut skont il-paragrafu 7, sakemm il-kapaċità disponibbli, meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, tkun daqs jew akbar mill-proporzjon ta’ kapaċità teknika li għandha titwarrab. Jekk il-kapaċità disponibbli, meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, tkun inqas mill-proporzjon ta’ kapaċità teknika li għandha titwarrab, għandu jitwarrab l-intier ta’ kwalunkwe kapaċità disponibbli. Din il-kapaċità għandha tiġi offruta skont il-paragrafu 7(b), filwaqt li kwalunkwe kapaċità li jifdal li tkun twarrbet għandha tiġi offruta skont il-paragrafu 7(a).

7.   Kwalunkwe kapaċità mwarrba skont il-paragrafu 6 għandha tiġi offruta, soġġett għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandu jiġi offrut ammont li jkun tal-inqas ugwali għal 10 % tal-kapaċità teknika f’kull punt ta’ interkonnessjoni mhux qabel l-irkant annwali ta’ kapaċità annwali kif previst fl-Artikolu 11 organizzat skont il-kalendarju tal-irkant matul il-ħames sena tal-gass li tippreċedi l-bidu tas-sena tal-gass rilevanti; u

(b)

l-ewwel għandu jiġi offrut ammont ulterjuri li jkun tal-inqas daqs 10 % tal-kapaċità teknika f’kull punt ta’ interkonnessjoni mhux qabel l-irkant annwali ta’ kapaċità trimestrali kif previst fl-Artikolu 12 organizzat skont il-kalendarju tal-irkant matul il-ħames sena tal-gass li tippreċedi l-bidu tas-sena tal-gass rilevanti.

8.   Fil-każ ta’ kapaċità ġdida, ammont li jkun tal-inqas ugwali għal 10 % tal-kapaċità teknika f’kull punt ta’ interkonnessjoni għandu jitwarrab, u ma għandux jiġi offrut qabel l-irkant annwali ta’ kapaċità trimestrali kif previst fl-Artikolu 12, imtella’ skont il-kalendarju tal-irkant matul is-sena tal-gass li tippreċedi l-bidu tas-sena tal-gass rilevanti.

9.   Il-proporzjon eżatt tal-kapaċità li għandu jitwarrab fir-rigward tal-paragrafi 6 u 8 għandu jkun soġġett għal konsultazzjoni mal-partijiet interessati, l-allinjament bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f’kull punt ta’ interkonnessjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom b’mod partikolari jikkunsidraw li jwarrbu ishma akbar ta’ kapaċità għal tul ta’ żmien iqsar biex jevitaw l-esklużjoni tas-swieq ta’ provvista downstream.

Artikolu 9

Prodotti ta’ kapaċità standard

1.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom joffru prodotti ta’ kapaċità standard fuq bażi annwali, trimestrali, ta’ kull xahar, ta’ kuljum, u ta’ matul l-istess jum.

2.   Il-prodotti ta’ kapaċità standard ta’ kull sena għandhom ikunu l-kapaċità, li tista’ ssir applikazzjoni għaliha, f’ammont partikolari, minn utent tan-netwerk għall-jiem tal-gass kollha f’sena tal-gass partikolari (li tibda fl-1 ta’ Ottubru).

3.   Il-prodotti ta’ kapaċità standard trimestrali għandhom ikunu l-kapaċità, li tista’ ssir applikazzjoni għaliha, f’ammont partikolari, minn utent tan-netwerk għall-jiem tal-gass kollha f’trimestru partikolari (li jibda fl-1 ta’ Ottubru, l-1 ta’ Jannar, l-1 ta’ April jew l-1 ta’ Lulju rispettivament).

4.   Il-prodotti ta’ kapaċità standard ta’ kull xahar għandhom ikunu l-kapaċità, li tista’ ssir applikazzjoni għaliha, f’ammont partikolari, minn utent tan-netwerk għall-jiem tal-gass kollha f’xahar tal-kalendarju partikolari (li jibda fl-ewwel jum ta’ kull xahar).

5.   Il-prodotti ta’ kapaċità standard ta’ kuljum għandhom ikunu l-kapaċità, li tista’ ssir applikazzjoni għaliha, f’ammont partikolari, minn utent tan-netwerk għal jum tal-gass uniku.

6.   Il-prodotti ta’ kapaċità standard matul l-istess jum għandhom ikunu l-kapaċità, li tista’ ssir applikazzjoni għaliha, f’ammont partikolari, minn utent tan-netwerk minn ħin tal-bidu f’jum tal-gass partikolari sa tmiem l-istess jum tal-gass.

Artikolu 10

Unitá ta’ kapaċità applikata

Il-kapaċità offruta għandha tiġi espressa f’unitajiet ta’ enerġija għal kull unità ta’ ħin. Għandhom jintużaw l-unitajiet li ġejjin: kWh/h jew KWh/d. F’każ ta’ kWh/d, wieħed għandu jassumi rata ta’ fluss fissa matul il-jum tal-gass.

Artikolu 11

Irkanti annwali ta’ kapaċità annwali

1.   L-irkanti annwali ta’ kapaċità għandhom jiġu organizzati darba f’sena.

2.   Il-kapaċità għal kull prodott ta’ kapaċità standard annwali għandha tiġi rkantata permezz ta’ rkant annwali ta’ kapaċità annwali permezz ta’ algoritmu ta’ rkant b’arloġġ li jgħolli l-prezz skont l-Artikolu 17.

3.   Il-proċess ta’ rkant għandu joffri kapaċità għal mhux aktar mill-15-il siegħa li jkun imiss.

4.   L-irkanti annwali ta’ kapaċità annwali għandhom jibdew fl-ewwel nhar ta’ Tnejn kull sena sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-kalendarju tal-irkant.

5.   Matul l-irkant annwali ta’ kapaċità annwali, l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem f’irkant wieħed jew aktar fl-istess ħin fir-rigward ta’ kull punt ta’ interkonnessjoni sabiex japplikaw għall-prodotti ta’ kapaċità standard.

6.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta matul l-irkant annwali ta’ kapaċità annwali għandha tkun daqs:

Formula

Fejn:

A

hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta’ kapaċità standard;

B

għal irkanti annwali li joffru kapaċità għall-ħames snin li jmiss, hija l-proporzjoni ta’ kapaċità teknika (A) imwarrba skont l-Artikolu 8(7)(b); għal irkanti annwali ta’ kapaċità annwali għal kapaċità li tmur lil hinn mill-ewwel ħames snin, hija l-proporzjon ta’ kapaċità teknika (A) imwarrba skont l-Artikolu 8(7);

C

hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D

hija kapaċità addizzjonali, għal dik is-sena, jekk ikun hemm.

7.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta tista’ tkun kapaċità raggruppata jew kapaċità mhux magħquda skont l-Artikolu 19. Dan japplika wkoll għall-irkanti l-oħra kollha kif stabbilit fl-Artikoli 12 sa 15.

