EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0017

Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Ġunju 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 156, 16.6.2012, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 17 Volume 002 P. 244 - 252

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/07/2017; Impliċitament imħassar minn 32017L1132

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/17/oj

16.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/1


DIRETTIVA 2012/17/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2012

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

In-negozji qegħdin jespandu dejjem aktar lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, billi jużaw l-opportunitajiet offruti mis-suq intern. Gruppi transkonfinali kif ukoll għadd kbir ta’ operazzjonijiet ta’ ristrutturar, bħalma huma l-mergers u d-diviżjonijiet, jinvolvu kumpanniji minn Stati Membri differenti. Konsegwentement, hemm domanda dejjem akbar għal aċċess għal informazzjoni dwar il-kumpanniji f’kuntest transkonfinali. Madankollu, informazzjoni uffiċjali fuq il-kumpanniji mhijiex dejjem disponibbli fil-pront fuq bażi transkonfinali.

(2)

Il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-fergħat miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor (3) tistabbilixxi l-lista ta’ dokumenti u partikolaritajiet li l-kumpanniji jkollhom jiżvelaw fir-reġistru tal-fergħa tagħhom. Madankollu, ma hemm l-ebda obbligu fuq ir-reġistri li jiskambjaw id-data dwar il-fergħat barranin. Dan iwassal għal inċertezza legali għal partijiet terzi billi, minkejja t-tneħħija tal-kumpannija minn fuq ir-reġistru, il-fergħa tagħha tista’ tkompli topera.

(3)

Operazzjonijiet bħal mergers transkonfinali rendew meħtieġa l-kooperazzjoni ta’ kuljum bejn ir-reġistri kummerċjali. Id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (4) teħtieġ lir-reġistri jikkooperaw fuq livell transkonfinali. Madankollu, ma hemmx kanali ta’ komunikazzjoni stabbiliti li jistgħu jgħaġġlu l-proċeduri, jgħinu biex jingħelbu l-problemi lingwistiċi, u jsaħħu ċ-ċertezza legali.

(4)

Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u partijiet terzi, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (5) tiżgura, fost l-oħrajn, li dokumenti u partikolaritajiet maħżuna fir-reġistru jkunu aċċessibbli fuq il-karta jew b’mezzi elettroniċi. Madankollu, iċ-ċittadini u l-kumpanniji għadhom ikollhom ifittxu fir-reġistru abbażi ta’ pajjiż b’pajjiż, partikolarment minħabba li l-kooperazzjoni voluntarja attwali bejn ir-reġistri tat prova li mhijiex suffiċjenti.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Att tas-Suq Uniku identifikat l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji bħala miżura meħtieġa biex jinħoloq ambjent legali u fiskali aħjar għall-kummerċ. L-interkonnessjoni għandha tikkontribwixxi għat-trawwim tal-kompetittività tal-kummerċ Ewropew billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tiżdied iċ-ċertezza legali u b’hekk tikkontribwixxi għall-ħruġ mill-kriżi globali ekonomika u finanzjarja, li hi waħda mill-prijoritajiet tal-aġenda Ewropa 2020. Għandha wkoll ittejjeb il-komunikazzjoni transkonfinali bejn ir-reġistri billi tuża innovazzjonijiet fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

(6)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2010 dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali kkonfermaw li aċċess aħjar għal informazzjoni aġġornata u affidabbli dwar il-kumpanniji jista’ jħeġġeġ konfidenza akbar fis-suq, jgħin l-irkupru, u jżid il-kompetittività tal-kummerċ Ewropew.

(7)

Fis-7 ta’ Settembru 2010 il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (6) enfasizza li l-utilità tal-proġett għal aktar integrazzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea tista’ tiġi esplojtata biss jekk l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fin-netwerk.

(8)

Il-pjan ta’ azzjoni pluriennali 2009-2013 dwar l-e-Justice Ewropea (7) jipprovdi għall-iżvilupp ta’ portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika (“il-portal”) bħala l-punt uniku ta’ aċċess elettroniku Ewropew għall-informazzjoni legali, istituzzjonijiet ġudizzjarji u amministrattivi, reġistri, bażijiet ta’ data u servizzi oħra u jqis l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji importanti.

