EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0691

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad- 29 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 201, 3.8.2010, p. 1–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 012 P. 196 - 217

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Imħassar b' 32013R0390

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/691/oj

3.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 691/2010

tad-29 ta’ Lulju 2010

li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 11,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 jeżiġi li titwaqqaf skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk permezz ta’ regoli implimentattivi.

(2)

L-iskema ta’ prestazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport tal-ajru billi ttejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-kapaċità u tal-effiċjenza fl-infiq, konsistentement ma’ dawk identifikati fil-Qafas ta’ Prestazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM, ilkoll fi ħdan l-għanijiet ewlenin tas-sikurezza.

(3)

L-iskema ta’ prestazzjoni għandha tipprovdi għal indikaturi u għal miri vinkolanti fir-rigward ta’ oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin fejn il-livelli ta’ sikurezza mitluba jintlaħqu u jinżammu b’mod sħiħ filwaqt li tingħata l-possibiltà li jiġu ffissati miri ta’ prestazzjoni f’oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin oħrajn.

(4)

L-iskema ta’ prestazzjoni għandha titwaqqaf u titħaddem b’perspettiva fit-tul abbażi tal-miri soċjali ta’ livell għoli.

(5)

L-iskema ta’ prestazzjoni għandha tindirizza s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru f’approċċ gate-to-gate, li jinkludi l-ajruporti, sabiex ittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk.

(6)

L-interdipendenzi bejn il-livell nazzjonali, il-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-livell tan-netwerk, kif ukoll l-interdipendenzi bejn il-miri ta’ prestazzjoni, ilkoll filwaqt li jiġu kkunsidrati fi ħdan l-għanijiet ewlenin tas-sikurezza, għandhom jitqiesu b’mod xieraq fil-preparazzjoni u fil-monitoraġġ tal-iskema ta’ prestazzjoni.

(7)

Il-pjanijiet ta’ prestazzjoni għandhom jirreġistraw l-impenn tal-Istati Membri, għal matul il-perjodu ta’ referenza kollu, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ajru Uniku Ewropew u l-bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru u l-provvista tas-servizzi pprovduti mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

(8)

L-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sorveljanza għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu f’pożizzjoni sabiex iwettqu effettivament dawn ir-responsabbiltajiet addizzjonali.

(9)

Il-pjanijiet ta’ prestazzjoni għandhom jiddeskrivu l-miżuri, bħall-iskemi ta’ inċentivi, li għandhom l-għan li jixprunaw l-imġiba tal-partijiet interessati sabiex itejbu l-prestazzjoni fuq il-livell nazzjonali, il-livell tal-blokka funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-livell Ewropew.

(10)

F’ċirkustanzi li ma kinux prevedibbli fil-mument meta ġew adottati l-pjanijiet ta’ prestazzjoni u li huma kemm insuperabbli kif ukoll barra mill-kontroll tal-Istati Membri u tal-entitajiet suġġetti għall-miri ta’ prestazzjoni, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ twissija għandu jippermetti l-implimentazzjoni ta’ miżuri adegwati li jkollhom l-għan li jippreservaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza kif ukoll il-kontinwità tal-provvista tas-servizzi.

(11)

Għandhom isiru konsultazzjonijiet effettivi mal-partijiet interessati fuq il-livell nazzjonali u/jew tal-blokka funzjonali tal-ispazju tal-ajru, kif ukoll fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Filwaqt li tiġi kkunsidrata b’mod xieraq l-effikaċja tal-missjoni militari, il-kooperazzjoni u tal-koordinazzjoni ċivili-militari għandhom ikunu tal-ikbar importanza sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ prestazzjoni.

(13)

L-iskema ta’ prestazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 bil-għan li jkunu ssalvagwardjati l-interessi essenzjali tas-sikurezza jew tal-politika tad-difiża.

(14)

L-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin għandhom jintgħażlu għaliex ikunu speċifiċi u jistgħu jitkejlu u għaliex jippermettu l-allokazzjoni tar-responsabbiltà sabiex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni. Il-miri assoċjati għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu, ikunu realistiċi u f’waqthom u għandu jkollhom l-għan li jidderieġu effettivament il-prestazzjoni sostenibbli tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

(15)

L-implimentazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni vinkolanti appoġġjata b’inċentivi li jistgħu jkunu ta’ natura finanzjarja teżiġi konnessjoni xierqa mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006 tas-6 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi skema komuni ta’ imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (2).

(16)

L-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin u ta’ miri ta’ prestazzjoni jeżiġu l-konsistenza xierqa mal-għanijiet u mal-istandards tas-sikurezza stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (3), u r-regoli implimentattivi tiegħu flimkien mal-miżuri li ħadet l-Unjoni Ewropea sabiex tilħaq u żżomm dawn l-għanijiet.

(17)

Matul il-perjodi ta’ referenza għandu jkun stabbilit proċess effettiv ta’ monitoraġġ ta’ prestazzjoni sabiex ikun żgurat li l-evoluzzjoni tal-prestazzjoni tagħti l-possibbiltà li jintlaħqu l-miri u, jekk ikun meħtieġ, li jiġu introdotti miżuri xierqa.

(18)

Meta jkunu se jiġu adottati miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha għall-ewwel perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra b’mod xieraq is-sitwazzjoni finanzjarja effettiva tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li tirriżulta b’mod partikolari minn miżuri ta’ trażżin tal-kosts li diġà ttieħdu, b’mod partikolari sa mill-2009, kif ukoll minn irkupri żejda jew nieqsa tal-ħlasijiet waqt ir-rotta li għandhom jintirtu mis-snin preċedenti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat b’mod xieraq il-progress li diġà sar mill-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru eżistenti.

(19)

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, dan ir-Regolament għandu japplika għall-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li jissemmew fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) permezz ta’ emenda xierqa f’dan ir-Regolament.

(20)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa sabiex tittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-funzjonijiet tan-netwerk għat-traffiku tal-ajru ġenerali fir-reġjuni EUR tal-ICAO u tal-AFI fejn l-Istati Membri huma responsabbli mill-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru.

2.   Għall-fini tal-iffissar tal-miri, dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru pprovduti mill-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru maħtura skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u mill-fornituri tas-servizzi meteoroloġiċi, jekk ikunu maħtura skont l-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan ir-Regolament għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminali pprovduti f’ajruporti b’inqas minn 50 000 moviment kummerċjali ta’ trasport tal-ajru fis-sena. Huma għandhom jinformaw b’dan lill-Kummissjoni. Fejn l-ebda ajruport fi Stat Membru ma jilħaq il-limitu ta’ 50 000 moviment kummerċjali ta’ trasport tal-ajru fis-sena, il-miri ta’ prestazzjoni għandhom japplikaw bħala livell minimu għall-ajruport bl-ikbar numru ta’ movimenti kummerċjali ta’ trasport tal-ajru.

4.   Fejn Stat Membru jikkunsidra li wħud mis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminali jew is-servizzi kollha tiegħu qed jiġu suġġetti għall-kundizzjonijiet tas-suq, huwa għandu jevalwa skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006, u bl-appoġġ tal-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza, mhux iktar tard minn 12-il xahar qabel il-bidu ta’ kull perjodu ta’ referenza, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I għal dak ir-Regolament ġewx sodisfatti jew le. Fejn l-Istat Membru jsib li dawn il-kundizzjonijiet qed jiġu sodisfatti, irrispettivament min-numru ta’ movimenti kummerċjali ta’ trasport tal-ajru moqdija, huwa jista’ jiddeċiedi li la jiffissa spejjeż iddeterminati skont dak ir-Regolament u lanqas ma japplika miri vinkolanti għall-effiċjenza fl-infiq ta’ dawk is-servizzi.

5.   Skont l-Artikolu 11(6)(c)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u l-Artikolu 15(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament, l-iffissar tal-miri rigward l-effiċjenza fl-infiq għandu japplika għall-ispejjeż iddeterminati kollha li jistgħu jiġu imposti fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru.

6.   L-Istati Membri jistgħu anki japplikaw dan ir-Regolament:

(a)

fl-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’reġjuni oħrajn tal-ICAO, sakemm jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għad-dmirijiet tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago tal-1944 dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Chicago”);

(b)

fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li rċevew il-permess biex jipprovdu servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mingħajr ċertifikat, skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

7.   Minkejja l-protezzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni tad-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u tar-Regolamenti implimentattivi Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nri 1321/2007 (7) u 1330/2007 (8) tagħha, ir-rekwiżiti relatati mal-provvista tad-dejta kif ġew iddefiniti fil-Kapitolu V għandhom japplikaw fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, tal-operaturi tal-ajruporti, tal-koordinaturi tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Operatur ta’ ajruport” tfisser il-“korp ta’ ġestjoni ta’ ajruport” kif ġie ddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (9);

(b)

“Dejta” tfisser informazzjoni kwalitattiva, kwantitattiva u informazzjoni rilevanti oħra relatata mal-prestazzjoni tan-navigazzjoni bl-ajru li nġabret u ġiet sistematikament ipproċessata minn, jew f’isem, il-Kummissjoni sabiex tkun implimentata l-iskema ta’ prestazzjoni;

(c)

“Indikaturi ta’ prestazzjoni” tfisser l-indikaturi li ntużaw għall-monitoraġġ, għall-iffissar tal-livelli ta’ referenza u għar-reviżjoni tal-prestazzjoni;

(d)

“Indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin” tfisser l-indikaturi ta’ prestazzjoni li ntużaw sabiex ikunu ffissati l-miri ta’ prestazzjoni;

(e)

“Movimenti kummerċjali ta’ trasport tal-ajru” tfisser is-somma ta’ tluq u ta’ nżul li jinvolvu t-trasport tal-passiġġieri, tal-merkanzija jew tal-posta, b’remunerazzjoni jew b’kiri, ikkalkulati bħala medja tul it-tliet snin ta’ qabel l-adozzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni, irrispettivament mill-massa massima tat-tluq u min-numru ta’ sits għall-passiġġieri li ntużaw;

(f)

“Mira vinkolanti” tfisser mira ta’ prestazzjoni li ġiet adottata mill-Istati Membri bħala parti minn pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u suġġetta għal skema ta’ inċentivi li tipprovdi għal premji, diżinċentivi u/jew pjanijiet ta’ azzjoni korrettivi;

(g)

“Trasportatur tal-ajru” tfisser impriża tat-trasport tal-ajru b’liċenzja operattiva valida maħruġa minn Stat Membru skont id-Dritt tal-Unjoni Ewropea;

(h)

“Rappreżentant tal-utenti tal-ispazju tal-ajru” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew entità li tirrappreżenta l-interessi ta’ kategorija waħda jew iktar ta’ utenti tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru;

(i)

“Spejjeż iddeterminati” tfisser l-ispejjeż kif ġew iddefiniti fl-Artikolu 15(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004;

(j)

“Awtoritajiet Nazzjonali” tfisser l-awtoritajiet regolatorji fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru li l-ispejjeż tagħhom ikunu eliġibbli għall-irkupru mingħand l-utenti tal-ispazju tal-ajru meta jsiru b’relazzjoni għall-provvista ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006;

(k)

“Kultura Ġusta” tfisser kultura fejn l-operaturi fuq quddiem nett jew oħrajn ma jiġux ikkastigati għal azzjonijiet, omissjonijiet jew deċiżjonijiet li jkunu ħadu u li jkunu proporzjonati għall-esperjenza u għat-taħriġ tagħhom, imma fejn negliġenza serja, vjolazzjonijiet volontarji u atti ta’ qerda ma jkunux ittollerati;

(l)

“Koordinatur ta’ ajruport” tfisser il-funzjoni stabbilita f’ajruporti kkoordinati b’applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93;

(m)

“Monitoraġġ tal-Prestazzjoni” tfisser il-proċess kontinwu tal-ġbir u tal-analiżi tad-dejta sabiex jitkejjel l-output effettiv ta’ sistema meta pparagunata ma’ miri predefiniti.

