EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0121

2011/121/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Frar 2011 li tistabbilixxi l-miri ta’ prestazzjoni u l-limiti ta’ twissija għall-Unjoni Ewropea kollha għall-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru mill-2012 sal-2014 Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 48, 23.2.2011, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 020 P. 199 - 201

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/121(2)/oj

23.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Frar 2011

li tistabbilixxi l-miri ta’ prestazzjoni u l-limiti ta’ twissija għall-Unjoni Ewropea kollha għall-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru mill-2012 sal-2014

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/121/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (2) jipprovdi għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha.

(2)

Fis-27 ta’ Mejju 2010 il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni dwar l-approċċ u l-proċessi għall-istabbiliment tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha, u assoċjat flimkien il-partijiet interessati kollha elenkati fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

(3)

Fid-29 ta’ Lulju 2010 il-Kummissjoni nnominat Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010 biex jassistiha fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni.

(4)

Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni ħejja proposti għall-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha b’kollaborazzjoni mal-EASA, li fit-2 ta’ Awwissu 2010 ġew ippreżentati lill-partijiet interessati għall-konsultazzjoni kif rikjest mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 691/2010.

(5)

Il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha għall-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza u li kienu proposti mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni ġew ivverifikati mal-EASA għall-konsistenza mal-objettivi dominanti ta’ sikurezza.

(6)

Fis-27 ta’ Settembru 2010 il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni wassal lill-Kummissjoni r-Rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha għall-perjodu 2012-2014 f’rapport li jissustanza kull rakkomandazzjoni bi spjegazzjoni tas-suppożizzjonijiet u r-raġunijiet li ntużaw għall-istabbiliment tal-miri u li fl-annessi fih dokument ta’ konsultazzjoni li jiġbor fil-qosor il-proċess tal-konsultazzjoni kif ukoll dokument ta’ kummenti ta’ reazzjoni li jispjega kif tqiesu l-kummenti fit-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni.

(7)

Il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha huma bbażati fuq l-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Kummissjoni u l-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni sal-24 ta’ Novembru 2010. Skont il-previżjonijiet li ngħataw lill-Kummissjoni u lill-Eurokontroll mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006 (3) ir-rata ta’ unità medja ddeterminata għall-Unjoni Ewropea kollha għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route hija ta’ EUR 55,91 fl-2014 (espressa f’termini reali, f’EUR fl-2009), b’valuri annwali intermedji ta’ EUR 58,38 fl-2012 u EUR 56,95 fl-2013. Dawn il-valuri jikkunsidraw l-aktar kosti riċenti ppjanati tal-Aġenzija tal-Ewrokontroll, li jinkludu tnaqqis ta’ darba biss għall-Istati Membri tal-UE ta’ EUR 0,69 għal kull unità ta’ servizz en route fl-2011. Il-Kummissjoni, meta tikkunsidra r-rapport tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni u t-titjib fl-effiċjenza li tista’ tiġi mistennija mill-implimentazzjoni gradwali u kkoordinata tal-elementi kollha tat-tieni pakkett tal-Ajru Uniku Ewropew, hija tal-opinjoni li l-mira tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni Ewropea kollha tista’ tiġi stabbilita f’livell aktar baxx mill-aktar pjanijiet riċenti kkonsolidati mill-Istati Membri.

(8)

Il-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, dokument ħaj li hu magħmul minn pjan ta’ azzjoni miftiehem b’mod komuni li jkopri kemm l-iżvilupp kif ukoll l-adozzjoni ta’ SESAR, ġie awtorizzat mill-Kunsill fit-30 ta’ Marzu 2009 (4). Fih hemm il-viżjoni politika u l-għan ta’ livell għoli tal-Kummissjoni għall-Ajru Uniku Ewropew u l-pilastru teknoloġiku tiegħu fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin li huma s-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza, u l-istabbiliment tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha għandhom jiġu kkunsidrati parti minn proċess li jimmira li jinkisbu dawn l-objettivi.

(9)

Matul l-ewwel perjodu ta’ referenza għall-iskema ta’ prestazzjoni l-Kummissjoni, b’konsulenza mal-EASA, għandha tivvaluta u tivvalida l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tas-sikurezza, biex ikun żgurat li r-riskju għas-sikurezza jiġi identifikat, mitigat u ġestit b’mod xieraq. L-Istati Membri għandhom iwettqu monitoraġġ u għandhom jippubblikaw dawn l-indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni u jistgħu jistabbilixxu miri korrispondenti.

(10)

Fl-applikazzjoni tal-premessa 18, l-Artikoli 10 u 13, l-Anness II, il-punt 1.2 u l-Anness III, il-punt 1 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010, il-miri ta’ prestazzjoni tal-blokka tal-ispazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali ma għandhomx għalfejn ikunu ugwali għall-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha. għandhom ikunu konsistenti ma’ dawn il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha. Il-pjanijiet ta’ prestazzjoni tal-blokka tal-ispazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali għandhom jirriflettu din il-konsistenza.

