EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0811(01)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Awwissu 2010 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-servizzi tal-posta Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ C 217, 11.8.2010, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 009 P. 285 - 287

Legal status of the document In force

11.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Awwissu 2010

li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-servizzi tal-posta

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 217/07

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz tistabbilixxi qafas regolatorju dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tas-servizzi tal-posta fl-Unjoni Ewropea u dwar il-ħolqien ta’ suq intern għas-servizzi tal-posta.

(2)

Skont id-Direttiva 97/67/KE, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew aktar għas-settur tal-posta, sabiex dawn iwettqu l-kompiti regolatorji mniżżlin f’dik id-Direttiva. Dawk l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu separati legalment mill-operaturi tal-posta tal-Istati Membri u għandhom jaħdmu b’mod indipendenti minnhom. L-Istati Membri li jżommu s-sjieda u l-kontroll tal-fornituri tas-servizzi postali għandhom jiżguraw ukoll li jkun hemm separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet regolatorji mill-attivitajiet marbutin mas-sjieda jew mal-kontroll.

(3)

Ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jvarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għall-ieħor.

(4)

Id-Direttiva 97/67/KE tippermetti l-flessibbiltà li r-regoli komuni jiġu applikati fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali f’ċerti oqsma. Sabiex jiġi żviluppat b’suċċess suq intern għas-servizzi postali, huwa importanti ferm li r-regoli rilevanti jkunu applikati b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għaldaqstant jeħtieġ li jitwaqqaf grupp magħmul mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-qasam tas-servizzi postali u jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

(6)

Il-grupp għandu jservi bħala korp li jirrifletti, jiddiskuti u li jagħti pariri lill-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi postali. Huwa għandu jħaffef il-proċessi ta’ konsultazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali indipendenti fl-Istati Membri u bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni, bil-għan li jissaħħaħ is-suq intern tas-servizzi postali u li jkun żgurat li d-Direttiva 97/67/KE tiġi applikata b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha.

(7)

Għandu jkun hemm dispożizzjoni dwar ir-regoli dwar l-iżvelar tat-tagħrif mill-membri tal-grupp, li għandha tkun bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif imniżżlin fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (1).

(8)

Id-dejta personali li għandha x’taqsam mal-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (dejta) (2).

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Is-suġġett

Il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-servizzi tal-posta, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-grupp”, b’dan qed jitwaqqaf.

Artikolu 2

Il-kompiti

Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu:

(a)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tas-suq intern tas-servizzi postali u li jgħinha f’dan it-tisħiħ;

(b)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mas-servizzi postali li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tiegħu u li jgħinha fiha;

(c)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali u dwar l-applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għas-servizzi postali fl-Istati Membri kollha u li jgħinha fihom;

(d)

li, bi qbil mal-Kummissjoni, jikkonsulta, b’mod estensiv u fi stadju bikri tal-ħidma esperta tiegħu, ma’ dawk li jieħdu sehem fis-suq, mal-konsumaturi u mal-utenti aħħarin b’mod miftuħ u trasparenti.

Artikolu 3

Is-sħubija

1.   Il-grupp għandu jkun magħmul mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-qasam tas-servizzi postali. Dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu rrappreżentati mill-kapijiet tagħhom jew, f’każijiet eċċezzjonali, minn rappreżentanti oħrajn tagħhom, kif imniżżel fl-Anness. Kull Stat Membru għandu jkollu membru wieħed.

2.   L-ismijiet tal-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

L-operat

1.   Il-grupp għandu jaħtar president minn fost il-membri tiegħu. Il-president għandu jlaqqa’ lill-grupp bi qbil mal-Kummissjoni.

2.   Bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw suġġetti speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp.

3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali indipendenti għas-settur tal-posta tal-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE) li mhumiex Stati Membri u dawk tal-Istati li huma kandidati biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea għandu jkollhom status ta’ osservaturi u għandhom ikunu rrappreżentati f’livell xieraq. Il-grupp jista’ jistieden ukoll, fuq bażi ad hoc, esperti u osservaturi oħrajn biex jattendu l-laqgħat tiegħu, dejjem jekk ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jkun jaqbel ma’ dan.

