EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0153

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 tad- 19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 4 ta’ Lulju 2012 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 52, 23.2.2013, p. 41–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 012 P. 166 - 199

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/03/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/153/oj

23.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 52/41


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 153/2013

tad-19 ta' Diċembru 2012

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(8), Artikolu 26(9), l-Artikolu 29(4), l-Artikolu 34(3), l-Artikolu 41(5), l-Artikolu 42(5), l-Artikolu 44(2), l-Artikolu 45(5), l-Artikolu 46(3), l-Artikolu 47(8) u l-Artikolu 49(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib, billi jittrattaw ir-rekwiżiti organizzattivi, inkluża ż-żamma tar-rekords u l-kontinwità tal-operat, u r-rekwiżiti prudenzjali, inkluż fir-rigward tal-marġni, il-fond tal-inadempjenza, il-kontrolli tar-riskju tal-likwidità, il-kaskata tal-inadempjenza, il-kollateral, il-politika ta’ investiment, l-analiżi tal-mudelli, l-ittestjar tal-istress u l-ittestjar retrospettiv. Sabiex tiġi żgurata koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni soġġetti għal dawk l-obbligi, ikun tajjeb li jiġu inklużi l-istandards tekniċi regolatorji kollha meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 648/2012 f’Regolament wieħed.

(2)

Fid-dawl tan-natura globali tas-swieq finanzjarji, dan ir-Regolament għandu jqis il-Prinċipji għal Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju maħruġa mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (Prinċipji CPSS-IOSCO) li jservu bħala standard globali għal rekwiżiti regolatorji għal kontropartijiet ċentrali (central counterparties - CCPs).

(3)

Biex jiġi żgurat li s-CCPs ikunu sikuri u sodi fil-kundizzjonijiet kollha tas-suq, huwa importanti li s-CCPs jadottaw proċeduri prudenti ta’ ġestjoni tar-riskju li jkopru b’mod dovut r-riskji kollha li s-CCPs huma jew jistgħu jkunu esposti għalihom. F’dan ir-rigward, l-istandards tal-ġestjoni tar-riskju effettivament implimentati mis-CCPs għandhom ikunu aktar stretti minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament jekk ikun meqjus xieraq għall-finijiet ta’ ġestjoni tar-riskju.

(4)

Sabiex jiġi identifikat b’mod ċar għadd limitat ta’ kunċetti li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 648/2012, kif ukoll biex jiġu speċifikati t-termini tekniċi neċessarji għall-iżvilupp ta’ dan l-istandard tekniku, għandhom jiġu ddefiniti għadd ta’ termini.

(5)

Huwa importanti li jiġi żgurat li s-CCPs rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi ma jfixklux il-funzjonament ordinat tas-swieq tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li jiġi żgurat li s-CCPs rikonoxxuti mhumiex f’pożizzjoni li jbaxxu r-rekwiżiti tagħhom ta’ ġestjoni tar-riskju taħt l-istandards tal-Unjoni, li jista’ jwassal għal arbitraġġ regolatorju. Permezz tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-AETS dwar ir-rikonoxximent ta’ CCP ta’ pajjiż terz, AETS għandha tkun tista’ tivvaluta jekk dik is-CCP tkunx f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli f’dak il-pajjiż terz. Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-ekwivalenza mill-Kummissjoni għandha tiżgura li l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż terz huma ekwivalenti għal kull dispożizzjoni taħt it-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni għall-investitur, fir-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi, l-Awtorita Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) tista’ tesiġi informazzjoni addizzjonali għal dik strettament meħtieġa biex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma ssodisfati.

(7)

Il-valutazzjoni kontinwa tal-konformità sħiħa tas-CCP ta’ pajjiż terz mar-rekwiżiti prudenzjali ta’ tali pajjiż terz hija d-dmir tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz. L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-AETS mis-CCP applikanti ta’ pajjiż terz ma għandhiex l-għan li tirrepeti l-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, iżda li tiżgura li s-CCP tkun soġġetta għal superviżjoni u infurzar effettivi fil-pajjiż terz, u b’hekk jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni għall-investitur.

(8)

Biex ikun possibbli għall-AETS li twettaq valutazzjoni kompleta, l-informazzjoni pprovduta mis-CCP applikanti ta’ pajjiż terz għandha tkun ikkomplementata minn dik l-informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta l-effettività tas-superviżjoni kontinwa, tas-setgħat ta’ infurzar, u tal-azzjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz. Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta taħt l-arranġament ta’ kooperazzjoni stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Tali arranġament ta’ kooperazzjoni għandu jiżgura li l-AETS tkun infurmata f’waqtha b’kull azzjoni ta’ superviżjoni jew infurzar fil-konfront ta’ CCP li tapplika għar-rikonoxximent u kwalunkwe bidla tal-kundizzjonijiet li taħthom ingħatat l-awtorizzazzjoni lis-CCP rilevanti u dwar kwalunkwe aġġornament rilevanti tal-informazzjoni oriġinarjament ipprovduta mis-CCP taħt il-proċess ta’ rikonoxximent.

(9)

Ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar il-linji interni ta’ rapportar tar-riskji jesiġu speċifikazzjoni ulterjuri biex jimplimentaw qafas ta’ ġestjoni tar-riskji, li jinkludi l-istruttura, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-proċess intern tal-ġestjoni tar-riskji. L-arranġamenti ta’ governanza għandhom iqisu reġimi differenti dwar id-dritt soċjetarju fl-Unjoni, biex jiġi żgurat li s-CCPs joperaw f’qafas ġuridiku sod.

(10)

Biex jiġi żgurat li CCP timplimenta l-proċeduri xierqa biex tikkonforma ma’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1249/2012 (3), għandhom ikunu speċifikati r-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ funzjoni ta’ konformità ta’ CCP.

(11)

Jinħtieġ li jiġu ddefiniti b’mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-bord u tal-maniġment superjuri kif ukoll li jiġu speċifikati r-rekwiżiti minimi għall-funzjonament tal-bord sabiex jiġi żgurat li l-istruttura organizzattiva tas-CCP tippermettilha li twettaq is-servizzi u l-attivitajiet tagħha b’mod kontinwu u ordnat. Jinħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti linji tar-rapportar ċari u diretti biex jiżguraw ir-responsabbiltà.

(12)

Sabiex tiġi żgurata ġestjoni soda u prudenti ta’ CCP, huwa importanti li l-politika tar-remunerazzjoni tagħha tiskoraġġixxi t-teħid eċċessiv ta’ riskji. Biex il-politika tar-remunerazzjoni tipproduċi l-effetti mixtieqa, għandha tkun immonitorjata u riveduta b’mod adegwat mill-bord li għandu jistabbilixxi kumitat speċifiku sabiex jissorvelja b’mod xieraq l-issodisfar tal-politika tar-remunerazzjoni.

(13)

Biex jiġi żgurat li s-CCPs joperaw bil-livell meħtieġ ta’ riżorsi umani li jissodisfaw l-obbligi kollha tagħhom, ikunu responsabbli għall-prestazzjoni tal-attivitajiet tagħhom u li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-punti ta’ kuntatt rilevanti fi ħdan is-CCPs li huma jissuperviżjonaw, is-CCPs għandu jkollhom mill-inqas uffiċjal kap tar-riskji, uffiċjal kap għall-konformità u uffiċjal kap tat-teknoloġija.

(14)

Is-CCPs għandhom jivvalutaw u jimmonitorjaw b’mod adegwat sa fejn il-membri tal-bord li jservu fuq il-bordijiet ta’ entitajiet differenti jkollhom kunflitti ta’ interess, kemm jekk ġewwa jew barra l-grupp tas-CCP. Il-membri tal-bord ma għandhomx jinżammu milli jservu fuq bordijiet differenti sakemm dan ma jagħtix lok għal kunflitti ta’ interess.

(15)

Sabiex ikollha funzjoni effettiva ta’ awditjar, CCP għandha tiddefinixxi r-responsabbiltajiet u l-linji tar-rapportar tal-awdituri interni tagħha, biex jiġi żgurat li jitressqu f’waqthom kwistjonijiet rilevanti quddiem il-bord tas-CCP u lill-awtoritajiet kompetenti. Meta jiġi stabbilit u jinżamm uffiċċju tal-awditjar intern, il-missjoni, l-indipendenza u l-oġġettività, l-ambitu u r-responsabbiltà, l-awtorità, ir-responsabbiltà u l-istandards ta’ operazzjoni tiegħu għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar.

(16)

Sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha b’mod effettiv, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha tingħata aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiddetermina jekk is-CCP hijiex konformi mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mis-CCP mingħajr dewmien żejjed.

(17)

Rekords miżmumin minn CCPs għandhom jiffaċilitaw għarfien dettaljat tal-iskopertura tal-kreditu tas-CCPs għal membri tal-ikklerjar u jippermettu monitoraġġ tar-riskju sistemiku implikat. Permezz tagħhom għandu jkun possibbli wkoll għall-awtoritajiet kompetenti, l-AETS u l-membri rilevanti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) li jibnu mill-ġdid b’mod adegwat il-proċess tal-ikklerjar, sabiex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji inklużi r-rekwiżiti ta’ rapportar. Ladarba tkun irreġstrata, dik id-dejta hija utli wkoll għas-CCPs għall-issodisfar tar-rekwiżiti regolatorji u l-obbligi lejn il-membri tal-ikklerjar kif ukoll fit-tilwim.

(18)

Id-dejta rrappurtata mis-CCPs lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandha tiġi rreġistrata sabiex tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex jivverifikaw il-konformità tas-CCPs mal-obbligu tar-rapportar stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u jaċċessaw faċilment l-informazzjoni f’każijiet fejn din ma tistax tinstab f’repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

(19)

Ir-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords fir-rigward tat-tranżazzjonijiet għandhom jagħmlu użu mill-istess kunċetti użati fl-obbligu tar-rapportar stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, sabiex jiżguraw rapportar xieraq mis-CCPs.

(20)

Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat fi żminijiet ta’ interruzzjoni, is-sit sekondarju tal-ipproċessar tas-CCP għandu jkun distanti biżżejjed u f’post ġeografikament distanti biżżejjed mis-sit primarju sabiex ma jkunx soġġett għal-istess diżastru li jista’ jikkawża l-indisponibbiltà tas-sit primarju. Għandhom jinħolqu xenarji biex jiġi analizzat l-impatt ta’ eventi ta’ kriżi fuq servizzi kritiċi, inklużi xenarji li jipprevedu l-indisponibbiltà ta’ sistemi ikkawżata minn diżastru naturali. Dawk l-analiżi għandhom ikunu riveduti perjodikament.

(21)

Is-CCPs huma sistemikament infrastrutturi tas-suq finanzjarju rilevanti u għandhom jirkupraw funzjonijiet kritiċi fi żmien sagħtejn, b’sistemi ta’ riżerva li idealment jibdew l-ipproċessar immedjatament wara inċident. Is-CCPs għandhom jiżguraw ukoll, bi probabbiltà għolja ħafna, li mhi se tintilef ebda dejta

(22)

Huwa importanti li l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ma tikkawżax telf sinifikanti lil parteċipanti oħra fis-suq. Għaldaqstant, is-CCPs huma meħtieġa li jkopru permezz tal-marġini sottomess mill-parti inadempjenti, mill-inqas, proporzjon rilevanti tat-telf possibbli li CCP tista’ ssofri matul il-proċess ta’ likwidazzjoni. Ir-regoli għandhom jiddeterminaw il-persentaġġ minimu li l-marġni għandhom ikopru għal klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji. Barra minn hekk, is-CCPs għandhom isegwu prinċipji biex ifasslu adegwatament il-livelli tal-marġini tagħhom għall-karatteristiċi ta’ kull strument finanzjarju jew portafoll ikklerjat minnhom.

(23)

Is-CCPs ma għandhomx inaqqsu l-marġini tagħhom għal livell li jipperikola s-sikurezza tagħhom bħala riżultat tal-eżistenza ta’ ambjent ferm kompetittiv. Għal din ir-raġuni, kalkoli tal-marġni għandhom isegwu rekwiżiti speċifiċi fil-komponenti bażiċi tagħhom. F’dan is-sens, il-marġni għandhom iqisu firxa sħiħa ta’ kundizzjonijiet tas-suq inklużi perjodi ta’ stress.

(24)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jispeċifikaw l-persentaġġ xieraq u l-orizzonti ta’ żmien għall-perjodu ta’ likwidazzjoni u għall-kalkolu tal-volatilità storika. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li s-CCPs jimmaniġġjaw kif dovut ir-riskju affrontat minnhom, ikun tajjeb li ma jiġix speċifikat l-approċċ li s-CCP għandha tieħu biex jiġu kkalkolati r-rekwiżiti tal-marġni minn dawn il-parametri. Għall-istess raġunijiet, is-CCPs ma għandhomx jinżammu milli jibbażaw ruħhom fuq diversi approċċi metodoloġiċi affidabbli għall-iżvilupp ta’ proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll, dawn għandhom jitħallew jibbażaw ruħhom fuq metodi bbażati fuq korrelazzjonijiet bejn ir-riskji fil-prezz tal-istrument finanzjarju jew sett ta’ strumenti finanzjarji kklerjati minnhom, kif ukoll kwalunkwe metodu xieraq ibbażat fuq parametru statistiku ekwivalenti ta’ dipendenza.

(25)

Sabiex jiġi determinat il-perjodu ta’ żmien li matulu CCP hija esposta għal riskju tas-suq relatat mal-ġestjoni ta’ pożizzoni ta’ parti inadempjenti, is-CCP għandha tikkunsidra l-karatteristiċi rilevanti tal-istrumenti finanzjarji jew portafoll ikklerjati, bħalma huma l-livell tagħhom ta’ likwidità u d-daqs tal-pożizzjoni jew il-konċentrazzjoni tagħha. Is-CCPs għandhom jevalwaw b’mod prudenti il-ħin meħtieġ għal-likwidazzjoni totali ta’ pożizzjoni ta’ parti inadempjenti mill-aħħar ġbir tal-marġni, id-daqs tal-pożizzjoni u l-konċentrazzjoni tagħha.

(26)

Sabiex jiġi evitat li tkun ikkawżata jew iggravata l-instabbiltà finanzjarja, is-CCPs għandhom jadottaw, sa fejn l-aktar possibbli, metodoloġiji tal-marġni li jħarsu ‘l quddiem li jillimitaw il-probabbiltà ta’ bidliet proċikliċi fir-rekwiżiti tal-marġni, mingħajr ma tiġi mminata r-reżistenza tas-CCP.

(27)

Intervall ogħla ta’ kunfidenza għal derivattivi OTC huwa normalment iġġustifikat għaliex dawk il-prodotti jistgħu ibatu minn ipprezzar inqas affidabbli u sensieliet iqsar ta’ dejta storika li fuqhom jistgħu jiġu bbażati l-istimi tal-iskopertura. CCPs jistgħu jikklerjaw id-derivattivi OTC li ma jbatux minn dawn il-fenomeni u jkollhom l-istess karatteristiċi ta’ riskju bħal derivattivi mniżżla fir-reġistru u għandhom ikunu jistgħu jikklerjaw dawk il-prodotti konsistentement irrispettivament mill-metodu ta’ eżekuzzjoni.

(28)

Definizzjoni adegwata ta’ kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli hija komponent ewlieni tal-ġestjoni tar-riskju ta’ CCP. Għall-fini li jinżamm aġġornat il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tas-CCP, kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli ma għandhomx jitqiesu bħala kunċett statiku, iżda pjuttost bħala kundizzjonijiet li jevolvu maż-żmien u jvarjaw bejn is-swieq. Xenarju wieħed tas-suq jista’ jkun estrem iżda plawsibbli għal CCP waħda filwaqt li ma jkollux importanza kbira għal oħra. CCP għandha tistabbilixxi qafas ta’ politika intern b’saħħtu għall-identifikazzjoni tas-swieq li tkun esposta għalihom u tapplika sett minimu komuni ta’ standards għad-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet estremi iżda plawsibbli f’kull suq identifikat. Għandha tqis oġġettivament il-potenzjal għal pressjonijiet simultanji f’aktar minn suq wieħed.

(29)

Sabiex jiġi żgurat li huma stabbiliti arranġamenti ta’ governanza xierqa u b’saħħithom, il-qafas użat minn CCP biex tidentifika kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli għandu jiġi diskuss mill-kumitat tar-riskju u jiġi approvat mill-bord. Għandu jiġi rivedut mill-inqas darba fis-sena, b’riżultati diskussi mill-kumitat tar-riskju li mbagħad jiġu kondiviżi mal-bord. Ir-reviżjoni għandha tiżgura li t-tibdiliet għall-iskala u l-konċentrazzjoni tal-iskoperturi tas-CCP kif ukoll l-iżviluppi fis-swieq li topera fihom huma riflessi fid-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli. Madankollu, dik ir-reviżjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-ġudizzju kontinwu tas-CCP dwar l-adegwatezza tal-fond tal-inadempjenza fid-dawl tal-kundizzjonijiet dejjem jevolvu tas-suq.

(30)

Biex tkun żgurata ġestjoni effiċienti tar-riskju tal-likwidità tagħhom, is-CCPs għandhom ikunu meħtieġa li jistabbilixxu qafas għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità. Dak il-qafas għandu jiddependi fuq in-natura tal-obbligi tagħha u jindirizza l-għodod li jkunu disponibbli għal CCP biex tivvaluta r-riskju tal-likwidità li qed taffronta, tiddetermina il-pressjonijiet tal-likwidità li jista’ jkun hemm u tiżgura l-adegwatezza tar-riżorsi likwidi tagħha.

(31)

Fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi likwidi tagħha, jeħtieġ li CCP tqis id-daqs u l-likwidità tar-riżorsi miżmuma minnha, kif ukoll il-konċentrazzjoni possibbli tar-riskju ta’ dawn l-assi. Huwa importanti li s-CCPs ikunu jistgħu jidentifikaw it-tipi ewlenin kollha ta’ konċentrazzjonijiet tar-riskju tal-likwidità fi ħdan ir-riżorsi tagħhom sabiex ir-riżorsi ta’ likwidità tas-CCP disponibbli minnufih meta jkunu meħtieġa. Is-CCPs għandhom iqisu wkoll riskji addizzjonali li ġejjin minn relazzjonijiet, interdipendenza u konċentrazzjonijiet multipli.

(32)

Billi l-likwidità għandha tkun faċilment disponibbli għal tranżazzjonijiet għall-jum konċernat jew saħansitra tranżazzjonijiet matul l-istess jum, CCP jistgħu jużaw flus fil-bank ċentrali, tal-ħruġ, flus f’banek kummerċjali ta’ sodezza kreditizja, linji impenjati ta’ kreditu, repos impenjati, kollateral kummerċjabbli ħafna miżmum f’kustodja u investimenti li huma disponibbli minnufih u konvertibbli fi flus b’arranġamenti ta’ finanzjament prestabbiliti u affidabbli ħafna, anki f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress. Tali flus u kollateral għandhom jingħaddu biss bħala parti mir-riżorsi finanzjarji likwidi prestabbiliti taħt ċerti kundizzjonijiet.

(33)

Sabiex jiġi pprovdut l-inċentiv neċessarju lis-CCP biex tistabbilixxi rekwiżiti prudenti u sabiex iżżomm dak l-ammont sa livell adegwat filwaqt li jiġi evitat arbitraġġ regolatorju, huwa importanti li tiġi stabbilita metodoloġija komuni għall-kalkolu u ż-żamma ta’ ammont speċifiku tar-riżorsi proprji ddedikati li CCP għandha żżomm biex jintużaw fil-kaskata tal-inadempjenza. Huwa essenzjali li jinżammu separatament dawk ir-riżorsi li jkopru telf minħabba inadempjenza b’funzjoni distinta mir-rekwiżiti kapitali minimi tas-CCP li jkopru riskji differenti li CCP tista’ tkun skoperta għalihom.

(34)

Huwa importanti li s-CCPs japplikaw metodoloġija konsistenti għall-kalkolu tar-riżorsi proprji li għandhom jintużaw fil-kaskata tal-inadempjenza, sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti bejn is-CCPs. Jekk is-CCPs jingħataw diskrezzjoni biex jimplimentaw metodoloġija li ma tkunx ċara biżżejjed din tista’ twassal għal riżultati differenti ħafna fost is-CCPs, u b’hekk ikun inċentivat l-arbitraġġ regolatorju. Huwa għalhekk essenzjali li l-metodoloġija ma tippermettix diskrezzjoni min-naħa tas-CCPs. Għal dan il-għan, ikun xieraq li jkun hemm sempliċi persentaġġ ibbażat fuq miżura identifikabbli b’mod ċar u metodoloġija ċara għall-iżgurar ta’ kalkolu konsistenti tar-riżorsi proprji tas-CCPs li għandhom jintużaw f’kaskata tal-inadempjenza.

(35)

Għandu jiġi stabbilit sett minimu ta’ kriterji li jiżguraw li kollateral aċċettabbli jkun likwidu ħafna u jista’ jiġi kkonvertit malajr fi flus u bl-inqas impatt fuq il-prezz. Dawk il-kriterji għandhom jirreferu għall-emittent tal-kollateral, sa fejn jista’ jiġi likwidat fis-suq u jekk il-valur tiegħu huwa korrelatat mal-affidabbiltà kreditizja tal-membru li jissottometti il-kollateral biex ikopri risjku possibbli ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli. CCP jista’ jkollha l-alternattiva li tapplika kriterji addizzjonali fejn meħtieġ biex tikseb il-livell mixtieq ta’ robustezza.

