EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0283

Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali

OJ L 87, 7.4.2010, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 008 P. 104 - 108

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 21/12/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/283(2)/oj

7.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/1


DEĊIŻJONI Nru 283/2010/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Marzu 2010

li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ April 2000, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni intitolata “Azzjoni Lokali għall-Impjiegi – Dimensjoni lokali għall-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi”.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2007 intitolata “Inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu b’appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi” identifikat erba' oqsma ta' prijorità għal azzjoni: it-titjib tal-ambjent legali u istituzzjonali fl-Istati Membri, it-tibdil tal-klima fis-swieq tax-xogħol favur l-impjiegi u l-intraprenditorija, il-promozzjoni tal-aħjar prattika u l-provvista ta' kapital finanzjarju addizzjonali għall-istituzzjonijiet tal-mikrofinanzjament. Bħala l-ewwel pass fl-implimentazzjoni ta' din l-aġenda, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) ħolqu fl-2008, l-inizjattiva Jasmine (Azzjoni Konġunta għall-appoġġ ta' Istituzzjonijiet Mikrofinanzjarji fl-Ewropa) li tipprovdi gwida għall-istituzzjonijiet finanzjarji tal-mikrokreditu li mhumiex banek u opportunità ta' finanzjament għal ammont globali ta' EUR 20 Miljun offruti mill-BEI.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2006 intitolata “Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd – Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti fid-dinja” stabbiliet l-importanza ta’ xogħol deċenti għal kulħadd, l-istess kif għamlet ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta' Mejju 2007 għall-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd (4).

(4)

L-istqarrija tal-Mexxejja wara l-Laqgħa Għolja tal-G-20 f'Pittsburgh fl-24 u l-25 ta' Settembru 2009 fiha impenn li jittejjeb l-aċċess għas-servizzi finanzjarji għall-foqra, pereżempju permezz tal-mikrofinanzjament. Il-mexxejja impenjaw ruħhom ukoll li jvaraw grupp ta' esperti fl-inklużjoni finanzjarja internazzjonali li għandu jidentifika l-lezzjonijiet li ġew mitgħallmin dwar approċċi innovattivi għall-forniment ta' servizzi finanzjarji għall-foqra, jippromwovu b'suċċess approċċi ta' politika, u jelaboraw standards dwar l-aċċess għal finanzjament, għarfien finanzjarju u protezzjoni tal-konsumatur.

(5)

Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp tal-mikrokreditu b'appoġġ għat-tkabbir u l-impjieg talab li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżviluppa mikrokrediti b'appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi. Barra minn hekk il-Parlament Ewropew approva EUR 4 Miljuni oħra bħala appoġġ biex azzjoni pilota tkun implimentata fil-kuntest tal-qafas Jasmine. Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni ukoll biex tiffinanzja proġetti għall-mikrokrediti b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati.

(6)

Jeħtieġ li l-isforzi kurrenti tal-Unjoni u tal-Istati Membri jissaħħu biex jiżdied l-aċċess u d-disponibilità ta' mikrofinanza fuq skala suffiċjenti u f'ħin raġonevoli sabiex tiġi indirizzata d-domanda qawwija ta' dawk li għandhom bżonn l-aktar f'dan il-perjodu ta' kriżi - jiġifieri, dawk li tilfu l-impjieg, dawk li jinsabu fir-riskju li jitilfu l-impjieg u dawk li jkollhom diffikultajiet biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, kif ukoll dawk li qed jiffaċċjaw it-theddida tal-esklużjoni soċjali jew il-persuni vulnerabbli, li jinsabu f'pożizzjoni żvantaġġata fir-rigward tal-aċċess għas-suq ta' kreditu konvenzjonali u li jridu jibdew jew jiżviluppaw iktar mikrointrapriża tagħhom stess inkluż impjieg għal rashom waqt li jiġu promossi b'mod attiv l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel.

