EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0200

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 200/2010 tal- 10 ta’ Marzu 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi ta' Salmonella f'qatgħat ta' adulti għat-tgħammir ta' Gallus gallus (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 61, 11.3.2010, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 034 P. 272 - 280

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/03/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/200/oj

11.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 200/2010

tal-10 ta’ Marzu 2010

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi ta' Salmonella f'qatgħat ta' adulti għat-tgħammir ta' Gallus gallus

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifikati li jinġarru mill-ikel (1) u, b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa li jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-individwazzjoni u l-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji rilevanti kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, partikolarment fil-livell ta’ produzzjoni primarja, biex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju tagħhom għas-saħħa pubblika.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jipprovdi l-miri tal-Unjoni li għandhom jiġu stabbiliti għat-tnaqqis tal-prevalenza taż-żoonożi u aġenti żoonotiċi elenkati fl-Anness I tiegħu fil-popolazzjonijiet tal-annimali elenkati fih. Dan jistabbilixxi wkoll ċerti rekwiżiti għal dawk il-miri.

(3)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jirreferi għas-serotipi tas-Salmonella kollha b'sinifikat għas-saħħa pubblika f'qatgħat għat-tgħammir ta' Gallus gallus. Dawk il-qatgħat għat-tgħammir jistgħu jxerrdu l-infezzjoni tas-Salmonella lill-frieħ tagħhom, b'mod partikolari lill qatgħat ta' tiġieġ li jbidu u l-brojlers. Għaldaqstant, tnaqqis fil-prevalenza tas-Salmonella fil-qatgħat għat-tgħammir jikkontribwixxi għall-kontroll tal-aġenti żoonotiċi fil-bajd u l-laħam li joriġinaw mill frieħ, li huwa riskju importanti fuq is-saħħa pubblika.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1003/2005 tat-30 ta’ Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerti serotipi tas-Salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus  (2), jistabbilixxi mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerti serotipi ta' Salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus għal perjodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2009. Sa dik id-data, il-perċentwali massimu ta' qatgħat adulti għat-tgħammir ta' Gallus gallus li jibqgħu pożittivi għas-Salmonella enteritidis, Salmonella infantis, Salmonella Hadar, Salmonella typhimuriumu Salmonella virchow(“is-Salmonella spp rilevanti”) għandu jkun 1 % jew anqas. Skont dan, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita mira permanenti tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-Salmonella spp. rilevanti hekk kif il-perjodu jiskadi.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula li l-esperjenza miksuba skont il-miżuri nazzjonali u tagħrif mibgħut lill-Kummissjoni jew lill-Awtorità dwar is-Sikurezza tal-Ikel (“EFSA”) skont ir-rekwiżiti attwali tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-qafas tat-tagħrif stipulat fid-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-issorveljar taż-żoonożi u aġenti żoonotiċi (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu, għandhom jitqiesu fl-issettjar tal-mira tal-Unjoni.

(6)

F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, l-EFSA ġiet ikkonsultata dwar it-twaqqif tal-mira tal-Unjoni permanenti għal qatgħat għat-tgħammir ta' Gallus gallus. Skont dan, fis-26 ta' Marzu 2009, il-Bord adotta fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea Opinjoni xjentifika dwar stima Kwantitattiva tal-impatt ta' twaqqif ta' mira ġdida għat-tnaqqis tas-Salmonella fit-tgħammir ta' tiġieġ Gallus gallus  (4). Ikkonkludiet li s-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium għandhom l-akbar potenzjal għat-tixrid, minn tgħammir ta' tiġieġ sal-frieħ tagħhom fil-katini tal-laħam tal-brojler u l-bajd. Ikkonkludiet ukoll li l-miżuri tal-kontroll tal-UE għal dawn iż-żewġ serotipi fit-tgħammir tat-tiġieġ huma mistennija li jikkontribwixxu għall-kontroll tal-infezzjonijiet tas-Salmonella fil-ħażna tal-produzzjoni, u t-tnaqqis ta' riskji fuq is-saħħa tal-bniedem mit-tajr. L-Opinjoni Xjentifika ddikjarat ukoll li l-benefiċċji marġinali ta' kontroll ulterjuri madwar l-UE għal serotipi oħra fil-qatgħat għat-tgħammir huma relattivament żgħar: jiġu assoċjati anqas ta' spiss ma' mard uman u għandhom potenzjal anqas għal tixtrid vertikali.

