EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012Y0405(01)

Protokoll ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

OJ C 102, 5.4.2012, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/10/2022; Revokat u sostitwit bi 32024Y02206

5.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 102/1


Protokoll ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

2012/C 102/01

PREAMBOLU

Il-Kummissjoni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”) iqisu li huwa fl-interess komuni tagħhom li jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom permezz tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll li jipprovdi arranġamenti għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, li jissostitwixxu l-arranġamenti previsti fil-Protokoll tas-7 ta’ Novembru 2005 u l-Addendum għalih tal-31 ta’ Mejju 2007.

Dawn l-arranġamenti jagħmlu parti mill-ħolqien ta’ ambjent li jwassal għal involviment akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, fil-proċessi tat-tfassil tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dan l-ambjent iwassal ukoll għall-iżvilupp ta’ djalogu strutturat kontinwu bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Bis-saħħa tar-rwol mogħti lilu mit-Trattati, il-Kumitat għandu responsabbiltà partikolari biex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-Kumitat, bħala intermedjarju privileġġat bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 13, għandu rwol ewlieni x’jaqdi fl-implimentazzjoni minn dawn l-istituzzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tat-TUE.

Il-Kummissjoni tikkoopera mal-Kumitat għall-ksib tat-tliet missjonijiet fundamentali tiegħu kif identifikat fl-Istqarrija tal-Missjoni tal-Kumitat:

l-għoti ta’ pariri lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u fl-interess ġenerali tal-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha;

il-promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea u l-iżvilupp ta’ Unjoni Ewropea aktar parteċipattiva u inklużiva li tkun eqreb iċ-ċittadini tagħha;

l-akkumpanjament tad-dimensjoni esterna tal-azzjoni tal-Unjoni billi jiġi żviluppat djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċejtà ċivili u billi jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u d-demokrazija parteċipattiva.

Il-Kummissjoni tappoġġja t-tisħiħ tar-rwol konsultattiv tal-Kumitat, kemm iżjed ’il fuq kif ukoll iżjed ’l isfel fil-katina tal-proċess leġislattiv u tat-tfassil tal-politika tal-Unjoni. Il-Kumitat jista’ jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod partikolari b’rabta mal-klawżoli orizzontali, kif previst fl-Artikoli 8 sa 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-Kummissjoni u l-Kumitat jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-Unjoni bil-għan li jsaħħu l-leġittimità demokratika tagħha.

Il-Kummissjoni tqis din il-kooperazzjoni bħala għodda privileġġata għall-organizzazzjoni ta’ djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivli kif stipulat fl-Artikolu 11 tat-TUE.

Il-Kummissjoni tappoġġja l-inizjattivi tal-Kumitat għall-promozzjoni u l-istrutturar ta’ djalogu u ta’ konsultazzjoni mas-soċejtà ċivili organizzata Ewropea u għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet man-netwerk ta’ Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili fl-Istati Membri, bil-għan li l-Kumitat ikun jista’ jwassal bis-sħiħ l-istennijiet u l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata.

I.   RELAZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U AMMINISTRATTIVI

1.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ kull sena, il-Kumitat ser iħabbar il-prijoritajiet politiċi ewlenin tiegħu fir-rigward tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għas-sena ta’ wara.

Għandha tiġi organizzata laqgħa bejn il-President tal-Kummissjoni u/jew il-Viċi President responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat u l-President tal-Kumitat tal-anqas darba fis-sena matul it-tħejjijiet tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni biex jiġu analizzati kwistjonijiet ta’ interess komuni.

Kull sena, il-Kumitat jorganizza dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea li matulu l-President tal-Kummissjoni jew il-Viċi President responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat jippreżenta l-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni Ewropea għas-sena ta’ wara.

2.

Il-President tal-Kummissjoni għandu jippreżenta l-objettivi strateġiċi tiegħu jew tagħha quddiem l-Assemblea Plenarja fil-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni.

3.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat jikkooperaw bil-għan li jikkontribwixxu b’mod effettiv għal tfassil aħjar tal-liġijiet.

4.

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-ħidma tal-Kumitat, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sessjonijiet plenarji, bil-għan li jiddiskutu l-linji gwida strateġiċi fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom u kwalunkwe kwistjoni oħra determinata minn qabel permezz ta’ ftehim komuni. Barra minn hekk, il-membri tal-Kummissjoni jistgħu jitolbu li jitkellmu matul l-Assemblea Plenarja.

Il-membri tal-Kummissjoni jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, uffiċjali għolja jistgħu jitolbu li jitkellmu f’dibattiti tal-Bureau tal-Kumitat dwar inizjattivi tal-Kummissjoni.

