EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0663

Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija

OJ L 200, 31.7.2009, p. 31–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 12 Volume 003 P. 94 - 108

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 24/12/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/663/oj

31.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/31


REGOLAMENT (KE) Nru 663/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 156 u l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-ekonomija Ewropea qiegħda tiffaċċja tnaqqis qawwi b’riżultat tal-kriżi finanzjarja. Jeħtieġu sforzi straordinarji u immedjati sabiex jikkumbattu din is-sitwazzjoni ekonomika serja u mingħajr preċedent. Biex jerġa’ jkun hemm kunfidenza bejn l-atturi tas-suq, jeħtieġ li jkunu ffinalizzati mingħajr dewmien miżuri li jkollhom impatt fuq l-ekonomija.

(2)

Fl-istess ħin huwa ċar li l-qawwa u s-sostenibbiltà fit-tul tal-ekonomija Ewropea tiddependi fuq li din tiġi msawwra mill-ġdid sabiex tiffaċċja d-domandi tas-sigurtà tal-enerġija u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra. It-tħassib dejjem jiżdied dwar l-iżgurar ta’ provvisti affidabbli tal-gass isaħħaħ din il-konklużjoni.

(3)

Fid-dawl ta’ dan it-tħassib, il-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008 ħaddan fil-konklużjonijiet tiegħu l-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku (Pjan ta’ Rkupru), ippreżentat mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Novembru 2008, li jistipula kif l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jistgħu jikkoordinaw il-politika tagħhom u jagħtu stimolu ġdid lill-ekonomija Ewropea, billi jimmiraw dak l-istimolu lejn l-objettivi fit-tul tal-Komunità.

(4)

Parti importanti tal-Pjan ta’ Rkupru hija l-proposta sabiex tiżdied in-nefqa tal-Komunità f’setturi strateġiċi definiti, sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ fiduċja fost l-investituri u li tgħin fl-iżvilupp tat-triq lejn ekonomija iktar b’saħħitha għall-ġejjieni. Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta lista ta’ proġetti speċifiċi, filwaqt li tqis bilanċ ġeografiku adegwat, sabiex terġa’ ssaħħaħ l-investimenti għall-iżvilupp, b’mod partikolari, ta’ proġetti ta’ infrastruttura.

(5)

Biex il-Pjan ta’ Rkupru jkun effettiv, huwa kruċjali li jkun hemm finanzjament tal-miżuri li jindirizzaw b’mod rapidu kemm il-kriżi ekonomika kif ukoll il-ħtiġijiet urġenti tal-Komunità fil-qasam tal-enerġija. Madankollu, il-programm speċjali stabbilit b’dan ir-Regolament bl-ebda mod m’għandu jkun ta’ preċedent għal rati futuri ta’ kofinanzjament fil-qasam tal-investimenti fl-infrastruttura.

(6)

Sabiex iħalli impatt tanġibbli u sostanzjali, dawk il-miżuri għandhom ikunu ffukati fuq ftit setturi speċifiċi li fihom l-azzjoni tkun tagħti kontribut ċar lill-objettivi tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra; jeżistu proġetti kbar u maturi li huma kapaċi jagħmlu użu effiċjenti u effettiv ta’ ammonti sinifikanti ta’ għajnuna finanzjarja u li jikkatalizzaw investimenti sinifikanti minn sorsi oħra, inkluż mill-Bank Ewropew għall-Investiment; u azzjoni fil-livell Ewropew tkun tista’ tagħti valur miżjud.Is-setturi tal-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku, l-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta, u l-qbid u l-ħżin tal-karbonju jissodisfaw dawk il-kriterji. L-għażla ta’ dawk is-setturi jirrifletti ċ-ċirkostanzi partikolari tal-Pjan ta’ Rkupru u m’għandha tpoġġi l-ebda dubju fuq il-prijorità għolja marbuta mal-effiċjenza fl-enerġija u l-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, li kienu indirizzati fil-Pjan ta’ Rkupru.

(7)

F’każ li ma jkunx possibbli li l-fondi kollha jkunu allokati sa tmiem l-2010, il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li, meta tirrapporta fl-2010 dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tipproponi, jekk ikun il-każ, miżuri li jippermettu l-finanzjament ta’ proġetti konsistenti mal-Pjan ta’ Rkupru, bħalma huma proġetti fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

(8)

Fil-każ tal-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku, ċerti sfidi żviluppaw tul l-aħħar snin. Il-kriżijiet riċenti tal-gass (xtiewi tal-2006 u tal-2009) u ż-żieda fil-prezz taż-żejt sa nofs l-2008 wrew kemm l-Ewropa kienet vulnerabbli. Riżorsi indiġeni tal-enerġija – il-gass u ż-żejt – qegħdin jonqsu b’tali mod li l-Ewropa qiegħda ssir dejjem iktar dipendenti fuq l-importazzjonijiet għall-provvista tal-enerġija tagħha. F’dan il-kuntest, l-infrastruttura tal-enerġija ser ikollha rwol kruċjali.

(9)

Madankollu, il-kriżi ekonomika u finanzjarja ta’ bħalissa qiegħda taffettwa l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura fl-enerġija. Xi proġetti importanti, - inklużi proġetti ta’ interess Komunitarju, - jistgħu jiffaċċjaw dewmien qawwi fl-implimentazzjoni minħabba l-iskarsità ta’ fondi. Għalhekk, huwa xieraq li jkun hemm azzjoni urġenti li tappoġġja l-investiment fl-infrastruttura fil-qasam tal-enerġija. Minħabba l-ħin sinifikanti li huwa meħtieġ għall-ippjanar u t-twettiq ta’ dawn il-proġetti huwa importanti li l-Komunità tinvesti f’din l-infrastruttura minnufih sabiex tkun tista’, b’mod partikolari, tħaffef l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ importanza partikolari għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fil-Komunità. Dan ikun vitali sabiex tkun żgurata s-sigurtà għall-provista tal-enerġija tal-Komunità bi prezzijiet kompetittivi meta l-ekonomija tirkupra u meta tiżdied id-domanda għall-enerġija globali.

(10)

Fost il-proġetti dwar l-infrastruttura tal-enerġija, huwa meħtieġ li jintgħażlu dawk li huma importanti għat-tħaddim tas-suq intern tal-enerġija, għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u li jikkontribwixxu wkoll għall-irkupru tal-ekonomija.