(7)

Meta titqies l-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA u jiġi kkunsidrat li aktar żmien huwa meħtieġ sabiex it-tendenza tas-Salmonella fil-qatgħat tiġi stmata wara l-introduzzjoni ta' programmi nazzjonali ta' kontroll, mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-Salmonella fil-qatgħat ta' adulti għat-tgħammir ta' Gallus gallus bħal dik li ġiet stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1003/2005 għandha tinżamm.

(8)

Sabiex jiġi aċċertat il-progress fil-kisba tal-mira tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi provdut għat-teħid ripetut ta' kampjuni ta' qatgħat għat-tgħammir ta' Gallus gallus.

(9)

Programmi nazzjonali ta' kontroll sabiex il-mira tinkiseb fl-2010 ġew approvati skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/883/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 li tapprova programmi annwali u plurienniali u l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-eradikazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ ċertu mard tal-annimali u żoonosi ppreżentati mill-Istati Membri għall-2010 u s-snin ta’ wara (5). Dawn il-programmi kienu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet legali applikabbli fiż-żmien tas-sottomissjoni ta' dawn il-programmi. Il-programmi fil-qatgħat għat-tgħammir ta' Gallus gallus ġew approvati bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1003/2005. Miżura tranżitorja hija għaldaqstant meħtieġa għall-programmi ta' kontroll li ġew approvati diġà.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mira tal-Unjoni

1.   Mill-1 ta' Jannar 2010, il-mira tal-Unjoni, kif issir referenza għaliha fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, għat-tnaqqis tas-Salmonella spp. fil-qatgħat għat-tgħammir ta' Gallus gallus (′il-mira tal-Unjoni) għandha tkun tnaqqis ta' 1 % jew anqas tal-perċentwali massimu tal-qatgħat ta' adulti għat-tgħammir ta' Gallus gallus li jibqgħu pożittivi għas-Salmonella enteritidis, Salmonella infantis, Salmonella hadar, Salmonella typhimurium u Salmonella virchow(“is-serotipi rilevanti tas-Salmonella”).

Għaldaqstant, għall-Istati Membri b'anqas minn 100 qatgħa adulti għat-tgħammir ta' Gallus gallus, il-mira tal-Unjoni, mill-1 ta' Jannar 2010, għandha tkun li mhux aktar minn qatgħa waħda bħal din għandha tibqa′ pożittiva għas-serotipi tas-Salmonella rilevanti kull sena.

2.   L-iskema ta' ttestjar li hija meħtieġa sabiex jiġi aċċertat il-progress fil-kisba tal-mira tal-Unjoni hi stipulata fl-Anness.

Artikolu 2

Reviżjoni tal-mira tal-Unjoni

Il-mira tal-Unjoni għandha tiġi riveduta mill-Kummissjoni billi tikkunsidra l-informazjoni miġbura skont l-iskema ta' ttestjar stipulata fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(6)(c) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

Artikolu 3

Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1003/2005

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1003/2005 huwa mħassar.

2.   Referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Miżuri Tranżitorji

Id-dispożizzjonijiet tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1003/2005 għandhom ikomplu jkunu applikabbli għall-programmi ta' kontroll approvati qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ u l-applikabilità.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 170, 1.7.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.

(4)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 1036, p. 1-68.

(5)  ĠU L 317, 3.12.2009, p. 36.


ANNESS

Skema ta' ttestjar meħtieġa sabiex tiġi aċċertata l-kisba tal-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-serotipi rilevanti tas-Salmonella fil-qatgħat adulti għat-tgħammir tal-Gallus gallus

1.   QAFAS GĦAT-TEĦID TAL-KAMPJUNI

Il-qafas għat-teħid tal-kampjuni għall-individwazzjoni tal-preżenza tas-Salmonella Enteritidis, Salmonella Infantis, Salmonella Hadar, Salmonella Typhimurium u Salmonella Virchow (“is-serotipi rilevanti tas-Salmonella”) għandhom ikopru l-qatgħat ta' adulti għat-tgħammir ta' tjur domestiċi kollha (Gallus gallus) li jinkludu mill-anqas 250 tajra (“qatgħat għat-tgħammir”). Dan għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 u d-Direttiva 2003/99/KE rigward ir-rekwiżiti ta' monitoraġġ fil-popolazzjonijiet ta' annimali oħra jew serotipi oħra.

2.   MONITORAĠĠ FIL-QATGĦAT GĦAT-TGĦAMMIR

2.1.   Il-post, il-frekwenza u l-istatus tat-teħid tal-kampjuni

Il-kampjuni minn qatgħat għat-tgħammir għandhom jittieħdu fuq l-inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel u bħala parti minn kontrolli uffiċjali.

