EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1222

Regolament (KE) Nru 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Novembru 2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra Test b’rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 342, 22.12.2009, p. 46–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 12 Volume 003 P. 109 - 121

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2021; Imħassar b' 32020R0740

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1222/oj

22.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/46


REGOLAMENT (KE) Nru 1222/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2009

dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-mobbiltà sostenibbli hija sfida prinċipali li qed tħabbat wiċċha magħha l-Komunità fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa ta’ appoġġ għall-kompetittività Ewropea kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 intitolata “Trasport aktar Ekoloġiku”.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2006 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Effiċjenza Enerġetika – Inwettqu l-potenzjal” enfasizzat il-potenzjal għal tnaqqis tal-konsum totali tal-enerġija b’20 % sal-2020 permezz ta’ lista ta’ azzjonijiet immirati inkluż it-tikkettar tat-tajers.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Frar 2007 intitolata “Ir-riżultati tar-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief” enfasizzat il-potenzjal għal tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 permezz ta’ miżuri komplementari għall-komponenti tal-karozzi bl-ogħla impatt fuq il-konsum tal-fjuwil, bħat-tajers.

(4)

It-tajers, l-aktar minħabba r-reżistenza tagħhom għat-tidwir, jgħoddu għal 20 % sa 30 % tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi. Għalhekk, it-tnaqqis tar-reżistenza għat-tidwir tat-tajers jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-effiċjenza enerġetika tat-trasport bit-triq u b’hekk għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

(5)

It-tajers huma karatterizzati minn għadd ta’ parametri marbutin ma’ xulxin. It-titjib ta’ parametru wieħed bħar-reżistenza għat-tidwir jista’ jkollu impatt avvers fuq parametri oħra, bħall-qabda fuq l-imxarrab. Bil-maqlub, it-titjib tal-qabda fuq l-imxarrab jista’ jkollu effett avvers fuq l-istorbju estern tat-tidwir. Il-manifatturi tat-tajers għandhom jiġu mħeġġa jtejbu l-parametri kollha lil hemm mill-istandards diġà miksuba.

(6)

It-tajers li huma effiċjenti fl-użu tal-fjuwil jagħtu prestazzjoni b’anqas spiża għaliex l-iffrankar fuq il-fjuwil imur lil hinn mis-sempliċi kumpens għaż-żieda fil-prezz tax-xiri tat-tajers li jkun ġej minn spejjeż tal-produzzjoni ogħla.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (3), għalhekk jistipula r-rekwiżiti minimi għar-reżistenza għat-tidwir tat-tajers. L-iżviluppi teknoloġiċi jagħmluha possibbli li t-telf tal-enerġija jitnaqqas b’mod sinifikanti permezz ta’ reżistenza għat-tidwir tat-tajers li tkun lil hinn mir-rekwiżiti minimi. Sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bit-triq, huwa għalhekk adatt li jiġu stipulati dispożizzjonijiet li jħeġġu lill-utenti finali jixtru aktar tajers li jwasslu għal aktar użu effiċjenti tal-fjuwil billi jipprovdu informazzjoni armonizzata dwar dak il-parametru.

(8)

L-istorbju tat-traffiku huwa ta’ fastidju sinifikanti u għandu effett ta’ ħsara għas-saħħa. Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-istorbju tat-tidwir estern tat-tajers. L-iżviluppi teknoloġiċi jagħmluha possibbli li l-istorbju estern tat-tidwir tat-tajers jitnaqqas b’mod sinifikanti lil hinn mir-rekwiżiti minimi. Sabiex jitnaqqas l-istorbju tat-traffiku, huwa għalhekk adatt li jiġu stipulati dispożizzjonijiet li jħeġġu lill-utenti finali jixtru tajers bi storbju estern tat-tidwir baxx billi jipprovdu informazzjoni armonizzata dwar dak il-parametru.

(9)

L-għoti ta’ informazzjoni armonizzata għall-istorbju estern tat-tidwir tat-tajers jista’ wkoll jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-istorbju tat-traffiku u jikkontribwixxi għal kuxjenza akbar dwar l-effett tat-tajers fuq l-istorbju tat-traffiku fil-qafas tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwarda l-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-ħsejjes ambjentali (4).