8.   Xahar qabel ma jibda l-irkant, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk dwar l-ammont ta’ kapaċità teknika li għandhom jiġu offruti għal kull sena għall-irkant annwali ta’ kapaċità annwali li jmiss. Minbarra dan, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk jekk tistax titqiegħed għad-dispożizzjoni xi kapaċità addizzjonali.

9.   Is-sessjonijiet ta’ offerti ta’ kull irkant għandhom isiru bejn it-08:00 UTC sal-17:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew is-07:00 UTC sal-16:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-jiem tal-gass rilevanti kollha. Is-sessjonijiet ta’ offerti għandhom jinfetħu u jingħalqu f’kull jum tal-gass, kif speċifikat fl-Artikolu 17(2).

10.   Ir-riżultati ta’ allokazzjoni tal-irkant għandhom jiġu ppubblikati, malajr kemm jista’ jkun, u sa mhux aktar tard mill-jum ta’ negozju li jmiss wara l-għeluq tas-sessjoni ta’ offerti, fl-istess ħin lill-utenti individwali tan-netwerk li jieħdu sehem fl-irkant rispettiv.

11.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata għas-suq.

Artikolu 12

Irkanti annwali ta’ kapaċità trimestrali

1.   L-irkanti annwali ta’ kapaċità trimestrali għandhom jittellgħu darba f’sena.

2.   Il-kapaċità għal kull prodott ta’ kapaċità standard trimestrali għandha tiġi rkantata permezz tal-irkant annwali ta’ kapaċità trimestrali permezz ta’ algoritmu ta’ rkant b’arloġġ li jgħolli l-prezz skont l-Artikolu 17.

3.   Kull sena tal-gass, il-kapaċità għal kull trimestru mill-ewwel trimestru (Ottubru-Diċembru) tas-sena tal-gass li jmiss sal-aħħar trimestru (Lulju-Settembru) tas-sena tal-gass li jmiss (inklussiva) għandha tiġi rkantata permezz tal-rkant annwali kapaċità trimestrali.

4.   Matul l-irkant annwali ta’ kapaċità trimestrali, l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem f’wieħed sa erba’ rkanti fl-istess ħin fir-rigward ta’ kull punt ta’ interkonnessjoni sabiex japplikaw għall-prodotti standard ta’ kapaċità trimestrali.

5.   L-irkanti annwali ta’ kapaċità trimestrali għandhom jibdew fl-ewwel nhar ta’ Tnejn ta’ Ġunju ta’ kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-kalendarju tal-irkanti.

6.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta fl-irkant annwali ta’ kapaċità trimestrali għandha tkun daqs:

Formula

Fejn:

A

hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta’ kapaċità standard;

C

hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D

hija kapaċità addizzjonali, għal dak it-trimestru, jekk ikun hemm.

7.   Ġimagħtejn qabel ma jibda l-irkant, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk dwar l-ammont ta’ kapaċità li għandha tiġi offruta għal kull trimestru sena għall-irkant annwali ta’ kapaċità trimestrali li jmiss. Minbarra dan, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk jekk tistax titqiegħed għad-dispożizzjoni xi kapaċità addizzjonali.

8.   Is-sessjonijiet ta’ offerti ta’ kull irkant għandhom isiru bejn it-08:00 UTC sal-17:00 UTC (ħin tax-xitwa), jew bejn is-07:00 UTC sal-16:00 UTC (ħin tas-sajf), fil-jiem tal-gass rilevanti kollha. Is-sessjonijiet ta’ offerti għandhom jinfetħu u jingħalqu f’kull jum tal-gass, kif speċifikat fl-Artikolu 17(2).

9.   Ir-riżultati ta’ allokazzjoni tal-irkant għandhom jiġu ppubblikati, malajr kemm jista’ jkun, u sa mhux aktar tard mill-jum ta’ negozju li jmiss wara l-għeluq tas-sessjoni ta’ offerti, fl-istess ħin lill-utenti individwali tan-netwerk li jieħdu sehem fl-irkant rispettiv.

10.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata għas-suq.

Artikolu 13

Irkanti rikorrenti ta’ kapaċità ta’ kull xahar

1.   L-irkanti rikorrenti ta’ kapaċità ta’ kull xahar għandhom jittellgħu darba fix-xahar.

2.   Il-kapaċità għal kull prodott ta’ kapaċità standard ta’ kull xahar għandha tiġi rkantata permezz tal-irkant rikorrenti ta’ kapaċità ta’ kull xahar permezz ta’ algoritmu ta’ rkant b’arloġġ li jgħolli l-prezz skont l-Artikolu 17. Kull xahar, il-prodott ta’ kapaċità standard ta’ kull xahar għax-xahar kalendarju ta’ wara għandu jiġi rkantat.

3.   Matul l-irkant rikorrenti ta’ kapaċità ta’ kull xahar, l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu japplikaw għal prodott ta’ kapaċità standard ta’ kull xahar wieħed.

4.   L-irkanti rikorrenti ta’ kapaċità ta’ kull xahar għandhom jibdew fit-tielet nhar ta’ Tnejn ta’ kull xahar għall-prodott ta’ kapaċità standard ta’ kull xahar li jmiss sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-kalendarju tal-irkanti.

5.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta fl-irkant rikorrenti ta’ kapaċità ta’ kull xahar, kull xahar, għandha tkun daqs:

Formula

Fejn:

A

hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta’ kapaċità standard;

C

hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D

hija kapaċità addizzjonali, għal dak ix-xahar, jekk ikun hemm.

6.   Ġimgħa qabel ma jibda l-irkant, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk dwar l-ammont ta’ kapaċità li għandha tiġi offruta għall-irkant rikorrenti ta’ kapaċità ta’ kull xahar li jmiss. Minbarra dan, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk jekk tistax titqiegħed għad-dispożizzjoni xi kapaċità addizzjonali.

7.   Is-sessjonijiet ta’ offerti ta’ kull irkant għandhom isiru bejn it-08:00 UTC sal-17:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew is-07:00 UTC sal-16:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-jiem tal-gass rilevanti kollha. Is-sessjonijiet ta’ offerti għandhom jinfetħu u jingħalqu f’kull jum tal-gass, kif speċifikat fl-Artikolu 17(2).

8.   Ir-riżultati ta’ allokazzjoni tal-irkant għandhom jiġu ppubblikati, malajr kemm jista’ jkun, u sa mhux aktar tard mill-jum ta’ negozju li jmiss wara l-għeluq tas-sessjoni ta’ offerti, fl-istess ħin lill-utenti individwali tan-netwerk li jieħdu sehem fl-irkant rispettiv.

9.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata għas-suq.

Artikolu 14

Irkanti rikorrenti ta’ kapaċità b’jum bil-quddiem

1.   L-irkanti rikorrenti ta’ kapaċità b’jum bil-quddiem għandhom jittellgħu darba kuljum.

2.   Kuljum, prodott ta’ kapaċità standard għall-jum tal-gass ta’ wara għandu jiġi rkantat permezz tal-irkant rikorrenti ta’ kapaċità b’jum bil-quddiem.

