EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0067

Regolament (KE) Nru 67/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej (Verżjoni kkodifikata)

OJ L 27, 30.1.2010, p. 20–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 036 P. 243 - 255

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1316

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/67/oj

30.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/20


REGOLAMENT (KE) Nru 67/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta' Novembru 2009

li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej

(verżjoni kkodifikata)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 156 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 tat-18 ta’ Settembru 1995 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej (3) ġie emendat kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

L-Artikolu 155 tat-Trattat jipprevedi li l-Komunità għandha tistabbilixxi sensiela ta’ linji gwida li jkopru l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-faxex wesgħin ta’ miżuri maħsuba fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej u li tkun tista' ssostni proġetti ta' interess komuni appoġġati mill-Istati Membri fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej. Taħt dak l-Artikolu, għajnuna Komunitarja tista’ tingħata għal proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-qafas tal-linji gwida.

(3)

Regoli ġenerali għandom jiġu stabbiliti għall-għoti ta' finanzjament mill-Komunità fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej, biex b’hekk jippermettu l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 155.

(4)

Għandu jiżdied l-involviment ta’ finanzjament bil-kapital privat ta’ netwerks trans-Ewropej u għandha tiġi żviluppata s-sħubija bejn is-setturi pubbliċi u privati.

(5)

L-għajnuna Komunitarja tista’ tieħu l-forma b’mod partikolari ta’ studji dwar il-fattibbiltà, il-garanziji fuq is-self jew is-sussidji fuq ir-rati tal-interessi. Dawn is-sussidji u l-garanziji għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-appoġġ finanzjarju mill-Bank Ewropew tal-Investiment jew minn korpi finanzjarji oħra privati jew pubbliċi. F’ċerti każi debitament iġġustifikati għotjiet diretti għall-investimenti jistgħu jiġu kkunsidrati.

(6)

Il-garanziji fuq is-self għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali mill-Fond Ewropew tal-Investiment jew minn organizzazzjonjiet finanzjarji oħra. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja tista’ tkopri l-intier jew parti mill-primjums imħallsin mill-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji.

(7)

L-għajnuna Komunitarja hija l-aktar maħsuba biex tegħleb xi ostakoli finanzjarji li jistgħu jinħolqu matul il-fażi tal-bidu ta’ proġett.

(8)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit limitu għall-għajnuna Komunitarja fir-rigward tal-ispiża totali tal-investiment. Madanakollu, għandha tiġi pprovduta rata għola ta’ għajnuna tal-Komunità li tippromwovi t-tlestija tal-konnessjonijiet bejn il-fruntieri għall-proġetti ta’ prijorità.

(9)

It-twaqqif ta’ sħubiji pubbliċi-privati (jew forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati) jitlob għal impenn finanzjarju sod minn investituri istituzzjonali li jkun suffiċjentement attraenti li jiġbor kapital privat. L-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fuq bażi ta’ ħafna snin jneħħi l-inċertezzi li qed tnaqqas ir-ritmu tal-iżvilupp ta’ proġett. Għaldaqstant għandhom jittieħdu miżuri biex jingħata appoġġ finanzjarju għall-proġetti magħżula fuq il-bażi ta’ impenn ġuridiku fuq ħafna snin.

(10)

L-għajnuna Komunitarja għandha tingħata għal proġetti abbażi ta’ kemm dawn jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Artikolu 154 tat-Trattat u għall-objettivi u l-prijoritajiet l-oħra koperti mil-linji gwida msemmija fl-Artikolu 155 tat-Trattat. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll aspetti oħra bħall-effett stimulattiv fuq il-finanzi pubbliċi u privati, l-effetti soċjo-ekonomiċi diretti u indiretti ta’ proġetti, b’mod partikolari fuq l-impjiegi, u l-konsegwenzi għall-ambjent.

(11)

Huwa xieraq li wieħed jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ kapital ta' riskju f’fondi ta’ investiment li jikkonċentraw primarjament fuq li jipprovdu dan il-kapital ta' riskju fi proġetti ta’ netwerks trans-Ewropej sa 1 % tal-ammont totali għall-perijodu 2000 sa 2006 u dan biex tinkiseb esperjenza f’dan it-tip ta’ finanzjament. Dan il-limitu jista’ jiġi miżjud sa 2 % wara reviżjoni fit-tħaddim ta’ dan l-istrument. Huwa wkoll xieraq li wieħed jistħarreġ il-possibbiltà tal-estensjoni tiegħu fil-ġejjieni.

(12)

Sabiex tiżdied it-trasparenza u jintlaqgħu l-aspettattivi għal proġetti jew gruppi ta’ proġetti li jkollhom ħtiġit finanzjarji importanti għal perijodu twil, hu meħtieġ li jsiru programmi ndikattivi multiannwali f’setturi jew oqsma speċifiċi. Dawk il-programmi għandhom jagħtu indikazzjoni dwar l-ammont ta' appoġġ totali u annwali li jista’ jiġi allokat għal ċertu perijodu għal tali proġett jew grupp ta’ proġetti, u li għandu jservi bħala referenza għad-deċiżjonijiet annwali li tingħata għajnuna finanzjarja skont il-limiti tal-approprjazzjonijiet baġitarji annwali, meta dawn jikkonformaw mal-programmi indikattivi multiannwali rilevanti. Madanakollu l-ammonti annwali indikati f’dawn il-programmi ma jirrappreżentawx impenji baġitarji.

(13)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta bir-reqqa il-vijabbiltà ekonomika potenzjal tal-proġetti, bl-għajnuna ta’ analiżi ta’ spejjeż/benefiċċji u ta’ kriterji oħra xierqa, kif ukoll il-profitabbiltà finanzjarja tagħhom.

