EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0766

2011/766/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Novembru 2011 dwar il-proċedura għar-rikonoxximent taċ-ċentri tat-taħriġ u tal-eżaminaturi tas-sewwieqa tal-ferroviji skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 314, 29.11.2011, p. 41–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2011/766/oj

29.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/41


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Novembru 2011

dwar il-proċedura għar-rikonoxximent taċ-ċentri tat-taħriġ u tal-eżaminaturi tas-sewwieqa tal-ferroviji skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/766/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Bil-għan li jinkiseb livell xieraq u komparabbli ta’ kwalità tat-taħriġ u tal-eżaminaturi tas-sewwieqa tal-ferroviji u l-kandidati għal sewwieqa tal-ferroviji għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom fl-Istati Membri kollha, huwa rakkomandat li jiġu applikati kundizzjonijiet u proċeduri komuni fuq il-livell tal-UE, kemm fir-rigward tar-rikonoxximent taċ-ċentri tat-taħriġ u tal-eżaminaturi tas-sewwieqa tal-ferroviji u l-kandidati għal sewwieqa tal-ferroviji, kif ukoll fir-rigward tar-rekwiżiti kwalitattivi li għandhom jintlaħqu fl-eżami.

(2)

It-taħriġ u l-eżamijiet għandhom isiru kif xieraq u b’livell ta’ kwalità raġonevoli u komparabbli fl-Istati Membri kollha, biex isir possibbli r-rikonoxximent reċiproku tal-eżamijiet.

(3)

Id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent għandha tindika l-oqsma ta’ kompetenza li fihom iċ-ċentru tat-taħriġ għandu r-rikonoxximent meħtieġ biex jipprovdi korsijiet ta’ taħriġ, kif ukoll l-oqsma li fihom l-eżaminatur għandu r-rikonoxximent biex iwettaq eżamijiet għas-sewwieqa tal-ferroviji. Fil-limiti tal-oqsma ta’ kompetenza speċifikati fid-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent, iċ-ċentru tat-taħriġ rikonoxxut għandu jkun awtorizzat li jwettaq korsijiet ta’ taħriġ, u l-eżaminatur rikonoxxut għandu jkun awtorizzat li jwettaq eżamijiet mal-Unjoni kollha.

(4)

F’dak li jirrigwarda l-kompetenza lingwistika ġenerali tas-sewwieqa tal-ferroviji, l-awtorità kompetenti x’aktarx ma jkollhiex l-esperjenza u l-kompetenza speċifiċi meħtieġa għar-rikonoxximent taċ-ċentri tat-taħriġ u tal-eżaminaturi fejn tidħol il-kompetenza lingwistika ġenerali tas-sewwieqa tal-ferroviji. F’dan il-każ, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw ċertifikati ta’ kompetenza maħruġin miċ-ċentri tat-taħriġ skont il-‘Qafas Ewropew għall-Kompetenza Lingwistika’ (EFLC), imwaqqaf mill-Kunsill tal-Ewropa.

(5)

F’ċerti Stati Membri, iċ-ċentri tal-eżamijiet diġà twaqqfu, jew se jitwaqqfu sabiex jorganizzaw eżamijiet għas-sewwieqa tal-ferroviji. F’dan il-każ, l-Istat Membru jista’ jiddelega l-kompitu tar-rikonoxximent tal-eżaminaturi liċ-ċentru tal-eżamijiet skont kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Suġġett

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi prattiċi u proċeduri rakkomandati għar-rikonoxximent ta’ ċentri tat-taħriġ li jagħtu taħriġ professjonali lis-sewwieqa tal-ferroviji u lil kandidati għal sewwieqa tal-ferroviji, kif ukoll għar-rikonoxximent tal-eżaminaturi tas-sewwieqa tal-ferroviji u tal-kandidati għal sewwieqa tal-ferroviji, skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ ċentru tat-taħriġ

2.

Iċ-ċentru tat-taħriġ għandu jressaq applikazzjoni miktuba għar-rikonoxximent, għat-tiġdid jew għall-emendar tiegħu, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih iċ-ċentru tat-taħriġ għandu jew beħsiebu jkollu l-post ewlieni tal-attività tiegħu, għajr fil-każ imsemmi fil-punt 6.

3.

Fejn ċentru tat-taħriġ ikun jikkonsisti minn aktar minn entità legali waħda, kull waħda mill-entitajiet legali għandha tapplika għar-rikonoxximent b’mod separat.