3.   Il-kapaċità għal kull prodott ta’ kapaċità standard ta’ kuljum għandha tiġi rkantata permezz tal-irkant rikorrenti ta’ kapaċità b’jum bil-quddiem permezz ta’ algoritmu ta’ rkant skont l-Artikolu 18. Kuljum, il-prodott ta’ kapaċità standard ta’ kuljum għall-jum tal-gass ta’ wara għandu jiġi rkantat.

4.   Matul l-irkant rikorrenti ta’ kapaċità b’jum bil-quddiem, l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu japplikaw għal kapaċità ta’ prodott ta’ kapaċità standard ta’ kuljum.

5.   Is-sessjoni ta’ offerti għandha tiftaħ kuljum fit-15:30 UTC (ħin tax-xitwa) jew fis-14:30 UTC (ħin tas-sajf).

6.   Offera ta’ kapaċità għall-prodott ta’ kapaċità standard ta’ kuljum għall-irkant rikorrenti ta’ kapaċità b’jum bil-quddiem għandha tiġi ttrattata kif ġej: sottomissjoni, irtirar jew emenda mit-15:30 UTC sal-16:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew mis-14:30 UTC sat-15:00 UTC (ħin tas-sajf).

7.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta fl-irkant rikorrenti ta’ kapaċità b’jum bil-quddiem, kuljum, għandha tkun daqs:

Formula

Fejn:

A

hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta’ kapaċità standard;

C

hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D

hija kapaċità addizzjonali, għal dak il-jum, jekk ikun hemm.

8.   Meta tiftaħ is-sessjoni ta’ offerti, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk dwar l-ammont ta’ kapaċità li għandha tiġi offruta għall-irkant rikorrenti ta’ kapaċità b’jum bil-quddiem li jmiss. Minbarra dan, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk jekk tistax titqiegħed għad-dispożizzjoni xi kapaċità addizzjonali.

9.   Ir-riżultati ta’ allokazzjoni tal-irkant għandhom jiġu ppubblikati, sa mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-għeluq tas-sessjoni ta’ offerti, fl-istess ħin lill-utenti individwali tan-netwerk li jieħdu sehem fl-irkant rispettiv.

10.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata għas-suq.

Artikolu 15

Irkanti rikorrenti ta’ kapaċità matul l-istess jum

1.   Soġġett għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kapaċità, għandu jsir irkant ta’ kapaċità matul l-istess jum kull siegħa matul jum tal-gass, permezz ta’ algoritmu tal-irkant bi prezzijiet uniformi skont l-Artikolu 18.

2.   L-ewwel sessjoni ta’ offerti għandha tinfetaħ direttament fl-ewwel bar ta’ siegħa li jmiss wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-aħħar irkant b’jum bil-quddiem (anki interrott jekk jiġi offrut) skont l-Artikolu 14. L-ewwel sessjoni ta’ offerti tagħlaq fis-01:30 UTC (ħin tax-xitwa) jew fin-00:30 UTC (ħin tas-sajf) qabel il-jum tal-gass. L-allokazzjoni ta’ offerti b’suċċess għandha tkun effettiva mill-05:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew mill-04:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-jum tal-gass rilevanti.

3.   L-aħħar sessjoni ta’ offerti tagħlaq fin-00:30 UTC (ħin tax-xitwa) jew fil-23:30 UTC (ħin tas-sajf) fil-jum tal-gass rilevanti.

4.   L-utenti tan-netwerk għandhom ikunu intitolati li jressqu, jirtiraw jew jemendaw offerti mill-ftuħ ta’ kull sessjoni ta’ offerti, sal-għeluq ta’ dik is-sessjoni ta’ offerti.

5.   Kull siegħa fil-jum tal-gass rilevanti, il-kapaċità effettiva mis-siegħa + 4 għandha tiġi rkantata bħala kapaċità matul l-istess jum.

6.   Kull sessjoni ta’ offerti għandha tiftaħ fil-bidu ta’ kull siegħa fil-jum tal-gass rilevanti.

7.   It-tul ta’ kull sessjoni ta’ offerti għandu jkun 30 minuta bħal tal-ftuħ tas-sessjoni ta’ offerti.

8.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta fl-irkant ta’ kapaċità matul l-istess jum, kull siegħa, għandha tkun daqs:

Formula

Fejn:

A

hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta’ kapaċità standard;

C

hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D

hija kapaċità addizzjonali, jekk ikun hemm.

9.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw l-ammont disponibbli ta’ kapaċità kostanti matul l-istess jum li jkun qiegħed jiġi offrut, wara l-għeluq tal-aħħar irkant b’jum bil-quddiem u skont l-Artikolu 21(9).

10.   L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu lill-utenti tan-netwerk li jressqu offerta fl-irkanti ta’ jum bil-quddiem bl-għażla li l-offerti tagħhom validi iżda bla suċċess jiddaħħlu awtomatikament fl-irkant sussegwenti ta’ jum bil-quddiem.

11.   Il-kapaċità għandha tiġi allokata fi żmien 30 minuta mill-għeluq tas-sessjoni ta’ offerti sakemm l-offerti jiġu aċċettati u l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jkun għaddej bil-proċess ta’ allokazzjoni.

12.   Ir-riżultati tal-irkant għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti tan-netwerk individwali fl-istess ħin.

13.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata tal-anqas fi tmiem kull jum.

Artikolu 16

Algoritmi ta’ rkant

1.   Jekk jiġu offruti diversi prodotti ta’ kapaċità standard matul irkant, l-algoritmu ta’ allokazzjoni rispettiv għandu jiġi applikat b’mod separat għal kull prodott ta’ kapaċità standard meta jkun qiegħed jiġi allokat. L-offerti għall-prodotti ta’ kapaċità standard differenti għandhom jitqiesu indipendenti minn xulxin fl-applikazzjoni tal-algoritmu ta’ rkant.

2.   Għall-irkanti annwali ta’ kapaċità annwali, l-irkanti annwali ta’ kapaċità trimestrali, u l-irkanti rikorrenti ta’ kapaċità ta’ kull xahar, għandu jiġi applikat algoritmu ta’ rkant b’arloġġ li jgħolli l-prezz, b’aktar minn sessjoni waħda ta’ offerti, kif previst fl-Artikolu 17.

3.   Għall-irkanti rikorrenti ta’ kapaċità b’jum bil-quddiem u l-irkanti ta’ kapaċità matul l-istess jum, għandu jiġi applikat algoritmu ta’ rkant bi prezz uniformi, b’sessjoni ta’ offerti unika, skont l-Artikolu 18.

Artikolu 17

Algoritmu ta’ rkant b’arloġġ li jgħolli l-prezz

1.   L-irkanti b’arloġġ li jgħolli l-prezz għandhom jippermettu li l-utenti tan-netwerk jagħmlu offerti ta’ volum kontra prezzijiet li jkunu qegħdin jogħlew li jkunu ġew imħabbra f’sessjonijiet ta’ offerti konsekuttivi, li jibdew bil-Prezz ta’ Riżerva P0.