(14)

L-appoġġ finanzjarju Komunitarju taħt l-Artikolu 155(1), l-ewwel subparagrafu, it-tielet inċiż, tat-Trattat għandu jkun kompatibbli mal-politika Komunitarja, b’mod partikolari dwar in-netwerks u fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, tal-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-protezzjoni ambjentali għandha tinkludi stima tal-impatt ambjentali.

(15)

Huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-poteri u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-kontroll finanzjarju.

(16)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni xierqa tal-attivitajiet Komunitarji kollha, speċjalment bejn il-finanzjament taħt in-netwerks trans-Ewropej, u dak tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, tal-Fond Ewropew tal-Investiment u tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li għandhom impatt fuq in-netwerks trans-Ewropej.

(17)

Għandu jkun hemm dispożizzjoni għal metodi xierqa ta’ valutazzjoni, segwitu u kontroll tal-għajnuna Komunitarja.

(18)

Għandu jkun hemm informazzjoni, pubbliċità u trasparenza xierqa dwar l-attivitajiet iffinanzjati.

(19)

Minħabba l-importanza tan-netwerks trans-Ewropej, huwa xieraq li f’dan ir-Regolament jiġi inkluż qafas finanzjarju fit-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fuq l-estimi u t-titjib tal-proċedura dwar l-estimi (5), ta’ EUR 4 874 880 000 għall-implimentazzjoni tiegħu għall-perijodu mill-2000 sa l-2006.

(20)

Huwa xieraq li l-Kunsill jeżamina jekk għandux ikompli jew jemenda l-miżuri taħt dan ir-Regolament fid-dawl tar-rapport komprensiv imressaq mill-Kummissjoni qabel tmiem l-2006.

(21)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjoni u Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna Komunitarja taħt l-Artikolu 155 (7), l-ewwel subparagrafu, it-tielet inċiż, tat-Trattat għal proġetti ta’ interess komuni fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej għal infrastruttura tat-telekommunikazzjoni u għal proġetti ta' interess komuni fil-qasam tan-netwerks għall-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport imsemmija fl-Artikolu 20, it-tielet paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija.

Artikolu 2

Eliġibbilità

L-għajnuna Komunitarja tista’ tingħata biss għal proġetti ta’ interess komuni (minn hawn 'il quddiem imsejħa “proġetti”) identifikati fil-qafas tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 155(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż, tat-Trattat.

Partijiet minn proġetti għandhom ikunu eliġibbli wkoll sakemm dawn jifformaw unitajiet teknikament u finanzjarjament indipendenti.

Artikolu 3

Forom ta’ għajnuna

1.   L-għajnuna Komunitarja għal proġetti tista’ tieħu waħda jew diversi minn dawn il-forom li ġejjin:

(a)

il-ko-finanzjament tal-istudji relatati ma’ proġetti, inklużi studji preparatorji, dwar il-fattibbiltà u l-valutazzjoni, u miżuri oħra ta’ appoġġ tekniku għal dawn l-istudji. Il-parteċipazzjoni Komunitarja ma tistax b’mod ġenerali tiskorri l-50 % tal-ispiża totali ta’ studju. F’każi eċċezzjonali, debitament sostanzjati, bl-inizjattiva tal-Kummissjoni u bil-kunsens tal-Istati Membri kkonċernati, il-parteċipazzjoni finanzjarja Komunitarja tista’ tiskorri l-limitu ta’ 50 %;

(b)

is-sussidji tal-interessi fuq is-self mogħti mill-Bank Ewropew għall-Investiment jew minn korpi oħra finanzjarji pubbliċi jew privati. Bħala regola ġenerali, il-perijodu tas-sussidju m’għandux jiskorri l-ħames snin;

(ċ)

il-kontribuzzjonijiet għal primjums għal garanziji fuq is-self mill-Fond Ewropew għall-Investiment jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

(d)

l-għotjiet diretti għal investimenti f’każi debitament ġustifikati;

(e)

il-parterċipazzjoni f’kapital ta' riskju għal fondi ta’ investiment jew impriżi finanzjarji komparabbli b’attenzjoni prijoritarja fuq il-provvista ta’ kapital ta' riskju għal proġetti ta’ netwerks trans-Ewropej u l-involviment ta’ investiment sostanzjali mis-settur privat; din il-parteċipazzjoni tal-kapital ta' riskju m’għandhiex tiskorri l-1 % tar-riżorsi baġitarji taħt l-Artikolu 19. Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2), dan il-limitu jista’ jiżdied sa 2 % mill-2003 fid-dawl ta’ reviżjoni, li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-Kummissjoni, dwar il-funzjonament ta’ dan l-instrument. Il-parteċipazzjoni tista’ ssir direttament fil-fond jew fl-impriża finanzjarja komparabbli jew fi struttura ta’ investiment konġunt xierqa mmexxija mill-istess amministraturi tal-fond. Modalitajiet oħra għall-implimentazzjoni ta’ din il-parteċipazzjoni f’kapital ta' riskju huma stabbiliti fl-Anness I.

2.   L-għajnuna Komunitarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kombinata fejn ikun xieraq, biex jiġi mmassimizzat l-istimulu pprovdut mir-riżorsi baġitarji li jkunu nħarġu, li għandhom jintużaw bl-aktar mod ekonomiku.

3.   Il-forom ta’ għajnuna Komunitarja msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw selettivament biex iqisu l-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi tipi ta’ netwerks involuti u biex jiżguraw li din l-għajnuna ma toħloqx tfixkil fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-settur konċernat.

