EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1272

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1272/2012 tal- 20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (riformulazzjoni)

OJ L 359, 29.12.2012, p. 21–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/04/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1272/oj

29.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/21


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1272/2012

tal-20 ta’ Diċembru 2012

dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (riformulazzjoni)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 74 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (3) ġew emendati b’mod sostanzjali. Billi għandhom isiru iżjed emendi, għandhom jiġu riformulati fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (4) (il-“Konvenzjoni ta’ Schengen”), u l-iżvilupp sussegwenti tagħha, is-SIS 1+, jikkostitwixxu għodda essenzjali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif dawn ġew integrati fil-qafas tal-Unjoni Ewropea.

(3)

L-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) ġie fdat mill-Kunsill lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 2424/2001 (5) u d-Deċiżjoni 2001/886/ĠAI (6). Dawk l-atti skadew fil-31 ta’ Diċembru 2008 qabel ma tlestew l-iżviluppi tal-SIS II. Għalhekk kellhom jiġu ssupplimentati l-ewwel permezz tar-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u permezz tad-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI u sussegwentement permezz ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1273/2012 tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (7) sa mhux aktar tard minn tmiem il-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II jew sa data li kellha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (8) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (9).

(4)

Is-SIS II ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u bid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti.

(5)

Ċerti testijiet tas-SIS II huma previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2008 (10) u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/ĠAI (11).

(6)

L-iżvilupp tas-SIS II għandu jitkompla u għandu jiġi ffinalizzat fil-qafas tal-iskeda globali tas-SIS II approvata mill-Kunsill fis-6 ta’ Ġunju 2008 u sussegwentement emendata f’Ottubru 2009 fid-dawl ta’ orjentazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill tal-4 ta’ Ġunju 2009 (Ġustizzja u Affarijiet Interni). Il-verżjoni ġdida tal-iskeda globali tas-SIS II ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Ottubru 2010.

(7)

Għandu jitwettaq test komprensiv tas-SIS II b’kooperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Malajr kemm jista’ jkun wara li jkun tlesta, dak it-test għandu jiġi vvalidat kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. Id-data tat-test biss għandha tintuża għall-iskop tat-test komprensiv.

(8)

L-Istati Membri għandhom iwettqu test dwar l-iskambju ta’ informazzjoni supplementari.

(9)

Fir-rigward tas-SIS 1+, il-Konvenzjoni ta’ Schengen tipprevedi funzjoni ta’ appoġġ tekniku (C.SIS). Fir-rigward tas-SIS II, ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jipprevedu SIS II Ċentrali magħmula minn funzjoni ta’ appoġġ tekniku u minn interfaċċja nazzjonali uniformi (NI-SIS). Il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS II Ċentrali għandha tkun ibbażata fi Strasburgu (Franza) u l-unità ta’ riżerva f’St Johann im Pongau (l-Awstrija).

(10)

Sabiex jiġu ġestiti aħjar id-diffikultajiet potenzjali li jinħolqu bil-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II għandha tiġi stabbilita u ttestjata arkitettura interim għall-migrazzjoni għas-SIS. L-arkitettura interim għall-migrazzjoni m’għandu jkollha l-ebda impatt fuq id-disponibbiltà operattiva tas-SIS 1+. Konvertitur għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni.

(11)

L-Istat Membru li joħroġ allert għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura li d-data li tiddaħħal fis-SIS tkun preċiża, aġġornata u legali.

(12)

Il-Kummissjoni għandha tibqa’ responsabbli għas-SIS II Ċentrali u għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha. Din ir-responsabbiltà tinkludi l-manutenzjoni u l-kontinwazzjoni tal-iżvilupp tas-SIS II u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha, inkluż f’kull ħin il-korrezzjoni tal-iżbalji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-koordinazzjoni u l-appoġġ għall-attivitajiet konġunti. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi, b’mod partikolari, l-appoġġ tekniku u operattiv meħtieġ għall-Istati Membri fil-livell tas-SIS II Ċentrali inkluż id-disponibbiltà ta’ helpdesk.

(13)

L-Istati Membri huma u għandhom jibqgħu responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi nazzjonali tagħhom (N.SIS II).

(14)

Franza għandha tibqa’ responsabbli għall-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS 1+, kif inhu previst espressament fil-Konvenzjoni ta’ Schengen.

(15)

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fil-qafas tal-Kunsill. Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas għal dik l-azzjoni organizzattiva.

(16)

Sabiex tappoġġa lill-Istati Membri jagħżlu l-aktar soluzzjoni teknika u finanzjarja favorevoli, il-Kummissjoni għandha tniedi mingħajr dewmien il-proċess ta’ adattament ta’ dan ir-Regolament billi tipproponi qafas legali għall-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II li jirrifletti aħjar l-approċċ għall-migrazzjoni tekniku deskritt fil-Pjan ta’ Migrazzjoni tal-Proġett tas-SIS (il-“Pjan ta’ Migrazzjoni”) adottat mill-Kummissjoni wara vot pożittiv mill-Kumitat tas-SIS-VIS fit-23 ta’ Frar 2011.