2.1.1.   Teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel

It-teħid tal-kampjuni għandu jsir kull ġimgħatejn fil-post magħżul mill-awtorità kompetenti minn fost iż-żewġ għażliet possibbli li ġejjin:

(a)

fil-mafqas; jew

(b)

fl-istabbiliment.

L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li timplimenta waħda mill-għażliet imsemmija fil-punti (a) jew (b) għall-iskema kollha ta’ ttestjar għall-qatgħat kollha għat-tgħammir tal-brojler u waħda minn dawk l-għażliet għall-qatgħat għat-tgħammir tat-tiġieġ li jbidu. Għaldaqstant, it-teħid tal-kampjuni tal-qatgħat għat-tgħammir li jbidu bajd ta' tfaqqis maħsub għall-kummerċ fl-Unjoni għandu jseħħ fl-istabbiliment.

Proċedura għandha tiġi stabbilita biex tiggarantixxi li l-individwazzjoni tal-preżenza tas-serotipi rilevanti tas-Salmonella matul it-teħid tal-kampjuni b'inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel tiġi notifikata mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti mill-laboratorju li jwettaq l-analiżi. In-notifika f’waqtha tal-individwazzjoni tal-preżenza ta' kwalunkwe serotipi rilevanti tas-Salmonella, għandha tibqa’ r-responsabbiltà tal-operatur tal-ikel u tal-laboratorju li jwettaq l-analiżi.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel paragrafu ta' dan il-punt, jekk il-mira tal-Unjoni tkun inkisbet għal mill-anqas sentejn kalendarji konsekuttivi fl-Istati Membri kollha, it-teħid ta’ kampjuni fl-istabbiliment jista’ jiġi estiż biex iseħħ kull tliet ġimgħat, fuq id-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li żżomm jew terġa’ lura għal intervall ta’ ttestjar ta’ ġimgħatejn fil-każ ta’ individwazzjoni tal-preżenza ta' serotipi rilevanti tas-Salmonella fil-qatgħa għat-tgħammir fl-istabbiliment u/jew f’kull każ ieħor meqjus xieraq mill-awtorità kompetenti.

2.1.2.   Teħid ta' kampjuni bħala kontrolli uffiċjali

It-teħid ta' kampjuni bħala kontrolli uffiċjali għandu jikkonsisti fi:

2.1.2.1.   Jekk it-teħid tal-kampjuni b'inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel isir fil-mafqas:

(a)

teħid ta’ kampjuni ta’ rutina kull 16-il ġimgħa fil-mafqas;

(b)

teħid ta' rutina ta' kampjuni fl-istabbiliment f'żewġ okkażjonijiet matul iċ-ċiklu tal-produzzjoni, li l-ewwel waħda tkun fi żmien erba' ġimgħat wara l-qalba għall-fażi tal-produzzjoni tal-bajd jew it-trasferiment għall-istabbiliment tal-produzzjoni tal-bajd u t-tieni waħda sseħħ lejn l-aħħar tal-fażi tal-produzzjoni tal-bajd, mhux iktar kmieni minn tmien ġimgħat qabel tmiem iċ-ċiklu tal-produzzjoni;

(c)

teħid konfermattiv ta' kampjuni fl-istabbiliment, wara l-individwazzjoni tal-preżenza tas-serotipi rilevanti tas-Salmonella minn teħid ta' kampjuni fil-mafqas.

2.1.2.2.   Jekk it-teħid ta' kampjuni bl-inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel isir fl-istabbiliment, it-teħid ta' rutina ta' kampjuni għandu jsir fi tliet okkażjonijiet matul iċ-ċiklu ta' produzzjoni:

(a)

fi żmien erba’ ġimgħat wara l-qalba għall-fażi tal-produzzjoni jew it-trasferiment għall-istabbiliment tal-produzzjoni tal-bajd;

(b)

lejn tmiem il-fażi tal-produzzjoni tal-bajd, mhux iktar kmieni minn tmien ġimgħat qabel tmiem iċ-ċiklu ta’ produzzjoni;

(c)

fi kwalunkwe żmien matul iċ-ċiklu tal-produzzjoni, li hu distanti biżżejjed mill-kampjuni msemmija fil-punti (a) u (b).