(11)

B’mod partikolari fil-każijiet tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju u tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta, dan ir-Regolament għandu jibni fuq il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija, ippreżentat mill-Kummissjoni fit-22 ta’ Novembru 2007, li appella għal pjan konġunt u strateġiku dwar ir-riċerka fl-enerġija u għall-isforzi fl-innovazzjoni li jkunu konsistenti mal-miri tal-politika tal-UE dwar l-enerġija, u għal impenn lejn l-istabbiliment ta’ sitt Inizjattivi Industrijali Ewropej. Il-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Ottubru 2008 fil-konklużjonijiet tiegħu appella lill-Kummissjoni sabiex tħaffef b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Teknoloġija tal-Enerġija Strateġika għall-Ewropa. Il-programm jagħti bidu għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju u ta’ enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta mingħajr preġudizzju għall-ħolqien fil-ġejjieni tas-sitt inizjattivi industrijali dwar il-proġetti dimostrattivi fil-qasam tal-enerġija kif imsemmi fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

(12)

Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq il-kriżi ekonomika, huwa essenzjali li dan ir-Regolament jelenka l-proġetti li jistgħu jirċievu għajnuna finanzjarja immedjata, soġġett għall-fatt li din l-għajnuna finanzjarja tkun konformi mal-kriterji li jiżguraw effiċjenza u effettività u mal-limiti stabbiliti mill-pakkett finanzjarju.

(13)

Fil-każ ta’ proġetti ta’ infrastruttura tal-elettriku u tal-gass, għandha tkun stabbilita lista skont il-kontribut tal-proġett lejn l-objettivi tas-sigurtà u tad-diversifikazzjoni tal-provvista kif identifikat fit-Tieni Reviżjoni tal-Istrateġija tal-Enerġija tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2008 u li kienet approvata mill-Parlament Ewropew fir-risoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Frar 2009 u mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009. Il-proġetti għandhom jintagħżlu abbażi tal-fatt li jimplimentaw il-prijoritajiet identifikati f’dik ir-Reviżjoni, tal-fatt li kisbu livell raġonevoli ta’ maturità, u li jikkontribwixxu għal sigurtà u diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u l-provvisti; ottimizzazzjoni tal-kapaċità tan-netwerk u l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna taqsimiet transkonfinali; żvilupp tan-netwerk biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jitnaqqas l-iżolament ta’ reġjuni jew gżejjer li huma l-anqas favoriti fil-Komunità; konnessjoni ta’ riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli; sikurezza, affidibbiltà u interoperabilità tan-netwerks interkonnessi; u solidarjetà fost l-Istati Membri. L-implimentazzjoni ta’ dawk il-proġetti ser titlob impenn mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jitħaffu l-proċeduri amministrattivi u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet. Bosta proġetti ma jkunux jistgħu jirċievu l-appoġġ fil-perijodu ta’ żmien stipulat jekk ma sseħħx din l-aċċellerazzjoni.

(14)

Fil-każ tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta, din il-lista għandu jkun fiha proġetti li jistgħu jiġu kkunsidrati, abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-partijiet interessati fil-qafas tal-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija tal-Enerġija mir-Riħ, u minn sorsi industrijali u sorsi oħra, bħala approvati u lesti biex jiġu implimentati; li huma innovattivi, filwaqt li jibnu fuq kunċetti stabbiliti sew; li jkunu kapaċi jaċċelleraw il-proċess b’risposta għal stimolu finanzjarju; li jkollhom sinifikat transkonfinali; li jkunu fuq skala kbira; u li jkunu kapaċi juru kif ir-riżultati tal-avvanzi teknoloġiċi ser ikunu mxerrda b’mod effettiv fid-dawl tal-objettivi u l-istrutturi approvati mill-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija. L-għajnuna finanzjarja għandha tkun immirata lejn dawk il-proġetti li jinsabu f’pożizzjoni li jimxu sostanzjalment ‘il quddiem bl-iżvilupp tal-proġett fl-2009 u l-2010.

(15)

Fil-każ tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju, il-lista għandha tkun prinċipalment stabbilita abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-partijiet interessati fil-qafas tal-Forum dwar il-Karburant Fossili, il-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea għal Impjanti tal-Enerġija mill-Karburant Fossili Mingħajr Emissjonijiet u minn sorsi oħra. L-għajnuna finanzjarja għandha tkun immirata lejn dawk il-proġetti li jinsabu f’pożizzjoni li jimxu sostanzjalment ‘il quddiem bl-iżvilupp tal-proġett fl-2009 u l-2010. Il-livell ta’ tħejjija għandu jkun stmat abbażi tal-eżistenza ta’ kunċett matur u fattibbli għall-installazzjoni industrijali, inkluż il-komponent tiegħu tal-qbid tal-karbonju; l-eżistenza ta’ kunċett matur u fattibbli għall-ġarr u l-ħżin tas-CO2; u impenn ċar tal-awtoritajiet lokali sabiex jappoġġjaw il-proġett. Il-proġetti għandhom juru wkoll kif ser jiġu disseminati b’mod effettiv ir-riżultati tal-avvanzi teknoloġiċi u kif ser ikunu aċċellerati l-kisbiet tal-objettivi mniżżla fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

(16)

Ser ikun meħtieġ li jintgħażel proġett minn fost il-proposti eliġibbli. Tali għażla għandha tiżgura, fost l-oħrajn, li ma jkunx hemm iktar minn proposta waħda għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju appoġġjata f’kull Stat Membru, sabiex tkun żgurata l-investigazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ kondizzjonijiet ta’ ħżin ġeoloġiku u sabiex ikun appoġġjat l-objettiv li jkun inkoraġġut l-irkupru ekonomiku madwar l-Ewropa.

(17)

Il-finanzjament tal-Komunità m’għandux ifixkel bla mistħoqq il-kompetizzjoni jew it-tħaddim tas-suq intern, wara li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari r-regoli tal-aċċess għall-partijiet terzi u l-eżenzjonijiet għall-aċċess għall-partijiet terzi. Kwalunkwe fondi oħra nazzjonali flimkien mal-finanzjament tal-Komunità għandhom iqisu r-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Irrispettivament mill-forma tagħha, l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandha tingħata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (ir-“Regolament Finanzjarju”) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), ħlief fejn id-dispożizzjonjiet ta’ dan ir-Regolament jitbiegħdu b’mod espliċitu minn dawk ir-regoli.

