EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0583

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 tal- 1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku Test b’rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 176, 10.7.2010, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 003 P. 278 - 292

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/583/oj

10.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 583/2010

tal-1 ta’ Lulju 2010

li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 75(4), l-Artikolu 78(7), u l-Artikolu 81(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/65/KE tispeċifika l-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu segwiti fit-tħejjija u l-għoti ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur, inklużi rekwiżiti li jikkonċernaw il-format u l-preżentazzjoni tiegħu, l-għanijiet tiegħu, l-elementi ewlenin tat-tagħrif li għandu jiġi żvelat, min għandu jwassal t-tagħrif u lil min, u l-metodi li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni. Id-dettalji dwar il-kontenut u l-format tħallew biex jiġu żviluppati aktar permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, li għandhom ikunu speċifiċi biżżejjed biex ikun żgurat li l-investituri jirċievu t-tagħrif li jkollhom bżonn b’rabta ma’ strutturi ta’ fondi partikolari.

(2)

Il-forma ta’ Regolament hija ġġustifikata għax b’din il-forma biss jista’ jkun żgurat li l-kontenut eżawrjenti tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun armonizzat. Barra dan, id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun aktar effiċjenti fejn ir-rekwiżiti applikabbli jkunu identiċi fl-Istati Membri kollha. Il-partijiet interessati kollha għandhom jibbenefikaw minn reġim armonizzat dwar il-forma u l-kontenut tal-iżvelar, li se jiżgura li l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ investment fis-suq tal-UCITS tkun konsistenti u paragunabbli.

(3)

F’xi każijiet, it-tagħrif ewlieni għall-investitur jista’ jitwassal b’mod aktar effettiv meta d-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun ipprovdut lill-investituri permezz ta’ sit elettroniku, jew fejn id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jinthemeż ma’ dokument ieħor meta jingħata lill-investitur potenzjali. F’dawn il-każijiet, iżda, il-kuntest li fih jidher id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur m’għandux jhedded id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur, jew jimplika li huwa xi biċċa letteratura promozzjonali jew li l-oġġetti komplementari ta’ letteratura promozzjonali huma ta’ rilevanza ugwali jew akbar għall-investitur fil-livell tal-konsum.

(4)

Jinħtieġ li jkun żgurat li l-kontenut tal-informazzjoni jkun rilevanti, it-tqassim tal-informazzjoni jkun loġiku u l-lingwaġġ adattat għall-investituri fil-livell tal-konsum. Biex ikunu indirizzati dawn il-preokkupazzjonijiet, dan ir-Regolament għandu jiżgura li d-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun kapaċi jolqot lill-investituri u jiffaċilita l-paraguni bil-format u l-preżentazzjoni tiegħu, u bil-kwalità u n-natura tal-lingwaġġ użat. Dan ir-Regolament huwa intenzjonat biex tkun żgurata l-konsistenza fil-format tad-dokument, inkluża sekwenza komuni b’intestaturi identiċi.

(5)

Dan ir-Regolament jispeċifika l-kontenut tal-informazzjoni dwar tal-għanijiet tal-investiment u l-politika tal-investiment tal-UCITS sabiex l-investituri jkunu jistgħu jaraw faċilment jekk fond ikunx x’aktarx jgħodd għall-ħtiġijiet tagħhom jew le. Għal din ir-raġuni, l-informazzjoni għandha tindika jekk għandux ikun mistenni redittu fl-għamla ta’ tkabbir kapitali, ħlas ta’ introjtu, jew kumbinazzjoni tat-tnejn. Id-deskrizzjoni tal-politika ta’ investiment għandha tindika lill-investitur xi huma l-miri ġenerali tal-UCITS u kif dawn l-għanijiet ikunu jridu jintlaħqu. Rigward l-istrumenti finanzjarji li fihom ikunu jridu jsiru l-investimenti, dawk biss li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-prestazzjoni tal-UCITS ikunu jinħtieġu li jissemmew, pjuttost milli l-istrumenti eliġibbli possibbli kollha.

(6)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar il-preżentazzjoni tal-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-investiment, billi jeżiġi l-użu ta’ indikatur sintetiku u li jispeċifika l-kontenut tal-ispjegazzjonijiet narrattivi tal-indikatur innifsu u r-riskji li ma jinqabdux mill-indikatur, imma li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-UCITS. Fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-indikatur sintetiku wieħed għandu jqis il-metodoloġija tal-kalkolu tal-indikatur sintetiku kif żviluppata mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu qegħdin jaħdmu fi ħdan il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli. Il-kumpanija maniġerjali għandha tiddeċiedi każ b’każ liema riskji speċifiċi għandhom jiġu żvelati billi tanalizza l-karatteristiċi partikolari ta’ kull fond, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha l-ħtieġa li tevita li d-dokument jitgħabba żżejjed b’informazzjoni li l-investituri fil-livell tal-konsum isib diffiċli li jifhem. Barra minn hekk l-ispjegazzjoni narrattiva tal-profil tar-riskji u l-gwadanji għandha tkun limitata fid-daqs f’termini tal-ammont ta’ spazju li tokkupa fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur. Għandu jkun possibbli li jkun hemm kontroreferenzi għall-prospett tal-UCITS fejn jiġu żvelati d-dettalji kollha tar-riskji tagħha.

(7)

Għandha tkun żgurata l-konsistenza bejn l-ispjegazzjoni tar-riskji fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur] u l-proċessi interni tal-kumpanija maniġerjali relatati mal-immaniġġjar tar-riskji, stabbiliti skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali (2). Pereżempju, biex tkun żgurata l-konsistenza, il-funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji għandha fejn ikun xieraq tingħata l-opportunità teżamina u jikkummenta dwar it-Taqsima tal-profil tar-riskji u l-gwadanji tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

(8)

Dan ir-Regolament jispeċifika l-format komuni għall-preżentazzjoni u l-ispjegazzjoni tal-imposti, inklużi twissijiet rilevanti, sabiex l-investituri jkunu infurmati sew dwar l-imposti li ser jeħlu u l-proporzjon tagħhom mill-ammont ta’ kapital fil-fatt investit fil-fond. Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, għandu jitqies ix-xogħol fuq il-metodoloġija għall-kalkolu taċ-ċifri tal-imposti li jkun sar mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu qegħdin jaħdmu fi ħdan il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli.

(9)

Ir-regoli ddettaljati dwar il-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi huma msejsa fuq ir-rekwiżiti għal din l-informazzjoni fid-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (3). Dan ir-Regolament jissupplimenta r-regoli tad-Direttiva 2004/39/KE billi jinkludi r-rekwiżiti speċifiċi meħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-informazzjoni bl-iskop li jkunu ffaċilitati l-paraguni bejn dokumenti differenti ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jippreskrivi li għandhom jintwerew biss ir-reditti annwali netti, f’forma ta’ bar chart. Ċerti aspetti tal-preżentazzjoni tal-bar chart għandhom ikunu rregolati, inklużi ċ-ċirkostanzi limitati fejn tista’ tintuża dejta simulata.

(10)

Wieħed għandu jagħraf li l-kontroreferenzi għal informazzjoni jistgħu jkunu utli għall-investitur imma huwa essenzjali li d-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-investitur jifhem l-elementi essenzjali tal-UCITS. Jekk jintużaw kontroreferenzi għal sorsi ta’ informazzjoni apparti l-prospett u r-rapporti perjodiċi, wieħed għandu jagħmilha ċara li l-prospett u r-rapporti perjodiċi huma s-sorsi primarji tal-informazzjoni addizzjonali lill-investituri, u li l-kontroreferenzi m’għandhomx iċekknu l-importanza tagħhom.

(11)

Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jiġi eżaminat u rivedut kif jixraq u ta’ sikwit kemm ikun meħtieġ biex ikun żgurat li dan ikompli jissodisfa r-rekwiżiti tat-tagħrif ewlieni għall-investitur speċifikati fl-Artikoli 78(2) u 79(1) tad-Direttiva 2009/65/KE. Bħala kwistjoni ta’ prassi tajba, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jeżaminaw id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur qabel ma jidħlu f’xi inizjattiva li x’aktarx li tirriżulta f’għadd sinifikanti ta’ investituri ġodda li jakkwistaw unitajiet fil-fond.