Artikolu 3

Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni

1.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li taħtar Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni sabiex jgħinha fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni, tali ħatra għandha tkun għal terminu fiss li jkun konsistenti mal-perjodi ta’ referenza.

2.   Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jkollu l-kompetenza u l-imparzjalità xierqa sabiex iwettaq b’mod indipendenti l-kompiti assenjati lilu mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin applikabbli.

3.   Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni, b’mod partikolari fil-kompiti li ġejjin:

(a)

il-ġbir, l-eżami, il-validazzjoni u t-tixrid tad-dejta relatata mal-prestazzjoni;

(b)

id-definizzjoni ta’ oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin ġodda jew l-adattament ta’ oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin, b’mod konsistenti ma’ dawk identifikati fil-Qafas ta’ Prestazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM (Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru), kif jissemma fl-Artikolu 8(1) u l-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin relatati;

(c)

għat-tieni perjodu ta’ referenza u għall-perjodi sussegwenti, id-definizzjoni tal-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin xierqa sabiex fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin kollha tkun koperta l-prestazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk u tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kemm fis-servizzi en route kif ukoll f’dawk fit-terminali;

(d)

l-istabbiliment jew ir-reviżjoni tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha;

(e)

l-istabbiliment tal-limiti għall-attivazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ twissija kif jissemma fl-Artikolu 9(3);

(f)

l-evalwazzjoni tal-konsistenza tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni adottati, inklużi l-miri ta’ prestazzjoni, mal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha;

(g)

fejn ikun xieraq, l-evalwazzjoni tal-konsistenza tal-limiti ta’ twissija adottati b’applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) mal-limiti ta’ twissija għall-Unjoni Ewropea kollha msemmija fl-Artikolu 9(3);

(h)

fejn ikun xieraq, l-evalwazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni riveduti jew tal-miżuri korrettivi meħuda mill-Istati Membri kkonċernati;

(i)

il-monitoraġġ, l-iffissar ta’ livelli ta’ referenza u r-reviżjoni tal-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, u fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea;

(j)

il-monitoraġġ, l-iffissar tal-livelli ta’ referenza u r-reviżjoni tal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk;

(k)

il-monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk tal-ATM, inkluża l-preparazzjoni tar-rapporti annwali għall-Kumitat dwar Ajru Uniku;

(l)

l-evalwazzjoni tal-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni fi tmiem kull perjodu ta’ referenza sabiex ikunu ippreparat il-perjodu sussegwenti.

4.   Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jipprovdi informazzjoni jew rapporti ad hoc dwar kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni.

5.   Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni jista’ jirrapporta u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tittejjeb l-iskema.

6.   Rigward ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza:

(a)

Sabiex jeżerċita l-funzjoni tiegħu ta’ monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk tal-ATM, il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jikseb mingħand l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pjanijiet ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru;

(b)

Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, meta jitolbuh jagħmel dan, billi jipprovdi perspettiva indipendenti tal-kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru bħal paraguni fattwali bejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li joperaw f’ambjenti simili (iffissar ta’ livelli ta’ referenza), analiżijiet ta’ bidliet fil-prestazzjoni tul l-aħħar ħames (5) snin, jew analiżijiet ta’ projezzjonijiet li jħarsu ’l quddiem;

(c)

L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għad-definizzjoni ta’ firxiet ta’ valuri indikattivi għall-iffissar tal-miri nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, filwaqt li jikkunsidraw il-perspettiva Ewropea. Valuri bħal dawn għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, tal-operaturi tal-ajruporti u tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

7.   Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jikkoopera, kif inhu xieraq, mal- Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-kompiti msemmija fil-paragrafu 3 meta jkunu relatati mas-sikurezza, sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-għanijiet u mal-istandards stabbiliti u implimentati skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008.

8.   Sabiex jeżerċita l-funzjoni tiegħu ta’ monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jiżviluppa arranġmanenti ta’ ħidma xierqa flimkien mal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-arju, mal-operaturi tal-ajruporti, mal-koordinaturi tal-ajruporti u mat-trasportaturi tal-ajru.

Artikolu 4

L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom ikunu responsabbli mill-elaborazzjoni, fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, tas-sorveljanza tal-prestazzjoni u tal-monitoraġġ tal-pjanijiet u tal-miri ta’ prestazzjoni. Meta jwettqu dawn il-kompiti, huma għandhom jaġixxu b’mod imparzjali, indipendenti u trasparenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jkollhom, jew ikollhom aċċess għar-riżorsi u għall-kapaċitajiet meħtieġa fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin kollha sabiex iwettqu l-kompiti pprovduti f’dan ir-Regolament, inklużi s-setgħat investigattivi sabiex iwettqu l-kompiti msemmija fl-Artikolu 19.

3.   Fejn Stat Membru jkollu iktar minn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza waħda, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni liema awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza hija responsabbli mill-koordinazzjoni nazzjonali u mir-relazzjonijiet mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru

1.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tagħhom sabiex ikun stabbilit pjan ta’ prestazzjoni fuq il-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

2.   Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jadottaw pjan ta’ prestazzjoni fuq il-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, huma għandhom:

(a)

jiżguraw li l-pjan ta’ prestazzjoni jkun konformi mal-mudell stabbilit fl-Anness II;

(b)

jinnotifikaw lill-Kummissjoni liema awtorità jew korp nazzjonali ta’ sorveljanza hija responsabbli mill-koordinazzjoni fi ħdan il-blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru u mir-relazzjonijiet mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni

(c)

jagħmlu arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw li:

(i)

tiġi stabbilita mira waħda għal kull indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni;

(ii)

il-miżuri msemmija fl-Artikolu 11(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 jiġu ddefiniti u applikati matul il-perjodu ta’ referenza meta l-miri ma jkunux intlaħqu. Għal dan il-fini, għandhom jintużaw il-valuri annwali fil-pjan ta’ prestazzjoni;

(iii)

il-konsegwenzi talli jintlaħqu jew ma jintlaħqux il-miri jiġu allokati b’mod xieraq fi ħdan il-blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

(d)

ikunu responsabbli flimkien mill-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni ffissati għall-blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru;

(e)

fil-każ fejn ma tkun ġiet stabbilita l-ebda żona komuni ta’ imposti fit-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006, jaggregaw il-miri nazzjonali tal-effiċjenza fl-infiq u jipprovdu, għal finijiet ta’ informazzjoni, ċifra globali li turi l-isforz għal effiċjenza fl-infiq fuq il-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

3.   Fejn l-Istati Membri ta’ blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru ma jadottawx pjan ta’ prestazzjoni b’miri fuq il-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, għal finijiet ta’ informazzjoni, il-miri ta’ prestazzjoni aggregati fejn jenfasizzaw il-konsistenza fuq il-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha.

Artikolu 6

Il-koordinazzjoni mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA)

B’applikazzjoni tal-Artikolu 13a tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, il-Kummissjoni għandha tikkoordina, kif ikun xieraq, mal-EASA:

(a)

l-aspetti tas-sikurezza tal-iskema ta’ prestazzjoni, inklużi l-istabbiliment, ir-reviżjoni u l-implimentazzjoni tal-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza u l-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza għall-Unjoni Ewropea kollha kif ukoll il-provvista ta’ proposti għal azzjonijiet u għal miżuri xierqa għal wara l-attivazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ twissija;

(b)

il-konsistenza tal-indikaturi u tal-miri ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza mal-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni kif jista’ jiġi adottat mill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

It-tul tal-perjodi ta’ referenza

1.   L-ewwel perjodu ta’ referenza għall-iskema ta’ prestazzjoni għandu jkopri s-snin kalendarji mill-2012 sal-2014 bis-sentejn imsemmija inklużi. Il-perjodi ta’ referenza sussegwenti għandhom ikunu ta’ ħames snin kalendarji, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor permezz ta’ emenda f’dan ir-Regolament.

2.   L-istess perjodu ta’ referenza għandu japplika għall-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha u għall-pjanijiet u għall-miri ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

Artikolu 8

L-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin u l-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin

1.   Għall-fini tal-iffissar tal-miri, iż-żieda u l-adattament possibbli ta’ oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin oħrajn, skont l-Artikolu 11(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, għandhom ikunu deċiżi mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Għall-fini tal-iffissar tal-miri, għal kull qasam ta’ prestazzjoni ewlieni għandu jikkorrispondi indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni wieħed jew numru limitat ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin. Il-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ikunu evalwati permezz ta’ miri vinkolanti għal kull indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni.

3.   L-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin għall-iffissar tal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha, magħżula għal kull qasam ta’ prestazzjoni ewlieni, jinsabu fit-Taqsima 1 tal-Anness I.

4.   L-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin li ntużaw sabiex ikunu stabbiliti l-miri ta’ prestazzjoni nazzjonali jew għall-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jinsabu fit-Taqsima 2 tal-Anness I.

5.   Matul perjodu ta’ referenza m’għandux ikun hemm bidliet fl-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin. Il-bidliet għandhom ikunu adottati permezz ta’ emendi f’dan ir-Regolament mhux iktar tard minn sitt xhur qabel l-adozzjoni ta’ miri ta’ prestazzjoni ġodda għall-Unjoni Ewropea kollha.

6.   Minbarra l-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin u l-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin imsemmija f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri, fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu u li jużaw indikaturi ta’ prestazzjoni addizzjonali u miri assoċjati għal dawk stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness 1 għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tagħhom u/jew bħala parti mill-pjanijiet ta’ prestazzjoni tagħhom. Dawn l-indikaturi u dawn il-miri addizzjonali għandhom jappoġġjaw il-kisba tal-miri fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea kollha kif ukoll tal-miri fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru li jirriżultaw. Pereżempju, huma jistgħu jintegraw u jiddeskrivu d-dimensjoni ċivili-militari jew meteoroloġika tal-pjan ta’ prestazzjoni. Dawn l-indikaturi u dawn il-miri addizzjonali jistgħu jkunu akkumpanjati minn skemi ta’ inċentivi xierqa li jkunu deċiżi fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

KAPITOLU II

IL-PREPARAZZJONI TAL-PJANIJIET TA’ PRESTAZZJONI

Artikolu 9

Il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-inputs rilevanti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, u wara konsultazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti, kif jissemma fl-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament, ta’ organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn, kif inhu xieraq, u tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-aspetti tas-sikurezza tal-prestazzjoni.

2.   Il-miri għall-Unjoni Ewropea kollha għandhom ikunu proposti mill-Kummissjoni Ewropea mhux iktar tard minn ħmistax-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza u għandhom ikunu adottati mhux iktar tard minn tnax-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza.

3.   Flimkien mal-adozzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi, għal kull indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni, il-limiti ta’ twissija li meta jinqabżu jistgħu jiġu attivati l-mekkaniżmi ta’ twissija msemmija fl-Artikolu 18. Il-limiti ta’ twissija għall-indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni tal-effiċjenza fl-infiq għandhom ikopru kemm l-evoluzzjoni tat-traffiku kif ukoll dik tal-ispejjeż.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissostanzja kull mira ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha b’deskrizzjoni tas-suppożizzjonijiet u tar-raġuni fundamentali li ntużaw biex ikunu ffissati dawn il-miri, bħall-użu li sar mill-inputs mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u minn dejta fattwali oħra, tal-previżjonijiet tat-traffiku u fejn ikun xieraq, tal-livelli mistennija tal-ispejjeż effiċjenti ddeterminati għall-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

L-elaborazzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, jew fuq il-livell nazzjonali jew fuq dak tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, għandhom ifasslu pjanijiet ta’ prestazzjoni li jinkludu miri konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha u l-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Anness III. Għandu jkun hemm pjan ta’ prestazzjoni wieħed biss għal kull Stat Membru jew għal kull blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru meta l-Istati Membri kkonċernati jiddeċiedu li jelaboraw pjan ta’ prestazzjoni fuq il-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2).