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2009 intitolata “Impenn Komuni għall-Impjiegi” enfasizzat il-bżonn li jkun offrut ċans ieħor lil persuni bla xogħol u li tinfetaħ it-triq għall-intraprenditorija għal uħud mill-aktar gruppi żvantaġġati li jsibu diffikultà sabiex ikollhom aċċess għas-suq ta' kreditu konvenzjonali. Minbarra l-istrumenti eżistenti, hemm bżonn ta' azzjoni speċifika biex tissaħħaħ aktar il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jissaħħu l-attivitajiet tal-BEI u tal-Fond Ewropew għall-Investiment (FEI) kif ukoll ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn bla ħsara għall-attivitjajiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għalhekk ħabbret il-proposta għal faċilità ġdida ta' mikrofinanzjament għall-UE kollha (minn hawn 'il quddiem “il-Faċilità”) biex il-mikrofinanzjament jilħaq aktar persuni, b'mod partikolari gruppi li huma f'riskju u biex tappoġġa aktar l-iżvilupp tal-intraprenditorija, tal-ekonomija soċjali u tal-mikrointrapriżi. Sabiex il-Faċilità tkun effettiva, ikollha impatt li jdum fit-tul, tilħaq il-benefiċjarji potenzjali tagħha u sservi bħala element proattiv għall-politika ta' żvilupp kemm ekonomiku kif ukoll lokali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu punt ta' kuntatt nazzjonali li jippromwovi, jikkoordina, jevalwa u jissorvelja l-azzjonijiet kollha li jittieħdu skont il-Faċilità fit-territorji rispettivi tagħhom.

(8)

Ammont dejjem jikber ta' mikrofinanzi lill-persuni vulnerabbli li jkunu jinsabu f'pożizzjoni żvantaġġata fir-rigward tal-aċċess għas-suq ta' krediti konvenzjonali fl-Unjoni Ewropea qed jiġi pprovdut minn istituzzjonijiet ta' mikrofinanza, unions tal-kreditu u banek mhux kummerċjali li jimplimentaw r-Responsabilità Soċjali Korporattiva. Il-Faċilità għandha tgħin lil dawn il-fornituri, li jissuplimentaw is-suq tal-banek kummerċjali, permezz ta' żieda fid-disponibilità ta' mikrofinanzi biex jissodisfaw il-livelli attwali ta' talba.

(9)

F’ħafna każijiet dawk li jipprovdu l-mikrofinanza fl-Unjoni Ewropea huma banek kummerċjali u għandhom isiru msieħba importanti fil-Faċilità, bil-għan li jerġgħu jistabbilixxu l-fiduċja fis-suq tal-kreditu u b’attenzjoni partikolari għall-kljient li ma jkollux bażi ta’ kreditu.

(10)

Entitajiet pubbliċi u privati li jipprovdu mikrofinanza skont din id-Deċiżjoni għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta' self responsabbli u b'hekk jevitaw, b'mod partikulari, li l-individwi u l-impriżi jiddejnu żżejjed.

(11)

Minbarra d-diffikultà li jinkiseb aċċess għall-finanzjament, l-esklużjoni soċjali u l-inċertezzi fit-tranżizzjoni mill-qgħad jew il-welfare soċjali għall-impjieg għal rashom huma fost l-ostakoli ewlenin għat-twaqqif u l-iżvilupp tal-mikrointrapriżi. L-istrumenti ta’ mikrofinanzjament Ewropej jistgħu jagħtu appoġġ lill-istrutturi tal-ekonomija soċjali li jgħinu lill-persuni li huma esklużi fl-integrazzjoni soċjali mill-ġdid u jgħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet minimi li hemm bżonn sabiex jidħlu għal proġett ta' negozju permanenti.