(36)

CCPs għandhom jaċċettaw biss kollateral likwidu ħafna b’riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq. Sabiex jiġi żgurat li l-kollateral miżmum mis-CCPs jibqa’ likwidu ħafna f’kull ħin, jinħtieġ li s-CCPs jistabbilixxu politiki u proċeduri trasparenti u prevedibbli biex jivvalutaw u jimmonitorjaw kontinwament il-likwidità tal-assi aċċettati bħala kollateral adegwat, jimplimentaw metodoloġiji ta’ valwazzjoni. Għal dak il-għan, is-CCPs għandhom jimplimentaw ukoll il-limiti tal-konċentrazzjoni bil-għan li jżommu biżżejjed diversifikazzjoni tal-kollateral biex jiżguraw li jista’ jiġi likwidat fil-pront mingħajr riskju sinifikanti tas-suq li jaffettwaw il-valur tiegħu. Meta jkunu qed jistabbilixxu l-politiki tagħhom dwar il-kollateral eliġibbli u l-limiti tal-konċentrazzjoni dawn għandhom iqisu d-disponibbiltà globali ta’ tali kollateral fid-dawl ta’ effetti makroekonomiċi potenzjali tal-politiki tagħhom.

(37)

Sabiex jiġi evitat riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli, il-membri tal-ikklerjar għandhom ikunu permessi, b’mod ġenerali, li jużaw bħala kollateral it-titoli tagħhom stess jew titoli maħruġa minn entità mill-istess grupp tagħhom. Madankollu, CCP għandha tkun tista’ tippermetti membri tal-ikklerjar jissottomettu bonds koperti li huma protetti mill-insolvenza tal-emittent. Madankollu, il-kollateral sottostanti għandu jkun segregat b’mod xieraq mill-emittent u jissodisfa l-kriterji minimi għall-aċċettabbiltà tal-kollateral. Membru tal-ikklerjar ma għandux joħroġ strumenti finanzjarji għall-fini primara li jintużaw bħala kollateral minn membru tal-ikklerjar ieħor.

(38)

Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tas-CCPs, CCP għandha taċċetta, bħala kollateral, garanzija ta’ bank kummerċjali biss wara valutazzjoni bir-reqqa tal-emittent u tal-qafas legali, kuntrattwali u operazzjonali tal-garanzija. L-iskoperturi mhux garantiti tas-CCPs għal banek kummerċjali għandhom jiġu evitati. Għalhekk, garanziji tal-banek kummerċjali jistgħu jiġu aċċettati biss taħt kundizzjonijiet stretti. Dawk il-kundizzjonijiet huma ġeneralment issodisfati fi swieq kkaratterizzati minn konċentrazzjoni għolja ta’ banek kummerċjali li lesti li jipprovdu l-kreditu lil membri tal-ikklerjar mhux finanzjarji. Għal din ir-raġuni limitu ogħla tal-konċentrazzjoni għandu jkun permess f’dawn il-każijiet.

(39)

Biex tillimita r-riskju tas-suq tagħha, CCP għandha tkun meħtieġa li tivvaluta l-kollateral tagħha tal-anqas kuljum. Din għandha tapplika telf impost prudenti li jirrifletti t-tnaqqis potenzjali tal-valur tal-kollateral fuq l-intervall bejn l-aħħar rivalwazzjoni tagħha u ż-żmien sa meta kollateral jista’ raġonevolment jiġi preżunt li huwa likwidat f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress. Il-livell tal-kollateral għandu jqis ukoll skoperturi potenzjali ta’ riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli.

(40)

L-implimentazzjoni ta’ telf impost għandha tippermetti lis-CCP li tevita aġġustamenti kbar u mhux mistennija għall-ammont ta’ kollateral meħtieġ, u b’hekk jiġu evitati effetti proċikliċi sa fejn ikun possibbli.

(41)

CCP ma għandhiex tikkonċentra kollateral fuq għadd limitat ta’ emittenti jew f’għadd limitat ta’ assi, sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq il-prezzijiet potenzjalment sinfikanti f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ kollateral fuq perjodu qasir ta’ żmien. Pożizzjonijiet konċentrati ta’ kollateral ma għandhomx jitqiesu bħala likwidi ħafna għal din ir-raġuni.

(42)

Likwidità, riskju tal-kreditu u tas-suq għandhom ikunu kkunsidrati fil-livell tal-portafoll kif ukoll fil-livell ta’ strument finanzjarju individwali. Portafoll ikkonċentrat jista’ jkollu effett negattiv sinifikanti fuq il-likwidità tal-kollateral jew tal-istrumenti finanzjarji li fihom is-CCP tista’ tinvesti r-riżorsi finanzjarji tagħha, billi l-bejgħ ta’ pożizzjonijiet kbar f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress x’aktarx ma jkunx fattibbli mingħajr t-tnaqqis fil-prezz tas-suq. Għall-istess raġuni, kollateral miżmum mis-CCP għandu jiġi mmonitorjat u vvalutat fuq bażi kontinwa biex ikun żgurat li jibqa’ likwidu.

(43)

Swieq tad-derivattivi tal-enerġija juru rabta partikolarment b’saħħitha mas-swieq ta’ komoditajiet ta’ spot u f’dawn is-swieq ta’ derivattivi l-proporzjon ta’ membri tal-ikklerjar mhux finanzjarji huwa għoli. F’dawk is-swieq, għadd sinifikanti ta’ parteċipanti fis-suq huma wkoll produtturi tal-komodità sottostanti. Aċċess għal biżżejjed kollateral biex jappoġġa bis-sħiħ garanziji ta’ banek kummerċjali jista’ jesiġi żvestiment sostanzjali minn dawk il-membri tal-ikklerjar mhux finanzjarji tal-pożizzjonijiet attwali tagħhom jew jista’ jimpedihom milli jkomplu jikklerjaw il-pożizzjonijiet tagħhom bħala membru dirett tal-ikklerjar ta’ CCP. Dak il-proċess jista’ jikkawża interruzzjonijiet tas-suq fis-swieq tal-enerġija, f’termini ta’ likwidità u d-diversità ta’ parteċipanti fis-suq. Għalhekk, l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi posposta skont qafas ta’ żmien stabbilit sew.

(44)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-qafas stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, is-setturi kollha għandhom jaffrontaw rekwiżiti simili fil-forma finali tar-regoli applikabbli għalihom. Kumpaniji tal-enerġija attwalment joperaw taħt qafas stabbilit sew li se jeħtieġ xi żmien biex jadatta għar-rekwiżiti ġodda stabbiliti biex jiġu evitati effetti ta’ ħsara għall-ekonomija reali. Għalhekk, ikun tajjeb li tiġi stabbilita data ta’ applikazzjoni għal tali tipi ta’ swieq li tippermetti tranżizzjoni xierqa mill-prattika attwali tas-suq mingħajr ma jiġu affettwati bla bżonn l-istruttura u l-likwidità tas-suq.

(45)

Il-politika ta’ investiment ta’ CCP għandha tagħti l-ogħla prijorità lill-prinċipji tal-ħarsien tal-kapital u l-massimizzazzjoni tal-likwidità. Il-politika ta’ investiment għandha tiżgura wkoll li ma jinħolqu ebda kunflitti ta’ interess mal-interessi kummerċjali tas-CCP.

(46)

Il-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati mill-istrumenti finanzjarji biex jitqiesu bħala investimenti eliġibbli għas-CCP, għandhom iqisu l-Prinċipju 16 tal-Prinċipi CPSS-IOSCO sabiex tiġi żgurata l-konsistenza internazzjonali. B’mod partikolari, CCP għandha tkun meħtieġa li tapplika standards restrittivi dwar l-emittent tal-istrument finanzjarju, it-trasferibbiltà tal-istrument finanzjarju u l-kreditu, is-suq, il-volatilità u riskju tal-kambju tal-istrument finanzjarju. CCP għandha tiżgura li ma timminax miżuri meħuda biex jillimitaw l-iskopertura għar-riskju tal-investiment tagħha billi jkollha skoperturi eċċessivi għal kwalunkwe strument finanzjarju individwali, tip ta’ strument finanzjarju, emittent individwali, tip ta’ emittent jew kustodju individwali.

(47)

L-użu ta’ derivattivi minn CCP jesponiha għal riskji addizzjonali tal-kreditu u tas-suq u huwa għalhekk neċessarju li jiġi ddefinit sett restrittiv ta’ ċirkustanzi li fihom CCP tista’ tinvesti r-riżorsi finanzjarji tagħha f’derivattivi. Billi l-għan tas-CCP għandu jkun li jkun hemm pożizzjoni żero fir-rigward tar-riskji tas-suq, l-uniċi riskji li CCP ikollha tiħħeġġja huma dawk li jikkonċernaw il-kollateral aċċettat minnha jew ir-riskji li jirriżultaw mill-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar. Ir-riskji li jikkonċernaw il-kollateral aċċettat minn CCP jistgħu jkunu mmaniġġjati biżżejjed permezz ta’ telf impost u mhuwiex meqjus bħala neċessarju li CCP tuża d-derivattivi f’dan ir-rigward. Id-derivattivi għandhom jintużaw biss minn CCP għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità li jirriżulta għal skoperturi għal muniti differenti u għall-finijiet ta’ ħħeġġjar tal-portafoll ta’ membru tal-ikklerjar inadempjenti u fejn il-proċeduri tal-ġestjoni tal-inadempjenza tas-CCP jipprevedu tali użu biss.

(48)

Biex jiżguraw is-sikurezza tas-CCPs, huma għandhom jitħallew biss iżommu flus f’depożiti mhux garantiti fi proporzjonijiet minimi. Waqt li jkunu qed jiggarantixxu l-flus tagħhom, is-CCPs għandhom dejjem jiżguraw li dawn huma dejjem protetti adegwatament kontra r-riskju tal-likwidità.

(49)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti rigorużi tal-ittestjar tal-istress u dak retrospettiv biex jiġi żgurat li l-mudelli tas-CCP, il-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità jaħdmu kif suppost, filwaqt li jitqiesu r-riskji kollha li s-CCP tkun esposta għalihom, sabiex is-CCP, fi kwalunkwe ħin, ikollha riżorsi adegwati biex ikopru dawk ir-riskji.

(50)

Biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ rekwiżiti għas-CCPs, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dettaljati rigward it-tipi ta’ testijiet li għandhom jitwettqu, inkluż kemm l-ittestjar tal-istress kif ukoll dak retrospettiv. Sabiex tkun koperta il-firxa wiesgħa ta’ kuntratti ta’ titoli u derivattivi li jistgħu jiġu kklerjati fil-futur, jiġu riflessi differenzi fl-approċċi tal-ġestjoni tal-operat u tar-riskju, ikun possibbli li jiġu indirizzati żviluppi futuri u riskji ġodda u tkun possibbli biżżejjed flessibbiltà, jeħtieġ approċċ ibbażat fuq il-kriterji.

(51)

Fil-validazzjoni ta’ mudelli ta’ CCP, il-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, huwa importanti li tintuża parti indipendenti xierqa sabiex tkun tista’ tinstab u tiġi implimentata kwalunkwe miżura korrettiva meħtieġa qabel l-implimentazzjoni u jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess materjali. Il-parti indipendenti għandha tkun separata biżżejjed mill-parti tal-operat tas-CCP li tiżviluppa, timplimenta u se topera l-mudell jew il-politiki li qed ikunu riveduti u ma għandhiex iżżom kunflitt ta’ interess materjali. Dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati jew minn parti interna li għandha linji separati ta’ rapportar jew parti esterna.

(52)

Aspetti varji tar-riżorsi finanzjarji ta’ CCP, notevolment il-kopertura tal-marġni, il-fondi ta’ inadempjenza u riżorsi finanzjarji oħra, huma mfassla biex ikopru xenarji u għanijiet differenti. Għalhekk jeħtieġ li jiġu pprovduti rekwiżiti speċifiċi biex jiġu riflessi dawn l-għanijiet u biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti fost is-CCPs. Fil-valutazzjoni tal-kopertura meħtieġa, is-CCP ma għandhiex tikkumpensa għal kwalunkwe skopertura bejn il-membri tal-ikklerjar inadempjenti, sabiex jiġu evitati l-impatti potenzjali li dawn l-iskoperturi jistgħu jkollhom.

(53)

It-tipi differenti ta’ strumenti finanzjarji li jistgħu jiġu kklerjati minn CCP huma soġġetti għal varjetà ta’ riskji speċifiċi. CCP għandha għalhekk tkun meħtieġa li tikkunsidra r-riskji rilevanti kollha għas-swieq li tipprovdilhom servizzi ta’ kklerjar fil-mudelli tagħha, il-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità sabiex tiżgura li tkejjel b’mod adegwat l-iskopertura potenzjali tagħha fil-futur. Sabiex dawn ir-riskji jiġu ikkunsidrati kif suppost, rekwiżiti ta’ ttestjar tal-istress għandhom jinkludu riskji speċifiċi għall-istrumenti rilevanti għat-tipi differenti ta’ strumenti finanzjarji.

(54)

Sabiex CCP tiżgura li l-mudell tagħha għall-kalkolu tal-marġni inizjali jirrifletti adegwatament l-iskoperturi potenzjali tiegħu, minbarra l-ittestjar retrospettiv ta’ kuljum tal-kopertura tal-marġini tagħha li jħares lejn l-adegwatezza tal-marġni li għaliha qed isir appell għall-manutenzjoni, għandha tittestja wkoll b’mod retrospettiv parametri u suppożizzjonijiet ewlenin tal-mudell. Dan huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-mudelli tas-CCPs jikkalkulaw il-marġni inizjali b’mod preċiż.

(55)

Analiżi rigoruża tas-sensittività tar-rekwiżiti tal-marġni tista’ tassumi importanza akbar meta s-swieq huma llikwidi jew volatili u għandha tintuża biex tiddetermina l-impatt ta’ diversi parametri importanti tal-mudell. Analiżi tas-sensittività hija għodda effettiva biex tesplora n-nuqqasijiet moħbija li ma jistgħux jiġu identifikati permezz ta’ ttestjar retrospettiv.

(56)

Nuqqas ta’ twettiq ta’ testijiet tal-istress u dawk retrospettivi jista’ jwassal sabiex ir-riżorsi finanzjarji u likwidi ta’ CCP ma jkunux adegwati biex ikopru r-riskji reali li tkun esposta għalihom. Testijiet xierqa se jippermettu wkoll li l-mudelli ta’ CCP, u l-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, jindirizzaw minnufih swieq li qed jinbidlu u riskji ġodda. Ir-riżultati tat-test għandhom għalhekk jintużaw minnufih mis-CCPs sabiex jirrivedu l-mudelli, il-metodoloġiji u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħhom.

(57)

L-immudellar ta’ kondizzjonijiet estremi tas-suq jista’ jgħin CCP biex tiddetermina l-limiti tal-mudelli attwali tagħha, il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità u r-riżorsi finanzjarji u likwidi. Madankollu, jesiġi li s-CCP teżerċita ġudizzju waqt l-immudellar tas-swieq u prodotti differenti. Ittestjar invertit tal-istress għandu jitqies bħala għodda utli ta’ ġestjoni, minkejja li mhijiex dik prinċipali, biex tiddetermina l-livell xieraq tar-riżorsi finanzjarji.

(58)

L-involviment tal-membri tal-ikklerjar, il-klijenti u partijiet interessati rilevanti oħrajn fl-ittestjar tal-proċeduri ta’ ġestjoni ta’ inadempjenza ta’ CCP, permezz ta’ eżerċizzji ta’ simulazzjoni, huwa essenzjali sabiex jiżgura li dawn ikollhom il-fehim u l-kapaċità operazzjonali sabiex jipparteċipaw b’suċċess f’sitwazzjoni ta’ ġestjoni ta’ inadempjenza. L-eżerċizzji ta’ simulazzjoni għandhom jirreplikaw xenarju standard biex juri r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-membri tal-ikklerjar, il-klijenti u partijiet interessati relevanti oħrajn. Barra minn hekk huwa importanti li CCP jkollha mekkaniżmi xierqa li permezz tagħhom tkun tista’ taċċerta jekk hijiex meħtieġa azzjoni korrettiva u li tidentifika kwalunkwe nuqqas ta’ ċarezza jew diskrezzjoni permessi fir-regoli u l-proċeduri. L-ittestjar ta’ proċeduri ta’ ġestjoni ta’ inadempjenza ta’ CCP huwa partikolarment importanti meta jiddependi fuq membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti jew partijiet terzi biex jgħinu fil-proċess ta’ likwidazzjoni u meta l-proċeduri tal-inadempjenza qatt ma ġew ittestjati minn inadempjenza reali.

(59)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) lill-Kummissjoni.

(60)

L-AETS ikkonsultat, fejn rilevanti, lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u lill-membri tas-SEBĊ qabel ma ssottomettiet l-abbozz tal-istandards tekniċi li fuqhom huwa msejjes dan ir-Regolament. B’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (4) l-AETS wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“riskju ta’ bażi“ tfisser ir-riskju li jirriżulta minn movimenti kkorrelati mhux perfettament bejn żewġ assi jew kuntratti jew aktar ikklerjati mill-kontroparti ċentrali (CCP);

2.

“intervall ta’ kunfidenza” tfisser il-persentaġġ ta’ movimenti ta’ skoperturi għal kull strument finanzjarju kklerjat b’referenza għal perjodu retrospettiv speċifiku li CCP hija meħtieġa li tkopri tul ċertu perjodu ta’ likwidazzjoni;

3.

“rendiment ta’ konvenjenza” tfisser il-benefiċċji minn sjieda diretta tal-komodità fiżika u huwa affettwat kemm mill-kundizzjonijiet tas-suq kif ukoll minn fatturi bħal spejjeż fiżiċi tal-ħżin;

4.

“marġni” tfisser marġni kif imsemmija fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jistgħu jinkludu marġni inizjali u l-marġni ta’ varjazzjoni;

5.

“marġni inizjali” tfisser marġni miġbura mis-CCP biex tkopri l-iskopertura futura potenzjali għal membri tal-ikklerjar li jipprovdu l-marġni u, fejn rilevanti, CCPs interoperabbli fl-intervall bejn l-aħħar ġbir tal-marġni u l-likwidazzjoni ta’ pożizzjonijiet wara l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar jew indampjenza ta’ CCP interoperabbli;

6.

“marġni ta’ varjazzjoni” tfisser marġni miġbura jew imħallsa biex jirriflettu l-iskoperturi attwali li jirriżultaw minn tibdil attwali fil-prezz tas-suq;

7.

“riskju ta’ inadempjenza mhux mistennija” tfisser ir-riskju li kontroparti jew emittent isiru inadempjenti f’daqqa qabel ma s-suq ikollu żmien biżżejjed biex iqis dan fir-riskju akbar ta’ inadempjenza tiegħu;

8.

“perjodu ta’ likwidazzjoni”tfisser il-perjodu ta’ żmien użat għall-kalkolu tal-marġni li s-CCP tistma li huwa meħtieġ biex tiġi mmaniġġjata l-iskopertura tagħha għal membru inadempjenti u li matulu s-CCP tkun esposta għal riskju tas-suq relatat mal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet tal-parti inadempjenti;

9.

“perjodu retrospettiv” tfisser l-orizzont ta’ żmien għall-kalkolu tal-volatilità storika;

10.

“eċċezzjoni mill-ittestjar” tfisser ir-riżultat ta’ test li juri li l-mudell ta’ CCP jew il-qafas ta’ ġestjoni ta’ riskju tal-likwidità ma rriżultawx fil-livell ta’ kopertura intenzjonat;

11.

“riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli” tfisser ir-riskju li jirriżulta minn skopertura għal kontroparti jew emittent meta l-kollateral pprovdut minn dik il-kontroparti jew maħruġ minn dak l-emittent huwa ikkorrelatat ħafna mar-riskju tal-kreditu tiegħu.

KAPITOLU II

RIKONOXXIMENT TA’ CCPS TA’ PAJJIŻI TERZI

(l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 2

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-AETS għar-rikonoxximent ta’ CCP

Applikazzjoni għar-rikonoxximent sottomessa minn CCP stabbilita f’pajjiż terz tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem sħiħ tal-entità legali;

(b)

l-identitajiet tal-azzjonisti jew tal-membri b’parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti;

(c)

lista tal-Istati Membri li fihom tkun biħsiebha tipprovdi servizzi;

(d)

klassijiet ta’ strumenti finanzjarji kklerjati;

(e)

dettalji li għandhom jiġu inklużi fil-websajt tal-AETS skont l-Artikolu 88(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(f)

dettalji dwar ir-riżorsi finanzjarji tagħha, l-għamla u l-metodi li bihom huma miżmuma u l-arranġamenti biex jiġu ggarantiti inklużi l-proċeduri tal-ġestjoni tal-inadempjenza;

(g)

dettalji dwar il-metodoloġija tal-marġni u għall-kalkolu tal-fond tal-inadempjenza;

(h)

lista tal-kollateral eliġibbli;

(i)

tqassim tal-valuri, f’forma prospettiva jekk meħtieġa, ikklerjati mis-CCP applikanti skont kull munita tal-UE kklerjata;

(j)

riżultati tat-testijiet tal-istress u t-testijiet retrospettivi mwettqa matul is-sena ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni;

(k)

ir-regoli u l-proċeduri interni tagħha bl-evidenzi tal-konformità sħiħa mar-rekwiżiti applikabbli f’dak il-pajjiż terz;

(l)

dettalji ta’ kwalunkwe arranġament ta’ esternalizzazzjoni;

(m)

dettalji dwar l-arranġamenti ta’ segregazzjoni u s-sodezza legali u l-infurzabbiltà rispettivi;

(n)

dettalji dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċess tas-CCP u t-termini għas-sospensjoni u t-tmiem ta’ sħubija;

(o)

dettalji ta’ kull arranġament ta’ interoperabilità, inkluża l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz għall-fini ta’ valutazzjoni tal-arranġament.