2.   L-ewwel sessjoni ta’ offerti, bi prezz assoċjat daqs il-Prezz ta’ Riżerva P0, għandha ddum tliet (3) sigħat. Sessjonijiet ta’ offerti sussegwenti għandhom idumu siegħa. Għandu jkun hemm perjodu ta’ siegħa bejn is-sessjonijiet ta’ offerti.

3.   Offerta għandha tispeċifika:

(a)

l-identità tal-utent tan-netwerk li jkun qiegħed japplika;

(b)

il-punt ta’ interkonnessjoni kkonċernat u d-direzzjoni tal-fluss;

(c)

il-prodott ta’ kapaċità standard li għalih qed issir l-applikazzjoni għall-kapaċità;

(d)

għal kull żieda tal-prezz, l-ammont ta’ kapaċità għall-kapaċità standard rispettiva;

(e)

il-prodott li għalih qed issir l-applikazzjoni.

4.   Offerta għandha titqies valida jekk tkun ġiet sottomessa minn utent tan-netwerk u tikkonforma ma’ kull dispożizzjoni ta’ dan l-Artikolu.

5.   Biex l-utenti tan-netwerk jieħdu sehem fi rkant, għandu jkun obbligatorju li ssir offerta ta’ volum fl-ewwel sessjoni ta’ offerti.

6.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu lill-utenti tan-netwerk bl-għażla li jdaħħlu offerti b’mod awtomatiku kontra kull żieda fil-prezz.

7.   Malli tagħlaq is-sessjoni ta’ offerti relevanti, ma għandhom isiru l-ebda modifika, irtirar jew varjazzjoni tal-offerti validi. Kull offerta valida għandha ssir impenn vinkolanti min-naħa ta’ utent tan-netwerk biex jipprenota l-kapaċità għall-ammont mitlub skont il-prezz imħabbar, sakemm il-prezz ta’ approvazzjoni tal-irkant ikun dak imħabbar fis-sessjoni ta’ offerti rilevanti.

8.   L-offerta ta’ volum fi kwalunkwe sessjoni ta’ offerti għal kull utent tan-netwerk għandha tkun daqs il-kapaċità offruta jew inqas fi rkant speċifiku. L-offerta ta’ volum għal kull utent tan-netwerk bi prezz speċifiku għandha tkun daqs l-offerta ta’ volum jew inqas li jagħmel l-utent tan-netwerk fis-sessjoni preċedenti, ħlief fejn japplika l-paragrafu 16.

9.   L-offerti jistgħu jiddaħħlu, jiġu mmodifikati u rtirati liberament matul sessjoni ta’ offerti, sakemm l-offerti kollha jikkonformaw mal-paragrafu 8. L-offerti validi għandhom jibqgħu validi sakemm jiġu mmodifikati jew irtirati.

10.   Żieda qawwija fil-prezz u żieda żgħira fil-prezz għandhom jiġu ddefiniti għal kull punt ta’ interkonnessjoni u għal kull prodott ta’ kapaċità standard, u għandhom jiġu ppubblikati minn qabel l-irkant rilevanti. Iż-żieda żgħira fil-prezz għandha tiġi stabbilita b’tali mod li żieda b’numru sħiħ ta’ żidiet żgħar fil-prezz tkun daqs iż-żieda qawwija fil-prezz.

11.   L-istabbilment taż-żieda qawwija fil-prezz għandha tfittex li tnaqqas, sa fejn ikun raġenevolment possibbli, it-tul tal-proċess ta’ rkant. L-istabbilment taż-żieda żgħira fil-prezz għandha tfittex li tnaqqas, sa fejn ikun raġenevolment possibbli, il-livell ta’ kapaċità mhux mibjugħa fejn l-irkant jagħlaq bi prezz ogħla mill-prezz ta’ riżerva.

12.   Jekk id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun daqs il-kapaċità offruta jew inqas minnha fi tmiem l-ewwel sessjoni ta’ offerti, l-irkant għandu jagħlaq.

13.   Jekk id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun akbar mill-kapaċità offruta fi tmiem l-ewwel sessjoni ta’ offerti jew sessjoni ta’ offerti sussegwenti, għandha tinfetaħ sessjoni ta’ offerti oħra bi prezz li jkun daqs il-prezz fis-sessjoni ta’ offerti preċedenti, flimkien maż-żieda qawwija fil-prezz.

14.   Jekk id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun daqs il-kapaċità offruta jew inqas minnha fi tmiem it-tieni sessjoni ta’ offerti jew sessjoni ta’ offerti sussegwenti, l-irkant għandu jagħlaq.

15.   Jekk għall-ewwel darba jkun hemm bejgħ eċċessivament taħt il-prezz, għandu jkun hemm tnaqqis fil-prezz u għandha tinfetaħ sessjoni ta’ offerti oħra. Is-sessjoni ta’ offerti oħra jkollha prezz li jkun daqs il-prezz applikabbli fis-sessjoni tal-offerti li tippreċedi l-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz, flimkien maż-żieda żgħira fil-prezz. Suċċessivament għandhom jinfetħu sessjonijiet ta’ offerti oħra b’inkrementi ta’ żieda żgħira fil-prezz sakemm id-domanda tal-utenti tan-netwerk kollha tkun daqs il-kapaċità offruta jew inqas minnha, u f’dan il-punt l-irkant għandu jagħlaq.

16.   L-offerta ta’ volum għal kull utent ta’ netwerk fl-ewwel sessjoni ta’ offerti fejn jiġu applikati żidiet żgħar fil-prezzijiet għandha tkun daqs l-offerta ta’ volum jew inqas minnha li jkun għamel l-utent tan-netwerk fis-sessjoni ta’ offerti li tkun ippreċediet l-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz. L-offerta ta’ volum għal kull utent ta’ netwerk f’kull sessjoni ta’ offerti fejn jiġu applikati żidiet żgħar fil-prezzijiet għandha tkun daqs l-offerta ta’ volum jew aktar minnha li jkun għamel l-utent tan-netwerk matul is-sessjoni ta’ offerti li tkun ippreċediet l-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz.

17.   Jekk id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun akbar mill-kapaċità offruta fis-sessjoni ta’ offerti bi prezz li jkun daqs dak li wassal għall-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz, mingħajr żieda żgħira fil-prezz waħda, l-irkant għandu jagħlaq. Il-prezz ta’ approvazzjoni għandu jkun il-prezz li wassal għall-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz u l-offerti suċċessivi għandhom ikunu dawk sottomessi matul is-sessjoni ta’ offerti oriġinali fejn sar l-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz.

18.   Wara kull sessjoni ta’ offerti, id-domanda tal-utenti tan-netwerk kollha fi rkant speċifiku għandha tiġi ppubblikata malajr kemm jista’ jkun f’forma aggregata.

19.   Il-prezz imħabbar għall-aħħar sessjoni ta’ offerti fejn jagħlaq l-irkant, għandu jitqies bħala l-prezz ta’ approvazzjoni tal-irkant speċifiku, ħlief fil-każijiet fejn japplika l-paragrafu 17.