(12)

Il-forma jew kontenut tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha mnejn ikollha bżonn tiġi aġġustata skont il-każijiet speċifiċi. Konsegwentement, f’dan ir-Regolament tfasslu r-regoli ġenerali applikabbli għall-UCITS kollha biex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika ta’ ċerti tipi ta’ UCITS, jiġifieri dawk li jkollhom kumpartimenti ta’ investiment jew klassijiet ta’ ishma differenti, dawk b’fond ta’ strutturi ta’ fondi, dawk bi strutturi prinċipali-alimentatriċi, u dawk li huma strutturati, bħalma huma UCITS ta’ kapital protett jew paragunabbli.

(13)

Rigward UCITS bi klassijiet ta’ ishma differenti, m’għandux ikun hemm l-obbligu li jinħoloq dokument separat ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur għal kull waħda minn dawn il-klassijiet ta’ ishma, dment li ma jkunx kompromess l-interess tal-investituri. Id-dettalji ta’ żewġ klassijiet jew aktar jistgħu jiġu kkumbinati biss f’dokument wieħed ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur fejn dan jista’ jsir mingħajr ma jagħmel id-dokument ikkumplikat jew iffullat wisq. Alternattivament, tista’ tintgħażel klassi rappreżentattiva, imma biss f’każijiet fejn tkun teżisti similarità suffiċjenti bejn il-klassijiet biex l-informazzjoni dwar il-klassi rappreżentattiva tkun ġusta, ċara u li ma tiżvijax dwar dik li hija l-klassi rappreżentata. Biex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ klassi rappreżentattiva jkunx ġust, ċar u ma jiżvijax, għandu jingħata kas tal-karatteristiċi tal-UCITS, in-natura tad-differenzi rappreżentati minn kull waħda mill-klassijiet, u l-firxa tal-għażliet offruta lil kull wieħed mill-investituri jew gruppi ta’ investituri.

(14)

Fil-każ ta’ fond ta’ fondi, jinżamm bilanċ xieraq bejn l-informazzjoni dwar il-UCITS li fiha jinvesti l-investitur u l-iskemi kollettivi sottostanti tagħha. Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur f’fond ta’ fondi għandu għalhekk jiġi ppreparat abbażi li l-investitur ma jixtieqx jew ma jeħtiġlux ikun infurmat fid-dettall dwar il-karatteristiċi individwali ta’ kull waħda mill-iskemi kollettivi sottostanti, li x’aktarx li jvarjaw xorta waħda minn żmien għal żmien jekk il-UCITS tkun immaniġġjata b’mod attiv. Madanakollu, biex id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur iwassal żvelar effettiv tal-għan tal-politika ta’ investiment, tal-fatturi tar-riskji u tal-istruttura tal-imposti, tal-fondi, il-karatteristiċi tal-fondi sottostanti tiegħu għandhom ikunu trasparenti.

(15)

Fil-każ ta’ strutturi prinċipali-alimentatriċi, id-deskrizzjoni tal-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-UCITS alimentatriċi m’għandhiex tkun materjalment differenti minn dik tat-Taqsima korrispondenti tad-dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur tal-UCITS prinċipali sabiex l-alimentatur ikun jista’ jikkopja l-informazzjoni mid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tal-fond prinċipali kull fejn dan ikun rilevanti. Madanakollu, din l-informazzjoni għandha tkun issupplimentata bid-dikjarazzjonijiet rilevanti jew aġġustata kif suppost f’dawk il-każijiet fejn l-assi anċillari li jkollu l-alimentatur jistgħu jimmodifikaw il-profil tar-riskji apparagun tal-fond principali, filwaqt li jiġu indirizzati r-riskji inerenti f’dawn l-assi anċillari, pereżempju fejn jintużaw derivati. Il-kostijiet ikkumbinati tal-investiment fil-fond alimentatur u l-fond prinċipali għandhom jiġu żvelati lill-investituri fl-alimentatur.

(16)

Rigward UCITS strutturati, bħalma huma UCITS bil-kapital protett jew oħrajn paragunabbli, ikun meħtieġ li jingħataw xenarji ta’ prestazzjoni prospettiva minflok informazzjoni dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi. Ix-xenarji ta’ prestazzjoni prospettiva jinvolvu l-ikkalkular tar-redittu mistenni mill-fond skont suppożizzjonijiet ta’ kundizzjonijiet tas-suq tajbin, ħżiena, jew newtrali. Dawn ix-xenarji għandhom jintgħażlu biex tkun iċċarata b’mod effettiv il-firxa sħiħa tal-eżiti possibbli skont il-formula.

(17)

Fejn it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-prospett ikunu jridu jiġu pprovduti b’mezz li jibqa’ li huwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku, huma meħtieġa miżuri ta’ sikurezza addizzjonali għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-investitur, biex ikun żgurat li l-investituri jirċievu l-informazzjoni f’forma rilevanti għall-ħtiġijiethom, u biex titħares l-integrità tal-informazzjoni pprovduta, jiġu pprevenuti alterazzjonijiet li jheddu l-komprensibbiltà u l-effikaċja tagħha, u tiġi evitata l-manipulazzjoni jew modifikazzjoni minn persuni mhux awtorizzati. Dan ir-Regolament fih referenza għar-regoli dwar il-mezzi li jibqgħu stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta’ dik id-Direttiva (4) sabiex ikun żgurat trattament ugwali tal-investituri u l-imparzjalità fis-setturi finanzjarji.

(18)

Sabiex il-kumpaniji maniġerjali u l-kumpaniji tal-investiment ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda li hawn f’dan ir-Regolament b’mod effiċjenti u effikaċi, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun allinjata mat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/65/KE.

(19)

Il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE, (5) ġie kkonsultat dwar pariri tekniċi.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropej tat-Titoli.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 75(2), 78(2) sa (5) u 81(1) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 2

Prinċipji Ġenerali

1.   Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal kull kumpanija maniġerjali fir-rigward ta’ kull waħda mill-UCITS li timmaniġġja.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kull kumpanija tal-investiment li ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 3

Prinċipji li jirrigwardaw id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur

1.   Dan ir-Regolament jispeċifika b’mod eżawrjenti l-forma u l-kontenut tad-dokument li jkun fih it-tagħrif ewlieni għall-investitur (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ id-“dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur”). Ebda informazzjoni jew dikjarazzjonijiet oħra m’għandhom jiġu inklużi b’eċċezzjoni fejn dan ir-Regolament jistipula mod ieħor.

2.   It-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun ġust, ċar u li ma jiżvijax.

3.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jiġi pprovdut b’tali mod li jkun żgurat li l-investituri jkunu kapaċi jagħrfuh minn materjal ieħor. B’mod partikolari, m’għandux jiġi ppreżentat jew imwassal b’mod li x’aktarx iwassal biex l-investituri jaħsbuh li huwa anqas importanti minn x’informazzjoni oħra dwar il-UCITS u r-riskji u l-benefiċċji tagħha.

KAPITOLU II

IL-FORMA U L-PREŻENTAZZJONI TAT-TAGĦRIF EWLIENI GĦALL-INVESTITUR

TAQSIMA 1

It-titlu tad-Dokument, Ordni tal-Kontenut u l-Intestaturi tat-Taqsimiet

Artikolu 4

It-titlu u l-kontenut tad-dokument

1.   Il-kontenut tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun ippreżentat fl-ordni kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 13.

2.   It-titlu “Tagħrif Ewlieni għall-Investitur” għandu jidher b’mod prominenti fir-ras tal-ewwel paġna tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

3.   Direttament taħt it-titlu għandha tidher dikjarazzjoni ta’ spjegazzjoni. Din għandha tgħid hekk:

“Dan id-dokument jipprovdilek tagħrif ewlieni għall-investitur dwar dan il-fond. Dan mhuwiex materjal promozzjonali. L-informazzjoni hija meħtieġa bil-liġi biex tgħinek tifhem in-natura u r-riskji ta’ investiment f’dan il-fond. Inti mitlub taqrah biex tkun tista’ tieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk tinvestix”.