KAPITOLU III

REKWIŻITI ORGANIZZATTIVI

(l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 3

Arranġamenti ta’ governanza

1.   Il-komponenti ewlenin tal-arranġamenti ta’ governanza tas-CCP li jiddefinixxu l-istruttura organizzattiva tagħha kif ukoll politiki, proċeduri u proċessi speċifikati b’mod ċar u ddokumentati tajjeb li bihom joperaw il-bord u l-maniġment superjuri tagħha jinkludu dan li ġej:

(a)

il-kompożizzjoni, ir-rwol u r-responsabilitajiet tal-bord u kwalunkwe kumitat tal-bord;

(b)

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-maniġment;

(c)

l-istruttura tal-maniġment superjuri;

(d)

il-linji tar-rapportar bejn il-maniġment superjuri u l-bord;

(e)

il-proċeduri għall-ħatra ta’ membri tal-bord u l-maniġment superjuri;

(f)

it-tfassil tal-funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju, tal-konformità u tal-kontroll intern;

(g)

il-proċessi għall-iżgurar tar-responsabilità mal-partijiet interessati.

2.   CCP jkollha persunal adegwat biex tissodisfa l-obbligi kollha li ġejjin minn dan ir-Regolament u mir-Regolament (UE) Nru 648/2012. CCP ma tikkondividix il-persunal tagħha ma’ entitajiet oħra tal-grupp, sakemm mhux taħt it-termini ta’ arranġament ta’ esternalizzazzjoni skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

3.   CCP tistabbilixxi linji ta’ responsabbiltà li huma ċari, konsistenti u ddokumentati sew. CCP tiżgura li l-funzjonijiet tal-uffiċjal kap tar-riskji, tal-uffiċjal kap għall-konformità u tal-uffiċjal kap tat-teknoloġija jitwettqu minn individwi differenti, li jkunu impjegati tas-CCP fdati bir-responsabbiltà esklussiva li jwettqu dawn il-funzjonijiet.

4.   CCP li tkun parti minn grupp tqis kwalunkwe implikazzjoni tal-grupp għall-arranġamenti ta’ governanza tagħha stess inkluż jekk għandhiex il-livell meħtieġ ta’ indipendenza biex tissodisfa l-obbligi regolatorji bħala persuna ġuridika distinta u jekk l-indipendenza tagħha tista’ tiġi pperikolata mill-istruttura tal-grupp jew minn kwalunkwe membru tal-bord li jkun membru ta’ bord ta’ entitajiet oħra tal-istess grupp. B’mod partikolari, tali CCP tikkunsidra proċeduri speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess inkluż fir-rigward tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni.

5.   Meta CCP żżomm sistema ta’ bord ta’ żewġ livelli, ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-bord kif stabbilit f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikunu allokati lill-bord superviżorju u l-bord maniġerjali kif xieraq.

6.   Il-politiki, il-proċeduri, is-sistemi u l-kontrolli tal-ġestjoni tar-riskju ikunu parti minn qafas ta’ governanza koerenti u konsistenti li jkun rivedut u aġġornat regolarment.

Artikolu 4

Ġestjoni tar-riskju u mekkaniżmi ta’ kontroll intern

1.   CCP ikollha qafas sod għall-ġestjoni komprensiva tar-riskji materjali kollha li hija jew tista’ tkun esposta għalihom. CCP tistabbilixxi politiki, proċeduri u sistemi ddokumentati li jidentifikaw, ikejlu, jimmonitorjaw u jimmaniġjaw riskji bħal dawn. Fl-istabbiliment ta’ politiki, proċeduri u sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju, CCP tistrutturahom b’tali mod li jiżguraw li l-membri tal-ikklerjar jimmaniġġjaw b’mod xieraq u jillimitaw ir-riskji li jistgħu joħolqu għas-CCP.

2.   CCP tieħu ħarsa komprensiva u integrata tar-riskji rilevanti kollha. Dawn jinkludu r-riskji mill-membri tal-ikklerjar tagħha jew dawk li tista’ toħloq għalihom u, sa fejn ikun prattikabbli, għall-klijenti kif ukoll ir-riskji minn entitajiet oħrajn jew dawk li toħloq għalihom bħal, iżda mhux limitati għal CCPs interoperabbli, is-saldu tat-titoli u s-sistemi ta’ pagamenti, il-fornituri ta’ likwidità, id-depożitarji ċentrali tat-titoli, ċentri tan-negozjar servuti mis-CCP u fornituri ta’ servizzi kritiċi oħrajn.

3.   CCP tiżviluppa għodod xierqa għall-ġestjoni tar-riskju biex tkun f’pożizzjoni li timmaniġġja u tirrapporta r-riskji rilevanti kollha. Dawn jinkludu l-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta’ interdipendenzi tas-sistema, tas-suq jew oħrajn. Jekk CCP tipprovdi servizzi marbuta mal-ikklerjar li jippreżentaw profil tar-riskju distint mill-funzjonijiet tagħha u potenzjalment toħloq riskji addizzjonali sinifikanti għalih, is-CCP timmaniġja dawk ir-riskji addizzjonali b’mod adegwat. Dan jista’ jinkludi s-separazzjoni legali tas-servizzi addizzjonali pprovduti minn dik is-CCP mill-funzjonijiet prinċipali tagħha.

4.   L-arranġamenti tal-governanza jiżguraw li l-bord ta’ CCP jassumi r-responsabbiltà finali u r-responsabbiltà għall-ġestjoni tar-riskji tas-CCP. Il-bord jiddefinixxi, jiddetermina u jiddokumenta livell xieraq ta’ tolleranza tar-riskju u l-kapaċità li jiġġarrab riskju mis-CCP. Il-bord u l-maniġment superjuri jiżguraw li l-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli tas-CCP ikunu konsistenti mat-tolleranza tar-riskju tas-CCP u l-kapaċità li tiġġarrab riskju u li dawn jindirizzaw kif is-CCP tidentifika, tirrapporta, timmonitorja u timmaniġġja r-riskji.

5.   CCP timpjega sistemi b’saħħithom ta’ informazzjoni u kontroll tar-riskju li jipprovdu s-CCP u, fejn xieraq, il-membri tal-ikklerjar tagħha u, sa fejn ikun possibbli, il-klijenti, il-kapaċità li tinkiseb informazzjoni f’waqtha u li jiġu applikati politiki u proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju b’mod xieraq. Dawn is-sistemi jiżguraw, mill-inqas li l-iskoperturi tal-kreditu u tal-likwidità huma mmonitorjati kontinwament fil-livell tas-CCP kif ukoll fil-livell tal-membru tal-ikklerjar u, sa fejn ikun prattikabbli, fil-livell tal-klijent.

6.   CCP tiżgura li l-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju jkollha l-awtorità, ir-riżorsi, il-kompetenza u l-aċċess meħtieġa għall-informazzjoni rilevanti kollha u li hija biżżejjed indipendenti minn funzjonijiet oħrajn tas-CCP. L-uffiċjal kap tar-riskji tas-CCP jimplimenta l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju inklużi l-politiki u l-proċeduri stabbiliti mill-bord.

7.   CCP jkollha mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll intern biex jassistu lill-bord fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effettività tal-politiki, tal-proċeduri u tas-sistemi tal-ġestjoni tar-riskju tagħha. Tali mekkaniżmi għandhom jinkludu proċeduri amministrattivi u tal-kontabbiltà sodi, funzjoni b’saħħitha tal-konformità sod u uffiċċju indipendenti tal-awditjar intern u funzjoni ta’ validazzjoni jew reviżjoni.

8.   Rapport finanzjarju ta’ CCP jitħejja fuq bażi annwali u jkun awditjat minn awdituri statutorji jew kumpaniji tal-awditjar skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill (5).

Artikolu 5

Politika u proċeduri tal-konformità

1.   CCP tistabbilixxi, timplimenta u żżomm politiki u proċeduri adegwati mfassla biex jindividwaw kwalunkwe riskju ta’ nuqqas mis-CCP u l-impjegati tagħha li jikkonformaw mal-obbligi tas-CCP taħt dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012, kif ukoll ir-riskji assoċjati, u tistabbilixxi miżuri u proċeduri adegwati mfassla biex jiġi mminimizzat dan ir-riskju u biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod effettiv taħt dawn ir-Regolamenti.

2.   CCP tiżgura li r-regoli, il-proċeduri u l-arranġamenti kuntrattwali tagħha jkunu ċari u komprensivi u li dawn jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012 kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji applikabbli oħrajn.

Ir-regoli, il-proċeduri u l-arranġamenti kuntrattwali tas-CCP ikunu rreġistrati bil-miktub jew b’mezz ieħor li jservi fit-tul. Dawn ir-regoli, il-proċeduri, u l-arranġamenti kuntrattwali, flimkien ma’ kwalunkwe materjal ta’ akkumpanjament ikunu preċiżi, aġġornati u faċilment disponibbli għall-awtorità kompetenti, il-membri tal-ikklerjar u, fejn xieraq, il-klijenti.

CCP tidentifika u tanalizza s-sodezza tar-regoli, tal-proċeduri u tal-arranġamenti kuntrattwali tas-CCP. Jekk meħtieġ, jinkisbu opinjonijiet legali indipendenti għall-fini ta’ ta’ din l-analiżi. Is-CCP ikollha proċess biex tipproponi u timplimenta tibdiliet għar-regoli u l-proċeduri tagħha u biex qabel l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe bidla materjali tikkonsulta l-membri tal-ikklerjar kollha affettwati u tissottometti t-tibdiliet proposti lill-awtorità kompetenti.

3.   Fl-iżvilupp tar-regoli, tal-proċeduri u tal-arranġamenti kuntrattwali tagħha, CCP tikkunsidra l-prinċipji regolatorji, l-istandards tal-industrija u l-protokolli tas-suq rilevanti u tindika b’mod ċar fejn tali prattiki jkunu ġew inkorporati fid-dokumentazzjoni li tirregola d-drittijiet u l-obbligi tas-CCP, il-membri tal-ikklerjar tagħha u l-partijiet terzi rilevanti oħra.

4.   CCP tidentifika u tanalizza kunflitti potenzjali ta’ kwistjonijiet ġuridiċi u tiżviluppa regoli u proċeduri li jtaffu r-riskju legali li jirriżulta minn dawn il-kwistjonijiet. Jekk meħtieġ, is-CCP tikseb opinjonijiet ġuridiċi indipendenti għall-fini ta’ ta’ din l-analiżi.

Ir-regoli u l-proċeduri tas-CCP jindikaw biċ-ċar il-liġi li hija maħsuba għall-applikazzjoni għal kull aspett tal-attivitajiet u l-operazzjonijiet tas-CCP.

Artikolu 6

Funzjoni ta’ konformità

1.   CCP tistabbilixxi u żżomm funzjoni ta’ konformità permanenti u effettiva li topera indipendentement mill-funzjonijiet l-oħra tas-CCP. Tiżgura li l-funzjoni ta’ konformità jkollha l-awtorità, ir-riżorsi, u l-kompetenza meħtieġa u l-aċċess meħtieġ għall-informazzjoni rilevanti kollha.

Meta tistabbilixxi l-funzjoni ta’ konformità tagħha, is-CCP tqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-operat tagħha, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet imwettqa matul dak l-operat.

2.   L-uffiċjal kap għall-konformità mill-inqas ikollu r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

jimmonitorja u jivvaluta, fuq bażi regolari, l-adegwatezza u l-effettività tal-miżuri u l-proċeduri stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5(4), u l-azzjonijiet meħuda biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas fil-konformità tas-CCP mal-obbligi tagħha;

(b)

jamministra l-politiki u l-proċeduri tal-konformità stabbiliti mill-maniġment superjuri u l-bord;

(c)

jagħti pariri u jassisti lill-persuni responsabbli għat-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tas-CCP biex tikkonforma mal-obbligi tas-CCP skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012 u rekwiżiti regolatorji oħra, fejn applikabbli;

(d)

jirrapporta regolarment lill-bord dwar il-konformità mis-CCP u l-impjegati tagħha ma’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012;

(e)

jistabbilixxi proċeduri għal rimedju effettiv ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

(f)

jiżgura li l-persuni rilevanti involuti fil-funzjoni ta’ konformità ma jkunux involuti fit-twettiq tas-servizzi jew l-attivitajiet li jkunu qegħdin jimmonitorjaw u li kwalunkwe kunflitt ta’ interess ta’ persuni bħal dawn jiġi identifikat u eliminat kif suppost.

Artikolu 7

Struttura organizzattiva u s-separazzjoni tal-linji ta’ rapportar

1.   CCP tiddefinixxi il-kompożizzjoni, ir-rwol u r-responsabilitajiet tal-bord u l-maniġment superjuri u kwalunkwe kumitat tal-bord. Dawn l-arranġamenti ikunu speċifikati b’mod ċar u ddokumentati sew. Il-bord jistabbilixxi, mill-inqas, kumitat tal-awditjar u kumitat għar-remunerazzjoni. Il-kumitat tar-riskju stabbilit skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikun kumitat konsultattiv għall-bord.

2.   Il-bord jassumi mill-inqas il-kompiti li ġejjin:

(a)

it-twaqqif ta’ għanijiet u strateġiji ċari għas-CCP;

(b)

il-monitoraġġ effettiv tal-maniġment superjuri;

(c)

l-istabbiliment ta’ politiki ta’ remunerazzjoni xierqa;

(d)

it-twaqqif u s-sorveljanza tal-uffiċċju ta’ ġestjoni tar-riskju;

(e)

is-sorveljanza tal-funzjoni ta’ konformità u l-funzjoni ta’ kontroll intern;

(f)

is-sorveljanza tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni;

(g)

is-sorveljanza tal-konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ir- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012 u tar-rekwiżiti regolatorji u superviżorji l-oħra kollha;

(h)

responsabbiltà fir-rigward tal-azzjonisti jew is-sidien u l-impjegati, il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħhom u partijiet interessati rilevanti oħra.

3.   Il-maniġment superjuri jkollu mill-inqas ir-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

l-iżgurar tal-konsistenza tal-attivitajiet tas-CCP mal-għanijiet u l-istrateġija tas-CCP kif stabbilit mill-bord;

(b)

it-tfassil u t-twaqqif ta’ proċeduri ta’ konformità u ta’ kontroll intern li jippromwovu l-għanijiet tas-CCP;

(c)

li l-proċeduri ta’ kontroll intern ikunu soġġetti għal reviżjoni u ttestjar regolari;

(d)

l-iżgurar li jkun hemm biżżejjed riżorsi allokati għall-ġestjoni tar-riskju u l-konformità;

(e)

li jkun involut b’mod attiv fil-proċess tal-kontroll tar-riskju;

(f)

l-iżgurar li r-riskji maħluqa għas-CCP mill-ikklerjar u l-attivitajiet tagħha marbuta mal-ikklerjar jiġu indirizzati kif suppost.

4.   Fejn il-bord jiddelega kompiti lil kumitati jew sottokumitati, huwa jżomm l-approvazzjoni tad-deċiżjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju tas-CCP.

5.   L-arranġamenti li bihom joperaw il-bord u l-maniġment superjuri jinkludu proċessi li jidentifikaw, jindirizzaw u jimmaniġġjaw il-kunflitti ta’ interess potenzjali tal-membri tal-bord u l-maniġment superjuri.

6.   CCP jkollha linji tar-rapportar ċari u diretti bejn il-bord u l-maniġment superjuri tagħha sabiex jiġi żgurat li l-maniġment superjuri jkun responsabbli għall-prestazzjoni tiegħu. Il-linji tar-rapportar għall-ġestjoni tar-riskju, il-konformità u l-awditjar intern ikunu ċari u separati minn dawk għal operazzjonijiet oħra tas-CCP. L-uffiċjal kap tar-riskji jirrapporta lill-bord jew direttament jew permezz tal-president tal-kumitat tar-riskju. L-uffiċjal kap tal-konformità u l-uffiċċju tal-awditjar intern jirrapportaw direttament lill-bord.

Artikolu 8

Politika ta’ remunerazzjoni

1.   Il-kumitat tar-remunerazzjoni jfassal u jiżviluppa ulterjorment il-politika ta’ remunerazzjoni, jissorvelja l-implimentazzjoni tagħha mill-maniġment superjuri u jirrevedi l-operazzjoni prattika tagħha fuq bażi regolari. Il-politika nnifisha tiġi dokumentata u riveduta mill-inqas darba fis-sena.

2.   Il-politika ta’ remunerazzjoni titfassal biex tallinja l-livell u l-istruttura tar-remunerazzjoni mal-ġestjoni prudenti tar-riskju. Il-politika tqis riskji prospettivi kif ukoll ir-riskji eżistenti u l-eżiti tar-riskji. Skedi ta’ ħlas ikunu sensittivi għall-orizzonti ta’ żmien tar-riskji. B’mod partikolari fil-każ ta’ remunerazzjoni varjabbli il-politika tqis inkongruwenzi possibbli bejn il-prestazzjoni u perjodi tar-riskju u tiżgura li l-pagamenti jiġu ddifferiti kif suppost. Il-komponenti fissi u varjabbli tar-remunerazzjoni totali kunu bbilanċjati u jkunu konsistenti mal-allinjament tar-riskju.

3.   Fil-politika ta’ remunerazzjoni tipprevedi li persunal ingaġġat fil-ġestjoni tar-riskju, fil-konformità u fl-uffiċċji tal-awditjar intern huma renumerati b’tali mod li huwa indipendenti mill-prestazzjoni tal-operat tas-CCP. Il-livell ta’ remunerazzjoni jkun adegwat f’termini ta’ responsabbiltà kif ukoll meta mqabbel mal-livell ta’ remunerazzjoni fl-oqsma kkonċernati.

4.   Il-politika ta’ remunerazzjoni tkun soġġetta għal awditjar indipendenti, fuq bażi annwali. Ir-riżultati ta’ dan l-awditjar ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti.

Artikolu 9

Sistemi ta’ teknoloġija tal-informatika

1.   CCP tfassal u tiżgura li s-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika tagħha huma affidabbli u siguri kif ukoll kapaċi jipproċessaw l-informazzjoni meħtieġa għas-CCP biex twettaq l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tagħha b’mod sikur u effiċjenti.

L-arkitettura tat-teknoloġija tal-informatika tkun iddokumentata sew. Is-sistemi jitfasslu biex jittrattaw il-ħtiġijiet operazzjonali tas-CCP u r-riskji li taffronta s-CCP, ikunu reżistenti, inkluż f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress, u jkunu skalabbli, jekk meħtieġ, biex jipproċessaw informazzjoni addizzjonali. Is-CCP tipprovdi għal proċeduri u ppjanar tal-kapaċità kif ukoll għal kapaċità suffiċjenti mhux utilizzata li permezz tagħhom is-sistema tkun tista’ tipproċessa kull tranżazzjoni pendenti sal-aħħar tal-ġurnata f’ċirkostanzi fejn isseħħ interruzzjoni kbira. Is-CCP tipprovdi għal proċeduri għall-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida inklużi pjani ċari ta’ riverżjoni.

2.   Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fl-ipproċessar tal-informazzjoni u biex tkun possibbli l-konnettività mal-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħha kif ukoll ma’ fornituri tas-servizzi tagħha, CCP tibbaża s-sistemi ta’ teknoloġija tal-informatika tagħha fuq standards tekniċi rikonoxxuti internazzjonalment u l-aħjar prattiki tal-industrija. Is-CCP tissoġġetta s-sistemi tagħha għal ittestjar strett, billi tissimula kundizzjonijiet ta’ stress, qabel l-użu inizjali, wara li tkun għamlet tibdiliet sinifikanti u wara li tkun seħħet interruzzjoni kbira. Il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti, is-CCPs interoperabbli u partijiet interessati oħra jkunu involuti b’mod xieraq fit-tfassil u t-twettiq ta’ dawn it-testijiet.

3.   CCP iżżomm qafas tas-sigurtà tal-informazzjoni b’saħħtu li jimmaniġġja b’mod xieraq ir-riskju għas-sigurtà tal-informazzjoni tagħha. Il-qafas jinkludi mekkaniżmi, politiki u proċeduri xierqa li jipproteġu l-informazzjoni minn divulgazzjoni mhux awtorizzata, biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-integrità tad-dejta u biex tiġi ggrantita d-disponibbiltà tas-servizzi tas-CCP.

4.   Il-qafas tas-sigurtà tal-informazzjoni jinkludi tal-anqas dawn il-karatteristiċi:

(a)

kontrolli ta’ aċċess għas-sistema;

(b)

salvagwardji adegwati kontra l-intrużjonijiet u l-użu ħażin tad-dejta;

(c)

apparati speċifiċi biex tiġi ppreservata l-awtentiċità u l-integrità tad-dejta, inklużi tekniki kriptografiċi;

(d)

netwerks u proċeduri affidabbli għat-trażmissjoni preċiża u fil-pront mingħajr interruzzjonijiet kbar;

(e)

rendikonti tal-entrati.

5.   Is-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika u l-qafas tas-sigurtà tal-informazzjoni jiġu riveduti tal-anqas fuq bażi annwali. Ikunu soġġetti għal valutazzjonijiet ta’ awditjar indipendenti. Ir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet ikunu rrapportati lill-bord u jkunu disponibbli għall-awtorità kompetenti.

Artikolu 10

Divulgazzjoni

1.   L-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli, min-naħa tas-CCP, għall-pubbliku mingħajr ħlas:

(a)

informazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ governanza tagħha, inklużi dawn li ġejjin:

(i)

l-istruttura organizzattiva tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-istrateġiji ewlenin;

(ii)

l-elementi ewlenin tal-politika ta’ remunerazzjoni;

(iii)

informazzjoni finanzjarja ewlenija inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha awditjati l-aktar riċentament.