Kull sena tiġi organizzata laqgħa bejn il-presidenti tas-sezzjonijiet speċjalizzati u l-membru(i) korrispondenti tal-Kummisjoni biex jiġu eżaminati l-prijoritajiet u l-programmi ta’ ħidma rispettivi tagħhom.

5.

Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni huma involuti fil-ħidma tal-Kumitat dwar id-dossiers li huma responsabbli għalihom u kemm jista’ jkun għandhom jattendu l-laqgħat li jiġu mistiedna għalihom. Huma jippreżentaw il-proposti tal-Kummissjoni u kwalunkwe dokument ieħor li jiġi eżaminat u jipprovdu informazzjoni dwar l-iżvilupp tad-dossiers.

Huma jikkooperaw mill-qrib mal-kontrapartijiet tagħhom mill-Kumitat dwar id-dossiers li għalihom huma responsabbli..

6.

Il-koordinaturi jew il-persuni responsabbli maħtura minn kull dipartiment tal-Kummissjoni u s-segretarjati tas-sezzjonijiet speċjalizzati tal-Kumitat, b’mod partikolari, għandhom jaqsmu l-informazzjoni b’mod regolari, speċjalment fil-kuntest tal-ippjanar tad-DĠ u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ ħidma tas-sezzjonijiet.

Il-koordinaturi għandhom jiltaqgħu mas-Segretarjat tal-Kumitat tal-anqas darba fis-sena biex jaqsmu l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ewlenin jew l-inizjattivi ta’ interess komuni meħuda jew ippjanati mill-Kummissjoni jew mill-Kumitat.

II.   FUNZJONI KONSULTATTIVA TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

7.

Fuq il-bażi tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni u l-analiżi tal-prijoritajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Kumitat, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jibgħat lill-Kumitat lista ta’ proposti li dwarhom hija prevista konsultazzjoni fakultattiva. Din il-lista tinkludi wkoll dokumenti ta’ natura mhux leġiżlattiva li dwarhom il-Kummissjoni beħsiebha titlob l-opinjoni tal-Kumitat.

Fil-kuntest tal-ippjanar tagħha, il-Kummissjoni tikkonferma l-konsultazzjonijiet fakultattivi flimkien mal-“programm kontinwu” tagħha qabel il-laqgħat tal-Bureau tal-Kumitat.

Il-Kumitat jagħmel ħiltu biex jikkunsidra l-prijoritajiet u l-iskadenzi tal-Kummissjoni huwa u jorganizza l-ħidma tiegħu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipprovdi lill-Kumitat informazzjoni preċiża dwar l-iskedar tal-proposti tagħha.

8.

B’rispett dovut għat-Trattati, huwa importanti li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kumitat ikunu aktar selettivi.

Għalhekk, il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq konsultazzjoni fakultattiva b’mod partikolari fuq il-kriterji li ġejjin:

is-suġġett għandu jkun ta’ interess ġenerali u jikkonċerna qasam fejn l-opinjoni tal-Kumitat tipprovdi valur miżjud fil-kuntest tat-tfassil tal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-Unjoni;

dan il-pass huwa intiż biex jitniedu diskussjonijiet dwar jekk hux opportun li tittieħed azzjoni mill-Unjoni f’qasam partikolari jew rigward suġġett partikolari.

Il-Kumitat ikompli jaħdem biex jarmonizza l-ħidma tiegħu bil-għan li jiffoka fuq dawk l-opinjonijiet li wisq probabbli jipprovdu l-ikbar valur miżjud reali fit-tfassil tal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-Unjoni.

9.

Bħala parti mill-proċess tat-tfassil tal-politiki tal-Unjoni u l-ippjanar tal-ħidma tagħha, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Kumitat ifassal opinjonijiet esploratorji f’oqsma ta’ importanza partikolari għas-soċjetà ċivili organizzata, fejn tikkunsidra li l-Kumitat għandu l-kompetenza u l-għarfien espert biex jagħmel dan. Dawn it-talbiet jiġu kkomunikati lill-Kumitat mill-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat, flimkien ma’ indikazzjonijiet preċiżi tas-suġġett u l-iskadenza, jekk applikabbli, għat-tfassil tal-opinjoni.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat jagħmlu ħilithom biex jinkludu dawn it-talbiet għal opinjonijiet esploratorji f’approċċ integrat fejn l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bl-iżjed mod wiesa’ possibbli.

Il-Kummissjoni tipprovdi monitoraġġ adatt biex jiġi valutat il-valur ta’ dawn l-opinjonijiet fit-tfassil tal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-Unjoni.

10.

Il-Kummissjoni tibgħat lill-Kumitat id-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq il-funzjoni konsultattiva tiegħu fl-istess waqt li tibgħathom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

11.