4.

L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu dokumenti li jagħtu prova li ntlaħqu r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2007/59/KE u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 765/2011 (2).

5.

L-applikazzjonijiet għandhom jispeċifikaw il-kompiti ta’ taħriġ li l-applikant japplika għar-rikonoxximent tagħhom. L-applikazzjoni tista’ tirreferi għall-kompiti ta’ taħriġ li jaqgħu taħt qasam ta’ kompetenza wieħed jew iktar. Għandha tkun strutturata skont l-oqsma ta’ kompetenza li ġejjin:

(a)

għarfien professjonali ġenerali skont l-Anness IV tad-Direttiva 2007/59/KE;

(b)

għarfien professjonali marbut mal-vetturi ferrovjarji (rolling stock), skont l-Anness IV tad-Direttiva 2007/59/KE;

(c)

għarfien professjonali dwar l-infrastrutturi, skont l-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE;

(d)

għarfien lingwistiku skont l-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE (għarfien lingwistiku ġenerali u/jew ħiliet speċifiċi ta’ komunikazzjoni u terminoloġija għall-operati tal-ferrovija u proċeduri ta’ sikurezza).

6.

Ċentru tat-taħriġ li jkollu l-post ewlieni tal-attività tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak fejn tinsab l-infrastruttura, jista’ jiġi rikonoxxut mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab l-infrastruttura.

7.

Fejn applikant li japplika għar-rikonoxximent ta’ kompiti tat-taħriġ marbutin mal-għarfien tal-infrastrutturi diġà jkun ġie rikonoxxut, skont din ir-Rakkomandazzjoni u skont id-Deċiżjoni 765/2011, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra għandhom jillimitaw il-verifika tagħhom għar-rekwiżiti li huma speċifiċi għat-taħriġ dwar l-infrastruttura kkonċernata, u għandhom iżommu lura milli jivverifikaw aspetti li diġà jkunu ġew ivverifikati matul l-eżerċizzju ta’ rikonoxximent ta’ qabel.

Ħruġ tad-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent ta’ ċentru tat-taħriġ

8.

L-awtorità kompetenti għandha toħroġ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent sa mhux iktar tard minn xahrejn wara li tirċievi d-dokumenti kollha meħtieġa.

9.

L-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni abbażi tal-ħila tal-applikant biex juri kif inhuma żgurati l-indipendenza, il-kompetenza u l-imparzjalità.

10.

Id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent għandha tinkludi t-tagħrif li ġej:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti;

(b)

l-isem u l-indirizz taċ-ċentru tat-taħriġ;

(c)

il-kompiti ta’ taħriġ li għalihom iċ-ċentru tat-taħriġ għandu l-permess jipprovdi korsijiet ta’ taħriġ skont il-punt 5;

(d)

in-numru ta’ identifikazzjoni taċ-ċentru tat-taħriġ ipprovdut skont il-punt 15;

(e)

id-data tal-iskadenza tad-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent.

Il-validità, l-emendar u t-tiġdid tad-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent ta’ ċentru tat-taħriġ

11.

Id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent ta’ ċentru tat-taħriġ għandha tkun valida għal ħames snin. F’każijiet ġustifikati, l-awtorità kompetenti tista’ tqassar il-perjodu ta’ validità fir-rigward tal-kompiti kollha ta’ taħriġ speċifikati fid-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent, jew parti minnhom.

12.

Ċentru tat-taħriġ li jkun detentur ta’ dikjarazzjoni valida ta’ rikonoxximent jista’ japplika, f’kull ħin, biex iwessa’ l-ambitu tal-kompiti ta’ taħriġ. Dikjarazzjoni emendata ta’ rikonoxximent għandha tinħareġ abbażi tad-dokumenti supplimentari xierqa pprovduti mill-applikant. F’dan il-każ, ma għandhiex tintlaqat id-data tal-iskadenza tad-dikjarazzjoni emendata ta’ rikonoxximent.

13.

Fejn ma jibqgħux jintlaħqu r-rekwiżiti għal kompitu ta’ taħriġ wieħed jew aktar speċifikat(i) fid-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent, iċ-ċentru ta’ taħriġ rikonoxxut għandu jieqaf minnufih milli jipprovdi t-taħriġ għall-kompiti kkonċernati, u għandu jgħarraf bil-miktub lill-awtorità kompetenti li tkun ħarġet id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent. L-awtorità kompetenti għandha tevalwa t-tagħrif u toħroġ dikjarazzjoni emendata ta’ rikonoxximent. F’dan il-każ, ma għandhiex tintlaqat id-data tal-iskadenza tad-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent.