(b)

informazzjoni dwar ir-regoli tagħha, inklużi dawn li ġejjin:

(i)

proċeduri ta’ ġestjoni tal-inadempjenza, proċeduri u testi supplimentari;

(ii)

informazzjoni rilevanti dwar il-kontinwità tal-operat;

(iii)

informazzjoni dwar is-sistemi, tekniki u l-prestazzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju f’konformità mal-Kapitolu XII;

(iv)

l-informazzjoni rilevanti kollha dwar it-tfassil u l-operazzjonijiet tagħha kif ukoll dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-membri tal-ikklerjar u l-klijenti, meħtieġa biex permezz tagħha jidentifikaw b’mod ċar u jifhmu bis-sħiħ ir-riskji u l-kostijiet assoċjati mal-użu tas-servizzi tas-CCP;

(v)

is-servizzi attwali tal-ikklerjar tas-CCP, inkluża informazzjoni dettaljata dwar x’tipprovdi taħt kull servizz;

(vi)

is-sistemi u t-tekniki tal-ġestjoni tar-riskju tas-CCP, u l-prestazzjoni tagħhom, inkluża informazzjoni dwar ir-riżorsi finanzjarji, il-politika ta’ investiment, is-sorsi tad-dejta dwar il-prezzijiet u l-mudelli użati fil-kalkoli tal-marġni;

(vii)

il-liġi u r-regoli li jirregolaw:

(1)

l-aċċess għas-CCP;

(2)

il-kuntratti konklużi mis-CCP mal-membri tal-ikklerjar u, fejn prattikabbli, il-klijenti;

(3)

il-kuntratti li s-CCP taċċetta għall-ikklerjar;

(4)

kwalunkwe arranġamenti tal-interoperabilità;

(5)

l-użu tal-kollateral u l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza, inkluża l-likwidazzjoni ta’ pożizzjonijiet u kollateral u sa fejn il-kollateral huwa protett minn pretensjonijiet ta’ parti terza.

(c)

informazzjoni dwar kollateral eliġibbli u telf impost applikabbli;

(d)

lista tal-membri tal-ikklerjar attwali kollha, inklużi l-kriterji ta’ ammissjoni, sospensjoni u ħruġ tagħhom.

Fejn l-awtorità kompetenti tiftiehem mas-CCP li kwalunkwe informazzjoni taħt il-punt (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu tista’ tpoġġi f’riskju s-segretezza kummerċjali jew is-sikurezza u s-sodezza tas-CCP, is-CCP tista’ tiddeċiedi li tiddivulga dik l-informazzjoni b’tali mod li jipprevjeni jew inaqqas dawk ir-riskji, jew li ma jiddivulgax tali informazzjoni.

2.   CCP tiddivulga lill-pubbliku, mingħajr ħlas, informazzjoni dwar kull bidla materjali fl-arranġamenti ta’ governanza, l-għanijiet, l-istrateġiji u politiki ewlenin tagħha kif ukoll ir-regoli u l-proċeduri applikabbli tagħha.

3.   Informazzjoni li tiġi divulgata lill-pubbliku mis-CCP tkun aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tagħha. L-informazzjoni tkun disponibbli mill-inqas f’lingwa konvenzjonali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.

Artikolu 11

Awditjar intern

1.   CCP tistabbilixxi u żżomm uffiċċju tal-awditjar intern li jkun separat u indipendenti mill-funzjonijiet u l-attivitajiet l-oħra tas-CCP u li jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm pjan tal-awditjar biex jiġu eżaminati u evalwati l-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi, il-mekkaniżmi tal-kontroll intern u l-arranġamenti tas-CCP;

(b)

joħroġ rakkomandazzjonijiet abbażi tar-riżultat tal-ħidma li tkun twettqet skont il-punt (a);

(c)

jivverifika l-konformità ma’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

(d)

jirrapporta kwistjonijiet ta’ awditjar intern lill-bord.

2.   L-uffiċċju tal-awditjar intern jkollu l-awtorità, ir-riżorsi, il-kompetenza meħtieġa u l-aċċess meħtieġ għad-dokumenti rilevanti kollha għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Ikun indipendenti biżżejjed mill-ġestjoni u jirrapporta direttament lill-bord.

3.   Awditjar intern jivvaluta l-effettività tal-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju u l-mekkaniżmi ta’ kontroll tas-CCP b’mod li huwa proporzjonat għar-riskji affrontati mil-linji differenti tal-operat u indipendenti mill-oqsma ta’ operat ivvalutati. L-uffiċċju tal-awditjar intern ikollu l-aċċess meħtieġ għall-informazzjoni sabiex jirrevedi l-attivitajiet u l-operazzjonijiet, il-proċessi u s-sistemi tas-CCP, inklużi attivitajiet esternalizzati.

4.   Valutazzjonijiet tal-awditjar intern ikunu bbażati fuq pjan tal-awditjar komprensiv li jiġi rivedut u rrapportat lill-awtorità kompetenti mill-inqas darba fis-sena. Is-CCP tiżgura li jistgħu jitwettqu awditi speċjali fuq bażi xprunta minn event fi żmien qasir. L-ippjanar u r-reviżjoni tal-awditjar jiġu approvati mill-bord.

5.   L-operazzjonijiet tal-ikklerjar, il-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskji, il-mekkaniżmi interni ta’ kontroll u l-kontijiet ta’ CCP ikunu soġġetti għal awditu indipendenti. L-awditi indipendenti jitwettqu, tal-anqas, darba fis-sena.

KAPITOLU IV

ŻAMMA TAR-REKORDS

(l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 12

Rekwiżiti ġenerali

1.   CCP iżżomm ir-rekords b’mezz li jservi fit-tul li jippermetti li l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti, l-AETS u l-membri rilevanti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ESCB), u f’tali forma u manjiera li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kull stadju ewlieni tal-ipproċessar mis-CCP jista’ jiġi kostitwit mill-ġdid;

(b)

il-kontenut oriġinali ta’ rekord qabel kwalunkwe korrezzjoni jew emendi oħra jistgħu jiġu rreġistrati, ittraċċati u rkuprati;

(c)

ikunu stabbiliti miżuri li jipprevjenu tibdil mhux awtorizzat fir-rekords;

(d)

ikunu żgurati s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-dejta rreġistrata permezz ta’ miżuri xierqa;

(e)

ikun inkorporat mekkaniżmu għall-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji fis-sistema ta’ żamma tar-rekords;

(f)

ikun żgurat l-irkupru fil-ħin tar-rekords fil-każ ta’ falliment tas-sistema fi ħdan is-sistema ta’ żamma ta’ rekords.

2.   Meta r-rekords jew l-informazzjoni ilhom inqas minn sitt xhur, dawn jiġu pprovduti lill-awtoritajiet elenkati fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn tmiem il-jum ta’ operat li jmiss wara talba mill-awtorità rilevanti.

3.   Meta r-rekords jew l-informazzjoni ilhom aktar minn sitt xhur, dawn jiġu pprovduti lill-awtoritajiet elenkati fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibbli u fi żmien ħamest ijiem ta’ operat wara talba mill-awtorità rilevanti.

4.   Fejn ir-rekords ipproċessati mis-CCP jinkludu dejta personali, is-CCPs jikkunsidraw l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

5.   Meta CCP żżomm rekords barra l-Unjoni, tiżgura li l-awtorità kompetenti, l-AETS u l-membri rilevanti tas-SEBĊ, ikunu jistgħu jaċċessaw ir-rekords sal-istess livell u fi ħdan l-istess perjodi bħallikieku kienu miżmuma fi ħdan l-Unjoni.

6.   Kull CCP tinnomina l-persuni rilevanti li jistgħu jispjegaw, fiż-żmien stabbilit fil-paragrafi 2 u 3 għall-forniment tar-rekords rilevanti, il-kontenut tar-rekords tagħha lill-awtoritajiet kompetenti.

7.   Ir-rekords kollha meħtieġa li jinżammu minn CCP taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu miftuħa għal spezzjoni mill-awtorità kompetenti. CCP tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti t-trażmissjoni diretta tad-dejta għar-rekords meħtieġa skont l-Artikoli 13 u 14, meta mitluba.

Artikolu 13

Rekords tat-tranżazzjonijiet

1.   CCP iżżomm rekords tat-tranżazzjonijiet kollha fil-kuntratti kollha li tikklerja u tiżgura li r-rekords tagħha jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq rikostruzzjoni komprensiva u preċiża tal-proċess tal-ikklerjar għal kull kuntratt u li kull rekord dwar kull transazzjoni ikun identifikabbli b’mod uniku u li jista’ jitfittex tal-anqas permezz tal-oqsma kollha li jikkonċernaw is-CCP, is-CCP interoperabbli, il-membru tal-ikklerjar, il-klijent, jekk magħruf mis-CCP, u l-istrument finanzjarju.

2.   Fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni li tasal għall-ikklerjar, CCP, immedjatament malli tirċievi l-informazzjoni rilevanti, tagħmel u żżomm aġġornat rekord tad-dettalji li ġejjin:

(a)

il-prezz, ir-rata jew il-firxa u l-kwantità;

(b)

il-kapaċità ta’ kklerjar, li tidentifika jekk it-tranżazzjoni kinitx waħda ta’ xiri jew ta’ bejgħ mill-perspettiva tar-rekordjar tas-CCP;

(c)

l-identifikazzjoni tal-istrument;

(d)

l-identifikazzjoni tal-membru tal-ikklerjar;

(e)

l-identifikazzjoni tal-post fejn ġie konkluż il-kuntratt;

(f)

id-data u l-ħin tal-interpożizzjoni tas-CCP;

(g)

id-data u l-ħin tat-tmiem tal-kuntratt;

(h)

it-termini u l-modalità tas-saldu;

(i)

id-data u l-ħin tas-saldu jew ta’ tifdija tat-tranżazzjoni u, sa fejn huma applikabbli, d-dettalji li ġejjin:

(i)

il-jum u l-ħin li fihom oriġinarjament ġie konkluż il-kuntratt;

(ii)

it-termini u l-partijiet orġinali tal-kuntratt;

(iii)

l-identifikazzjoni tas-CCP li tikklerja komponent wieħed tat-tranżazzjoni, fejn applikabbli;

(iv)

l-identità tal-klijent, inkluż kwalunkwe klijent indirett, fejn magħruf lis-CCP, u fil-każ ta’ ċessjoni (give-up), l-identifikazzjoni tal-parti li ttrasferiet il-kuntratt.

Artikolu 14

Rekords tal-pożizzjoni

1.   CCP iżżomm rekords ta’ pożizzjonijiet miżmuma minn kull membru tal-ikklerjar. Jinżammu rekords separati għal kull kont li jinżamm skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u s-CCP tiżgura li r-rekords tagħha jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex titwettaq rikostruzzjoni komprensiva u preċiża tat-tranżazzjonijiet li stabbilixxew il-pożizzjoni u li kull rekord huwa identifikabbli u jista’ jitfittex mill-inqas permezz tal-oqsma kollha li jikkonċernaw is-CCP, is-CCP interoperabbli, il-membru tal-ikklerjar, il-kljient, jekk magħruf mis-CCP, u l-istrument finanzjarju.

2.   Fi tmiem kull jum ta’ operat CCP tagħmel rekord fir-rigward ta’ kull pożizzjoni inklużi d-dettalji li ġejjin, sa fejn huma marbuta mal-pożizzjoni inkwistjoni:

(a)

l-identifikazzjoni ta’ membru tal-ikklerjar, tal-klijent, jekk magħruf lis-CCP, u ta’ CCP interoperabbli li żżomm tali pożizzjoni, fejn applikabbli;

(b)

is-sinjal tal-pożizzjoni;

(c)

il-kalkolu ta’ kuljum tal-valur tal-pożizzjoni bir-rekords tal-prezzijiet li bihom huma valwati l-kuntratti, u ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

3.   CCP tagħmel, u żżomm aġġornat, rekord tal-ammonti ta’ marġni, il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u r-riżorsi finanzjarji l-oħra msemmija fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li tagħmel appell għall-manutenzjoni tagħhom u l-ammont korrispondenti attwalment sottomess minn membru tal-ikklerjar fl-aħħar tal-ġurnata u l-bidliet għal dak l-ammont li jistgħu matul l-istess ġurnata, fir-rigward ta’ kull membru uniku tal-ikklerjar u kont tal-klijent jekk magħruf lis-CCP.

Artikolu 15

Rekords tal-operat

1.   CCP iżżomm rekords adegwati u b’mod ordinat tal-attivitajiet relatati mal-operat u l-organizzazzjoni interna tagħha.

2.   Ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 1 isiru kull darba sseħħ bidla materjali fid-dokumenti rilevanti u jinkludu mill-inqas:

(a)

l-organigrammi tal-bord u l-kumitati rilevanti, tal-unità ta’ kklerjar, l-unità ta’ ġestjoni tar-riskju, u l-unitajiet u d-diviżjonijiet rilevanti l-oħra kollha;

(b)

l-identitajiet tal-azzjonisti jew il-membri, kemm jekk humiex persuni diretti jew indiretti, fiżiċi jew ġuridiċi, li jkollhom parteċipazzjonijiet kwalifikanti u l-ammonti ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet;

(c)

id-dokumenti li jattestaw il-politiki, il-proċeduri u l-proċessi meħtieġa taħt il-Kapitolu III u l-Artikolu 29;

(d)

il-minuti tal-laqgħat tal-bord u, jekk applikabbli, tal-laqgħat tas-sottokumitati tal-bord u tal-kumitati tal-maniġment superjuri;

(e)

il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat tar-riskju;

(f)

il-minuti tal-gruppi ta’ konsultazzjoni ma’ membri tal-ikklerjar u l-klijenti, jekk ikun hemm;

(g)

rapporti ta’ awditjar intern u estern, rapporti ta’ ġestjoni tar-riskju, rapporti tal-konformità, u rapporti minn kumpaniji ta’ konsultazzjoni, inklużi r-reazzjonijiet tal-maniġment;

(h)

il-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru, meħtieġa skont l-Artikolu 17;

(i)

il-pjan ta’ likwidità u r-rapporti ta’ kuljum dwar il-likwidità, meħtieġa skont l-Artikolu 32;

(j)

rekords li jirriflettu l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha u l-kontijiet kapitali kif meħtieġ skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(k)

l-ilmenti li jkunu waslu, b’informazzjoni dwar l-isem, l-indirizz u n-numru tal-kont tal-ilmentatur; id-data meta wasal l-ilment; l-isem tal-persuni kollha identifikati fl-ilment; deskrizzjoni tan-natura tal-ilment; it-trattament tal-ilment, u d-data meta ġie solvut l-ilment;

(l)

rekords ta’ kull interruzzjoni tas-servizzi jew disfunzjoni, inkluż rapport dettaljat dwar l-għażla taż-żmien, l-effetti u l-azzjonijiet ta’ rimedju;

(m)

rekords tar-riżultati tat-testijiet retrospettivi u tal-istress imwettqa;

(n)

komunikazzjonijiet bil-miktub ma’ awtoritajiet kompetenti, mal-AETS u l-membri rilevanti tas-SEBĊ;

(o)

opinjonijiet ġuridiċi li jaslu skont il-Kapitolu III;

(p)

fejn applikabbli, dokumentazzjoni dwar l-arranġamenti tal-interoperabilità ma’ CCPs oħra;

(q)

l-informazzjoni taħt l-Artikolu 10(1)(b)(vii) u (1)(d);

(r)

id-dokumenti rilevanti li jiddeskrivu l-iżvilupp ta’ inizjattivi kummerċjali ġodda.

Artikolu 16

Rekords tad-dejta rrapportata lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet

CCP tidentifika u żżomm l-informazzjoni u d-dejta kollha meħtieġa li tiġi rrapportata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, flimkien ma’ rekord tad-data u l-ħin meta t-tranżazzjoni ġiet irrapportata.

KAPITOLU V

KONTINWITÀ TAL-OPERAT

(l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 17

Strateġija u politika

1.   CCP ikollha politika tal-kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastru li jkunu approvati mill-Bord. Il-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru ikunu soġġetti għal reviżjonijiet indipendenti li jkunu rrapportati lill-bord.

2.   Il-politika ta’ kontinwità tal-operat tidentifika l-funzjonijiet kummerċjali kritiċi kollha u s-sistemi relatati, u tinkludi l-istrateġija, il-politika, u l-għanijiet tas-CCP li jiżguraw il-kontinwità ta’ dawn il-funzjonijiet u sistemi.

3.   Politika ta’ kontinwità tal-operat tqis ir-rabtiet esterni u l-interdipendenza fi ħdan l-infrastruttura finanzjarja inklużi ċentri tan-negozjar ikklerjati mis-CCP, sistemi ta’ saldu u ħlas tat-titoli u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu użati mis-CCP jew CCP marbuta. Tqis ukoll funzjonijiet jew servizzi kritiċi li ġew esternalizzati lil fornituri terzi.

4.   Il-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru jkun fihom arranġamenti ddefiniti u ddokumentati b’mod ċar għall-użu fil-każ ta’ emerġenza, diżastru jew kriżi għall-kontinwità tal-operat li huma mfassla sabiex jiżguraw livell minimu tas-servizz tal-funzjonijiet kritiċi.

5.   Il-pjan ta’ rkupru minn diżastru jidentifika u jinkludi għanijiet ta’ punt ta’ rkupru u għanijiet ta’ ħin tal-irkupru għal funzjonijiet kritiċi u jiddetermina l-istrateġija ta’ rkupru l-aktar xierqa għal kull waħda minn dawn il-funzjonijiet. Arranġamenti bħal dawn jitfasslu biex jiżguraw li f’xenarji estremi il-funzjonijiet kritiċi jitlestew fil-ħin u jiġu ssodisfati l-livelli ta’ servizz miftiehma.

6.   Politika ta’ kontinwità tal-operat ta’ CCP tidentifika l-ammont ta’ ħin massimu aċċettabbli li matulu ma jkunux jistgħu jintużaw funzjonijiet u sistemi kritiċi. Il-ħin massimu ta’ rkupru għall-funzjonijiet kritiċi tas-CCP li għandu jiġi inkluż f’politika tal-kontinwità tal-operat ma għandux ikun iktar minn sagħtejn. Proċeduri u pagamenti tal-aħħar tal-ġurnata jitlestew fil-ħin u jum meħtieġa fi kwalunkwe ċirkostanza.

7.   CCP għandha tqis l-impatt kumplessiv potenzjali fuq l-effiċjenza tas-suq meta tistabbilixxi l-ħinijiet ta’ rkuprar għal kull funzjoni.

Artikolu 18

Analiżi tal-impatt fuq l-operat

1.   CCP twettaq analiżi tal-impatt fuq l-operat li tkun imfassla biex tidentifika il-funzjonijiet kummerċjali li huma kritiċi biex jiġu żgurati s-servizzi tas-CCP. L-importanza ta’ dawn il-funzjonijiet għal istituzzjonijiet u funzjonijiet oħrajn fl-infrastruttura finanzjarja tkun parti mill-analiżi.

2.   CCP tuża analiżi tar-riskju bbażata fuq xenarju li tkun imfassla biex tidentifika kif diversi xenarji jaffettwaw ir-riskji għal funzjonijiet kummerċjali kritiċi tagħha.

3.   Fil-valutazzjoni tar-riskji, CCP tqis id-dipendenzi fuq fornituri esterni, inklużi servizzi ta’ utilità pubblika. CCP tieħu azzjoni biex timmaniġġja dawn id-dipendenzi permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali u organizzattivi xierqa.

4.   Analiżi tal-impatt fuq l-operat u analiżi tax-xenarji jinżammu aġġornati, tal-anqas ikunu riveduti darba fis-sena u wara inċident jew bidliet organizzattivi sinifikanti. L-analiżi tqis l-iżviluppi rilevanti kollha, inklużi l-iżviluppi tas-suq u dawk teknoloġiċi.

Artikolu 19

Irkupru minn diżastru

1.   CCP ikollha stabbiliti arranġamenti biex tiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tagħha abbażi ta’ xenarji ta’ diżastri. Dawn l-arranġamenti mill-anqas jindirizzaw id-disponibbiltà ta’ riżorsi umani adegwati, il-perjodu massimu ta’ qtugħ ta’ funzjonijiet kritiċi, u l-kommutazzjoni awtomatika u l-irkuprar fuq sit sekondarju.

2.   CCP iżżomm sit sekondarju tal-ipproċessar kapaċi jiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi kollha tas-CCP li jkun identiku għas-sit primarju. Is-sit sekondarju jkollu profil tar-riskju ġeografiku li huwa distint minn dak tas-sit primarju.

3.   CCP iżżomm jew ikollha aċċess immedjat għal sit sekondarju tal-operat, tal-anqas, sabiex il-persunal ikun jista’ jiżgura l-kontinwità tas-servizz jekk il-post primarju tal-operat ma jkunx disponibbli.

4.   Min-naħa tas-CCP, titqies il-ħtieġa ta’ siti addizzjonali ta’ pproċessar, b’mod partikolari jekk id-diversità tal-profili tar-riskji tas-siti primarji u sekondarji ma jipprovdux biżżejjed kunfidenza li l-għanijiet ta’ kontinwità tal-operat tas-CCP se jintlaħqu fis-sitwazzjonijiet kollha.

Artikolu 20

Testjar u monitoraġġ

1.   CCP tittestja u timmonitorja l-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru tagħha f’intervalli regolari u wara modifikazzjonijiet sinifikanti jew bidliet fis-sistemi jew funzjonijiet relatati biex ikun żgurat li l-politika ta’ kontinwità tal-operat qiegħda tilħaq l-għanijiet iddikjarati inkluż l-għan ta’ ħin massimu ta’ rkuprar ta’ sagħtejn. It-testijiet jiġu ppjanati u ddokumentati.

2.   L-ittestjar tal-politika ta’ kontinwità tal-operat u tal-pjan ta’ rkupru minn diżastru jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jinvolvi xenarji ta’ diżastri fuq skala kbira u trasferimenti awtomatiċi bejn siti primarji u sekondarji;

(b)

jinkludi l-involviment tal-membri tal-ikklerjar, tal-fornituri esterni u l-istituzzjonijiet rilevanti tal-infrastruttura finanzjarja li magħhom ġew identifikati interdipendenzi fil-politika ta’ kontinwità tal-operat.

Artikolu 21

Manutenzjoni

1.   CCP tirrevedi u taġġorna regolarment il-politika ta’ kontinwità ta’ operat tagħha biex tinkludi l-funzjonijiet kritiċi kollha u l-istrateġija ta’ rkupru l-aktar xierqa għalihom.