4.   L-identifikazzjoni tal-UCITS, inkluża l-klassi ta’ ishma jew kumpartiment ta’ investiment tagħha, għandha tkun iddikjarata b’mod prominenti. Fil-każ ta’ kumpartiment ta’ investiment jew klassi ta’ ishma, it-titlu tal-UCITS għandu jiġi wara l-isem tal-kumpartiment jew klassi ta’ ishma. Meta jkun jeżisti numru ta’ kodiċi li jidentifika l-UCITS, kumpartiment ta’ investiment jew klassi ta’ ishma, għandu jagħmel parti mill-identifikazzjoni tal-UCITS.

5.   L-isem tal-kumpanija maniġerjali għandu jkun iddikjarat.

6.   Barra minn hekk, f’każijiet fejn il-kumpanija maniġerjali tkun tagħmel parti minn grupp ta’ kumpaniji għal skopijiet legali, amministrattivi jew kummerċjali, l-isem ta’ dak il-grupp jista’ jiġi ddikjarat. Jista’ jiġi inkluż l-immarkar korporattiv sakemm ma ifixkilx lill-investitur biex jifhem l-elementi ewlenin tal-investiment jew ma tnaqqaslux il-kapaċità li jipparaguna l-prodotti tal-investiment.

7.   It-taqsima tad-dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Għanijiet u politika ta’ investiment” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

8.   It-taqsima tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

9.   It-Taqsima tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Imposti” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

10.   It-Taqsima tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Prestazzjoni fl-imgħoddi” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

11.   It-Taqsima tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Informazzjoni prattika” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

12.   Id-dettalji dwar l-awtorizzazzjoni għandhom jikkonsistu fid-dikjarazzjoni li ġejja:

“Dan il-fond huwa awtorizzat fi [isem l-Istat Membru] u rregolat minn [l-identità tal-awtorità kompetenti]”.

F’każijiet fejn il-UCITS tkun immaniġġjata minn kumpanija maniġerjali li tkun qiegħda teżerċita d-drittijiet skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/65/KE, għandha tiġi inkluża dikjarazzjoni addizzjonali:

[Isem il-kumpanija maniġerjali] hija awtorizzata fi [isem l-Istat Membru] u rregolata minn [l-identità tal-awtorità kompetenti].

13.   L-informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni għandha tikkonsisti fid-dikjarazzjoni li ġejja:

“Dan it-tagħrif ewlieni għall-investitur huwa preċiż sa [id-data tal-pubblikazzjoni]”.

TAQSIMA 2

lingwaġġ, tul u preżentazzjoni

Artikolu 5

Preżentazzjoni u lingwaġġ

1.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun:

(a)

ippreżentat u mqassam b’mod faċli li jinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs leġibbli;

(b)

espress b’mod ċar u miktub b’lingwaġġ li jikkomunika b’mod u li jiffaċilita l-investitur jifhem l-informazzjoni li tkun qiegħda tiġi kkomunikata, partikolarment fejn:

(i)

il-lingwaġġ użat għandu jkun ċar, konċiz u komprensibbli;

(ii)

lingwaġġ speċjalizzat għandu jiġi evitat;

(iii)

għandhom jiġu evitati termini tekniċi fejn minflokhom jista’ jintuża kliem ordinarju;

(c)

iffokat fuq informazzjoni bażika meħtieġa mill-investituri.

2.   Fejn jintuża l-kulur, dan m’għandux inaqqas mill-komprensibbiltà tal-informazzjoni meta d-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun stampat jew iffotokopjat mingħajr kulur.

3.   Fejn jintuża l-logotip tal-immarkar korporattiv tal-kumpanija maniġerjali jew tal-grupp li tkun tagħmel parti minnu, dan m’għandux itellef lill-investitur jew joskura t-test.

Artikolu 6

Tul

Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur m’għandux jaqbeż iż-żewġ paġni fuq karta ta’ daqs A-4 meta jiġi stampat.

KAPITOLU III

IL-KONTENUT TAT-TAQSIMIET TAD-DOKUMENT TAT-TAGĦRIF EWLIENI GĦALL-INVESTITUR

TAQSIMA 1

għanijiet u politika ta’ investiment

Artikolu 7

Il-kontenut speċifiku tad-deskrizzjoni

1.   Id-deskrizzjoni fit-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tkopri dawk il-karatteristiċi essenzjali tal-UCITS li dwarhom investitur għandu jiġi infurmat, anki jekk dawn il-karatteristiċi ma jkunux jagħmlu parti mid-deskrizzjoni tal-għanijiet u l-politika ta’ investiment fil-prospett, inklużi:

(a)

il-kategoriji ewlenin tal-istrumenti finanzjarji eliġibbli li huma l-oġġett tal-investiment;

(b)

il-possibbiltà li investitur jifdi unitajiet minn UCITS meta jrid, filwaqt li din id-dikjarazzjoni tiġi kkwalifikata b’indikazzjoni dwar il-frekwenza tan-negozju fl-unitajiet;

(c)

jekk il-UCITS għandhiex xi mira partikolari relatata ma’ kwalunkwe setturi industrijali, ġeografiċi, jew oħrajn tas-suq jew ma’ klassijiet speċifiċi ta’ assi;

(d)

jekk il-UCITS tkunx tippermetti għażliet diskrezzjonali inkwantu l-investimenti partikolari li jkunu jridu jsiru, u jekk din is-sistema tkunx tinkludi jew timplikax referenza għal xi punt ta’ riferiment u jekk hu hekk, liema waħda;

(e)

jekk l-introjtu minn dividendi jitqassamx jew jerġax jiġi investit.

Għall-iskopijiet tal-punt (d), fejn tkun implikata referenza għal xi punt ta’ riferiment, il-livell tal-libertà disponibbli relatata ma’ dan il-punt ta’ riferiment għandu jkun indikat, u fejn il-UCITS ikollha l-għan ta’ segwiment tal-indiċi, dan għandu jiġi ddikjarat.

2.   Id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja, dment li tkun rilevanti:

(a)

fejn il-UCITS tinvesti f’titoli ta’ obbligi, indikazzjoni dwar jekk dawn ikunux inħarġu minn korpi korporattivi, gvernijiet jew entitajiet oħrajn, u jekk ikun applikabbli, kwalunkwe rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni minima;

(b)

fejn il-UCITS tkun fond strutturat, spjegazzjoni f’termini sempliċi tal-elementi kollha neċessarji għal fehim korrett tal-gwadan u l-fatturi li huma mistennija jiddeterminaw il-prestazzjoni, inklużi referenzi, jekk ikun meħtieġ, għad-dettalji dwar l-algoriżmu u l-mod kif jaħdem li jidhru fil-prospett;

(c)

fejn l-għażla tal-assi tkun iggwidata minn kriterji speċifiċi, spjegazzjoni ta’ dawk il-kriterji, bħalma huwa t-“tkabbir”, il-“valur” jew id-“dividendi għoljin”;

(d)

fejn jiġu applikati tekniki speċifiċi tal-immaniġġjar tal-assi, li tista’ tinkludi l-iħħeġġjar, arbitraġġ jew ingranaġġ, spjegazzjoni f’termini sempliċi tal-fatturi mistennija li jiddeterminaw il-prestazzjoni tal-UCITS;

(e)

fejn l-impatt fuq l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-portafoll fuq ir-redittu x’aktarx li jkun materjali minħabba l-istrateġija adottata mill-UCITS, dikjarazzjoni li dan huwa l-każ, filwaqt li wieħed għandu jagħmilha ċara wkoll li l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-portafoll ikunu qegħdin jitħallsu mill-assi tal-fond flimkien mal-imposti stipulati fit-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu;

(f)

meta jkun ddikjarat it-terminu minimu rakkomandat ta’ kemm għandhom jinżammu l-unitajiet fil-UCITS, jew fil-prospett inkella f’xi dokumenti promozzjonali, jew fejn ikun iddikjarat li l-perjodu minimu taż-żamma huwa element essenzjali tal-istrateġija tal-investiment, dikjarazzjoni bil-kliem li ġej:

“Rakkomandazzjoni: dan il-fond jista’ ma jkunx adattat għal investituri bl-intenzjoni li jiġbdu flushom lura fi [perjodu ta’ żmien]”.