20.   L-utenti tan-netwerk kollha li jkunu għamlu offerti ta’ volum validi bil-prezz ta’ approvazzjoni, jiġu allokati l-kapaċità skont l-offerti ta’ volum tagħhom bil-prezz ta’ approvazzjoni. L-utenti tan-netwerk b’suċċess għandhom iħallsu l-prezz ta’ approvazzjoni tal-irkant speċifiku, li jista’ jkun prezz fiss jew varjabbli kif stabbilit fl-Artikolu 26(2), u kwalunkwe spejjeż oħra possibbli li jkunu applikabbli meta tkun tista’ tintuża l-kapaċità allokata lilhom.

21.   Wara kull irkant magħluq, ir-riżultat finali tal-irkant inkluż l-aggregazzjoni tal-kapaċitajiet allokati u l-prezz ta’ approvazzjoni għandhom jiġu ppubblikati. L-utenti tan-netwerk b’suċċess għandhom jiġu infurmati dwar l-ammont ta’ kapaċitajiet li ġew allokati lilhom, informazzjoni individwali għandha tintbagħat biss lill-partijiet ikkonċernati.

22.   Jekk irkant b’arloġġ li jgħolli l-prezz ma jkunx spiċċa sal-punt tal-bidu skedat (skont il-kalendarju tal-irkant) tal-irkant li jmiss għal kapaċità li tkopri l-istess perjodu, l-ewwel irkant għandu jagħlaq u ma għandha tiġi allokata l-ebda kapaċità. Il-kapaċità għandha tiġi offruta fl-irkant rilevanti li jmiss.

Artikolu 18

Algoritmu ta’ rkant bi prezz uniformi

1.   Fi rkant ta’ prezz uniformi, issir sessjoni ta’ offerti waħda, li fiha l-utent tan-netwerk joffri prezz kif ukoll kwantità.

2.   Matul is-sessjoni ta’ offerti ta’ rkant partikolari, l-utenti tan-netwerk jistgħu jissottomettu sa 10 offerti. Kull offerta għandha tiġi ttrattata b’mod indipendenti minn offerti oħra. Wara l-għeluq tas-sessjoni ta’ offerti, l-offerti li jifdal ma jistgħux jiġu emendati jew irtirati.

3.   Offerta għandha tispeċifika:

(a)

l-identità tal-utent tan-netwerk li jkun qiegħed japplika;

(b)

il-punt ta’ interkonnessjoni kkonċernat u d-direzzjoni tal-fluss;

(c)

il-prodott ta’ kapaċità standard li għalih qed issir l-applikazzjoni għall-kapaċità;

(d)

l-ammont ta’ kapaċità għall-prodott ta’ kapaċità standard rispettiv li tkun saret l-applikazzjoni għalih;

(e)

l-ammont minimu ta’ kapaċità għall-prodott ta’ kapaċità standard rispettiv li l-utent tan-netwerk ikun lest li jiġi allokat skont l-algoritmu rilevanti f’każ li l-utent tan-netwerk ma jkunx ġie allokat lilu l-ammont mitlub skont il-punt (d);

(f)

il-prezzijiet tal-offerti, li ma għandhomx ikunu inqas mill-prezz ta’ riżerva applikabbli għall-prodott ta’ kapaċità standard rilevanti, li l-utent tan-netwerk ikun lest li jħallas fir-rigward tal-kapaċità li jkun għamel applikazzjoni għaliha. L-offerti bi prezz ta’ offerta taħt il-prezz ta’ riżerva ma għandhomx jiġu aċċettati.

4.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jikklassifika l-offerti kollha relatati ma’ prodott ta’ kapaċità standard partikolari skont il-prezz ta’ offerta tagħhom, bl-ogħla prezz jiġi kklassifikat l-ewwel.

5.   L-offerti kollha li jifdal fil-ħin tal-għeluq tas-sessjoni ta’ offerti għandhom jitqiesu bħala vinkolanti fuq dawk l-utenti tan-netwerk li jkunu tal-inqas ġew allokati l-ammont minimu ta’ kapaċità mitluba skont il-punt (e) tal-paragrafu 3.

6.   Wara l-klassifikazzjoni tal-offerti skont il-paragrafu 4, u suġġett għall-paragrafu 7 sa 10, l-offerti għandhom jiġu allokati kapaċità skont il-funzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ prezzhom. L-offerti kollha li għalihom tiġi allokata kapaċità għandhom jitqiesu bħala ta’ suċċess. Wara l-allokazzjoni tal-kapaċità, il-kapaċità mhux allokata li jifdal għandha titnaqqas b’dik il-kwantità.

7.   Wara l-applikazzjoni tal-paragafu 6 u suġġett għall-paragrafu 9, fejn l-ammont tal-offerta ta’ kapaċità minn utent tan-netwerk tkun aktar mill-kapaċità mhux allokata li jifdal (wara li l-kapaċità tkun ġiet allokata lill-utenti tan-netwerk li jkunu għamlu l-ogħla offerti), dan l-utent tan-netwerk għandu jiġi allokat kapaċità li tkun daqs il-kapaċità mhux allokata li jkun jifdal.

8.   Wara l-applikazzjoni tal-paragrafu 7 u soġġett għall-paragrafu 9, meta kull waħda minn żewġ offerti jew aktar tkun tispeċifika l-istess prezz ta’ offerta, u l-ammont ta’ kapaċità rilevanti li jifdal li tkun saret applikazzjoni għaliha b’mod aggregat taħt dawn l-offerti tkun aktar mill-ammont mhux allokat li jifdal, l-ammont mhux allokat li jifdal għandu jiġi allokat prorata għall-ammonti li tkun saret applikazzjoni għalihom f’kull waħda minn dawn l-offerti.

9.   Fejn l-ammont li għandu jiġi allokat fir-rigward ta’ offerta konformi mal-paragrafu 6, 7 jew 8 jkun inqas mill-ammont minimu ta’ kapaċità skont il-paragrafu 3(e), l-offerta għandha tiġi injorata u ssir nulla u bla effett, u għandha ssir allokazzjoni riveduta bejn l-offerta/i bi prezz indaqs skont il-paragrafu 8, jew (skont il-każ) għandha ssir allokazzjoni fir-rigward tal-offerta bi prezz li jmiss, skont il-paragrafu 6.

10.   Meta l-ammont li jifdal li għandu jiġi allokat fir-rigward ta’ kwalunkwe offerta konformi mal-paragrafi 6, 7, 8, jew 9 ikun daqs żero, ma għandha tiġi allokata l-ebda kapaċità ulterjuri għall-offerti li jifdal. Dawn l-offerti għandhom jitqiesu mingħajr suċċess.