(11)

Il-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-pjanijiet u l-miri tal-prestazzjoni tal-blokki tal-ispazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali għandha tkun globali, u tqabbel kull mira mal-oħrajn b’mod bilanċjat, u jiġu kkunsidrati l-kompromessi ġustifikati bejn oqsma ta’ prestazzjoni differenti, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-objettivi dominanti ta’ sikurezza. Għandha tikkunsidra l-kuntest lokali, partikolarment għall-Istati b’rati baxxi ta’ unitajiet jew li jaqgħu taħt il-‘Mekkaniżmu Ewropew tal-Appoġġ’, bħal miżuri li ttieħdu diġà għat-trażżin tal-kostijiet, kostijiet ppjanati għal programmi speċifiċi biex isir titjib fil-prestazzjoni f’oqsma ta’ prestazzjoni ddedikati, u l-karatteristiċi speċifiċi li jinkludu kisbiet kif ukoll nuqqasijiet. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 691/2010, għandha tikkunsidra b’mod xieraq l-evoluzzjoni tal-kuntest li tista’ tkun seħħet bejn id-data tal-adozzjoni tal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha u d-data tal-validazzjoni. Il-valutazzjoni għandha tikkunsidra wkoll il-progress li sar diġà minn Stati Membri mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) f’diversi oqsma ewlenin ta’ prestazzjoni u partikolarment fil-qasam tal-kosteffiċjenza;

(12)

Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jitrasferixxu minn sena għal oħra l-profitti jew it-telf li jkunu ġarrbu sas-sena 2011 inkluża;

(13)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ajru Uniku.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha

Għall-perjodu ta’ referenza għall-prestazzjoni li jibda’ fl-1 ta’ Jannar 2012 u jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2014, il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha għandhom ikunu kif ġej:

(a)   Mira tal-ambjent: titjib b’0.75 punti perċentwali tal-indikatur tal-medja tal-effiċjenza ta’ titjira en route orizzontali fl-2014 meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2009.

(b)   Mira tal-kapaċità: titjib fil-medja tad-dewmien minħabba l-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru (ATFM) en route sabiex jintlaħaq il-massimu ta’ 0,5 ta’ minuta għal kull titjira fl-2014.

(c)   Mira tal-kosteffiċjenza: tnaqqis fir-rata ta’ unità medja ddeterminata għall-Unjoni Ewropea kollha għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route minn EUR 59,97 fl-2011 għall-EUR 53,92 fl-2014 (espressa f’termini reali, f’EUR fl-2009), b’valuri annwali intermedji ta’ EUR 57,88 fl-2012 u EUR 55,87 fl-2013.

Artikolu 2

Limitu ta’ twissija

(1)   Għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kollha applikabbli għall-perjodu ta’ referenza għall-prestazzjoni, il-limitu ta’ twissija li jekk jinqabeż jista’ jiġi attivat il-mekkaniżmu ta’ twissija msemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010 għandu jkun varjazzjoni fuq sena kalendarja ta’ mhux inqas minn 10 % tat-traffiku reali rreġistrat mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni meta mqabbel mal-previżjonijiet tat-traffiku msemmija fl-Artikolu 3.

(2)   Għall-indikatur tal-kosteffiċjenza, il-limitu għat-twissija tal-evoluzzjoni tal-kostijiet li jekk jinqabeż jista’ jiġi attivat il-mekkaniżmu ta’ twissija msemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010 għandu jkun varjazzjoni fuq sena kalendarja ta’ mhux inqas minn 10 % tal-kostijiet attwali fil-livell tal-Unjoni Ewropea kollha rreġistrati mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni meta mqabbel mal-kostijiet ddeterminati ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Suppożizzjonijiet

L-Artikolu 1 u 2 ta’ din id-Deċiżjoni huma bbażati fuq is-suppożizzjonijiet li ġejjin:

(1)

il-previżjonijiet tat-traffiku fil-livell tal-Unjoni Ewropea kollha, espressi f’unitajiet ta’ servizz en route: 108 776 000 fl-2012, 111 605 000 fl-2013 u 114 610 000 fl-2014.

(2)

Il-kostijiet iddeterminati ta’ referenza previsti fil-livell tal-Unjoni Ewropea kollha (espressi f’termini reali, f’EUR fl-2009): 6 296 000 000 fl-2012, 6 234 000 000 fl-2013 u 6 179 000 000 fl-2014.

Artikolu 4

Reviżjoni tal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 691/2010, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tirrevedi l-miri għall-UE kollha stabbiliti fl-Artikolu 1 jekk, qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza, jkollha evidenza sostanzjali li d-dejta inizjali, is-suppożizzjonijiet u/jew ir-raġunijiet użati għall-istabbiliment tal-miri inizjali għall-UE kollha ma għadhomx validi.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-pjanijiet ta’ prestazzjoni tal-blokki tal-ispazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali adottati wara l-1 ta’ Jannar 2012 għandhom japplikaw retroattivament mill-ewwel jum tal-perjodu ta’ referenza.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 341, 7.12.2006, p. 3.

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/320/KE (ĠU L 95, 9.4.2009, p. 41).

(5)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 34.


Top