(17)

Il-Pjan ta’ Migrazzjoni jipprevedi li fi ħdan il-perijodu tal-bidla, l-Istati Membri kollha, konsekuttivament, se jwettqu l-bidla individwali tagħhom tal-applikazzjoni nazzjonali mis-SIS 1+ għas-SIS II. Huwa xieraq mil-lat tekniku li dawk l-Istati Membri li jkunu qalbu jkunu kapaċi jużaw l-ambitu sħiħ tas-SIS II minn meta ssir il-bidla u ma jkollhomx jistennew sakemm l-Istati Membri l-oħra jaqilbu wkoll. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu applikati r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI minn mindu tibda l-bidla mill-ewwel Stat Membru. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-perijodu tal- bidla għandu jinżamm l-iqsar possibbli, u m’għandux jeċċedi t-tnax-il siegħa. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI m’għandhiex twaqqaf lil dawk l-Istati Membri, li jkunu għadhom ma qalbux jew li kellhom jaqgħu lura minħabba raġunijiet tekniċi, milli jużaw is-SIS II limitata għal funzjonalitajiet tas-SIS 1+ matul il-perijodu ta’ monitoraġġ intensiv. Sabiex jiġu applikati l-istess standards u kundizzjonijiet għal allerti, proċessar ta’ data u protezzjoni ta’ data fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li l-qafas legali tas-SIS II jiġi applikat għall-attivitajiet operattivi tas-SIS tal-Istati Membri li għadhom ma għamlux il-bidla.

(18)

Huwa meħtieġ li tinżamm l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen fuq bażi temporanja billi jiġu inkorporati dawk id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament, peress li dawn jipprovdu l-qafas legali għall-konvertitur u l-arkitettura interim għall-migrazzjoni matul il-migrazzjoni. L-arkitettura interim għall-migrazzjoni għall-operazzjonijiet tas-SIS 1+ tippermetti lis-SIS 1+ u lil ċerti partijiet tekniċi tal-arkitettura tas-SIS II li joperaw b’mod parallel matul perijodu tranżitorju limitat li jkun meħtieġ biex tkun possibbli migrazzjoni inkrimentali mis-SIS 1+ għas-SIS II.

(19)

Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jipprevedu li għas-SIS II Ċentrali għandha tintuża l-aqwa teknoloġija disponibbli, soġġetta għal analiżi kost-effettività. L-Anness għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-direzzjoni ulterjuri tas-SIS II tal-4-5 ta’ Ġunju 2009 stabbilixxa miri importanti li għandhom jintlaħqu sabiex jitkompla l-proġett attwali tas-SIS II. B’mod parallel, twettaq studju dwar l-elaborazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv għall-iżvilupp tas-SIS II abbażi tal-evoluzzjoni tas-SIS 1+ (SIS 1+ RE) bħala l-pjan ta’ kontinġenza, f’każ li t-testijiet juru nonkonformità mar-rekwiżiti tal-miri importanti. Abbażi ta’ dawn il-parametri, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jistieden lill-Kummissjoni biex taqleb għax-xenarju tekniku alternattiv.

(20)

Id-deskrizzjoni tal-komponenti tekniċi tal-arkitettura interim għall-migrazzjoni għaldaqstant għandha tiġi adattata sabiex tippermetti soluzzjoni teknika oħra, u b’mod partikolari s-SIS 1+ RE dwar l-iżvilupp tas-SIS II Ċentrali. Is-SIS 1+ RE hija soluzzjoni teknika possibbli biex tiġi żviluppata s-SIS II Ċentrali u jintlaħqu l-objettivi tas-SIS II stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

(21)

Is-SIS 1+ RE hija karatterizzata b’mezzi uniċi bejn l-iżvilupp tas-SIS II u s-SIS 1+. Ir-referenzi f’dan ir-Regolament għall-arkitettura teknika tas-SIS II u għall-proċess ta’ migrazzjoni għandhom għalhekk, f’każ ta’ implimentazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv, jinqraw bħala r-referenzi għas-SIS II abbażi ta’ soluzzjoni teknika oħra, kif applikata mutatis mutandis għall-ispeċifiċitajiet tekniċi ta’ dik is-soluzzjoni, waqt li jinżamm l-objettiv li tiġi żviluppata SIS II Ċentrali.

(22)

Fi kwalunkwe xenarju tekniku, ir-riżultat ta’ migrazzjoni f’livell ċentrali għandu jkun d-disponibbiltà tal-bażi tad-data tas-SIS 1+ u funzjonalitajiet ġodda tas-SIS II, li jinkludu kategoriji ta’ data addizzjonali, fis-SIS II Ċentrali. Sabiex ikun iffaċilitat l-illowdjar tad-data għandu jkun speċifikat li data mħassra kif imsemmi fl-Artikolu 113(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen mhux se tiġi emigrata mis-SIS 1+ għas-SIS II.

(23)

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tikkuntratta lil partijiet terzi, inklużi korpi pubbliċi nazzjonali, il-kompiti li jiġu mogħtija lilha permezz ta’ dan ir-Regolament u l-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (12) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

Tali kuntratti għandhom jirrispettaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data u jieħdu f’konsiderazzjoni r-rwol tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data rilevanti applikabbli għas-SIS, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u ta’ dan ir-Regolament.