3.   L-informazzjoni inkluża fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiddistingwi bejn il-kategoriji wesgħin tal-investiment kif speċifikat fil-paragrafi 1(a), (c) u 2(a) u l-approċċ għal dawn l-investimenti adottat mill-kumpanija maniġerjali kif speċifikat fil-paragrafi 1(d) u 2 (b), (c) u (d).

4.   It-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tista’ tiġbor fiha elementi oħrajn barra dawk elenkati fil-paragrafu 2, inkluża d-deskrizzjoni tal-istrateġija tal-investiment tal-UCITS, fejn dawn l-elementi jkunu meħtieġa biex l-għanijiet u l-politika tal-investiment tal-UCITS jiġu deskritti adegwatement.

TAQSIMA 2

il-profil tar-riskji u l-gwadanji

Artikolu 8

Spjegazzjoni tar-riskji u gwadanji potenzjali, inkluż l-użu ta’ indikatur

1.   It-Taqsima “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun fiha indikatur sintetiku, issupplimentat bi:

(a)

spjegazzjoni narrattiva tal-indikatur u l-limitazzjonijiet ewlenin tiegħu;

(b)

spjegazzjoni narrattiva tar-riskji li jkunu materjalment rilevanti għall-UCITS u li ma jinqabdux b’mod adegwat mill-indikatur sintetiku.

2.   L-indikatur sintetiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jieħu l-forma ta’ serje ta’ kategoriji fuq skala numerika bil-UCITS assenjat lil waħda mill-kategoriji. Il-preżentazzjoni tal-indikatur sintetiku għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-komputazzjoni tal-indikatur sintetiku msemmi fil-paragrafu 1, u wkoll kull reviżjoni sussegwenti tiegħu, għandhom ikunu ddokumentata b’mod adegwat.

Il-kumpaniji maniġerjali għandhom iżommu reġistru ta’ dawn il-komputazzjonijiet għal perjodu ta’ mhux anqas minn ħames snin. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż għal ħames snin wara l-iskadenza fil-każ ta’ fondi strutturati.

4.   L-ispjegazzjoni narrattiva msemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dikjarazzjoni li d-dejta storika, bħal dik li tintuża fil-kalkolu tal-indikatur sintetiku, tista’ ma tkunx indikazzjoni ta’ min jorbot fuqha tal-profil tar-riskji futuri tal-UCITS;

(b)

dikjarazzjoni li l-kategorija tar-riskji u l-gwadanji murija mhijiex iggarantita li tibqa’ dejjem l-istess u li l-kategorizzazzjoni tal-UCITS tista’ tinbidel maż-żmien;

(c)

dikjarazzjoni li l-aktar kategorija baxxa ma tfissirx investiment ħieles mir-riskju;

(d)

spjegazzjoni qasira għaliex il-UCITS tkun qiegħda f’kategorija speċifika;

(e)

id-dettalji tan-natura, iż-żmien u l-entità ta’ kwalunkwe garanzija fuq il-kapital jew il-protezzjoni tiegħu mogħtija mill-UCITS, inklużi l-effetti potenzjali tat-tifdija ta’ unitajiet barra l-perjodu ggarantit jew protett.

5.   L-ispjegazzjoni narrattiva msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tinkludi l-kategoriji tar-riskji li ġejjin, fejn dawn ikunu materjali:

(a)

ir-riskju ta’ kreditu, fejn isir investiment ta’ livell sinifikanti f’titoli ta’ obbligi;

(b)

ir-riskju ta’ likwidità, fejn isir investiment ta’ livell sinifikanti fi strumenti finanzjarji, li fin-natura tagħhom ikunu likwidi biżżejjed, iżda li taħt ċerti ċirkostanzi jista’ ikollhom livell relattivament baxx ta’ likwidità, tant li jkollhom impatt fuq il-livell tar-riskju tal-likwidità tal-UCITS inġenerali;

(c)

ir-riskju tal-kontraparti, fejn fond ikun appoġġjat b’garanzija minn parti terza, jew fejn l-iskopertura tal-investiment tiegħu tittieħed f’livell materjali b’kuntratt jew kuntratti ma’ kontraparti;

(d)

ir-riskji operazzjonali u r-riskji relatati mal-kustodja tal-assi;

(e)

l-impatt ta’ tekniki finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 50(1)(g) tad-Direttiva 2009/65/KE bħalma huma l-kuntratti ta’ derivati fuq il-profil tar-riskji tal-UCITS fejn dawn it-tekniki jiġu applikati biex tinkiseb, tiżdied jew titnaqqas l-iskopertua tal-assi sottostanti.

Artikolu 9

Il-prinċipji li jirregolaw l-identifikazzjoni, l-ispjegazzjoni u l-preżentazzjoni tar-riskji

L-identifikazzjoni u l-ispjegazzjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) għandhom ikunu konsistenti mal-proċess intern ta’ identifikazzjoni, kejl u monitoraġġ tar-riskju adottat mill-kumpanija maniġerjali tal-UCITS kif stabbilit fid-Direttiva 2010/43/UE. Fejn il-kumpanija maniġerjali timmaniġġja aktar minn UCITS waħda, ir-riskji għandhom jiġu identifikati u spjegati b’mod konsistenti.

TAQSIMA 3

imposti

Artikolu 10

Preżentazzjoni tal-imposti

1.   It-Taqsima “Imposti” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkollha preżentazzjoni tal-Imposti f’forma ta’ tabella kif stabbilit fl-Anness II.

2.   It-tabella msemmija fil-paragrafu 1 għandha titħejja skont ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-imposti fuq l-investiment inizjali u l-imposti fuq iċ-ċessjoni t-tnejn għandhom ikunu l-perċentwal massimu li jista’ jitnaqqas mill-impenn kapitali tal-investitur fil-UCITS;

(b)

għandha tintwera ċifra waħda għall-imposti meħuda mill-UCITS tul perjodu ta’ sena, li għandha tkun magħrufa bħala l-‘imposta tal-prosegwiment, 'li jirrappreżentaw l-imposti annwali kollha u pagamenti oħrajn meħuda mill-assi tal-UCITS tul il-perjodu ddefinit, u abbażi taċ-ċifri tas-sena preċedenti;

(c)

fit-tabella għandu jkun hemm lista u spjegazzjoni ta’ kull imposta meħuda mill-UCITS taħt ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, li abbażi tagħha tiġi kkalkulata l-imposta, u meta għandha tiġi applikata.

Artikolu 11

Spjegazzjoni tal-imposti u dikjarazzjoni dwar l-importanza tal-imposti

1.   It-taqsima “Imposti” għandu jkollha spjegazzjoni narrattiva ta’ kull waħda mill-imposti speċifikati fit-tabella inkluża l-informazzjoni li ġejja:

(a)

rigward l-imposta fuq l-investiment inizjali u l-imposta fuq iċ-ċessjoni:

(i)

wieħed għandu jagħmilha ċara li l-imposti huma dejjem iċ-ċifri massimi, peress li f’xi każijiet l-investitur jista’ jħallas anqas;

(ii)

għandha tiġi inkluża dikjarazzjoni fejn jingħad li l-investituri jistgħu jsiru jafu x’inhuma l-imposta fuq l-investiment inizjali u l-imposta fuq iċ-ċessjoni mingħand il-konsulent jew distributur finanzjarju tagħhom;

(b)

rigward l-“imposti kurrenti”, għandha ssir dikjarazzjoni li ċ-ċifra tal-imposta tal-prosegwiment hija bbażata fuq in-nefqa tas-sena preċedenti, għas-sena li tintemm [xahar/sena], u li din iċ-ċifra tista’ tvarja minn sena għal sena fejn dan ikun il-każ.

2.   It-taqsima “Imposti” għandu jkollha dikjarazzjoni dwar l-importanza tal-imposti fejn għandu jingħad biċ-ċar li l-Imposti li l-investitur iħallas jintużaw biex jitħallsu l-ispejjeż tal-operat tal-UCITS, inklużi l-ispejjeż ta’ reklamar u distribuzzjoni tal-UCITS, u li dawn l-imposti jnaqqsu t-tkabbir potenzjali tal-investiment.