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-prestazzjoni tat-tajers fir-rigward tal-qabda tagħhom fuq l-imxarrab. L-iżviluppi teknoloġiċi jagħmluha possibbli li l-qabda fuq l-imxarrab tittejjeb lil hinn mir-rekwiżiti minimi, u għalhekk jitnaqqsu d-distanzi tal-ibbrejkjar fuq l-imxarrab. Sabiex titjieb is-sikurezza tat-toroq, huwa għalhekk adatt li jiġu stipulati dispożizzjonijiet li jħeġġu lill-utenti finali jixtru tajers bi prestazzjoni għolja fir-rigward tal-qabda tagħhom fuq l-imxarrab billi jipprovdu informazzjoni armonizzata dwar dak il-parametru.

(11)

Id-dispożizzjoni għal informazzjoni dwar il-qabda fuq l-imxarrab għandha tista’ ma tindikax il-prestazzjoni primarja ta’ tajers iddisinjati speċifikament għal kondizzjonijiet ta’ borra u ta’ silġ. B’kont meħud tal-fatt li għad ma hemmx metodi ta’ ttestjar armonizzati disponibbli fir-rigward ta’ tali tajers, huwa adatt li tiġi prevista l-possibbiltà tal-adattazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-qabda tagħhom fi stadju aktar tard.

(12)

Il-provvediment ta’ informazzjoni dwar il-parametri tat-tajers fil-forma ta’ tikketta standard x’aktarx li jinfluwenza d-deċiżjonijiet tax-xiri tal-utenti finali favur tajers aktar sikuri, inqas storbjużi u li jwasslu għal użu aktar effiċjenti tal-fjuwil. Dan imbagħad aktarx iħeġġeġ lill-manifatturi tat-tajers itejbu kemm jistgħu dawk il-parametri tat-tajers, li jwittu t-triq għal konsum u produzzjoni aktar sostenibbli.

(13)

Multipliċità ta’ regoli dwar it-tikkettar tat-tajers fl-Istati Membri toħloq ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju u tkabbar il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-ittestjar għall-manifatturi tat-tajers.

(14)

It-tajers ta’ sostituzzjoni jgħoddu għal 78 % tas-suq tat-tajers. Għalhekk, huwa xieraq li l-utent finali jiġi infurmat dwar il-parametri tat-tajers ta’ sostituzzjoni kif ukoll tat-tajers armati fuq vetturi ġodda.

(15)

Il-ħtieġa ta’ aktar informazzjoni dwar l-effiċjenza tat-tajers fl-użu tal-fjuwil u parametri oħra hija rilevanti għall-konsumaturi, kif ukoll għall-maniġers tal-flotot u l-impriżi tat-trasport, li ma jistgħux faċilment iqabblu l-marki differenti tat-tajers fin-nuqqas ta’ skema armonizzata ta’ ttestjar u tikkettar. Għalhekk, huwa adatt li jiġu inklużi it-tajers tal-klassijiet C1, C2 u C3 fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(16)

It-tikketta dwar l-enerġija li tikklassifika l-prodotti fuq skala minn “A” sa “G”, kif applikata għall-apparat tad-dar skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ittikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar (5), hija magħrufa sew mill-konsumaturi u rnexxiet fil-promozzjoni ta’ apparat aktar effiċjenti. L-istess disinn għandu jintuża għat-tikkettar tal-effiċjenza tat-tajers fl-użu tal-fjuwil.

(17)

Dak li jkun hemm muri fuq it-tikketta ta’ fuq it-tajers fil-ħanut, kif ukoll fil-materjal promozzjonali tekniku, għandu jiżgura li sew id-distributuri kif ukoll l-utenti finali potenzjali jirċievu informazzjoni armonizzata dwar l-effiċjenza tat-tajers fl-użu tal-fjuwil, il-prestazzjoni fir-rigward tal-qabda tagħhom fuq l-imxarrab u l-istorbju estern tat-tidwir fil-waqt u l-post tad-deċiżjoni dwar ix-xiri.

(18)

Xi utenti finali jagħżlu t-tajers qabel ma jaslu fil-punt tal-bejgħ jew jixtru t-tajers billi jordnawhom bil-posta. Sabiex jiġi żgurat li dawn l-utenti finali wkoll ikunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata abbażi tal-informazzjoni armonizzata dwar l-effiċjenza tat-tajers fl-użu tal-fjuwil, il-prestazzjoni fir-rigward tal-qabda tagħhom fuq l-imxarrab u l-istorbju estern tat-tidwir, it-tikketti għandhom jintwerew fil-materjal promozzjonali tekniku kollu, inkluż fejn tali materjal ikun disponibbli fuq l-Internet. Il-materjal promozzjonali tekniku ma jinkludix reklami fuq billboards, gazzetti, magazins, xandir bir-radju, televixin u formati onlajn oħrajn.