2.   CCP regolarment tirrevedi u taġġorna l-pjan ta’ rkupru minn diżastru tagħha biex tinkludi l-istrateġija ta’ rkupru l-aktar xierqa għall-funzjonijiet kritiċi kollha.

3.   L-aġġornamenti għall-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru jqisu r-riżultati tat-testijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ analiżi indipendenti u analiżi oħra u ta’ awtoritajiet kompetenti. Is-CCPs jirrevedu l-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru tagħhom wara kull interruzzjoni sinifikanti, biex jidentifikaw l-kawżi u kwalunkwe titjib meħtieġ għall-operazzjonijiet, il-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru tas-CCP.

Artikolu 22

Ġestjoni ta’ kriżi

1.   CCP ikollha funzjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi biex taġixxi f’każ ta’ emerġenza. Il-proċedura ta’ ġestjoni ta’ kriżi tkun ċara u ddokumentata bil-miktub. Il-bord jimmonitorja l-funzjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi u jirċievi u janalizza regolarment rapporti dwarha.

2.   Il-funzjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi jkun fiha proċeduri ċari u strutturati sew biex timmaniġġja komunikazzjonijiet interni u esterni ta’ kriżi waqt każ ta’ kriżi.

3.   Wara każ ta’ kriżi, is-CCP twettaq analiżi ta’ kif ittrattat il-kriżi. L-analiżi tinkorpora, fejn rilevanti, kontribuzzjonijiet minn membri tal-ikklerjar u l-partijiet interessati esterni oħra.

Artikolu 23

Komunikazzjoni

1.   CCP ikollha pjan ta’ komunikazzjoni li jiddokumenta l-mod li bih il-maniġment superjuri, il-bord u l-partijiet interessati esterni rilevanti, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, il-membri tal-ikklerjar, klijenti, aġenti tas-saldu, sistemi ta’ saldu u pagament tat-titoli u ċentri tan-negozjar jibqgħu jiġu adegwatament infurmati matul kriżi.

2.   Analiżi tax-xenarji, analiżi tar-riskju, analiżi u riżultati tal-monitoraġġ u t-testijiet ikunu rrapportati lill-bord.

KAPITOLU VI

MARĠNI

(l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 24

Persentaġġ

1.   CCP tikkalkula l-marġni inizjali biex ikopru l-iskoperturi li jirriżultaw minn movimenti fis-suq għal kull strument finanzjarju li jkun kollateralizzat abbażi ta’ prodott, matul il-perjodu ta’ żmien iddefinit fl-Artikolu 25 u billi jitqies orizzont ta’ żmien għal-likwidazzjoni tal-pożizzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 26. Għall-kalkolu tal-marġni inizjali s-CCP mill-inqas jirrispettaw l-intervall ta’ kunfidenza li ġejjin:

(a)

għal derivattivi OTC, 99,5 %;

(b)

għal strumenti finanzjarji għajr derivattivi OTC, 99 %.

2.   Biex jiġi stabbilit l-intervall ta’ kunfidenza adegwat għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji ikklerjati minnha, CCP tqis ukoll il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-kumplessitajiet u l-livell ta’ inċertezzi fl-ipprezzar tal-klassi ta’ strumenti finanzjarji li jistgħu jillimitaw il-validazzjoni tal-kalkolu tal-marġni inizjali u dik ta’ varjazzjoni;

(b)

il-karatteristiċi tar-riskju tal-klassi ta’ strumenti finanzjarji, li jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, il-volatilità, it-tul ta’ żmien, il-likwidità, karatteristiċi mhux lineari tal-prezz, riskju ta’ inadempjenza mhux mistennija u riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli;

(c)

il-livell sa fejn kontrolli tar-riskju oħra ma jillimitawx b’mod adegwat l-iskoperturi tal-kreditu;

(d)

l-ingranaġġ inerenti tal-klassi ta’ strumenti finanzjarji, inkluż jekk il-klassi ta’ strument finanzjarju hijiex sostanzjalment volatili, ikkonċentrata ħafna bejn ftit protagonisti tas-suq jew tista’ tkun diffiċli li tingħalaq.

3.   Is-CCP tinforma l-awtorità kompetenti tagħha u l-membri tal-ikklerjar tagħha dwar il-kriterji kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat il-persentaġġ applikat għall-kalkolu tal-marġni għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji.

4.   Meta CCP tikklerja derivattivi OTC li jkollhom l-istess karatteristiċi ta’ riskju bħal derivattivi eżegwiti fi swieq regolati jew f’suq ekwivalenti ta’ pajjiż terz, abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatturi ta’ riskju elenkati fil-paragrafu 2, is-CCP tista’ tuża intervall ta’ kunfidenza alternattiv ta’ mill-inqas 99 % għal dawk il-kuntratti jekk ir-riskji tal-kuntratti ta’ derivattivi OTC ikklerjati minnha jkunu adegwatament mitigati bl-użu ta’ tali intervall ta’ kunfidenza u jkunu rispettati l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 2.

Artikolu 25

Orizzont ta’ żmien għall-kalkolu tal-volatilità storika

1.   CCP tiżgura li skont il-mudell ta’ metodoloġija tagħha u l-proċess ta’ validazzjoni tagħha stabbiliti skont il-Kapitolu XII, marġni inizjali jkopru mill-inqas, bl-intervall ta’ kunfidenza ddefinit fl-Artikolu 24 u għall-perjodu ta’ likwidazzjoni ddefinit fl-Artikolu 26, l-iskoperturi li jirriżultaw minn volatilità storika kkalkulata abbażi ta’ dejta li tkopri mill-inqas l-aħħar 12-il xahar.

Is-CCP tiżgura li d-dejta użata għall-kalkolu tal-volatilità storika tkopri firxa sħiħa ta’ kundizzjonijiet tas-suq, inklużi perjodi ta’ stress.

2.   CCP tista’ tuża kwalunkwe orizzont ta’ żmien ieħor għall-kalkolu tal-volatilità storika sakemm l-użu ta’ tali orizzonti ta’ żmien jirriżulta f’rekwiżiti tal-marġini li jkunu għolja tal-anqas daqs dawk miksuba maż-żmien bil-perjodu ta’ żmien iddefinit fil-paragrafu 1.

3.   Parametri tal-marġini għal strumenti finanzjarji mingħajr perjodu ta’ osservazzjoni storika jkunu bbażati fuq suppożizzjonijiet konservattivi. CCP tadatta minnufih il-kalkolu tal-marġini meħtieġa abbażi ta’ analiżi tal-istorja tal-prezz tal-istrumenti finanzjarji ġodda.

Artikolu 26

Orizzonti ta’ żmien għall-perjodu ta’ likwidazzjoni

1.   CCP tiddefinixxi l-orizzonti ta’ żmien għall-perjodu ta’ likwidazzjoni billi tqis il-karatteristiċi tal-istrument finanzjarju kklerjat, is-suq fejn dan jiġi nnegozjat, u l-perjodu għall-kalkolu u l-ġbir tal-marġini. Dawn il-perjodi ta’ likwidazzjoni jkunu mill-inqas:

(a)

ħamest ijiem ta’ operat għal derivattivi OTC;

(b)

jumejn ta’ operat għal strumenti finanzjarji għajr derivattivi OTC.

2.   Fil-każijiet kollha, għad-determinazzjoni ta’ perjodu ta’ likwidazzjoni adegwat, is-CCP tevalwa u tgħodd mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

l-itwal perjodu possibbli li jista’ jgħaddi mill-aħħar ġbir tal-marġini sad-dikjarazzjoni ta’ inadempjenza mis-CCP jew l-attivazzjoni tal-proċess tal-ġestjoni tal-inadempjenza mis-CCP;

(b)

il-perjodu stmat meħtieġ biex tiġi mfassla u eżegwita l-istrateġija għall-ġestjoni tal-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar skont il-partikolaritajiet ta’ kull klassi ta’ strument finanzjarju, inkluż il-livell tagħha ta’ likwidità u d-daqs u l-konċentrazzjoni tal-pożizzjonijiet, u s-swieq li s-CCP se tuża biex tagħlaq jew tiħħeġġja kompletament pożizzjoni ta’ membru tal-ikklerjar;

(c)

fejn rilevanti, il-perjodu meħtieġ biex jiġi kopert ir-riskju tal-kontraparti li tkun esposta għalih is-CCP.

3.   Fl-evalwazzjoni tal-perjodi ddefiniti fil-paragrafu 2, is-CCP tikkunsidra, mill-inqas, il-fatturi indikati fl-Artikolu 24(2) u l-perjodu ta’ żmien għall-kalkolu tal-volatilità storika kif iddefinit fl-Artikolu 25.

4.   Meta CCP tikklerja derivattivi OTC li jkollhom l-istess karatteristiċi tar-riskju bħal derivattivi eżegwiti fi swieq regolati jew suq ekwivalenti ta’ pajjiż terz, tista’ tuża orizzont ta’ żmien għall-perjodu ta’ likwidazzjoni differenti minn dak speċifikat fil-paragrafu 1, sakemm tkun tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li:

(a)

tali orizzont ta’ żmien ikun aktar xieraq minn dak speċifikat fil-paragrafu 1 fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tad-derivattivi OTC rilevanti;

(b)

tali orizzont ta’ żmien ikun mill-inqas jumejn ta’ operat.

Artikolu 27

Proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll

1.   CCP tista’ tippermetti kumpens jew tnaqqis fil-marġini meħtieġa fl-istrumenti finanzjarji li tikklerja jekk ir-riskji fil-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew sett ta’ strumenti finanzjarji ikun ikkorrelatat b’mod sostanzjali u affidabbli, jew abbażi ta’ parametru statistiku ta’ dipendenza, mar-riskji fil-prezz ta’ strumenti finanzjarji oħra.

2.   Is-CCP tiddokumenta l-approċċ tagħha fuq il-proviżjonament ta’ marġni tal-portafoll u tipprovdi tal-anqas li l-korrelazzjoni, jew parametru statistiku ekwivalenti ta’ dipendenza, bejn żewġ strumenti finanzjarji jew aktar ikklerjati, tintwera bħala li hija affidabbli tul il-perjodu retrospettiv ikkalkulat skont l-Artikolu 25 u turi reżistenza waqt xenarji storiċi jew ipotetiċi ta’ stress. Is-CCP turi l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għar-relazzjoni tal-prezzijiet.

3.   L-istrumenti finanzjarji kollha li għalihom jiġi applikat il-proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll ikunu koperti mill-istess fond tal-inadempjenza. Permezz ta’ deroga, jekk CCP tista’ turi bil-quddiem lill-awtorità kompetenti tagħha u lill-membri tal-ikklerjar tagħha kif telf potenzjali ikun allokat bejn il-fondi ta’ inadempjenza differenti u li tkun stabbilixxiet id-dispożizzjonijiet meħtieġa fir-regoli tagħha, il-proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll jista’ jiġi applikat għal strumenti finanzjarji koperti minn fondi ta’ inadempjenza differenti.

4.   Fejn il-proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll ikopri diversi strumenti, l-ammont tat-tnaqqis fil-marġni ma għandux ikun akbar minn 80 % tad-differenza bejn is-somma tal-marġni għal kull prodott ikkalkulat fuq bażi individwali u l-marġni kkalkulat abbażi ta’ stima kombinata tal-iskopertura għall-portafoll ikkombinat. Meta s-CCP ma tkunx esposta għal ebda riskju potenzjali mit-tnaqqis fil-marġni, tista’ tapplika tnaqqis sa 100 % ta’ dik id-differenza.

5.   It-tnaqqis fil-marġni relatat ma’ proviżjonament ta’ marġni tal-portafoll ikun soġġett għal programm sod ta’ testjar tal-istress skont il-Kapitolu XII.

Artikolu 28

Proċikliċità

1.   CCP tiżgura li l-politika tagħha għall-għażla u r-reviżjoni tal-intervall ta’ kunfidenza, il-perjodu ta’ likwidazzjoni u l-perjodu retrospettiv iwasslu għal rekwiżiti tal-marġini li jħarsu ‘l quddiem, stabbli u prudenti li jillimitaw il-proċiklikalità sal-punt fejn is-sodezza u s-sigurtà finanzjarja tas-CCP ma jkunux affetwati b’mod negattiv. Dan jinkludi li jiġu evitati bidliet, meta possibbli, ta’ interruzzjoni jew kbar fir-rekwiżiti tal-marġini u li jiġu stabbiliti proċeduri trasparenti u prevedibbli għall-aġġustament tar-rekwiżiti tal-marġini b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq dejjem jinbidlu. Meta tagħmel dan, is-CCP tapplika mill-inqas waħda mill-alternattivi li ġejjin:

(a)

jiġi applikat bafer tal-marġni ugwali mill-inqas għal 25 % tal-marġini kkalkulati li jippermetti li jiġu temporanjament eżawriti f’perjodi fejn rekwiżiti tal-marġni kkalkulati qed jiżdiedu b’mod sinifikanti;

(b)

jiġi assenjat piż ta’ mill-inqas 25 % lil osservazzjonijiet ta’ stress fil-perjodu retrospettiv ikkalkulat skont l-Artikolu 26;

(c)

jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-marġini tagħha ma jkunux inqas minn dawk li jiġu kkalkulati bl-użu tal-volatilità stmata tul perjodu retrospettiv storiku ta’ 10 snin.

2.   Meta CCP tirrevedi l-parametri tal-mudell tal-marġni sabiex jirriflettu aħjar il-kundizzjonijiet attwali tas-suq, tqis kwalunkwe effett proċikliku potenzjali ta’ tali reviżjoni.

KAPITOLU VII

FOND TAL-INADEMPJENZA

(l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 29

Qafas u governanza

1.   Biex jiġi ddeterminat id-daqs minimu ta’ fond tal-inadempjenza u l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji oħra meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, filwaqt li jitqiesu d-dipendenzi tal-grupp, CCP timplimenta qafas ta’ politika interna għad-definizzjoni tat-tipi ta’ kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli li jistgħu jesponuha għall-akbar riskju.

2.   Il-qafas jinkludi dikjarazzjoni li tiddeskrivi kif is-CCP tiddefinixxi kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli. Din tkun kompletament ddokumentata u miżmuma skont l-Artikolu 12.

3.   Il-qafas jiġi diskuss mill-kumitat tar-riskju u approvat mill-bord. Is-saħħa tal-qafas u l-ħila tiegħu li jirrifletti ċ-ċaqliq fis-suq ikunu soġġetti tal-anqas għal reviżjoni annwali. L-analiżi tiġi diskussa mill-kumitat tar-riskju u approvat mill-bord.

Artikolu 30

Identifikazzjoni ta’ kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli

1.   Il-qafas deskritt fl-Artikolu 29 jirrifletti l-profil tar-riskju tas-CCP, filwaqt li jitqiesu skoperturi transfruntiera u bejn il-muniti fejn rilevanti. Jidentifika r-riskji kollha tas-suq li CCP tkun esposta għalihom wara l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew aktar, inkluż ċaqliq sfavorevoli fil-prezzijiet tas-suq ta’ strumenti kklerjati, likwidità tas-suq imnaqqsa għal dawn l-istrumenti, u tnaqqis fil-valur ta’ likwidazzjoni ta’ kollateral. Il-qafas jirrefletti wkoll riskji addizzjonali għas-CCP li jirriżultaw minn falliment simultanju ta’ entitajiet fil-grupp tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti.

2.   Il-qafas għandu jidentifika individwalment is-swieq kollha li CCP hija esposta għalihom f’xenarju ta’ membru tal-ikklerjar inadempjenti. Għal kull suq identifikat is-CCP tispeċifika l-kundizzjonijiet estremi iżda plawsibbli ibbażati, mill-anqas fuq:

(a)

sensiela ta’ xenarji storiċi, inklużi perjodi ta’ movimenti estremi tas-suq osservati matul l-aħħar 30 sena, jew minn meta ilha disponibbli dejta affidabbli, li kieku tkun esponiet lis-CCP għall-akbar riskju finanzjarju. Jekk CCP tiddeċiedi li rikorrenza ta’ istanza storika ta’ movimenti kbar fil-prezzijiet mhijiex plawsibbli, tiġġustifika l-omissjoni tagħha fil-qafas lill-awtorità kompetenti;

(b)

sensiela ta’ xenarji futuri potenzjali, msejsa fuq suppożizzjonijiet konsistenti dwar il-volatilità tas-suq u l-korrelazzjoni tal-prezzijiet fost is-swieq u l-istrumenti finanzjarji, ibbażati kemm fuq valutazzjonijiet kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi tal-kundizzjonijiet tas-suq potenzjali.

3.   Il-qafas iqis wkoll, kwantitattivament u kwalitattivament, sa fejn movimenti estremi fil-prezzijiet jistgħu jseħħu simultanjament fi swieq identifikati diversi. Il-qafas jirrikonoxxi li korrelazzjonijiet storiċi tal-prezzijiet jistgħu jinqasmu f’kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.

Artikolu 31

Analiżi ta’ xenarji estremi iżda plawsibbli

Il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 30 jiġu riveduti mis-CCP fuq bażi regolari, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi rilevanti kollha fis-suq u l-iskala u l-konċentrazzjoni ta’ skoperturi ta’ membru tal-ikklerjar. Is-sett ta’ xenarji storiċi u ipotetiċi użati minn CCP biex tidentifika kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli jiġu riveduti mis-CCP, b’konsultazzjoni mal-kumitat tar-riskji, mill-anqas darba fis-sena u aktar spiss meta żviluppi tas-suq jew bidliet materjali għas-sett ta’ kuntratti ikklerjati mis-CCP jaffettwaw is-suppożizzjonijiet sottostanti għax-xenarji u jistgħu jesiġu aġġustament għax-xenarji. Bidliet materjali fil-qafas jiġu rappurtati lill-bord.

KAPITOLU VIII

KONTROLLI TAR-RISKJU TAL-LIKWIDITÀ

(l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 32

Valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità

1.   CCP tistabilixxi qafas b’saħħtu għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità li jinkludi għodda operazzjonali u analitiċi biex jidentifikaw, ikejlu u jimmonitorjaw il-flussi ta’ saldu u finanzjament tagħha fuq bażi kontinwa u fil-ħin, inkluż l-użu tagħha ta’ likwidità ta’ matul l-istess jum. Is-CCPs jivvalutaw regolarment id-disinn u t-tħaddim tal-qafas ta’ ġestjoni tal-likwidità tagħhom, inkluż billi jitqiesu r-riżultati tat-testijiet tal-istress.

2.   Qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità ta’ CCP ikun b’saħħtu biżżejjed biex jiżgura li s-CCP tista’ teżegwixxi obbligi ta’ pagament u saldu fil-muniti rilevanti kollha hekk kif isiru dovuti, inkluż fejn xieraq matul l-istess jum. Qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità ta’ CCP jinkludi wkoll il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet futuri potenzjali ta’ likwidità tagħha taħt sensiela wiesgħa ta’ xenarji potenzjali ta’ stress. Xenarju ta’ stress jinkludi l-inadempjenza ta’ membri tal-ikklerjar skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 mid-data ta’ inadempjenza sa tmiem il-perjodu ta’ likwidazzjoni u r-riskju tal-likwidità ġġenerat mill-politika u l-proċeduri ta’ investiment tas-CCP f ‘kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.

3.   Il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità jinkludi pjan ta’ likwidità li huwa ddokumentat u miżmum skont l-Artikolu 12. Il-kontenut minimu tal-pjan ta’ likwdità jinkludi l-proċeduri tas-CCP għal:

(a)

il-ġestjoni u monitoraġġ, mill-inqas darba kuljum, tal-ħtiġijiet ta’ likwidità tagħha f’sensiela ta’ xenarji tas-suq;

(b)

iż-żamma ta’ biżżejjed riżorsi finanzjarji likwidi biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ likwidità tagħha u jiddistingwu bejn l-użu tat-tipi differenti ta’ riżorsi likwidi;

(c)

il-valutazzjoni ta’ kuljum u l-valwazzjoni tal-assi likwidi disponibbli għas-CCP u l-ħtiġijiet ta’ likwidità tagħha;

(d)

l-identifikazzjoni ta’ sorsi ta’ riskju tal-likwidità;

(e)

il-valutazzjoni ta’ termini ta żmien li matulhom ikunu disponibbli r-riżorsi finanzjarji likwidi tas-CCP;

(f)

il-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet potenzjali ta’ likwdità li joħorġu mill-ħila tal-membri tal-ikklerjar l-kapaċità li jikkonvertu kollateral fi flus għal dak mhux fi flus;

(g)

il-proċessi fil-każ ta’ diskrepanzi fil-likwidità;

(h)

ir-riforniment ta’ kwalunkwe riżorsa finanzjarja li tista’ tuża waqt każ ta’ stress.

Il-bord tas-CCP japprova l-pjan wara konsultazzjoni mal-kumitat tar-riskju.

4.   CCP tivvaluta r-riskju tal-likwidità li qed taffronta inkluż fejn is-CCP jew il-membri tal-ikklerjar tagħha ma jistgħux jissodisfaw l-obbligi ta’ pagament tagħhom meta dovut bħala parti minn proċess tal-ikklerjar jew tas-saldu, billi titqies ukoll l-attività ta’ investment tas-CCP. Il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju jindirizza l-ħtiġijiet ta’ likwidità li jirriżultaw mir-relazzjonijiet tas-CCP ma’ kwalunkwe entità li s-CCP ikollha skopertura tal-likwdità għaliha:

(a)

banek ta’ saldu;

(b)

sistemi ta’ pagamenti;

(c)

sistemi ta’ saldu ta’ titoli;

(d)

aġenti nostro;

(e)

banek depożitarji;

(f)

fornituri ta’ likwidità;

(g)

CCPs interoperabbli;

(h)

fornituri ta’ servizzi.

5.   CCP tqis kwalunkwe interdipendenza bejn l-entitajiet elenkati fil-paragrafu 4 u relazzjonijiet multipli li entità elenkata fil-paragrafu 4 jista’ jkollha ma’ CCP fil-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha.