(18)

Minħabba l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika u l-ħtiġijiet urġenti tal-enerġija tal-Komunità, dan ir-Regolament diġà fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-arranġamenti għal għajnuna finanzjarja, inkluż lista ta’ proġetti eliġibbli. Minbarra dan, minħabba l-ħtieġa urġenti għall-istimolu, l-impenji legali kollha li jimplimentaw l-impenji baġitarji li saru fl-2009 u l-2010 għandhom isiru qabel tmiem l-2010.

(19)

Meta l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament ikunu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu mħarsa permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali, permezz ta’ kontrolli effettivi u permezz tal-irkupru ta’ ammonti mħallsa mingħajr jedd u, jekk ikunu identifikati irregolarjitajiet, permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (5), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (6) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (7).

(20)

Meta titqies in-natura tal-kwistjonijiet fis-sub-programmi, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitati differenti fl-għażla tal-proposti miżmuma għall-finanzjament u d-determinazzjoni tal-ammont ta’ finanzjament li għandu jingħata taħt kull sub-programm.

(21)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8).

(22)

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi megħjun l-irkupru tal-ekonomija fi ħdan il-Komunità, li jiġu ffaċċjati d-domandi tas-sigurtà tal-enerġija u li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra billi tiżdied in-nefqa f’setturi strateġiċi definiti, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għalhekk jistgħu, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u n-natura tas-setturi u l-proġetti magħżula, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(23)

Minħabba l-ħtieġa urġenti li tkun indirizzata l-kriżi ekonomika u l-ħtiġijiet tal-enerġija urġenti tal-Komunità, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument finanzjarju, intitolat il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), għall-iżvilupp ta’ proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-Komunità li jikkontribwixxu, billi jagħtu stimolu finanzjarju, għall-irkupru tal-ekonomija, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sub-programmi sabiex imexxu ‘l quddiem dawk l-objettivi fl-oqsma ta’:

(a)

l-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku;

(b)

l-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta; u

(c)

il-qbid u l-ħżin tal-karbonju.

Dan ir-Regolament jidentifika proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati taħt kull sub-programm u jistabbilixxi kriterji sabiex ikunu identifikati u implimentati azzjonijiet li jwettqu dawn il-proġetti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“il-qbid u l-ħżin tal-karbonju” tfisser il-qbid tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) minn installazzjonijiet industrijali, il-ġarr tiegħu għal post fejn jinħażen u l-mod kif jiġi injettat f’formazzjoni ġeoloġika taħt l-art adatta għall-finijiet ta’ ħżin permanenti;

(b)

“spejjeż eliġibbli” għandha l-istess tifsira kif hemm fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002;

(c)

“infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku” tfisser:

(i)

il-linji kollha ta’ vultaġġ għoli, minbarra dawk tan-netwerks ta’ distribuzzjoni, u tal-konnessjonijiet ta’ taħt il-baħar, kemm-il darba din l-infrastruttura tintuża għal trasmissjoni jew konnessjoni interreġjonali jew internazzjonali;

(ii)

pajpijiet tal-gass bi pressjoni għolja, minbarra dawk tan-netwerks ta’ distribuzzjoni;

(iii)

faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art li huma konnessi mal-pajpijiet tal-gass bi pressjoni għolja imsemmijin fil-punt (ii);

(iv)

faċilitajiet li jirċievu, jaħżnu u jiggassifikaw mill-ġdid il-gass naturali likwefatt (LNG); u

(v)

kull tagħmir jew installazzjoni meħtieġa biex l-infrastruttura imsemmija fil-punti (i), (ii), (iii) jew (iv) taħdem kif suppost, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll;

(d)

“parti minn proġett” tfisser kwalunkwe attività li hija indipendenti finanzjarjament, teknikament jew fuq perijodu ta’ żmien u li tikkontribwixxi għat-tlestija tal-proġett;

(e)

“fażi ta’ investiment” tfisser il-fażi ta’ proġett li fiha ssir il-kostruzzjoni u jsiru l-ispejjeż kapitali;

(f)

“enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta” tfisser l-enerġija elettrika ġġenerata minn magni turbini li jaħdmu bir-riħ u li jinsabu fil-baħar, sew jekk qrib jew ‘il bogħod mix-xtajta;

(g)

“fażi ta’ ppjanar” tfisser il-fażi ta’ proġett li tiġi qabel il-fażi tal-investiment, li fiha jsiru t-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-proġett, u tinkludi, jekk ikun il-każ, il-valutazzjoni tal-fattibbiltà, studji preparatorji u tekniċi, l-ksib ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet u t-twettiq ta’ spejjeż kapitali.

Artikolu 3

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-EEPR għall-2009 u l-2010 għandu jkun ta’ EUR 3 980 000 000, allokati kif ġej:

(a)

proġetti għall-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku: EUR 2 365 000 000;

(b)

proġetti għall-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta: EUR 565 000 000;

(c)

proġetti għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju: EUR 1 050 000 000.

2.   Inpenji legali individwali li jimplimentaw l-impenji baġitarji li saru fl-2009 u l-2010 għandhom isiru sal-31 ta’ Diċembru 2010.

KAPITOLU II

SUB-PROGRAMMI

TAQSIMA 1

Proġetti ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku

Artikolu 4

Objettivi

Il-Komunità għandha tippromwovi proġetti għall-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku li għandhom l-ogħla valur miżjud min-naħa tal-Komunità u li jikkontribwixxu għall-objettivi li ġejjin:

(a)

sigurtà u diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, ir-rotot u l-provvisti;

(b)

l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità tan-netwerk u l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, b’mod partikolari, fir-rigward tal-partijiet transkonfinali;

(c)

l-iżvilupp tan-netwerk biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jitnaqqas l-iżolament tar-reġjuni jew gżejjer li huma anqas favoriti fil-Komunità;

(d)

il-konnessjoni u integrazzjoni ta’ riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli; u

(e)

is-sikurezza, affidabiltà u interoperabiltà tan-netwerks interkonnessi ta’ enerġija, inkluża l-ħila li jitużaw flussi multidirezzjonali tal-gass, fejn ikun meħtieġ.

Artikolu 5

Prijoritajiet

L-EEPR għandu jservi sabiex jadatta u jiżviluppa b’urġenza n-netwerks tal-enerġija ta’ importanza partikolari għall-Komunità li jappoġġjaw il-ħidma tas-suq intern tal-enerġija u, b’mod partikolari, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-interkonnessjoni, is-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvista u sabiex jingħelbu d-diffikultajiet ambjentali, tekniċi u finanzjarji. Jeħtieġ appoġġ speċjali min-naħa tal-Komunità sabiex ikunu żviluppati netwerks ta’ enerġija b’mod aktar intensiv u sabiex tkun aċċellerata l-kostruzzjoni tagħhom, speċjalment fejn id-diversità tar-rotot u s-sorsi tal-provvista tkun baxxa.