Artikolu 12

Rekwiżiti addizzjonali

1.   L-elementi kollha tal-istruttura tal-imposti għandhom jiġu ppreżentati b’mod ċar kemm jista’ jkun biex l-investituri jkunu jistgħu jikkunsidraw l-impatt ikkumbinat tal-imposti.

2.   Fejn l-impatt tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-portafoll fuq ir-redittu x’aktarx li jkun wieħed materjali minħabba l-istrateġija adottata mill-UCITS, dan għandu jkun iddikjarat fit-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment”, kif indikat fl-Artikolu 7(2)(e).

3.   It-tariffi fuq il-prestazzjoni għandhom jiġu żvelati skont l-Artikolu 10(2)(c). L-ammont tat-tariffa fuq il-prestazzjoni impost matul is-sena finanzjarja preċedenti tal-UCITS għandu jkun inkluż bħala ċifra perċentwali.

Artikolu 13

Każijiet speċifiċi

1.   Fejn UCITS ġdida ma tkunx tista’ tikkonforma mar-rekwiżiti li hemm fl-Artikolu 10(2)(b) u l-Artikolu 11(1)(b), għandha ssir stima tal-imposta tal-prosegwiment, abbażi tat-total tal-imposti mistenni.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għal fondi li jimponu tariffa fiss li tinkludi kollox, fejn għandha tintwera dik iċ-ċifra minflok;

(b)

għal fondi b’limitu jew massimu ffissat fuq l-ammont li jista’ jiġi impost, fejn minflok għandha tiġi żvelata dik iċ-ċifra dment li l-kumpanija maniġerjali tikkommetti ruħha li tirrispetta ċ-ċifra ppubblikata u li tassorbi kwalunkwe spiża li li kieku tikkawża li dik iċ-ċifra tinqabeż.

Artikolu 14

Kontroreferenzi

It-taqsima “Imposti” għandha tinkludi, fejn ikun rilevanti, kontroreferenza għal dawk il-partijiet tal-prospett tal-UCITS fejn wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni ddettaljata dwar l-imposti, inkluża informazzjoni dwar tariffi fuq il-prestazzjoni u kif dawn jiġu kkalkulati.

TAQSIMA 4

prestazzjoni fl-imgħoddi

Artikolu 15

Preżentazzjoni tar-prestazzjoni fl-imgħoddi

1.   L-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS għandha tiġi ppreżentata f’bar chart li tkun tkopri l-prestazzjoni tal-UCITS għall-aħħar 10 snin.

Id-daqs tal-bar chart imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jippermetti l-leġġibbiltà, imma taħt ebda ċirkostanza m’għandu jeċċedi n-nofs paġna fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

2.   Il-preżentazzjoni ta’ UCITS bi prestazzjoni ta’ anqas minn 5 snin kalendarji sħaħ għandha tkun tkopri biss l-aħħar 5 snin.

3.   Għal kwalunkwe sena li ma tkunx disponibbli dejta dwarhom, is-sena għandha tintwera bħala spazju vojt b’ebda annotazzjoni għajr id-data.

4.   Għal UCITS li jkun għad m’għandhiex dejta tal-prestazzjoni ta’ sena kalendarja sħiħa, għandha tiġi inkluża dikjarazzjoni fejn jiġi spjegat li d-dejta li teżisti hija insuffiċjenti biex tingħata indikazzjoni utli tal-prestazzjoni fl-imgħoddi lill-investituri.

5.   It-tqassim tal-bar chart għandu jkun issupplimentat b’dikjarazzjonijiet li jkunu jidhru b’mod prominenti u li:

(a)

iwissu dwar il-valur limitat tagħha bħala gwida tal-prestazzjoni fil-ġejjieni;

(b)

jindikaw fil-qosor liema imposti u tariffi jkunu ġew inklużi jew esklużi mill-kalkolu tal-prestazzjoni fl-imgħoddi;

(c)

jindikaw is-sena li fiha jkun twaqqaf il-fond;

(d)

jindikaw il-munita li fiha tkun ġiet ikkalkulata l-prestazzjoni fl-imgħoddi.

Ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (b) m’għandux jiġi applikat għal UCITS li ma jkollhomx imposta fuq l-investiment inizjali u imposta fuq iċ-ċessjoni.

6.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur m’għandu jkun fih ebda reġistrazzjoni tal-prestazzjoni fl-imgħoddi għal xi parti mis-sena kalendarja attwali.

Artikolu 16

Metodoloġija tal-kalkolu tal-prestazzjoni fl-imgħoddi

Il-kalkolu taċ-ċifri tal-prestazzjoni fl-imgħoddi għandu jkun ibbażat fuq il-valur tal-assi netti tal-UCITS, u dawn għandhom jiġu kkalkulati fuq il-premessa li kull introjtu distribwibbli mill-fond reġa’ ġie investit mill-ġdid.

Artikolu 17

L-impatt u t-trattament ta’ tibdil materjali

1.   Meta ssir bidla materjali fl-għanijiet u l-politika ta’ investiment tal-UCITS matul il-perjodu muri fil-bar chart msemmija fl-Artikolu 15, il-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS qabel dik il-bidla materjali għandhom ikomplu jintwerew.

2.   Il-perjodu ta’ qabel il-bidla materjali msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun indikat fil-bar chart u mmarkat bi twissija ċara li l-prestazzjoni kienet nkisbet taħt ċirkostanzi li m’għadhomx japplikaw.

Artikolu 18

Użu minn punt ta’ riferiment maġenb il-prestazzjoni fl-imgħoddi

1.   Fejn fit-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur issir referenza għal xi punt ta’ riferiment, bar li turi l-prestazzjoni ta’ dak il-punt ta’ riferiment għandha tiġi inkluża fil-bar chart maġenb kull waħda mill-bars li tkun qiegħda turi l-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS.

2.   Għal UCITS li ma jkollhomx dejta dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi tul il-ħames jew l-għaxar snin meħtieġa, il-punt ta’ riferiment m’għandux jintwera għas-snin li fihom il-UCITS ma kinux jeżistu.

Artikolu 19

Użu ta’ dejta “simulata” għall-prestazzjoni fl-imgħoddi

1.   Reġistru simulat ta’ prestazzjoni għall-perjodu qabel ma d-dejta kienet disponibbli għandu jkun permess biss fil-każijiet li ġejjin, sakemm l-użu tiegħu jkun ġust, ċar u li ma jiżvijax:

(a)

klassi tal-ishma ġdida ta’ UCITS eżistenti jew kumpartiment ta’ investiment jista’ jissimula l-prestazzjoni tiegħu billi tittieħed il-prestazzjoni ta’ klassi oħra, basta ż-żewġ klassijiet ma jkunux materjalment differenti fil-kwantità tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-assi tal-UCITS;

(b)

UCITS alimentatriċi tista’ tissimula l-prestazzjoni tagħha billi jittieħdu l-prestazzjoni tal-UCITS prinċipali, sakemm tkun qiegħda tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-istrateġija u l-għanijiet tal-fond alimentatur ma jkunux jippermettulha li żżomm assi għajr unitajiet tal-fond prinċipali u assi likwidi anċillari;

(ii)

il-karatteristiċi tal-fond alimentatur ma jkunux materjalment differenti minn dawk tal-fond principali.

2.   Fil-każijiet kollha fejn il-prestazzjoni tkun ġiet simulata skont il-paragrafu 1, fil-bar chart għandu jiġi żvelat b’mod prominenti li l-prestazzjoni ġiet simulata.

3.   UCITS li tibdel l-istatus legali tagħha imma li tibqa’ stabbilita fl-istess Stat Membru għandha tibqa’ żżomm ir-reġistru tal-prestazzjoni tagħha biss fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tivvaluta b’mod raġonevoli li l-bidla fl-istatus mhijiex sa taffettwa l-prestazzjoni tal-UCITS.