14.

Fuq talba taċ-ċentru tat-taħriġ, id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent għandha tiġġedded, u tinħareġ bl-istess kundizzjonijiet bħall-ewwel dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent. L-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi proċedura simplifikata li fiha l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ma jinbidlux. Għandhom jitressqu r-reġistri tal-attivitajiet ta’ taħriġ imwettqa matul l-aħħar sentejn. Fejn il-perjodu ta’ validità ta’ qabel ikun tqassar għal inqas minn sentejn skont il-punt 11, għandhom jitressqu r-reġistri għall-perjodu sħiħ.

Ir-reġistru taċ-ċentri tat-taħriġ

15.

Fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2007/59/KE, kull ċentru tat-taħriġ rikonoxxut għandu jiġi identifikat b’numru individwali ta’ identifikazzjoni. In-numru ta’ identifikazzjoni għandu jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet nazzjonali; madankollu, għandu jinkludu l-isem il-qasir tal-Istat Membru fejn huwa rikonoxxut iċ-ċentru tat-taħriġ.

16.

Ir-reġistru għandu jinkludi tal-anqas it-tagħrif li ġej:

(a)

l-isem u l-indirizz taċ-ċentru tat-taħriġ irrikonoxxut;

(b)

il-kompiti ta’ taħriġ li għalihom iċ-ċentru tat-taħriġ huwa rikonoxxut biex jipprovdi korsijiet ta’ taħriġ, b’referenza għall-Annessi relevanti tad-Direttiva 2007/59/KE;

(c)

in-numru ta’ identifikazzjoni;

(d)

id-data tal-iskadenza tad-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent;

(e)

l-informazzjoni ta’ kuntatt.

17.

Sabiex ir-reġistru jinżamm aġġornat, iċ-ċentri tat-taħriġ rikonoxxuti għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti li tkun ħarġet id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent dwar kull tibdil rigward id-dejta ppubblikata fir-reġistru. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jitolbu li tinħażen fir-reġistru dejta addizzjonali flimkien ma’ informazzjoni dwar kwalunkwe tibdil ta’ dik id-dejta.

Is-sospensjoni u l-irtirar tar-rikonoxximent

18.

Fejn l-attivitajiet ta’ valutazzjoni jew superviżjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti jew Stat Membru skont l-Artikoli 26, 27 jew 29 tad-Direttiva 2007/59/KE jagħtu evidenza li ċentru tat-taħriġ jonqos milli jilħaq ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent, l-awtorità kompetenti għandha tirtira jew tissuspendi d-dikjarazzjoni rispettiva ta’ rikonoxximent.

19.

Jekk awtorità kompetenti ssib li ċentru tat-taħriġ rikonoxxut mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor ma jilħaqx l-obbligi tad-Direttiva 2007/59/KE u tad-Deċiżjoni 765/2011, għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor li jkun ħareġ id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent. L-awtorità kompetenti li tkun ħarġet id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent għandha tivverifika din l-informazzjoni fi żmien erba’ ġimgħat, u għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti li tkun bagħtet it-talba dwar ir-riżultati tal-verifiki u d-deċiżjonijiet tagħha.

20.

Fejn l-awtorità kompetenti ssib li ċ-ċentru tat-taħriġ ma għadux jilħaq ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent, l-awtorità kompetenti għandha tirtira jew tissuspendi d-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent.

Il-proċedura ta’ appell

21.

L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf liċ-ċentru tat-taħriġ, bil-miktub u mingħajr wisq dewmien, bir-raġunijiet tad-deċiżjonijiet tagħha.

22.

Fil-każ ta’ suspensjoni jew irtirar, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf liċ-ċentru tat-taħriġ, b’mod ċar, bir-rekwiżiti li ma għadhomx jintlaħqu. Qabel ma s-suspensjoni jew l-irtirar jidħlu fis-seħħ, l-awtorità kompetenti tista’ tipprovdi perjodu ta’ notifika, li fih iċ-ċentru tat-taħriġ jista’ jadatta l-prattiki tiegħu sabiex jilħaq ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent. Għandha tinforma liċ-ċentru tat-taħriġ bil-proċedura stabbilita ta’ appell, sabiex tippermetti liċ-ċentru tat-taħriġ ikkonċernat jitlob reviżjoni tad-deċiżjoni.