(9)

L-aċċess transkonfinali għall-informazzjoni kummerċjali dwar kumpanniji u l-fergħat tagħhom li nfetħu fi Stati Membri oħra jista’ jitjieb biss jekk l-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom li jippermettu komunikazzjoni elettronika li għandha ssir bejn ir-reġistri u jittrażmettu l-informazzjoni lill-utenti individwali f’mod standardizzat, permezz ta’ kontenut identiku u teknoloġiji interoperabbli, madwar l-Unjoni. L-interoperabbiltà tar-reġistri għandha tiġi żgurata mir-reġistri tal-Istati Membri (“reġistri domestiċi”) li jipprovdu servizzi li għandhom iservu ta’ interface għall-pjattaforma ċentrali Ewropea (“il-pjattaforma”). Il-pjattaforma għandha tkun sett ċentralizzat ta’ għodda tat-teknoloġija tal-informatika li tintegra servizzi u għandha tifforma interface komuni. Dik l-interface għandha tintuża mir-reġistri domestiċi kollha. Il-pjattaforma għandha tipprovdi wkoll servizzi li jikkostitwixxu interface għall-portal, li jservi ta’ punt ta’ aċċess elettroniku Ewropew, u għall-punti ta’ aċċess fakultattivi oħra stabbiliti mill-Istati Membri. Il-pjattaforma għandha titqies biss bħala strument għall-interkonnessjoni tar-reġistri u mhux bħala entità distinta li għandha personalità legali. Fuq il-bażi ta’ identifikaturi uniċi, il-pjattaforma għandha tkun tista’ twassal l-informazzjoni minn kull wieħed mir-reġistri tal-Istati Membri għar-reġistri kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn f’format ta’ messaġġ standard (forma elettronika ta’ messaġġi skambjati bejn sistemi tat-teknoloġija tal-informatika, bħal, pereżempju, xml) u fil-verżjoni lingwistika rilevanti.

(10)

Din id-Direttiva m’għandhiex l-għan li tistabbilixxi xi bażi ta’ data ta’ reġistri ċentralizzata li taħżen informazzjoni sostantiva dwar il-kumpanniji. Fl-istadju ta’ implimentazzjoni tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji (“is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri”), is-sett biss ta’ data neċessarja għall-funzjonament tajjeb tal-pjattaforma għandu jkun definit. L-ambitu ta’ dik id-data għandu jinkludi, b’mod partikolari, data operattiva, dizzjunarji u glossarji. Għandu jiġi determinat, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat l-operat effiċjenti tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Dik id-data għandha tintuża bl-iskop li tippermetti l-pjattaforma twettaq il-funzjonijiet tagħha u m’għandha qatt tkun disponibbli għall-pubbliku f’forma diretta. Barra minn hekk, il-pjattaforma la għandha timmodifika l-kontenut tad-data dwar kumpanniji maħżuna f’reġistri domestiċi u lanqas l-informazzjoni dwar kumpanniji trażmessa permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

(11)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva mhuwiex li tarmonizza s-sistemi nazzjonali tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jbiddlu s-sistema interna tar-reġistri tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni u l-ħżin ta’ data, it-tariffi, u l-użu u l-iżvelar ta’ informazzjoni għal skopijiet nazzjonali.

(12)

Fi ħdan il-qafas ta’ din id-Direttiva, il-portal se jittratta, permezz tal-użu tal-pjattaforma, mistoqsijiet imressqa minn utenti individwali rigward informazzjoni dwar kumpanniji u l-fergħat tagħhom li nfetħu fi Stati Membri oħra maħżuna fir-reġistri domestiċi. Dan se jippermetti r-riżultati tat-tfittxija jiġu ppreżentati fil-portal, inklużi tabelli spjegattivi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni li jelenkaw l-informazzjoni pprovduta. Barra minn hekk, sabiex titjieb il-protezzjoni ta’ partijiet terzi fi Stati Membri oħrajn, informazzjoni bażika dwar il-valur legali ta’ dokumenti u partikolaritajiet żvelati skont il-liġijiet tal-Istati Membri adottati f’konformità mad-Direttiva 2009/101/KE għandha tkun disponibbli fil-portal.