(19)

L-utenti finali potenzjali għandhom jingħataw informazzjoni li tispjega kull komponent tat-tikketta u r-rilevanza tiegħu. Din l-informazzjoni għandha tingħata f’materjal promozzjonali tekniku, bħas-sit elettroniku tal-fornituri.

(20)

L-informazzjoni għandha tingħata skont metodi armonizzati ta’ ttestjar li għandhom ikun affidabbli, preċiżi u riproduċibbli sabiex l-utenti finali jkunu jistgħu jqabblu tajers differenti u sabiex jillimitaw l-ispejjeż tal-ittestjar għall-manifatturi.

(21)

Sabiex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u jżidu s-sikurezza tat-trasport bit-triq, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw inċentivi favur tajers effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, tajers aktar sikuri u b’emissjonijiet ta’ storbju baxxi. Huwa adatt li jiġu determinati hawn taħt il-klassijiet minimi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u tal-qabda fuq l-imxarrab li f’livelli inqas minnhom ma jingħatawx inċentivi sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern. Dawn l-inċentivi għandhom mnejn jikkostitwixxu għanjuna mill-Istat. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċedura futura għall-għajnuna mill-Istat li tista’ tittieħed skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat fir-rigward ta’ inċentivi bħal dawn u m’għandux ikopri t-tassazzjoni u materji fiskali.

(22)

Il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar mill-fornituri u d-distributuri hija essenzjali għall-ksib tal-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u biex jiġi żgurat ambjent ekwu fil-Komunità. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jimmonitoraw tali konformità permezz tas-sorveljanza tas-suq u kontrolli ex-post regolari skont, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (6).

(23)

Meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom iżommu milli jimplimentaw miżuri li jimponu obbligi mhux ġustifikati, burokratiċi u mhux maniġibbli fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(24)

Il-fornituri u d-distributuri tat-tajers għandhom jiġu mħeġġa jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament qabel is-sena 2012 biex iħaffu r-rikonoxximent tat-tikketta u t-tgawdija tal-benefiċċji tagħha.

(25)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (7).

(26)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tintroduċi rekwiżiti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-qabda fuq l-imxarrab għat-tajers C2 u C3 biex tiġi adattata l-klassifikazzjoni tal-qabda tat-tajers iddisinjati speċifikament għall-kondizzjonijiet ta’ borra u ta’ silġ u tadatta l-Annessi, inklużi l-metodi tal-ittestjar u l-konċessjonijiet relatati, għall-progress tekniku. Billi dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia, billi jissupplimentawh b’elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju previst fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(27)

Għandha titwettaq reviżjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex jiġi ddeterminat kemm it-tikketta qiegħda tinftiehem mill-utent finali u kemm dan ir-Regolament għandu l-ħila li jikseb it-trasformazzjoni tas-suq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan u suġġett

1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżdiedu s-sikurezza, u l-effiċjenza ekonomika u ambjentali tat-trasport bit-triq permezz tal-promozzjoni ta’ tajers effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, u tajers sikuri u b’emissjonijiet ta’ storbju baxxi.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-għoti ta’ informazzjoni armonizzata dwar il-parametri tat-tajers permezz tat-tikkettar, biex l-utenti finali jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata meta jixtru t-tajers.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tajers C1, C2, u C3.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

tajers ittredjati mill-ġdid;

(b)

tajers off-road professjonali;

(c)

tajers iddisinjati biss biex jiġu armati fuq vetturi reġistrati għall-ewwel darba qabel l-1 ta’ Ottubru 1990;

(d)

spare tyres tat-tip T għal użu temporarju;

(e)

tajers li l-kategorija tal-veloċità tagħhom hija ta’ anqas minn 80 km fis-siegħa;

(f)

tajers li d-dijametru nominali tar-rimm tagħhom ma jkunx aktar minn 254 mm jew ikun 635 mm jew aktar;

(g)

tajers mgħammra b’mezzi addizzjonali sabiex itejbu l-proprjetajiet tal-ġbid, bħal tajers bl-iskontri;

(h)

tajers iddisinjati biss biex jiġu armati fuq vetturi intenzjonati esklużivament għat-tlielaq.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

1.

“tajers C1, C2 u C3” tfisser klassijiet ta’ tajers iddefiniti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 661/2009;

2.

“spare tyre tip T għal użu temporarju” jfisser spare tyre għal użu temporarju ddisinjat għall-użu bi pressjoni tal-infiħ ogħla minn dik stabbilta għal tajers standard u rinforzati;

3.