23.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tiġi stabbilita proċedura amministrattiva ta’ appell, sabiex tippermetti liċ-ċentru tat-taħriġ ikkonċernat jitlob reviżjoni ta’ deċiżjonijiet li ma jaqbilx magħhom.

Iċ-ċentri tat-taħriġ li jipprovdu taħriġ fl-ilsna

24.

Fir-rigward tat-taħriġ għall-kompetenza lingwistika ġenerali, Stat Membru jista’ jirrikonoxxi l-applikant bħala ċentru tat-taħriġ abbażi ta’ ċertifikat li jikkonferma l-kompetenza tal-applikant biex jipprovdi taħriġ għall-kompetenza lingwistika ġenerali. Din il-kompetenza għandha tkun skont il-prinċipji u l-metodoloġija tal-‘Qafas Ewropew għall-Kompetenza Lingwistika’ (EFLC) imwaqqaf mill-Kunsill tal-Ewropa (3). L-Istat Membru jista’ jistipula dispożizzjonijiet supplimentari biex jispeċifika l-użu ta’ din l-għażla, b’qies għall-prattika nazzjonali fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni ta’ kull ċentru tat-taħriġ tal-lingwi.

25.

Fir-rigward tat-taħriġ dwar il-komunikazzjoni u t-terminoloġija speċifiċi għall-operat tal-ferroviji u għall-proċeduri ta’ sikurezza, għandu jiġi rikjest ir-rikonoxximent skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Rakkomandazzjoni. L-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent bħala ċentru tat-taħriġ li jipprovdi taħriġ dwar il-komunikazzjoni u t-terminoloġija speċifiċi għall-operat tal-ferroviji u għall-proċeduri ta’ sikurezza għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fiha tinsab l-infrastruttura, li l-komunikazzjoni u t-terminoloġija jirreferu għaliha.

Applikazzjoni għar-rikonoxximent bħala eżaminatur

26.

Applikant għar-rikonoxximent bħala eżaminatur għandu jressaq applikazzjoni bil-miktub lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

27.

Fejn applikazzjoni tkun tikkonċerna r-rikonoxximent bħala eżaminatur għall-għarfien tal-infrastruttura, inkluż l-għarfien tar-rotot u r-regoli tal-operat, ir-responsabbiltà għar-rikonoxximent hija f’idejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab l-infrastruttura.

28.

Applikazzjoni tista’ titressaq ukoll f’isem l-applikant, mill-impjegatur tiegħu/tagħha.

29.

L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu dokumenti li jagħtu prova li ntlaħqu r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2007/59/KE u fid-Deċiżjoni 765/2011.

30.

L-applikazzjonijiet għandhom jispeċifikaw il-qasam jew l-oqsma ta’ kompetenza li għalihom saret l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-eżaminatur. L-applikazzjoni tista’ tirreferi għal qasam ta’ kompetenza wieħed jew iktar. Għandha tkun strutturata skont l-oqsma ta’ kompetenza li ġejjin:

(a)

għarfien professjonali ġenerali, skont l-Anness IV tad-Direttiva 2007/59/KE;

(b)

għarfien professjonali marbut mal-vetturi ferrovjarji (rolling stock), skont l-Anness IV tad-Direttiva 2007/59/KE;

(c)

għarfien professjonali dwar l-infrastrutturi, skont l-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE;

(d)

għarfien lingwistiku, skont l-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE (għarfien lingwistiku ġenerali u/jew ħiliet speċifiċi ta’ komunikazzjoni u terminoloġija għall-operati tal-ferrovija u proċeduri ta’ sikurezza).

Il-ħruġ tad-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent għal eżaminatur

31.

L-awtorità kompetenti għandha tevalwa d-dokumenti kollha mressqin mill-applikant. Fejn jintlaħqu r-rekwiżiti kollha, għandha toħroġ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent kemm jista’ jkun malajr, u sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li tkun irċeviet id-dokumenti kollha meħtieġa.

32.