(13)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu punt wieħed jew aktar ta’ aċċess fakultattiv, li jistgħu jkollhom impatt fuq l-użu u l-operat tal-pjattaforma. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata dwar l-istabbiliment tagħhom u dwar kwalunkwe tibdil sinifikanti fuq l-operat tagħhom, b’mod partikolari l-għeluq tagħhom. Din in-notifika m’għandha bl-ebda mod tillimita s-setgħat tal-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment u l-operat tal-punti ta’ aċċess fakultattivi.

(14)

Il-kumpanniji u l-fergħat tagħhom li nfetħu fi Stati Membri oħra għandhom ikollhom identifikatur uniku li jippermettilhom li jkunu identifikati bla ekwivoku fl-Unjoni. L-identifikatur huwa maħsub li jintuża għall-komunikazzjoni bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Għalhekk, il-kumpanniji u l-fergħat m’għandhomx ikunu obbligati jinkludu l-identifikatur uniku fl-ittri jew fil-formoli tal-ordni tal-kumpannija msemmija fid-Direttivi 89/666/KEE u 2009/101/KE. Għandhom ikomplu jużaw in-numru ta’ reġistrazzjoni domestiku tagħhom għall-iskopijiet ta’ komunikazzjoni proprji tagħhom.

(15)

Għandu jkun hemm il-possibbiltà li tiġi stabbilita konnessjoni ċara bejn ir-reġistri ta’ kumpannija u r-reġistri tal-fergħat tagħha li nfetħu fi Stati Membri oħra, li tkun tikkonsisti fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ftuħ u t-tmiem ta’ kwalunkwe proċediment ta’ stralċ jew falliment tal-kumpannija u dwar it-tneħħija tal-kumpannija minn fuq ir-reġistru, jekk dan iġib miegħu konsegwenzi legali fl-Istat Membru tar-reġistru tal-kumpannija. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-proċeduri li jsegwu fir-rigward tal-fergħat irreġistrati fit-territorju tagħhom, huma għandhom jiżguraw, tal-anqas, li l-fergħat ta’ kumpanniji li għalqu jitneħħew mir-reġistru mingħajr dewmien bla bżonn u, jekk applikabbli, wara proċedimenti għal-likwidazzjoni tal-fergħa kkonċernata. Dan l-obbligu m’għandux japplika għall-fergħat ta’ kumpanniji li tneħħew mir-reġistru iżda li għandhom suċċessur legali, bħal fil-każ ta’ kull tibdil fil-forma legali tal-kumpannija, merger jew diviżjoni, jew trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju rreġistrat tagħha.

(16)

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-fergħa li nfetħet fi Stat Membru minn kumpannija li mhijiex regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/666/KEE.

(17)

Id-Direttiva 2005/56/KE għandha tiġi emendata sabiex tiżgura li l-komunikazzjoni bejn ir-reġistri titwettaq permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

(18)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta’ kwalunkwe bidla fl-informazzjoni mdaħħla fir-reġistri rigward il-kumpanniji, l-informazzjoni tiġi aġġornata bla dewmien. L-aġġornament għandu jkun żvelat, normalment, fi żmien 21 jum mill-wasla tad-dokumentazzjoni sħiħa rigward dawk il-bidliet, inkluż il-kontroll tal-legalità skont il-liġi nazzjonali. Dak il-limitu ta’ żmien għandu jiġi interpretat bħala li jirrikjedi lill-Istat Membri li jagħmlu sforzi raġonevoli biex jilħqu l-iskadenza stipulata f’ din id-Direttiva. M’għandux japplika fir-rigward tad-dokumenti tal-kontabbiltà li l-kumpanniji huma obbligati jissottomettu għal kull sena finanzjarja. Din l-esklużjoni hi ġġustifikata minħabba l-fatt li r-reġistri domestiċi jkunu mgħobbija żżejjed waqt il-perijodi ta’ rappurtar. Skont il-prinċipji legali ġenerali komuni għall-Istati Membri kollha, il-limitu taż-żmien ta’ 21 jum għandu jkun sospiż f’każijiet ta’ force majeure.