“punt tal-bejgħ” tfisser post fejn it-tajers huma murija jew maħżuna u offruti għall-bejgħ lil utenti finali, inkluż showrooms tal-karozzi fir-rigward ta’ tajers li mhumiex armati fuq il-vetturi u li huma offruti għall-bejgħ lil utenti finali;

4.

“materjal promozzjonali tekniku” tfisser manwali tekniċi, brochures, fuljetti u katalgi (sew jekk stampati jew f’forma elettronika jew onlajn), kif ukoll siti elettroniċi, li għandhom l-għan li jinnegozjaw il-bejgħ tat-tajers ma’ utenti finali jew distributuri, u li jiddeskrivu l-parametri tekniċi speċifiċi ta’ tajer.

5.

“dokumentazzjoni teknika” tfisser informazzjoni dwar it-tajers, inkluż il-manifattur u l-marka tat-tajer; deskrizzjoni tat-tip tat-tajer jew il-grupp tat-tajers iddeterminat għad-dikjarazzjoni tal-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab u l-valur imkejjel u l-klassi tal-istorbju estern tat-tidwir; rapport tat-testijiet u preċiżjoni tat-testijiet.

6.

“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott, jew li għandha prodott iddisinjat jew immanifatturat u li tikkumerċjalizza dak il-prodott taħt isimha jew it-trejdmark tagħha;

7.

“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tagħmel prodott minn pajjiż terz disponibbli fis-suq Komunitarju;

8.

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand manifattur sabiex taġixxi f’ismu b’relazzjoni għal kompiti speċifiċi fir-rigward tal-obbligi ta’ dan tal-aħħar skont dan ir-Regolament.

9.

“fornitur” tfisser il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fil-Komunità jew l-importatur;

10.

“distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-forniment, barra mill-manifattur jew l-importatur, li tagħmel tajer disponibbli fis-suq;

11.

“disponibbiltà fis-suq” tfisser kwalunkwe forniment ta’ prodott għad-distribuzzjoni jew l-użu fis-suq Komunitarju waqt attività kummerċjali, sew jekk bi ħlas sew mingħajr ħlas;

12.

“utent finali” tfisser konsumatur, kif ukoll maniġer ta’ flotta jew impriża tat-trasport bit-triq, li jixtri jew li huwa mistenni li jixtri tajer;

13.

“parametru essenzjali” tfisser parametru ta’ tajer bħar-reżistenza għat-tidwir, il-qabda fuq l-imxarrab jew l-istorbju estern tat-tidwir li jkollu impatt sinifikanti fuq l-ambjent, is-sikurezza fit-triq jew is-saħħa waqt l-użu.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet tal-fornituri tat-tajers

1.   Il-fornituri għandhom jiżguraw li tajers C1 u C2, li jkunu fornuti lid-distributuri jew utenti finali, ikunu

(a)

mgħammra bi stiker fuq it-tajer li turi tikketta li tindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil kif stipulat fl-Anness I, Parti A, il-klassi u l-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir u kif stipulat fl-Anness I, Parti C, u fejn applikabbli, il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab kif stipulat fl-Anness I, Parti B.

jew

(b)

għal kull lott ta’ tajer identiku wieħed jew aktar fornuti, mgħammra b’ tikketta f’format stampat li tindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil kif stipulat fl-Anness I, Parti A, il-klassi u l-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir kif stipulat fl-Anness I, Parti C, u fejn applikabbli, il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab kif stipulat fl-Anness I, Parti B.

2.   Il-format tal-istiker u t-tikketta msemmijin fil-paragrafu 1 għandu jkun kif preskritt fl-Anness II.

3.   Il-fornituri għandhom jiddikjaraw il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-klassi u l-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir u, fejn applikabbli, il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab għat-tajers C1, C2 u C3 fuq il-materjal promozzjonali tekniku, kif stipulat fl-Anness I fl-ordni speċifikat fl-Anness III.

4.   Il-fornituri għandhom jagħmlu disponibbli dokumentazzjoni teknika għall-awtoritajiet tal-Istati Membri meta dawn jitolbuha, għal perijodu li jintemm ħames snin wara li l-aħħar tajer ta’ tip ta’ tajer partikolari tpoġġa disponibbli fis-suq. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tkun dettaljata biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtoritajiet jivverifikaw il-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-qabda fuq l-imxarrab u l-istorbju estern tat-tidwir.

