EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0193

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 193/2011 tat- 28 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-sistema tal-kontroll tal-kwalità użata għall-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 56, 1.3.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 14 Volume 003 P. 158 - 159

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/193/oj

1.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 193/2011

tat-28 ta’ Frar 2011

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-sistema tal-kontroll tal-kwalità użata għall-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi regoli komuni għall-provvista ta’ informazzjoni bażika dwar il-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq (PPPs) u għall-kalkolu u d-disseminazzjoni tagħhom (1), b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1445/2007 jistabbilixxi regoli komuni għall-provvista ta’ informazzjoni bażika dwar il-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq u għall-kalkolu u d-disseminazzjoni tagħhom.

(2)

L-istandards minimi ta’ kwalità għall-informazzjoni bażika li trid tkun ipprovduta mill-Istati Membri, l-istandards minimi ta’ kwalità għall-validazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġ tal-prezzijiet u l-ħtiġijiet tar-rappurtar u tal-evalwazzjoni huma speċifikati fit-taqsima 5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007.

(3)

Hemm il-ħtieġa li jkunu definiti aħjar il-kriterji ta’ kwalità komuni u l-istruttura tar-rapporti ta’ kwalità.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kriterji ta’ kwalità komuni u l-istruttura tar-rapporti ta’ kwalità li jikkonċernaw il-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq previsti fir-Regolament (KE) Nru 1445/2007 għandhom ikunu ffissati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 336, 20.12.2007, p. 1.


ANNESS

Il-kriterji ta’ kwalità komuni u l-istruttura tar-rapporti ta’ kwalità

1.   Inventarju tas-sorsi u l-metodi użati fl-eżerċizzju tal-PPP tal-Eurostat (“l-inventarju tal-PPP”)

Biex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-paragrafu 5.3.1. tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007, kull Stat Membru għandu jipprovdi inventarju tas-sorsi u l-metodi użati fl-eżerċizzju tal-PPP tal-Eurostat (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala “l-inventarju tal-PPP”).

L-istruttura tal-inventarju tal-PPP għandha tkun ibbażata fuq it-temi varji ta’ informazzjoni bażika previsti fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007, kif ġej:

1.   Organizzazzjoni tal-eżerċizzju nazzjonali tal-PPP u informazzjoni tal-isfond

2.   Oġġetti u servizzi tal-konsumatur

2.1.   Stħarriġ tal-prezzijiet tal-oġġetti tal-konsumatur

Tinkludi informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-istħarriġ, it-teħid tal-kampjuni, ir-rappreżentattività, il-validazzjoni, fatturi ta’ aġġustament temporali u spazjali

2.2.   Servizzi tad-djar

Tinkludi informazzjoni dwar sorsi ta’ dejta u l-kwalità tagħhom, konformità mad-definizzjonijiet, kwalunkwe aġġustamenti li saru

3.   Servizzi tal-gvern (stħarriġ tas-salarji biss),

Tinkludi informazzjoni dwar sorsi ta’ dejta u l-kwalità tagħhom, konformità mad-definizzjonijiet, kwalunkwe aġġustamenti li saru

4.   Oġġetti u servizzi kapitali

4.1.   Oġġetti ta’ tagħmir

Tinkludi informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-istħarriġ, it-teħid tal-kampjuni, ir-rappreżentattività, il-validazzjoni

4.2.   Il-kostruzzjoni

Tinkludi informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-istħarriġ, sorsi tad-dejta u l-kwalità tagħhom, ir-rappreżentattività, il-validazzjoni

5.   Nefqa finali fil-PGD

Tinkludi informazzjoni dwar sorsi ta’ dejta u l-kwalità tagħhom, konformità mad-definizzjonijiet, kwalunkwe aġġustamenti li jsiru

Kull Stat Membru għandu jipprovdi aġġornament tal-inventarju tal-PPP f’Jannar ta’ kull sena, kull darba li jkun hemm tibdiliet fis-sorsi u l-metodi użati matul is-sena preċedenti.

2.   Rapporti tal-istħarriġ tal-prezzijiet tal-oġġetti tal-konsumatur

Biex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-paragrafu 5.3.3. tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007, kull Stat Membru għandu jissottometti rapport għal kull stħarriġ tal-prezzijiet tal-oġġetti tal-konsumatur. L-istruttura tar-rapport għandha tkun kif ġej:

1.

Prestħarriġ

2.

Ġbir tal-prezzijiet

3.

Validazzjoni fil-pajjiż innifsu

4.

Validazzjoni bejn il-pajjiżi

Ir-rapporti tal-istħarriġ għandu jkun fihom informazzjoni kumplimentari għall-inventarji tal-PPP.

3.   Il-kriterji ta’ kwalità

Il-kriterji użati fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-informazzjoni bażika provduta għandhom ikun dawk stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (1) flimkien mal-istandards minimi stabbiliti fit-taqsima 5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007.


(1)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.


Top