4.   Il-finanzjament għal proġetti ta' infrastruttura tat-trasport matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 19 għandu jintuża b’mod li mill-anqas 55 % jiġi ddedikat lill-ferroviji (inkluż it-trasport kombinat) u massimu ta’ 25 % lit-toroq.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi speċifikament li wieħed jirrikorri għal sorsi privati ta’ finanzjament għal proġetti finanzjati taħt dan ir-Regolament fejn l-effett multiplikatur tal-istrumenti finanzjarji Komunitarji jista’ jiġi mmassimizzat fi sħubiji pubbliċi-privati. Kull każ għandu jiġi eżaminat individwalment mill-Kummissjoni, filwaqt li titqies fejn ikun xieraq alternattiva possibbli ffinanzjata biss minn riżorsi pubbliċi. Ikun meħtieġ l-appoġġ ta’ kull Stat Membru konċernat għal kull proġett f'konformità mat-Trattat.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet għall-għajnuna Komunitarja

1.   L-għajnuna Komunitarja għandha tingħata, bħala prinċipju, biss jekk il-kisba ta’ proġett tiltaqa’ ma’ ostakli finanzjarji.

2.   L-għajnuna Komunitarja m’għandhiex tiskorri l-minimu kkunsidrat neċessarju għat-tnedija ta’ proġett.

3.   Irrispettivament mill-forma ta’ intervent magħżul, l-ammont totali ta’ għajnuna Komunitarja taħt dan ir-Regolament m'għandhiex tiskorri l-10 % tan-nefqa totali tal-investiment. Iżda, l-ammont totali ta’ għajnuna Komunitarja jista’ eċċezzjonalment jilħaq l-20 % tan-nefqa totali tal-investiment fil-każi li ġejjin:

(a)

proġetti li jikkonċernaw sistemi tal-ippożizzjonar u tan-navigazzjoni permezz tas-satellita, kif previst fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (8);

(b)

proġetti ta’ prijorità ta’ netwerks tal-enerġija;

(ċ)

taqsimiet tal-proġetti ta’ interess Ewropew, bil-kondizzjoni li l-proġetti jinbdew qabel l-2010, identifikati fl-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE bil-għan li jiġu eliminati problemi u/jew il-mili ta’ taqsimiet nieqsa, jekk dawk it-taqsimiet ikunu bejn il-fruntieri jew jaqsmu ostakoli naturali, u jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tas-suq intern f’Komunità mkabbra, jippromwovu s-sikurezza, jiżġuraw l-interoperabbiltà tan-netwerks nazzjonali u/jew jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tnaqqis ta’ sbilanċi bejn il-modi ta’ trasport, favur il-modi l-aktar favorevoli għall-ambjent. Din ir-rata għandha tiġi differenzjata skont il-benefiċċji għal pajjiżi oħra, b’mod partikolari Stati Membri ġirien.

Fil-każ ta’ proġetti ta’ interess komuni identifikati fl-Anness I għad-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar sensiela ta’ linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej (9), l-ammont totali tal-għajnuna Komunitarja mogħtija taħt dan ir-Regolament jista’ jilħaq it-30 % tal-ispiża totali ta’ investiment.

4.   Ir-riżorsi finanzjarji previsti taħt dan ir-Regolament m’għandhomx, bħala prinċipju, jiġu assenjati għal proġetti jew stadji ta’ proġetti li jibbenefikaw minn sorsi oħra ta’ finanzjament mill-baġit Komunitarju.

5.   Fil-każ tal-proġetti msemmija fil-paragrafu 3, fil-limiti ta’ dan ir-Regolament, l-impenn ġuridiku għandu jkun multiannwali u l-impenji baġitarji għandhom jitħarsu fi ħlasijiet akkont fis-sena.

Artikolu 5

Programm Komunitarju multiannwali indikattiv

1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6 u sabiex titjieb l-effiċjenza tal-azzjoni Komunitarja, il-Kummissjoni tista’, b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2), telabora skont is-settur programm multiannwali indikattiv (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-programm') fuq il-bażi tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 155(1) tat-Trattat. Il-programm ikun ibbażat fuq applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjarja taħt l-Artikolu 8 u jirrifletti, inter alia, informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, b’mod partikolari l-informazzjoni li tidher fl-Artikolu 9.

2.   Il-programm għandu jkun magħmul esklusivament minn proġetti ta’ interess komuni u/jew gruppi koerenti ta’ proġetti ta’ interess komuni, kif identifikati minn qabel fil-qafas tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 155(1) tat-Trattat, f’oqsma speċifiċi li jkollhom ħtiġiet finanzjarji sostanzjali fuq perijodu twil.

3.   Għal kull proġett jew grupp ta’ proġetti l-programm jistabbilixxi l-ammonti indikattivi għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja soġġetta għad-deċiżjonijiet annwali tal-awtorità baġitarja. Mhux aktar minn 75 % tar-riżorsi baġitarji taħt l-Artikolu 19 għandhom jintużaw għall-għanijiet tal-programmi multiannwali indikattivi.

4.   Il-programm għandu jservi bħala referenza għad-deċiżjonijiet annwali li jallokaw l-għajnuna Komunitarja għal proġetti fil-limiti tal-approprjazzjonijiet baġitarji annwali. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 18 (10) dwar il-progress tal-programmi u dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-allokazzjoni tal-għajnuna Komunitarja għal dawk il-proġetti. Id-dokumenti sekondarji li jakkumpanjaw l-abbozz preliminari tal-budget tal-Kummissjoni għandu jkun fihom rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ kull programm multiannwali indikattiv f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-programm irid jiġi rivedut, għallanqas f’nofs il-perijodu jew fid-dawl tal-progress effettiv tal-proġetti jew gruppi ta' proġetti, u jekk ikun meħtieġ rivedut, f'konformità mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 18(2).