(19)

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiżviluppa u/jew topera l-pjattaforma permezz ta’ parti terza, dan għandu jsir skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8). Għandu jkun żgurat livell adegwat ta’ involviment tal-Istati Membri f’dan il-proċess billi jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskop tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku permezz ta’ atti implimentattivi adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (9).

(20)

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li topera l-pjattaforma permezz ta’ parti terzi, għandha tkun żgurata l-kontinwità tal-forniment ta’ servizzi permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri u sorveljanza pubblika korretta tal-funzjonament tal-pjattaforma. Regoli dettaljati dwar il-ġestjoni operattiva tal-pjattaforma għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti implimentattivi adottati skont il-proċedura ta’ eżami li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. F’kull każ, l-involviment tal-Istati Membri fil-funzjonament tas-sistema kollha għandu jkun żgurat permezz ta’ djalogu regolari bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mal-operat tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u l-iżvilupp ġejjieni tagħha.

(21)

L-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji toħloq il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni ta’ sistemi nazzjonali b’karatteristiċi tekniċi li jvarjaw bejniethom. Dan jinvolvi l-adozzjoni ta’ miżuri u speċifikazzjonijiet tekniċi li jeħtieġ li jqisu d-differenzi bejn ir-reġistri. Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konferiti lill-Kummissjoni biex jiġu trattati dawn il-kwistjonijiet tekniċi u operattivi. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(22)

Din id-Direttiva m’għandhiex tillimita d-drittijiet tal-Istati Membri li jitolbu miżati biex jiksbu informazzjoni dwar kumpanniji permezz ta’ sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, jekk dawk il-miżati jkunu rikjesti skont il-liġi nazzjonali. Għaldaqstant il-miżuri u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandha tagħti lok għall-istabbiliment ta’ modalitajiet tal-ħlas. F’dan ir-rigward, din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika kwalunkwe soluzzjoni teknika speċifika, għax il-modalitajiet tal-ħlas għandhom ikunu determinati fl-istadju tal-adozzjoni tal-atti implimentattivi, filwaqt li jitqiesu l-faċilitajiet tal-ħlas online disponibbli b’mod mifrux.

(23)

Jista’ jkun mixtieq li l-pajjiżi terzi jkunu jistgħu, fil-futur, jipparteċipaw fis-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri.

(24)

Soluzzjoni ġusta għall-finanzjament tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tinvolvi parteċipazzjoni kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri tagħhom fil-finanzjament ta’ dik is-sistema. L-Istati Membri għandhom iġorru l-piż finanzjarju tal-aġġustament tar-reġistri domestiċi tagħhom ma’ dik is-sistema, filwaqt li l-elementi ċentrali — il-pjattaforma u l-portal li jservu ta’ punt uniku ta’ aċċess elettroniku Ewropew — għandhom ikunu ffinanzjati minn linja baġitarja adegwata tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Biex ikunu supplimentati l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jkun delegat lill-Kummissjoni fir-rigward tat-talba ta’ miżati biex tinkiseb informazzjoni tal-kumpanniji. Dan m’għandux jaffettwa l-possibbiltà li r-reġistri domestiċi jesiġu miżati, iżda din tista’ tinvolvi miżata addizzjonali għall-kofinanzjament tal-manutenzjoni u l-funzjonament tal-pjattaforma. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(25)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (10) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data  (11) jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali, inkluża t-trażmissjoni elettronika ta’ data personali fl-Istati Membri. Kwalunke pproċessar ta’ data personali mir-reġistri tal-Istati Membri, mill-Kummissjoni u, jekk applikabbli, minn kwalunkwe parti terza involuta fl-operat tal-pjattaforma għandu jsir f’konformità ma’ dawk l-atti. L-atti implimentattivi li se jiġu adottati b’relazzjoni mas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandhom, fejn ikun xieraq, jiżguraw dik il-konformità, b’mod partikolari billi jistabbilixxu l-kompiti u r-responsabilitajiet relevanti tal-parteċipanti kollha konċernati u r-regoli organizzattivi u tekniċi applikabbli għalihom.