Artikolu 5

Responsabbiltajiet tad-distributuri tat-tajers

1.   Id-distributuri għandhom jiżguraw li

(a)

fil-punt tal-bejgħ it-tajers ikollhom l-istiker ipprovdut mill-fornituri skont l-Artikolu 4(1)(a) f’pożizzjoni ċarament viżibbli

jew

(b)

qabel il-bejgħ tat-tajer, it-tikketta msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) hija murija lill-utent finali u li tkun tidher b’mod ċar fil-prossimità immedjata tat-tajer fil-punt tal-bejgħ.

2.   Meta t-tajers offruti għall-bejgħ ma jkunux viżibbli għall-utent finali, id-distributuri għandhom jipprovdu lill-utent finali b’informazzjoni dwar il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab u l-klassi u l-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir ta’ dawk it-tajers.

3.   Għat-tajers C1, C2 u C3, id-distributuri għandhom jiddikjaraw, il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-valur imkejjel tal-istorbju estern u fejn applikabbli, il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab, kif stipulat fl-Anness I fuq jew mal-kont mogħti lill-utent finali meta jixtri t-tajers.

Artikolu 6

Responsabbiltajiet tal-fornituri tal-vetturi u d-distributuri tal-vetturi

Meta l-utenti finali jkunu offruti għażla fil-punt tal-bejgħ bejn tajers differenti biex jiġu armati fuq vettura ġdida li jkollhom l-intenzjoni li jixtru, il-fornituri u d-distributuri tal-vetturi għandhom, qabel il-bejgħ, jipprovdulhom informazzjoni, għal kull tajer offrut fl-għażla, dwar il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-klassi u l-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir, u, fejn applikabbli, il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab fil-każ tat-tajers C1, C2 u C3, kif stipulat fl-Anness I fl-ordni speċifikat fl-Anness III. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża tal-anqas fil-materjal promozzjonali tekniku.

Artikolu 7

Metodi armonizzati ta’ ttestjar

L-informazzjoni pprovduta fl-Artikoli 4, 5, u 6 dwar il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-klassi u l-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir, il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab tat-tajers għandha tinkiseb billi jiġu applikati l-metodi armonizzati ta’ ttestjar imsemmija fl-Anness I.

Artikolu 8

Proċedura ta’ verifika

L-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-konformità tal-klassijiet iddikjarati tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u l-klassijiet tal-qabda fuq l-imxarrab fit-tifsira tal-Anness I, il-Partijiet A u B, u l-klassi u l-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir kif iddikjarat fit-tifsira tal-Anness I, Parti C, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Anness IV.

Artikolu 9

Suq intern

1.   Fejn ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jiġu osservati, l-Istati Membri la għandhom jipprojbixxu u lanqas jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq tat-tajers imsemmija fl-Artikolu 2 fuq il-bażi ta’ informazzjoni dwar il-prodott.

2.   Dment li ma jkollhomx evidenza li turi kontra, l-Istati Membri għandhom iqisu t-tikketti u l-infromazzjoni dwar il-prodott bħala konformi ma’ dan ir-Regolament. Jistgħu jeħtieġu li l-fornituri jipprovdu dokumentazzjoni teknika, f’konformità mal-Artikolu 4(4), sabiex tiġi vvalutata l-preċiżjoni tal-valuri u l-klassijiet iddikjarati.

Artikolu 10

Inċentivi

L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu inċentivi fir-rigward tat-tajers ta’ taħt il-livell ta’ klassi C la fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u lanqas tal-qabda fuq l-imxarrab fit-tifsira tal-Anness I, Partijiet A u B rispettivament. It-tassazzjoni u l-miżuri fiskali ma jikkostitwixxux inċentivi għall-għan ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Emendi u adattamenti għall-progress tekniku

Il-miżuri li ġejjin imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2):

(a)

l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-qabda fuq l-imxarrab tat-tajers C2 u C3, dment li jkunu disponibbli metodi ta’ ttestjar armonizzati adatti;

(b)

l-adattament, fejn rilevanti, tal-klassifikazzjoni tal-qabda fuq l-imxarrab għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ tajers iddisinjati primarjament biex f’kundizzjonijiet ta’ silġ u/jew ta’ borra, jagħtu prestazzjoni aqwa minn dik ta’ tajer normali fir-rigward tal-abbiltà tagħhom li jibdew, imantnu, jew iwaqqfu l-moviment tal-vettura;

(c)

l-addattament tal-Annessi I sa IV għall-progress tekniku.