11.   Il-prezz ta’ approvazzjoni għandu jiġi ddefinit bħala l-prezz tal-offerta b’suċċess l-aktar baxxa, jekk id-domanda tkun taqbeż l-offerta tal-prezz ta’ riżerva. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-prezz ta’ approvazzjoni għandu jkun daqs il-prezz ta’ riżerva. L-utenti tan-netwerk b’suċċess għandhom iħallsu l-prezz ta’ approvazzjoni tal-irkant speċifiku, li jista’ jkun prezz fiss jew varjabbli kif stabbilit fl-Artikolu 26(2), u kwalunkwe spejjeż oħra possibbli li jkunu applikabbli meta tkun tista’ tintuża l-kapaċità allokata lilhom.

KAPITOLU IV

RAGGRUPPAMENT TA’ KAPAĊITÀ TRANSFRUNTIERA

Artikolu 19

Prodotti ta’ kapaċità raggruppata

L-operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom joffru b’mod konġunt prodotti ta’ kapaċità raggruppata, skont il-prinċipji li ġejjin:

1.

fuq iż-żewġ naħat tal-punt ta’ interkonnessjoni, il-kapaċità kostanti kollha għandha tiġi offruta bħala kapaċità raggruppata, sa fejn ikun hemm disponibbli kapaċità kostanti fuq iż-żewġ naħat tal-punt ta’ interkonnessjoni;

2.

l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom joffru kapaċità għall-prodott ta’ kapaċità standard rilevanti fuq pjattaforma ta’ prenotazzjoni, skont l-Artikolu 27 u skont il-proċedura ta’ allokazzjoni applikabbli, kif stabbilit fil-Kapitolu III;

3.

il-kapaċità raggruppata li għandha tiġi offruta mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kkonċernati f’punt ta’ interkonnessjoni għandha tiġi kuntrattata permezz ta’ proċedura ta’ allokazzjoni unika;

4.

l-utenti tan-netwerk għandhom jikkonformaw mat-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli tal-kuntratt(i) ta’ kapaċità tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kkonċernati sa minn meta tiġi kkuntrattata l-kapaċità tat-trasport;

5.

meta jkun hemm disponibbli aktar kapaċità kostanti fuq naħa waħda tal-punt ta’ interkonnessjoni milli fuq in-naħa l-oħra għal kwalunkwe perjodu kkunsidrat, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bl-aktar kapaċità kostanti disponibbli jista’ joffri din il-kapaċità eċċessiva lill-utenti tan-netwerk bħala prodott mhux raggruppat skont il-kalendarju tal-irkanti u r-regoli li ġejjin:

(a)

fejn ikun hemm kuntratt eżistenti ta’ trasport mhux raggruppat fuq in-naħa l-oħra tal-punt ta’ interkonnessjoni, tista’ tiġi offruta kapaċità fuq bażi mhux raggruppata li ma tkunx aktar mill-ammont u t-tul tal-kuntratt ta’ kapaċità tat-trasport eżistenti fuq in-naħa l-oħra;

(b)

fejn din il-kapaċità żejda ma tkunx taqa’ taħt il-paragrafu 5(a), din tista’ tiġi offruta għal perjodu massimu ta’ sena;

6.

kwalunkwe kapaċità mhux raggruppata allokata skont il-paragrafu 5 tista’ tintuża u tiġi nnominata bħala tali. Tista’ wkoll tiġi nnegozjata fis-suq sekondarju;

7.

l-operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jistabbilixxu proċedura ta’ nomina konġunta għall-kapaċità raggruppata, li tipprovdi lill-utenti tan-netwerk b’mezzi biex jinnominaw il-flussi tal-kapaċità magħquda tagħhom permezz ta’ nomina unika;

8.

l-obbligi li tiġi offruta kapaċità raggruppata japplikaw ukoll, sal-punt li jkunu rilevanti għas-swieq ta’ kapaċità sekondarji. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, il-kapaċità allokata oriġinalment bħala kapaċità raggruppata tista’ tinbiegħ biss bħala kapaċità raggruppata fis-suq sekondarju;

9.

fejn żewġ punti ta’ interkonnessjoni jew aktar jgħaqqdu l-istess żewġ sistemi kontigwi ta’ dħul u ħruġ, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni kkonċernati għandhom joffru l-kapaċitajiet disponibbli fil-punti ta’ interkonnessjoni f’punt ta’ interkonnessjoni virtwali wieħed. F’każ li jkunu involuti aktar minn żewġ operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni peress li l-kapaċità f’sistema ta’ dħul u ħruġ jew fiż-żewġ sistemi hija mmarkata minn aktar minn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni wieħed, il-punt ta’ interkonnessjoni virtwali għandu jinkludi kull wieħed minn dawn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, sal-limitu possibbli. Fil-każijiet kollha għandu jiġi stabbilit punt ta’ interkonnessjoni virtwali biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kapaċità teknika totali fil-punti ta’ interkonnessjoni virtwali għandha tkun daqs jew ogħla mis-somma tal-kapaċitajiet tekniċi f’kull wieħed mill-punti ta’ interkonnessjoni li jikkontribwixxu għall-punti ta’ interkonnessjoni virtwali;

(b)

il-punti ta’ interkonnessjoni virtwali jiffaċilitaw l-użu ekonomiku u effiċjenti tas-sistema, inkluż iżda mhux limitat għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

L-operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jibdew l-analiżi meħtieġa, u għandhom jistabbilixxu punti ta’ interkonnessjoni virtwali funzjonali sa mhux aktar tard minn 5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 20

Raggruppament fil-każ ta’ kuntratti eżistenti ta’ trasport

1.   L-utenti tan-netwerk li huma parti għal kuntratti eżistenti ta’ trasport mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament f’punti ta’ interkonnessjoni rispettivi, għandhom jimmiraw li jilħqu ftehim dwar ir-raggruppament tal-kapaċità permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali (“arranġamenti ta’ raggruppament”), bi qbil mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-utenti tan-netwerk u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jirrappurtaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti l-arranġamenti kuntrattwali kollha milħuqa mill-partijiet kollha għall-kuntratti ta’ trasport eżistenti. Fuq dik il-bażi, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibgħat rapport lill-Aġenzija rigward il-progress annwali dwar il-kapaċità ta’ raggruppament fl-Istat Membru kkonċernat. Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha tippubblika rapport dwar il-progress li jkun sar fuq il-kapaċità ta’ raggruppament.

2.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni li huma parti għall-kuntratti eżistenti ta’ trasport jistgħu jieħdu sehem fid-diskussjonijiet dwar l-arranġament ta’ raggruppament f’kull ħin, fuq stedina mill-utenti tan-netwerk li huma parti għall-kuntratti eżisenti ta’ trasport.

3.   Meta jintlaħaq arranġament ta’ raggruppament bejn utenti tan-netwerk rispettivi, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni involuti fil-punt ta’ interkonnessjoni għandhom jiġu infurmati mill-partijiet dwar dan l-arranġament ta’ raggruppament maħsub mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li għandu jiġi implimentat it-trasferiment tal-kapaċità kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, l-arranġament ta’ raggruppament għandu jiġi implimentat, skont it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli tal-kuntratti ta’ trasport relatati eżistenti. Ladarba jiġi implimentat l-arraġament ta’ raggruppament, il-kapaċità rilevanti għandha tiġi ttrattata bħala kapaċità raggruppata.