Il-programm għandu jagħti wkoll indikazzjoni ta’ fonti oħra ta’ finanzjament għall-proġetti konċernati, b’mod partikolari minn strumenti Komunitarji oħra u mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

5.   Fil-każ li jsir tibdil sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-proġetti jew gruppi ta' proġetti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Il-modifiki tal-ammonti globali indikattivi stabbiliti mill-programm għall-proġetti, li jistgħu jkunu meħtieġa wara dawn il-bidliet, għandhom jiġu deċiżi f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2).

Artikolu 6

Kriterji għall-għażla ta’ proġetti

1.   Il-proġetti għandhom jieħdu l-għajnuna skont kemm dawn jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 154 tat-Trattat u għall-objettivi u l-prijoritajiet l-oħra definiti fil-linji gwida msemmija fl-Artikolu 155(1) tat-Trattat.

2.   Fl-implimentazzjoni tagħha ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konformità tad-deċiżjonijiet tagħha dwar l-għoti ta’ għajnuna Komunitarja mal-prijoritajiet stabbiliti fil-linji gwida għas-setturi differenti stabbiliti skont l-Artikolu 155(1) tat-Trattat. Din għandha tinkludi l-konformità tagħhom ma’ kwalunkwe rekwiżit li jista' jiġi stabbilit f’dawk il-linji gwida f’termini ta’ perċentaġġ tal-għajnuna Komunitarja totali.

3.   L-għajnuna Komunitarja għandha tiġi assenjata għal proġetti li jkollhom il-potenzjal biex ikunu ekonomikament vijabbli u li l-profitt finanzjarju tagħhom fiż-żmien tal-applikazzjoni jitqies li ma jkunx suffiċjenti.

4.   Id-deċiżjoni biex tingħata għajnuna Komunitarja għandha tqis ukoll:

(a)

il-maturità tal-proġett,

(b)

l-effett stimulattiv tal-intervent Komunitarju fuq il-finanzi pubbliċi u privati,

(ċ)

is-solidità tal-pakkett finanzjarju,

(d)

l-effetti soċjo-ekonomiċi diretti jew indiretti, partikolarment fuq l-impjiegi,

(e)

il-konsegwenzi ambjentali.

5.   Speċjalment fil-każ ta’ proġetti transkonfinanti, il-koordinazzjoni dwar iż-żmien propizju tad-diversi partijiet tal-proġett għandha wkoll tiġi kkunsidrata.

Artikolu 7

Kompatibbiltà

Il-proġetti finanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu konformi mal-liġi Komunitarja u mal-politika Komunitarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Artikolu 8

Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjarja

L-applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjarja għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mill-Istati Membri kkonċernati jew, bi ftehim mal-Istat(i) Membru/i, mill-impriżi jew korpi pubbliċi jew privati kkonċernati direttament.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ftehim tal-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 9

Informazzjoni neċessarja għall-istima u l-identifikazzjoni tal-applikazzjonijiet

1.   Kull applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja għandha tinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżami tal-proġett f'konformità mal-Artikoli 4, 6 u 7, u b'mod partikolari:

(a)

jekk l-applikazzjoni tikkonċerna proġett:

(i)

il-korp responsabbli biex iwettaq il-proġett;

(ii)

deskrizzjoni tal-proġett ikkonċernat u t-tip ta’ għajnuna Komunitarja prevista;

(iii)

ir-riżultati tal-analiżi tal-ispiża/benefiċċju, inklużi r-riżultati tal-analiżi tal-potenzjal għall-vijabbilità ekonomika u l-analiżi tal-profitt finanzjarju;

(iv)

il-pożizzjoni tal-proġett, skont il-linji gwida, fil-qasam tat-trasport, fuq l-assi u ċ-ċentri;

(v)

il-konsistenza mal-ippjanar reġjonali;

(vi)

deskrizzjoni sommarja tal-impatt ambjentali, ibbażata fuq l-istimi li jkunu saru f'konformità mad-Direttiva 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (11);

(vii)

dikjarazzjoni li tistabbilixxi li possibbiltajiet alternattivi ta’ finanzjament pubbliku u privat, inkluż il-Fond tal-Investiment Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment, ikunu ġew eżaminati;

(viii)

pjan finanzjarju li jelenka, f’euro jew f’valuta nazzjonali, il-komponenti kollha tal-pakkett finanzjarju, inkluża l-għajnuna finanzjarja mitluba mill-Komunità, fill-forom differenti tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), u mill-korpi governattivi lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll minn sorsi privati, u l-għajnuna diġà mogħtija;

(b)

jekk l-applikazzjoni tkun marbuta ma’ studju, l-objettiv u l-iskop tal-istudju u l-metodi u t-teknika kkontemplati;

(c)

skeda ta' żmien provviżorja tax-xogħlijiet;

(d)

deskrizzjoni tal-miżuri ta' kontroll li għandhom jiġu operati mill-Istat Membru kkonċernat fuq l-użu tal-fondi mitluba.

2.   L-applikanti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni addizzjonali rilevanti li tkun teħtieġ, bħalma huma l-parametri, il-linji gwida u l-ipoteżijiet li fuqhom l-analiżi dwar l-ispejjeż/benefiċċji tkun ibbażata.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tfittex kull parir tekniku li jkollha bżonn biex tagħmel stima tal-applikazzjoni, inkluża l-opinjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Artikolu 10

L-għoti ta’ għajnuna finanzjarja

B’konformità mal-Artikolu 274 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tagħti għajnuna finanzjarja taħt dan ir-Regolament skont l-istima tagħha tal-applikazzjoni skont il-kriterji tal-għażla. Fil-każ ta’ proġetti identifikati fil-programm multiannwali indikattiv rilevanti stabbilit skont l-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet annwali biex tagħti l-għajnuna fl-ammonti finanzjarji indikattivi previsti f’dak il-programm. Fil-każ ta’ proġetti oħra, għandhom jiġu adottati miżuri skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2). Il-Kummissjoni għandha tgħarraf id-deċiżjoni tagħha direttament lill-benefiċjarji u lill-Istati Membri.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   L-għajnuna Komunitarja tista’ tkopri biss in-nefqa li tkun marbuta mal-proġett minfuqa mill-benefiċjarji jew minn partijiet terzi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġett.