2.   Sabiex jagħtu appoġġ lill-preparazzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jiżguraw:

(a)

li l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jikkomunikaw l-elementi rilevanti tal-pjanijiet kummerċjali tagħhom, ippreparati b’mod konsistenti mal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha;

(b)

il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 dwar il-pjan u l-miri ta’ prestazzjoni. Il-partijiet interessati għandhom jingħataw informazzjoni adegwata mill-inqas tliet ġimgħat qabel il-laqgħa ta’ konsultazzjoni.

3.   Il-pjanijiet ta’ prestazzjoni għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a)

Il-previżjoni tat-traffiku, espressa f’unitajiet ta’ servizz, li għandha tkun moqdija għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza, bil-ġustifikazzjoni taċ-ċifri li ntużaw;

(b)

L-ispejjeż iddeterminati għall-ispejjeż tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ffissati mill-Istat(i) Membru(i) skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004;

(c)

Deskrizzjoni tal-investiment meħtieġ sabiex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni b’deskrizzjoni tar-rilevanza tagħhom b’relazzjoni għall-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew u l-koerenza tagħhom mal-oqsma u mad-direzzjonijiet tal-progress u tal-bidla ewlenin kif inhu stabbilit hemmhekk;

(d)

Il-miri ta’ prestazzjoni f’kull qasam ta’ prestazzjoni ewlieni rilevanti, iffissati b’referenza għal kull indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni għall-perjodu ta’ referenza kollu, b’valuri annwali li għandhom jintużaw għal finijiet ta’ monitoraġġ u ta’ inċentivi;

(e)

Deskrizzjoni tad-dimensjoni ċivili-militari tal-pjan li jiddeskrivi l-prestazzjoni tal-applikazzjoni tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru (FUA) sabiex tiġi miżjuda l-kapaċità filwaqt li tiġi kkunsidrata b’mod xieraq l-effikaċja tal-missjoni militari, u jekk jitqiesu xierqa, l-indikaturi u l-miri ta’ prestazzjoni rilevanti f’konsistenza mal-indikaturi u mal-miri tal-pjan ta’ prestazzjoni;

(f)

Deskrizzjoni u ġustifikazzjoni ta’ kif il-miri ta’ prestazzjoni msemmija f’(d) jirrikonċiljaw u jikkontribwixxu għall-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha;

(g)

Identifikazzjoni ċara tal-entitajiet differenti, li huma responsabbli biex jirrispondu għall-kisba tal-miri, u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom;

(h)

Deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ inċentivi li għandhom jiġu applikati fir-rigward tad-diversi entitajiet responsabbli sabiex jingħata inkoraġġiment ħalli jintlaħqu l-miri matul il-perjodu ta’ referenza;

(i)

Il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għall-monitoraġġ tal-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni;

(j)

Deskrizzjoni tal-eżitu tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, inklużi l-kwistjonijiet li tqajmu mill-parteċipanti kif ukoll l-azzjonijiet miftiehma.

4.   Il-pjanijiet ta’ prestazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-mudell stabbilit fl-Anness II u jistgħu, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu dan b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(6), jinkludu indikaturi addizzjonali b’miri assoċjati.

Artikolu 11

L-iskemi ta’ inċentivi

1.   L-iskemi ta’ inċentivi applikati mill-Istati Membri bħala parti mill-pjan ta’ prestazzjoni tagħhom għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a)

Huma għandhom ikunu effettivi, proporzjonali, kredibbli u għandhom jibqgħu l-istess matul il-perjodu ta’ referenza;

(b)

Huma għandhom jiġu implimentati fuq bażi mhux diskriminatorja u trasparenti sabiex jagħtu appoġġ lil titjib fil-prestazzjon tal-għoti tas-servizzi;

(c)

Huma għandhom ikunu parti mill-ambjent regolatorju magħruf ex ante mill-partijiet interessati kollha u għandhom ikunu applikabbli matul il-perjodu ta’ referenza kollu;

(d)

Huma għandhom jixprunaw l-imġiba tal-entitajiet suġġetti għall-iffissar tal-miri sabiex jiksbu livell għoli ta’ prestazzjoni u jilħqu l-miri assoċjati.

2.   L-inċentivi dwar il-miri tas-sikurezza għandu jkollhom l-għan li jagħtu inkoraġġiment ħalli l-għanijiet tas-sikurezza mitluba jintlaħqu u jinżammu b’mod sħiħ filwaqt li jagħtu l-possibbiltà li jkun hemm titjib fil-prestazzjoni f’oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin oħrajn. Huma m’għandux ikollhom natura finanzjarja u għandhom jikkonsistu fi pjanijiet ta’ azzjoni bi skadenzi u/jew miżuri assoċjati b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2096/2005 tal-20 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (10) u/jew regoli implimentattivi li jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 216/2008.

3.   L-inċentivi dwar il-miri tal-effiċjenza fl-infiq għandu jkollhom natura finanzjarja u għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet xierqa fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006. Huma għandhom jikkonsistu f’mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tar-riskji, fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

4.   L-inċentivi dwar il-miri tal-kapaċità jistgħu jkollhom natura finanzjarja jew natura oħra, bħal pjanijiet ta’ azzjoni korrettivi bi skadenzi u miżuri assoċjati, li jistgħu jinkludu bonusijiet u penali, adottati mill-Istati Membri. Fejn l-inċentivi jkollhom natura finanzjarja, dawn għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006.

5.   L-inċentivi dwar il-miri ambjentali għandu jkollhom l-għan li jagħtu inkoraġġiment ħalli jintlaħqu l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali mitluba filwaqt li jagħtu l-possibbiltà li jkun hemm titjib fil-prestazzjoni f’oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin oħrajn. Dawn għandu jkollhom natura finanzjarja jew mhux finanzjarja, u għandhom ikunu deċiżi mill-Istati Membri billi jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi lokali.

6.   Barra minn hekk, l-Istati Membri, fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, jistgħu jistabbilixxu jew japprovaw skemi ta’ inċentivi dwar l-utenti tal-ispazju tal-ajru, kif inhu pprovdut fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006.

KAPITOLU III

L-ADOZZJONI TAL-PJANIJIET TA’ PRESTAZZJONI

Artikolu 12

L-adozzjoni inizjali tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni

Fuq proposta tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, l-Istati Membri, fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, għandhom jadottaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-adozzjoni tal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha, il-pjanijiet ta’ prestazzjoni tagħhom li jinkludu miri ta’ prestazzjoni vinkolanti.

Artikolu 13

L-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni u r-reviżjoni tal-miri

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-pjanijiet ta’ prestazzjoni, il-miri tagħhom u b’mod partikolari l-konsistenza tagħhom ma’, u l-kontribuzzjoni adegwata tagħhom għall-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III, fejn tikkunsidra b’mod xieraq l-evoluzzjoni tal-kuntest li seta’ kien hemm bejn id-data tal-adozzjoni tal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha u d-data tal-evalwazzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni.

2.   Fejn il-miri ta’ prestazzjoni inklużi fi pjan ta’ prestazzjoni jinstab li jkunu konsistenti ma’, u jagħtu kontribuzzjoni adegwata għall-miri għall-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat(i) Membru(i) b’dan mhux iktar tard minn erba’ xhur wara li tkun irċeviet il-pjan.

3.   Fejn il-mira(i) ta’ prestazzjoni inkluża(i) fi pjan ta’ prestazzjoni jinsab li ma tkunx(jkunux) konsistenti ma’, u ma tagħtix(jagħtux) kontribuzzjoni adegwata għall-miri għall-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni tista’, mhux iktar tard minn erba’ xhur wara li tirċievi l-pjan u skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, tiddeċiedi li toħroġ rakkomandazzjoni lill-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) sabiex jadotta(w) il-mira(i) ta’ prestazzjoni riveduta(i). Deċiżjoni bħal din għandha tittieħed wara li l-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) jkun(u) ġie(ġew) ikkonsultat(i), u għandha tidentifika eżattament liema mira(i) għandha(hom) tiġi(jiġu) riveduta(i) kif ukoll ir-raġuni fundamentali għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

4.   F’każ bħal dan, mhux iktar tard minn xahrejn wara l-ħruġ tar-rakkomandazzjoni, l-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) għandu(hom) jadotta(w) miri ta’ prestazzjoni riveduti, fejn jikkunsidra(w) b’mod xieraq il-fehmiet tal-Kummissjoni, flimkien mal-miżuri xierqa sabiex jintlaħqu dawk il-miri u għandu(hom) jinnotifika(w) lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 14

L-evalwazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni riveduti u l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-miri ta’ prestazzjoni riveduti u, b’mod partikolari, il-konsistenza tagħhom ma’, u l-kontribuzzjoni adegwata tagħhom għall-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III.

2.   Fejn il-miri riveduti msemmija fl-Artikolu 13(4) jinstab li huma konsistenti ma’ u jagħtu kontribuzzjoni adegwata għall-miri tal-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat(i) Membru(i) b’dan mhux iktar tard minn xahrejn wara li tirċievi l-miri riveduti.

3.   Fejn il-miri ta’ prestazzjoni riveduti u l-miżuri xierqa xorta ma jkunux għadhom konsistenti ma’, u ma jagħtux kontribuzzjoni adegwata għall-miri għall-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, mhux iktar tard minn xahrejn wara li tirċievi l-miri riveduti u skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, li l-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) għandu(hom) jieħu(jieħdu) miżuri korrettivi.

4.   Deċiżjoni bħal din għandha tidentifika eżattament liema mira(i) għandha(hom) tiġi(jiġu) riveduta(i) u r-raġuni fundamentali tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Hija tista’ tinkludi l-livell ta’ prestazzjoni mistenni għal dawk il-miri sabiex l-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) jieħu(jieħdu) l-miżuri korrettivi xierqa u/jew tinkludi suġġerimenti għal miżuri xierqa bħal dawn.

5.   Mhux iktar tard minn xahrejn wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-miżuri korrettivi adottati mill-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, flimkien mal-elementi li juru kif qed tiġi żgurata l-konsistenza mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 15

Il-pjanijiet u l-miri ta’ prestazzjoni adottati wara l-bidu tal-perjodu ta’ referenza

Il-pjanijiet ta’ prestazzjoni jew il-miżuri korrettivi adottati wara l-bidu tal-perjodu ta’ referenza minħabba l-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmija fl-Artikoli 13 u 14 għandhom japplikaw retroattivament mill-ewwel jum tal-perjodu ta’ referenza.

Artikolu 16

Ir-reviżjoni tal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha

1.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrivedi l-miri għall-Unjoni Ewropea kollha skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004:

(a)

qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza meta jkollha evidenza sostanzjali li d-dejta, is-suppożizzjonijiet u r-raġunijiet fundamentali inizjali li ntużaw biex jiġu ffissati l-miri inizjali għall-Unjoni Ewropea kollha m’għadhomx iktar validi;

(b)

matul il-perjodu ta’ referenza, minħabba l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ twissija kif imsemmi fl-Artikolu 18.

2.   Reviżjoni tal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha tista’ tirriżulta f’emendi fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni eżistenti. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li għandu jsir aġġustament xieraq fl-iskeda taż-żminijiet stabbilita fil-Kapitoli II u III ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

IL-MONITORAĠĠ TAL-KISBA TAL-PRESTAZZJONI

Artikolu 17

Il-monitoraġġ u r-rapportar kontinwi

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni. Jekk matul il-perjodu ta’ referenza l-miri ma jintlaħqux, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom japplikaw il-miżuri xierqa ddefiniti fil-pjan ta’ prestazzjoni sabiex jirrettifikaw is-sitwazzjoni. Għal dan il-fini, għandhom jintużaw il-valuri annwali fil-pjan ta’ prestazzjoni.