(24)

Fir-rigward tal-finanzjament tal-iżvilupp tas-SIS II Ċentrali abbażi ta’ soluzzjoni teknika alternattiva, dan għandu jkun kopert mill-baġit ġenerali tal-Unjoni filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja soda. F’konformità mar-Regolament Finanzjarju l-Kummissjoni tista’ tiddelega l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lil korpi tas-settur pubbliku nazzjonali. Wara l-orjentazzjoni politika u soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni tkun mistiedna, f’każ li wieħed jaqleb għas-soluzzjoni alternattiva, biex tiddelega lil Franza l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit relatati mal-iżvilupp tas-SIS II abbażi tas-SIS 1+ RE.

(25)

Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perijodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni (13), inkludew żviluppi nazzjonali tas-SIS II fost l-azzjonijiet eliġibbli li għandhom ikunu kkofinanzjati taħt il-Fond għall-Fruntieri Esterni (EBF). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/599/KE tas-27 ta’ Awwissu 2007 li timplimenta d-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ linji gwida strateġiċi mill-2007 sal-2013 (14), identifikat ulterjorment lis-SIS II bħala waħda mill-ħames prijoritajiet strateġiċi taħt l-EBF, fejn ġiet rikonoxxuta l-importanza tal-appoġġ għall-iżvilupp koerenti u f’waqtu tal-proġetti nazzjonali flimkien mas-SIS II ċentrali.

Mill-adozzjoni ta’ dawk l-atti legali, il-proġett tas-SIS II irċieva riorjentazzjoni sinifikanti matul l-2010, wara t-tlestija ta’ kampanja importanti ta’ testijiet l-“Milestone 1”. Barra minn hekk, l-evoluzzjonijiet fl-użu tas-SIS mill-Istati Membri wasslu għal ħtieġa biex jiġu aġġornati r-rekwiżiti tekniċi tas-SIS II li jikkonċernaw il-prestazzjoni u l-kapaċità tal-ħażna li affettwaw l-ispejjeż tal-proġett SIS II kemm fil-livell ċentrali kif ukoll fil-livell nazzjonali.

(26)

Fir-rigward tal-proċess ta’ migrazzjoni mis-SIS 1+ sas-SIS II, l-evoluzzjoni fir-rekwiżiti u l-avvanzi magħmula fit-tlestija tal-proġett SIS II wasslu għal definizzjoni mill-ġdid tal-arkitettura tal-migrazzjoni, tal-kalendarju tal-migrazzjoni u tar-rekwiżiti għall-ittestjar. Parti importanti mill-attivitajiet, li issa se jkunu meħtieġa fil-livell tal-Istati Membri għall-migrazzjoni lejn is-SIS II, ma kinux antiċipati fiż-żmien meta r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI ġew adottati jew fiż-żmien meta l-pakkett finanzjarju u l-programmi pluriennali taħt l-EBF ġew imfassla. Għalhekk, hu meħtieġ li jerġgħu jiġu allinjati parzjalment il-prinċipji tad-distribuzzjoni tal-ispejjeż għall-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. Ċerti attivitajiet nazzjonali relatati ma’ dik il-migrazzjoni, b’mod partikolari f’konnessjoni mal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’attivitajiet ta’ ittestjar relatati mal-migrazzjoni, jistgħu jiġu kofinanzjati mil-linja baġitarja tas-SIS II tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dik il-possibbiltà għandha tkopri attivitajiet speċifiċi u definiti tajjeb lil hinn, minn azzjonijiet oħra relatati mas-SIS II u li m’għandhomx jikkoinċidu magħhom, li se jkomplu jiġu appoġġati taħt l-EBF. B’hekk l-assistenza finanzjarja pprovduta taħt dan ir-Regolament għandha tkun kumplimentari għal dik ipprovduta mill-EBF.

(27)

Fir-rigward tal-kofinanzjament ipprovdut taħt dan ir-Regolament, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġu evitati l-irregolaritajiet u l-frodi u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati l-fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati b’mod mhux korrett, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (15), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (16), u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (17).

(28)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu l-impatti finanzjarji tad-deċiżjoni fuq l-Istati Membri li għandhom jibqgħu involuti bis-sħiħ meta l-Kummissjoni teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha, għandhom jiġu konferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (18).

(29)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkooperaw mill-qrib matul il-passi kollha tal-iżvilupp tas-SIS II u l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II sabiex il-proċess ikun jista’ jitlesta. Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-SIS II tas-26-27 ta’ Frar 2009 u l-4-5 ta’ Ġunju 2009, ġie stabbilit korp informali li jikkonsisti f’esperti tal-Istati Membri u msejjaħ bħala l-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jingħata appoġġ dirett mill-Istati Membri lill-proġett ċentrali tas-SIS II. Ir-riżultat pożittiv tal-ħidma ta’ dak il-grupp ta’ esperti u l-ħtieġa li jissaħħu aktar il-kooperazzjoni u t-trasparenza tal-proġett SIS II ċentrali jiġġustifikaw l-integrazzjoni formali tal-grupp ta’ esperti fl-istruttura tal-ġestjoni tas-SIS II. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit formalment grupp ta’ esperti, imsejjaħ il-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm, sabiex jikkomplementa l-istruttura organizzattiva tas-SIS II attwali. Sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza kif ukoll il-kost-effettività n-numru ta’ esperti għandu jkun limitat. L-attivitajiet tal-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

(30)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (19) japplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni.