(26)

Is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu l-adattamenti neċessarji li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-iżvilupp ta’ interface li jgħaqqad kull reġistru mal-pjattaforma biex dik is-sistema ssir operattiva. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tipprovdi limitu taż-żmien differit għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet dwar l-operat tekniku ta’ dik is-sistema. Dan il-limitu taż-żmien għandu jsegwi l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-atti implimentattivi kollha li jikkonċernaw il-miżuri u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Il-limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward tal-operat tekniku tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandu jkun biżżejjed biex jagħti lok lill-Istati Membri li jwettqu l-adattamenti legali u tekniċi meħtieġa sabiex jagħmlu lis-sistema operattiva għalkollox f’tul ta’ żmien raġonevoli.

(27)

F'konformita' mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (12), l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(28)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji inkorporati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tal-Karta, li jgħid li kull persuna għandha d-dritt ta’ protezzjoni tad-data personali li tikkonċerna lilu jew lilha.

(29)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jittejjeb l-aċċess transkonfinali tal-informazzjoni kummerċjali, li jkun żgurat li fir-reġistru tal-fergħat tinħażen informazzjoni aġġornata u li jiġu stabbiliti kanali ċari tal-komunikazzjoni bejn ir-reġistri fil-proċeduri ta’ reġistrazzjoni transkonfinali, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(30)

Id-Direttivi 89/666/KEE, 2005/56/KE u 2009/101/KE għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ.

(31)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat b’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta l-opinjoni tiegħu fis-6 ta’ Mejju 2011 (13),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 89/666/KEE

Id-Direttiva 89/666/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Id-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom jiġu magħmula disponibbli pubblikament permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji stabbilita skont l-Artikolu 4a(2) tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ partijiet terzi, huma mitluba mill-Istati Membri mingħand il-kumpanniji tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat bl-għan li tali salvagwardji jkunu magħmula ekwivalenti (*) (“is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri”). L-Artikolu 3b u l-Artikolu 3c(1) ta’ dik id-Direttiva għandhom japplikaw mutatis mutandis.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fergħat ikollhom identifikatur uniku li jippermettilhom li jiġu identifikati bla ekwivoku fil-komunikazzjonijiet bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Dak l-identifikatur uniku għandu jinkludi, tal-anqas, elementi li jagħmlu possibbli li jiġi identifikat l-Istat Membru tar-reġistru, ir-reġistru domestiku ta’ oriġini, u n-numru tal-fergħa f’dak ir-reġistru, u, fejn xieraq, karatteristiċi sabiex ikunu evitati żbalji ta’ identifikazzjoni.

(*)  ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11.

Nota editorjali: It-titolu tad-Direttiva 2009/101/KE ġie aġġustat biex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat.”.

"

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

1.   Ir-reġistru tal-kumpannija għandu, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u mingħajr dewmien, jagħmel disponibbli l-informazzjoni dwar il-ftuħ u l-għeluq ta’ kwalunkwe proċediment ta’ stralċ jew insolvenza tal-kumpannija u dwar it-tneħħija tal-kumpannija minn fuq ir-reġistru, jekk dan ikun iġib miegħu konsegwenzi legali fl-Istat Membru tar-reġistru tal-kumpannija.

2.   Ir-reġistru tal-fergħa, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, għandu jiżgura mingħajr dewmien li rċieva l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun mingħajr ħlas għar-reġistri.

4.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-proċedura li għandha tiġi segwita malli tasal l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Din il-proċedura għandha tiżgura li fejn kumpannija tkun ġiet xolta jew b’xi mod ieħor tneħħiet mir-reġistru, il-fergħat tagħha jitneħħew ukoll mir-reġistru mingħajr ebda dewmien bla bżonn.

5.   It-tieni sentenza tal-paragrafu 4 m’għandhiex tapplika għall-fergħat ta’ kumpanniji li tneħħew mir-reġistru b’konsegwenza ta’ xi bidla fil-forma legali tal-kumpannija konċernata, merger jew diviżjoni, jew trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat tagħha.”.

(3)

Tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

“TAQSIMA IIIA

PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 11a

Il-proċessar tad-data personali li jsir fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (**).

(**)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.”."

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2005/56/KE

Id-Direttiva 2005/56/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 13 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Reġistrazzjoni

Il-liġi ta’ kull Stat Membru li għall-ġuriżdizzjoni tiegħu kienu suġġetti l-kumpanniji li jingħaqdu b’merger għandha tiddetermina, fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat, l-arranġamenti, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (***), għall-pubbliċizzar tat-twettiq tal-merger transkonfinali fir-reġistru pubbliku li fih kull waħda mill-kumpanniji hija meħtieġa tippreżenta dokumenti.