2.   In-nefqa minfuqa qabel id-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet l-applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja m’għandhiex tkun koperta.

3.   Id-deċiżjonijiet biex tingħata għajnuna finanzjarja meħuda mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 10 għandhom ikunu vinkolanti bħala impenji biex isir infieq awtorizzat mill-Baġit.

4.   Bħala regola ġenerali, il-ħlasijiet għandhom isiru f’forma ta’ pagamenti bil-quddiem, pagamenti intermedji u pagament finali. Il-pagament bil-quddiem, li m’għandux normalment jiskorri l-50 % tal-ewwel porzjon annwali, għandu jitħallas malli tkun ġiet approvata l-applikazzjoni għall-għajnuna. Il-pagamenti intermedji għandhom isiru abbażi ta’ talbiet għall-ħlas, billi jitqies il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-proġett jew l-istudju u, jekk ikun neċessarju, billi jitqiesu l-pjani finanzjarji riveduti b’mod rigoruż u trasparenti.

5.   Il-pagamenti għandhom iqisu l-fatt li l-proġetti infrastrutturali jiġu implimentati fuq perijodu ta’ snin u li għalhekk għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-finanzjament multiannwali.

6.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-pagament finali wara l-approvazzjoni tar-rapport finali fuq il-proġett jew l-istudju, sottomess mill-benefiċjarju u li jkun jelenka l-ispiża kollha attwalment minfuqa.

7.   Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-qafas għall-proċeduri, l-iskeda ta' żmien u l-ammonti għall-ħlasijiet tas-sussidji fuq ir-rati tal-interessi, tiggarantixxi sussidji fuq il-primjums u tappoġġa taħt sura ta’ parteċipazzjoni f’kapital ta' riskju, fil-fondi ta’ investiment jew f’impriżi finanzjarji komparabbli li jkollhom attenzjoni prijoritarja ffukata fuq il-provvista ta’ kapital ta' riskju għal proġetti ta’ netwerks trans-Ewropej.

Artikolu 12

Kontroll finanzjarju

1.   Biex jiġi garantit li l-proġetti finanzjati taħt dan ir-Regolament jintemmu b’suċċess, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kull wieħed skont il-kompetenza tiegħu, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex:

(a)

jivverifikaw fuq bażi regolari li l-proġetti u l-istudji ffinanzjati mill-Komunità jkunu saru kif xieraq;

(b)

jevitaw irregolaritajiet u jieħdu azzjoni kontrihom;

(ċ)

jirkupraw xi ammonti mitlufa bħala riżultat ta’ irregolarità, inkluż l-interessi dovuti għall-ħlas tard, skont ir-regoli adottati mill-Kummissjoni. Ħlief fejn l-Istat Membru u/jew l-awtorità pubblika li timplimenta jagħtu prova li huma ma kinux responsabbli għall-irregolarità, l-Istat Membru għandu alternattivament ikun responsabbli għar-rimbors ta’ xi ammonti li jkunu tħallsu fejn ma kinux dovuti.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu għal dawn l-għanijiet u, b’mod partikolari, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deskrizzjoni tas-sistemi tal-amministrazzjoni u l-kontroll stabbiliti biex jassiguraw l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ proġetti u studji.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni kwalunkwe rapporti nazzjonali xierqa dwar il-kontroll tal-proġetti.

4.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżuri ta’ kontroll li jkunu saru mill-Istati Membri skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijet amministrattivi nazzjonali u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 246 tat-Trattat u l-miżuri ta’ kontroll li saru skont l-Artikolu 279 tat-Trattat, l-uffiċjali jew l-aġenti tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu verifiki fuq il-post, inklużi verifiki ta' kampjuni, fir-rigward ta’ proġetti ffinanzjati taħt dan ir-Regolament u jistgħu jeżaminaw is-sistemi ta' kontroll u l-miżuri stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu għal dak il-għan.

5.   Qabel ma ssir verifika fuq il-post, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru konċernat bil-għan li tikseb l-għajnuna kollha neċessarja. Jekk il-Kummissjoni tagħmel verifiki fuq il-post mingħajr ma tkun avżat, hija tkun soġġetta għall-ftehimiet milħuqa skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. L-uffiċjali jew l-aġenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jieħdu parti f’dawn il-verifiki.

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jagħmel verifika fuq il-post biex jiċċekkja l-korrettezza tat-talbiet għall-pagament. L-uffiċjali jew l-aġenti tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’dawn il-verifiki, u għandhom jagħmlu hekk jekk l-Istat Membru kkonċernat hekk jitlob.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe verifiki li tagħmel isiru b’mod koordinat biex jiġu evitati verifiki ripetuti fir-rigward tal-istess suġġett matul l-istess perijodu. L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni għandhom jiskambjaw immedjatament kull informazzjoni rilevanti rigward ir-riżultati tal-verifiki li jkunu saru.

6.   Fil-każ ta’ għajnuna Komunitarja mogħtija lil impriżi jew organizzazzjonijiet pubbliċi u privati direttament ikkonċernati, il-miżuri ta’ kontroll għandhom isiru mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, skont kif xieraq.

7.   Il-korpi u l-awtoritajiet responsabbli u l-impriżi pubbliċi jew privati jew il-korpi direttament konċernati għandhom iżommu disponibbli għall-Kummissjoni d-dokumenti sekondarji dwar in-nefqa fuq kwalunkwe proġett għal perijodu ta’ ħames snin wara l-aħħar ħlas fir-rigward tal-proġett.