Artikolu 12

Infurzar

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tas-suq jivverifikaw il-konformità mal-Artikoli 4, 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 14

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa li tirrevedi dan ir-Regolament, billi tqis, fost l- oħrajn:

(a)

l-effettività tat-tikketta f’termini ta’ sensibilizzazzjoni mill-utent finali, b’mod partikolari jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) kinux effettivi daqs dawk tal-Artikolu 4(1)(a) fil-kontribut għall-objettivi ta’ dan ir-Regolament;

(b)

jekk l-iskema tat-tikkettar għandhiex tiġi estiża biex tinkludi t-tajers ittredjati mill-ġdid;

(c)

jekk għandhomx jiġu introdotti parametri ġodda għat-tajers, bħall-għadd tal-kilometri;

(d)

l-informazzjoni dwar il-parametri tat-tajers ipprovduta mill-fornituri u d-distributuri tal-vetturi lill-utenti finali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultat ta’ din il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2016, u, jekk ikun il-każ, tippreżenta proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 15

Dispożizzjoni transizzjonali

L-Artikoli 4 u 5 ma għandhomx japplikaw għal tajers prodotti qabel l-1 ta’ Lulju 2012.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Novembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 81.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2009.

(3)  ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.

(5)  ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16. (Ħarġa Speċjali bil-Malti, Kap 13, Vol II, p. 216).

(6)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS I

KLASSIFIKAR TAL-PARAMETRI TAT-TAJERS

Parti A: Klassijiet ta’ effiċjenza fl-użu tal-fjuwil

Il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-koefiċċjent tar-reżistenza għat-tidwir (RRC) skont l-iskala “A” sa “G” speċifikata aktar ‘l isfel u mkejla skont ir-Regolament Nru 117 tal-UNECE u l-emendi sussegwenti tiegħu.

Jekk tip ta’ tajer jiġi approvat għal aktar minn klassi ta’ tajer waħda (pereżempju C1 u C2), l-iskala tal-klassifika użata biex tiġi ddeterminata l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil ta’ dan it-tip ta’ tajer għandha tkun applikabbli għall-ogħla klassi ta’ tajer (pereżempju C2, mhux C1).

Tajers C1

Tajers C2

Tajers C3

RRC f’kg/t

Il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

RRC f’kg/t

Il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

RRC f’kg/t

Il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

RRC ≤ 6,5

A

RRC ≤ 5,5

A

RRC ≤ 4,0

A

6.6 ≤ RRC ≤ 7,7

B

5,6 ≤ RRC ≤ 6,7

B

4,1 ≤ RRC ≤ 5,0

B

7.8 ≤ RRC ≤ 9,0

C

6,8 ≤ RRC ≤ 8,0

C

5,1 ≤ RRC ≤ 6,0

C

Vojt

D

Vojt

D

6,1 ≤ RRC ≤ 7,0

D

9,1 ≤ RRC ≤ 10,5

E

8,1 ≤ RRC ≤ 9,2

E

7,1 ≤ RRC ≤ 8,0

E

10,6 ≤ RRC ≤ 12,0

F

9,3 ≤ RRC ≤ 10,5

F

RRC ≥ 8,1

F

RRC ≥ 12,1

G

RRC ≥ 10,6

G

Vojt

G

Parti B: Klassijiet tal-Qabda fuq l-Imxarrab

Il-klassijiet tal-qabda fuq l-imxarrab tat-tajers C1 għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-indiċi tal-qabda fuq l-imxarrab (G) skont l-iskala “A” sa “G” speċifikata aktar ‘l isfel u mkejla skont ir-Regolament Nru 117 tal-UNECE u l-emendi sussegwenti tiegħu.

G

Klassijiet tal-Qabda fuq l-Imxarrab

1,55 ≤ G

A

1,40 ≤ G ≤ 1,54

B

1,25 ≤ G ≤ 1,39

C

Vojt

D

1,10 ≤ G ≤ 1,24

E

G ≤ 1,09

F

Vojt

G

Parti C: Il-klassijiet u l-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir.

Il-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir (N) għandu jiġi ddikjarat f’decibels u mkejjel skont ir-Regolament Nru 117 tal-UNECE u l-emendi sussegwenti tiegħu.

Il-klassi tal-istorbju estern tat-tidwir għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-valuri tal-limitu (LV) stipulati fil-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 kif ġej.