(31)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data hu responsabbli biex jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u huwa kompetenti li jissorvelja l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. L-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta hi responsabbli għas-superviżjoni tal-funzjoni teknika ta’ appoġġ tas-SIS 1+ attwali sad-dħul fis-seħħ tal-qafas legali SIS II. L-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali huma responsabbli għas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-data personali tas-SIS 1+ fuq it-territorju tal-Istati Membri rispettivi tagħhom u jibqgħu responsabbli għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali tas-SIS II fuq it-territorju tal-Istat Membru rispettiv tagħhom. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data personali. Dak il-qafas legali tas-SIS II jipprevedi li l-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jiżguraw is-superviżjoni kkoordinata tas-SIS II.

(32)

Il-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II hi proċess kumpless li, minkejja l-preparamenti intensivi mill-partijiet interessati kollha, tinvolvi riskji tekniċi sinifikanti. Hu mixtieq li l-qafas legali jipprovdi għall-flessibbiltà neċessarja biex jirrispondi għad-diffikultajiet mhux mistennija li s-sistema ċentrali jew li s-sistemi nazzjonali, jew sistema nazzjonali waħda, jistgħu jaffaċċjaw matul il-proċess tal-migrazzjoni. Għalhekk, waqt li għal ragunijiet ta’ ċertezza legali, il-fażi ta’ bidla u l-perijodu ta’ monitoraġġ intensiv li matulhom l-arkitettura interim għall-migrazzjoni tibqa’ teżisti għandhom ikunu kemm jista’ jkun qosra, il-Kunsill f’każ ta’ diffikultajiet tekniċi, għandu jkun jista’ jistabbilixxi d-data finali għat-tmiem tal-migrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

(33)

Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi stabbilita l-arkitettura interim għall-migrazzjoni u l-migrazzjoni tad-data mis-SIS 1+ għas-SIS II, ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u, għaldaqstant jistgħu, minħabba fl-iskala tad-daqs jew fl-effetti tal-azzjoni, jiġu milħuqa aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(34)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(35)

Sabiex fl-2012 jingħata effett lill-faċilità finanzjarja li tista’ tiġi pprovduta lill-Istati Membri mill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(36)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (20) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (21) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(37)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimetazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (22) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (23).

(38)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimetazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis  (24) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (25).

(39)

B’mod konformi mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Tratttat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, b’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi f’perijodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(40)

Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (26).

(41)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (27).

(42)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tal-Irlanda u tar-Renju Unit fl-acquis ta’ Schengen kif determinat bid-Deċiżjonijiet 2000/365/KE u 2002/192/KE rispettivament.

(43)

Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

(44)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat u ta opinjoni fid-9 ta’ Lulju 2012 (28),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan ġenerali

1.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (SIS 1+), għandha tiġi sostitwita b’sistema ġdida, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (SIS II), li l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tagħha huma rregolati bid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

2.   Skont il-proċeduri u t-tqassim tal-kompiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, is-SIS II għandha tiġi żviluppata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bħala sistema integrata unika u għandha titħejja għat-tħaddim.

3.   L-iżvilupp tas-SIS II jista’ jinkiseb bl-implimentazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv karatterizzat bl-ispeċifiċitajiet tekniċi tiegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“SIS II Ċentrali” tfisser il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS II li fiha bażi tad-data, il-“bażi tad-data tas-SIS II”, u interfaċċja nazzjonali uniformi (NI-SIS);

(b)

“C.SIS” tfisser il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS 1+, li fiha l-bażi tad-data ta’ referenza għas-SIS 1+ u l-interfaċċja nazzjonali uniformi (N.COM);

(c)

“N.SIS” tfisser is-sistema nazzjonali tas-SIS 1+, li tikkonsisti fis-sistemi ta’ data nazzjonali li jikkomunikaw mas-C.SIS;

(d)

“N.SIS II” tfisser is-sistema nazzjonali tas-SIS II, li tikkonsisti fis-sistemi ta’ data nazzjonali li jikkomunikaw mas-SIS II Ċentrali;

(e)

“konvertitur” tfisser għodda teknika li tippermetti komunikazzjoni konsistenti u affidabbli bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali, li tiżgura l-funzjonalitajiet previsti fl-Artikolu 10(3) u li tippermetti l-konverżjoni u s-sinkronizzazzjoni tad-data bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali;

(f)

“test komprensiv” tfisser it-test imsemmi fl-Artikolu 71(3)(c) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI;

(g)

“test dwar informazzjoni supplimentari” tfisser testijiet funzjonali bejn l-Uffiċċji SIRENE.

Artikolu 3

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ fir-rigward tal-kompiti li ġejjin:

(a)

il-manutenzjoni u l-kontinwazzjoni tal-iżvilupp tas-SIS II;

(b)

test komprensiv tas-SIS II;

(c)

test dwar informazzjoni supplimentari;

(d)

il-kontinwazzjoni tal-iżvilupp u l-ittestjar ta’ konvertitur;

(e)

l-istabbiliment u l-ittestjar ta’ arkitettura interim għall-migrazzjoni;

(f)

il-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II.