Artikolu 13

Tnaqqis, sospensjoni u tħassir tal-għajnuna

1.   Jekk l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni tidher li ma tiġġustifikax, fl-intier jew parzjalment, l-għajnuna finanzjarja allokata lilha, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami xieraq dwar il-każ, li b’mod partikolari titlob lill-Istat Membru, jew lill-awtoritajiet jew lill-korpi nominati minnu biex iwettqu l-operazzjoni, biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f'perijodu ta’ żmien speċifikat.

2.   Wara l-eżami msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas, tissospendi jew tħassar l-għajnuna fir-rigward tal-operazzjoni in kwistjoni jekk l-eżami jikxef irregolarità jew nuqqas ta' konformità ma’ waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni biex tingħata l-għajnuna, u b’mod partikolari kull tibdil sinifikanti li jaffettwa n-natura, jew il-kondizzjonijiet biex jitwettaq, il-proġett li għalih l-approvazzjoni tal-Kummissjoni ma tkunx intalbet.

Kwalunkwe akkumulazzjoni mhux dovuta għandha twassal għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa fejn mhux suppost.

3.   Ħlief f’każi debitament ġustifikati quddiem il-Kummissjoni, għajnuniet mogħtija għal proġetti li ma jkunux inbdew fi żmien sentejn wara d-data li fiha jkunu mistennija li jibdew, kif indikat fid-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna, jiġu massra mill-Kummissjoni.

4.   Kwalunkwe ammont li għandu jiġi rkuprat minħabba li ma jkunx dovut għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni.

5.   Jekk, 10 snin wara li tkun ingħatat l-għajnuna finanzjarja, l-operazzjoni in kwistjoni tkun għadha ma tlestietx, il-Kummissjoni tista’ titlob rimborż tal-għajnuna imħallsa, b’kont debitu għall-prinċipju tal-proporzjonalità, u wara li jittieħed kont tal-fatturi kollha rilevanti.

Artikolu 14

Koordinazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-koordinazzjoni u l-koerenza bejn il-proġetti u l-programmi msemmija fl-Artikolu 5(1) li jkunu qegħdin isiru skont dan ir-Regolament u l-proġetti li jkunu qed isiru bl-għajnuna tal-baġit tal-Komunità, tal-Bank Ewropew għall-Investiment, tal-Fond Ewropew tal-Investiment u ta’ strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Artikolu 15

Stima, monitoraġġ u valutazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġetti taħt dan ir-Regolament tkun soġġetta għal monitoraġġ u valutazzjoni effettivi. Il-proġetti jistgħu jiġu adattati skont ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni.

2.   Biex jiġi żgurat li l-għajnuna Komunitarja tintuża b’mod effiċjenti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom b’mod sistematiku jagħmlu monitoraġġ tal-progress tal-proġetti, fejn ikun xieraq bil-kooperazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment jew korpi oħra xierqa.

3.   Meta tirċievi applikazzjoni għall-għajnuna, u qabel tapprovaha, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima biex tqis jekk il-proġett ikunx jikkonforma mal-kondizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment jew lil korpi oħra xierqa biex jikkontribwixxu f’din l-istima.

4.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jevalwaw il-mod li bih il-proġetti u l-programmi jkunu twettqu u jivvalutaw l-impatt tal-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jevalwaw jekk l-għanijiet oriġinali jistgħux jintlaħqu, jew ikunux intlaħqu diġà. Din il-valutazzjoni għandha, fost l-oħrajn, tkopri l-impatt tal-proġetti dwar l-ambjent, waqt li jitqiesu l-liġijiet Komunitarji fis-seħħ. Il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat, titlob ukoll li l-benefiċjarju jipprovdi valutazzjoni speċifika fuq proġetti jew gruppi ta’ proġetti ffinanzjati skont dan ir-Regolament, jew li jipprovdilha l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa biex din tivvaluta dawn il-proġetti.

5.   Il-monitoraġġ għandu jsir, fejn ikun xieraq, b’referenza lejn l-indikaturi fiżiċi u finanzjarji. L-indikaturi għandhom ikunu relatati mal-karattru speċifiku tal-proġett u l-għanijiet tiegħu. Dawn għandhom jitqiegħdu b’tali mod li jindikaw:

(a)

l-istadju milħuq fil-proġett b’relazzjoni mal-pjan u l-għanijiet operattivi oriġinarjament stabbiliti;

(b)

il-progress milħuq mil-lat maniġerjali u kwalunkwe problemi relatati.

6.   Meta tgħarbel l-applikazzjonijiet individwali għall-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-riżultati tal-istimi u tal-valutazzjonijiet li jkunu saru skont dan l-Artikolu.

7.   Il-proċeduri għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ, kif previst fil-paragrafi 4 u 5, għandhom jiġu stabbiliti fid-Deċiżjonijiet li japprovaw il-proġetti u/jew fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li għandhom x’jaqsmu mal-għajnuna finanzjarja.

Artikolu 16

Informazzjoni u pubbliċità

1.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport annwali dwar l-attivitajiet li jkunu twettqu skont dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-istima tagħhom. Dan ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni tar-riżultati milħuqa bl-għajnuna Komunitarja f'oqsma ta’ applikazzjoni differenti, f' termini tal-għanijiet oriġinali, kif ukoll kapitolu dwar is-sustanza u l-implimentazzjoni tal-programmi multiannwali attwali, b’mod speċjali deskrizzjoni tar-reviżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4).

2.   Il-benefiċjarji għandhom jiżguraw li tingħata pubbliċità xierqa lill-għajnuna mogħtija taħt dan ir-Regolament biex il-pubbliku jiġi informat dwar ir-rwol eżerċitat mill-Komunità fl-implimentazzjoni tal-proġetti.

Dawn għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar kif dan għandu jsir.