Bil-għan li l-opinjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jiġu segwiti aħjar, il-Kumitat b’mod partikolari għandu:

jenfasizza l-bidliet speċifiċi li jixtieq jagħmel fil-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni; u

jiġbor fil-qosor ir-rakkomandazzjonijiet u l-proposti ewlenin tiegħu.

12.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat jirrikonoxxu l-valur tas-segwitu tal-opinjonijiet. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, b’mod sistematiku, tagħti raġunijiet għala għandu jingħata segwitu jew le lill-proposti għal bidliet u s-suġġerimenti sostantivi fl-opinjonijiet tal-Kumitat.

Għall-opinjonijiet esploratorji, il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tipprovdi segwitu politiku, inkluż, fejn possibbli, informazzjoni minn membru kompetenti tal-Kummissjoni matul is-sessjoni plenarja ta’ wara s-sessjoni li matulha tkun ġiet adottata l-opinjoni kkonċernata.

Il-proposti għal bidliet f’dokumenti leġislattivi, meta jiġu aċċettati mill-Kummissjoni, għandhom jiġu inkorporati mill-Kummissjoni kemm jista’ jkun fil-proposti emendati tagħha.

Jekk il-Kummissjoni timmodifika sostanzjalment il-proposta tagħha wara l-konsultazzjoni inizjali tal-Kumitat u fejn it-Trattati jipprevedu konsultazzjoni obbligatorja, għandha tiżgura li l-Kumitat jerġa’ jiġi kkonsultat.

III.   IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U S-SOĊJETÀ ĊIVILI ORGANIZZATA

13.

Il-Kumitat għandu responsabbiltà partikolari biex jagħti ħajja lid-demokrazija parteċipattiva u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħti lill-Kumitat ambitu addizzjonali biex jaqdi r-rwol tiegħu ta’ intermedjarju privileġġat fid-djalogu bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Fid-dawl tal-Artikolu 11 tat-TUE, il-Kummissjoni u l-Kumitat jikkooperaw biex isaħħu l-parteċipazzjoni u d-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, u biex dawn l-organizzazzjonijiet jiġu involuti aktar fil-proċessi tat-tfassil tal-politika u tat-tħejjija tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat flimkien jippromovu djalogu strutturat bejn l-organizzazzjonijiet u n-netwerks tas-soċjetà ċivili Ewropea u bejniethom u l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt li stabbilixxa l-Kumitat.

Rigward il-politika ta’ konsultazzjoni tagħha, kull fejn ikun rilevanti, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-appoġġ tal-Kumitat b’mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħha mas-soċjetà ċivili organizzata, kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jappoġġja l-Kummissjoni billi jorganizza seduti, seminars u konferenzi konġunti mal-partijiet interessati kkonċernati dwar kwistjonijiet politiċi speċifiċi ta’ interess komuni u fejn għandu l-kompetenza u l-għarfien espert adatt.

14.

Il-Kummissjoni tieħu nota tar-rieda tal-Kumitat biex jgħin fl-implimentazzjoni tad-dritt ta’ inizjattiva taċ-ċittadini.

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 jistipula li matul il-perjodu ta’ tliet xhur meta l-Kummissjoni tirrifletti dwar inizjattiva taċ-ċittadini li għamlet suċċess, l-organizzaturi tal-inizjattiva għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentawha fi smigħ pubbliku li għandu jiġi organizzat b’mod konġunt mal-Parlament Ewropew “jekk ikun xieraq flimkien ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni li juru x-xewqa li jipparteċipaw”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni beħsiebha tissuġġerixxi lill-Parlament Ewropew li, kull fejn ikun xieraq, il-Kumitat jiġi mistieden jattendi smigħ pubbliku ta’ din ix-xorta.

Il-Kummissjoni tagħraf li, fi kwalunkwe mument, il-Kumitat jista’ jkolllu x-xewqa joħroġ opinjoni f’oqsma fejn jaħseb li għandu l-kompetenzi u l-għarfien espert xierqa u jista’ jipprovdi valur miżjud.

15.

Il-Kumitat, bħala parti mill-funzjoni konsultattiva tiegħu, jorganizza konsultazzjoni strutturata mas-soċjetà ċivili organizzata, fil-forma ta’ seduti, seminars jew konferenzi, bil-għan li jiġbor bl-iżjed mod mifrux possibbli l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkonċernati.

Il-Kummissjoni hija lesta tikkoopera fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-konsultazzjonijiet bl-aktar mod xieraq, anke billi toffri appoġġ loġistiku u/jew finanzjarju.

16.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat ser ikomplu jsaħħu s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet u l-inizjattivi tagħhom fl-oqsma ta’ politika li jikkonċernaw l-aktar lis-soċejtà ċivili organizzata, b’mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020, inklużi l-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima, it-tisħiħ tas-Suq Intern, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-immigrazzjoni u l-provvista tal-enerġija.