N f’dB

Storbju estern tat-tidwir

NLV – 3

Image

LV-3 < NLV

Image

N > LV

Image


ANNESS II

IL-FORMAT TAT-TIKKETTA

1.   Disinn tat-tikketta

1.1.   It-tikketta msemmija fl-Artikoli 4(1) u 5(1), trid tkun skont l-illustrazzjoni hawn taħt:

Image

1.2.   Dan li ġej jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet għat-tikketta:

Image

1.3.   It-tikketta trid tkun mill-inqas 75 mm wiesgħa u 110 mm twila. Meta t-tikketta tiġi stampata f’format ikbar, il-kontenut tagħha xorta waħda għandu jibqa’ proporzjonat mal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

It-tikketta għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Il-kuluri huma CMYK - cyan, maġenta, isfar u iswed – u jingħataw skont dan l-eżempju: 00-70-X-00: 0 % cyan, 70 % maġenta, 100 % isfar, 0 % iswed;

(b)

In-numri mniżżla isfel jirreferu għall-ispjegi indikati fil-punt 1.2:

Image

Effiċjenza tal-użu tal-fjuwil

Pittogramma kif fornuta: wisa’: 19.5 mm, għoli: 18.5 mm – Kwadru għall-pittogramm; linja: 3.5 pt, wisa’: 26 mm, għoli: 23 mm – Kwadru għall-klassifikazzjoni: linja: 1 pt – Tmiem il-kwadru: linja: 3.5 pt, wisa’: 36 mm – Kulur: X-10-00-05;

Image

Qabda fuq l-Imxarrab

Pittogramma kif fornuta: wisa’: 19 mm, għoli: 19 mm – Kwadru għall-pittogramma: linja: 3.5 pt, wisa’: 26 mm, għoli: 23 mm – Kwadru għall-klassifikazzjoni: linja: 1 pt – Tmiem il-kwadru: linja: 3.5 pt, wisa’: 26 mm – Kulur: X-10-00-05;

Image

Storbju estern tat-tidwir

Pittogramma kif fornuta: wisa’: 14 mm, għoli: 15 mm – Kwadru għall-pittogramma: linja: 3.5 pt, wisa’: 26 mm, għoli: 24 mm – Kwadru għall-valur: linja: 1 pt – Tmiem il-kwadru: linja: 3.5 pt, għoli: 24 mm – Kulur: X-10-00-05;

Image

Il-linja tal-bordura tat-tikketta: linja: 1.5 pt – Kulur: X-10-00-05;

Image

Skala A-G

Vleġeġ: għoli: 4.75 mm, spazju bejn vleġġa u oħra: 0.75 mm, linja sewda: 0.5 pt – kuluri:

A: X-00-X-00;

B: 70-00-X-00;

C: 30-00-X-00;

D: 00-00-X-00;

E: 00-30-X-00;

F: 00-70-X-00;

G: 00-X-X-00.

Kitba: Helvetica Bold 12 pt, 100 % abjad, bordura sewda: 0.5 pt;

Image

Gradazzjoni

Vleġġa: wisa’: 16 mm, għoli: 10 mm, 100 % iswed;

Kitba: Helvetica Bold 27pt, 100 % abjad;

Image

Linji fil-klassifikazzjoni: linja: 0.5 pt, interval bis-snug: 5.5 mm, 100 % iswed;

Image

Kitba tal-klassifikazzjoni: Helvetica Bold 11 pt, 100 % iswed;

Image

Il-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir

Vleġġa: wisa’: 25.25 mm, għoli: 10 mm, 100 % iswed;

Kitba: Helvetica Bold 20 pt, 100 % abjad;

Kitba tal-unità: Helvetica Bold pt, 100 % abjad;

Image

Logo tal-UE: wisa’: 9 mm, għoli: 6 mm;

Image

Referenza tar-Regolament: Helvetica Regular 7.5 pt, 100 % iswed;

Referenza tal-klassi tat-tajer: Helvetica Bold 7.5 pt, 100 % iswed;

Image

Klassi tal-istorbju estern tat-tidwir fornut fil-Parti C tal-Anness I: wisa’: 8,25 mm, għoli: 15,5 mm, -100 % iswed;

(c)

L-isfond irid ikun abjad.

1.5.   Il-klassi tat-tajer (C1 jew C2) għandha tiġi indikata fuq it-tikketta fil-formatt preskritt fl-illustrazzjoni li tidher fil-punt 1.2.

2.   Stiker

2.1.   L-istiker imsemmija fl-Artikoli 4(1) u 5(1) tikkonsisti minn żewġ partijiet: (i) tikketta stampata fil-format deskritt fil-punt 1 ta’ dan l-Anness u (ii) l-ispazju tal-marka stampat f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet deskritti fil-punt 2(2) ta’ dan l-Anness.

