EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0886

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013 tal- 15 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 247, 18.9.2013, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/886/oj

18.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 247/6


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 886/2013

tal-15 ta’ Mejju 2013

li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(c) u 6(1) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(c) tad-Direttiva 2010/40/UE jidentifika, bħala azzjoni ta’ prijorità, id-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti.

(2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/40/UE jirrikjedi lill-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet neċessarji biex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tal-varar u l-użu operattiv ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (STI) għall-azzjonijiet ta’ prijorità.

(3)

Il-Komunikazzjoni “Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” (2) tirrikonoxxi li l-“ITS għandhom il-potenzjali li jkollhom rwol konsiderevoli għat-titjib tas-sikurezza tat-traffiku, pereżempju permezz tal-adozzjoni ta’ sistemi biex jiġu detetti l-inċidenti u ssir superviżjoni tat-traffiku li huma kapaċi jipprovdu informazzjoni lill-utenti aħħarin fil-ħin reali.”

(4)

Għall-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni, id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (3), tissettja regoli minimi għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex imorru lil hinn minn dawn ir-regoli minimi u biex jadottaw politiki li jippermettu l-użu mifrux tal-informazzjoni jew dejta li tkun tinsab għand korpi tas-settur pubbliku.

(5)

Il-varar u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi ITS jinvolvi l-ipproċessar tad-dejta personali li għandu jitwettaq skont il-liġi tal-Unjoni, kif hemm stipulat, b’mod partikolari fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (4) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (5). Għalhekk, il-prinċipji tal-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-dejta għandhom jiġu applikati fl-applikazzjonijiet u s-servizzi ITS.

(6)

Sabiex tintlaħaq il-kompatibbilità, l-interoperabbiltà u l-kontinwità, hemm bżonn li jiġu definiti r-rekwiżiti minimi għas-servizzi tal-informazzjoni dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jirrelataw mal-identifikazzjoni u l-użu ta’ lista standardizzata tal-avvenimenti jew kundizzjonijiet tat-traffiku marbuta mas-sikurezza li għandhom jiġu kkomunikati lill-utenti aħħarin, kif ukoll il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-utenti aħħarin. Jekk l-utenti aħħarin jirċievu l-informazzjoni mingħand kanali tat-twassil diversi li huma taħt il-kontroll ta’ operaturi pubbliċi u/jew privati, fornituri tas-servizz u xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku, dik l-informazzjoni ma għandhiex tkun kontradittorja, u għalhekk għandha tikkonsisti mill-istess elementi u tkun ibbażata fuq l-istess deskrizzjoni tal-avveniment jew kundizzjoni konċernata.

(7)

Id-dejta tat-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza hija essenzjali għall-forniment tal-informazzjoni minima universali tat-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza. Din tinġabar u tinħażen mill-operaturi u l-fornituri tas-servizz pubbliċi u/jew privati. Sabiex din id-dejta tkun magħmula disponibbli faċilment għall-iskambju u l-użu mill-ġdid għall-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni, l-operaturi u l-fornituri tas-servizz pubbliċi u/jew privati għandhom jagħmluha disponibbli permezz ta’ punti ta’ aċċess individwali jew jiżguraw li huma aċċessibbli permezz ta’ punti ta’ aċċess nazzjonali stabbiliti u ġestiti mill-Istati Membri. Dawn il-punti tal-aċċess nazzjonali jistgħu jkunu fil-forma ta’ repożitorju, reġistru, portal tal-web jew simili.

(8)

Din id-dejta tat-traffiku fuq it-toroq marbuta mas-sikurezza għandha ssir aċċessibbli skont ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta (eż. id-dejta personali tkun annonima). Jekk is-servizz tal-informazzjoni għandu jiddependi fuq il-ġbir tad-dejta, inkluż il-ġeolokazzjoni min-naħa tal-utenti aħħarin infushom jew permezz ta’ sistemi kooperattivi fil-futur, allura l-utenti aħħarin għandhom ikunu infurmati b’mod ċar dwar il-ġbir ta’ din id-dejta, l-arranġamenti għall-ġbir tad-dejta u l-intraċċar potenzjali, u l-perjodi li matulhom tinżamm din id-dejta. Għandhom jiġu varati miżuri tekniki li jixirqu mill-operaturi stradali pubbliċi u/jew privati, il-fornituri tas-servizz u l-industriji tal-vetturi biex jiżguraw l-anonimità tad-dejta li tasal mingħand l-utenti aħħarin jew mill-vettura tagħhom.