4.   Fil-każ ta’ fużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(p)(i) u (iii) tad-Direttiva 2009/65/KE, il-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS li tirċievi biss għandha tinżamm fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

TAQSIMA 5

informazzjoni prattika u kontroreferenzi

Artikolu 20

Il-kontenut tat-taqsima “Informazzjoni prattika”

1.   It-taqsima “Informazzjoni prattika” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja, rilevanti għal investituri f’kull Stat Membru fejn il-UCITS tkun qiegħda tiġi kkummerċjalizzata:

(a)

l-isem tad-depożitarju;

(b)

fejn u kif tista’ tinkiseb aktar informazzjoni dwar il-UCITS, kopji tal-prospett tagħha u r-rapport annwali l-aktar reċenti tagħha u kwalunkwe rapport sussegwenti ta’ kull sitt xhur, li jistipula b’liema lingwa/i jkunu disponibbli dawk id-dokumenti, u li jistgħu jinkisbu bla ħlas;

(c)

fejn u kif tista’ tinkiseb informazzjoni prattika oħra, inkluż minn fejn ikunu jistgħu jinstabu l-aħħar prezzijiet tal-unitajiet;

(d)

dikjarazzjoni li l-leġiżlazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS jista’ jkollha impatt fuq il-pożizzjoni tat-taxxa personali tal-investitur;

(e)

id-dikjarazzjoni li ġejja:

“[Daħħal l-isem tal-kumpanija tal-investiment jew tal-kumpanija maniġerjali] tista’ tinżamm responsabbli biss abbażi ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni f’dan id-dokument li tkun ta’ diżgwid, impreċiża jew inkonsistenti mal-partijiet rilevanti tal-prospett tal-UCITS.”

2.   Fejn id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jitħejja għal kumpartiment ta’ investiment ta’ UCITS, it-taqsima “Informazzjoni prattika” għandha tinkludi l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 25(2) inkluża dik dwar il-jedd tal-investituri li jaqilbu minn kumpartiment għal ieħor.

3.   Fejn ikun applikabbli, fit-taqsima “Informazzjoni prattika” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tissemma l-informazzjoni li hija meħtieġa dwar il-klassijiet ta’ ishma disponibbli skont l-Artikolu 26.

Artikolu 21

Użu ta’ kontroreferenzi għal sorsi ta’ informazzjoni oħrajn

1.   Kontroreferenzi għal sorsi oħra ta’ informazzjoni, inklużi l-prospett u r-rapporti annwali jew ta’ kull sitt xhur, jistgħu jiġu inklużi fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur, sakemm l-informazzjoni kollha li hija fundamentali biex l-investituri jifhmu l-elementi essenzjali tal-investiment tkun inkluża fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur innifsu.

Jistgħu jsiru kontroreferenzi għas-sit elettroniku tal-UCITS jew tal-kumpanija maniġerjali, inkluża kwalunkwe parti minn xi waħda minn dawn is-siti elettroniċi li jkun fiha l-prospett u r-rapporti perjodiċi.

2.   Il-kontroreferenzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jidderieġu lill-investitur għat-taqsima speċifika tas-sors ta’ informazzjoni rilevanti. Jistgħu jintużaw diversi kontroreferenzi differenti fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur imma dawn għandhom ikunu mill-anqas.

TAQSIMA 6

eżaminar u reviżjoni tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur

Artikolu 22

Eżaminar tat-tagħrif ewlieni għall-investitur

1.   Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija tal-investiment għandha tiżgura li t-tagħrif ewlieni għall-investitur jiġi eżaminat tal-anqas kull tnax-il xahar.

2.   L-eżami għandu jsir qabel kwalunkwe bidla proposta fil-prospett, fir-regoli ta’ fond jew fl-istrument tal-inkorporazzjoni tal-kumpanija tal-investiment fejn dan it-tibdil ma jkunx ġie soġġett għall-eżami kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   L-eżami għandu jsir qabel jew wara kull tibdil ikkunsidrat bħala materjali għall-informazzjoni fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

Artikolu 23

Pubblikazzjoni tal-verżjoni riveduta

1.   Meta l-eżami msemmi fl-Artikolu 22 jindika li jkun jeħtieġ isir xi tibdil fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur, il-verżjoni riveduta tiegħu għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni fil-pront.

2.   Fejn bidla fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tkun ir-riżultat mistenni ta’ deċiżjoni mill-kumpanija maniġerjali, inkluż tibdil fil-prospett, fir-regoli tal-fond jew fl-istrument tal-inkorporazzjoni tal-kumpanija tal-investiment, il-verżjoni riveduta tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tkun disponibbli qabel mal-bidla tidħol fis-seħħ.

3.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur, bi preżentazzjoni tal-prestazzjoni fl-imgħoddi riveduta kif xieraq, tal-UCITS għandu jkun disponibbli mhux aktar tard minn 35 jum tan-negozju wara l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

Artikolu 24

Tibdil materjali fl-istruttura tal-imposti

1.   L-informazzjoni dwar l-imposti għandha tirrifletti tajjeb kull bidla fl-istruttura tal-imposti li tirriżulta f’żieda fl-ammont massimu permess ta’ kwalunkwe imposta ta’ darba pagabbli direttament mill-investitur.

2.   Fejn l-‘imposta tal-prosegwiment “kkalkulata skont l-Artikolu 10(2)(b) ma jibqgħux kredibbli, il-kumpanija maniġerjali għandha minflok tagħmel stima taċ-ċifra tal-‘imposta tal-prosegwiment” li raġonevolment tkun temmen li hija indikattiva tal-ammont li x’aktarx jiġu imposti fuq il-UCITS fil-ġejjieni.

Din il-bidla fil-bażi għandha tiġi żvelata bid-dikjarazzjoni li ġejja:

“Iċ-ċifra tal-imposta tal-prosegwiment murija hawnhekk hija estimu tal-imposti. [Daħħal deskrizzjoni qasira tar-raġuni għala jkun qiegħed jintuża estimu milli ċifra ex-post.] Ir-rapport annwali tal-UCITS għal kull sena finanzjarja għandu jinkludi dettall preċiż dwar l-imposti li saru.”

KAPITOLU IV

STRUTTURI PARTIKOLARI TA’ UCITS

TAQSIMA 1

Kumpartimenti ta’ investiment

Artikolu 25

Kumpartimenti ta’ investiment

1.   Fejn UCITS tkun tikkonsisti f’żewġ kumpartimenti ta’ investiment jew aktar għandu jkun hemm dokument separat ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur għal kull wieħed mill-kumpartimenti individwali.

2.   Kull wieħed mid-dokumenti ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jindika fit-taqsima “informazzjoni prattika” l-informazzjoni li ġejja:

(a)

li d-dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur jiddeskrivi kumpartiment ta’ UCITS, u, jekk ikun il-każ, li l-prospett u r-rapporti perjodiċi jitħejjew għall-UCITS sħiħa li isimha jkun jidher fil-bidu tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur;

(b)

jekk l-assi u l-obbligi ta’ kull wieħed mill-kumpartimenti jkunux mifruda bil-liġi jew le, u kif dan jista’ jaffettwa lill-investitur;

(c)

jekk l-investitur ikollux jew le l-jedd li jiskambja l-investiment tiegħu f’unitajiet f’kumpartiment minnhom ma’ unitajiet f’kumpartiment ieħor, u jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb l-informazzjoni dwar il-mod kif dak il-jedd jiġi eżerċitat.

3.   Fejn il-kumpanija maniġerjali tiffissa imposta biex l-investitur jiskambja l-investment tiegħu skont il-paragrafu 2(c), u dik l-imposta tkun differenti mill-imposta standard għax-xiri jew il-bejgħ ta’ unitajiet, dik l-imposta għandha tissemma separatament fit-taqsima “Imposti” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

TAQSIMA 2

Klassijiet ta’ ishma

Artikolu 26

Dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur għall-klassijiet tal-ishma

1.   Fejn UCITS tkun tikkonsisti f’aktar minn klassi waħda ta’ unitajiet jew ishma, id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jitħejja għal kull waħda mill-klassijiet ta’ unitajiet jew ishma.

2.   It-tagħrif ewlieni għall-investitur pertinenti għal żewġ klassijiet jew aktar tal-istess UCITS, jista’ jiġi kkumbinata f’dokument wieħed ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur, sakemm id-dokument aħħari jkun konformi kompletament mar-rekwiżiti kollha kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II, inkluż dak tat-tul.