Ir-reġistru għar-reġistrazzjoni tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali għandu jinnotifika, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji stabbilita skont l-Artikolu 4a(2) tad-Direttiva 2009/101/KE u mingħajr dewmien, lir-reġistru li fih kull waħda mill-kumpanniji kienet meħtieġa tippreżenta dokumenti li l-merger transkonfinali tkun seħħet. It-tħassir tar-reġistrazzjoni l-qadima, jekk applikabbli, għandu jsir mar-riċezzjoni ta’ dik in-notifikazzjoni, iżda mhux qabel.

(***)  ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11.

Nota editorjali: It-titolu tad-Direttiva 2009/101/KE ġie aġġustat biex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat .”.

"

(2)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 17a

Protezzjoni tad-data

Il-proċessar tad-data personali li jsir fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (****).

(****)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.”."

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 2009/101/KE

Id-Direttiva 2009/101/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li bidla fid-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tiddaħħal fir-reġistru kompetenti msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) u tiġi żvelata, skont l-Artikolu 3(3) u (5), normalment fi żmien 21 jum mill-wasla tad-dokumentazzjoni kompluta dwar dawk il-bidliet, inkluż, jekk japplika, il-kontroll tal-legalità, kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali għad-dħul fil-fajl.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għad-dokumenti tal-kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 2(f).”.

(2)

Fl-Artikolu 3(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji jkollhom identifikatur uniku li jippermettilhom jiġu identifikati bla ekwivoku fil-komunikazzjonijiet bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji stabbilita skont l-Artikolu 4a(2) (“is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri”). Dak l-identifikatur uniku għandu jinkludi, tal-anqas elementi li jippermettu l-identifikar tal-Istat Membru tar-reġistru, ir-reġistru domestiku ta’ oriġini u n-numru tal-kumpannija f’dak ir-reġistru u, fejn xieraq, karatteristiċi sabiex ikunu evitati żbalji ta’ identifikazzjoni.”.

(3)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 3a

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm informazzjoni aġġornata disponibbli li tispjega d-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li taħthom partijiet terzi jkunu jistgħu joqogħdu fuq il-partikolaritajiet u kull tip ta’ dokument imsemmija fl-Artikolu 2, skont l-Artikolu 3(5), (6) u (7).

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-pubblikazzjoni fuq il-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika (“il-portal”) skont ir-regoli tal-portal u r-rekwiżiti tekniċi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni fuq il-portal fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Artikolu 3b

1.   Kopji elettroniċi tad-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom jiġu magħmula wkoll pubblikament disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ikunu disponibbli fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri fil-format ta’ messaġġ standard u aċċessibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-istandards minimi għas-sigurtà tat-trażmissjoni tad-data jkunu rrispettati.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizz ta’ tiftix fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni fir-rigward ta’ kumpanniji rreġistrati fl-Istati Membri sabiex permezz tal-portal jagħmlu disponibbli:

(a)

id-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2;

(b)

it-tikketti spjegattivi, disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, li jelenkaw dawk il-partikolaritajiet u t-tipi ta’ dawk id-dokumenti.

Artikolu 3c

1.   It-tariffi imposti għall-kisba tad-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2 permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri m’għandhomx jaqbżu l-ispejjeż amministrattivi tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partikolaritajiet li ġejjin ikunu disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri:

(a)

l-isem u l-forma legali tal-kumpannija;

(b)

l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija u l-Istat Membru fejn hu rreġistrat; u

(c)

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpannija.

Minbarra dawk il-partikolaritajiet, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħmlu disponibbli iktar dokumenti u partikolaritajiet mingħajr ħlas.

Artikolu 3d

1.   Ir-reġistru tal-kumpannija għandu, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri jagħmel disponibbli, mingħajr dewmien, l-informazzjoni dwar il-ftuħ u t-tmiem ta’ kwalunkwe proċediment ta’ stralċ jew falliment tal-kumpannija u dwar it-tneħħija tal-kumpannija minn fuq ir-reġistru, jekk dan ikun iġib miegħu konsegwenzi legali fl-Istat Membru tar-reġistru tal-kumpannija.