2.1.2.3.   Permezz ta’ deroga mill-punti 2.1.2.1 u 2.1.2.2 u jekk il-mira tal-Unjoni tkun intlaħqet għal mill-inqas sentejn kalendarji konsekuttivi fl-Istati Membri kollha, l-awtorità kompetenti tista’ tissostitwixxi t-teħid ta’ kampjuni ta’ rutina bit-teħid ta’ kampjuni:

(a)

(a) fl-istabbiliment f’okkażjoni waħda f’kull żmien matul iċ-ċiklu ta’ produzzjoni u darba fis-sena fil-mafqas; jew

(b)

fl-istabbiliment f’żewġ okkażjonijiet f’kull żmien distanti biżżejjed minn xulxin matul iċ-ċiklu ta’ produzzjoni.

Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li żżomm jew terġa’ lura għat-teħid ta' kampjuni stabbiliti fil-punti 2.1.2.1 u 2.1.2.2 fil-każ ta’ individwazzjoni tal-preżenza ta' serotipi rilevanti tas-Salmonella fil-qatgħa għat-tgħammir fl-istabbiliment u/jew f’kull każ ieħor meqjus xieraq mill-awtorità kompetenti.

It-teħid ta’ kampjuni mwettaq mill-awtorità kompetenti jista’ jieħu post it-teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel.

2.2.   Il-protokoll għat-teħid tal-kampjuni

2.2.1.   Teħid ta' kampjuni fil-mafqas

Għandu jittieħed mill-inqas kampjun wieħed għal kull qatgħa għat-tgħammir f’kull okkażjoni ta’ teħid tal-kampjuni.

It-teħid ta' kampjuni għandhom isiru fil-jum ta' tfaqqis meta l-kampjuni mill-qatgħat għat-tgħammir kollha jkunu disponibbli. Jekk ma jkunx possibbli, għandu jiġi ggarantit li l-kampjuni jiġu miġbura minn kull qatgħa mill-anqas bil-frekwenza stipulata fil-punt 2.1.

Il-materjal kollu mill-imfaqas kollha li minnhom jitneħħew flieles imfaqqsa fil-jum ta' teħid ta' kampjuni għandhom jikkontribwixxu b'mod proporzjonat għas-sett ta' kampjuni.

Jekk hemm aktar minn 50 000 bajda ta' qatgħa waħda għat-tgħammir fl-imfaqas, għandu jinġabar it-tieni kampjun minn dik il-qatgħa.

Il-kampjun għandu jikkonsisti għall-inqas f’dawn li ġejjin:

(a)

kampjun wieħed kompost tal-inforri tal-qfief għat-tfaqqis, viżibbilment imċappsa, meħud każwalment minn ħamest iqfief għat-tfaqqis separati jew ħames postijiet fil-mafqas, biex jinkiseb wiċċ totali ta’ teħid ta’ kampjuni ta’ mill-inqas 1 m2; jekk il-bajd għat-tfaqqis minn qatgħa għat-tgħammir qegħdin f'iktar minn mafqas wieħed, kampjun kompost bħal dan għandu jittieħed minn kull mafqas sa mhux aktar minn ħamsa; jew

(b)

kampjun wieħed miġbur b’waħda jew aktar biċċiet niedja tat-tessut ta’ żona tal-wiċċ totali ta’ mill-inqas 900 cm2, meħud minnufih wara t-tneħħija tat-tiġieġ miż-żona kollha tal-wiċċ tal-qiegħ ta’ mill-inqas total ta’ ħamest iqfief għat-tfaqqis, jew minn tnietex minn ħames postijiet, inkluż fl-art, f'kull mafqas sa massimu ta' ħamsa bil-bajd imfaqqsa mill-qatgħa, filwaqt li jiġi żgurat li jittieħed mill-inqas kampjun wieħed għal kull qatgħa li minnha ġejjin il-bajd; jew

(c)

10 g ta’ qxur tal-bajd imkisser meħudin minn total ta’ 25 qoffa għat-tfaqqis separati, jiġifieri 250 g fil-kampjun tal-bidu, ta’ f’mhux aktar minn ħamest imfaqas bil-bajd imfaqqsa mill-qatgħa, imfarrak, mħallat u li minnu għandu jittieħed sottokampjun biex ikun ifformat sottokampjun ta’ 25 g għall-ittestjar.

Il-proċedura stabbilita fil-punti (a), (b) u (c) għandha tiġi segwita għal teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel kif ukoll bħala parti mill-kontrolli uffiċjali. Madankollu, mhuwiex obbligatorju li jiġi inkluż mafqas bil-bajd minn qatgħat differenti jekk mill-inqas 80 % mill-bajd jinsabu f’imfaqas oħra li tagħhom ittieħdu l-kampjuni.