Id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent għandha tinkludi tal-anqas it-tagħrif li ġej:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti;

(b)

l-isem jew l-ismijiet, l-indirizz u d-data tat-twelid tal-applikant; il-post tat-twelid tal-applikant jista’ jiġi inkluż fid-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent, iżda mhuwiex obbligatorju;

(c)

il-qasam jew l-oqsma ta’ kompetenza li għalihom l-eżaminatur għandu l-permess iwettaq eżamijiet;

(d)

l-ilsna li fihom l-eżaminatur huwa rikonoxxut biex iwettaq eżamijiet;

(e)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-eżaminatur ipprovdut skont il-punt 10(d);

(f)

id-data tal-iskadenza tad-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent.

Il-validità, l-emendar, u t-tiġdid ta’ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent għal eżaminatur

33.

Id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent ta’ eżaminatur għandha tkun valida għal ħames snin. F’każijiet ġustifikati, l-awtorità kompetenti tista’ tqassar il-perjodu ta’ validità fir-rigward tal-oqsma kollha ta’ kompetenza speċifikati fid-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent, jew parti minnhom.

34.

Id-detentur ta’ dikjarazzjoni valida ta’ rikonoxximent jista’, f’kull ħin, japplika għall-emenda sabiex iżid qasam jew oqsma ta’ kompetenza. Dikjarazzjoni emendata ta’ rikonoxximent għandha tinħareġ abbażi tad-dokumenti supplimentari xierqa pprovduti mill-applikant. F’dan il-każ, ma għandhiex tintlaqat id-data tal-iskadenza tad-dikjarazzjoni emendata ta’ rikonoxximent.

35.

Fil-każ ta’ żviluppi li jirrikjedu emenda għad-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent, minħabba li r-rekwiżiti għal qasam wieħed jew aktar ta’ kompetenza speċifikati fiha ma għandhomx jintlaħqu, l-eżaminatur rikonoxxut għandu jieqaf minnufih milli jwettaq eżamijiet f’dawk l-oqsma ta’ kompetenza, u għandu jgħarraf bil-miktub lill-awtorità kompetenti b’dan. L-awtorità kompetenti għandha tevalwa t-tagħrif u toħroġ dikjarazzjoni emendata ta’ rikonoxximent. F’dan il-każ, ma għandhiex tintlaqat id-data tal-iskadenza tad-dikjarazzjoni emendata ta’ rikonoxximent.

36.

Fuq talba tal-eżaminatur, id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent għandha tiġġedded, u tinħareġ bl-istess kundizzjonijiet bħall-ewwel dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent. L-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi proċedura simplifikata fejn il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ qabel ma jkunux inbidlu. Fil-każijiet kollha, l-eżaminaturi li japplikaw għat-tiġdid għandhom iressqu reġistri tal-kompetenzi li jkunu rċevew matul l-aħħar perjodu ta’ validità, kif ukoll tal-attivitajiet ta’ eżami li jkunu wettqu matul l-aħħar sentejn. Fejn il-perjodu ta’ validità ta’ qabel ikun tqassar għal inqas minn sentejn skont il-punt 33, għandhom jitressqu r-reġistri għall-perjodu sħiħ, kif xieraq.

Ir-reġistru tal-eżaminaturi

37.

Fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2007/59/KE, kull eżaminatur għandu jiġi identifikat b’numru individwali ta’ identifikazzjoni. In-numru ta’ identifikazzjoni għandu jkun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali; madankollu, għandu jinkludi l-isem il-qasir tal-Istat Membru li fih l-eżaminatur huwa rikonoxxut.

38.

Ir-reġistru għandu jinkludi tal-anqas it-tagħrif li ġej:

(a)

l-isem, l-indirizz, u d-data tat-twelid tal-eżaminatur rikonoxxut;

(b)

il-qasam jew l-oqsma ta’ kompetenza li għalihom l-eżaminatur għandu r-rikonoxximent biex iwettaq eżamijiet;

(c)

il-lingwa jew l-ilsna li fihom l-eżaminatur huwa rikonoxxut biex iwettaq eżamijiet;

(d)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-eżaminatur ipprovdut skont l-Artikolu 37;

(e)

fejn impjegatur japplika f’isem l-eżaminatur skont il-punt 28, l-isem u l-indirizz tal-impjegatur (f’każijiet oħra, jistgħu jiġu inklużi l-isem u l-indirizz tal-impjegatur tal-eżaminatur, iżda mhuwiex obbligatorju);

(f)

id-data tal-iskadenza tad-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent;

(g)

l-informazzjoni ta’ kuntatt.

39.