4.   Il-membri tal-gruppi ta’ esperti u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi li jkunu mistiedna għandhom iħarsu l-obbligi tas-segretezza professjonali mniżżlin fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni taggħom, kif ukoll ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà marbutin mal-ħarsien tat-tagħrif ikklassifikat tal-UE, imniżżlin fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom. Jekk jonqsu milli jħarsu dawk l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri x-xierqa kollha.

5.   Normalment il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni skont il-proċeduri u l-iskeda stabbiliti minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi ta’ segretarjat. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni (3).

Artikolu 5

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Il-Kummissjoni għandha tħallas lura l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u, fejn xieraq, l-ispejjeż tal-għajxien tal-membri, tal-esperti u tal-osservaturi li jkunu marbutin mal-attivitajiet tal-grupp skont ir-regoli tal-Kummissjoni dwar il-ħlas lura tal-ispejjeż tal-esperti esterni.

2.   Il-membri, l-esperti u l-osservaturi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

3.   L-ispejjeż tal-laqgħat jitħallsu lura fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni.

Artikolu 6

Ir-rapport annwali

Il-grupp għandu jagħti lill-Kummissjoni rapport annwali tal-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 7

L-applikabbiltà

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Grupp għandu jibda jwettaq dmirijietu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Ara r-regoli standard ta’ proċedura – l-Anness III tad-dokument SEC(2005) 1004.


ANNESS

Lista tal-membri tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-servizzi tal-posta

Pajjiż

Awtorità regolatorja nazzjonali

Belgique/België

Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT)/Belgisch Instituut voor postdiensten en telecommunicatie (BIPT)

България/Bulgaria

Комисия за регулиране на съобщенията (КРС)/Communications Regulation Commission (CRC)

Česká republika

Český telekomunikační úřad (ČTÚ)

Danmark

Færdselsstyrelsen (FSTYR)

Deutschland

Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (BNetzA)

Eesti

Sideamet (SIDEAMET)

Ελλάδα/Elláda

Εθνική Επιτροπή Τηλεπικοινωνιών και Ταχυδρομείων Hellenic/Telecommunications and Post Commission (EETT)

España

Commissión Nacional del Sector Postal (CNSP)

France

Autorité de régulation des communications électroniques et des postes (ARCEP)

Ireland

Commission for Communications Regulation (ComReg)

Κύπρος/Kypros

Γραφείο Επιτρόπου Ρυθμίσεως Ηλεκτρονικών Επικοινωνιών και Ταχυδρομείων (ΓΕΡΗΕΤ)/Office of the Commissioner of Electronic Communications and Postal Regulation (OCECPR)

Italia

Għandha titwaqqaf awtorità regolatorja nazzjonali indipendenti skont l-Artikolu 37(2)(h) tal-“Legge 4 giugno 2010, n. 96, Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunita’ europee — Legge comunitaria 2009, (GU n. 146 del 25.6.2010 — Suppl. Ordinario n. 138)”

Latvija

Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija (SPRK)

Lietuva

Ryšių reguliavimo tarnyba (RRT)

Luxembourg

Institut luxembourgeois de régulation (ILR)

Magyarország

Nemzeti Hírközlési Hatóság (NHH)

Malta

L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni/Malta Communications Authority (MCA)

Nederland

Onafhankelijke Post en Telecommunicatie Autoriteit (OPTA)

Österreich

Rundfunk und Telekom Regulierungs-GmbH (RTR)

Polska

Urząd Komunikacji Elektronicznej (UKE)

Portugal

Autoridade Nacional de Comunicações (Anacom)

România

Autoritatea Naționala pentru Administrare si Reglementare in Comunicații (ANCOM)

Slovenija

Agencija za pošto in elektronske komunikacije Republike Slovenije (APEK)

Slovensko

Poštový regulačný úrad (PRU)

Suomi/Finland

Viestintävirasto/Kommunikationsverket (FICORA)

Sverige

Post- och telestyrelsen (PTS)

United Kingdom

Postal Services Commission (Postcomm)


Top