6.   CCP tistabbilixxi rapport ta’ kuljum dwar il-ħtiġijiet u r-riżorsi taħt il-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 u rapport kull tliet xhur dwar il-pjan ta’ likwidità tagħha taħt punti (d) sa (h) tal-paragrafu 3. Ir-rapporti ikunu dokumentati u miżmuma skont il-Kapitolu IV.

Artikolu 33

Aċċess għal-likwidità

1.   CCP iżżomm, f’kull munita rilevanti, riżorsi likwidi proporzjonati mar-rekwiżiti ta’ likwidità tagħha, iddefiniti skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-Artikolu 32 ta’ dan ir-Regolament. Dawn ir-riżorsi likwidi ikunu limitati għal:

(a)

flus iddepożitati fil-bank ċentrali ta’ emissjoni;

(b)

flus iddepożitati f’istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont l-Artikolu 47;

(c)

linji impenjati ta’ kreditu jew arranġamenti ekwivalenti ma’ membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti;

(d)

ftehimiet impenjati ta’ riakkwist;

(e)

strumenti finanzjarji kummerċjabbli ħafna li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 45 u l-Artikolu 46 u li s-CCP tista’ turi li huma disponibbli minnufih u konvertibbli fi flus fuq bażi tal-istess jum bl-użu ta’ arranġamenti ta’ finanzjament prestabbiliti u affidabbli ħafna, inkluż f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress.

2.   CCP tikkunsidra l-muniti li fihom huma denominati l-obbligazzjonijiet tagħha u tqis l-effett potenzjali ta’ kundizzjonijiet ta’ stress fuq il-ħila tagħha li taċċessa s-suq ta’ muniti barranin b’mod konsistenti ma’ ċikli ta’ saldu ta’ titoli ta’ sistemi ta’ kambju u saldu tat-titoli.

3.   Linji impenjati ta’ kreditu kontra kollateral ipprovduti minn membri tal-ikklerjar ma jingħaddux darbtejn bħala riżorsi likwidi. CCP tieħu azzjoni biex timmonitorja u tikkontrolla l-konċentrazzjoni tal-iskoperturi tar-riskju tal-likwidità għal fornituri individwali ta’ likwidità.

4.   CCP twettaq diliġenza dovuta rigoruża li l-fornituri ta’ likwidità tagħha jkollhom kapaċità biżżejjed biex jaġixxu skont l-arranġamenti tal-likwidità.

5.   CCP tittestja perjodikament il-proċeduri tagħha biex taċċessa arranġamenti ta’ finanzjament prestabbiliti. Dan jista’ jinkludi l-estrazzjoni ta’ ammonti ta’ ttestjar tal-linji kummerċjali ta’ kreditu, biex tiġi vverifikata l-ħeffa ta’ aċċess għar-riżorsi u l-affidabbiltà tal-proċeduri.

6.   CCP ikollha proċeduri dettaljati fi ħdan il-pjan ta’ likwidità tagħha għall-użu tar-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha biex tissodisfa l-obbligi ta’ pagament tagħha matul diskrepanza fil-likwidità. Il-proċeduri ta’ likwidità jiddikjaraw b’mod ċar meta jintużaw ċerti riżorsi. Il-proċeduri jiddeskrivu wkoll kif ikun hemm aċċess għal depożiti ta’ flus jew investimenti mil-lum għal għada ta’ depożiti ta’ flus, kif jiġu eżegwiti tranżazzjonijiet tas-suq fl-istess ġurnata, jew kif jistgħu jintużaw linji ta’ likwidità prestabbiliti. Dawn il-proċeduri jiġu ttestjati regolarment. CCP tistabbilixxi wkoll pjan adegwat għat-tiġdid ta’ arranġamenti ta’ finanzjament qabel l-iskadenzi tagħhom.

Artikolu 34

Riskju tal-konċentrazzjoni

1.   CCP timmonitorja u tikkontrolla mill-qrib il-konċentrazzjoni tal-iskopertura tagħha għal riskju tal-likwidità, inklużi l-iskoperturi tagħha għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 32(4) u għal entitajiet fl-istess grupp.

2.   Il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità ta’ CCP jinkludi l-applikazzjoni tal-limiti ta’ skopertura u konċentrazzjoni.

3.   CCP tiddefinixxi proċessi u proċeduri għal ksur tal-limiti tal-konċentrazzjoni.

KAPITOLU IX

KASKATA TAL-INADEMPJENZA

(l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 35

Kalkolu tal-ammont ta’ riżorsi proprji tas-CCP biex jintużaw fil-kaskata tal-inadempjenza

1.   CCP iżżomm, u tindika separatament fil-karta tal-bilanċ tagħha, ammont ta’ riżorsi proprji apposta għall-fini stipulat fl-Artikolu 45(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   CCP tikkalkula l-ammont minimu msemmi fil-paragrafu 1 billi timmultiplika l-kapital minimu, inkluż il-qligħ miżmum u r-riżervi, miżmuma skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u Regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013 (8) b’25 %.

Is-CCP tirrevedi dak l-ammont minimu fuq bażi annwali.

3.   Fejn is-CCP tkun stabbilixxiet iżjed minn fond tal-inadempjenza wieħed għall-klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji ikklerjati minnha, it-total iddedikat ta’ riżorsi proprji kkalkolat skont il-paragrafu 1 jiġi allokat lil kull fond tal-inadempjenza b’mod proporzjonat għad-daqs ta’ kull fond tal-inadempjenza, biex jiġu indikati separatament fil-karta ta’ bilanċ tagħha u użati għall-inadempjenzi li jirriżultaw f’segmenti differenti tas-suq li l-fondi inadempjenza jirreferu għalihom.

4.   L-ebda riżorsi oħra għajr il-kapital, inkluż il-qligħ miżmum u r-riżervi, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma jistgħu jintużaw biex jikkonformaw mar-rekwiżit skont il-paragrafu 1.

Artikolu 36

Żamma tal-ammont ta’ riżorsi proprji tas-CCP biex jintużaw fil-kaskata tal-inadempjenza

1.   CCP tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti jekk l-ammont ta’ riżorsi proprji ddedikati miżmum jaqa’ taħt l-ammont meħtieġ mill-Artikolu 35, flimkien mar-raġunijiet għall-ksur u deskrizzjoni komprensiva bil-miktub tal-miżuri u l-iskeda għar-riforniment ta’ tali ammont.

2.   Fejn inadempjenza sussegwenti ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew aktar isseħħ qabel ma CCP tkun introduċiet mill-ġdid ir-riżorsi proprji ddedikati, jintuża biss l-ammont residwu tar-riżorsi proprji ddedikati allokati għall-fini tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

3.   CCP tintroduċi mill-ġdid ir-riżorsi proprji ddedikati mill-inqas fi żmien xahar min-notifika skont il-paragrafu 1.

KAPITOLU X

KOLLATERAL

(l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 37

Rekwiżiti ġenerali

CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri trasparenti u prevedibbli biex tivvaluta u timmonitorja kontinwament l-likwidità tal-assi aċċettati bħala kollateral u tieħu azzjoni ta’ rimedju fejn ikun xieraq.

CCP tirrevedi l-politiki u l-proċeduri tal-assi eliġibbli tagħha mill-inqas darba fis-sena. Din ir-reviżjoni għandha titwettaq ukoll kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP.

Artikolu 38

Kollataral fi flus

Għall-finijiet tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kollateral likwidu ħafna fil-forma ta’ flus ikun denominat f’waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

munita li għaliha s-CCP tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja adegwatament ir-riskju;

(b)

munita li biha is-CCP tikklerja tranżazzjonijiet, fil-limitu tal-kollateral meħtieġ biex ikopri l-iskoperturi tas-CCP f’dik il-munita.

Artikolu 39

Strumenti finanzjarji

Għall-finijiet tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-istrumenti finanzjarji, il-garanziji bankarji u d-deheb li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I, jitqiesu bħala kollateral likwidu ħafna.

Artikolu 40

Valwazzjoni tal-kollateral

1.   Għall-finijiet ta’ valwazzjoni ta’ kollateral likwidu ħafna kif iddefinit fl-Artikolu 37, CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri sabiex timmonitorja, fuq bażi ta’ kważi ħin reali, il-kwalità tal-kreditu, il-likwidità tas-suq u l-volatilità tal-prezz ta’ kull assi aċċettat bħala kollateral. CCP timmonitorja fuq bażi regolari, u mill-inqas darba fis-sena, l-adegwatezza tal-politiki u l-proċeduri ta’ valwazzjoni tagħha. Din ir-reviżjoni titwettaq ukoll kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP.

2.   CCP tagħmel valwazzjoni tal-kollateral tagħha skont is-suq fuq bażi ta’ kważi ħin reali u, fejn mhux possibbli, CCP tkun kapaċi li turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskji.

Artikolu 41

Telf impost

1.   CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri sabiex tiddetermina telf impost prudenti li japplika għall-valur tal-kollateral.

2.   Telf impost jirrikonoxxi li kollateral jista’ jeħtieġ li jkun likwidat f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress u jqis iż-żmien meħtieġ biex jillikwidah. Is-CCP turi lill-awtorità kompetenti li telf impost ikun ikkalkulat b’mod konservattiv li jillimita, sa fejn hu possibbli, l-effetti proċikliċi possibbli. Għal kull assi kollaterali, it-telf impost ikun iddeterminat billi jitqiesu l-kriterji rilevanti, inklużi:

(a)

it-tip ta’ assi u l-livell tar-riskju tal-kreditu assoċjat mal-istrument finanzjarju abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;

(b)

il-maturità tal-assi;

(c)

il-volatilità storika u futura ipotetika fil-prezzijiet tal-assi f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress;

(d)

il-likwidità tas-suq sottostanti, inklużi firxiet ta’ offerta/talba;

(e)

ir-riskju tal-kambju, jekk ikun hemm;

(f)

riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli.

3.   CCP timmonitorja fuq bażi regolari l-adegwatezza tat-telf impost. CCP tirrevedi il-politiki u l-proċeduri tat-telf impost mill-inqas kull sena u kull meta sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP, iżda tevita kemm jista’ jkun bidliet ta’ interruzzjoni jew kbar li jistgħu jintroduċu proċiklikalità. il-politiki u l-proċeduri dwar it-telf impost ikunu vvalidati indipendentement mill-inqas kull sena.

Artikolu 42

Limiti tal-konċentrazzjoni

1.   CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri biex tiżgura li l-kollateral jibqa’ ddiversifikat biżżejjed biex jippermetti l-likwidazzjoni tiegħu fi żmien iddefinit ta’ parteċipazzjoni mingħajr impatt sinifikanti fuq is-suq. Il-politiki u l-proċeduri jiddeterminaw il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju li jiġu applikati meta jinqabżu l-limiti tal-konċentrazzjoni speċifikati fil-paragrafu 2.

2.   CCP tiddetermina l-limiti tal-konċentrazzjoni fil-livell ta’:

(a)

emittenti individwali;

(b)

tip ta’ emittent;

(c)

tip ta’ assi;

(d)

kull membru tal-ikklerjar;

(e)

il-membri tal-ikklerjar kollha.

3.   Il-limiti tal-konċentrazzjoni jiġu determinati b’mod konservattiv filwaqt li jitqiesu l-kriterji rilevanti kollha, inklużi:

(a)

strumenti finanzjarji maħruġa minn emittenti tal-istess tip f’termini tas-settur ekonomiku, tal-attività, tar-reġjun ġeografiku;

(b)

il-livell tar-riskju tal-kreditu tal-istrument finanzjarju jew tal-emittent abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;

(c)

il-likwidità u l-volatilità tal-prezz tal-istrumenti finanzjarji.

4.   CCP tiżgura li mhux iktar minn 10 % tal-kollateral tagħha huwa ggarantit minn istituzzjoni waħda ta’ kreditu, jew istituzzjoni finanzjarja ekwivalenti ta’ pajjiż terz, jew minn entità li tkun parti mill-istess grupp bħall-istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja tal-pajjiż terz. Fejn il-kollateral li jkun wasal mis-CCP fil-forma ta’ garanziji minn banek kummerċjali jkun ogħla minn 50 % tal-kollateral totali, dan il-limitu jista’ jiġi stabbilit għal 25 %.

5.   Fil-kalkolu tal-limiti previsti fil-paragrafu 2, CCP tinkludi l-iskopertura totali ta’ CCP għal emittent, inkluż l-ammont tal-linji ta’ kreditu kumulattivi, ċertifikati ta’ depożitu, depożitu b’terminu ta’ żmien, kontijiet ta’ tfaddil, kontijiet ta’ depożitu, kontijiet kurrenti, strumenti tas-suq tal-flus, u faċilitajiet ta’ riakkwist invertit utilizzati mis-CCP. Dawn il-limiti ma japplikawx għal kollateral miżmum mis-CCP f’eċċess tar-rekwiżiti minimi għal marġni, fond tal-inadempjenza jew riżorsi finanzjarji oħra.

6.   Meta tiddetermina l-limitu ta’ konċentrazzjoni għall-iskopertura ta’ CCP għal emittent individwali, CCP taggrega u titratta bħala riskju uniku l-iskopertura tagħha għall-istrumenti finanzjarji kollha maħruġa mill-emittent jew minn entità ta’ grupp, garantiti espliċitament mill-emittent jew minn entità ta’ grupp, u għal strumenti finanzjarji maħruġa minn impriżi li l-fini esklussiv tagħhom huwa li jkollhom mezzi ta’ produzzjoni li huma essenzjali għall-operat tal-emittent.

7.   CCP timmonitorja fuq bażi regolari l-adegwatezza tal-politiki u l-proċeduri tal-limitu ta’ konċentrazzjoni tagħha. CCP tirrevedi l-politika tagħha għal-limitu ta’ konċentrazzjoni mill-inqas kull sena u kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP.

8.   CCP tinforma lill-awtorità kompetenti u l-membri tal-ikklerjar bil-limiti tal-konċentrazzjoni applikabbli u bi kwalunkwe emenda għal dawn il-limiti.

9.   Jekk is-CCP materjalment tikser limitu ta’ konċentrazzjoni stabbilit fil-politiki u l-proċeduri tagħha, tinforma lill-awtorità kompetenti minnufih. Is-CCP tirrettifika l-ksur mill-aktar fis possibbli.

KAPITOLU XI

POLITIKA TA’ INVESTIMENT

(l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 43

Strumenti finanzjarji likwidi ħafna

Għall-finijiet tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, strumenti ta’ dejn jistgħu jitqiesu bħala likwidi ħafna, li jkollhom riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq jekk jissodisfaw kull waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II.

Artikolu 44

Arranġamenti b’sigurtà għolja għad-depożitu ta’ strumenti finanzjarji

1.   Jekk CCP ma tistax tiddepożita l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 45 jew dawk mibgħuta lilha bħala marġini, kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza jew kontribuzzjonijiet lil riżorsi finanzjarji oħra, kemm permezz ta’ trasferiment ta’ titolu u garanzija reali, bl-operatur tas-sistema tas-saldu tat-titoli li jiżgura l-protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti imbagħad tali strumenti finanzjarji jiġu ddepożitati fi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

bank ċentrali li jiżgura l-protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti u li jippermetti lis-CCP li jkollha aċċess fil-pront għall-istrumenti finanzjarji meta meħtieġ;

(b)

istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata kif iddefinita skont id-Direttiva 2006/48/KE li tiżgura segregazzjoni u protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti, tippermetti lis-CCP li jkollha aċċess fil-pront għall-istrumenti finanzjarji meta dan ikun meħtieġ u li s-CCP tkun tista’ turi li riskju baxx tal-kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;

(c)

istituzzjoni finanzjarja ta’ pajjiż terz li hija soġġetta għal u tikkonforma ma’ regoli prudenzjali meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti li huma mill-inqas stretti bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2006/48/KE u li għandha prattiki tal-kontabbiltà, proċeduri ta’ kustodja, u kontrolli interni b’saħħithom u li tiżgura segregazzjoni u protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti, tippermetti lis-CCP li jkollha aċċess fil-pront għall-istrumenti finanzjarji meta dan ikun meħtieġ u li s-CCP tkun tista’ turi li għandha riskju baxx tal-kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari.

2.   Fejn l-istrumenti finanzjarji huma depożitati skont l-ittra (b) jew (c) tal-paragrafu 1, dawn ikunu miżmuma taħt arranġamenti li jipprevjenu kwalunkwe telf għas-CCP dovut għall-inadempjenza jew l-insolvenza tal-istituzzjoni finanzjarja awtorizzata.

3.   Arranġamenti ta’ sigurtà għolja għad-depożitu ta’ strumenti finanzjarji sottomessi bħala marġni, il-kontribuzzjonijiet lill-fond tal-inadempjenza jew kontribuzzjonijiet lil riżorsi finanzjarji oħra jippermettu biss lis-CCP li tuża mill-ġdid dawn l-istrumenti finanzjarji meta l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 39(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma ssodisfati u fejn il-fini tal-użu mill-ġdid huwa li jsiru pagamenti, tiġi mmaniġġjata l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar jew fl-eżekuzzjoni ta’ arranġament interoperabbli.

Artikolu 45

Arranġamenti b’sigurtà għolja li jżommu flus

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 47(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, meta l-flus ikunu ddepożitati għajr ma’ bank ċentrali mela tali depożitu jissodisfa kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-depożitu huwa f’wieħed mill-muniti li ġejjin:

(i)

munita li għaliha s-CCP tista’ turi b’livell għoli ta’ kunfidenza lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskji;

(ii)

munita li biha is-CCP tikklerja tranżazzjonijiet, fil-limitu tal-kollateral li jasal f’dik il-munita.

(b)

id-depożitu jitqiegħed ma’ waħda mill-entitajiet li ġejjin:

(i)

istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata kif iddefinita skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li s-CCP tista’ turi li għandha rata baxxa ta’ riskju tal-kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;

(ii)

istituzzjoni finanzjarja ta’ pajjiż terz li hija soġġetta għal u tikkonforma ma’ regoli prudenzjali meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti li huma mill-inqas stretti bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2006/48/KE u li għandha prattiki tal-kontabbiltà, proċeduri ta’ kustodja, u kontrolli interni b’saħħithom u li s-CCP tkun tista’ turi li għandha riskju baxx tal-kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;

2.   Fejn il-flus jinżammu mil-lum għal għada skont il-paragrafu 1, mela mhux inqas minn 95 % ta’ dawn il-flus, ikkalkulati għal perjodu medju ta’ xahar kalendarju wieħed, għandhom jiġu depożitati permezz ta’ arranġamenti li jiżguraw kollateralizzazzjoni tal-flus bi strumenti finanzjarji likwidi ħafna li jissodisfaw ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 45, għajr ir-rekwiżit fil-paragrafu 1(c) ta’ dak l-Artikolu.

Artikolu 45

Limiti tal-konċentrazzjoni

1.   CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji li fihom huma investiti r-riżorsi finanzjarji tagħha jibqgħu diversifikati biżżejjed.

2.   CCP tiddetermina il-limiti tal-konċentrazzjoni u timmonitorja l-konċentrazzjoni tar-riżorsi finanzjarji fil-livell ta’:

(a)

strumenti finanzjarji individwali;

(b)

tipi ta’strumenti finanzjarji;

(c)

emittenti individwali;

(d)

tipi ta’ emittenti;

(e)

kontropartijiet li magħhom huma stabbiliti arranġamenti kif previst fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 44(1) jew fl-Artikolu 45(2).

3.   Meta jitqiesu tipi ta’ emittenti CCP tqis dan li ġej:

(a)

distribuzzjoni ġeografika;

(b)

interdipendenzi u relazzjonijiet multipli li entità jista’ jkollha ma’ CCP;

(c)

il-livell tar-riskju tal-kreditu;

(d)

skoperturi li s-CCP għandha għall-emittent permezz tal-prodotti kklerjati mis-CCP.

4.   Il-politiki u l-proċeduri jiddeterminaw il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju li għandhom jiġu applikati meta jinqabżu l-limiti tal-konċentrazzjoni.

5.   Meta tiddetermina l-limitu ta’ konċentrazzjoni għall-iskopertura ta’ CCP għal emittent jew kustodju individwali, CCP taggrega u titratta bħala riskju uniku, l-iskopertura għall-istrumenti finanzjarji kollha maħruġa minn, jew espliċitament ggarantiti minn, l-emittent u r-riżorsi finanzjarji kollha depożitati mal-kustodju.

6.   CCP timmonitorja fuq bażi regolari l-adegwatezza tal-politiki u l-proċeduri tal-limitu ta’ konċentrazzjoni tagħha. Barra minn hekk, CCP tirrevedi l-politika tagħha għal-limitu ta’ konċentrazzjoni mill-inqas kull sena u kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP.

7.   Jekk is-CCP tikser limitu ta’ konċentrazzjoni stabbilit fil-politiki u l-proċeduri tagħha, tinforma lill-awtorità kompetenti minnufih. Is-CCP tirrettifika l-ksur mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 46

Kollateral mhux fi flus

Fejn il-kollateral jasal fl-għamla ta’ strumenti finanzjarji skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu X, japplikaw biss l-Artikoli 44 u 45.