Artikolu 6

Għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja

1.   L-għajnuna finanzjarja taħt l-EEPR (l-għajnuna EEPR) għall-proġetti ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku għandha tingħata għal azzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti A tal-Anness jew partijiet minn tali proġetti, u li jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel sejħa għal proposti sabiex tidentifika l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandha tivvaluta l-konformità ta’ dawk il-proposti mal-kriterji ta’ eliġibbiltà mniżżla fl-Artikolu 7 u l-kriterji tal-għażla u tal-għotjiet imniżżla fl-Artikolu 8.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-benefiċjarji dwar l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna EEPR.

Artikolu 7

Eliġibbiltà

1.   Il-proposti għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna EEPR biss jekk jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti A tal-Anness, ma jaqbżux l-ammonti massimi f’għajnuna EEPR stabbiliti fih u jissodisfaw il-kriterji tal-għażla u tal-għoti taħt l-Artikolu 8.

2.   Il-proposti jistgħu jitressqu:

(a)

minn Stat Membru wieħed jew aktar, li jaġixxu b’mod konġunt;

(b)

bi qbil bejn l-Istati Membri kollha li għandhom x’jaqsmu b’mod dirett mal-proġett ikkonċernat:

(i)

minn impriża waħda jew iktar, kemm pubbliċi jew privati, jew korpi li jaġixxu b’mod konġunt;

(ii)

minn organizzazzjoni internazzjonali waħda jew iktar li jaġixxu b’mod konġunt; jew

(iii)

minn impriza konġunta.

3.   Il-proposti mressqa minn persuni fiżiċi m’għandhomx ikunu eliġibbli.

Artikolu 8

Kriterji tal-għażla u tal-għoti

1.   Waqt li l-proposti mressqa jkunu qegħdin jiġu vvalutati skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a)

is-solidità u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;

(b)

is-solidità tal-pakkett finanzjarju għall-fażi sħiħa tal-investiment tal-azzjoni.

2.   Fil-valutazzjoni tal-proposti riċevuti skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għoti li ġejjin:

(a)

il-maturità, definita bħala l-ilħuq tal-istadju ta’ investiment, u li tirriżulta f’infiq kapitali sostanzjali sal-aħħar tal-2010;

(b)

il-miżura li biha n-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi qiegħed idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(c)

il-miżura li biha l-għajnuna EEPR ser tistimola l-finanzi pubbliċi u privati;

(d)

l-impatti soċjo-ekonomiċi;

(e)

l-impatti ambjentali;

(f)

il-kontribut għall-kontinwità u l-interoperabbiltà tan-netwerk tal-enerġija, kif ukoll l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità tiegħu;

(g)

il-kontribut għat-titjib fil-kwalità tas-servizz, is-sikurezza u s-sigurtà;

(h)

il-kontribut għall-ħolqien ta’ suq integrat tajjeb tal-enerġija.

Artikolu 9

Kondizzjonijiet għall-finanzjament

1.   L-għajnuna EEPR għandha tikkontribwixxi għal infiq relatat mal-proġett għall-implimentazzjoni tal-proġett, magħmul mill-benefiċjarji jew minn partijiet terzi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġett.

2.   L-għajnuna EEPR m’għandhiex teċċedi l-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 10

Strumenti

1.   Wara s-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2), għandha tagħżel il-proposti li ser jibbenefikaw mill-għajnuna EEPR u għandha tiddetermina l-ammont f’għajnuna li għandu jingħatalhom mill-EEPR. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-metodi għall-implimentazzjoni tal-proposti.

2.   L-għajnuna EEPR għandha tingħata abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni.

Artikolu 11

Responsabbiltajiet finanzjarji tal-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu l-monitoraġġ tekniku u l-kontroll finanzjarju tal-proġetti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u għandhom jiċċertifikaw l-ammont u l-konformità tan-nefqa mġarrba fir-rigward ta’ proġetti jew partijiet ta’ proġetti ma’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni waqt il-kontrolli fuq il-post.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skont il-paragrafu 1 u, b’mod partikolari, għandhom jagħtu deskrizzjoni tas-sistemi ta’ kontroll, ta’ ġestjoni u ta’ monitoraġġ stabbiliti biex jiżguraw li l-proġetti jitlestew b’suċċess.

TAQSIMA 2

Proġetti ta’ enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta

Artikolu 12

L-għoti ta’ għajnuna EEPR

1.   L-għajnuna EEPR għall-proġetti tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta għandha tingħata wara li ssir sejħa għal proposti limitata għall-azzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti B tal-Anness.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel sejħa għal proposti biex jiġu identifikati l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandha tivvaluta l-konformità ta’ dawn il-proposti mal-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 13 u l-kriterji tal-għażla u tal-għoti stabbiliti fl-Artikolu 14.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-benefiċjarji dwar l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna EEPR.

Artikolu 13

Eliġibbiltà

1.   Il-proposti għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna EEPR biss f’każ li dawn jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti B tal-Anness, ma jaqbżux l-ammont massimu f’għajnuna EEPR hemm stabbiliti u jissodisfaw il-kriterji tal-għażla u tal-għoti taħt l-Artikolu 14. Dawk il-proġetti għandhom jitmexxew minn impriża kummerċjali.

2.   Il-proposti jistgħu jitressqu minn impriża waħda jew iktar, li jaġixxu b’mod konġunt.

3.   Il-proposti mressqa minn persuni fiżiċi m’għandhomx ikunu eliġibbli.

Artikolu 14

Kriterji tal-għażla u tal-għoti

1.   Waqt li l-proposti mressqa jkunu qegħdin jiġu vvalutati skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 12(1), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a)

is-solidità u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;

(b)

is-solidità tal-pakkett finanzjarju għall-fażi sħiħa tal-investiment tal-proġett.