2.   Fejn il-Kummissjoni tara tnaqqis sinifikanti u persistenti fil-prestazzjoni fi Stat Membru jew fi blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru, li jaffetwa lil Stati oħrajn li huma partijiet għall-ajru uniku Ewropew u/jew għall-ispazju tal-ajru Ewropew kollu, hija tista’ titlob lill-Istati Membri kkonċernati u lill-awtorità ta’ sorveljanza jew lill-korp ikkonċernat nazzjonali jew tal-blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru sabiex jiddefinixxu, japplikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri xierqa sabiex jintlaħqu l-miri ffissati fil-pjan ta’ prestazzjoni tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru tagħhom tal-pjanijiet u tal-miri ta’ prestazzjoni għall-inqas fuq bażi annwali u meta l-miri ta’ prestazzjoni jkunu f’riskju li ma jintlaħqux. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat dwar Ajru Uniku dwar il-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni għall-inqas fuq bażi annwali.

Artikolu 18

Il-mekkaniżmi ta’ twissija

1.   Fejn, minħabba ċirkustanzi li ma kinux prevedibbli fil-bidu tal-perjodu u fl-istess ħin huma insuperabbli u barra mill-kontroll tal-Istati Membri, il-limiti ta’ twissija msemmija fl-Artikolu 9(3) jintlaħqu fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tirrivedi s-sitwazzjoni f’konsultazzjoni mal-Istati Membri permezz tal-Kumitat dwar Ajru Uniku u għandha tipprovdi proposti għal azzjonijiet xierqa fi żmien tliet xhur, li jistgħu jinkludu r-reviżjoni tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha u, konsegwentement, reviżjoni tal-miri ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

2.   Fejn, minħabba ċirkustanzi li ma kinux prevedibbli fil-bidu tal-perjodu u fl-istess ħin huma insuperabbli u barra mill-kontroll tal-Istati Membri u tal-entitajiet suġġetti għall-miri ta’ prestazzjoni, il-limiti ta’ twissija msemmija fl-Artikolu 9(3) jintlaħqu fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, l-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali jew il-korp ikkonċernat għandha tirrivedi s-sitwazzjoni f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u tista’ tipprovdi proposti għal miżuri xierqa fi żmien tliet xhur, li jistgħu jinkludu r-reviżjoni tal-miri ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

3.   L-Istati Membri, fuq il-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, jistgħu jiddeċiedu li jadottaw limiti ta’ twissija differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 9(3), sabiex jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi u l-karatteristiċi speċifiċi lokali. F’każ bħal dan, dawn il-limiti għandhom ikunu stabbiliti fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni u għandhom ikunu konsistenti mal-limiti adottati skont l-Artikolu 9(3). Id-devjazzjonijiet għandhom ikunu sostnuti b’ġustifikazzjoni dettaljata. Meta dawn il-limiti jiġu attivati, għandu japplika l-proċess stabbilit fil-paragrafu 2.

4.   Fejn l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ twissija jinvolvi r-reviżjoni ta’ pjanijiet u ta’ miri ta’ prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita tali reviżjoni permezz ta’ aġġustament xieraq fl-iskeda taż-żminijiet applikabbli skont il-proċedura msemmija fil-Kapitoli II u III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Il-faċilitazzjoni tal-monitoraġġ tal-konformità

Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom jiffaċilitaw l-ispezzjonijiet u l-istħarriġ tal-Kummissjoni u tal-awtorità(ajiet) nazzjonali ta’ sorveljanza responsabbli mis-sorveljanza tagħhom, minn entità kkwalifikata li taġixxi f’isem din(dawn) tal-aħħar, jew mill-EASA sa fejn ikun rilevanti, inklużi ż-żjarat fil-post. Mingħajr preġudizzju għall-poteri ta’ sorveljanza kkonferiti lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u lill-EASA, il-persuni awtorizzati għandhom jingħataw is-setgħa biex:

(a)

jeżaminaw, b’relazzjoni għall-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin kollha, id-dokumenti u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għall-istabbiliment tal-pjanijiet u tal-miri ta’ prestazzjoni;

(b)

jieħdu kopji ta’ jew siltiet minn dokumenti bħal dawn;

(c)

jitolbu għal spjegazzjoni orali fil-post.

Spezzjonijiet u stħarriġ bħal dawn għandhom isiru f’konformità mal-proċeduri fis-seħħ fl-Istat Membru fejn se jsiru.

KAPITOLU V

IL-KOLLEZZJONI, IL-VALIDAZZJONI, L-EŻAMI, L-EVALWAZZJONI U T-TIXRID TAL-INFORMAZZJONI RELATATA MAL-PRESTAZZJONI TAN-NAVIGAZZJONI BL-AJRU GĦALL-AJRU UNIKU EWROPEW

Artikolu 20

Il-kollezzjoni u l-validazzjoni tad-dejta għal analiżi ta’ prestazzjoni

1.   Minbarra d-dejta li l-Kummissjoni tkun diġà ġabret permezz ta’ strumenti oħrajn tal-Unjoni Ewropea u li tista’ tintuża ukoll għall-analiżi tal-prestazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, l-operaturi tal-ajruporti, il-koordinaturi tal-ajruporti u t-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni tingħata d-dejta stabbilita fl-Anness IV skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-anness.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddelegaw jew jerġgħu jorganizzaw, b’mod sħiħ jew parzjali, il-kompitu li jipprovdu d-dejta bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, l-operaturi tal-ajruporti u l-koordinaturi tal-ajruporti tagħhom, sabiex jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi lokali u l-mezzi ta’ rapportar eżistenti.

3.   Il-fornituri tad-dejta għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-kwalità, il-validazzjoni u t-trażmissjoni f’waqtha tad-dejta, inkluża l-evidenza tal-kontrolli tal-kwalità u tal-proċessi ta’ validazzjoni, l-ispjegazzjonijiet għal talbiet speċifiċi tal-Kummissjoni Ewropea relatati mal-kwalità tad-dejta u, fejn ikun meħtieġ, il-pjanijiet ta’ azzjoni biex tittejjeb il-kwalità tad-dejta tagħhom. Id-dejta għandha tkun ipprovduta mingħajr ħlas, f’forma elettronika fejn ikun applikabbli billi jintuża l-format speċifikat mill-Kummissjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kwalità u tivvalida d-dejta trażmessa skont il-paragrafu 1. Meta d-dejta ma tippermettix l-użu xieraq għall-analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa sabiex tevalwa u ttejjeb il-kwalità tad-dejta b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, b’mod partikolari mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tagħhom.

5.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, id-dejta relatata mal-prestazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 li diġà tiġi pprovduta lill-Eurocontrol għandha tiġi kkunsidrata bħala li ġiet ipprovduta lill-Kummissjoni. Fejn dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni u Eurocontrol għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiżguraw li dejta bħal din titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni bl-istess rekwiżiti kif ġie deskritt fil-paragrafu 3.

6.   Kull meta jiġu identifikati rekwiżiti ġodda sinifikanti għal dejta jew tkun mistennija dejta ta’ kwalità insuffiċjenti, il-Kummissjoni tista’ twettaq studji piloti li għandhom jiġu kkompletati fuq bażi volontarja mill-Istati Membri qabel ma jiġu introdotti rekwiżiti ġodda għal dejta permezz ta’ emenda f’dan ir-Regolament. Studji pilota bħal dawn għandhom jitwettqu sabiex tkun evalwata l-fattibbiltà tal-ġabra ta’ dejta rilevanti, fejn jiġu kkunsidrati l-benefiċċji tad-disponibbiltà tad-dejta b’relazzjoni għall-ispejjeż tal-ġbir u għall-piż tal-interpellati.

Artikolu 21

It-tixrid tal-informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha xxerred informazzjoni ġenerali għall-fini tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (11), b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu, kif ukoll mal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

2.   L-informazzjoni inkluża fl-Artikolu 3(3)(a) għandha tkun pubblikament disponibbli għall-partijiet interessati kkonċernati, b’mod partikolari b’mezzi elettroniċi.

3.   Ir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 3(3)(k) għandhom ikunu pubblikament disponibbli. Referenza għal dawk ir-rapporti għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tipprovdi informazzjoni ġenerali oħra fuq bażi regolari lill-partijiet interessati kkonċernati, b’mod partikolari b’mezzi elettroniċi.

4.   Il-miri għall-Unjoni Ewropea kollha msemmija fl-Artikolu 9 u referenza għall-pjanijiet ta’ prestazzjoni adottati msemmija fil-Kapitolu III għandhom ikunu disponibbli pubblikament u ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.   Għandu jingħata aċċess individwali għal informazzjoni speċifika, bħal dejta u statistiċi vvalidati, lill-fornitur tad-dejta li miegħu jkunu relatati direttament l-informazzjoni u l-attivitajiet.

KAPITOLU VI

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Appell

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jittieħdu skont dan ir-Regolament ikunu rraġunati sew u jkunu suġġetti għal proċedura effettiva ta’ reviżjoni u/jew ta’ appell.

Artikolu 23

Il-miżuri tranżitorji

Fejn, matul l-ewwel perjodu ta’ referenza, l-Istati Membri jiddeċiedu li jadottaw pjan ta’ prestazzjoni b’miri dwar il-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, huma għandhom jiżguraw li:

(a)

il-pjan jissostitwixxi l-pjanijiet nazzjonali mill-1 ta’ Jannar ta’ waħda mis-snin tal-perjodu ta’ referenza;

(b)

it-tul tal-pjan ma jaqbiżx iż-żmien li fadal biex jagħlaq il-perjodu ta’ referenza;

(c)

il-pjan juri li l-miri ta’ prestazzjoni tiegħu huma mill-inqas ambizzjużi daqs il-konsolidament tal-miri nazzjonali preċedenti.

Artikolu 24

Ir-reviżjoni tal-iskema

Il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-effikaċja tal-proċess sal-1 ta’ Lulju 2013. Sa tmiem l-2014 u b’mod regolari sussegwentement, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-iskema ta’ prestazzjoni, u b’mod partikolari, għandha tanalizza l-impatt, l-effikaċja u l-ambitu ta’ dik is-sistema, billi tikkunsidra b’mod xieraq il-ħidma mwettqa mill-ICAO f’dan il-qasam.

Artikolu 25

L-emendi għar-Regolament (KE) Nru 2096/2005

Ir-Regolament (KE) Nru 2096/2005 għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

It-Taqsima 2.2 tal-Anness I għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“2.2.   Il-ġestjoni organizzattiva

Fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandu jipproduċi pjan kummerċjali li jkopri perjodu minimu ta’ ħames snin. Il-pjan kummerċjali għandu:

(a)

jistabbilixxi l-għanijiet u l-miri ġenerali tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-istrateġija tiegħu sabiex jilħaqhom b’konformità ma’ pjan ġenerali tal-fornitur fuq żmien itwal u mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp tal-infrastruttura jew ta’ teknoloġija oħra;

(b)

jinkludi miri ta’ prestazzjoni xierqa f’termini ta’ sikurezza, kapaċità, ambjent u effiċjenza fl-infiq, kif jista’ jkun applikabbli.

L-informazzjoni inkluża fil-paragrafi (a) u (b) għandha tkun konsistenti mal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u, sa fejn għandha x’taqsam id-dejta dwar is-sikurezza, għandha tkun konsistenti mal-programm għas-sikurezza tal-Istat imsemmi fl-Istandard 2.27.1 tal-Anness 11 tal-ICAO, emenda 47B-A mill-20 ta’ Lulju 2009 kif ikun applikabbli.

Fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandu jipproduċi ġustifikazzjonijiet għas-sikurezza u għall-kummerċ għal proġetti kbar ta’ investiment u għandu jinkludi, fejn ikun rilevanti, l-impatt stmat fuq il-miri ta’ prestazzjoni xierqa msemmija fi 2.2(b) kif ukoll jidentifika l-investimenti li jirriżultaw mir-rekwiżiti legali assoċjati mal-implimentazzjoni tas-SESAR.

Fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandu jipproduċi pjan annwali li jkopri s-sena li tkun ġejja u li għandu jispeċifika iktar il-karatteristiċi tal-pjan kummerċjali u jiddeskrivi kwalunkwe bidla fih.