2.   Ir-reġistru tal-fergħa għandu, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, jiżgura mingħajr dewmien li jkun irċieva l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun mingħajr ħlas għar-reġistri.”.

(4)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4a

1.   Hija b’dan stabbilita pjattaforma ċentrali Ewropea (“il-pjattaforma”).

2.   Is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandha tkun magħmula minn:

ir-reġistri tal-Istati Membri,

il-pjattaforma,

il-portal li jkun iservi bħala punt ta’ aċċess elettroniku Ewropew.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà tar-reġistri tagħhom fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri permezz tal-pjattaforma.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu punti ta’ aċċess fakultattivi għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bla bżonn dwar l-istabbiliment tagħhom u dwar kwalunkwe tibdil sinifikanti fl-operat tagħhom.

5.   L-aċċess għall-informazzjoni mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandha tkun żgurata permezz tal-portal u permezz tal-punti ta’ aċċess fakultattivi stabbiliti mill-Istati Membri.

6.   L-istabbiliment tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri m’għandux jaffettwa l-ftehimiet bilaterali eżistenti konklużi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kumpanniji.

Artikolu 4b

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tiżviluppa u/jew topera l-pjattaforma jew bil-mezzi tagħha stess jew permezz ta’ parti terza.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiżviluppa u/jew topera pjattaforma permezz ta’ parti terza, l-għażla tal-parti terza u l-infurzar min-naħa tal-Kummissjoni tal-ftehim konkluż mal-parti terza għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (*****).

2.   Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiżviluppa l-pjattaforma permezz ta’ parti terza, hija għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-proċedura ta’ akkwist pubbliku u d-durata tal-ftehim li għandu jiġi konkluż ma’ dik il-parti terza.

3.   Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li topera l-pjattaforma permezz ta’ parti terza, hija għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dettaljati dwar il-ġestjoni operattiva tal-pjattaforma.

Il-ġestjoni operattiva tal-pjattaforma għandha tinkludi, b’mod partikolari:

is-sorveljanza tal-funzjonament tal-pjattaforma,

is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data mqassma u skambjata bl-użu tal-pjattaforma,

il-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet bejn ir-reġistri tal-Istati Membri u l-partijiet terzi.

Is-sorveljanza tal-funzjonament tal-pjattaforma għandha ssir mill-Kummissjoni.

4.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4e(2).

Artikolu 4c

Permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta dan li ġej:

(a)

l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-metodi ta’ komunikazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi għall-fini tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;

(b)

l-ispeċifikazzjoni teknika tal-protokolli ta’ komunikazzjoni;

(c)

il-miżuri tekniċi li jiżguraw l-istandards ta’ sigurtà minimi tat-teknoloġija tal-informatika għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;

(d)

l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-metodi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistru tal-kumpannija u r-reġistru tal-fergħa kif imsemmi fl-Artikolu 3d ta’ din id-Direttiva u fl-Artikolu 5a tal-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġijiet tal-iżvelar rigward il-fergħat miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġi ta’ Stat ieħor (******);

(e)

il-lista dettaljata ta’ data li għandha tiġi trażmessa għall-fini ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri, kif imsemmija fl-Artikolu 3d ta’ din id-Direttiva, fl-Artikolu 5a tad-Direttiva 89/666/KEE, u fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (*******);

(f)

l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-istruttura tal-format ta’ messaġġ standard għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri, il-pjattaforma u l-portal;

(g)

l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi s-sett ta’ data meħtieġ sabiex il-pjattaforma tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha kif ukoll il-metodu ta’ ħżin, użu u protezzjoni ta’ dik id-data;

(h)

l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-istruttura u l-użu tal-identifikatur uniku għall-komunikazzjoni bejn ir-reġistri;

(i)

l-ispeċifikazzjoni li tiddefinixxi l-metodi tekniċi ta’ operazzjoni tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri fir-rigward tad-distribuzzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, u l-ispeċifikazzjoni li tiddefinixxi s-servizzi tat-teknoloġija tal-informatika pprovduti mill-pjattaforma li tiżgura li l-messaġġi jitwasslu fil-verżjoni lingwistika rilevanti;