3.   Il-kumpanija maniġerjali tista’ tagħżel klassi biex tirrappreżenta klassi jew klassijiet oħrajn tal-UCITS, basta l-għażla tkun ġusta, ċara u ma tiżvijax lill-investituri potenzjali f’dawk il-klassijiet oħrajn. F’dawn il-każijiet it-Taqsima “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun fiha spjegazzjoni tar-riskju materjali applikabbli għal kwalunkwe waħda mill-klassijiet l-oħrajn li jkunu rappreżentati. L-investituri jistgħu jiġu pprovduti b’dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għall-klassijiet l-oħrajn ibbażat fuq il-klassi rappreżentattiva.

4.   Klassijiet differenti m’għandhomx jiġu kkumbinati fi klassi rappreżentattiva komposta kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   Il-kumpanija maniġerjali għandha żżomm reġistru ta’ liema klassijiet oħra huma rrappreżentati mill-klassi rappreżentattiva msemmija fil-paragrafu 3 u r-raġunijiet li jiġġustifikaw dik l-għażla.

Artikolu 27

It-taqsima tal-informazzjoni prattika

Jekk ikun applikabbli, it-taqsima “Informazzjoni prattika” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tkun issupplimentata b’indikazzjoni ta’ liema klassi tkun intgħażlet bħala rappreżentattiva, bl-użu tat-terminu li bih tissemma fil-prospett tal-UCITS.

Dik it-taqsima għandha tindika wkoll minn fejn l-investituri jistgħu jiksbu l-informazzjoni dwar il-klassijiet l-oħrajn tal-UCITS li jkunu kkummerċjalizzati fl-Istat Membru tagħhom.

TAQSIMA 3

Fond ta’ fondi

Artikolu 28

It-taqsima tal-għanijiet u l-politika tal-investiment

Fejn il-UCITS tinvesti proporzjon sostanzjali mill-assi tagħha f’UCITS oħra jew f’impriżi għall-investiment kollettiv oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 50(1)(e) tad-Direttiva 2009/65/KE, id-deskrizzjoni tal-għanijiet u l-politika tal-investiment ta’ dik il-UCITS fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tinkludi spjegazzjoni qasira tal-mod kif l-impriżi kollettivi l-oħrajn għandhom jintgħażlu fuq bażi kontinwa.

Artikolu 29

Il-profil tar-riskji u l-gwadanji

Fl-ispjegazzjoni narrattiva tal-fatturi tar-riskji msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) għandu jitqies ir-riskju ppreżentat minn kull impriża kollettiva sottostanti, sakemm dawn jistgħu jkunu rilevanti għall-UCITS inġenerali.

Artikolu 30

It-Taqsima tat-imposti

Fid-deskrizzjoni tal-imposti għandha tqis kwalunkwe imposti li dik il-UCITS stess tkun ser iġġarrab bħala investitur fl-impriżi kollettivi sottostanti. Speċifikament, kwalunkwe imposta fuq l-investiment inizjali u imposta fuq iċ-ċessjoni u imposta tal-prosegwiment li jinġabru mill-impriżi kollettivi sottostanti għandhom ikunu riflessi fil-kalkolu taċ-ċifra tal-imposta tal-prosegwiment tal-UCITS stess.

TAQSIMA 4

UCITS Alimentatriċi

Artikolu 31

It-taqsima tal-għanijiet u politika ta’ investiment

1.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ta’ UCITS alimentatriċi, kif iddefinit fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2009/65/KE, għandu jkun fih, fid-deskrizzjoni tal-għanijiet u politika ta’ investiment, informazzjoni dwar il-proporzjon tal-assi tal-UCITS alimentatriċi investit fil-UCITS prinċipali.

2.   Għandu jkun hemm ukoll deskrizzjoni tal-għanijiet u l-politika ta’ investiment tal-UCITS prinċipali, issupplimentata kif jixraq minn xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

indikazzjoni li r-redittu mill-investiment tal-UCITS alimentatriċi ser jkun simili ħafna għal dawk tal-UCITS prinċipali, jew

(ii)

spjegazzjoni ta’ kif u għala r-redittu mill-investiment tal-UCITS alimentatriċi u dik prinċipali jista’ jkun differenti.

Artikolu 32

It-taqsima tal-profil tar-riskji u l-gwadanji

1.   Fejn il-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-UCITS alimentatriċi jkun differenti f’kwalunkwe aspett materjali minn dak tal-fond principali, dan il-fatt u r-raġuni għalih għandu jkun spjegat fit-taqsima “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

2.   Kwalunkwe riskju ta’ likwidità u r-relazzjoni ta’ bejn l-arranġamenti tal-akkwist u tifdija tal-UCITS prinċipali u dik alimentatriċi għandhom ikunu spjegati fit-taqsima “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

Artikolu 33

It-taqsima tal-Imposti

It-taqsima “Imposti” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tkopri kemm l-ispejjeż biex wieħed jinvesti fil-UCITS alimentatriċi kif ukoll kwalunkwe spiża u nefqa li l-UCITS prinċipali tista’ timponi fuq il-UCITS alimentatriċi.

Barra minn hekk, għandha tikkumbina flimkien l-ispejjeż kemm tal-UCITS alimentatriċi u ta’ dik prinċipali fiċ-ċifra tal-Imposta tal-prosegwiment tal-UCITS alimentatriċi.

Artikolu 34

It-taqsima tal-informazzjoni prattika

1.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tal-UCITS alimentatriċi, fit-Taqsima “Informazzjoni prattika”, għandu jkun fih informazzjoni speċifika dwar il-UCITS alimentatriċi.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

dikjarazzjoni li l-prospett tal-UCITS prinċipali, id-dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur, u r-rapporti perjodiċi u l-kontijiet huma disponibbli għall-investituri tal-UCITS alimentatriċi jekk jintalbu, kif dawn jistgħu jinkisbu, u b’liema lingwa/i;

(b)

jekk l-affarijiet elenkati fil-punt (a) ikunux disponibbli f’kopji stampati biss jew f’xi mezzi li jibqgħu oħrajn, u jekk titħallasx xi tariffa għal dawk l-affarijiet li mhumiex soġġetti għal tqassim b’xejn skont l-Artikolu 63(5) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c)

fejn il-UCITS prinċipali tkun stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak tal-UCITS alimentatriċi, u dan jista’ jaffettwa t-trattament ta’ taxxa tal-fond alimentatur, għandu jkun hemm dikjarazzjoni f’dan ir-rigward.

Artikolu 35

Prestazzjoni fl-imgħoddi

1.   Il-preżentazzjoni tal-prestazzjoni fl-imgħoddi fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tal-UCITS alimentatriċi għandha tkun speċifika għall-UCITS alimentatriċi, u fiha m’għandux jidher ir-reġistru tal-prestazzjoni tal-UCITS prinċipali.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika:

(a)

fejn il-UCITS alimentatriċi turi l-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS prinċipali tagħha bħala l-punt ta’ riferiment; jew

(b)

fejn il-fond alimentatur ikun tnieda bħala UCITS alimentatriċi f’data wara l-UCITS prinċipali, u fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19 ikunu ssodisfati, u fejn tintwera prestazzjoni simulata għas-snin qabel ma l-fond alimentatur kien jeżisti, abbażi tal-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS prinċipali; jew

(c)

fejn il-UCITS alimentatriċi jkollha rendikont tal-prestazzjoni fl-imgħoddi minn qabel id-data li fiha tkun bdiet topera bħala fond alimentatur, filwaqt li r-reġistrazzjoni proprja tagħha għas-snin rilevanti jibqa’ jidher fil-bar chart, bil-bidla materjali mmarkata kif meħtieġ skont l-Artikolu 17(2).

TAQSIMA 5

UCITS Strutturati

Artikolu 36

Xenarji ta’ prestazzjoni

1.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ta’ UCITS strutturati m’għandux ikollu fih it-taqsima “Prestazzjoni fl-imgħoddi”.

Għall-iskopijiet ta’ din it-Taqsima, UCITS għandha tfisser UCITS li jipprovdu l-investituri, f’ċerti dati predeterminati, bi gwadan ibbażat fuq algoritmu li huwa marbut mal-prestazzjoni, jew mal-evoluzzjon tal-prezz jew kundizzjonijiet oħrajn, ta’ assi finanzjarji, indiċijiet jew portafolji ta’ referenza jew UCITS b’karatteristiċi simili.