(9)

Dawk l-Istati Membri li diġà jipprovdu xi forma ta’ informazzjoni dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza dwar it-territorju tagħhom għandhom ikunu jistgħu jkomplu jużaw il-metodi eżistenti tagħhom, sa fejn huma konsistenti mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tas-sikurezza u tat-traffiku f’termini ta’ tnaqqis tal-għadd ta’ aċċidenti stradali u l-fatalijiet fl-Unjoni, il-forniment tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza għandu jkun kompatibbli, interoperabbli u kontinwu madwar l-Istati Membri, u l-informazzjoni jkollha livell minimu ta’ kwalità u, fejn possibbli, tkun b’xejn għall-utenti aħħarin kollha.

(10)

Biex l-Istati Membri kollha jiżviluppaw approċċ armonizzat u mingħajr problemi lejn il-forniment tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mat-traffiku madwar l-Unjoni huwa rilevanti li jiġu definiti r-rekwiżiti għall-Unjoni kollha li se japplikaw għall-forniment minimu universali ta’ kwalunkwe servizz ta’ informazzjoni dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza. L-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq soluzzjonijiet tekniċi eżistenti u standards miftuħin, ipprovduti mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali sabiex jiżguraw l-interoperabbiltà u l-kontinwità tal-forniment tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza fl-Unjoni.

(11)

Għandu jinkiseb livell minimu tal-kwalità sabiex jiżgura li l-forniment tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza huwa affidabbli u ta’ benefiċċju. L-Istati Membri għandhom jaħdmu iżjed u jikkondividu l-esperjenzi tagħhom dwar id-definizzjoni tal-kriterji tal-kwalità rilevanti, il-metodi tal-kejl u l-monitoraġġ tal-kwalità, u l-miri tal-kwalità għal kull tip ta’ avveniment jew kundizzjoni stradali marbuta mas-sikurezza, in-netwerks stradali u/jew l-ambjenti tal-operat. L-Istati Membri għandhom jikkondividu l-għarfien u l-aħjar prattiki tagħhom billi jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-riżultati tal-analiżi u l-esperjenzi tagħhom marbuta ma’ dan is-suġġett.

(12)

Għalkemm l-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza għandha tkun fornuta, fejn possibbli, bħala faċilità universali b’xejn lill-utenti aħħarin, jista’ jkun għad fadal xi spejjeż għall-utenti marbuta mal-ispejjeż tat-telekom, il-liċenzja tar-radju, jew ix-xiri tal-apparat li jagħmel ir-riċeviment tal-informazzjoni possibbli.

(13)

L-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza għandha tasal għand l-utenti aħħarin kif inhu teknikament fattibbli filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet tekniċi differenti tal-vetturi, il-kanali tat-twassil u l-apparat tar-riċeviment disponibbli fis-suq.

(14)

L-operaturi u l-fornituri tas-servizz pubbliċi u privati għandhom jimmiraw li jarmonizzaw il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-informazzjoni fornut lill-utenti aħħarin irrispettivament mil-lingwa tagħhom. Għal dawk l-Istati Membri li ffirmaw l-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1968 dwar is-Sinjali Stradali maqbul mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-8 ta’ Novembru 1968, għandhom jiddependu fuqu, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar is-Sinjali Stradali żviluppata mill-Grupp ta’ Ħidma dwar s-Sikurezza tat-Traffiku Stradali (6).

(15)

Abbażi ta’ valutazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddelinejaw il-kopertura tas-servizz tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza skont in-netwerk transEwropew tat-toroq fi ħdan it-territorju tagħhom biex jiffukaw fuq partijiet u żoni tat-toroq fejn it-traffiku u l-kundizzjonijiet tas-sikurezza jeħtieġu l-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni u jiġġustifikaw l-investiment assoċjat. Madankollu, huwa rikonuxxut li minħabba s-sitwazzjonijiet u l-partijiet interessati differenti, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għan-nodi urbani. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-delinejazzjoni nazzjonali tas-servizz tal-informazzjoni.