2.   Fil-valutazzjoni tal-proposti riċevuti skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 12(1), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għoti li ġejjin:

(a)

il-maturità, definita bħala l-ilħuq tal-istadju ta’ investiment, u li tirriżulta f’infiq kapitali sostanzjali sa tmiem l-2010;

(b)

il-miżura ta’ kemm in-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi qiegħed idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(c)

il-miżura li biha l-proġett itejjeb jew iżid l-iskala ta’ installazzjonijiet u infrastrutturi li diġà bdew jinbnew, jew li jinsabu fil-fażi ta’ ppjanar;

(d)

il-miżura il biha l-proġett jinkludi l-bini ta’ installazzjonijiet u infrastrutturi ta’ daqs sħiħ u ta’ skala industrijali, u jindirizza, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet li ġejjin:

(i)

l-ibbilanċjar tal-varjabbiltà tal-elettriku ġġenerat mill-enerġija tar-riħ permezz ta’ sistemi integrattivi;

(ii)

l-eżistenza ta’ sistemi ta’ ħżin fuq skala kbira;

(iii)

il-ġestjoni ta’ impjanti tal-enerġija mir-riħ bħala impjanti virtwali li jipproduċu l-enerġija (iktar minn 1 GW);

(iv)

l-eżistenza ta’ turbini li jinsabu aktar lil hinn mix-xtajta jew f’ ilmijiet iktar fondi (minn 20 sa 50 m) milli hu standard bħalissa;

(v)

disinji ġodda tas-sub-strutturi; jew

(vi)

proċessi ta’ mmuntar, installazzjoni, tħaddim u żarmar u ttestjar ta’ dawn il-proċessi fi proġetti ta’ daqs reali;

(e)

il-fatturi innovattivi tal-proġett u l-miżura li biha tintwera l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fatturi;

(f)

l-impatt tal-proġett u l-kontribut tiegħu lis-sistema Komunitarja ta’ distribuzzjoni tal-enerġija ġġenerata mir-riħ ‘il barra mix-xtajta, inkluż il-potenzjal ta’ replikazzjoni tiegħu;

(g)

l-impenn muri mill-benefiċjarji li jqassmu r-riżultati tal-avvanzi teknoloġiċi li jkunu saru mill-proġett lil operaturi oħrajn Ewropej b’mod kompatibbli mal-liġi Komunitarja u b’mod partikolari mal-objettivi u l-istrutturi mniżżla fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

Artikolu 15

Kondizzjonijiet għall-finanzjament

1.   L-għajnuna EEPR għandha tikkontribwixxi għal infiq relatat mal-proġett għall-implimentazzjoni tal-proġett.

2.   L-għajnuna EEPR m’għandhiex teċċedi l-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 16

Strumenti

1.   Wara s-sejħa għal proposti msemmija fl- Artikolu 12(1), il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2), għandha tagħżel il-proposti li jibbenefikaw mill-għajnuna EEPR u għandha tiddetermina l-ammont f’għajnuna li għandu jingħatalhom. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-metodi għall-implimentazzjoni tal-proposti.

2.   L-għajnuna EEPR għandha tingħata abbażi ta’ ftehimiet ta’ għoti.

TAQSIMA 3

Proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju

Artikolu 17

L-għoti ta’ għajnuna EEPR

1.   L-għajnuna EEPR għall-proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju għandha tingħata lill-azzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti C tal-Anness.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel sejħa għal proposti biex jiġu identifikatil-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandha tivvaluta l-konformità tal-proposti mal-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 18 u l-kriterji tal-għażla u tal-għoti stabbiliti fl-Artikolu 19.

3.   F’każ li diversi proposti li joħroġu minn proġetti mwettqa fl-istess Stat Membru huma konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 18 u l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 19(1), il-Kummissjoni għandha tagħżel għall-għajnuna EEPR, abbażi tal-kriterji tal-għoti fl-Artikolu 19(2), mhux iktar minn proposta waħda għal kull Stat Membru fost dawk il-proposti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-benefiċjarji dwar l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna EEPR.

Artikolu 18

Eliġibbiltà

1.   Il-proposti għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna EEPR biss jekk dawn jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti C tal-Anness u jissodisfaw il-kriterji tal-għażla u tal-għoti taħt l-Artikolu 19 u l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proġetti juru li huma għandhom il-ħila li jaqbdu tal-anqas 80 % tas-CO2 f’installazzjonijiet industrijali u li jittrasportaw u li jaħżnu b’mod ġeoloġiku dan is-CO2 b’mod sikur taħt l-art;

(b)

f’installazzjonijiet tal-enerġija, il-qbid tas-CO2 jintwera f’installazzjoni b’kapaċità elettrika ta’ mill-anqas 250 MW jew l-ekwivalenti;

(c)

il-promoturi tal-proġett jagħmlu dikjarazzjoni li torbot li tgħid li l-għarfien ġeneriku li joħroġ mill-impjant virtwali jsir disponibbli għas-settur industrijali iktar wiesa’ u għall-Kummissjoni sabiex jikkontribwixxi għall-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

2.   Il-proposti jistgħu jitressqu minn impriża waħda jew iktar, li jaġixxu b’mod konġunt.

3.   Il-proposti mressqa minn persuni fiżiċi m’għandhomx ikunu eliġibbli.

Artikolu 19

Kriterji tal-għażla u tal-għoti

1.   Waqt li l-proposti mressqa jkunu qegħdin jiġu vvalutati skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a)

is-solidità u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;

(b)

il-maturità, definita bħala l-ilħuq tal-istadju ta’ investiment, li jinkludi l-esplorazzjoni u l-iżvilupp ta’ għażliet ta’ ħżin, u li tirriżulta f’infiq sostanzjali relatat mal-investiment għall-proġett sa tmiem l-2010;

(c)

is-solidità tal-pakkett finanzjarju għall-fażi sħiħa tal-investiment tal-proġett;

(d)

l-identifikazzjoni tal-permessi kollha neċessarji għall-ħolqien u l-tħaddim tal-proġett fis-sit(i) propost(i) u l-eżistenza ta’ strateġija li tassigura dawk il-permessi.

2.   Fil-valutazzjoni tal-proposti riċevuti skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għoti li ġejjin:

(a)

il-miżura li biha n-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(b)

il-finanzjament mitlub għal kull tunnellata ta’ CO2 li għandu jkun imnaqqas fl-ewwel ħames snin tal-proġett;

(c)

il-kumplessità tal-proġett u l-livell ta’ innovazzjoni tal-installazzjoni ġenerali li tinkludi attivitajiet ta’ riċerka oħra li huma relatati u l-impenn li jintwera mill-benefiċjarji sabiex iqassmu r-riżultati tal-avvanzi teknoloġiċi li jkunu saru mill-proġett lil operaturi Ewropej oħra b’mod kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u b’mod partikolari mal-miri u l-istrutturi mniżżla fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija;

(d)

is-solidità u l-adegwatezza tal-pjan ta’ ġestjoni li jinkludi, fir-rigward tal-informazzjoni u d-data xjentifika, tal-informazzjoni u d-data tal-inġinerija, u tal-informazzjoni u d-data teknika, turija li l-kunċett propost ikun lest biex jinkiseb it-tħaddim tal-proġett sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 20

Kondizzjonijiet għall-finanzjament

1.   L-għajnuna EEPR għandha tikkontribwixxi biss għal dak l-infiq relatat ma’ proġett għall-implimentazzjoni tal-proġett li jkun attribwibbli għall-qbid, it-trasport u l-ħżin tal-karbonju, waqt li tqis il-benefiċċji tat-tħaddim possibbli.