(j)

il-kriterji armonizzati għas-servizz ta’ tiftix ipprovdut mill-portal;

(k)

il-modalitajiet tal-ħlas, b’kont meħud tal-faċilitajiet ta’ ħlas disponibbli bħal ħlasijiet online;

(l)

id-dettalji tat-tikketti spjegattivi li jelenkaw il-partikolaritajiet u t-tipi ta’ dokumenti msemmija fl-Artikolu 2;

(m)

il-kondizzjonijiet tekniċi tad-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti bis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;

(n)

il-proċedura u r-rekwiżiti tekniċi għall-konnessjoni tal-punti ta’ aċċess fakultattivi mal-pjattaforma.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmi fl-Artikolu 4e(2).

Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni sas-7 ta’ Lulju 2015.

Artikolu 4d

1.   L-istabbiliment u l-iżvilupp futur tal-pjattaforma u l-aġġustamenti għall-portal li jirriżultaw minn din id-Direttiva għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

2.   Il-manutenzjoni u l-funzjonament tal-pjattaforma għandhom ikunu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u jistgħu jkunu kofinanzjati mit-tariffi imposti fuq l-utenti individwali għall-aċċess għas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri. Ma hemm xejn f’dan il-paragrafu li jaffettwa t-tariffi fil-livell nazzjonali.

3.   Permezz ta’ atti delegati, u b’konformità mal-Artikolu 13a, il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli dwar jekk il-pjattaforma tiġix kofinanzjata permezz tal-impożizzjoni ta’ tariffi, u f’dak il-każ, l-ammont tat-tariffi imposti fuq l-utenti individwali skont il-paragrafu 2.

4.   Kwalunkwe tariffa imposta skont il-paragrafu 2 għandha tkun mingħajr ħsara għat-tariffi, jekk ikun hemm xi tariffi, imposta mill-Istati Membri għall-kisba ta’ dokumenti u partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 3c(1).

5.   Kwalunkwe tariffa imposta b’konformità mal-paragrafu 2 m’għandhiex tiġi imposta għall-kisba ta’ partikolaritajiet imsemmija fil-punti (a),( b) u ( c) tal-Artikolu 3c(2).

6.   Kull Stat Membru għandu jassumi l-ispejjeż relatati kemm mal-aġġustament tar-reġistri domestiċi tiegħu, kif ukoll dawk relatati mal-manutenzjoni u l-funzjonament tagħhom li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

Artikolu 4e

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (********).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*****)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1."

(******)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36."

(*******)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1."

(********)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.”."

(5)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

Il-proċessar tad-data personali li jsir fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (*********).

(*********)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.”."

(6)

Għandu jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU 4A

ATTI DELEGATI

Artikolu 13a

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 4d(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 4d(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4d(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 4

Rapport u djalogu regolari

1.   Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data finali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2), tippubblika rapport dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri li jeżamina b’mod partikulari l-operat tekniku u l-aspetti finanzjarji tagħha.

2.   Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun il-każ, bi proposti għal emendi għal din id-Direttiva.

3.   Il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu l-kwistjonijiet koperti b’din id-Direttiva fi kwalunkwe forum adegwat.

Artikolu 5

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-7 ta’ Lulju 2014.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, mhux iktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 4c tad-Direttiva 2009/101/KE, jadottaw, jippubblikaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma’:

l-Artikolu 1(3) u (4), u l-Artikolu 5a tad-Direttiva 89/666/KEE,

l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/56/KE,

l-Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 3b, l-Artikolu 3c, l-Artikolu 3d u l-Artikolu 4a(3) sa (5) tad-Direttiva 2009/101/KE.

Mal-adozzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-data finali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment.. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 118.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Frar 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u deċiżjoni tal-Kunsill tat-10 ta' Mejju 2012.

(3)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36.

(4)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11.

Nota editorjali: It-titolu tad-Direttiva 2009/101/KE ġie aġġustat biex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat.

(6)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 1.

(7)  ĠU C 75, 31.3.2009, p. 1.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(10)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(12)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(13)  ĠU C 220, 26.7.2011, p. 1.


Top