Artikolu 4

Komponenti tekniċi tal-arkitettura interim għall-migrazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II, il-komponenti li ġejjin għandhom ikunu disponibbli safejn neċessarju:

(a)

is-C.SIS u l-konnessjoni mal-konvertitur;

(b)

l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għas-SIS 1+ li tippermetti lis-C.SIS tikkomunika mal-N.SIS;

(c)

l-N.SIS;

(d)

is-SIS II Ċentrali, l-NI-SIS u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għas-SIS II li tippermetti lis-SIS II Ċentrali tikkomunika mal-N.SIS II u l-konvertitur;

(e)

l-N.SIS II;

(f)

il-konvertitur.

Artikolu 5

Responsabbiltajiet prinċipali fl-iżvilupp tas-SIS II

1.   Il-Kummissjoni għandha tkompli tiżviluppa s-SIS II Ċentrali, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u l-konvertitur.

2.   Franza għandha tagħmel disponibbli u topera s-C.SIS f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

3.   L-Istati Membri għandhom ikomplu jiżviluppaw l-N.SIS II.

4.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iżommu l-N.SIS f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

5.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jagħmlu disponibbli u joperaw l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għas-SIS 1+.

6.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-attivitajiet u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 3.

Artikolu 6

Kontinwazzjoni tal-iżvilupp

L-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa biex jitkompla l-iżvilupp tas-SIS II kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), b’mod partikolari l-miżuri meħtieġa għall-korrezzjoni tal-iżbalji, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami definita fl-Artikolu 17(2).

L-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa biex jitkompla l-iżvilupp tas-SIS II kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), safejn dak jikkonċerna l-interfaċċja nazzjonali uniformi filwaqt li tkun żgurata l-kompatibbiltà tal-N.SIS II mas-SIS II Ċentrali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami definita fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 7

Attivitajiet prinċipali

1.   Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu test komprensiv.

2.   Għandha tiġi stabbilita arkitettura interim għall-migrazzjoni u għandu jitwettaq test ta’ dik l-arkitettura mill-Kummissjoni flimkien ma’ Franza u l-Istati Membri l-oħrajn li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+.

3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II.

4.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu test dwar l-iskambju tal-informazzjoni supplimentari.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ meħtieġ fil-livell tas-SIS II Ċentrali għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4.

6.   L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.

Artikolu 8

Test Komprensiv

1.   It-test komprensiv m’għandux jibda qabel ma l-Kummissjoni tkun iddikjarat li hija tqis il-livell ta’ suċċess tat-testijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/173/ĠAI bħala suffiċjenti biex jinbeda tali test.

2.   Għandu jitwettaq test komprensiv bl-għan li jiġu kkonfermati, b’mod partikolari, l-ikkompletar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ tal-arranġamenti tekniċi meħtieġa sabiex tkun ipproċessata d-data tas-SIS II u t-turija li l-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II huwa mill-anqas l-istess bħal dak miksub mis-SIS 1+.

3.   It-test komprensiv għandu jitwettaq mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għall- N.SIS II u mill-Kummissjoni għas-SIS II Ċentrali.

4.   It-test komprensiv għandu jsegwi skeda dettaljata definita mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

5.   It-test komprensiv għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill għandhom jiddefinixxu l-kriterji biex jiġi determinat jekk l-arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-ipproċessar tad-data tas-SIS II humiex kompluti u jekk il-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II huwiex mill-anqas ekwivalenti għal dak miksub mis-SIS 1+.

7.   Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu analizzati permezz tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, mill-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu vvalidati skont l-Artikolu 71(3)(c) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

8.   L-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ jistgħu jipparteċipaw fit-test komprensiv. Ir-riżultati tagħhom m’għandhomx jaffettwaw il-validazzjoni ġenerali ta’ dak it-test.

Artikolu 9

Test dwar informazzjoni supplimentari

1.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu testijiet funzjonali tas-SIRENE.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli s-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha matul it-twettiq tat-test dwar l-informazzjoni supplimentari.

3.   It-test dwar l-informazzjoni supplimentari għandu jsegwi skeda dettaljata definita mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.

4.   It-test dwar l-informazzjoni supplimentari għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.

5.   Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu analizzati mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jiżguraw li r-riżultat tat-test globali jintbagħat lill-Parlament Ewropew.

6.   L-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ jistgħu jipparteċipaw fit-test dwar l-informazzjoni supplimentari. Ir-riżultati tagħhom m’għandhomx jaffettwaw il-validazzjoni ġenerali ta’ dak it-test.

Artikolu 10

Arkitettura interim għall-migrazzjoni

1.   Għandha tiġi stabbilita arkitettura interim għall-migrazzjoni, li tkun magħmula mill-komponenti kif stipulat fil-punti (a) u (f) tal-Artikolu 4. Il-konvertitur jgħaqqad is-SIS II Ċentrali u s-C.SIS għal perijodu transitorju. L-N.SIS jigu magħqudin mas-C.SIS u l-N.SIS II jiġu magħqudin mas-SIS II Ċentrali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi konvertitur, is-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha bħala parti mill-arkitettura interim għall-migrazzjoni.

3.   Safejn huwa meħtieġ, il-konvertitur għandu jaqleb id-data f’żewġ direzzjonijiet bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali u jżomm is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali sinkronizzati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tittestja l-komunikazzjoni bejn is-SIS II Ċentrali u l-konvertitur.