2.   L-għajnuna EEPR m’għandhiex taqbeż it-80 % tal-ispejjeż totali eliġibbli għall-investiment.

Artikolu 21

Strumenti

1.   Wara s-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2), għandha tagħżel il-proposti li ser jibbenefikaw mill-għajnuna EEPR u għandha tiddetermina l-ammont f’għajnuna EEPR li għandu jingħatalhom. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-metodi għall-implimentazzjoni tagħhom.

2.   L-għajnuna EEPR għandha tingħata abbażi ta’ ftehimiet ta’ għoti.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 22

Għajnuna u strumenti EEPR oħra

1.   Parti mill-għajnuna Komunitarja għall-proġetti elenkati fl-Anness tista’ tkun mogħtija permezz ta’ kontribut għal strument xieraq taħt ir-riżorsi tal-Bank Ewropew għall-Investiment. Il-kontribut m’għandux jaqbeż l-EUR 500 000 000.

2.   L-espożizzjoni tal-Komunità għall-istrument ta’ garanzija għas-self jew strument finanzjarju ieħor, inklużi ħlasijiet ta’ ġestjoni u spejjeż eliġibbli oħra, għandha tiġi limitata għall-ammont tal-kontribut Komunitarju għal dak l-istrument u m’għandu jkun hemm l-ebda responsabbiltà ulterjuri fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2), għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ għajnuna EEPR li għandha tingħata lil dak l-istrument. Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew għall-Investiment għandhom jikkonkludu memorandum ta’ fehim li jispeċifika l-kondizzjonijiet u l-metodi għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

Artikolu 23

Arranġamenti ta’ programmazzjoni u implimentazzjoni

1.   Is-sejħiet għal proposti għandhom ikunu mnedija direttament mill-Kummissjoni abbażi tad-disponibbiltajiet baġitarji msemmijin fl-Artikolu 3(1) u tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, għażla u għoti stabbiliti fil-Kapitolu II.

2.   L-għajnuna EEPR għandha tkopri biss infiq relatat ma’ proġetti li sar mill-benefiċjarji u, f’dawk li huma proġetti taħt l-Artikolu 9, ukoll minn partijiet terzi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġett. In-nefqa tista’ tkun eliġibbli mid-data msemmija fl-Artikolu 29.

3.   Il-VAT m’għandiex tkun spiża eliġibbli, ħlief il-VAT mhux rimborsabbli.

4.   Proġetti u azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom jitwettqu f’konformità mal-liġi Komunitarja u għandhom iqisu l-politika Komunitarja rilevanti, b’mod partikolari dawk dwar il-kompetizzjoni inkluż ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-istat, il-ħarsien tal-ambjent, is-saħħa, l-iżvilupp sostenibbli u l-akkwist pubbliku.

Artikolu 24

Responsabbiltajiet ġenerali tal-Istati Membri

Fl-ambitu tar-responsabbiltà tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jimplimentaw il-proġetti li jirċievu l-għajnuna EEPR, partikolarment permezz ta’ proċeduri effiċjenti ta’ amministrazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ħruġ ta’ liċenzji u ta’ ċertifikazzjoni.

Artikolu 25

Ħarsien tal-interessi finanzjari tal-Komunitajiet Ewropej

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jkunu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu mħarsa bl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, b’kontrolli effettivi u bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu mingħajr jedd u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, b’pieni li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

2.   Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati minn dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kwalunkwe nuqqas fil-qadi ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur eknomiku li għandhom jew ikollhom l-effett li jippreġudikaw il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati minnha, permezz ta’ element ta’ spiża mingħajr ġustifikazzjoni.

3.   Il-miżuri kollha ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, għandhom jipprevedu, b’mod partikolari, is-sorveljanza u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha u l-verifiki mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, inkluż, jekk ikunu meħtieġa, verifiki fuq il-post.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET IMPLIMENTATTIVI U FINALI

Artikolu 26

Kumitati

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitati li ġejjin:

(a)

għall-proġetti ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku, il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (9);

(b)

għall-proġetti tal-enerġija ġġenerata mir-riħ ‘il barra mix-xtajta, il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad- 19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (10);

(c)

għall-proġetti dwar il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2006/971/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahar.

Artikolu 27

Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-EEPR sal-31 ta’ Diċembru 2011 sabiex tevalwa l-kontribut tagħha għall-użu effettiv li jkun sar mill-approprjazzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru benefiċjarju biex jipprovdi evalwazzjoni speċifika tal-proġetti ffinanzjati taħt it-Taqsima I tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jew, fejn xieraq, li jagħtiha l-informazzjoni u l-assistenza meħtieġa biex twettaq evalwazzjoni ta’ dawn il-proġetti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport ta’ evalwazzjoni dwar ir-riżultati miksuba mill-EEPR.

Artikolu 28

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Kull sena, meta tippreżenta l-abbozz preliminari tal-baġit, hija għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-EEPR.

Jekk ir-rapport jidentifika riskji serji fl-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ prijorità, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda miżuri sabiex jibbilanċjaw dawn ir-riskji u għandha, jekk ikun il-każ u jekk ikun konsistenti mal-Pjan ta’ Rkupru, tagħmel proposti addizjonali għal dawn il-proġetti.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  L-Opinjoni tat-13 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2009

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(6)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(7)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(9)  ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1.

(10)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86.