Il-pjan annwali għandu jkopri d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar il-livell u l-kwalità tas-servizz bħal-livell mistenni tal-kapaċità, tas-sikurezza, tal-ambjent u tal-effiċjenza fl-infiq kif jista’ jkun applikabbli:

(a)

informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura ġdida jew ta’ żviluppi oħrajn u dikjarazzjoni kif dawn se jagħtu kontribuzzjoni biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, inklużi l-livell u l-kwalità tas-servizzi;

(b)

l-indikaturi ta’ prestazzjoni konsistenti mal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 li b’paragun miegħu jistgħu jiġu raġonevolment evalwati l-livell tal-prestazzjoni u l-kwalità tas-servizz;

(c)

informazzjoni dwar il-miżuri previsti għall-mitigazzjoni tar-riskji għas-sikurezza identifikati fil-pjan ta’ sikurezza tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, inklużi l-indikaturi tas-sikurezza sabiex ikunu mmonitorjati r-riskju għas-sikurezza u, fejn ikun xieraq, l-ispiża stmata tal-miżuri ta’ mitigazzjoni;

(d)

il-pożizzjoni finanzjarja mistennija għal perjodu qasir ta’ żmien tal-fornitur tas-servizzi kif ukoll kwalunkwe bidla fi jew impatt fuq il-pjan kummerċjali.

Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandu jqiegħed il-kontenut tal-parti tal-prestazzjoni tal-pjan kummerċjali u tal-pjan annwali għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni meta jintalab jagħmel dan fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza skont il-liġi nazzjonali.”

2.

It-Taqsima 9 tal-Anness I għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“9.   IR-REKWIŻITI TAR-RAPPORTAR

Fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandu jkun jista’ jipprovdi rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza. Dan ir-rapport għandu jkopri r-riżultati finanzjarji tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, kif ukoll il-prestazzjoni operattiva tiegħu u kwalunkwe attività u żvilupp sinifikanti oħrajn b’mod partikolari fil-qasam tas-sikurezza.

Ir-rapport annwali għandu jinkludi mill-inqas:

evalwazzjoni tal-livell ta’ prestazzjoni tas-servizz iġġenerat,

il-prestazzjoni tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru meta pparagunata mal-miri ta’ prestazzjoni stabbiliti fil-pjan kummerċjali, biex il-prestazzjoni effettiva tkun irrikonċiljata mal-pjan annwali billi jintużaw l-indikaturi ta’ prestazzjoni stabbiliti fil-pjan annwali,

jipprovdi spjegazzjoni għad-differenzi mill-miri, u jidentifika l-miżuri sabiex jingħalaq kwalunkwe distakk matul il-Perjodu ta’ Referenza msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004,

l-iżviluppi fl-operazzjonijiet u fl-infrastruttura,

ir-riżultati finanzarji, sakemm ma jkunux ippubblikati separatament skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004,

informazzjoni dwar il-proċess formali ta’ konsultazzjoni tal-utenti tas-servizzi tiegħu,

informazzjoni dwar il-politika ta’ riżorsi umani.

Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandu jqiegħed il-kontenut tar-rapport annwali għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea meta jintalab jagħmel dan u tal-pubbliku fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza skont il-liġi nazzjonali.”

Artikolu 26

Id-dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Kapitolu V għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jibda mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 341, 7.12.2006, p. 3

(3)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(5)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(6)  ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23.

(7)  ĠU L 294, 13.11.2007, p. 3.

(8)  ĠU L 295, 14.11.2007, p. 7.

(9)  ĠU L 14, 22.1.1993 p. 1

(10)  ĠU L 335, 21.12.2005, p. 13

(11)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43


ANNESS I

L-INDIKATURI TA’ PRESTAZZJONI EWLENIN (KPI)

Taqsima 1:   Għall-iffissar tal-miri għall-Unjoni Ewropea kollha:

1.   INDIKATURI TA’ PRESTAZZJONI EWLENIN TAS-SIKUREZZA

(a)

L-ewwel KPI tas-sikurezza għall-Unjoni Ewropea kollha għandu jkun il-livell minimu tal-ewwel indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni tas-sikurezza kif ġie ddefinit fil-punt 1(a) tat-Taqsima 2 iktar ’l isfel għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza rispettivament.

(b)

It-tieni indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni tas-sikurezza għall-Unjoni Ewropea kollha għandu jkun il-perċentwali tal-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-gravità tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskji kif ġie ddefinit fil-punt 1(b) tat-Taqsima 2 iktar ’l isfel fl-Istati fejn japplika dan ir-Regolament, sabiex ikun hemm rapportar armonizzat tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-Ksur Minimu tas-Separazzjoni, tal-Inkursjonijiet fuq ir-Runway u tal-Avvenimenti Tekniċi Speċifiċi tal-ATM.

(c)

It-tielet indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni tas-sikurezza għall-Unjoni Ewropea kollha għandu jkun il-livell minimu tal-miżura ta’ kultura ġusta fi tmiem il-perjodu ta’ referenza kif ġie ddefinit fil-punt 1(c) tat-Taqsima 2 iktar ’l isfel.

M’għandux ikun hemm miri għall-UE kollha għall-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin li ssemmew iktar ’il fuq fl-ewwel perjodu ta’ referenza. Matul l-ewwel perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni għandha tuża d-dejta miġbura sabiex tivvalida dawn l-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenini u għandha tevalwahom sabiex tkun żgura li r-riskju għas-sikurezza jiġi identifikat, mitigat u ġestit b’mod adegwat. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni għandha tadotta indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza ġodda, jekk dan ikun meħtieġ, permezz ta’ reviżjoni ta’ dan l-anness.

2.   INDIKATUR AMBJENTALI

2.1.

Għall-ewwel perjodu ta’ referenza:

 

L-ewwel KPI ambjentali għall-Unjoni Ewropea kollha għandu jkun l-effiċjenza medja orizzontali ta’ titjira en route, iddefinit kif ġej:

L-indikatur tal-effiċjenza medja orizzontali ta’ titjira en route huwa d-differenza bejn it-tul tal-parti en route tat-trajettorja effettiva u t-trajettorja ottimali li, bejn wieħed u ieħor, hija ċ-ċirku l-kbir.

“En route” hija ddefinita bħala d-distanza li l-inġenju tal-ajru tar barra ċirku ta’ 40 NM madwar l-ajruport.

It-titjiriet ikkunsidrati għall-fini ta’ dan l-indikatur huma:

(a)

It-titjiriet kummerċjali bl-IFR (Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti) kollha fi ħdan l-ispazju tal-ajru Ewropew;

(b)

Fejn titjira titlaq minn jew tasal barra mill-ispazju tal-ajru Ewropew, tiġi kkunsidrata biss dik il-parti tat-titjira li saret fl-ispazju tal-ajru Ewropew.

It-titjiriet ċirkulari u t-titjiriet b’distanza ċirkulari kbira ta’ inqas minn 80NM bejn iż-żoni tat-terminali huma esklużi.

 

It-tieni KPI ambjentali għall-Unjoni Ewropea kollha għandu jkun l-użu effettiv tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru ċivili/militari, eż. CDR (Rotot Kundizzjonali). Għall-ewwel perjodu ta’ referenza, dan l-indikatur għandu jkun immonitorjat mill-Kummissjoni. L-iffissar tal-miri għandu jibda mit-tieni perjodu ta’ referenza.

2.2.

Mit-tieni perjodu ta’ referenza, għandu jkun żviluppat it-tielet KPI ambjentali għall-Unjoni Ewropea kollha sabiex ikunu indirizzati kwistjonijiet ambjentali relatati mas-servizzi speċifiċi tan-navigazzjoni bl-ajru fl-ajruporti (ANS).

3.   INDIKATUR TAL-KAPAĊITÀ

3.1.

Għall-ewwel perjodu ta’ referenza:

 

Il-KPI tal-kapaċità għall-Unjoni Ewropea kollha għandu jkun il-minuti ta’ dewmien tal-ATFM (Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru) en route għal kull titjira, iddefinit kif ġej:

(a)

Id-dewmien tal-AFTM en route huwa d-dewmien ikkalkulat mill-unità ċentrali tal-AFTM,kif ġiet iddefinita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 tal-25 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (1) u espress bħala d-differenza bejn il-ħin tat-tluq mitlub mill-operatur tal-inġenju tal-ajru fl-aħħar pjan tat-titjira ppreżentat u l-ħin tat-tluq ikkalkulat allokat mill-unità ċentrali tal-AFTM;

(b)

L-indikatur jinkludi t-titjiriet kollha bl-IFR fi ħdan l-ispazju tal-ajru Ewropew u jkopri l-kawżi tad-dewmien tal-AFTM;

(c)

L-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha.

 

Sabiex ikun ippreparat l-iżvilupp tat-tieni KPI tal-kapaċità għall-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni għandha tiġbor, tikkonsolida u timmonitorja mill-ewwel perjodu ta’ referenza:

(a)

it-total tad-dewmien tal-AFTM attribwibbli lis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminali u fl-ajruporti;

(b)

iż-żmien addizzjonali fil-fażi taxi-out (jiġifieri bejn l-imbuttatura lura mix-xatba tal-ajruport permezz ta’ enerġija esterna u t-tluq);

(c)

Għal ajruporti b’iktar minn 100 000 moviment kummerċjali fis-sena, il-ħin addizzjonali għall-ASMA (Żona tas-Sekwenzjar tal-Wasliet u tal-Kejl).

3.2.

Mit-tieni perjodu ta’ referenza, għandu jkun żviluppat it-tieni indikatur tal-kapaċità għall-Unjoni Ewropea kollha fuq il-bażi tal-monitoraġġ deskritt fil-punt 3.1 biex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi tal-kapaċità relatati mal-ANS fl-ajruporti.

4.   INDIKATUR TAL-EFFIĊJENZA FL-INFIQ

4.1.

Għall-ewwel perjodu ta’ referenza:

Il-KPI tal-effiċjenza fl-infiq għall-Unjoni Ewropea kollha għandu jkun ir-rata ta’ unità medja ddeterminata għall-Unjoni Ewropea kollha għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, iddefinit kif ġej:

(a)

L-indikatur huwa r-riżultat tal-proporzjon bejn l-ispejjeż iddeterminati u t-traffiku previst, espress f’unitajiet ta’ servizz, mistenni għall-perjodu fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, kif inhu inkluż fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex ikunu stabbiliti miri għall-Unjoni Ewropea kollha b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(4);

(b)

L-indikatur huwa espress f’Euros u f’termini reali;

(c)

L-indikatur huwa pprovdut għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza.

Għall-ewwel perjodu ta’ referenza, l-ispejjeż u r-rati ta’ unità tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminali għandhom jinġabru, jiġu kkonsolidati u mmonitorjati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1794/2006.

4.2.

Mit-tieni perjodu ta’ referenza, it-tieni indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni tal-effiċjenza fl-infiq għall-Unjoni Ewropea kollha għandu jkun ir-rata ta’ unità medja ddeterminata għall-Unjoni Ewropea għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminali.

Taqsima 2:   Għall-iffissar tal-miri nazzjonali jew tal-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru (FAB):

1.   INDIKATURI TA’ PRESTAZZJONI EWLENIN TAS-SIKUREZZA

(a)

L-ewwel KPI tas-sikurezza nazzjonali/tal-FAB għandu jkun l-effikaċja tal-ġestjoni tas-sikurezza kif imkejla b’metodoloġija bbażata fuq il-Qafas tal-Istħarriġ tal-Maturità tas-Sikurezza tal-ATM. Dan l-indikatur għandu jkun żviluppat b’mod konġunt mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri, mill-EASA u mill-Eurocontrol u għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni qabel l-ewwel perjodu ta’ referenza. Matul dan l-ewwel perjodu ta’ referenza, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jimmonitorjaw u jippubblikaw dawn l-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin, u l-Istati Membri jistgħu jiffissaw miri korrispondenti.

