EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0065

2010/65/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Frar 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2005/880/KE li tagħti deroga mitluba mill-Olanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli [traduzzjoni mhux uffiċjali] (notifikata bid-dokument numru C(2010) 606)

OJ L 35, 6.2.2010, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/65(1)/oj

6.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Frar 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2005/880/KE li tagħti deroga mitluba mill-Olanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli [traduzzjoni mhux uffiċjali]

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 606)

(Il-verżjoni Olandiża biss hija awtentika)

(2010/65/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta’ demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena ikun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax l-ilħiq tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, staġuni twal ta’ tkabbir u uċuħ tar-raba' b’rata għolja ta’ assorbiment tan-nitroġenu. Fit-8 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/880/KE (2) li tippermetti lill-Olanda l-applikazzjoni ta' 250 kg nitroġenu kull ettaru fis-sena minn demel tal-bhejjem fil-farms b'mill-inqas 70 % mergħat.

(2)

Id-deroga mogħtija b'dan kienet tirrigwarda madwar 25 000 farm fl-Olanda u madwar 900 000 ettaru u applikata għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2006 u l-31 ta' Diċembru 2009. Id-deroga kienet mogħtija minħabba li:

a)

il-leġiżlazzjoni Olandiża li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE inkludiet standards ta' applikazzjoni kemm għan-nitroġenu kif ukoll għall-fosfat u standards ta' applikazzjoni relatati mal-fosfat immirati sabiex jinkiseb ekwilibriju fil-fertilizzazzjoni bil-fosfat sal-2015;

b)

L-Olanda indirizzat il-kwistjoni tan-nutrijent żejjed mid-demel u l-fertilizzanti minerali permezz ta' diversi strumenti ta' politika u fil-perjodu bejn l-1992 u l-2002 naqqset l-għadd ta' bhejjem bovini b'17 %, tal-ħnieżer b'14 % u tan-nagħaġ u l-mogħoż b'21 %. In-nitroġenu u l-fosfru fid-demel naqas rispettivament b'29 u 34 % fil-perjodu bejn l-1985 u l-2002. L-ammonti żejda ta' nitroġenu u fosfru naqsu rispettivament b'25 u 37 % fil-perjodu bejn l-1992 u l-2002;

c)

id-dejta disponibbli dwar il-kwalità tal-ilma indikat xejra ta’ tnaqqis fil-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art u fil-konċentrazzjoni ta’ elementi nutrittivi (inkluż il-fosfru) f’ilmijiet tal-wiċċ;

d)

id-dokumenti tekniċi u xjentifiċi ppreżentati fin-notifika Olandiża indikaw li l-ammont propost ta' 250 kg kull ettaru fis-sena ta' nitroġenu minn demel ta' bhejjem bovini f'farms b'mill-inqas 70 % ta' mergħat kien kompatibbli mal-ilħiq tal-livell ta' 11,3 mg/l N (li jikkorrispondi ma' 50 mg/l NO3) fl-ilma fit-tipi kollha ta' ħamrija, u ma' kważi l-ebda ammont żejjed ta' fosfru, taħt kundizzjonijiet tal-aqwa ġestjoni;

e)

id-dokumenti tekniċi u xjentifiċi ppreżentati indikaw li l-ammont propost ta' 250 kg kull ettaru fis-sena ta' nitroġenu minn demel tal-bhejjem bovini f'farms b'mill-inqas 70 % ta' mergħat hija ġustifikata fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u uċuħ tar-raba b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

(3)

Il-Kummissjoni għalhekk kkunsidrat li l-ammont ta' demel mitlub mill-Olanda ma jippreġudikax l-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, soġġett għall-ilħiq ta' ċerti kundizzjonijiet stretti. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-istabbiliment ta' pjanijiet dwar il-fertilizzanti fuq il-bażi ta' farm b'farm, ir-reġistrazzjoni ta' prattiki fir-rigward tal-fertilizzanti permezz ta' rapporti dwar il-fertilizzanti, l-analiżi perjodika tal-ħamrija, il-kopertura ta' ħaxix aħdar matul ix-xitwa wara l-qamħirrun, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħart tal-ħaxix, l-ebda applikazzjoni ta' demel qabel il-ħart tal-ħaxix u l-aġġustament tal-fertlizzazzjoni li tqis il-kontribuzzjoni tal-uċuħ tar-raba' bil-legumi. Dawn id-dispożizzjonijiet kellhom l-għan li jiżguraw li l-fertilizzazzjoni tkun skont il-ħtiġijiet tal-uċuħ tar-raba' u t-tnaqqis u l-prevenzjoni tat-telf ta' nitroġenu fl-ilma.

(4)

Sabiex ikun evitat li l-applikazzjoni tad-deroga ta' bejn l-2006 u l-2009 mogħtija mid-Deċiżjoni 2005/880/KE twassal għal intensifikazzjoni, ġie impost fuq l-awtoritajiet kompetenti li jiżguraw li l-produzzjoni tad-demel kemm f'termini ta' nitroġenu kif ukoll f'ta' fosfru ma tiżdiedx aktar mil-livell tas-sena 2002 f'konformità mat-tielet programm ta' azzjoni nazzjonali Olandiż.

(5)

L-Olanda kkomunikat fil-ħin il-mapep u r-rapporti msemmija fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2005/880/KE.