5.   Franza għandha tittestja l-komunikazzjoni bejn is-C.SIS u l-konvertitur.

6.   Il-Kummissjoni u Franza għandhom jittestjaw il-komunikazzjoni bejn is-SIS II Ċentrali u s-C.SIS permezz tal-konvertitur.

7.   Franza, flimkien mal-Kummissjoni, għandha tqabbad is-C.SIS permezz tal-konvertitur mas-SIS II Ċentrali.

8.   Il-Kummissjoni, flimkien ma’ Franza u l-Istati Membri l-oħrajn li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+, għandhom jittestjaw l-arkitettura interim għall-migrazzjoni sħiħa skont pjan ta’ ttestjar ipprovdut mill-Kummissjoni.

9.   Jekk ikun meħtieġ, Franza għandha tagħmel data disponibbli għall-finijiet tal-ittestjar.

Artikolu 11

Migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II

1.   Għall-migrazzjoni mis-C.SIS għas-SIS II Ċentrali, Franza għandha tagħmel disponibbli l-bażi tad-data tas-SIS 1+ u l-Kummissjoni għandha tintroduċi l-bażi tad-data tas-SIS 1+ fis-SIS II Ċentrali. Data tal-bażi tad-data tas-SIS 1+ imsemmija fl-Artikolu 113(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen m’għandhiex tkun introdotta fis-SIS II Ċentrali.

2.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jemigraw mill-N.SIS għall-N.SIS II billi jużaw l-arkitettura interim għall-migrazzjoni, bl-appoġġ ta’ Franza u tal-Kummissjoni.

3.   Il-migrazzjoni tas-sistema nazzjonali mis-SIS 1+ għas-SIS II ser tibda bl-illowdjar tad-data tal-N.SIS II, meta dik l-N.SIS II għandu jkun fiha fajl tad-data, il-kopja nazzjonali, li jkun fiha kopja kompluta jew parzjali tal-bażi tad-data tas-SIS II.

L-illowdjar tad-data kif deskritt fl-ewwel subparagrafu għandu jkun segwit minn bidla mill-N.SIS għall-N.SIS II għal kull Stat Membru. Il-bidla għandha tibda fid-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont l-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, wara li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 71(3) ta’ dik id-Deċiżjoni. Il-bidla mill-N.SIS għall-N.SIS II għall-Istati Membri kollha għandha titlesta f’inqas minn 12-il siegħa. L-applikazzjonijiet nazzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni supplementari għandhom jiċċaqalqu għan-netwerk s-TESTA b’mod parallel mal-bidla.

Il-migrazzjoni għandha tintemm wara perijodu ta’ monitoraġġ intensiv. Dak il-perijodu ta’ monitoraġġ intensiv għandu jkun limitat miż-żmien, u m’għandux jeċċedi 30 jum mid-data tal-bidla tal-ewwel Stat Membru.

Il-migrazzjoni għandha ssegwi skeda dettaljata pprovduta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.

4.   Il-Kummissjoni għandha tassisti fil-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-attivitajiet komuni matul il-migrazzjoni.

Artikolu 12

Qafas legali sostantiv

Għall-fażi tal-illowdjar tad-data tal-migrazzjoni kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3), id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandhom jibqgħu japplikaw għas-SIS 1+.

Mill-bidla tal-ewwel Stat Membru mill-N.SIS għall-N.SIS II, kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-Regolament, għandha tapplika d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

Dan ir-Regolament għandu jibqa’ japplika għall-arkitettura interim għall-migrazzjoni matul il-migrazzjoni kollha kif imsemmi fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 13

Kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw għat-twettiq tal-attivitajiet kollha koperti b’dan ir-Regolament skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tipprovdi l-appoġġ meħtieġ fil-livell tas-SIS II Ċentrali għall-ittestjar tal-N.SIS II u l-migrazzjoni lejha.

3.   L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu l-appoġġ meħtieġ fil-livell tal-N.SIS II għall-ittestjar tal-arkitettura interim għall-migrazzjoni.

Artikolu 14

Sostituzzjoni tat-taqsimiet nazzjonali permezz tal-N.SIS II

1.   L-N.SIS II tista’ tissostitwixxi t-taqsima nazzjonali msemmija fl-Artikolu 92 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, u f’dak il-każ l-Istati Membri m’għandhomx għalfejn iżommu fajl bid-data nazzjonali.

2.   Jekk xi Stat Membru jissostitwixxi t-taqsima nazzjonali tiegħu bl-N.SIS II, il-funzjonijiet obbligatorji tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku fir-rigward ta’ dik it-taqsima nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 92(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandhom isiru funzjonijiet obbligatorji fir-rigward tas-SIS II Ċentrali, mingħajr preġudizzju għall-obbligi imsemmija fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 10(1), (2) u (3) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

L-ipproċessar ta’ data u ż-żamma ta’ reġistri fis-SIS II Ċentrali

1.   Il-bażi tad-data tas-SIS II Ċentrali għandha tkun disponibbli għall-fini li jitwettqu tfittxijiet awtomatizzati fit-territorju ta’ kull Stat Membru.