ANNESS

PROĠETTI ELIĠIBBLI

A.   Proġetti ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku

1.   Interkonnetturi tal-gass

Proġett

Post tal-proġetti appoġġati

Kontribuzzjoni Komunitarja ppjanata

(EUR miljuni)

Kuritur tan-Nofsinhar tal-Gass

NABUCCO

l-Awstrija, l-Ungerija, il-Bulgarija, il-Ġermanja, ir-Rumanija

200

ITGI – Poseidon

l-Italja, il-Greċja

100

Interkonnessjoni Baltika

Pajp Skanled/Baltiku

Il-Polonja, id-Danimarka, l-Iżvezja

150

Netwerk LNG

Terminal tal-Gass Naturali Likwefatt fuq ix-xtajta Pollakka fil-port ta’ Świnoujście

il-Polonja

80

Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk

Interkonnettur Slovakkja-Ungerija (Vel’ký Krtíš – Vecsés)

is-Slovakkja, l-Ungerija

30

Sistema tat-trażmissjoni tal-gass fis-Slovenja bejn il-fruntiera Awstrijaka u Ljubljana (eskluża l-medda Rogatec-Kidričevo)

is-Slovenja

40

Interkonnessjoni Bulgarija-Greċja (Stara Zagora - Dimitrovgrad-Komotini)

il-Bulgarija, il-Greċja

45

Interkonnettur tal-gass Rumanija-Ungerija

ir-Rumanija, l-Ungerija

30

Espansjoni tal-Kapaċità tal-Ħżin tal-Gass fiċ-ċentru Ċek

ir-Repubblika Ċeka

35

Infrastruttura u tagħmir biex jippermetti l-fluss tal-gass fid-direzzjoni opposta f’każ ta’ taqlib fil-provvista fit-terminu qasir ta’ żmien

l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja

80

Interkonnessjoni Slovakkja - Polonja

is-Slovakkja, il-Polonja

20

Interkonnessjoni Ungerija - Kroazja

l-Ungerija

20

Interkonnessjoni Bulgarija - Rumanija

il-Bulgarija, ir-Rumanija

10

Il-Mediterran

Tisħiħ tan-netwerk tal-gass FR fuq l-assi Afrika- Spanja-Franza

Franza

200

GALSI (Gazoduc Algérie-Italie)

l-Italja

120

Interkonnessjoni tal-Gass Western Axis Larrau Branch

Spanja

45

Żona tal-Baħar tat-Tramuntana

Pajp Ġermanja-Belġju-Renju Unit

Il-Belġju

35

Il-konnessjoni Franza-Belġju

Franza, il-Belġju

200

TOTAL

 

1 440


2.   Interkonnetturi tal-elettriku

Proġett

Post tal-proġetti appoġġati

Kontribuzzjoni Komunitarja ppjanata

(EUR miljuni)

Interkonnessjoni Baltika

Estlink-2

l-Estonja, il-Finlandja

100

Interkonnessjoni Svezja-Stati Baltiċi, u t-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni fl-Istati Baltiċi

L-Iżvezja, il-Latvja, il-Litwanja

175

Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk

Halle/Saale – Schweinfurt

Il-Ġermanja

100

Wien-Győr

l-Awstrija, l-Ungerija

20

Mediterran

It-tisħiħ tal-interkonnessjoni Portugall-Spanja

Il-Portugall

50

Interkonnessjoni Franza-Spanja (Baixas - Sta Llogaia)

Franza, Spanja

225

Kejbil sottomarin 380 kV AC ġdid bejn Sqallija u l-Italja kontinentali (Sorgente - Rizziconi)

l-Italja

110

Żona tal-Baħar tat-Tramuntana

Interkonnettur (Meath-Deeside) ta’ 500 MV Irlanda-Wales

l-Irlanda, ir-Renju Unit

110

Interkonnettur tal-elettriku Malta-Italja

Malta/l-Italja

20

TOTAL

 

910


3.   Proġetti għall-gżejjer iż-żgħar

Inizjattivi għal gżejjer żgħar iżolati

Ċipru

10

Malta

5

TOTAL

 

15

B.   Proġetti ta’ enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta

Proġett

Kapaċità

Post tal-proġetti appoġġati

Kontribuzzjoni Komunitarja ppjanata

(EUR miljuni)

1.   

Integrazzjoni tal-grilja tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta

1.1.

Baltiku - Kriegers Flak I, II, III

Bini fuq proġetti li qed jiġu żviluppati. Finanzjament immirat biex tiġi ggarantita l-ispiża żejda biex tiżgura soluzzjoni konġunta ta’ interkonnessjoni.

1,5 GW

Id-Danimarka, l-Iżvezja, il-Ġermanja, il-Polonja

150

1.2.

Żona tal-Baħar tat-Tramuntana

Żvilupp modulari taż-żona ‘il barra mix-xtajta, il-wiri ta’ impjant virtwali tal-enerġija ‘il barra mix-xtajta u l-integrazzjoni fis-sistem tal-grilja fuq l-art.

1 GW

Ir-Renju Unit, Olanda, il-Ġermanja, l-Irlanda, id-Danimarka, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu

165

2.   

Turbini ġodda, strutturi u komponenti, ottimizzazzjoni tal-kapaċijiet tal-produzzjoni

2.1.

Borkum West II- Bard 1 - Nordsee Ost - Global Tech I

Ġenerazzjoni ġdida ta’ turbini ta’ daqs multi-megawatt (5-7 MW) u strutturi innovattivi, li jinstabu ‘il bogħod mix-xtut (sa 100 km) fl-ilmijiet fondi (sa 40 m)

1,6 GW

Il-Ġermanja

200

2.2.

Farm tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta ta’ Aberdeen (Ċentru Ewropew tal-ittestjar)

Bini fuq proġett li bħalissa qed jiġi żviluppat - Ittestjar ta’ turbini multi-MW. Żvilupp ta’ strutturi innovattivi u sottostrutturi inkluż l-ottimizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tat-tagħmir tal-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta. Żieda fil-qies ta’ 100 MW tista’ tiġi ppjanata.

0,25 GW

Ir-Renju Unit

40

2.3.

Thornton Bank

Bini fuq proġett li bħalissa qed jiġi żviluppat. Tagħlim mill-proġett Downvind (ikkofinanzjat permezz tal-FP6). Tkabbir tal-installazzjonijiet tat-turbini Downvind (qies ta’ 5 MW) fl-ilmijiet fondi (sa 30 m) b’impatt viżiv baxx (sa 30 km).