2.2.2.   Teħid ta' kampjuni fl-istabbiliment:

2.2.2.1.   Rutina ta' teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel

It-teħid tal-kampjuni għandu jikkonsisti primarjament f’kampjuni fekali u għandu jimmira għall-individwazzjoni ta’ 1 % ta’ prevalenza fil-qatgħa, b’limitu ta’ affidabbiltà ta’ 95 %. Għal dan il-għan, il-kampjuni għandhom jikkonsistu f'wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

Feċi mħallta magħmula minn kampjuni separati ta’ feċi friski li lkoll jiżnu mhux inqas minn 1g meħuda każwalment minn għadd ta’ siti fil-bini fejn tinżamm il-qatgħa, jew fejn il-qatgħa għandha aċċess liberu għal iktar minn bini wieħed fi stabbiliment partikolari, minn kull grupp ta’ djar fl-istabbiliment li fih tinżamm il-qatgħa. Il-feċi jistgħu jitħalltu għall-analiżi sa minimu ta’ żewġ kampjuni mħallta.

L-għadd ta’ siti li minnhom jittieħdu kampjuni separati ta’ feċi għandhom jittiedu biex jingħaqdu f’kampjun imħallat għandu jkun kif ġej:

Numru ta’ tjur miżmuma fil-qatgħa għat-tgħammir

Numru ta’ kampjuni ta’ feċi li jridu jittieħdu fil-qatgħa għat-tgħammir

250-349

200

350-449

220

450-799

250

800-999

260

1 000 jew aktar

300

(b)

Tajjar mill-buz u/jew kampjuni tat-trab:

 

It-tajjar mill-buz li jintużaw għandhom ikunu jassorbixxu biżżejjed biex jixorbu l-umdità. Il-“kalzetti” tat-tip tubegauze għandhom ikunu wkoll aċċettabbli għal dan l-għan.

 

Il-wiċċ tat-tajjara mill-buz għandu jixxarrab ftit b’dilwenti adatti (bħal 0,8 % klorur tas-sodju, 0,1 % peptun f’ilma dejonizzat sterili, ilma sterili jew kull dilwent ieħor approvat mill-awtorità kompetenti).

 

Il-kampjuni għandhom jittieħdu billi wieħed jgħaddi mill-bini u juża rotta li tipproduċi kampjuni rappreżentattivi tal-partijiet kollha tal-bini fejn tinżamm il-qatgħa jew tas-settur rispettiv. Din għandha tinkludi żoni maħmuġa jew miksija bil-paletti ladarba l-paletti jkunu sikuri biex wieħed jimxi fuqhom. Il-gallinari separati kollha f’bini fejn tinżamm il-qatgħa għandhom ikunu inklużi fit-teħid tal-kampjuni. Meta jitlesta t-teħid ta' kampjuni fis-settur magħżul, it-tajjar tal-buz għandu jitneħħa bil-galbu sabiex ma jinqala' l-ebda materjal imwaħħal.

Il-kampjuni għandhom jikkonsistu f’dawn li ġejjin:

(i)

ħames pari ta’ tajjar mill-buz, b’kull wieħed jirrappreżenta madwar 20 % tal-zona tal-bini fejn tinżamm il-qatgħa; għall-analiżi, it-tajjar jista’ jitħallat f’minimu ta’ żewġ kampjuni komposti; jew

(ii)

għall-inqas par wieħed ta’ tajjar mill-buz li jirrappreżenta ż-żona kollha tal-bini fejn tinżamm il-qatgħa u kampjun addizzjonali tat-trab miġbur minn diversi postijiet fil-bini kollu minn uċuh bi preżenza viżibbli ta’ trab; għandhom jintużaw wieħed jew aktar kampjuni tad-drapp niedja b'żona tal-wiċċ totali ta’ mill-anqas 900 cm2 biex jinġabar il-kampjun tat-trab.

(c)

F'qatgħat għat-tgħammir li jinżammu fil-gaġeġ, it-teħid ta’ kampjuni jista’ jikkonsisti f’feċi mħallta b’mod naturali miġbura miċ-ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ, mill-barraxa jew mill-fosos fondi, skont it-tip ta’ bini. Żewġ kampjuni ta’ mill-inqas 150 g għandhom jinġabru biex jiġu ttestjati individwalment:

(i)

iċ-ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ taħt kull saff ta’ gaġeġ li jitħaddmu regolarment u li jarmu ġo sistema għamla ta’ trapan jew konvejer;

(ii)

sistema għat-twaqqigħ tal-ħmieġ f’fossa fejn ikun hemm difletturi taħt il-gaġeġ jitqaxxru f'fossa fonda taħt il-bini;

(iii)

sistema ta' twaqqigħ tal-ħmieġ f'fossa f'bini fejn tinżamm il-qatgħa b'gaġeġ imtarrġa fejn il-gaġeġ jiġu żbilanċjati u l-feċi jaqgħu direttament fil-fossa.