(b)

It-tieni KPI tas-sikurezza nazzjonali/tal-FAB għandu jkun l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-gravità tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju sabiex ikun hemm rapportar armonizzat tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-Ksur Minimu ta’ Separazzjoni, tal-Inkursjonijiet fuq ir-Runway u tal-Avvenimenti Tekniċi Speċifiċi tal-ATM fiċ-Ċentri ta’ Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru u fl-ajruporti kollha b’iktar minn 150 000 moviment kummerċjali tat-trasport tal-ajru fis-sena fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament (valur iva/le). Il-klassifikazzjoni tal-gravità għandha tkun żviluppata b’mod konġunt mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri, mill-EASA u mill-Eurocontrol u għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni qabel l-ewwel perjodu ta’ referenza. Matul dan l-ewwel perjodu ta’ referenza, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ soveljanza għandhom jimmonitorjaw u jippubblikaw dawn l-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin, u l-Istati Membri jistgħu jiffissaw miri korrispondenti.

(c)

It-tielet KPI tas-sikurezza nazzjonali/tal-FAB għandu jkun ir-rapportar ta’ kultura ġusta. Din il-miżura għandha tkun żviluppata b’mod konġunt mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri, mill-EASA u mill-Eurocontrol u għandha tkun adottata mill-Kummissjoni qabel l-ewwel perjodu ta’ referenza. Matul dan l-ewwel perjodu ta’ referenza, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jimmonitorjaw u jippubblikaw din il-miżura, u l-Istati Membri jistgħu jiffissaw miri korrispondenti.

2.   INDIKATUR AMBJENTALI

2.1.

Għall-ewwel perjodu ta’ referenza, m’għandu jkun hemm l-ebda KPI ambjentali nazzjonali/tal-FAB mandatorju.

Mingħajr preġudizzju għall-preskrizzjonijiet lokali dwar l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw anki mal-Kummissjoni sabiex jistabbilixxu KPI ambjentali ħalli jindirizzaw il-kwistjonijiet ambjentali speċifiċi relatati mal-ANS fl-ajruporti u li għandhom ikunu implimentati mit-tieni perjodu ta’ referenza.

2.2.

Għat-tieni perjodu ta’ referenza, il-KPI ambjentali nazzjonali/tal-FAB għandu jkun l-iżvilupp ta’ proċess ta’ titjib nazzjonali/tal-FAB dwar id-disinn tar-rotot qabel tmiem il-perjodu ta’ referenza, inkluż l-użu effettiv tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru ċivili/militari (eż. CDR).

3.   INDIKATUR TAL-KAPAĊITÀ

3.1.

Għall-ewwel perjodu ta’ referenza:

Il-KPI tal-kapaċità nazzjonali/tal-FAB għandu jkun il-minuti ta’ dewmien tal-AFTM en route għal kull titjira u huwa ddefinit kif ġej:

(a)

l-indikatur huwa ddefinit bħal fil-punt 3.1 tat-Taqsima 1;

(b)

l-indikatur jingħata għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza.

Sabiex ikun ippreparat l-iżvilupp tat-tieni KPI tal-kapaċità nazzjonali/tal-FAB, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw mill-ewwel perjodu ta’ referenza:

(a)

it-total tad-dewmien tal-AFTM attribwibbli lis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminali u fl-ajruporti;

(b)

il-ħin addizzjonali fil-fażi taxi-out (jiġifieri bejn l-imbuttatura lura mix-xatba tal-ajruport permezz ta’ enerġija esterna u t-tluq);

(c)

Għall-ajruporti b’iktar minn 100 000 moviment kummerċjali fis-sena, il-ħin addizzjonali għall-ASMA (Żona tas-Sekwenzjar tal-Wasliet u tal-Kejl).

3.2.

Mit-tieni perjodu ta’ referenza, għandu jkun implimentat it-tieni KPI tal-kapaċità nazzjonali/tal-FAB sabiex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi tal-kapaċità relatati mat-terminali u mal-ajruporti.

4.   INDIKATUR TAL-EFFIĊJENZA FL-INFIQ

4.1.

Għall-ewwel perjodu ta’ referenza, il-KPI tal-effiċjenza fl-infiq nazzjonali/tal-FAB għandu jkun ir-rata ta’ unità ddeterminata nazzjonali/tal-FAB għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, iddefinita kif ġej:

(a)

L-indikatur huwa r-riżultat tal-proporzjon bejn l-ispejjeż iddeterminati u t-traffiku previst inklużi fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 10(3)(a) u (b);

(b)

L-indikatur huwa espress fil-munita nazzjonali u f’termini reali;

(c)

L-indikatur huwa pprovdut għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza.

Barra minn hekk, l-Istati għandhom jirrapportaw l-ispejjeż u r-rati ta’ unità tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminali tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1794/2006 u għandhom jiġġustifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe devjazzjoni mill-previżjonijiet.

4.2.

Mit-tieni perjodu ta’ referenza, għandu jkun implimentat it-tieni KPI tal-kapaċità nazzjonali/tal-FAB: ir-rata(i) ta’ unità ddeterminat(i) nazzjonali/tal-FAB għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminali.


(1)  ĠU L 80, 26.3.2010, p. 10.


ANNESS II

IL-MUDELL GĦALL-PJANIJIET TA’ PRESTAZZJONI

Il-pjanijiet ta’ prestazzjoni nazzjonali/tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru għandhom ikunu bbażati fuq l-istruttura li ġejja:

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni (ambitu tal-pjan, entitajiet koperti, pjan nazzjonali jew tal-FAB, eċċ.)

1.2.   Deskrizzjoni tax-xenarju makroekonomiku għall-perjodu ta’ referenza inklużi s-suppożizzjonijiet ġenerali (previżjoni tat-traffiku, tendenza tar-rata ta’ unità, eċċ.)

1.3.   Deskrizzjoni tal-eżitu tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati sabiex ikun ippreparat il-pjan ta’ prestazzjoni (il-kwistjonijiet ewlenin imqajma mill-parteċipanti u, jekk ikun possibbli, il-kompromessi miftiehma).

2.   IL-MIRI TA’ PRESTAZZJONI FUQ IL-LIVELL NAZZJONALI U/JEW TAL-BLOKOK FUNZJONALI TAL-ISPAZJU TAL-AJRU

2.1.   Il-miri ta’ prestazzjoni f’kull qasam ta’ prestazzjoni ewlieni, iffissati b’referenza għal kull indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni, għall-perjodu ta’ referenza kollu, b’valuri annwali li għandhom jintużaw għal finijiet ta’ monitoraġġ u ta’ inċentivi:

(a)   Is-sikurezza

—   L-effikaċja tal-ġestjoni tas-sikurezza: il-miri nazzjonali/tal-FAB kif ġew iddefiniti skont il-punt 1(a) tat-Taqsima 2 tal-Anness I għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza (fakultattiva fl-ewwel perjodu ta’ referenza)

—   L-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-gravità tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju: il-miri nazzjonali/tal-FAB kif ġew iddefiniti skont il-punt 1(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness I għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza (valuri iva/le).

—   Il-kultura ġusta: il-miri nazzjonali/tal-FAB kif ġew iddefiniti skont il-punt 1(c) tat-Taqsima 2 tal-Anness I għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza (fakultattiva fl-ewwel perjodu ta’ referenza).

(b)   Il-kapaċità

Il-minuti ta’ dewmien tal-AFTM en route għal kull titjira;

(c)   L-ambjent

Deskrizzjoni tal-proċess ta’ titjib nazzjonali/tal-FAB rigward id-disinn tar-rotot (fakultattiva fl-ewwel perjodu ta’ referenza).

(d)   L-effiċjenza fl-infiq

L-ispejjeż iddeterminati għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminali ffissati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2)(a) u tal-Artikolu 15(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006 għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza;

L-unitajiet ta’ servizz en route previsti għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza;

Konsegwentement, ir-rati ta’ unità ddeterminati għall-perjodu ta’ referenza;

Deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-qligħ fuq l-ekwità tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru b’relazzjoni għar-riskju effettiv involut;

Deskrizzjoni tal-investiment meħtieġ sabiex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni b’deskrizzjoni tar-rilevanza tagħhom b’relazzjoni għall-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew u l-koerenza tagħhom mal-oqsma u mad-direzzjonijiet tal-progress u tal-bidla ewlenin kif inhu stabbilit hemmhekk.

2.2.   Deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha.

2.3.   Deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-ammonti li ntirtu mis-snin ta’ qabel il-perjodu ta’ referenza.

2.4.   Deskrizzjoni tal-parametri li ntużaw mill-Istati Membri fl-iffissar tal-kondiviżjoni tar-riskji u tal-inċentivi.

3.   IL-KONTRIBUZZJONI TA’ KULL ENTITÀ RESPONSABBLI

3.1.   Il-miri ta’ prestazzjoni individwali għal kull entità responsabbli.

3.2.   Deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ inċentivi li għandhom jiġu applikati fir-rigward ta’ kull entità biex jingħata inkoraġġiment ħalli jintlaħqu l-miri matul il-perjodu ta’ referenza.

4.   ID-DIMENSJONI MILITARI TAL-PJAN

Deskrizzjoni tad-dimensjoni ċivili-militari tal-pjan li jiddeskrivi l-prestazzjoni tal-applikazzjoni tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru (FUA) sabiex tiżdied il-kapaċità filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod xieraq l-effikaċja tal-missjoni militari, u jekk dan jitqies xieraq, l-indikaturi u l-miri ta’ prestazzjoni rilevanti f’konsistenza mal-indikaturi u mal-miri tal-pjan ta’ prestazzjoni.

5.   L-ANALIŻI TAS-SENSITTIVITÀ U L-PARAGUN MAL-PJAN TA’ PRESTAZZJONI PREĊEDENTI

5.1.   Is-sensittività għas-suppożizzjonijiet esterni.

5.2.   Paragun mal-pjan ta’ prestazzjoni preċedenti (mhux applikabbli għall-ewwel perjodu ta’ referenza).

6.   L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN TA’ PRESTAZZJONI

Deskrizzjoni tal-miżuri stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza sabiex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni, bħal:

Il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ sabiex ikun żgurat li l-programmi għas-sikurezza tal-ANS u l-pjanijiet kummerċjali jiġu implimentati;

Il-miżuri sabiex tkun immonitorjata u jsiru rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni inkluż kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni jekk il-miri ma jintlaħqux matul il-perjodu ta’ referenza.


ANNESS III

IL-PRINĊIPJI BIEX TKUN EVALWATA L-KONSISTENZA BEJN IL-MIRI TA’ PRESTAZZJONI GĦALL-UNJONI EWROPEA KOLLHA U DAWK NAZZJONALI JEW TAL-BLOKOK FUNZJONALI TAL-ISPAZJU TAL-AJRU

Il-Kummissjoni għandha tuża l-kriterji ta’ evalwazzjoni li ġejjin:

1.   Il-kriterji ġenerali

(a)

Il-konformità mar-rekwiżiti relatati mal-preparazzjoni u mal-adozzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni u b’mod partikolari l-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet ipprovduti fil-pjan ta’ prestazzjoni;

(b)

Analiżi fattwali li tikkunsidra s-sitwazzjoni ġenerali ta’ kull Stat individwali;

(c)

L-interrelazzjonijiet bejn il-miri ta’ prestazzjoni kollha;

(d)

L-istandards tal-prestazzjoni fil-bidu tal-perjodu ta’ referenza u l-ambitu li jirriżulta għal iktar titjib.

2.   Is-sikurezza

(a)   L-effikaċja tal-ġestjoni tas-sikurezza: il-marġni addizzjonali kemm għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, li ntuża fil-pjan ta’ prestazzjoni u li ġie evalwat mill-Kummissjoni, għandu jkun daqs jew ikbar mill-punteġġ tal-indikatur għall-Unjoni Ewropea kollha korrispondenti fi tmiem il-perjodu ta’ referenza (fakultattiva fl-ewwel perjodu ta’ referenza).

(b)   L-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-gravità tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju: il-konsistenza tal-indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni lokali kif ddefinit fil-punt 1(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness I mal-indikatur għall-UE kollha għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza.