Sabiex ir-reġistru jinżamm aġġornat, l-eżaminatur rikonoxxut jew l-impjegatur tiegħu/tagħha għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti li tkun ħarġet id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent dwar kull tibdil rigward id-dejta inkluża fir-reġistru. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jipprovdu li tinħażen dejta addizzjonali fir-reġistru, kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe tibdil ta’ dik id-dejta.

40.

Id-dejta msemmija fil-punt 38(a), (b) u (c) għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku. Dejta oħra elenkata fil-punt 38 għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.

Is-sospensjoni u l-irtirar tar-rikonoxximent

41.

Fejn l-attivitajiet ta’ valutazzjoni jew superviżjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti skont l-Artikoli 26, 27 jew 29 tad-Direttiva 2007/59/KE jagħtu evidenza li eżaminatur jonqos milli jilħaq ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent, l-awtorità kompetenti għandha tirtira jew tissuspendi d-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent.

42.

Jekk awtorità kompetenti ssib li eżaminatur rikonoxxut mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor ma jilħaqx rekwiżit wieħed jew aktar tad-Direttiva 2007/59/KE u tad-Deċiżjoni 765/2011, għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor li jkun ħareġ id-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent, u għandha titlobha twettaq il-verifika xierqa.

43.

Jekk l-awtorità kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru ssib li l-eżaminatur ma għadux jilħaq ir-rekwiżiti, għandha tirtira jew tissuspendi d-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent; tinforma lill-eżaminatur, bil-miktub u mingħajr wisq dewmien, bir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha; u tgħarraf lill-awtorità kompetenti li tkun infurmatha bin-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti bid-deċiżjoni tagħha.

Il-proċedura ta’ appell

44.

L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-eżaminatur, bil-miktub u mingħajr wisq dewmien, bir-raġunijiet tad-deċiżjonijiet tagħha.

45.

Fil-każ ta’ suspensjoni jew irtirar, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi informazzjoni ċara dwar ir-rekwiżiti li ma għadhomx jintlaħqu. Qabel ma s-suspensjoni jew l-irtirar jidħlu fis-seħħ, l-awtorità kompetenti tista’ tipprovdi perjodu ta’ notifika, li fih l-eżaminatur jista’ jadatta l-prattiki tiegħu sabiex jilħaq ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent.

46.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tiġi stabbilita proċedura amministrattiva ta’ appell, sabiex tippermetti lill-applikanti jew lill-eżaminaturi jitolbu reviżjoni ta’ deċiżjonijiet li ma jaqblux magħhom.

L-eżaminaturi li jevalwaw il-kompetenza lingwistika

47.

Fir-rigward tal-eżami tal-kompetenza lingwistika ġenerali, u sabiex l-applikant jiġi rikonoxxut bħala eżaminatur, Stat Membru jista’ jirrikonoxxi lill-applikant abbażi ta’ ċertifikat, maħruġ skont il-prattika komuni fis-settur tat-taħriġ fl-ilsna. Dan iċ-ċertifikat għandu jikkonferma l-ħila tal-applikant biex iwettaq eżamijiet skont il-prinċipji u l-metodoloġija tal-‘Qafas Ewropew għall-Kompetenza Lingwistika’ (EFLC) imwaqqaf mill-Kunsill tal-Ewropa. L-Istat Membru jista’ jistipula dispożizzjonijiet supplimentari biex jispeċifika l-użu ta’ din l-għażla, b’qies għall-prattika nazzjonali fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-kompetenza lingwistika tal-eżaminaturi.

48.

Fir-rigward tal-eżami tal-kompetenza fil-komunikazzjoni u t-terminoloġija speċifiċi għall-operat tal-ferroviji u għall-proċeduri ta’ sikurezza, għandu jiġi rikjest ir-rikonoxximent skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Rakkomandazzjoni. L-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent bħala eżaminatur biex iwettaq eżami fil-komunikazzjoni u t-terminoloġija speċifiċi għall-operat tal-ferroviji u għall-proċeduri ta’ sikurezza għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fiha tinsab l-infrastruttura, li l-komunikazzjoni u t-terminoloġija jirreferu għaliha.

Ir-rikonoxximent taċ-ċentri tal-eżamijiet

49.

Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jirrikjedi r-rikonoxximent ta’ ċentri tal-eżamijiet abbażi ta’ applikazzjoni bil-miktub imressqa lill-awtorità kompetenti.

50.