Normalment ikun hemm bosta safef ta’ gaġeġ f’bini. Feċi mħallta minn kull saff għandhom ikunu rrappreżentati fil-kampjun komplessiv imħallat. Żewġ kampjuni mħallta għandhom jittieħdu minn kull qatgħa għat-tgħammir kif deskritt fit-tielet sas-sitt subparagrafi li ġejjin.

F’sistemi fejn hemm ċineg jew barraxa, dawn għandhom jitħaddmu fil-jum tat-teħid tal-kampjuni qabel jittieħdu l-kampjuni.

F’sistemi fejn hemm id-difletturi taħt il-gaġeġ u l-barraxa, il-feċi mħallta li jkunu weħlu mal-barraxa wara li tkun tħaddmet, għandhom jinġabru.

F'sistemi ta’ bini fejn tinżamm il-qatgħa b'gaġeġ imtarrġa fejn ma hemmx sistema ta’ ċineg jew barraxa jinħtieġ li l-feċi mħallta jinġabru mill-fossa l-fonda kollha.

Sistemi ta’ ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ: għandu jinġabar materjal fekali mħallat mit-truf taċ-ċineg.

2.2.2.2.   Teħid ta' kampjuni bħala kontrolli uffiċjali

(a)

It-teħid ta’ kampjuni ta’ rutina għandu jitwettaq kif deskritt fil-punt 2.2.2.1.

(b)

It-teħid konfermattiv ta’ kampjuni wara l-individwazzjoni tas-Salmonella rilevanti minn kampjuni li jkunu ttieħdu mill-mafqas għandu jsir kif deskritt fil-punt 2.2.2.1.

Jistgħu jinġabru kampjuni addizzjonali għall-ittestjar possibbli ta’ antimikrobiċi jew inibitorji tal-formazzjoni tal-batterji kif ġej: it-tjur għandhom jittieħdu każwalment minn kull bini fejn tinżamm il-qatgħa ta’ tjur fl-istabbiliment, normalment sa ħamest itjur għal kull bini, sakemm l-awtorità ma tqisx li jinħtieġ kampjun b’numru ikbar ta’ tjur.

Jekk is-sors ta’ infezzjoni mhuwiex ikkonfermat, għandu jsir ittestjar ta’ antimikrobiċi jew għandu jsir ittestjar batterjoloġiku ġdid għall-preżenza tas-serotipi rilevanti tas-Salmonella fuq il-qatgħa għat-tgħammir jew il-frieħ tagħhom qabel ma jitneħħew ir-restrizzjonijiet kummerċjali.

Jekk jiġu individwati antimikrobiċi jew inibitorji tal-formazzjoni tal-batterji, l-infezzjoni tas-Salmonella għandha titqies bħala kkonfermata.

(c)

Suspett ta' riżultati foloz

F’każijiet eċċezzjonali fejn l-awtorità kompetenti jkollha raġunijiet biex tqajjem dubji dwar ir-riżultati tal-ittestjar (bħal riżultati pożittivi foloz jew negattivi foloz), din tista’ tiddeċiedi li tirrepeti l-ittestjar skont il-punt (b).

3.   EŻAMI TAL-KAMPJUNI

3.1.   It-trasport u t-tħejjija tal-kampjuni

3.1.1.   Trasport

Il-kampjuni għandhom preferibbilment jintbagħtu bis-servizz espress tal-posta jew kurjer lill-laboratorji msemmija fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, fi żmien 24 siegħa wara li jinġabru. Jekk ma jintbagħtux fi żmien 24 siegħa, għandhom jinħażnu fil-kesħa. It-trasportazzjoni tista' tkun f'temperatura ambjentali sakemm sħana eċċessiva (aktar minn 25 °C) u espożizzjoni għad-dawl tax-xemx ikunu evitati. Fil-laboratorju, il-kampjuni għandhom jinżammu fil-kesħa sakemm isir l-eżami tagħhom, li għandu jingħata bidu fi żmien 48 siegħa wara li jasal il-kampjun u fi żmien 96 siegħa wara t-teħid tal-kampjun.

3.1.2.   L-inforri tal-qfief għat-tfaqqis:

(a)

qiegħed il-kampjun f’litru ta' buffered peptone water (BPW) li jkun issaħħan minn qabel sa temperatura ambjentali u ħawwad bil-mod;

(b)

kompli l-kultura tal-kampjun billi tuża l-metodu ta’ individwazzjoni deskritt fil-punt 3.2.