2.   Is-SIS II Ċentrali għandha tipprovdi s-servizzi meħtieġa għad-dħul u l-ipproċessar tad-data tas-SIS 1+, l-aġġornament online tal-kopji nazzjonali tal-N.SIS II, is-sinkronizzazzjoni ta’ u l-konsistenza bejn il-kopji nazzjonali tal-N.SIS II u l-bażi tad-data tas-SIS II Ċentrali u tipprovdi l-operazzjonijiet għall-inizjalizzazzjoni u r-restawr tal-kopji nazzjonali tal-N.SIS II.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kull aċċess għal, u kull skambju ta’ data personali fi ħdan is-SIS II Ċentrali jiġu rreġistrati għall-finijiet ta’ verifika dwar jekk it-tfittxija tkunx skont il-liġi jew le, ta’ monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data u sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-SIS II Ċentrali u tas-sistemi nazzjonali, l-integrità u s-sigurtà tad-data.

4.   Ir-reġistri għandhom juru, b’mod partikolari, id-data u l-ħin tad-data trasmessa, id-data użata biex isiru tfittxijiet, ir-referenza għad-data trasmessa u l-isem tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ipproċessar tad-data.

5.   Ir-reġistri jistgħu jintużaw biss għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 3 u għandhom jitħassru mhux qabel sena u mhux iktar tard minn tliet snin wara li jkunu nħolqu.

6.   Ir-reġistri jistgħu jinżammu għal perijodu itwal jekk ikunu meħtieġa għall-proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew.

7.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 60(1) u l-Artikolu 61(1) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI responsabbli mill-kontroll dwar jekk it-tfittxija tkunx skont il-liġi jew le, mill-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data, mill-awtomonitoraġġ u biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-SIS II Ċentrali, l-integrità u s-sigurtà tad-data, għandhom, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, ikollhom aċċess, sal-limiti tal-kompetenzi tagħhom u fuq talba tagħhom, għal dawk ir-reġistri bil-għan li jaqdu l-kompiti tagħhom.

Artikolu 16

Spejjeż

1.   L-ispejjeż li jirriżultaw mill-migrazzjoni, it-test komprensiv, it-test dwar l-informazzjoni supplimentari, il-manutenzjoni u l-miżuri ta’ żvilupp fil-livell ta’ SIS II Ċentrali jew li jikkonċernaw l-infrastruttura tal-komunuikazzjoni għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

2.   L-ispejjeż li jirriżultaw mill-istallazzjoni, il-migrazzjoni, l-ittestjar, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali, kif ukoll mill-kompiti li għandhom isiru mis-sistemi nazzjonali skont dan ir-Regolament, għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru kkonċernat kif previst mill-Artikolu 119(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

3.   Minbarra l-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Fond għall-Fruntieri Esterni, l-Unjoni tista’ tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għan-nefqiet tal-Istati Membri għall-migrazzjoni u l-attivitajiet tal-ittestjar relatati mal-migrazzjoni tagħhom li jsiru skont l-Artikoli 8, 9, 10(8) u 11 ta’ dan ir-Regolament biex jiġu koperti attivitajiet speċifiċi u ddefiniti sewwa.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni relatata mal-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tieħu l-forma ta’ għotjiet kif previst mit-Titolu VI tar-Regolament Finanzjarju. Dik il-kontribuzzjoni m’għandhiex taqbeż 75 % tan-nefqiet eliġibbli ta’ kull Stat Membru u m’għandhiex taqbeż EUR 750 000 għal kull Stat Membru. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, tiddeċiedi u tamministra l-operazzjoni ta’ kofinanzjament b’konformità mal-proċeduri tal-baġit u oħrajn, b’mod partikolari dawk preskritti fir-Regolament Finanzjarju.

Kull Stat Membru li jitlob tali kontribuzzjoni finanzjarja għandu jipprepara previżjoni finanzjarja li tindika t-tqassim tal-ispejjeż operattivi kif ukoll amministrattivi tal-attivitajiet marbuta għall-ittestjar u l-migrazzjoni. Meta l-Istati Membri jużaw il-fondi tal-Unjoni għan-nefqiet tagħhom, dawk in-nefqiet għandhom ikunu raġonevoli u konformi mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda, b’mod partikolari valur għal flus u kosteffikaċja. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-użu tagħhom tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-bidla stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont l-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

Meta l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma tiġix implimentata jew tiġi implimentata mhux kif xieraq, parzjalment jew tard, l-Unjoni tista’ tnaqqas, iżżomm jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha. Meta l-Istati Membri ma jikkontribwixxux jew jikkontribwixxu biss parzjalment jew tard għall-finanzjament tal-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Unjoni tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha.

4.   Il-Qorti tal-Awdituri għandha tkun intitolata biex twettaq awditjar xieraq flimkien ma’ korpi nazzjonali tal-awditjar jew mad-dipartimenti kompetenti nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tkun mogħtija s-setgħa li twettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet kollha neċessarji biex tiżgura l-ġestjoni korretta tal-fondi tal-Unjoni u biex tipproteġi l-interess finanzjarju tal-Unjoni kontra kwalunkwe frodi jew irregolarità. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli d-dokumenti kollha rilevanti lill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri.