(12)

L-użu tar-riżorsi tal-Unjoni huwa xieraq u huwa skont ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2009 msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, faċilità unika pan-Ewropea tikkonċentra l-leverage minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u tevita sforz mifrux u b'hekk żżid il-provvista ta' mikrofinanzjament fl-Istati Membri kollha. Biex tieħu vantaġġ mill-esperjenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali b'mod partikolari tal-BEI u l-FEI, il-Faċilità għandha tkun stabbilita fuq il-bażi ta' amministrazzjoni konġunta.

(13)

L-azzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità għandhom ikunu koerenti u kompatibbli mal-politika tal-Unjoni u konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-atti adottati skont dan. L-attivitajiet tal-Faċilità għandhom ikunu kumplimentari mal-interventi l-oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-istrumenti finanzjarji tal-Programm Qafas ta' Kompettitivita' u Innovazzjoni, mal-Jasmine, mal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD), mal-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), ma' Jeremie (Riżorsi Konġunti Ewropej għal Intrapriżi Żgħar Ħafna sa dawk Medji) u mal-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

(14)

Għall-fini ta' din id-deċiżjoni, il-“mikrofinanzjament” għandu jinkludi garanziji, mikrokreditu, fondi ta’ ekwità u kważi-ekwità estiżi għall-persuni u mikrointrapriżi koperti minn din id-Deċiżjoni, bil-mikrokreditu jiġi ddefinit bħala self taħt il-EUR 25 000. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi żgħar u medji (5) tiddefinixxi “mikrointrapriża” bħala intrapriża li tħaddem anqas minn 10 persuni, inkluż dawk impjegati għal rashom, u li l-bejgħ annwali u/jew il-karta tal-bilanċi annwali tagħhom ma teċċedix l-EUR 2 miljuni li għandha tkun definizzjoni xierqa għall-fini ta' din id-Deċiżjoni.

(15)

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, “mikrointrapriża fis-settur tal-ekonomija soċjali” għandha tfisser mikrointrapriża li tipproduċi prodotti u tagħti servizzi fil-qafas ta’ missjoni soċjali ċara jew li tagħti servizzi lill-membri tal-komunità mingħajr ebda skop ta’ qligħ.

(16)

Il-Faċilità għandha tiġi implimentata permezz ta’ sensiela ta’ azzjonijiet xierqa li jinkludu qsim tar-riskju, garanziji, strumenti ta’ ekwità u ta’ dejn offruti minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali lill-fornituri tal-mikrofinanzjament. Sabiex tikber l-effettività tagħha, il-Faċilità għanda tiġi kkoordinata u implimentata b’konsistenza mal-istrumenti finanzjarji Ewropej u nazzjonali u mal-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment

Il-Faċilità Ewropea tal-Mikrofinanzjament għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali, msejjħa il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress (minn hawn 'il quddiem il-“Faċilità”) hija b'dan stabbilita.

Artikolu 2

Għan

1.   Il-Faċilità għandha tipprovdi riżorsi tal-Unjoni biex jiżdied l-aċċess u d-disponibilità tal-mikrofinanzi għal:

(a)

persuni li tilfu jew li qegħdin fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom, jew li għandhom diffikultajiet biex jidħlu jew jidħlu lura fis-suq tax-xogħol, kif ukoll, persuni li qed jaffaċċjaw it-theddida tal-esklużjoni soċjali jew persuni vulnerabbli li jinsabu f’pożizzjoni żvantaġġjata fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-kreditu konvenzjonali u li jixtiequ jibdew jew jiżviluppaw aktar il-mikrointrapriża tagħhom, inkluż impjieg għal rashom;

(b)

mikrointrapriżi, speċjalment dawk fl-ekonomija soċjali kif ukoll mikrointrapriżi li jimpjegaw il-persuni msemmija fil-punt (a).

2.   Il-Faċilità għandha tipprovdi riżorsi tal-Unjoni għall-aċċess għall-mikrofinanzjament, u tippromwovi b’mod attiv opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel.

Artikolu 3

Baġit

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit tal-Unjoni għall-Faċilità għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013 għandha tkun ta' EUR 100 miljun.