KAPITOLU XII

REVIŻJONI TAL-MUDELLI, TAL-ITTESTJAR TAL-ISTRESS U L-ITTESTJAR RETROSPETTIV

(l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

TAQSIMA 1

Mudelli u programmi

Artikolu 47

Validazzjoni tal-Mudell

1.   CCP twettaq validazzjoni komprensiva tal-mudelli tagħha, il-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ likwidazzjoni użati biex jikkwantifikaw, jaggregaw, u jimmaniġġjaw ir-riskji tagħha. Kwalunkwe reviżjoni jew aġġustament materjal għall-mudelli tiegħu, il-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità kunu soġġetti għal governanza xierqa, inkluż billi jinkiseb parir mingħand il-kumitat tar-riskju, u vvalidati minn parti kkwalifikata u indipendenti qabel l-applikazzjoni

2.   Il-proċess tal-validazzjoni ta’ CCP ikun iddokumentat u jispeċifika mill-inqas il-politiki użati biex tiġi ttestjatati il-metodoloġiji tas-CCP għall-kalkolu tal-marġni, tal-fond tal-inadempjenza u riżorsi finanzjarji oħra u l-qafas għall-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji likwidi. Kwalunkwe reviżjoni jew aġġustament materjali għal dawn il-politiki ikunu soġġettai għal governanza xierqa, inkluż billi jinkiseb parir mingħand il-kumitat tar-riskju, u vvalidati minn parti kwalifkata u indipendenti qabel l-applikazzjoni.

3.   Validazzjoni komprensiva, tal-anqas, tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

evalwazzjoni tas-sodezza kunċettwali tal-mudelli u l-qafas, inkluża evidenza li ssostni l-iżvilipp tagħhom;

(b)

analiżi tal-proċeduri ta’ monitoraġġ kontinwi, inkluża l-verifika tal-proċessi u valutazzjoni skont parametri referenzjarji;

(c)

analiżi tal-parametri u suppożizzjonijiet li saru fl-iżvilupp tal-mudelli tagħha, u l-metodoloġiji u l-qafas tagħhom;

(d)

analiżi tal-adegwatezza u l-idoneità tal-mudelli, il-metodoloġiji u l-qafas tagħhom adottati fir-rigward tat-tip ta’ kuntratti li japplikaw għalihom;

(e)

analiżi tal-idoneità tax-xenarji ta’ testjar retrospettiv tagħha skont il-Kapitolu VII u l-Artikolu 52;

(f)

analiżi tal-eżiti tar-riżultati tal-ittestjar.

4.   CCP tistabbilixxi l-kriterji li bihom tivvaluta jekk l-mudelli tagħha, il-metodoloġiji u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħhom jistgħux jiġu vvalidati b’suċċess. Il-kriterji jinkludu riżultati tal-ittestjar pożittivi.

5.   Fejn id-dejta dwar l-ipprezzar ma tkunx faċilment disponibbli jew affidabbli, CCP tindirizza tali limitazzjonijiet fl-ipprezzar u, mill-inqas, tadotta suppożizzjoni konservattiva bbażata fuq swieq korrelatati jew relatati osservati u l-imġiba attwali tas-suq.

6.   Fejn id-dejta dwar l-ipprezzar ma tkunx faċilment disponibbli jew affidabbli, is-sistemi u l-mudelli ta’ valwazzjoni użati għal dan l-għan ikunu soġġetti għal governanza xierqa, inkluż billi jinkiseb parir mingħand il-kumitat tar-riskju, u validazzjoni u testjar. CCP ikollha l-mudelli ta’ valwazzjoni tagħha vvalidati skont varjetà ta’ xenarji tas-suq minn parti kwalifikata u indipendenti biex jiġi żgurat li l-mudelli tagħha jipproduċu b’mod preċiż prezzijiet xierqa, u fejn xieraq, taġġusta l-kalkolu tagħha tal-marġini inizjali biex tirrifletti kwalunkwe riskju tal-mudell identifikat.

7.   CCP twettaq regolarment valutazzjoni tal-proprejatajiet teoretiċi u empiriċi tal-mudell tal-marġni tagħha għall-istrumenti finanzjarji kollha li kklerjati minnha.

Artikolu 48

Programmi ta’ ttestjar

1.   CCP ikollha politiki u proċeduri fis-seħħ li jiddeskrivu fid-dettall il-programmi ta’ ttestjar tal-istress u dawk retrospettivi li twettqu biex ikunu vvalutati l-adegwatezza, il-preċiżjoni, l-affidabilità u r-reżistenza tal-mudelli u l-metodoloġiji tagħhom użati biex jiġu kkalkulati l-mekkaniżmi ta’ kontroll tar-riskju tagħha, inklużi l-marġni, il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza, u riżorsi finanzjarji oħra f’firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet tas-suq.

2.   Il-politiki u l-proċeduri ta’ CCP jiddeskrivu wkoll fid-dettall il-programm ta’ ttestjar tal-istress li twettaq biex jivvaluta l-adegwatezza, il-preċiżjoni, l-affidabilità u r-reżistenza tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità.

3.   Il-politiki u l-proċeduri jinkludu mill-inqas il-metodoloġiji għall-inklużjoni tal-għażla u l-iżvilupp tal-ittestjar xieraq, inkluża l-għażla tad-dejta tal-portafoll u tas-suq, ir-regolarità tat-testijiet, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ riskju tal-istrumenti finanzjarji kklerjati, l-analiżi tar-riżultati tal-ittestjar u l-eċċezzjonijiet u l-miżuri korrettivi meħtieġa.

4.   CCP tinkludi kwalunkwe pożizzjoni tal-klijenti meta twettaq it-testijiet kollha.

TAQSIMA 2

Ittestjar retrospettiv

Artikolu 49

Proċedura ta’ ttestjar retrospettiv

1.   CCP tivvaluta l-kopertura tal-marġini tagħha billi twettaq paragun ex-post tal-eżiti osservati mal-eżiti mistennija derivati mill-użu tal-mudelli tal-marġni. Tali ttestjar retrospettiv jitwettaq kuljum sabiex jevalwa jekk hemmx xi eċċezzjonijiet mill-ittestjar għall-kopertura tal-marġini. Il-kopertura tkun evalwata fuq pożizzjonijiet attwali għal strumenti finanzjarji, il-membri tal-ikklerjar u tqis l-effetti possibbli minn proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll u, fejn xieraq, CCPs interoperabbli.

2.   CCP tikkunsidra l-orizzonti ta’ żmien xierqa għall-programm ta’ ittestjar retrospettiv tagħha biex tiżgura li l-perjodu ta’ osservazzjoni huwa biżżejjed biex jiġi mitigat kwalunkwe effett detrimentali fuq is-sinifikat statistiku.

3.   Fil-programm ta’ ttestjar retrospettiv tagħha CCP tikkunsidra, mill-inqas, testijiet statistiċi ċari u kriterji tal-prestazzjoni li jiġu ddefiniti minn CCPs għall-valutazzjoni tar-riżultati tal-ittestjar retrospettiv.

4.   CCP perjodikament tirrapporta r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar retrospettiv, f’forma li ma tiksirx il-kunfidenzjalità, lill-kumitat tar-riskju sabiex tfittex il-parir tiegħu fl-analiżi tal-mudell tal-marġni tagħha.

5.   Riżultati u analiżi tal-ittestjar retrospettiv ikunu disponibbli għall-membri tal-ikklerjar kollha u, fejn magħruf għas-CCP, għall-klijenti. Għall-klijenti l-oħra kollha r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar retrospettiv ikunu disponibbli mill-membri tal-ikklerjar rilevanti meta mitluba. Tali informazzjoni tiġi aggregata, f’forma li ma tkunx qed tikser il-kunfidenzjalità, u l-membri tal-ikklerjar u l-klijenti ikollhom aċċess biss għal riżultati u analiżi dettaljati tal-ittestjar retrospettiv għall-portafolji tagħhom stess.

6.   CCP tiddefinixxi l-proċeduri li jiddeskrivu fid-dettall l-azzjonijiet li tkun tista’ tieħu minħabba r-riżultati tal-analiżi tal-ittestjar retrospettiv.

TAQSIMA 3

Ittestjar u analiżi tas-sensittività

Artikolu 50

Proċedura ta’ ttestjar u analiżi tas-sensittività

1.   CCP twettaq testijiet u analiżi tas-sensittività biex tivvaluta l-kopertura tal-mudell tal-marġni tagħha taħt kundizzjonijiet varji tas-suq bl-użu ta’ dejta storika minn kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress u dejta ipotetika għal kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress mhux realizzati.

2.   CCP tuża firxa wiesgħa ta’ parametri u suppożizzjonijiet biex taqbad varjetà ta’ kundizzjonijiet storiċi u ipotetiċi, inklużi l-perjodi l-aktar volatili li jkunu ġew esperjenzati mis-swieq li din isservi u bidliet estremi fil-korrelazzjonijiet bejn il-prezzijiet tal-kuntratti kklerjati mis-CCP, sabiex tifhem kif il-livell tal-kopertura tal-marġni jista’ jkun affettwat minn kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress għoli u bidliet f’parametri importanti tal-mudelli.

3.   Analiżi tas-sensittività titwettaq fuq għadd ta’ portafolji ta’ membri tal-ikklerjar attwali u rappreżentattivi. Il-portafolji rappreżentattivi jintgħażlu skont is-sensittività tagħhom għall-fatturi ta’ riskju u l-korrelazzjonijiet sinifikanti li tkun esposta għalihom is-CCP. Tali ttestjar u analiżi tas-sensittività jitfasslu biex jittestjaw il-parametri u s-suppożizzjonijiet ewlenin tal-mudell tal-marġni inizjali f’għadd ta’ intervalli ta’ kunfidenza sabiex tiġi ddeterminata s-sensittività tas-sistema għal żbalji fl-ikkalibrar ta’ dawn il-parametri u s-suppożizzjonijiet. Tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-istruttura tat-terminu tal-fatturi ta’ riskju, u l-korrelazzjoni preżunta bejn il-fatturi ta’ riskju.

4.   CCP tevalwa t-telf potenzjali fil-pożizzjonijiet tal-membri tal-ikklerjar.

5.   CCP, fejn applikabbli, tqis parametri li jirriflettu l-inadempjenza simultanja ta’ membri tal-ikklerjar li joħorġu strumenti finanzjarji ikklerjati mis-CCP jew is-sottostanti ta’ derivattivi kklerjati mis-CCP. Fejn applikabbli, jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti tal-inadempjenza ta’ klijent li joħroġ strumenti finanzjarji kklerjati mis-CCP jew is-sottostanti ta’ derivattivi kklerjati mis-CCP.

6.   CCP perjodikament tirrapporta r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar tas-sensittività, f’forma li ma tiksirx il-kunfidenzjalità, lill-kumitat tar-riskju sabiex tfittex il-parir tiegħu fir-reviżjoni tal-mudell tal-marġini tagħha.

7.   CCP tiddefinixxi l-proċeduri li jiddeskrivu fid-dettall l-azzjonijiet li tkun tista’ tieħu minħabba r-riżultati tal-analiżi tas-sensittività.

TAQSIMA 4

Ittestjar tal-istress

Artikolu 51

Proċedura ta’ ttestjar tal-istress

1.   It-testijiet tal-istress ta’ CCP japplikaw parametri, suppożizzjonijiet, u xenarji ta’ stress għall-mudelli użati għal stima ta’ skoperturi għar-riskju biex jiżguraw li r-riżorsi finanzjarji tagħha huma biżżejjed biex ikopru dawk l-iskoperturi taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.

2.   Programm ta’ ttestjar tal-istress ta’ CCP jesiġi li s-CCP twettaq sensiela ta’ testijiet tal-istress fuq bażi regolari li jikkunsidraw it-taħlita ta’ prodotti ta’ CCP tagħha u l-elementi kollha tal-mudelli tagħha u l-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha.

3.   Programm ta’ ttestjar tal-istress ta’ CCP jippreskrivi li jitwettqu testijiet tal-istress, bl-użu ta’ xenarji tal-ittestjar tal-istress iddefiniti, kemm fuq kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli passati kif ukoll dawk ipotetiċi skont il-Kapitolu VII. Kundizzjonijiet passati li għandhom jintużaw jiġu riveduti u aġġustati, fejn xieraq. CCP tikkunsidra wkoll forom oħra ta’ xenarji ta’ ttestjar tal-istress xierqa li jinkludu, iżda mhux limitati għal, il-falliment tekniku jew finanzjarju tal-banek ta’ saldu tagħha, aġenti nostro, banek ta’ kustodja, fornituri ta’ likwidità, jew CCPs interoperabbli.

4.   CCP ikollha l-kapaċità li tadatta malajr it-testijiet tal-istress tagħha biex tinkorpora riskji ġodda jew emerġenti.

5.   CCP tqis it-telf potenzjali li jirriżulta mill-inadempjenza ta’ klijent, fejn magħruf, li tikklerja permezz ta’ diversi membri tal-ikklerjar.

6.   CCP perjodikament tirrapporta r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar tal-istress, f’forma li ma tiksirx il-kunfidenzjalità, lill-kumitat tar-riskju sabiex tfittex il-parir tiegħu fir-reviżjoni tal-mudelli, il-metodoloġiji u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha.

7.   Riżultati u analiżi tal-ittestjar tal-istress ikunu disponibbli għall-membri tal-ikklerjar kollha u, fejn magħruf għas-CCP, għall-klijenti. Għall-klijenti l-oħra kollha r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar retrospettiv ikunu disponibbli mill-membri tal-ikklerjar rilevanti meta mitluba. Tali informazzjoni tiġi aggregata f’forma, li ma tkunx qed tikser il-kunfidenzjalità, u l-membri tal-ikklerjar u l-klijenti jkollhom aċċess biss għal riżultati u analiżi dettaljati tal-ittestjar tal-istress għall-portafolji tagħhom stess.

8.   CCP tiddefinixxi l-proċeduri li jiddeskrivu fid-dettall l-azzjonijiet li tista’ tieħu minħabba r-riżultati tal-analiżi tal-ittestjar tal-istress.

Artikolu 52

Fatturi ta’ riskju li għandu jsir ittestjar tal-istress għalihom

1.   CCP tidentifika l-fatturi ta’ riskju rilevanti speċifiċi għall-kuntratti li tikklerja li jistgħu jaffettwaw it-telf tagħha u jkollha metodu xieraq għall-kejl tagħhom. Testijiet tal-istress ta’ CCP, mill-inqas, iqisu l-fatturi ta’ riskju speċifikati għal dawn it-tipi ta’ strumenti finanzjarji, fejn applikabbli:

(a)

kuntratti relatati mar-rata tal-imgħax: fatturi ta’ riskju li jikkorrispondu għal rati tal-imgħax f’kull munita li biha s-CCP tikklerja strumenti finanzjarji. L-immudellar tal-kurva tar-rendiment jiġi maqsum f’diversi segmenti ta’ maturità sabiex jaqbdu l-varjazzjoni fil-volatilità tar-rati tul il-kurva ta’ rendiment. L-għadd ta’ fatturi ta’ riskju relatati jiddependu fuq il-kumplessità tal-kuntratti tar-rata tal-imgħax ikklerjati mis-CCP. Riskju ta’ bażi, li jirriżulta minn movimenti mhux ikkorrelatati perfettament bejn rati ta’ imgħax tal-gvern u oħrajn fuq introjtu fiss, jinqabad separatament.

(b)

kuntratti relatati mar-rata ta’ kambju fatturi ta’ riskju li jikkorrispondu għal kull munita barranija li biha s-CCP tikklerja strumenti finanzjarji u għar-rata tal-kambju bejn il-munita li biha jsiru l-appelli għall-manutenzjoni tal-marġni u l-munita li biha s-CCP tikklerja l-istrumenti finanzjarji.

(c)

kuntratti relatati mal-ekwità: fatturi ta’ riskju li jikkorrispondu għall-volatilità ta’ kwistjonijiet individwali ta’ ekwità għal kull wieħed mis-swieq ikklerjati mis-CCP u għall-volatilità ta’ diversi setturi tas-suq globali tal-ekwità. Is-sofistikazzjoni u n-natura tat-teknika ta’ mmudellar ta’ suq partikolari jikkorrispondu għall-iskopertura tas-CCP għas-suq kumplessiv kif ukoll il-konċentrazzjoni tagħha fi kwistjonijiet individwali ta’ ekwità f’dak is-suq.

(d)

kuntratti ta’ komodità: fatturi tar-riskju li jqisu l-kategoriji u sottokategoriji differenti tal-kuntratti ta’ komodità u derivattivi relatati ikklerjati mis-CCP, inkluż, fejn xieraq, il-varjazzjonijiet fir-rendiment ta’ konvenjenza bejn il-pożizzjonijiet tad-derivattivi u l-pożizzjonijiet tal-flus fil-komodità.

(e)

kuntratti relatati mal-kreditu: fatturi ta’ riskju li jikkunsidraw riskju ta’ inadempjenza mhux mistennija, inkluż ir-riskju kumulattiv li jirriżulta minn inadempjenzi multipli, mir-riskju ta’ bażi u mill-volatilità tar-rata ta’ rkupru.

2.   Fit-testijiet tal-istress tagħha, CCP, mill-inqas, tqis ukoll b’mod xieraq dawn li ġejjin:

(a)

korrelazzjonijiet, inklużi dawk bejn fatturi ta’ riskju identifikati u kuntratti simili ikklerjati mis-CCP;

(b)

fatturi li jikkorrispondu għall-volatilità implikata u storika tal-kuntratt li qed jiġi kklerjat;

(c)

karatteristiċi speċifiċi ta’ kwalunkwe kuntratt ġdid li jiġi kklerjat mis-CCP;

(d)

konċentrazzjoni tar-riskju, inkluż fir-rigward ta’ membru tal-ikklerjar, u entitajiet ta’ gruppi ta’ membri tal-ikklerjar;

(e)

interdipendenzi u relazzjonijiet multipli;

(f)

riskji rilevanti inkluż ir-riskju tal-kambju tal-munita;

(g)

limiti ta’ skopertura stabbiliti;

(h)

riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli.

Artikolu 53

Ittestjar tal-istress għar-riżorsi finanzjarji totali

1.   Programm ta’ ittestjar tal-istress ta’ CCP jiżgura li l-kombinazzjoni tal-marġni, il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u r-riżorsi finanzjarji oħra tagħha huma suffiċjenti biex ikopru l-inadempjenza ta’ mill-inqas żewġ membri tal-ikklerjar li jkollha l-ikbar skoperturi għalihom taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli. Il-programmi ta’ ttestjar tal-istress jeżaminaw ukoll telf potenzjali li jirriżulta mill-inadempjenza tal-entitajiet fl-istess grupp taż-żewġ membri tal-ikklerjar li jkollha l-akbar skoperturi għalihom taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.

2.   Programm ta’ ttestjar tal-istress ta’ CCP jiżgura li l-marġni u l-fond tal-inadempjenza tagħha huma biżżejjed biex ikopru mill-inqas l-inadempjenza tal-membru tal-ikklerjar li jkollha l-akbar skoperturi għalih jew tat-tieni u t-tielet l-akbar membri tal-ikklerjar, jekk is-somma tal-iskoperturi tagħhom hija ikbar skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

3.   Is-CCP tagħmel analiżi komprensiva tat-telf potenzjali li tista’ ssoffri u tevalwa t-telf potenzjali fil-pożizzjonijiet tal-membri tal-ikklerjar, inkluż ir-riskju li l-likwidazzjoni ta’ tali pożizzjonijiet jista’ jkollha impatt fuq is-suq u l-livell ta’ kopertura tal-marġni tas-CCP.

4.   Fit-testijiet tal-istress tagħha, CCP tikkunsidra, fejn applikabbli, l-effetti tal-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar li joħroġ strumenti finanzjarji kklerjati mis-CCP jew is-sottostanti ta’ derivattivi ikklerjati mis-CCP. Fejn applikabbli, jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti tal-inadempjenza ta’ klijent li joħroġ strumenti finanzjarji kklerjati mis-CCP jew is-sottostanti ta’ derivattivi kklerjati mis-CCP.

5.   Testijiet tal-istress ta’ CCP jikkunsidraw il-perjodu ta’ likwidazzjoni kif previst fl-Artikolu 26.

Artikolu 54

Ittestjar tal-istress għar-riżorsi finanzjarji likwidi

1.   Programm ta’ ttestjar tal-istress tar-riżorsi finanzjarji likwidi tagħhom jiżgura li huma suffiċjenti skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu VIII.

2.   CCP jkollha regoli u proċeduri ċari u trasparenti sabiex tindirizza riżorsi finanzjarji likwidi insuffiċjenti enfasizzati mit-testijiet tal-istress tagħha biex tiżgura s-saldu tal-obbligi ta’ pagament.

CCP ikollha wkoll proċeduri ċari għall-użu tar-riżultati u l-analiżi tat-testijiet tal-istress tagħha biex tevalwa u taġġusta l-adegwatezza tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità u l-fornituri ta’ likwidità tagħha.

3.   Ix-xenarji tat-testijiet tal-istress użati fl-ittestjar tal-istress ta’ riżorsi finanzjarji likwidi iqisu d-disinn u l-operat tas-CCP, u jinkludu l-entitajiet kollha li jistgħu jippreżentaw riskju materjali tal-likwidità għaliha. Tali testijiet tal-istress jikkunsidraw ukoll kwalunkwe rabtiet b’saħħithom jew skoperturi simili bejn il-membri tal-ikklerjar tagħha, inkluż entitajiet oħra li huma parti mill-istess grupp, u jivvalutaw il-probabbiltà ta’ inadempjenzi multipli u l-effett ta’ kontaġju fost il-membri tal-ikklerjar tagħha li inadempjenzi bħal dawn jistgħu jikkawżaw.

TAQSIMA 5

Kopertura u Użu tar-riżultati tat-test

Artikolu 55

Żamma ta’ kopertura suffiċjenti

1.   CCP tistabbilixxi u żżomm proċeduri sabiex tirrikonoxxi l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq, inklużi l-volatilità akbar jew tnaqqis fil-likwidità tal-istrumenti finanzjarji li tikklerja, sabiex tadatta minnufih il-kalkolu tar-rekwiżit tal-marġni tagħha biex tqis b’mod xieraq kundizzjonijiet ġodda tas-suq.

2.   CCP twettaq testijiet fuq it-telf impost tagħha sabiex tiżgura kollateral li jista’ jiġi likwidat tal-anqas għal valur ta’ telf impost tagħha f’ kundizzjonijiet tas-suq estremi u osservati iżda plawsibbli.