(16)

L-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2010/40/UE jirrikjedi lill-Kummissjoni tissottometti rapport kull tliet snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn analiżi tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Artikoli 5 sa 11 u l-Artikolu 16, u għandu jivvaluta l-ħtieġa biex jemenda din id-Direttiva, fejn jixraq. Din ir-reviżjoni għandha tivvaluta wkoll il-ħtieġa biex temenda u/jew tikkumplimenta l-ispeċifikazzjonijiet adottati għal azzjonijiet ta’ prijorità, fejn jixraq, fid-dawl tal-varar nazzjonali tagħhom, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-progress fl-istandaradizzazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Ir-Regolament jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontiwità għall-varar u l-użu operattiv tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti fil-livell tal-Unjoni skont id-Direttiva 2010/40/UE.

Għandu japplika għall-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza dwar in-netwerk transEwropew tat-toroq.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“netwerk transEwropew tat-toroq” tfisser netwerk stradali kif definit fit-Taqsima 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (7) bl-esklużjoni tan-nodi urbani;

(b)

“triq temporanjament tiżloq” tfisser kwalunkwe kundizzjoni mhux imbassra tal-wiċċ tat-triq li tagħmilha tiżloq għal ċertu ammont ta’ ħin u b’hekk tikkawża aderenza baxxa tal-vettura mat-triq;

(c)

“annimali, persuni, ostakli, residwi fit-triq” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni fejn annimali, residwi, ostakli jew nies jinsabu stazzjonati fit-triq fejn wieħed ma jkunx qed jistenna li jsibhom u għalhekk taf tkun meħtieġa manuvra ta’ emerġenza biex jiġu evitati;

(d)

“żona tal-aċċidenti mhux protetta” tfisser żona fejn ikun sar aċċident u li tkun għadha ma ġietx ċirkondata mill-awtorità kompetenti;

(e)

“xogħlijiet fit-toroq għal żmien qasir” tfisser kwalunkwe xogħlijiet fit-toroq temporanji li jtwettqu fit-triq jew mal- ġenb tat-triq u li huma indikati biss bi ftit sinjali minħabba n-natura ta’ żmien qasir ta’ dawn ix-xogħlijiet;

(f)

“viżibbiltà ridotta” tfisser viżibbiltà affettwata minn kwalunkwe kundizzjoni li tnaqqas il-firxa viżiva tas-sewwieqa u li tista’ taffettwa s-sewqan sikur;

(g)

“sewwieq fid-direzzjoni l-ħażina” tfisser vettura li tkun qed issuq fid-direzzjoni l-ħażina, fi triq fejn il-karozzi jsuqu fuq iż-żewġ naħiet, li hija opposta tat-traffiku li ġej bil-kontra;

(h)

“imblokk ta’ triq mhux amministrat” tfisser kwalunkwe imblokk ta’ triq, parzjali jew totali, li ma jkunx ingħata attenzjoni jew twaħħlulu s-sinjali kif suppost;

(i)

“kundizzjonijiet eċċezzjonali tat-temp” tfisser kundizzjonijiet tat-temp mhux mistennija, severi u barra mill-istaġun li jistgħu jaffettwaw is-sewqan sikur;

(j)

“utent tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza” tfisser kwalunkwe persuna legali jew naturali li tipparteċipa fil-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza, bħall-operaturi pubbliċi u privati stradali, il-maniġers tat-traffiku, il-fornituri tas-servizz u x-xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku;

(k)

“utent aħħari” tfisser kwalunkwe sewwieq li jibbenefika mis-servizzi tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza;

(l)

“servizz tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza” tfisser servizz tal-informazzjoni dwar it-traffiku fil-ħin reali li jipprovdi kontenut minimu marbut mas-sikurezza stradali u li jista’ jkun aċċessat bi sforz minimu minn għadd massimu ta’ utenti aħħarin;

(m)

“dejta tat-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza” tfisser dejta neċessarja għall-forniment tas-servizz tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza u miġbura permezz ta’ sors privat jew pubbliku;

(n)

“informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza” tfisser kwalunkwe dejta tat-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza li hija estratta, aggregata jew ipproċessata, offruta minn operaturi stradali pubbliċi u/jew privati lill-utenti aħħarin permezz ta’ diversi kanali;

(o)

“punt ta’ aċċess” tfisser punt diġitali ta’ aċċess fejn id-dejta tat-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza li hija neċessarja biex tiġġenera l-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza tinġabar, tiġi fformattjata u hija magħmula disponibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid;

(p)

“b’xejn” tfisser il-forniment ta’ servizz tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza mingħajr spiża żejda għall-utenti aħħarin fil-punt tal-użu.