2.   L-approprjazzjonijiet ta' kull sena għandhom jiġu deċiżi matul il-proċedura baġitarja annwali, inkluż, jekk ikun meħtieġ hekk, permezz tal-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (6), jew permezz ta' mezzi oħra previsti minn dak il-Ftehim.

3.   Il-baġit totali għall-miżuri ta' appoġġ msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1) ma għandux jeċċedi l-1 % tal-baġit tal-Faċilità stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkopri l-ispejjeż kollha tal-Faċilità, inkluż l-ispejjeż amministrattivi għall-istuzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fl-Artikolu 5(2) li jamministraw il-kontribuzzjoni tal-Unjoni kif ukoll spejjeż eliġibbli oħrajn.

Artikolu 4

Azzjonijiet u benefiċjarji eliġibbli

1.   Il-Faċilità għandha tiġi implimentata bl-użu tat-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin, kif xieraq:

(a)

strumenti ta' garanziji u ta' qsim tar-riskju;

(b)

strumenti ta' ekwità;

(c)

strumenti ta' dejn;

(d)

miżuri ta' appoġġ, bħal attivitajiet ta' komunikazzjoni, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni li huma neċessarji b'mod dirett għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta' din id-Deċiżjoni u għall-kisba tal-għanijiet tagħha.

2.   Il-Faċilità għandha tkun miftuħa għall-korpi pubbliċi u privati stabbiliti fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-Istati Membri li jipprovdu mikrofinanzjamenti lill-persuni u mikrointrapriżi fl-Istati Membri.

3.   Sabiex jintlaħqu l-benefiċjarji finali u sabiex jinħolqu mikrointrapriżi kompetittivi u vijabbli, il-korpi pubbliċi u privati msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet li jaħdmu sabiex jirrapreżentaw l-interessi tal-benefiċjarji finali tal-mikrokreditu u ma’ organizzazzjonijiet, b’mod partikolari dawk appoġġjati mill-FSE, li jipprovdu programmi ta’ gwida u ta’ taħriġ għal dawk il-benefiċjarji aħħarin.

Artikolu 5

Amministrazzjoni

1.   Il-Kummisssjoni għandha tamministra l-Faċilità skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjaru li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7).

2.   Biex timplimenta l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1), ħlief għall-miżuri ta' appoġġ msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1), il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehimiet mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b'mod partikolari mal-BEI u mal-FEI skont l-Artikolu 53d tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u l-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-Implimentazzjoni tar- Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8). Dawk il-ftehimiet għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tar-responsabiltajiet fdati lil dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi dawk id-dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-bżonn li tiġi żgurata addizjonalità u koordinazzjoni mal-istrumenti finanzjarji Ewropej u nazzjonali eżistenti, u sabiex jippromwovu kopertura komprensiva u bilanċjata bejn l-Istati Membri.

3.   Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u jiġu implimentati l-azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4, il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom, barra minn hekk, jinkludu obbligu fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li jinvestu mill-ġdid ir-riżorsi u r-rikavat, inklużi dividends u rimborżi, f'azzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 4(1) għal perjodu ta’ sitt snin mid-data tal-bidu tal-Faċilità.

4.   Wara l-għeluq tal-Faċilità, il-bilanċ li jibqa dovut lill-Unjoni Ewropea għandu jitħallas lura lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

5.   L-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkonkludu ftehimiet bil-miktub mal-fornituri pubbliċi u privati tal-mikrofinanzjament msemmija fl-Artikolu 4(2) li jistipulaw l-obbligi ta' użu tar-riżorsi li jkunu pprovduti mill-Faċilità skont l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u biex jipprovdu informazzjoni għat-tfassil ta' rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 8(1).

6.   Il-baġit għall-miżuri ta' appoġġ msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1) għandu jkun amministrat mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Konformità

L-azzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u ta' atti adottati skont dan.