3.   Jekk CCP tiġbor marġini f’livell ta’ portafoll minflok dak ta’ prodott, hija tirrevedi u tittestja kontinwament kif il-prodotti jikkumpensaw lil xulxin. CCP tibbaża tali kumpensi fuq metodoloġija prudenti u ekonomikament rilevanti li tirrifletti l-livell ta’ dipendenza fuq il-prezz bejn il-prodotti. B’mod partikolari, CCP tittestja l-prestazzjonjijiet ta’ korrelazzjonijiet matul perjodi ta’ kundizzjonijiet tas-suq severi attwali u ipotetiċi.

Artikolu 56

Reviżjoni tal-mudelli bl-użu tar-riżultati tat-testijiet

1.   CCP ikollha proċeduri ċari biex jiġi determinat l-ammont ta’ marġini addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa li tiġbor, inkluż fuq bażi ta’ matul l-istess jum, u biex tikkalibra mill-ġdid il-mudell tal-marġni tagħha fejn l-ittestjar retrospettiv jindika li l-mudell ma kellux il-prestazzjoni mistennija bir-riżultat li ma jidentifikax l-ammont xieraq ta’ marġni inizjali meħtieġa biex jintlaħaq il-livell maħsub ta’ kunfidenza. Meta CCP tkun iddeterminat li huwa neċessarju li titlob marġni addizzjonali tagħmel dan sal-proviżjonament ta’ marġni li jmiss.

2.   CCP tevalwa s-sors tal-eċċezzjonijiet mill-ittestjar enfasizzati mit-testijiet retrospettivi tagħha. Skont is-sors tal-eċċezzjonijiet, is-CCP tiddetermina jekk bidla fundamentali għall-mudell tal-marġni, jew għall-mudelli li jagħtu input lejh, hijiex meħtieġa u jekk l-ikkalibrar mill-ġdid tal-parametri attwali huwiex neċessarju.

3.   CCP tevalwa s-sors tal-eċċezzjonijiet mill-ittestjar enfasizzati mit-testijiet tal-istress tagħha. Is-CCP tiddetermina jekk bidla fundamentali għall-mudelli tagħha, il-metodoloġiji tagħhom jew tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha humiex meħtieġa jew jekk l-ikkalibrar mill-ġdid tal-parametri jew suppożizzjonijiet attwali huwiex meħtieġ, abbażi tas-sorsi tal-eċċezzjonijiet.

4.   Fejn ir-riżultati tat-testijiet juru kopertura insuffiċjenti tal-marġni, tal-fond tal-inadempjenza jew ta’ riżorsi finanzjarji oħra, CCP żżid il-kopertura kumplessiva tar-riżorsi finanzjarji tagħha għal livell aċċettabbli sal-proviżjonament ta’ marġni li jmiss. Fejn ir-riżultati tat-testijiet juru riżorsi finanzjarji likwidi insuffiċjenti, is-CCP iżżid ir-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha għal livell aċċettabbli malli jkun prattikabbli li jsir dan.

5.   Fir-reviżjoni tal-mudelli tagħha, il-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, CCP timmonitorja l-frekwenza ta’ eċċezzjonijiet tal-ittestjar rikorrenti biex tidentifika u ssolvi kwistjonijiet b’mod xieraq u mingħajr dewmien żejjed.

TAQSIMA 6

Testijiet invertiti tal-istress

Artikolu 57

Testijiet invertiti tal-istress

1.   CCP twettaq testijiet invertiti tal-istress imfassla biex jidentifikaw taħt liema kundizzjonijiet tas-suq il-kombinazzjoni tal-marġini, tal-fond tal-inadempjenza u riżorsi finanzjarji oħra tagħha tista’ tipprovdi kopertura insuffiċjenti tal-iskoperturi ta’ kreditu u li għalihom ir-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha jistgħu ma jkunux biżżejjed. Meta twettaq dawn it-testijiet, CCP timmudella kundizzjonijiet tas-suq estremi li jmorru lil hinn dawk li huma kkunsidrati kundizzjonijiet tas-suq plawsibbli sabiex jgħinu biex jiġu determinati l-limiti tal-mudelli tagħha, il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha, ir-riżorsi finanzjarji tagħha u r-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha.

2.   CCP tiżviluppa testijiet invertiti tal-istress adattati għar-riskji speċifiċi tas-swieq u tal-kuntratti li tipprovdi servizzi ta’ kklerjar għalihom.

3.   CCP tuża l-kundizzjonijiet identifikati fil-paragrafu 1 u r-riżultati u l-analiżi tat-testijiet invertiti tal-istress tagħha biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ xenarji estremi iżda plawsibbli skont il-Kapitolu VII.

4.   CCP perjodikament tirrapporta r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar tal-istress invertit, f’forma li tiksirx il-kunfidenzjalità, lill-kumitat tar-riskju sabiex tfittex il-parir tiegħu fir-reviżjoni tagħha.

TAQSIMA 7

Proċeduri ta’ inadempjenza

Artikolu 58

L-ittestjar ta’ proċeduri ta’ inadempjenza

1.   CCP tittestja u tirrevedi l-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha biex tiżgura li huma kemm prattiċi kif ukoll effettivi. CCP twettaq eżerċizzji ta’ simulazzjoni bħala parti mill-ittestjar tal-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha.

2.   CCP, wara ttestjar tal-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha, tidentifika kwalunkwe inċertezza u tadatta b’mod xieraq il-proċeduri tagħha biex tnaqqas tali inċertezza.

3.   CCP tivverifika, permezz tat-twettiq ta’ eżerċizzji ta’ simulazzjoni, li l-membri tal-ikklerjar kollha, fejn xieraq, il-klijenti u partijiet rilevanti oħra inklużi CCPs interoperabbli u kwalunkwe fornitur ta’ servizz relatati, huma infurmati kif xieraq u jafu l-proċeduri involuti f’xenarju ta’inadempjenza.

TAQSIMA 8

Validazzjoni u frekwenza tal-ittestjar

Artikolu 59

Frekwenza

1.   CCP twettaq validazzjoni komprensiva tal-mudell tagħha u l-metodoloġiji tagħhom tal-anqas darba fis-sena.

2.   CCP twettaq validazzjoni komprensiva tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwdità tal-anqas darba fis-sena.

3.   CCP twettaq il-validazzjoni sħiħa tal-mudelli ta’ valwazzjoni tagħha tal-anqas darba fis-sena.

4.   CCP tirrivedi l-idoneita tal-politiki speċifikati fl-Artikolu 51 tal-anqas darba fis-sena.

5.   CCP tanalizza u timmonitorja l-prestazzjoni tal-mudell u l-kopertura tar-riżorsi finanzjarji tagħha fil-każ ta’ inadempjenzi permezz ta’ ttestjar retrospettiv tal-kopertura tal-marġni u billi twettaq ittestjar tal-istress tal-anqas kuljum bl-użu ta’ parametri u suppożizzjonijiet standard u determinati minn qabel.

6.   CCP tanalizza u timmonitorja l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha billi twettaq testijiet tal-istress, mill-inqas darba kuljum, tar-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha.

7.   CCP twettaq analiżi dettaljata bir-reqqa tar-riżultati tal-ittestjar mill-inqas darba fix-xahar sabiex tiżgura li x-xenarji tal-ittestjar tal-istress, il-mudelli u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, il-parametri u s-suppożizzjonijiet sottostanti huma korretti. Din l-analiżi titwettaq aktar ta’ spiss f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress, inkluż meta l-istrumenti finanzjarji kklerjati jew swieq servuti b’mod ġenerali juru volatilità għolja, isiru inqas likwidi, jew meta d-daqs jew konċentrazzjonijiet tal-pożizzjonijiet miżmuma mill-membri tal-ikklerjar tagħha jiżdied b’mod sinifikanti jew fejn ikun mistenni li CCP se tiltaqa’ ma’ kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress.

8.   Analiżi tas-sensittività titwettaq mill-inqas darba fix-xahar, billi jintużaw ir-riżultati ta’ testijiet tas-sensittività. Din l-analiżi titwettaq aktar ta’ spiss meta s-swieq huma volatili b’mod mhux tas-soltu jew inqas likwidi jew meta d-daqs jew konċentrazzjonijiet ta’ pożizzjonijiet miżmuma mill-membri tal-ikklerjar tagħha jiżdiedu b’mod sinifikanti.

9.   CCP tittestja, mill-inqas darba fis-sena, kumpensi bejn l-istrumenti finanzjarji u l-prestazzjoni tal-korrelazzjonijiet waqt perjodi ta’ kundizzjonijiet tas-suq severi.

10.   It-telf impost ta’ CCP jiġi ttestjat mill-inqas darba fix-xahar.

11.   CCP twettaq testijiet invertiti tal-istress mill-inqas kull tliet xhur.

12.   CCP tittestja u tirrevedi l-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha mill-inqas kull tliet xhur u twettaq eżerċizzji ta’ simulazzjoni mill-inqas kull sena, skont l-Artikolu 61. CCP twettaq wkoll eżerċizzji ta’ simulazzjoni wara kwalunkwe bidla materjali għall-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha.

TAQSIMA 9

Orizzonti ta’ żmien użati għat-twettiq tat-testijiet

Artikolu 60

Orizzonti ta’ żmien

1.   L-orizzonti ta’ żmien użati għal testijiet tal-istress jiġu ddefiniti skont il-Kapitolu VII u jinkludu kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli li jħarsu ‘l quddiem.

2.   L-orizzonti ta’ żmien storiċi użati għall-ittestjar retrospettiv jinkludu dejta tal-anqas mill-aktar sena riċenti jew skont kemm CCP tkun ilha tikklerja l-istrument finanzjarju rilevanti jekk dan ikun inqas minn sena.

TAQSIMA 10

Divulgazzjoni pubblika

Artikolu 61

Informazzjoni li għandha tiġi divulgata pubblikament

1.   CCP pubblikament tiddivulga l-prinċipji ġenerali sottostanti għall-mudelli tagħha u l-metodoloġiji tagħhom, in-natura tat-testijiet imwettqa, b’sommarju ta’ livell għoli tar-riżultati ta’ testijiet u kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda.

2.   CCP għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-aspetti ewlenin tal-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha, inklużi:

(a)

iċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tittieħed azzjoni;

(b)

min jista’ jieħu dawn l-azzjonijiet;

(c)

l-għan tal-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu, inkluż it-trattament ta’ kemm il-pożizzjonijiet, fondi u assi proprjetarji kif ukoll dawk tal-klijent;

(d)

il-mekkaniżmi biex jiġu indirizzati l-obbligi tas-CCP lejn il-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti;

(e)

il-mekkaniżmi biex jgħinu fl-indirizzar tal-obbligi tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti lejn il-klijenti tiegħu.

Artikolu 62

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (h), Taqsima 2 tal-Anness I japplika minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet fuq derivattivi, kif imsemmi fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali

(2)  ĠU L 201. 27.7.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 352, 21.12.2012, p. 32.

(4)  ĠU L 331, 15.12.2010 p. 84.

(5)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(8)  Ara paġna 37 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(10)  ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1.


ANNESS I

Kundizzjonijiet applikabbli għall-istrumenti finanzjarji, il-garanziji bankarji u d-deheb meqjusa bħala kollateral likwidu ħafna

TAQSIMA 1

Strumenti finanzjarji

Għall-finijiet tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kollateral likwidu ħafna fil-forma ta’ strumenti finanzjarji jkun strumenti finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament jew titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus li jissodisfaw kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li l-istrumenti finanzjarji nħarġu minn emittent li għandu riskju baxx ta’ kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;

(b)

is-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li l-istrumenti finanzjarji għandhom livell baxx ta’ riskju tas-suq abbażi ta’ valutazzjoni interna adegwata mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li ma tiddependix għalkollox fuq opinjonijiet esterni;

(c)

dawn huma denominati f’waħda mill-muniti li ġejjin:

(i)

munita li s-CCP tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskju tagħha;

(ii)

munita li biha s-CCP tikklerja kuntratti, fil-limitu tal-kollateral meħtieġ biex ikopri l-iskoperturi tas-CCP f’dik il-munita.

(d)

dawn ikunu trasferibbli liberament u mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja jew legali jew pretensjonijiet ta’ parti terza li xxekkel il-likwidazzjoni;

(e)

dawn ikollhom suq attiv ta’ bejgħ dirett jew ta’ ftehim ta’ riakkwist, bi grupp divers ta’ xerrejja u bejjiegħa, li għalihom is-CCP tista’ turi aċċess affidabbli, inkluż f’kundizzjonijiet ta’ stress;

(f)

ikollhom dejta affidabbli dwar il-prezzijiet ppubblikata fuq bażi regolari;

(g)

dawn mhumiex maħruġa minn:

(i)

il-membru tal-ikklerjar li jipprovdi l-kollateral, jew entità li tkun parti mill-istess grupp bħala membru tal-ikklerjar, għajr fil-każ ta’ bond kopert u f’każ biss meta l-assi li jsostnu dak il-bond ikunu segregati b’mod xieraq f’qafas legali b’saħħtu u jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’din it-taqsima;

(ii)

CCP jew entità li tkun parti mill-istess grupp bħal CCP;

(iii)

entità li l-operat tagħha tinvolvi li l-forniment ta’ servizzi kritiċi għall-funzjonament tas-CCP, sakemm dik l-entità mhijiex bank ċentrali taż-ŻEE jew bank ċentrali ta’ emissjoni ta’ munita li s-CCP ikollha skoperturi fiha;

(h)

dawn mhumiex b’xi mod ieħor soġġetti għal riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli sinifikanti.

TAQSIMA 2

Garanziji bankarji

1.

Garanzija ta’ bank kummerċjali, soġġetta għal limiti miftiehma mal-awtorità kompetenti, tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin biex tiġi aċċettata bħala kollateral skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:

(a)

tinħareġ biex tiggarantixxi membru tal-ikklerjar mhux finanzjarju;

(b)

tkun inħarġet minn emittent li s-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li għandu riskju baxx ta’ kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;

(c)

hija denominata f’waħda mill-muniti li ġejjin:

(i)

munita li CCP tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskju tagħha;

(ii)

munita li biha is-CCP tikklerja kuntratti, fil-limitu tal-kollateral meħtieġ biex ikopri l-iskoperturi tas-CCP f’dik il-munita;

(d)

hija irrevokabbli, mhix ikkondizzjonata u l-emittent ma jistax jinvoka ebda eżenzjoni jew difiża ġuridika jew kuntrattwali li topponi l-pagament tal-garanzija;

(e)

tista’ tiġi onorata, meta mitluba, fi ħdan il-perjodu ta’ likwidazzjoni tal-portafoll tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti li jipprovdiha mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja, ġuridika jew operazzjonali;

(f)

mhijiex maħruġa minn:

(i)

entità li tkun parti mill-istess grupp bħal dak tal-membru tal-ikklerjar mhux finanzjarju kopert mill-garanzija;

(ii)

entità li l-operat tagħha tinvolvi li l-forniment ta’ servizzi kritiċi għall-funzjonament tas-CCP, sakemm dik l-entità mhijiex bank ċentrali taż-ŻEE jew bank ċentrali ta’ emissjoni ta’ munita li s-CCP ikollha skoperturi fiha;

(g)

mhijiex b’xi mod ieħor soġġetta għal riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli sinifikanti;

(h)

hija sostnuta bis-sħiħ b’kollateral li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

mhuwiex soġġett għal riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli bbażat fuq korrelazzjoni mal-affidabbiltà kreditizja tal-garanti jew tal-membru tal-ikklerjar mhux finanzjarju, sakemm dak ir-riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli ikun ġie mitigat b’mod adegwat bit-telf impost tal-kollateral;

(ii)

is-CCP jkollha aċċess fil-pront għalih u jkun protett f’każ ta’ inadempjenza simultanja tal-membru tal-ikklerjar u tal-garanti;

(i)

l-idoneità tal-garanti tkun ġiet irratifikata mill-bord tas-CCP wara valutazzjoni sħiħa tal-emittent u tal-qafas ġuridiku, kuntrattwali u operazzjonali tal-garanzija sabiex ikun hemm livell għoli ta’ sikurezza dwar l-effettività tal-garanzija, u tkun innotifikata lill-awtorità kompetenti.

2.

Garanzija bankarja maħruġa minn bank ċentrali tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex tiġi aċċettata bħala kollateral skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:

(a)

tinħareġ minn bank ċentrali taż-ŻEE jew bank ċentrali ta’ emissjoni ta’ munita li s-CCP ikollha skoperturi fiha;

(b)

hija denominata f’waħda mill-muniti li ġejjin:

(i)

munita li CCP tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskju tagħha;

(ii)

munita li biha is-CCP tikklerja tranżazzjonijiet, fil-limitu tal-kollateral meħtieġ biex ikopri l-iskoperturi tas-CCP f’dik il-munita;

(c)

hija irrevokabbli, mhix ikkondizzjonata u l-emittent ma jistax jinvoka ebda eżenzjoni jew difiża ġuridika jew kuntrattwali li topponi l-pagament tal-garanzija;

(d)

tista’ tiġi onorata fi ħdan il-perjodu ta’ likwidazzjoni tal-portafoll tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti li jipprovdiha mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja, ġuridika jew operazzjonali jew mingħajr pretensjoni ta’ parti terza għaliha.

TAQSIMA 3

Deheb

Id-deheb ikun allokat bħala ingotti ta’ deheb pur, ta’ konsenja tajba rikonoxxuta, u jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex jiġi aċċettat bħala kollateral skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:

(a)

ikun miżmum direttament mis-CCP;

(b)

ikun ddepożitat għand bank ċentrali taż-ŻEE jew bank ċentrali ta’ emissjoni ta’ munita li fiha s-CCP għandha skoperturi li jkollhom arranġamenti adegwati sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tas-sjieda tad-deheb ta’ membru tal-ikklerjar jew tal-klijenti u li jippermettu aċċess fil-pront għad-deheb meta jkun meħtieġ;

(c)

ikun iddepożitat ma’ istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata kif iddefinita skont id-Direttiva 2006/48/KE li jkollha arranġamenti adegwati sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tas-sjieda tad-deheb ta’ membru tal-ikklerjar jew tal-klijenti u li jippermettu aċċess fil-pront għad-deheb meta jkun meħtieġ u s-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li għandha riskju baxx ta’ kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-istituzzjoni ta’ kreditu f’pajjiż partikolari;

(d)

ikun ddepożitat f’istituzzjoni ta’ kreditu ta’ pajjiż terz li hija soġġetta għal u tikkonforma ma’ regoli prudenzjali meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti bħala li huma stretti tal-anqas daqs dawk stabbiliti fid-Direttiva 2006/48/KE u li jkollha prattiki tal-kontabbiltà, proċeduri ta’ kustodja u kontrolli interni b’saħħithom u li jkollha arranġamenti adegwati sabiex tissalvagwarja id-drittijiet ta’ sjieda tad-deheb ta’ membru tal-ikklerjar jew tal-klijenti, tippermetti lis-CCP li jkollha aċċess fil-pront għad-deheb meta meħtieġ u s-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li għandha riskju baxx ta’ kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-istituzzjoni ta’ kreditu f’pajjiż partikolari.


ANNESS II

Kundizzjonijiet applikabbli għal strumenti finanzjarji likwidi ħafna

1.

Għall-finijiet tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, strumenti finanzjari jistgħu jitqiesu bħala strumenti finanzjarji likwidi ħafna, li jkollhom riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq jekk jissodisfaw kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jinħarġu jew huma espliċitament iggarantiti minn:

(i)

gvern;

(ii)

bank ċentrali;

(iii)

banek ta’ żvilupp multilaterali, kif elenkati taħt it-Taqsima 4.2 tal-Parti 1 tal-Anness VI tad-Direttiva 2006/48/KE;

(iv)

il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fejn applikabbli;

(b)

is-CCP tista’ turi li għandhom riskju baxx ta’ kreditu u tas-suq abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;

(c)

iż-żmien medju sal-maturità tal-portafoll tas-CCP ma jaqbiżx sentejn;

(d)

dawn huma denominati f’waħda mill-muniti li ġejjin:

(i)

munita li s-CCP tista’ turi li hija kapaċi timmaniġġja r-riskji tagħha; jew

(ii)

munita li biha s-CCP tikklerja tranżazzjonijiet, fil-limitu tal-kollateral li jasal f’dik il-munita.

(e)

ikunu trasferibbli liberament u mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja jew pretensjonijiet ta’ parti terza li xxekkel il-likwidazzjoni;

(f)

ikollhom suq attiv ta’ bejgħ dirett jew ta’ ftehim ta’ riakkwist, bi grupp divers ta’ xerrejja u bejjiegħa, inkluż f’kundizzjonijiet ta’ stress u li s-CCP tista’ turi aċċess affidabbli għalihom;

(g)

dejta affidabbli dwar il-prezzijiet ta’ dawn l-istrumenti tkun ippubblikata fuq bażi regolari.

2.

Għall-finijiet tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kuntratti ta’ derivattivi jistgħu jitqiesu wkoll bħala strumenti finanzjarji likwidi ħafna, li jkollhom riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq jekk huma konklużi għall-fini ta’:

(a)

iħħeġġjar tal-portafoll tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti bħala parti mill-proċedura ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tas-CCP; jew

(b)

iħħeġġjar tar-riskju tal-kambju mill-qafas ta’ ġestjoni tal-likwidità tiegħu stabbilit skont il-Kapitolu VIII.

Fejn jintużaw kuntratti ta’ derivattivi f’tali ċirkostanzi, l-użu tagħhom ikun limitat għal kuntratti ta’ derivattivi li għalihom hija ppubblikata dejta affidabbli dwar il-prezzijiet fuq bażi regolari u għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-kreditu u tas-suq li s-CCP tkun esposta għalihom.

Il-politika tas-CCP għall-użu ta’ kuntratti ta’ derivattivi tiġi approvata mill-bord wara konsultazzjoni mal-kumitat tar-riskju.


Top