4.   Fi kwalunkwe każ, it-tul tal-arranġamenti ta’ raggruppament li jirrigwardaw il-kapaċità raggruppata taħt l-emenda tal-kuntratti eżistenti ma għandux jaqbeż it-tul tal-kuntratti ta’ trasport oriġinali.

5.   Il-kapaċità kollha għandha tiġi raggruppata malli dan ikun possibbli. Il-kuntratti eżistenti ta’ trasport għal kapaċità mhux raggruppata ma jistgħux jiġġeddu, jittawlu jew jiġu estiżi wara d-data ta’ skadenza. Din il-kapaċità għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni mid-data tal-iskadenza tal-kuntratti tat-trasport.

KAPITOLU V

KAPAĊITÀ INTERROMPIBBLI

Artikolu 21

Allokazzjoni ta’ servizzi interrompibbli

1.   L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom joffru prodott ta’ kapaċità ta’ kuljum għall-kapaċità interrompibbli fiż-żewġ direzzjonijiet f’punti ta’ interkonnessjoni fejn il-kapaċità fissa tkun ġiet offruta iżda kienet inbigħet kollha jum bil-quddiem. F’punti ta’ interkonnessjoni unidirezzjonali fejn il-kapaċità teknika tiġi offruta biss f’direzzjoni waħda, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom joffru prodott ta’ kuljum għall-kapaċità interrompibbli fid-direzzjoni l-oħra. L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jistgħu joffru prodotti ta’ kapaċità interrompibbli għal tul ta’ żmien itwal ukoll.

2.   Jekk tkun offruta kapaċità interrompibbli, din ma għandhiex tkun ta’ detriment għall-ammont ta’ kapaċità kostanti li tkun qiegħda tiġi offruta. L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni ma għandhomx iwarrbu kapaċità li tista’ tiġi offruta bħala kapaċità fissa sabiex joffruha bħala kapaċità interrompibbli.

3.   Sal-punt li jiġu offruti prodotti ta’ kapaċità interrompibbli għajr prodotti ta’ kuljum, l-istess prodotti standard ta’ kapaċità għall-kapaċità fissa għandhom japplikaw għall-kapaċità interrompibbli, f’termini ta’ tul ta’ żmien tal-prodotti.

4.   Sal-punt li tiġi offruta kapaċità interrompibbli, għandha tiġi allokata permezz ta’ proċess ta’ rkant bl-eċċezzjoni ta’ kapaċità interrompibbli matul l-istess jum.

5.   Il-kapaċità interrompibbli matul l-istess jum għandha tiġi allokata permezz ta’ proċedura ta’ nomini żejda.

6.   Il-kapaċità interrompibbli matul l-istess jum għandha tiġi allokata meta l-kapaċità kostanti, kemm jekk kapaċità teknika kif ukoll jekk kapaċità addizzjonali, tkun inbigħet kollha.

7.   Meta jiġu organizzati rkanti għal kwalunkwe prodott interrompibbli li jkunu itwal minn jum, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, jekk ikunu jafuhom, għandhom jippubblikaw l-ammonti ta’ kapaċità interrompibbli li tkun qiegħda tiġi offruta qabel il-bidu tal-proċess ta’ rkant.

8.   Jekk tkun offruta, il-kapaċità interrompibbli għandha tiġi allokata permezz ta’ rkant separat wara li tkun ġiet allokata kapaċità kostanti ta’ tul indaqs, iżda qabel ma jibda l-irkant ta’ kapaċità kostanti b’tul iqsar, bl-eċċezzjoni tal-kapaċità interrompibbli matul l-istess jum.

9.   Jekk ikunu offruti, l-irkanti ta’ kapaċità interrompibbli għandhom jitwettqu skont l-istess prinċipji ta’ disinn u limiti ta’ żmien kif applikat għall-kapaċità kostanti. Il-limiti ta’ żmien eżatti applikati għall-irkanti ta’ kapaċità interrompibbli għandhom jiġu ddettaljati fil-kalendarju tal-irkant bl-eċċezzjoni tal-kapaċità interrompibbli matul l-istess jum.

Artikolu 22

Ħinijiet minimi ewlenin ta’ interruzzjoni

1.   Il-kapaċitajiet interrompibbli għandu jkollhom ħinijiet minimi ewlenin ta’ interruzzjoni, li għandhom jiġu deċiżi b’mod konġunt minn operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni.

2.   Il-ħin minimu ewlieni predefinit ta’ interruzzjoni għal siegħa ta’ gass partikolari għandu jkun ħamsa u erbgħin minuta wara l-bidu taċ-ċiklu ta’ nomina mill-ġdid għal dik is-siegħa tal-gass. Fejn żewġ operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jkunu jixtiequ jqassru l-ħin ewlieni għall-interruzzjonijiet, kwalunkwe ftehim li jkun intlaħaq bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti.

Artikolu 23

Koordinazzjoni tal-proċess ta’ interruzzjoni

L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li jibda l-interruzzjoni għandu jinnotifika lill-operatur kontigwu rilevanti tas-sistema ta’ trażmissjoni. Operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk affettwati rispettivi tagħhom malajr kemm jista’ jkun, iżda b’kunsiderazzjoni xierqa tal-affidabbiltà tal-informazzjoni.

Artikolu 24

Sekwenza ddefinita ta’ interruzzjonijiet

1.   L-ordni li fiha għandhom jitwettqu l-interruzzjonijiet, jekk it-total tan-nomini jkun jaqbeż il-kwantità ta’ gass li jista’ jgħaddi minn punt ta’ interkonnessjoni partikolari, għandu jiġi stabbilit abbażi tas-siġill tal-ħin kuntrattwali tal-kuntratti ta’ trasport rispettivi fuq bażi interrompibbli. F’każ ta’ interruzzjoni, il-kuntratti ta’ trasport li jkunu daħlu fis-seħħ aktar kmieni għandhom jipprevalu fuq kuntratti ta’ trasport li jidħlu fis-seħħ aktar tard.

2.   Jekk, wara l-applikazzjoni tal-proċedura deskritta fil-paragrafu 1, żewġ nomini jew aktar jiġu kklassifikati fl-istess pożizzjoni fl-ordni ta’ interruzzjoni, u l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma jinterrompihomx kollha kemm huma, għandu jiġi applikat tnaqqis prorata fuq dawn in-nomini speċifiċi.

3.   Biex jakkomodaw id-differenzi bejn id-diversi servizzi ta’ kapaċità interrompibbli fl-Unjoni, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jimplimentaw u jikkoordinaw il-proċeduri konġunti previsti f’dan l-Artikolu fuq bażi ta’ punt ta’ interkonnessjoni wara l-ieħor.