(6)

Fl-14 ta' Lulju 2009 l-Olanda ppreżentat lill-Kummissjoni talba għal estensjoni tad-deroga. It-talba rreferiet għal ġustifikazzjoni dettaljata u għall-approvazzjoni tar-raba' Programm ta' Azzjoni tan-Nitrati (2010-2013) mill-Kamra tar-Rappreżentati Olandiża. Dan ir-raba' programm ta' azzjoni jindika il-progress (konsiderevoli) magħmul f'konformità mal-kundizzjonijiet tad-deroga ta' bejn l-2006 u l-2009 u l-isfidi li ġejjin. Ikompli jibni fuq it-tielet programm ta' azzjoni u fih miżuri msaħħa inklużi standards aktar stretti dwar l-applikazzjoni tan-nitroġenu fuq ħamriji ramlija; standards aktar stretti dwar l-applikazzjoni tal-fosfru bbażati fuq l-istatus tal-fosfru fil-ħamrija u perjodi magħluqin itwal għall-applikazzjoni tal-fertilizzanti fuq l-art (3). Dawn il-miżuri legali huma mmirati lejn aktar tnaqqis fl-ammont żejjed ta' nutrijent u aktar titjib fil-kwalità tal-ilma, jekk hemm bżonn permezz ta' aktar azzjoni ta' tisħiħ lil hinn mill-perjodu 2010-2013.

(7)

Il-kwalità tal-ilma tindika tkomplija fix-xejra 'l isfel fil-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma ta' taħt l-art u fil-konċentrazzjoni tan-nutrijenti (inkluż il-fosfru) fl-ilma tal-wiċċ bl-effetti prinċipali tat-tielet programm ta' azzjoni għadhom mistennija fis-snin li ġejjin.

(8)

Ir-riżultati tal-kontrolli u l-monitoraġġ jindikaw li, fil-perjodu 2006-2009 madwar 24 000 farm bil-mergħat li jikkorrispondu għal madwar 830 000 ettaru ta' art ikkultivata kienu inklużi fid-deroga.

(9)

Sabiex ikun evitat li l-applikazzjoni tad-deroga mitluba twassal għal intensifikazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikomplu jiżguraw li l-produzzjoni tad-demel kemm f'termini ta' nitroġenu kif ukoll ta' fosfru ma żżidx il-livell tas-sena 2002.

(10)

Ir-riżultati miksuba s'issa mill-Olanda huma f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2005/880/KE.

(11)

Il-qafas legali meħtieġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE u għall-eżekuzzjoni tar-raba' programm ta' azzjoni ġie adottat u japplika bl-istess mod għad-deroga mitluba.

(12)

Filwaqt li jitqiesu l-miżuri li l-Olanda impenjat ruħha li ssegwi fil-programm ta' azzjoni għall-perjodu 2010-2013 il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ammont ta' demel mitlub mill-Olanda għall-perjodu 2010-2013 ma jippreġudikax l-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KE jekk jintlaħqu l-istess kundizzjonijiet stretti stabbiliti mid-Deċiżjoni 2005/880/KE.

(13)

Id-Deċiżjoni Nru 2005/880/KE tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2009.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-farms tal-bhejjem bovini konċernati jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw minn deroga, huwa xieraq li tkun estiża l-validità tad-Deċiżjoni 2005/880/KE sal-31 ta' Diċembru 2013 bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fl-Artikoli 4 sa 10 tad-Deċiżjoni 2005/880/KE.

(15)

Id-data ta' skadenza għar-rappurtar lill-Kummissjoni, stipulata mill-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2005/880/KE, għandha madankollu tiġi adattata u allinjata mad-data ta' skadenza għall-obbligi tar-rappurtar skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2005/880/KE.

(16)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2005/880/KE tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jitbiddel b’li ġej:

“L-Artikolu 1

Id-deroga mitluba mill-Olanda b'ittra tat-8 ta' April 2005 u l-estensjoni mitluba b'ittra tal-14 ta' Lulju 2009, għall-finijiet li jkun permess ammont ogħla ta' demel mill-bhejjem minn dak ipprovdut fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, hija mogħtija.”

(2)

L-Artikolu 10, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jitbiddel b'dan li ġej:

“Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni kull sena fit-tieni kwart tas-sena li tiġi wara s-sena ta' attività.”

(3)

L-Artikolu 11 jitbiddel b’li ġej:

“Artikolu 11

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2013 fil-kuntest tar-raba' Programm ta’ Azzjoni tan-Nitrati Olandiż.”

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Olanda.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 324, 10.12.2005, p. 89.

(3)  L-Att tas-26 ta' Novembru 2009 li jemenda l-Att tal-Fertilizzant (Staatsblad Koninkrijk der Nederlanden 2009, 551); L-Ordni tal-Gvern tad-9 ta' Novembru 2009 li temenda l-ordni tal-gvern dwar l-użu tal-fertilizzant u l-Ordni tal-Gvern dwar l-ortikoltura fis-serer (Staatsblad Koninkrijk der Nederlanden 2009, 477); L-ordni tal-Gvern tal-14 ta' Diċembru 2009 li temenda l-Ordni tal-Gvern dwar l-implimentazzjoni tal-Att tal-Fertilizzant (Staatsblad Koninkrijk der Nederlanden 2009, 601); L-Ordni tal-Ministru tal-Agrikoltura, in-Natura u s-Sikurezza tal-Ikel tal-15 ta' Diċembru 2009, li temenda r-regolament tal-implimentazzjoni tal-Att tal-Fertilizzant (Staatscourant Koninkrijk der Nederlanden, 30 December 2009, 20342).


Top