Artikolu 17

Implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jaħtar rappreżentant fil-kumitat li m'għandux id-dritt li jivvota.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit bħala wieħed ta’ tliet xhur.

Artikolu 19

Iffinanzjar

Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perijodu 2000 sa 2006 għandu jkun ta’ EUR 4 874 880 000.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-perspettiva finanzarja.

L-allokazzjoni ta’ fondi għandha tkun marbuta mal-livell kwalitattiv u kwantitattiv tal-implimentazzjoni.

Artikolu 20

Klawsola ta' reviżjoni

Qabel it-tmiem tal-2006 il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport komprensiv dwar l-esperjenza li nkisbet mill-mekkaniżmi taħt dan ir-Regolament għall-għoti ta’ għajnuna Komunitarja, b’mod partikolari l-mekkaniżmi u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu b’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 156 tat-Trattat, għandhom jeżaminaw jekk u taħt liema kondizzjonijiet il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom jitkomplew jew jiġu emendati wara tmiem il-perijodu msemmi fl-Artikolu 19.

Artikolu 21

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 2236/95 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-30 ta’ Novembru 2009

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J BUSEK

Għall-Kunsill

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  Opinjoni tal-20 ta' Ġunju 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009.

(3)  ĠU L 228, 23.9.1995, p. 1.

(4)  Ara l-Anness II.

(5)  ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1.

(8)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1.

(9)  ĠU L 183, 11.7.1997, p. 12.

(10)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(11)  ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.


ANNESS I

Modalitajiet għall-implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 (1)(e)

1.   Kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni Komunitarja ta’ kapital ta' riskju

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 3(1)(e) għandhom jinkludu din l-informazzjoni, li tkun sodisfaċenti għall-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 18(1), bħala bażi għad-deċiżjonijiet biex tingħata l-għajnuna:

memorandum ta’ informazzjoni li jkun fih id-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dokumentazzjoni statutorja tal-fond inkluża l-istruttura legali u amministrattiva tiegħu,

il-linji gwida dettaljati tiegħu rigward l-investiment u li jkun fihom l-informazzjoni dwar il-proġetti mmirati,

l-informazzjoni dwar l-involviment tal-investituri privati,

l-informazzjoni dwar il-firxa ġeografika,

l-informazzjoni dwar il-vijabbiltà finanzjarja tal-fond,

l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-investituri li jieħdu azzjoni ta’ rimedju f’każ li l-obbligi li jsirulhom ma jiġux onorati mill-fond,

l-informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet għall-ħruġ mill-fond u l-arranġamenti għax-xoljiment tal-fond,

id-drittijiet tar-rappreżentanza fil-kumitat tal-investituri.

Qabel id-deċiżjoni biex tingħata għajnuna, il-fond tal-investiment intermedjarju jew istituzzjoni finanzjarja komparabbli oħra għandu jintrabat li jinvesti mhux anqas minn somma ekwivalenti għal darbtejn u nofs tal-kontribuzzjoni Komunitarja, fil-proġetti li qabel ikunu ġew identifikati bħala proġetti ta’ interess komuni skont l-Artikolu 155(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż, tat-Tratttat.

L-għajnuna Komunitarja għal fondi tal-investiment jew impriżi finanzjarji komparabbli, jekk tingħata f’forma ta’ parteċipazzjoni f’kapital ta' riskju, għandha tingħata biss, bħala prinċipju, jekk il-kontribuzzjoni Komunitarja tkun tlaħħaq pari passu f’termini ta’ riskju ma’ investituri oħra fil-fond.

Fondi ta’ dħul ta’ investiment jew impriżi finanzjarji komparabbli għandhom jimxu fuq prinċipji ta' tmexxija finanzjarja soda.

2.   Limiti għall-interventi u investiment massimu

Il-kontribuzzjonijiet taħt l-Artikolu 3(1)(e) m’għandhomx jiskorru l-1 % tal-ammont totali għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 19. Madanakollu dan il-limitu jista’ jiżdied skont l-imsemmi Artikolu 3(1)(e).

L-għajnuna Komunitarja taħt l-Artikolu 3(1)(e) m’għandhiex tiskorri l-20 % tal-kapital totali ta’ fond ta’ investiment jew impriża finanzjarja komparabbli.

3.   Ġestjoni tal-kontribuzzjoni Komunitarja

Il-ġestjoni tal-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tiġi żgurata mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). It-termini u l-kondizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-għajnuna Komunitarja skont l-Artikolu 3(1)(e), inkluż il-monitoraġġ u l-kontroll tagħha, għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-FEI, waqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness.

4.   Dispożizzjonijiet oħra

Id-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-istima, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni kif speċifikat f’dan ir- Regolament għandhom japplikaw fl-intier tagħhom għall-Artikolu 3(1)(e), inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet għall-għajnuna Komunitarja, dwar il-kontroll finanzjarju u t-tnaqqis, is-sospensjoni u t-tħassir tal-għajnuna. Din għandha, inter alia, tkun żgurata permezz ta’ dispożizjonijiet xierqa fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-FEI u ftehiem xierqa ma’ fondi ta’ investituri jew impriżi finanzjarji komparabbli li jistipulaw il-kontrolli meħtieġa fil-livell ta’ proġetti individwali ta’ interess komuni. Għandhom isiru arranġamenti xierqa biex jippermettu lill-Qorti tal-Awdituri li teżerċita l-missjoni tagħha b’mod partikolari sabiex tivverifika r-regolarità tal-ħlasijiet li jkunu saru.