Kull sena, il-Kumitat jippreżenta rapport li jivvaluta, bil-kooperazzjoni mill-qrib tan-netwerk tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili fil-livell nazzjonali, l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Dan ir-rapport jiġi diskuss fis-sessjoni plenarja qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

Il-Kumitat ser jistieden lill-membru responsabbli mill-Kummissjoni biex jipparteċipa fid-dibattitu u jippreżenta l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir.

17.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat għandhom irawmu sens ta’ sjieda tal-politiki tal-Unjoni fost iċ-ċittadini. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kumitat li jimpenja ruħu biex jinvolvi lin-netwerk ta’ Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili fil-livell nazzjonali.

18.

Il-Kumitat jikkontribwixxi għall-proċess tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari b’rabta mal-klawżoli orizzontali, kif previst fl-Artikoli 8 sa 12 tat-TFUE.

19.

Il-Kumitat għandu l-għan li jappoġġja d-dimensjoni esterna tal-azzjoni tal-Unjoni billi jorganizza djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi u r-reġjuni li magħhom l-Unjoni għandha relazzjonijiet strutturati. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tappoġġja l-inizjattivi tal-Kumitat għat-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata lil hinn mill-Unjoni u għall-promozzjoni ta’ kultura ta’ djalogu u konsultazzjoni u strutturi assoċjati ma’ proċess bħal dan.

Il-Kumitat u l-Kummissjoni jaħdmu flimkien biex jippromovu l-ħolqien u jiżguraw il-ġestjoni ta’ mekkaniżmi konġunti tas-soċjetà ċivili għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ.

IV.   NIKKOMUNIKAW L-EWROPA FI SĦUBIJA

20.

L-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea liċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċejtà ċivili hija responsabbiltà kondiviża tal-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej kollha. Informazzjoni u komunikazzjoni effettivi mill-Unjoni Ewropea għandhom jiġu kkunsidrati primarjament bħala kompitu ta’ servizz pubbliku, biex iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw bis-sħiħ fid-dibattitu Ewropew u l-proċess demokratiku tat-tfassil tad-deċiżjonijiet u l-politiki tal-Unjoni.

21.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat huma tal-fehma li huwa fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u li jikkooperaw mill-qrib għal dan il-għan.

22.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat jaqblu dwar il-bżonn li jintegraw il-komunikazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fid-dawl tal-kompożizzjoni tiegħu u r-rwol allokat lilu mit-Trattati, il-Kumitat għandu rwol ewlieni x’jaqdi għall-ħolqien ta’ żona pubblika Ewropea ta’ djalogu u diskussjoni dwar dawk il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aktar iċ-ċittadini u li ser jiddeterminaw il-ġejjieni tal-proġett Ewropew.

23.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat ser jaħdmu flimkien biex l-avvenimenti konġunti tagħhom jiġu koperti fil-mezzi tax-xandir permezz tal-pjattaformi u l-għodod ta’ komunikazzjoni disponibbli. Fl-attivitajiet pubbliċi ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni u l-Kumitat jenfasizzaw ir-rwoli rispettivi tagħhom.

24.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat ser jaġġornaw u jaqsmu l-listi tagħhom ta’ persuni ta’ kuntatt uffiċjali fil-livell tal-kwartieri ġenerali u fl-Istati Membri, b’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u persuna ta’ kuntatt tal-Kumitat għal kull Stat Membru ser jinfurmaw lil xulxin dwar il-pjani ta’ komunikazzjoni tagħhom u ser jaħdmu flimkien biex jipparteċipaw, kull fejn xieraq, fl-avvenimenti li jorganizzaw. Intlaħaq ftehim li l-faċilitajiet tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri ser ikunu disponibbli għall-inizjattivi tal-Kumitat fejn dan ikun adatt u possibbli mil-lat loġistiku. Jista’ jkun hemm bżonn li, fejn ikun xieraq, jiġu konsultati l-Uffiċċji ta’ Informazzjoni tal-Parlament Ewropew.

25.

Il-Kumitat, flimkien mal-membri u l-organizzazzjonijiet imsieħba tiegħu u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili fil-livell nazzjonali, jikkostitwixxi netwerk ta’ informazzjoni u komunikazzjoni ewlieni. Il-Kummissjoni ser tipparteċipa, kull fejn possibbli, fil-laqgħat organizzati mill-Kumitat mal-membri tiegħu, mal-membri tal-organizzazzjonijiet ospitanti, u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili fil-livell nazzjonali.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni Ewropea

José Manuel BARROSO

Il-President

Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON

Il-President


Top