2.2.   Post għall-marka: Il-fornituri għandhom iżidu isimhom jew it-trade mark tagħhom, il-linja tat-tajer, il-qies tat-tajer, l-indiċi tat-tagħbija, il-klassifikazzjoni tal-veloċità u speċifikazzjonijiet tekniċi fuq l-istiker ma’ tul it-tikketta fi kwalunkwe kulur, format u disinn, dment li dan ma jfixkilx jew iħawwad il-messaġġ fuq it-tikketta definit fil-punt 1 ta’ dan l-Anness. Il-wiċċ totali tal-istiker m’għandux jaqbeż l-250 cm2 u d-daqs totali tal-istiker m’għandux jaqbeż il-220 mm.


ANNESS III

L-informazzjoni pprovduta fil-materjal promozzjonali tekniku

1.   L-informazzjoni dwar it-tajers għandha tiġi pprovduta fl-ordni speċifikat kif ġej:

(i)

il-klassi tal-effiċjenza tal-uzu tal-fjuwil (ittra A sa G);

(ii)

il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab (ittra A sa G);

(iii)

il-valur imkejjel u l-klassi tal-istorbju estern tat-tidwir (dB).

2.   L-informazzjoni pprovduta fil-punt 1 għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

tinqara faċilment;

(ii)

tinftiehem faċilment;

(iii)

jekk ikun disponibbli klassifikar differenti għal tajer partikolari u skont il-qisien jew parametri oħra, għandha tġi ddikjarata l-medda bejn it-tajer bl-agħar prestazzjoni u t-tajer bl-aħjar prestazzjoni.

3.   Il-fornituri għandhom ukoll ipoġġu disponibbli fuq is-siti elettroniċi tagħhom dan li ġej:

(i)

link għall-paġna web rilevanti tal-Kummissjoni ddedikata għal dan ir-Regolament;

(i)

spjegazzjoni tal-pittogrammi stampati fuq it-tikketta;

(ii)

stqarrija li tenfasizza l-fatt li l-iffrankar attwali tal-fjuwil u s-sikurezza fit-toroq jiddependu bil-kbir mill-imġiba tas-sewwieqa, partikolarment dan li ġej:

l-ekosewqan jista’ jnaqqas il-konsum tal-fjuwil b’mod sinifikanti;

il-pressjoni tat-tajers trid tiġi ċċekkjata regolarment għall-aħjar qabda fuq l-imxarrab u għall-aħjar effiċjenza tal-uzu tal-fjuwil;

id-distanzi tal-waqfien għandhom jiġu osservati b’mod strett.


ANNESS IV

Proċedura ta’ verifika

Il-konformità tal-klassijiet iddikjarati tal-effiċjenza tal-uzu tal-fjuwil u tal-qabda fuq l-imxarrab, kif ukoll il-valur imkejjel u l-klassi tal-istorbju estern tat-tidwir għandu jiġi vvalutat għal kull tip ta’ tajer jew għal kull grupp ta’ tajers kif iddeterminat mill-fornitur, skont waħda mill-proċeduri li ġejjin:

(a)

(i)

l-ewwel jiġi ttestjat tajer wieħed. Jekk il-valur imkejjel jilħaq il-klassi ddikjarata jew il-valur imkejjel tal-istorju estern tat-tidwir, ikun għadda mit-test;

u

(ii)

jekk il-valur imkejjel ma jilħaqx il-klassi ddikjarata jew il-valur imkejjel tal-istorju estern tat-tidwir, jiġu ttestjati tliet tajers oħra. Il-valur medju tal-kejl li joħroġ mill-erba’ tajers ittestjati għandu jintuża sabiex tiġi vvalutata l-konformità mal-informazzjoni ddikjarata;

jew

(b)

meta l-klassijiet jew il-valuri tat-tikketti jkunu ġejjin mir-riżultati tat-testijiet tal-approvazzjonijiet tat-tipi f’konformità mad-Direttiva 2001/43/KE, ir-Regolament (KE) Nru 661/2009, jew ir-Regolament Nru 117 tal-UNECE u l-emendi sussegwenti tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-konformità tat-tajer tad-data tal-produzzjoni minn dawn l-approvazzjonijiet tat-tipi.

Il-valutazzjoni tal-konformità tad-data tal-produzzjoni għandha tieħu kont tal-konċessjonijiet kif speċifikat fit-taqsima 8 tar-Regolament Nru 117 tal-UNECE u l-emendi sussegwenti tiegħu.


Top