Artikolu 3

Lista ta’ avvenimenti jew kundizzjonijiet tat-toroq marbuta mas-sikurezza

L-avvenimenti jew kundizzjonijiet koperti mis-servizz tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza għandhom jikkonsistu minn tal-inqas waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

triq temporanjament tiżloq;

(b)

annimali, persuni, ostakli, residwi fit-triq;

(c)

żona ta’ aċċident mhux protetta;

(d)

xogħlijiet fit-triq għal żmien qasir;

(e)

viżibbiltà ridotta;

(f)

sewwieq fid-direzzjoni l-ħażina;

(g)

imblokk ta’ triq mhux amministrat;

(h)

kundizzjonijiet eċċezzjonali tat-temp.

Artikolu 4

Kontenut tal-informazzjoni

1.   L-informazzjoni fornuta dwar l-avvenimenti jew kundizzjonijiet tat-toroq marbuta mas-sikurezza għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-post tal-avveniment jew il-kundizzjoni;

(b)

il-kategorija tal-avveniment jew il-kundizzjoni kif jissemma fl-Artikolu 3 u, fejn jixraq, deskrizzjoni qasira tiegħu/tagħha;

(c)

parir dwar l-aġir fis-sewqan, fejn jixraq.

2.   L-informazzjoni għandha titneħħa jekk l-avveniment jew il-kundizzjoni ma tibqax teżisti jew għandha tiġi modifikata jekk ikun hemm bidla fl-avveniment jew il-kundizzjoni.

Artikolu 5

Forniment tas-servizz tal-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw taqsimiet tan-netwerk transEwropew tat-toroq fejn il-kundizzjonijiet tat-traffiku u tas-sikurezza jirrikjedu l-varar ta’ servizz tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza.

Għandhom jikkomunikaw dawn it-taqsimiet tat-toroq lill-Kummissjoni.

2.   Il-forniment tas-servizz ta’ informazzjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipultati fl-Artikolu 6 sa 8.

Artikolu 6

Detezzjoni ta’ avvenimenti jew kundizzjonijiet u l-ġbir tad-dejta

Għall-iskop ewlieni tal-forniment ta’ servizz tal-informazzjoni, l-operaturi stradali pubbliċi u privati u/jew il-fornituri tas-servizz għandhom jistabbilixxu jew jużaw il-mezzi biex jindunaw bl-avvenimenti jew jidentifikaw il-kundizzjonijiet u għandhom jiġbru d-dejta tat-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza rilevanti.

Il-varar ta’ dawn il-mezzi għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stipulati fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 7

Disponibblità, skambju u użu mill-ġdid tad-dejta

1.   L-operaturi stradali pubbliċi u/jew privati u/jew il-fornituri tas-servizz għandhom jikkondividu u jiskambjaw id-dejta li jiġbru skont l-Artikolu 6. Għal dak il-għan, għandhom jagħmlu din id-dejta disponibbli fil-format tad-DATEX II (CEN/TS 16157) jew kwalunkwe format li huwa kompletament kompatibbli u interoperabbli mal-magni li jaqraw DATEX II permezz ta’ punt ta’ aċċess.

2.   L-Istati Membri għandhom jamministraw punt nazzjonali ta’ aċċess għad-dejta msemmijia fil-paragrafu 1, li jiggruppja flimkien il-punti tal-aċċess stabbiliti mill-operaturi stradali pubbliċi u/jew privati u/jew il-fornituri tas-servizz li joperaw fit-territorju tagħhom.

3.   Din id-dejta għandha tkun aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid minn kwalunkwe utent tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza:

(a)

fuq bażi li mhix diskriminatorja;

(b)

fi ħdan l-Unjoni rrispettivament mill-Istat Membru tal-istabbiliment;

(c)

skont id-drittijiet u l-proċeduri ta’ aċċess definiti fid-Direttiva 2003/98/KE;

(d)

fi żmien stipultat li jiżgura l-forniment f’waqqtu tas-servizz tal-informazzjoni;

(e)

permezz ta’ punt nazzjonali ta’ aċċess.

4.   L-operaturi stradali pubbliċi u privati u l-fornituri tas-servizz għandhom jiżguraw it-tiġdid f’waqqtu u l-kwalità tad-dejta magħmula disponibbli permezz tal-punt ta’ aċċess tagħhom.