(c)   Il-kultura ġusta: il-livell tal-mira ta’ prestazzjoni nazzjonali/tal-FAB fi tmiem il-perjodu ta’ referenza li juża l-indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni ddefinit fil-punt 1(c) tat-Taqsima 2 tal-Anness I għandu jkun daqs jew ogħla mill-mira għall-UE kollha kif ġiet iddefinita skont il-punt 1(c) tat-Taqsima 1 tal-Anness I (fakultattiva fl-ewwel perjodu ta’ referenza).

3.   L-ambjent

Id-disinn tar-rotot: mhux applikabbli matul l-ewwel perjodu ta’ referenza. Matul it-tieni perjodu ta’ referenza, l-evalwazzjoni tal-proċess dwar id-disinn tar-rotot li ntuża fil-pjan ta’ prestazzjoni;

4.   Il-kapaċità

Il-livell ta’ dewmien: Paragun tal-livell mistenni tad-dewmien tal-AFTM en route li ntuża fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni b’valur ta’ referenza pprovdut mill-proċess ta’ ppjanar tal-kapaċità tal-Eurocontrol;

5.   L-effiċjenza fl-infiq

(a)   It-tendenza tar-rata ta’ unità: evalwazzjoni jekk ir-rati ta’ unità ddeterminati ppreżentati huwiex previst li jevolvu b’mod konsistenti mal-mira tal-effiċjenza fl-infiq għall-Unjoni Ewropea kollha u jekk jagħtux kontribuzzjoni adegwata sabiex tintlaħaq l-imsemmija mira matul il-perjodu ta’ referenza kollu kif ukoll għall kull sena individwalment;

(b)   Il-livell tar-rata ta’ unità ddeterminata: paragun tar-rati ta’ unità lokali ppreżentati mar-rata ta’ unità medja tal-Istati Membri jew tal-FAB b’ambjent operattiv u ekonomiku simili, iddefinit mill-Kummissjoni;

(c)   Il-qligħ fuq l-ekwità: evalwazzjoni tal-qligħ fuq l-ekwità tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru b’relazzjoni għar-riskju effettiv involut;

(d)   Is-suppożizzjonijiet dwar il-previżjonijiet tat-traffiku: paragun tal-previżjonijiet tal-unitajiet ta’ servizz lokali li ntużaw fil-pjan ta’ prestazzjoni bi previżjoni ta’ referenza bħall-previżjonijiet tat-traffiku tas-Servizz tal-Istatistiċi u tal-Previżjonijiet tal-Eurocontrol (STATFOR);

(e)   Is-suppożizzjonijiet ekonomiċi: Ikkontrolla li s-suppożizzjonijiet dwar l-inflazzjoni li ntużaw fil-pjan ta’ prestazzjoni huma konformi ma’ previżjoni ta’ referenza bħall-previżjonijiet tal-IMF (il-Fond Monetarju Internazzjonali)/Eurostat.


ANNESS IV

LISTA TAD-DEJTA LI GĦANDHA TKUN IPPROVDUTA GĦALL-FINI TA’ DAN IR-REGOLAMENT

1.   MILL-AWTORITAJIET NAZZJONALI:

1.1.   Speċifikazzjoni ta’ sett ta’ dejta

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprovdu d-dejta li ġejja għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni:

(a)

L-informazzjoni mitluba biex ikun hemm konformità mal-indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni tas-sikurezza msemmi fil-punt 1 (a) tat-Taqsima 2 tal-Anness I;

(b)

Il-Programm għas-Sikurezza tal-Istat kif inhu mitlub mill-Istandard 2.27.1 tal-Anness 11 tal-ICAO, emenda 47-B mill-20 ta’ Lulju 2009.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li d-dejta li ġejja tkun disponibbli għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni:

(c)

Id-dejta li ntużat u li ġiet ikkalkulata mill-unità ċentrali tal-AFTM, kif ġiet iddefinita fir-Regolament (UE) Nru 255/2010 dwar l-ATFM, bħall-pjanijiet tat-titjiriet għat-traffiku ġenerali tal-ajru skont ir-regoli tal-IFR, ir-rotot effettivi, id-dejta ta’ sorveljanza, id-dewmien fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru en route u fl-ajruporti, l-eżenzjonijiet mill-miżuri ta’ ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, ir-rispett tal-islots tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, il-frekwenza tal-użu kundizzjonali tar-rotot;

(d)

L-okkorrenzi tas-sikurrezza relatati mal-ATM kif ġew iddefiniti fir-Rekwiżit Regolatorju tas-Sikurezza tal-EUROCONTROL – ESARR 2, Edizzjoni 3.0 - intitolat “Rapportar u Evalwazzjoni tal-Okkorrenzi tas-Sikurezza fl-ATM”;

(e)

Ir-rapporti dwar is-sikurezza tal-NSA kif imsemmija fl-Artikoli 6, 7 u 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1315/2007 (1) kif ukoll ir-rapporti tal-NSA dwar ir-riżoluzzjoni tad-defiċjenzi identifikati fis-sikurezza li huma suġġetti għal pjanijiet ta’ azzjoni korrettivi;

(f)

Informazzjoni dwar rakkomandazzjonijiet għas-sikurezza u azzjonijiet korrettivi li ttieħdu fuq il-bażi tal-analiżi/investigazzjoni tal-inċidenti relatati mal-ATM skont id-Direttivi tal-Kunsill 94/56/KE (2) dwar l-investigazzjoni ta’ aċċidenti u d-Direttiva 2003/42/KE dwar rapporti ta’ okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili;

(g)

Informazzjoni dwar l-elementi stabbiliti sabiex jippromwovu l-applikazzjoni ta’ kultura ġusta;

(h)

Dejta b’appoġġ għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1)(m) u (n) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2150/2005 tat-23 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi r-regoli komuni għall-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru (FUA) (3).

1.2.   Il-frekwenza u l-iskadenzi għall-provvista tad-dejta

Id-dejta msemmija f’1.1(a), (b), (d), (e), (g) u (h) għandha tkun ipprovduta fuq bażi annwali.

Id-dejta msemmija f’1.1(c) u (f) għandha tkun disponibbli fuq bażi ta’ kull xahar.

2.   MILL-FORNITURI TAS-SERVIZZI TAN-NAVIGAZZJONI BL-AJRU

Din it-Taqsima tapplika għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li jipprovdu s-servizzi msemmija fl-Artikolu 1(2). F’każijiet individwali, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinkludu lill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li jinsabu taħt il-limitu ta’ dan l-Artikolu 1(2). Huma għandhom jinformaw b’dan lill-Kummissjoni.

2.1.   Speċifikazzjoni ta’ sett ta’ dejta

Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom jipprovdu d-dejta li ġejja għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni:

(a)

Id-dejta msemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Eurocontrol intitolata “Speċifikazzjoni tal-EUROCONTROL għall-Iżvelar tal-Informazzjoni Ekonomika”, Edizzjoni 2.6 tal-31 ta’ Diċembru 2008 b’referenza għall-EUROCONTROL-SPEC-0117;

(b)

Ir-rapporti annwali u l-parti relatata mal-prestazzjoni tal-Pjanijiet Kummerċjali u tal-Pjan Annwali stabbiliti mill-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru skont it-Taqsimiet 2.2 u 9 tal-Anness I għar-Regolament dwar ir-rekwiżit komuni;

(c)

Informazzjoni mitluba biex ikun hemm konformità mal-KPI tas-sikurezza msemmi fil-punt 1(a) tat-Taqsima 2 tal-Anness I;

(d)

Informazzjoni dwar l-elementi stabbiliti sabiex jippromwovu l-applikazzjoni ta’ kultura ġusta.

2.2.   Il-frekwenza u l-iskadenzi għall-provvista tad-dejta

Id-dejta għas-sena (n) msemmija fl-Artikolu 2(a) għandha tkun ipprovduta fuq bażi annwali qabel il-15 ta’ Lulju tas-sena (n + 1), ħlief għad-dejta li tħares ’il quddiem li għandha tkun ipprovduta sal-1 ta’ Novembru tas-sena (n + 1). L-ewwel sena ta’ referenza (n) għandha tkun l-2010.

Id-dejta msemmija fl-Artikolu 2(b) u (c) għandha tkun ipprovduta fuq bażi annwali.

3.   MILL-OPERATURI TAL-AJRUPORTI

Din it-Taqsima tapplika għall-Operaturi tal-Ajruporti li jipprovdu servizzi fl-ajruporti Komunitarji b’iktar minn 150 000 moviment kummerċjali tat-trasport tal-ajru fis-sena u għall-ajruporti kkoordinati u ffaċilitati kollha b’iktar minn 50 000 moviment kummerċjali ta’ trasport tal-ajru fis-sena. F’każijiet individwali, l-Istati Membri jistgħu jinkludu ajruporti taħt dan il-limitu. Huma għandhom jinformaw b’dan lill-Kummissjoni.

3.1.   Definizzjonijiet

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-fini ta’ dan l-Anness speċifiku:

(a)

“Identifikazzjoni tal-Ajruport” tfisser id-deskrizzjoni tal-ajruport billi jintuża l-kodiċi standard b’erba’(4) ittri tal-ICAO kif ġie ddefinit fid-Dok. 7910 tal-ICAO (il-120 edizzjoni – Ġunju 2006);

(b)

“Parametri ta’ koordinazzjoni” tfisser il-paramentri ta’ koordinazzjoni ddefiniti fir-Regolament (KEE) Nru 95/93;

(c)

“Kapaċità Ddikjarata tal-Ajruport” tfisser il-parametri ta’ koordinazzjoni li huma pprovduti fil-formola li tiddeskrivi numru massimu ta’ slots għal kull unità ta’ ħin (perjodu ta’ blokk) li jista’ jkun allokat mill-koordinatur. It-tul tal-blokok jista’ jvarja; barra minn hekk, diversi blokok b’tulijiet differenti jistgħu jkunu sovraposti sabiex tkun ikkontrollata l-konċentrazzjoni tat-titjiriet f’ċertu perjodu ta’ ħin. L-użu tal-valuri tal-kapaċità ddikjarati għall-istaġun kollu jfisser iffissar bikri tal-kapaċità staġjonali tal-infrastruttura tal-ajruport;

(d)

“Reġistrazzjoni ta’ Inġenju tal-Ajru” tfisser iċ-ċifri alfanumeriċi li jikkorrispondu għar-reġistrazzjoni effettiva tal-inġenju tal-ajru;

(e)

“Tip ta’ Inġenju tal-Ajru” tfisser deżinjatur tat-tip tal-inġenju tal-ajru (sa erba’ (4) ċifri) kif ġie indikat fil-linji gwida tal-ICAO;

(f)

“Identifikatur tat-Titjira” tfisser grupp ta’ ċifri alfanumeriċi li jintużaw biex jidentifikaw titjira;

(g)

“Ajrudrom tat-tluq ikkodifikat” u “Ajrudrom tad-destinazzjoni kkodifikat” tfisser il-kodiċi tal-ajruport li juża d-deżinjatur tal-ajruporti b’erba’ (4) ittri tal-ICAO jew bi tliet (3) ittri tal-IATA;

(h)

“Timbri skont il-ħin Out-Off-On-In” tfisser id-dejta li ġejja, sal-eqreb minuta:

Ħin skedat tat-tluq (off-block jiġifieri l-ħin meta l-inġenju tal-ajru se jibda jiċċaqlaq, assoċjat mat-tluq),

Ħin effettiv off-block,

Ħin effettiv tat-tluq,

Ħin effettiv tal-inżul,

Ħin skedat tal-wasla (in-block jiġifieri l-ħin meta l-inġenju tal-ajru se jieqaf jiċċaqlaq, assoċjat mal-wasla),

Ħin effettiv in-block;

(i)

“Ħin skedat tat-tluq (off-block)” tfisser id-data u l-ħin meta titjira tkun skedata li se titlaq mill-istand tat-tluq;

(j)