3.1.3.   It-tajjar mill-buz u l-kampjuni tat-trab:

(a)

Il-par(i) tat-tajjar mill-buz/kalzetti u l-kampjun tat-trab (kampjun tad-drapp) għandhom jinħarġu bil-galbu mill-ippakkjar biex jiġi evitat li jinqala’ materjal fekali mwaħħal jew materjal tat-trab maħlul u jitpoġġew f’225 ml ta’ BPW li ssaħħan minn qabel għal temperatura ambjentali.

(b)

It-tajjara mill-buz/kalzetti u l-kampjun tad-drapp għandhom jiġu mgħarrqa kompletament fil-BPW biex jipprovdu likwidu ħieles biżżejjed madwar il-kampjun għall-migrazzjoni tas-salmonella mill-kampjun u għalhekk jista’ jiżdied aktar BPW jekk ikun meħtieġ.

Se jsiru preparazzjonijiet separati tat-tajjar mill-buz u tal-kampjun tad-drapp.

(c)

Fejn ħames pari tat-tajjar mill-buz/kalzetti jitħalltu f’żewġ kampjuni, għandhom jitpoġġew kull kampjun imħallat f’225 ml ta’ BPW, jew aktar jekk ikun meħtieġ, biex il-kampjun jiġi mgħaddas kompletament u jiġi pprovdut biżżejjed likwidu ħieles madwar il-kampjun għall-migrazzjoni tas-salmonella mill-kampjun.

(d)

Ħawwad biex il-kampjun jixxarrab kompletament u kompli l-kultura permezz tal-metodu ta’ individwazzjoni deskritt fil-punt 3.2.

3.1.4.   Kampjuni ta’ materjal fekali ieħor:

(a)

Il-kampjuni fekali għandhom jitħalltu flimkien u jitħawdu sew u għandu jittieħed sottokampjun ta’ 25 gramm għall-koltura.

(b)

Is-sottokampjun ta’ 25 gramm għandu jiżdied ma’ 225 ml ta’ BPW imsaħħan minn qabel għal temperatura ambjentali;

(c)

Il-kultura tal-kampjun għandha titkompla billi jintuża l-metodu ta’ individwazzjoni deskritt fil-punt 3.2.

Jekk ikun hemm ftehim rigward l-istandards tal-ISO dwar il-preparazzjoni ta’ kampjuni rilevanti għall-individwazzjoni tas-Salmonella, dawn għandhom jiġu applikati u għandhom jieħdu post dawk imsemmija fil-punti 3.1.2, 3.1.3 u 3.1.4 rigward il-preparazzjoni tat-teħid tal-kampjuni.

3.2.   Metodu ta’ individwazzjoni

L-individwazzjoni tas-serotipi rilevanti tas-Salmonella għandha titwettaq skont l-Emenda 1 tal-EN/ISO 6579-2002/Amd1:2007. “Mikrobijoloġija tal-ikel u tal-għalf tal-annimali - Metodu orizzontali għall-individwazzjoni tas-Salmonella spp. – Emenda 1: Anness D: L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. fil-feċi tal-annimali u fil-kampjuni ambjentali mill-istadju primarju ta’ produzzjoni”.

Fir-rigward tal-kampjuni tat-tajjar mill-buz, il-kampjuni tat-trab u l-kampjuni ta’ materjal fekali ieħor imsemmija fil-paragrafu 3.1, huwa possibbli li jitħallat il-brodu inkubat ta’ BPW ta’ arrikiment għall-kultura futura. Sabiex isir dan, iż-żewġ kampjuni għandhom jiġu inkubati fil-BPW kif imsemmija fil-punt 3.1.3. Neħħi 1 ml ta’ brodu inkubat minn kull kampjun u ħawwad sewwa, imbagħad neħħi 0,1 ml mit-taħlita u laqqam il-pjastri semisolidi mmodifikati tar-Rappaport-Vassiliadis (MSRV).

Il-kampjuni fil-BPW ma għandhomx jiġu mċaqalqa, imħawwda jew bi kwalunkwe mod ieħor imħarrka wara l-inkubazzjoni billi dan jirrilaxxa partikuli inibitorji u jnaqqas l-iżolament sussegwenti fil-MSRV.

3.3.   Klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi

Għall-inqas iżolat wieħed minn kull kampjun li juri reazzjoni pożittiva għandu jkun ikklassifikat, skont l-iskema Kaufmann-White.