L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent taċ-ċentru tal-eżamijiet, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri nazzjonali, u abbażi tal-kriterji ta’ indipendenza, kompetenza u imparzjalità. Il-punti 26 sa 48 għandhom japplikaw għar-rikonoxximent taċ-ċentri tal-eżamijiet.

51.

L-awtorità kompetenti tista’ tiddelega lil dawn iċ-ċentri tal-eżamijiet ir-rikonoxximent tal-eżaminaturi tagħha stess, bil-kundizzjoni li dawn jilħqu r-rekwiżiti stipulati fil-punt 53.

52.

Għall-finijiet tal-punt 54, iċ-ċentru tal-eżamijiet għandu jżomm reġistru aġġornat tal-eżaminaturi kollha li jkun irrikonoxxa. Dan ir-reġistru għandu jipprovdi t-tagħrif imsemmi fil-punt 38.

53.

Iċ-ċentru tal-eżamijiet għandu jipprovdi miżuri xierqa biex jiġġestixxi l-eżaminaturi tiegħu, u biex jiżgura li l-eżaminaturi tiegħu għandhom il-kompetenzi meħtieġa skont id-Direttiva 2007/59/KE u d-Deċiżjoni 765/2011.

54.

L-eżaminaturi għandu jkollhom il-permess li jwettqu eżamijiet biss fil-qafas tal-attivitajiet taċ-ċentru tal-eżamijiet li jaħdmu fih.

55.

L-informazzjoni dwar iċ-ċentru tal-eżamijiet rikonoxxut għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku, fir-reġistru pprovdut fil-punt 38, mingħajr ma tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-eżaminaturi individwali li jaħdmu f’dak iċ-ċentru tal-eżamijiet. Għandu jintwera l-isem taċ-ċentru tal-eżamijiet flok in-numru ta’ identifikazzjoni msemmi fil-punt 37.

56.

L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf liċ-ċentru tal-eżamijiet, bil-miktub u mingħajr wisq dewmien, bir-raġunijiet tad-deċiżjonijiet tagħha.

57.

Fil-każ ta’ suspensjoni jew irtirar, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi informazzjoni ċara dwar ir-rekwiżiti li ma għadhomx jintlaħqu. Qabel ma s-suspensjoni jew l-irtirar jidħlu fis-seħħ, l-awtorità kompetenti tista’ tipprovdi perjodu ta’ notifika, li fih iċ-ċentru tal-eżamijiet jista’ jadatta l-prattiki tiegħu sabiex jilħaq ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent.

58.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tiġi stabbilita proċedura amministrattiva ta’ appell, sabiex tippermetti lill-applikanti jew liċ-ċentri tal-eżamijiet jitolbu reviżjoni ta’ deċiżjonijiet li ma jaqblux magħhom.

Regoli ta’ evalwazzjoni trasparenti

59.

Il-prinċipji tal-evalwazzjoni u tal-għoti ta’ punti, u t-tipi ta’ riżultati, għandhom ikunu disponibbli qabel l-eżamijiet.

60.

Is-sewwieqa jew il-kandidati għal sewwieqa għandu jkollhom il-permess li jaraw l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet, u li jitolbu reviżjoni fil-każ ta’ opinjoni negattiva rraġunata fir-rigward tal-eżamijiet li jkunu għamlu.

Verifiki tal-kwalità u superviżjoni mill-awtorità kompetenti

61.

Għall-konformità mal-attivitajiet ta’ superviżjoni tagħhom skont l-Artikoli 26, 27 jew 29 tad-Direttiva 2007/59/KE, awtorità kompetenti tista’ titlob:

(a)

aċċess għad-dokumenti kollha relevanti għat-tħejjija, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-eżamijiet;

(b)

l-adozzjoni ta’ proċedura ta’ rrappurtar li tirrikjedi li ċertu tagħrif għandu jitwassal b’mod regolari jew fuq talba;

(c)

osservazzjoni tal-eżamijiet minn rappreżentanti ta’ awtorità kompetenti.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi-President


(1)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.

(2)  Ara paġna 36 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Common European Framework of Reference for Languages: Learning, Teaching, Assessment, 2001 (Cambridge University Press għall-verżjoni bl-Ingliż – ISBN 0-521-00531-0). Disponibbli wkoll fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill tal-Ewropa: http://www.coe.int/T/DG4/Portfolio/documents/Common%20European%20Framework%20hyperlinked.pdf.


Top