Artikolu 25

Raġunijiet għall-interruzzjonijiet

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinkludu raġunijiet għall-interruzzjonijiet jew direttament fil-kuntratti ta’ trasport interrompibbli tagħhom, jew fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw dawn il-kuntratti. Ir-raġunijiet għall-interruzzjonijiet jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, il-kwalità tal-gass, il-pressjoni, it-temperatura, il-mudelli ta’ flussi, l-użu ta’ kuntratti kostanti, il-manutenzjoni, il-limitazzjonijiet downstream jew upstream, l-obbligi tas-servizz pubbliku, u l-ġestjoni tal-kapaċità li tirriżulta mill-proċeduri tal-ġestjoni tal-konġestjoni.

KAPITOLU VI

TARIFFI U PJATTAFORMI TA’ PRENOTAZZJONI TA’ KAPAĊITÀ

Artikolu 26

Tariffi

1.   It-tariffa, kif ikkalkulata bl-użu tal-metodoloġija stipulata u/jew approvata mill-awtorità regolatorja nazzjonali, jew it-tariffa stipulata u/jew approvata mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għandha tintuża bħala l-prezz ta’ riżerva fl-irkanti kollha għall-prodotti kollha ta’ kapaċità standard għall-kapaċità kostanti u interrompibbli.

2.   Il-prezz li għandu jitħallas stabbilit fi rkant ta’ kapaċità jista’ jkun prezz fiss jew prezz varjabbli, jew ikun soġġett għal arranġamenti oħra previsti fir-reġim regolatorju applikabbli. Il-prezz fiss għandu jikkonsisti mit-tariffa applikabbli meta jsir l-irkant, biż-żieda tal-primjum tal-irkant. Il-prezz varjabbli għandu jikkonsisti mit-tariffa applikabbli meta tkun tista’ tintuża l-kapaċità, biż-żieda tal-primjum tal-irkant. L-arranġamenti jistgħu jkunu differenti għall-kapaċitajiet fi prodott raggruppat fuq kwalunkwe naħa ta’ punt ta’ interkonnessjoni.

3.   L-arranġamenti ta’ tariffi xierqa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali u/jew tal-Unjoni fi żmien xieraq. Dawn l-arranġamenti għandhom jippermettu l-implimentazzjoni xierqa tal-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità stabbiliti b’dan ir-Regolament, mingħajr ma jimponu effetti detrimentali fuq id-dħul u l-pożizzjonijiet tal-fluss tal-flus tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, minħabba l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet dwar it-twarrib ta’ proporzjon ta’ kapaċità, inkluża l-kapaċità l-ġdida, skont l-Artikoli 2(3), 8(7) u 8(8) u l-Artikolu 19(5)(b).

4.   Id-dħul mill-irkant tal-kapaċità raggruppata għandu jinqasam bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni li jqiegħdu kapaċitajiet f’kapaċità raggruppata. Il-prezz ta’ riżerva tal-kapaċità raggruppata għandu jkun it-total tal-prezzijiet ta’ riżerva tal-kapaċitajiet fil-kapaċità raggruppata. Id-dħul kollu mill-bejgħ ta’ kapaċità raggruppata għandu jiġi attribwit għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni wara kull tranżazzjoni ta’ kapaċità.

5.   Id-dħul mill-prezz ta’ riżerva tal-kapaċità raggruppata għandu jiġi attribwit lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni b’mod proporzjonali għall-prezzijiet ta’ riżerva tal-kapaċitajiet fil-kapaċità raggruppata. Id-dħul mill-primjum tal-irkant mill-kapaċità raggruppata li jkun aktar mill-prezz ta’ riżerva għandu jinqasam skont il-ftehim bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali, fejn ikun xieraq, qabel l-irkanti. Fejn ma jiġi konkluż l-ebda ftehim qabel l-irkant, id-dħul mill-primjum tal-irkant mill-kapaċità raggruppata għandu jiġi attribwit għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni fi proporzjonijiet indaqs.

6.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom japprovaw il-mekkaniżmi ta’ rkupru eċċessiv jew insuffiċjenti. Fejn jiġi applikat reġim ta’ limitazzjoni tal-prezz, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tapprova l-użu tad-dħul mill-prezzijiet ta’ kapaċità li jaqbżu t-tariffa rispettiva.

Artikolu 27

Pjattaformi ta’ prenotazzjoni ta’ kapaċità

1.   L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom japplikaw dan ir-Regolament billi joffru kapaċità permezz ta’ pjattaforma waħda, jew għadd limitat ta’ pjattaformi konġunti, ta’ prenotazzjoni fuq l-Internet. L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jistgħu joperaw tali pjattaformi huma stess, jew permezz ta’ parti miftiehma li, fejn meħtieġa, taġixxa f’isimhom lejn l-utenti tan-netwerk.

2.   Il-pjattaformi konġunti ta’ prenotazzjoni għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

għandhom japplikaw ir-regoli u l-proċeduri għall-offerta u l-allokazzjoni tal-kapaċità skont il-Kapitolu III;

(b)

l-istabbilment ta’ proċess biex tiġi offruta kapaċità raggruppata kostanti skont il-Kapitolu IV għandu jingħata prijorità;

(c)

għandhom jiġu pprovduti funzjonalitajiet għall-utenti tan-netwerk biex joffru u jiksbu kapaċità sekondarja;

(d)

sabiex jużaw is-servizzi tal-pjattaformi ta’ prenotazzjoni, l-utenti tan-netwerk għandhom jaderixxu u jikkonformaw mar-rekwiżiti legali u kontrattwali applikabbli li jippermettulhom jibbukjaw u jużaw il-kapaċità fuq in-netwerk tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni rilevanti taħt kuntratt ta’ trasport;

(e)

il-kapaċità fi kwalunkwe punt ta’ interkonnessjoni wieħed, jew punt ta’ interkonnessjoni virtwali, ma għandhiex tiġi offruta f’aktar minn pjattaforma waħda ta’ prenotazzjoni.

3.   L-istabbiliment ta’ pjattaforma waħda, jew għadd limitat ta’ pjattaformi konġunti, ta’ prenotazzjoni għandu jiffaċilita u jħaffef il-prenotazzjoni tal-kapaċità f’punti ta’ interkonnessjoni mal-Unjoni kollha, għall-ġid tal-utenti tan-netwerk. Għal dan il-għan, l-ENTSOG, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandu jwettaq konsultazzjoni pubblika biex jidentifika l-bżonnijiet tas-suq. Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jdum mhux aktar minn sitt xhur, inkluża l-pubblikazzjoni, mill-ENTSOG, ta’ rapport bir-riżultati tal-konsultazzjoni. Ir-rapport għandu jidentifika alternattivi biex jiġu implimentati l-bżonnijiet tas-suq indikati, b’kunsiderazzjoni tal-ispejjeż u taż-żmien, bil-għan li tiġi implimentata l-aktar alternattiva xierqa, minn operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni jew minn partijiet terzi f’isimhom. Fejn xieraq, l-ENTSOG u l-Aġenzija għandhom jiffaċilitaw dan il-proċess.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 6(1)a, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(2)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

(3)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57.

(4)  OJ L 211, 14.8.2009, p. 1.

(5)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.


Top