Artikolu 8

Disseminazzjoni tal-informazzjoni

1.   L-operaturi stradali pubbliċi, il-fornituri tas-servizz u x-xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku għandhom jipprovdu informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza lill-utenti aħħarin qabel il-forniment ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra tat-traffiku mhux marbuta mas-sikurezza.

2.   Is-servizz tal-informazzjoni għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Għandu jkun jipprovdut f’tali mod li jiżgura l-iżjed ilħuq mifrux għall-utenti aħħarin konċernati bl-avveniment jew il-kundizzjoni partikolari msemmija fl-Artikolu 3;

(b)

Għandu jkun magħmul disponibbli mill-operaturi pubbliċi u/jew privati u/jew il-fornituri tas-servizzi u/jew ix-xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku, fejn possibbli b’xejn għall-utenti aħħarin.

3.   L-operaturi u l-fornituri tas-servizz pubbliċi u privati għandhom jikkollaboraw biex jarmonizzaw il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-informazzjoni fornuta lill-utenti aħħarin.

Għandhom jinfurmaw lill-utenti aħħarin dwar l-eżistenza tas-servizz tal-informazzjoni u l-kopertura tiegħu.

Artikolu 9

Valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp nazzjonali kompetenti li huwa imparzjali u indipendenti biex jivvaluta jekk ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 sa 8 humiex sodisfatti mill-operatui stradali u l-fornituri tas-servizz pubbliċi u privati u x-xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku. Żewġ Stati Membri jew iktar jistgħu jinnominaw korp kompetenti komuni biex jivvaluta l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti fit-territorji tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-korpi nazzjonali lill-Kummissjoni.

2.   L-operaturi stradali pubbliċi u privati, il-fornituri tas-servizz u x-xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku għandhom jipprovdu lill-korpi nazzjonali nominati, id-dettalji tal-identifikazzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-servizz tal-informazzjoni li huma jipprovdu, u jissottomettu dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 sa 8.

Id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin, fejn applikabbli:

(a)

il-kategoriji tat-toroq marbuta mas-sikurezza koperti u l-kopertura tan-netwerk stradali tas-servizz tal-informazzjoni;

(b)

informazzjoni dwar il-punt ta’ aċċess tagħhom għad-dejta tat-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħha;

(c)

il-format tad-dejta tat-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza aċċessibbli permezz tal-punt ta’ aċċess tagħhom;

(d)

il-mezzi għat-tqassim tas-servizz tal-informazzjoni għall-utenti aħħarin.

L-operaturi stradali pubbliċi jew privati, il-fornituri tas-servizz u x-xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku għandhom jaġġornaw immedjatament id-dikjarazzjonijiet tagħhom tal-konformità wara kwalunkwe bidla fil-forniment tas-servizz tagħhom.

3.   Il-korpi nazzjonali nominati għandhom iwettqu spezzjonijiet aleatorji dwar il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ għadd ta’ operaturi stradali pubbliċi u privati, fornituri tas-servizz u xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku, u għandhom jitolbu prova tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 sa 8.

Kull sena, il-korpi nazzjonali nominati għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet nazzjonali dwar id-dikjarazzjonijiet sottomessi u dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet aleatorji tagħhom.

Artikolu 10

Segwitu

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-korp nazzjonali nominat għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 sa 8;

(b)

id-deskrizzjoni tal-punt nazzjonali ta’ aċċess eżistenti jew imbassar.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u kull sena kalendarja wara dan, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-progress li għamlu fl-implimentazzjoni tas-servizz tal-informazzjoni, inkluż il-kriterji użati biex jiġi definit il-livell ta’ kwalità tiegħu u l-mezzi użati għall-monitoraġġ tal-kwalità tiegħu;

(b)

ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stipultati fl-Artikoli 3 sa 8;

(c)

fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-bidliet tal-punt nazzjonali ta’ aċċess.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2013. Madankollu, fir-rigward tas-servizz tal-informazzjoni diġà varat fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

(2)  COM(2010) 389 finali.

(3)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.

(4)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(5)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(6)  Nazzjonijiet Uniti — ECE/TRANS/WP.1/119/Rev.2 – 27 ta’ Mejju 2010.

(7)  ĠU L 204, 5.8.2010, p. 1.


Top