90 MW

Il-Belġju

10

TOTAL

 

 

565

C.   Proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju

Isem il-proġett/Post

Kontribuzzjoni Komunitarja ppjanata

(EUR miljuni)

Karburant

Kapaċità

Teknika tal-qbid

Kunċett tal-ħżin

Huerth

Ġermanja

180

Faħam

450 MW

IGCC

Saffi ta’ blat b’ilma mielaħ

Jaenschwalde

 

 

Faħam

500 MW

Ossikarburanti

Meded taż-żejt/gass

Eemshaven

Olanda

180

Faħam

1 200 MW

IGCC

Meded taż-żejt/gass

Rotterdam

Faħam

1 080 MW

PC

Meded taż-żejt/gass

Rotterdam

Faħam

800 MW

PC

Meded taż-żejt/gass

Belchatów

Polonja

180

Faħam

858 MW

PC

Saffi ta’ blat b’ilma mielaħ

Compostella

Spanja

180

Faħam

500 MW

Ossikarburanti

Saffi ta’ blat b’ilma mielaħ

Kingsnorth

Renju Unit

180

Faħam

800 MW

PC

Meded taż-żejt/gass

Longannet

Faħam

3 390 MW

PC

Saffi ta’ blat b’ilma mielaħ

Tilbury

Faħam

1 600 MW

PC

Meded taż-żejt/gass

Hatfield

(Yorkshire)

Faħam

900 MW

IGCC

Meded taż-żejt/gass

Porto Tolle

Italja

100

Faħam

660 MW

PC

 

Proġett ta’ qbid tal-karbonju industrijali

Florange

Franza

50

Trasport ta’ CO2 mill-impjant industrijali (impjant tal-azzar) għal faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art (ilma ta’ ġol-blat mielaħ)

TOTAL

1 050


DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni tissottolinja li l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli huma prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-enerġija tal-UE, kemm għal raġunijiet ambjentali kif ukoll għal raġunijiet ta' sigurtà tal-provvista. F'dan ir-rigward, ir-Regolament ser jikkontribwixxi għal dawn il-prijoritajiet billi jagħti appoġġ sostanzjali għal proġetti ta' enerġija ġġenerata mir-riħ lil hinn mill-kosta.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar id-diversi inizjattivi ġodda l-oħra li jappoġġaw l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, issuġġeriti mill-Kummissjoni partikolarment fil-Pjan ta' Rkupru Ewropew tagħha, li kien endorsjat mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008. Dawn jinkludu:

Modifika tar-Regolament tal-FEŻR sabiex ikunu permessi sa EUR 8 biljun f'investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġiji rinnovabbli fis-settur tad-djar fl-Istati Membri kollha.

Sħubija pubblika-privata dwar l-inizjattiva “Bini Ewropej b'effiċjenza fl-enerġija” sabiex ikunu promossi teknoloġiji favur l-ambjent u l-iżvilupp ta' sistemi u materjali b'effiċjenza fl-enerġija f'bini ġodda jew restawrati. Għal din l-azzjoni huma stmati EUR 1 biljun: EUR 500 miljun mill-baġit EC FP7 matul is-snin mill-2010 sal-2013 u EUR 500 miljun mill-industrija.

L-inizjattiva KE-BEI “Inizjattiva tal-UE għall-Finanzjament ta' Enerġija Sostenibbli”. Hija mmirata sabiex tippermetti investimenti għal proġetti ta' effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli f'ambjenti urbani. Il-Kummissjoni tiffinanzja faċilità għall-assistenza teknika mill-programm Ewropew tal-Enerġija Intelliġenti (allokazzjoni annwali ta' 15-il miljun EUR għall-2009). Din il-faċilità, amministrata mill-BEI, ser tiffaċilita l-aċċess għal self tal-BEI b'effetti ta' lieva sostanzjali.

Il-ħolqien minn investituri istituzzjonali tal-UE - immexxija mill-BEI - ta' fond ta' ishma orjentat lejn is-suq, imsejjaħ Marguerite: il-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura. Dan il-Fond jinvesti fl-oqsma tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima (TEN-E, il-produzzjoni ta' enerġija sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji l-ġodda, l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, is-sigurtà tal-provvista, kif ukoll infrastruttura ambjentali). Il-Kummissjoni tappoġġa dan l-approċċ.

Barra dan, qabel it-tmiem ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni ser tippreżenta r-reviżjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija kif mitluba mill-Kunsill (Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2009) u mill-Parlament (Riżoluzzjoni tal-PE P6_TA(2009)0064).

Hemm qbil fost l-esperti li l-effiċjenza fl-enerġija hija l-aktar għażla rħisa disponibbli sabiex jitnaqqsu l-emmissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Sa Novembru 2009, il-Kummissjoni ser tipprovdi analiżi dettaljata tal-ostakli għal żieda fl-investimenti tal-effiċjenza fl-enerġija. B'mod partikolari hija ser teżamina jekk hemmx ħtieġa għal inċentivi finanazjarji aktar fil-forma ta' self b'interessi baxxi u/jew għotjiet, kif jista' jintuża l-baġit Ewropew għal dan il-għan, u, jekk addatt, il-Kummissjoni ser tinkludi, fost l-oħrajn, fondi addizzjonali għal finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija fl-istrument il-ġdid tas-Sigurtà u l-Infrastruttura tal-Enerġija tal-UE, li ser ikun ippreżentat fl-2010.

Matul l-eżami tal-pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija, il-Kummissjoni ser tagħti attenzjoni partikolari lid-dimensjoni tal-viċinat tal-effiċjenza fl-enerġija. Ser tanalizza kif tista' tagħti inċentivi finanzjarji u regolatorji lil pajjiżi tal-viċinat sabiex iħaffu l-investimenti tagħhom fl-effiċjenza fl-enerġija.

Jekk il-Kummissjoni, meta fl-2010 tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament konformement mal-Artikolu 28 tiegħu, tiskopri li ma jkunx possibbli li sa tmiem l-2010 tiġi allokata parti mill-fondi previsti għall-proġetti elenkati fl-anness għar-Regolament, il-Kummissjoni ser tipproponi, jekk ikun adatt u b'mod ġeografikament bilanċjat, emenda għar-Regolament li tippermetti l-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, b'żieda mal-inizjattivi msemmija hawn fuq, inkluż kriterji ta' eliġibbiltà simili għal dawk applikabbli għall-proġetti elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Dikjarazzjoni mill-Portugall

Il-Portugall qed jivvota favur, għalkemm fil-fehma tiegħu, f'reviżjoni tal-programm taħt l-Artikolu 28, għandha tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta' proġetti dwar l-enerġija li tiġġedded u dwar l-effiċjenza fl-enerġija, b'mod partikolari fil-qasam tal-mikroġenerazzjoni u tan-netwerks u l-arloġġi intelliġenti, li jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Artikolu 4(a) u (b) tar-Regolament.


Top