2.   Għal UCITS strutturati, it-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tinkludi spjegazzjoni ta’ kif taħdem il-formula jew kif jiġi kkalkulat il-gwadan.

3.   L-ispjegazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun akkumpanjata b’illustrazzjoni, li turi tal-anqas tliet xenarji tal-prestazzjoni potenzjali tal-UCITS. Għandhom jintgħażlu xenarji xierqa li juru ċ-ċirkostanzi li fihom il-formula tista’ tiġġenera redittu baxx, medju jew għoli, inkluż, fejn ikun applikabbli, redittu negattiv għall-investitur.

4.   Bix-xenarji msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jippermettu l-investitur jifhem kompletament l-effetti kollha tal-mekkaniżmu tal-kalkolu inkorporat fil-formula.

Dawn għandhom ikunu ppreżentati b’mod ġust, ċar u li ma jiżvijax, u li x’aktarx jiftiehem mill-investitur medju fil-livell tal-konsum. B’mod partikolari, dawn m’għandhomx ikabbru b’mod artifiċjali l-importanza tal-prestazzjoni finali tal-UCITS.

5.   Ix-xenarji msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet raġonevoli u konservattivi dwar il-kundizzjonijiet tas-suq u ċ-ċaqliq fil-prezzijiet fil-ġejjieni.

Madanakollu, kull meta l-formula tesponi lill-investituri għall-possibbiltà ta’ telf sostanzjali, bħalma hija garanzija fuq il-kapital li taħdem biss taħt ċerti ċirkostanzi, dan it-telf għandu jkun illustrat sew, anki jekk il-probabbiltà tal-kundizzjonijiet korrispondenti tas-suq tkun baxxa.

6.   Ix-xenarji msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu akkumpanjati b’dikjarazzjoni li dawn huma eżempji inklużi biex jispjegaw il-formula, u ma jirrappreżentawx xi previżjoni ta’ dak li jista’ jiġri. Wieħed għandu jagħmilha ċara li x-xenarji murija jista’ ma jkollhomx l-istess probabbiltà li jseħħu.

Artikolu 37

Tul

Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investituri ta’ UCITS strutturati m’għandux jaqbeż it-tliet paġni fuq karta ta’ daqs A-4 meta stampat.

KAPITOLU V

MEZZ LI JIBQA’

Artikolu 38

Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-provvista ta’ dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew ta’ prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku

1.   Fejn, għall-iskopijiet tad-Direttiva 2009/65/KE, id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett irid jiġi pprovdut lill-investituri bl-użu ta’ mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat għandhom ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-provvista tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett bl-użu ta’ dan il-mezz li jibqa’ jrid ikun jixraq lill-kuntest li fih jsir in-negozju bejn il-kumpanija maniġerjali u l-investitur, jew li jkun ser isir fih; u

(b)

il-persuna li trid tiġi pprovduta bid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett, meta offruta tagħżel bejn informazzjoni stampata jew dik bil-mezz li jibqa’ l-ieħor, tagħżel speċifikament dak il-mezz l-ieħor.

2.   Fejn id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett irid jiġi pprovdut permezz ta’ sit elettroniku u dik l-informazzjoni ma tkunx indirizzata personalment lill-investitur, għandhom ikunu ssodisfati wkoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-provvista ta’ dik l-informazzjoni b’dak il-mezz tkun tixraq lill-kuntest li fih isir in-negozju bejn il-kumpanija maniġerjali u l-investitur ikun sa, jew li jkun ser isir fih;

(b)

l-investitur għandu speċifikament jikkonsenti għall-provvista ta’ dik l-informazzjoni f’dik il-forma;

(c)

l-investitur għandu jiġi nnotifikat b’mod elettroniku bl-indirizz tas-sit elettroniku, u l-post fis-sit elettroniku minn fejn l-informazzjoni tkun tista’ tiġi aċċessata;

(d)

l-informazzjoni trid tkun aġġornata;

(e)

l-informazzjoni trid tkun aċċessibbli kontinwament permezz ta’ dak is-sit elettroniku għal dak il-perjodu ta’ żmien li fih il-klijent jista’ raġonevolment ikun jeħtieġlu jispezzjonaha.

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-provvista ta’ informazzjoni permezz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandha titqies li tkun tixraq lill-kuntest li fih isir in-negozju bejn il-kumpanija maniġerjali u l-investitur, jew ikun isir fih, jekk ikun hemm evidenza li l-investitur għandu aċċess regolari għall-Internet. L-għoti ta’ indirizz elettroniku mill-investitur għall-iskopijiet tat-twettiq ta’ dak in-negozju għandu jitqies bħala din l-evidenza.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(2)  Ara paġna 42 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26.

(5)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18.


ANNESS I

REKWIŻITI RELATATI MAL-PREŻENTAZZJONI TAL-INDIKATUR SINTETIKU

1.   L-indikatur sintetiku għandu jikklassifika l-fond fuq skala minn 1 sa 7 abbażi tar-reġistru tal-volatilità tiegħu.

2.   L-iskala għandha tintwera bħala sekwenza tal-kategoriji rappreżentati b’numri sħaħ f’ordni miż-żgħir għall-kbir minn 1 sa 7 li timxi mix-xellug għal-lemin, u li tirrappreżenta livelli ta’ riskji u gwadan, mill-aktar baxx sal-ogħla.

3.   Wieħed għandu jagħmilha ċara fuq l-iskala li riskju baxx ifisser gwadan potenzjalment aktar baxx u li riskju ogħla jfisser gwadanji potenzjalment ogħla.

4.   Il-kategorija li fiha tkun taqa’ l-UCITS għandha tkun indikata b’mod prominenti.

5.   M’għandux jintuża kulur biex wieħed jiddistingwi bejn l-affarijiet fuq l-iskala.


ANNESS II

PREŻENTAZZJONI TAL-IMPOSTI

It-imposti għandhom ikunu ppreżentati f’tabella strutturata bil-mod li ġej:

Imposti ta’ darba li jittieħdu qabel jew wara li tinvesti

Imposta fuq l-investiment inizjali

Imposta fuq iċ-ċessjoni

[] %

[] %

Dan huwa l-massimu li jista’ jittiħidlek minn flusek [qabel ma jiġu investiti] [qabel ma jitħallas ir-rendiment mill-investiment tiegħek]

Imposti meħuda mill-fond tul sena

Imposta tal-prosegwiment

[] %

Imposti meħuda mill-fond skont ċerti kundizzjonijiet speċifiċi

Tariffa fuq il-prestazzjoni

[] % kull sena ta’ kull redittu miksub mill-fond ‘il fuq mill-punt ta’ riferiment għal dawn it-tariffi, il- [daħħal l-isem tal-punt ta’ riferiment]

Għandu jkun indikat ammont perċentwali għal kull waħda minn dawn l-imposti.

Fil-każ ta’ tariffa fuq il-prestazzjoni, l-ammont li impost fl-aħħar sena finanzjarja tal-fond għandu jiġi inkluż bħala ċifra perċentwali.


ANNESS III

PREŻENTAZZJONI TAL-INFORMAZZJONI DWAR IL-PRESTAZZJONI FL-IMGĦODDI

Il-bar chart li tippreżenta l-prestazzjoni fl-imgħoddi għandha tkun konformi mal-kriterji li ġejjin:

1.

l-iskala tal-assi Y tal-bar chart għandha tkun lineari, mhux logaritmika;

2.

l-iskala għandha tiġi adattata għall-bars murija u m’għandhiex tikkompressal-bars biex il-varjazzjonijiet fir-redittu jsiru aktar diffiċli biex jintgħarfu;

3.

l-assi X għandu jkun issettjat fil-livell ta’ prestazzjoni ta’ 0 %;

4.

għandha tiżdied marka ma’ kull bar li tindika r-redittu li jkun inkiseb f’perċentwali li;

5.

iċ-ċifri tal-prestazzjoni fl-imgħoddi għandhom jitqarrbu sa ċifra deċimali waħda.


Top