3.4.   Metodi alternattivi

Fir-rigward tal-kampjuni meħuda fil-bidu tal-operatur tan-negozju tal-ikel, metodi alternattivi jistgħu jintużaw minflok il-metodi għall-preparazzjoni tal-kampjuni, metodi ta’ stħarriġ u tas-serotipi previsti fil-punt 3.1, 3.2 u 3.3 ta’ dan l-Anness, jekk ivvalidati skont l-aktar verżjoni riċenti tal-EN/ISO 16140.

3.5.   Ħżin ta’ varjanti

Għandu jiġi ggarantit li mill-anqas varjant wieħed iżolat tas-serotipi rilevanti tas-Salmonella minn kampjuni bħala parti mill-kontrolli uffiċjali ta' kull bini u ta' kull sena jiġu maħżuna għall-phagetyping jew l-ittestjar għas-suxxettibilità antimikrobika ġejjiena, bl-użu ta' metodi normali għal ġbir tal-kultura, li għandha tiżgura l-integrità tal-varjanti għal perjodu minimu ta' sentejn. Jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, tiġi iżolata minn teħid ta' kampjuni minn operaturi tan-negozju tal-ikel għandha tiġi maħżuna għal dawn l-għanijiet.

4.   RIŻULTATI U RAPPORTAR

Qatgħa għat-tgħammir għandha tiġi kkunsidrata pożittiva għall-għan sabiex il-kisba tal-mira tal-Unjoni tiġi aċċertata,

meta l-preżenza ta' serotipi rilevanti tas-Salmonella (għajr għall-varjanti tal-vaċċin) ġew inidividwati f'wieħed jew aktar kampjuni meħuda mill-qatgħa, anki jekk is-serotipi rilevanti tas-Salmonella tiġi individwata fil-kampjun tat-trab biss, jew

meta l-kampjuni konfermattivi bħala parti mill-kontrolli uffiċjali skont il-punt 2.2.2.2(b) ma jikkonfermax l-individwazzjoni ta' serotipi rilevanti tas-Salmonella iżda antimikrobiċi jew inibitorji tal-formazzjoni tal-batterji ġew individwati fil-qatgħa.

Din ir-regola ma għandhiex tapplika f'każi eċċezzjonali deskritti fil-punt 2.2.2.2(c) fejn ir-riżultat pożittiv tal-bidu tas-Salmonella minn teħid ta' kampjuni fuq inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel ma kienx ikkonfermat permezz ta' teħid ta' kampjuni bħala parti mill-kontrolli uffiċjali.

Qatgħa għat-tgħammir pożittiva għandha tingħadd darba biss irrispettivament minn kemm-il darba s-serotipi rilevanti tas-Salmonella ġew individwati f'din il-qatgħa matul il-perjodu ta' produzzjoni jew jekk it-teħid ta' kampjuni seħħx fuq l-inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel jew mill-awtorità kompetenti. Madankollu, jekk it-teħid ta' kampjuni matul il-perjodu ta' produzzjoni jkun mifrux matul sentejn kalendarji, ir-riżultat ta' kull sena għandu jiġi rraportat b'mod separat.

Ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-għażliet implimentati għall-iskema ta’ teħid ta’ kampjuni u t-tip ta’ kampjuni li ttieħdu, kif jixraq;

(b)

in-numru totali tal-qatgħat ta' adulti għat-tgħammir li jinkludu mill-anqas 250 tajra li ġew ittestjati mill-anqas darba matul is-sena ta' rappurtar;

(c)

ir-riżultati tal-ittestjar jinkludu:

(i)

in-numru totali tal-qatgħat għat-tgħammir pożittivi bi kwalunkwe Salmonella fl-Istati Membri;

(ii)

in-numru tal-qatgħat għat-tgħammir pożittivi mill-anqas b'wieħed mis-serotipi rilevanti tas-Salmonella;

(iii)

in-numru ta' qatgħat għat-tgħammir pożittivi għal kull serotip tas-Salmonella jew għal Salmonella mhux speċifikata (iżolati li ma ngħatawx tip jew serotip);

(d)

in-numru ta' każi fejn il-kampjun tal-bidu tas-Salmonella pożittiv minn teħid ta' kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur tan-negozju tal-ikel ma kienx ikkonfermat permezz tat-teħid ta' kampjuni bħala parti mill-kontrolli uffiċjali;

(e)

spjegazzjonijiet dwar ir-riżultati, partikolarment dawk li jikkonċernaw każi eċċezzjonali.

Ir-riżultati u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali għandhom jiġu rrapportati bħala parti mir-rapport dwar it-tendenzi u s-sorsi previst fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE.


Top