Il-ħlasijiet taħt l-Artikolu 3(1)(e) għandhom ikunu irregolati mill-Artikolu 11(7), minkejja l-Artikolu 11(6). Wara tmiem il-perijodu tal-investiment jew qabel skont kif ikun il-każ, kwalunkwe bilanċ li jirriżulta minn radd lura ta’ kapital investit jew minn distribuzzjoni ta’ profitti u qliegħ kapitali jew minn kull distribuzzjoni u mid-distribuzzjonijiet l-oħrajn kollha dovuti lill-investituri għandhom ikunu ritornati lill-baġit Komunitarju.

Id-deċiżjonijiet kollha biex jiġu pprovduti parteċipazzjonijiet f’kapital ta' riskju taħt l-Artikolu 3(1)(e) għandhom jitressqu lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 18(1).

Il-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-imsemmi Kumitat dwar l-implimentazzjoni tal-parteċipazzjonijiet f’kapital ta' riskju taħt l-Artikolu 3(1)(e).

Qabel it-tmiem tal-2006, il-Kummissjoni għandha fil-qafas tal-Artikolu 15 tipprovdi valutazzjoni tal-azzjonijiet li jkunu ttieħdu taħt l-Artikolu 3(1)(e), b’mod partikolari fl-utilizzazzjoni tiegħu, l-effetti tiegħu fuq l-implimentazzjoni tal-proġetti tan-netwerks trans-Ewropej appoġġati u l-involviment ta’ investituri privati fil-proġetti ffinanzjati.


ANNESS II

Regolament imħassar flimkien mal-emendi tiegħu

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95

(ĠU L 228, 23.9.1995, p. 1)

 

Ir-Regolament (KE) Nru 1655/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 197, 29.7.1999, p. 1)

 

Ir-Regolament (KE) Nru 788/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 138, 30.4.2004, p. 17)

l-Artikolu 1 biss

Ir-Regolament (KE) Nru 807/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 143, 30.4.2004, p. 46)

 

Ir-Regolament (KE) Nru 1159/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 191, 22.7.2005, p. 16)

 


ANNESS III

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 2236/95

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1)

Artikolu 2

Artikolu 4(1)(a) sa (e)

Artikolu 3(1)(a) sa (e)

Artikolu 4(1)(f)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 4(3)

Artikolu 3(4)

Artikolu 4(4)

Artikolu 3(5)

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 5a

Artikolu 5

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(1a)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(3), kliem tal-bidu

Artikolu 6(4), kliem tal-bidu

Artikolu 6(3), l-ewwel inċiż

Artikolu 6(4)(a)

Artikolu 6(3), it-tieni inċiż

Artikolu 6(4)(b)

Artikolu 6(3), it-tielet inċiż

Artikolu 6(4)(c)

Artikolu 6(3), ir-raba' inċiż

Artikolu 6(4)(d)

Artikolu 6(3), il-ħames inċiż

Artikolu 6(4)(e)

Artikolu 6(4)

Artikolu 6(5)

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8, l-ewwel sentenza

Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8, it-tieni sentenza

Artikolu 8, it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(1), kliem tal-bidu

Artikolu 9(1), kliem tal-bidu

Artikolu 9(1)(a), kliem tal-bidu

Artikolu 9(1)(a), kliem tal-bidu

Artikolu 9(1)(a), l-ewwel inċiż

Artikolu 9(1)(a)(i)

Artikolu 9(1)(a), it-tieni inċiż

Artikolu 9(1)(a)(ii)

Artikolu 9(1)(a), it-tielet inċiż

Artikolu 9(1)(a)(iii)

Artikolu 9(1)(a), ir-raba’ inċiż

Artikolu 9(1)(a)(iv)

Artikolu 9(1)(a), il-ħames inċiż

Artikolu 9(1)(a)(v)

Artikolu 9(1)(a), is-sitt inċiż

Artikolu 9(1)(a)(vi)

Artikolu 9(1)(a), is-seba’ inċiż

Artikolu 9(1)(a)(vii)

Artikolu 9(1)(a), it-tmin inċiż

Artikolu 9(1)(a)(viii)

Artikolu 9(1)(b), (ċ) u (d)

Artikolu 9(1)(b), (c) u (d)

Artikolu 9 (2) u (3)

Artikolu 9 (2) u (3)

Artikolu 10 u 11

Artikolu 10 u 11

Artikolu 12(1), kliem tal-bidu

Artikolu 12(1), kliem tal-bidu

Artikolu 12(1), l-ewwel inċiż

Artikolu 12(1)(a)

Artikolu 12(1), it-tieni inċiż

Artikolu 12(1)(b)

Artikolu 12(1), it-tielet inċiż

Artikolu 12(1)(c)

Artikolu 12(2) sa (7)

Artikolu 12(2) sa (7)

Artikolu 13(1) u (2)

Artikolu 13(1) u (2)

Artikolu 13(2a)

Artikolu 13(3)

Artikolu 13(3)

Artikolu 13(4)

Artikolu 13(4)

Artikolu 13(5)

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 15(1) sa (4)

Artikolu 15(1) sa (4)

Artikolu 15(5), kliem tal-bidu

Artikolu 15(5), kliem tal-bidu

Artikolu 15(5), l-ewwel inċiż

Artikolu 15(5)(a)

Artikolu 15(5), it-tieni inċiż

Artikolu 15(5)(b)

Artikolu 15(6) u (7)

Artikolu 15(6) u (7)

Artikolu 16(1)

Artikolu 16(1)

Artikolu 16(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 16(2), it-tieni sentenza

Artikolu 16(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 17(1)

Artikolu 17

Artikolu 17(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 18(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 17(2), it-tieni sentenza

Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 17(3)

Artikolu 18(2)

Artikolu 17(4)

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 19, l-ewwel sentenza

Artikolu 20, l-ewwel subparagrafu

Artikolu 19, it-tieni sentenza

Artikolu 20, it-tieni subparagrafu

Artikolu 21

Artikolu 20

Artikolu 22

Anness

Anness I

Anness II

Anness III


Top