Artikolu 7

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni jkunu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra permezz ta' verifiki effettivi u bl-irkupru tal-ammonti li ma tħallsux kif suppost u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, b’pieni li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (9) u ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (10), kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (11).

2.   Għall-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati skont din id-Deċiżjoni, l-OLAF għandu l-poter jagħmel investigazzjonijiet skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, li għandhom japplikaw għal kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni, inkluż il-ksur ta' obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-Faċilita, li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati minnha, permezz xi spiża mhux ġustifikata.

3.   Il-miżuri kollha ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni għandhom jinkludu referenza għall-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu u jipprevedu, b’mod partikolari, sorveljanza u kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha u għall-verifiki mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, inklużi, jekk ikunu meħtieġa, verifiki fuq il-post.

Artikolu 8

Rapport annwali

1.   L-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fl-Artikolu 5(2) għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni li jistipulaw l-attivitajiet appoġġati f'termini ta' implimentazzjoni finanzjarja, it-tqassim u l-aċċessibilità tal-finanzi fir-rigward tas-setturi u t-tipi ta' benefiċjarji, l-applikazzjonijiet aċċettati u rrifjutati, il-kuntratti konklużi, l-azzjonijiet iffinanzjati u r-riżultati.

2.   Sa mhux aktar tard mit-8 ta’ April 2011 u kull sena wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport kwantitattiv u kwalitattiv dwar l-attivitajiet skont din id-Deċiżjoni matul is-sena ta’ qabel. Ir-rapport annwali għandu jkun ibbażat fuq ir-rapporti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dan għandu, b'mod partikolari, jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet adottati jew irrifjutati, il-kuntratti konklużi, l-azzjonijiet iffinanzjati, l-ammont totali u t-tip ta’ benefiċċjarji kif ukoll id-distribuzzjoni tal-ammonti b’mod ġeografiku u skont is-settur.

Ir-rapport annwali, barra minn hekk, għandu jinkludi informazzjoni dwar l-impatt u s-sostenibilità tal-Faċilità espressa f’termini tan-numru totali ta’ persuni li għadhom fl-impjieg u tal-mikrointrapriżi li għadhom fin-negozju fi tmiem il-perjodu ta’ appoġġ provdut lilhom permezz tal-Faċilità. Fl-aħħar nett, ir-rapport annwali għandu jinkludi informazzjoni dwar il-kumplimentarità ma' interventi oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari l-FSE.

3.   Wara l-preżentazzjoni tat-tielet rapport annwali u fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirrevedu din id-Deċiżjoni.

4.   Ir-rapport annwali imsemmi fil-paragrafu 2 jiġi trażmess, għall-informazzjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

5.   Abbażi tar-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel sforzi sabiex tiżgura li l-Faċilità tissodisfa l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u li tkun aċċessibbli fl-Unjoni Ewropea kollha għal dawk li għandhom ir-riskju li jkunu esklużi soċjalment jew li jsibuha diffiċli biex jidħlu fis-suq tal-kreditu konvenzjali.

Artikolu 9

Valutazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjonijiet interim u finali fuq l-inizjattiva tagħha b'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fl-Artikolu 5(2). Il-valutazzjoni interim trid tkun lesta erba' snin wara l-bidu tal-Faċilità u l-valutazzjoni finali mhux aktar tard minn sena wara t-tmiem tal-mandat(i) mogħtija lill-istituzzjonijiet finanzjari internazzjonali msemmija fl-Artikolu 5(2). Il-valutazzjoni finali għandha, barra minn hekk, teżamina sa fejn il-Faċilità laħqet l-għanijiet tagħha.

2.   Ir-riżultati tal-valutazzjoni se jkunu trażmessi, għall-informazzjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u, lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 80.

(2)  Opinjoni tas-7 ta' Ottubru 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2009 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2010.

(4)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.

(5)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(6)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(9)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(10)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(11)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.


Top