“Ħin effettiv off-block” tfisser id-data u l-ħin effettivi meta l-inġenju tal-ajru jkun ħareġ mill-pożizzjoni tal-ipparkjar (imbuttat lura permezz ta’ mezzi esterni jew bl-enerġija tiegħu stess);

(k)

“Ħin effettiv tat-tluq” tfisser id-data u l-ħin meta inġenju tal-ajru ħalla r-runway (għolla r-roti);

(l)

“Ħin effettiv tal-inżul” tfisser id-data u l-ħin effettivi meta l-inġenju tal-ajru niżel (miss mar-runway);

(m)

“Ħin skedat tal-wasla (in-block)” tfisser id-data u l-ħin meta titjira tkun skedata li tasal fl-istand tal-wasla;

(n)

“Ħin effettiv in-block” id-data u l-ħin effettivi meta l-brejkijiet tal-ipparkjar ġew attivati fl-istand tal-wasla;

(o)

“Regoli tat-Titjir” tfisser ir-regoli li jintużaw sabiex titmexxa t-titjira. “IFR” jirreferu għall-inġenji tal-ajru li jtiru skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti kif ġew iddefiniti fl-Anness 2 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago jew “VFR” li jirreferu għall-inġenji tal-ajru li jtiru skont ir-regoli tat-titjir viżwali kif ġew iddefiniti fl-istess Anness, filwaqt li t-Traffiku Operattiv tal-Ajru (OAT) jirreferi għall-Inġenji tal-Ajru Statali li ma jsegwix ir-regoli ddefiniti fl-Anness 2 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago;

(p)

“Tip ta’ titjira” tfisser “IFR” għall-inġenji tal-ajru li jtiru skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti kif ġew iddefiniti fl-Anness 2 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago tal-1944 (L-Għaxar Edizzjoni – Lulju 2005) jew “VFR” għall-inġenji tal-ajru li jtiru skont ir-regoli tat-titjir viżwali kif ġew iddefiniti fl-istess Anness;

(q)

“Slot tal-wasla fl-ajruport” u “Slot tat-tluq fl-ajruport” tfisser slot f’ajruport assenjata jew lil titjira li se tasal jew lil titjira li se titlaq kif ġiet iddefinita fir-Regolament (KEE) Nru 95/93;

(r)

“Deżinjatur tar-runway tal-wasla” u “Deżinjatur tar-runway tat-tluq” tfisser id-deżinjatur tal-ICAO tar-runway li ntużat għat-tluq (eż. 10L);

(s)

“Stand tal-wasla” tfisser id-deżinjatur tal-ewwel pożizzjoni ta’ pparkjar fejn l-inġenju tal-ajru kien ipparkjat hekk kif wasal;

(t)

“Stand tat-tluq” tfisser id-deżinjatur tal-aħħar pożizzjoni ta’ pparkjar fejn l-inġenju tal-ajru kien ipparkjat qabel it-tluq mill-ajruport;

(u)

“Kawżi ta’ dewmien” tfisser il-kodiċijiet standard tad-dewmien tal-IATA kif ġew iddefiniti fl-Anness 2 tas-Sommarju - Annwali tal-2008 Dewmien fit-Trasport tal-Ajru fl-Ewropa (ECODA) (4) bit-tul tad-dewmien. Fejn diversi kawżi jistgħu jiġu attribwiti lit-titjira, għandha tkun ipprovduta l-lista tal-kawżi tad-dewmien;

(v)

“Informazzjoni dwar it-tneħħija tas-silġ jew kontra s-silġ” tfisser indikazzjoni jekk kienx hemm operazzjonijiet ta’ tneħħija tas-silġ jew ta’ kontra s-silġ u jekk iva, fejn (qabel mal-inġenju tal-ajru ħalla l-istand tat-tluq jew f’pożizzjoni ’l bogħod wara t-tluq mill-istand, jiġifieri wara l-off-block);

(w)

“Kanċellazzjoni operattiva” tfisser titjira skedata li tasal jew li titlaq li fir-rigward tagħha japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

it-titjira ngħatat slot fl-ajruport, u

it-titjira kienet ikkonfermata mit-trasportatur tal-ajru jum qabel l-operazzjonijiet u/jew kienet inkluża fil-lista ta’ kuljum tal-iskedi tat-tijiriet prodotti mill-operatur tal-ajruport jum qabel l-operazzjonijiet, imma

l-inżul effettiv jew it-tluq effettiv qatt ma seħħ.

3.2.   Speċifikazzjoni ta’ sett ta’ dejta

3.2.1.

L-operaturi tal-ajruporti ta’ ajruporti kkoordinati u ffaċilitati għandhom jipprovdu d-dejta li ġejja:

L-Identifikazzjoni tal-Ajruport,

Il-kapaċità ddikjarata tal-ajruport,

Il-parametri ta’ koordinazzjoni kollha rilevanti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru,

Il-livell ippjanat tal-kwalità tas-servizz (dewmien, puntwalità, eċċ.) assoċjat mad-dikjarazzjoni tal-kapaċità tal-ajruport, meta tkun stabbilita,

Deskrizzjoni dettaljata tal-indikaturi li qed jintużaw sabiex ikun stabbilit il-livell ippjanat tal-kwalità tas-servizz, meta jkun stabbilit.

3.2.2.

Għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni, l-operaturi tal-ajruporti għandhom jipprovdu d-dejta operattiva li ġejja għal kull inżul jew tluq ta’ titjira:

Ir-Reġistrazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru,

It-tip ta’ Inġenju tal-Ajru,

L-Identifikatur tat-Titjira,

L-ajrudrom tat-tluq ikkodifikat u l-ajrudrom tad-destinazzjoni ikkodifikat,

Timbri skont il-ħin Out-Off-On-In,

Ir-Regoli tat-Titjir u t-Tip ta’ Titjira,

L-islots tal-wasla fi u tat-tluq mill-ajruport, fejn disponibbli,

Id-deżinjatur tar-runway tal-wasla u tat-tluq,

L-istand tal-wasla u tat-tluq,

Il-kawżi tad-dewmien, fejn disponibbli (għat-titjiriet li se jitilqu biss),

Informazzjoni dwar it-tneħħija tas-silġ jew kontra s-silġ, fejn disponibbli;

3.2.3.

Għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni, l-operaturi tal-ajruporti għandhom jipprovdu d-dejta operattiva li ġejja għal kull kanċellazzjoni operattiva:

L-Identifikatur tat-Titjira,

It-Tip ta’ Inġenju tal-Ajru,

L-ajruport skedat tat-tluq u tad-destinazzjoni,

L-islots tal-wasla fi u tat-tluq mill-ajruport, fejn disponibbli,

Ir-raġuni għall-kanċellazzjoni.

3.2.4.

Għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni, l-operaturi tal-ajruporti jistgħu jipprovdu:

Rapporti volontarji dwar id-degradazzjoni jew id-disturbi tal-ANS fl-ajruporti,

Rapporti volontarji relatati mal-okkurrenzi tas-sikurezza tal-ANS,

Rapporti volontarji dwar nuqqasijiet fil-kapaċità tat-terminali,

Rapporti volontarji dwar il-laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-ANSP u mal-Istati.

3.3.   Il-frekwenza u l-iskadenzi għall-provvista tad-dejta

Id-dejta msemmija fi 3.2.1 għandha tkun ipprovduta darbtejn fis-sena, skont il-medda ta’ żmien stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

Meta d-dejta msemmija fi 3.2.2 u 3.2.3 tkun ipprovduta, hija għandha tkun ipprovduta fuq bażi ta’ kull xahar fi żmien xahar wara t-tmiem tax-xahar tat-titjira.

Ir-rapporti msemmija fi 3.2.4 jistgħu jiġu pprovduti fi kwalunkwe żmien.

4.   MILL-KOORDINATURI TAL-AJRUPORTI

4.1.   Speċifikazzjoni ta’ sett ta’ dejta

Għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni, il-koordinaturi tal-ajruporti għandhom jipprovdu d-dejta li ġejja:

Id-data msemmija fl-Artikolu 4(8) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

4.2.   Il-frekwenza u l-iskadenzi għall-provvista tad-dejta

Id-dejta għandha tkun disponibbli darbtejn fis-sena, skont il-medda ta’ żmien stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

5.   MIT-TRASPORTATURI TAL-AJRU

Din it-Taqsima tapplika għat-Trasportaturi tal-ajru li fi ħdan l-ispazju tal-ajru Ewropew joperaw iktar minn 35 000 titjira fis-sena kkalkulati bħala l-medja tul it-tliet snin preċedenti.

5.1.   Definizzjonijiet

5.1.1.

Għall-fini ta’ dan l-Anness speċifiku għandhom japplikaw l-istess definizzjonijiet bħal fl-Anness IV punt 3.1 kif ukoll:

(a)

“Ħruq tal-fjuwil” tfisser il-kwantità effettiva ta’ fjuwil li nħaraq matul it-titjira (gate-to-gate);

(b)

“Piż effettiv tar-rampa” tfisser it-tunnellati metriċi effettivi tal-inġenju tal-ajru qabel ma tistartja l-magna.

5.2.   Speċifikazzjoni ta’ sett ta’ dejta

5.2.1.

Għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu d-dejta li ġejja għal kull titjira li joperaw fl-ambitu ġeografiku ta’ dan ir-Regolament:

Ir-Reġistrazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru,

L-identifikatur tat-Titjira,

Ir-Regoli tat-Titjir u t-Tip ta’ Titjira,

L-ajruport tat-tluq ikkodifikat u l-ajruport tad-destinazzjoni kkodifikat,

Id-deżinjatur tar-runway tal-wasla u tat-tluq, jekk disponibbli,

L-istand tal-wasla u tat-tluq, fejn disponibbli,

It-timbri skont il-ħin Out-Off-On-In, kemm skedati kif ukoll effettivi,

Il-kawżi tad-dewmien,

Informazzjoni dwar it-tneħħija tas-silġ jew kontra s-silġ, fejn disponibbli.

5.2.2.

Għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu d-dejta msemmija fil-punt 3.2.3 tal-Anness IV għal kull kanċellazzjoni operattiva fl-ambitu ġeografiku ta’ dan ir-Regolament.

5.2.3.

Minbarra d-dejta pprovduta skont ir-rekwiżiti tal-Parti B tal-Anness IV għad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (5), it-trasporaturi tal-ajru jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni d-dejta li ġejja għal kull titjira li joperaw fl-ambitu ġeografiku ta’ dan ir-Regolament:

Il-ħruq tal-fjuwil,

Il-piż effettiv tar-rampa.

5.2.4.

Għall-fini tal-analiżi tal-prestazzjoni, it-trasportaturi tal-ajru jistgħu jipprovdu:

Rapporti volontarji dwar l-aċċess għall-ispazju tal-ajru,

Rapport volontarju dwar degradazzjoni jew disturbi tal-ANS fl-ajruporti,

Rapporti volontarji relatati mal-okkurrenzi tas-sikurezza tal-ANS,

Rapporti volontarji dwar in-nuqqasijiet fil-kapaċità en route, l-impożizzjoni ta’ limiti fuq il-livelli jew il-bdil fir-rotot,

Rapporti volontarji dwar laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-ANSP u mal-Istati.

5.3.   Il-frekwenza tal-provvista tad-dejta

Id-dejta msemmija f'punti 5.2.1, 5.2.2 u 5.2.3 tal-Anness IV għandha tkun ipprovduta fuq bażi ta’ darba fix-xahar.

Ir-rapporti msemmija f'punt 5.2.4 jistgħu jkunu pprovduti fi kwalunkwe żmien.


(1)  ĠU L 291, 9.11.2007, p. 16.

(2)  ĠU L 319, 12.12.1994, p. 14.

(3)  ĠU L 342, 24.12.2005, p. 20.

(4)  https://extranet.eurocontrol.int/http://prisme-web.hq.corp.eurocontrol.int/ecoda/coda/public/standard_page/codarep/2008/2008DIGEST.pdf

(5)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.


Top