5.   L-ispejjeż tal-istallazzjoni u t-tħaddim tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku msemmija fl-Artikolu 92(3) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, inklużi l-ispejjeż tal-linji li jikkollegaw it-taqsimiet nazzjonali tas-SIS 1+ mal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku, u tal-attivitajiet imwettqa flimkien mal-kompiti mogħtija lil Franza għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jitħallsu b’mod konġunt mill-Istati Membri kif previst mill-Artikolu 119(1) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 17

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 67 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI (il-“Kumitat”). Il-Kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta l-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 18

Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet u l-attivitajiet rispettivi tal-Kummissjoni, il-Kumitat, Franza u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+, grupp ta’ esperti tekniċi, imsejjaħ il-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm (il-“Bord”), huwa b’dan stabbilit. Il-Bord għandu jkun korp konsultattiv ta’ assistenza għall-proġett tas-SIS II ċentrali u għandu jiffaċilita l-konsistenza bejn il-proġetti tas-SIS II ċentrali u tas-SIS II nazzjonali. Il-Bord m’għandu jkollu l-ebda setgħa deċiżjonali u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri.

2.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn 10 membri, li jiltaqgħu fuq bażi regolari. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill għandhom jaħtru mhux aktar minn 8 esperti u numru ugwali ta’ membri supplenti. Mhux aktar minn żewġ esperti u żewġ membri supplenti għandhom jiġu nnominati mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni minn fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni.

Jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-Bord, esperti oħrajn ta’ Stati Membri u l-uffiċjali tal-Kummissjoni involuti direttament fl-iżvilupp tal-proġetti SIS II, bi spejjeż għall-amministrazzjoni jew l-istituzzjoni rispettiva tagħhom.

Il-Bord jista’ jistieden lil esperti oħrajn biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord kif definit fit-termini ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 5, bi spejjeż għall-amministrazzjoni, l-istituzzjoni jew il-kumpannija rispettiva tagħhom.

3.   L-esperti maħtura mill-Istati Membri li jaġixxu bħala l-Presidenza u l-Presidenza li jmiss għandhom dejjem ikunu mistiedna biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord.

4.   Is-segretarjat tal-Bord għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni.

5.   Il-Bord għandu jfassal it-termini ta’ referenza tiegħu stess li għandhom jinkludu b’mod partikolari proċeduri dwar:

funzjoni ta’ president li talterna bejn il-Kummissjoni u l-Presidenza,

postijiet tal-laqgħat,

preparazzjoni tal-laqgħat,

ammissjoni ta’ esperti oħrajn,

pjan ta’ komunikazzjoni li jiżgura informazzjoni sħiħa lil Stati Membri li mhumiex qed jipparteċipaw.

It-termini ta’ referenza għandhom jieħdu effett wara li tingħata opinjoni favorevoli mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni u mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jiltaqgħu fil-qafas tal-Kumitat.

6.   Il-Bord għandu jippreżenta rapporti bil-miktub fuq bażi regolari dwar il-progress tal-proġett li jinkludu l-pariri li ngħataw, u l-ġustifikazzjoni tagħhom, lill-Kumitat jew, kif meħtieġ, lill-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2), l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-Bord għandhom jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, sa fejn dawn ma jkunux irrimburżati minn sorsi oħra. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri fil-Bord innominati mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill u esperti mistiedna skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu li jirriżultaw b’konnessjoni mal-ħidma tal-Bord, għandhom japplikaw ir-“Regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż li jsiru minn persuni minn barra l-Kummissjoni mistiedna sabiex jattendu laqgħat f’kapaċità ta’ esperti tal-Kummissjoni”.

Artikolu 19

Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta sal-aħħar ta’ kull perijodu ta’ sitt xhur, u għall-ewwel darba sal-aħħar tal-ewwel perijodu ta’ sitt xhur tal-2009, rapport ta’ progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SIS II u l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tat-testijiet imsemmija fl-Artikoli 8 u 10.

Artikolu 20

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI hija mħassra.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stipulata fl-Anness II.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jiskadi ma’ tmiem il-migrazzjoni kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(3). Jekk dik id-data ma tkunx tista’ tiġi rrispettata minħabba diffikultajiet tekniċi pendenti relatati mal-proċess ta’ migrazzjoni, huwa għandu jiskadi f’data li trid tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi konformement mal-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

E. FLOURENTZOU


(1)  Opinjoni tal-21 ta’ Novembru 2012 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43.

(4)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(5)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4.

(6)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 1.

(7)  Ara paġna 32 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(8)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(9)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

(10)  ĠU L 57, 1.3.2008, p. 1.

(11)  ĠU L 57, 1.3.2008, p. 14.

(12)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(13)  ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22.

(14)  ĠU L 233, 5.9.2007, p. 3.

(15)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(16)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(17)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(18)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(19)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(20)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(21)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(22)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(23)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(24)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(25)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.

(26)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(27)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(28)  ĠU C 336, 6.11.2012, p. 10.


ANNESS I

ID-DEĊIŻJONI MĦASSRA FLIMKIEN MAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TAGĦHA

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

(ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43)

Deċiżjoni tal-Kunsill 542/2010/ĠAI

(ĠU L 155, 22.6.2010, p. 23)


ANNESS II

IT-TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Deċiżjoni 2008/839/ĠAI

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 17

Artikolu 17a

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 19

Artikolu 21

Anness I

Anness II


Top