EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0431

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 431/2009 tat- 18 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri

OJ L 128, 27.5.2009, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 003 P. 187 - 188

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/431/oj

27.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 431/2009

tat-18 ta’ Mejju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, imressqa wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-ambitu u l-intensità tal-kriżi finanzjarja internazzjonali jolqtu d-domanda potenzjali għal għajnuna finanzjarja Komunitarja għal żmien medju fl-Istati Membri ‘l barra miż-żona euro u jeħtieġu żieda sinifikattiva fil-limitu massimu għall-ammont pendenti ta’ self li jista’ jingħata lill-Istati Membri stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 332/2002 (3) minn EUR 25 biljun għal EUR 50 biljun.

(2)

Fid-dawl tal-esperjenza riċenti fl-amministrazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għal żmien medju, ix-xogħol u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati bl-implimentazzjoni tar-Regolament għandhom ikunu kkjarifikati. Barra minn dan, il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għandhom ikunu stipulati dettaljatament f’Memorandum ta’ Ftehim li jrid ikun konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

(3)

Ir-regoli li jistabbilixxu xi aspetti tal-amministrazzjoni finanzjarja tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandhom ikunu ċċarati. Għal raġunijiet operattivi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun mitlub ipoġġi l-għajnuna finanzjarja mogħtija f’kont speċjali mal-Bank Ċentrali Nazzjonali tiegħu u li jittrasferixxi l-ammonti dovuti f’kont mal-Bank Ċentrali Ewropew ftit ġranet qabel id-dati tal-għeluq tagħhom.

(4)

L-amministrazzjoni tajba tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja mogħtija hija ta’ importanza kbira ħafna. Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibbiltà li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi jwettqu kontrolli fl-Istat Membru li jirċievi l-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal żmien medju; dik il-possibbiltà għandha tkun prevista fil-ftehim eżistenti tas-self.

(5)

Dan ir-Regolament għandu japplika immedjatament għal kull ftehim ġdid ta’ self u għal kull ftehim ta’ self eżistenti jekk u meta jkunu riveduti.

(6)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-ammont pendenti ta’ self li jrid jingħata lill-Istati Membri taħt din il-faċilità għandu jkun limitat għal EUR 50 biljun bħala kapital.”

(2)

L-Artikolu 3(2) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istat Membru li jitlob għajnuna finanzjarja għal żmien medju għandu jiddiskuti l-istima tal-bżonnijiet finanzjarji tiegħu mal-Kummissjoni u jissottometti abbozz ta’ programm ta’ aġġustament lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Il-Kunsill, wara li jeżamina s-sitwazzjoni fl-Istat Membru konċernat u l-programm ta’ aġġustament ippreżentat bħala sostenn tal-applikazzjoni tiegħu, għandu jiddeċiedi, bħala regola, waqt l-istess laqgħa:

(a)

jekk jagħtix is-self jew faċilita’ xierqa ta’ ffinanzjar, l-ammont u t-tul medju tagħhom;

(b)

il-kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja għal żmien medju bil-ħsieb li terġa’ tiġi stabbilita jew li tkun żgurata sitwazzjoni sostenibbli fil-bilanċ tal-pagamenti;

(c)

il-metodi tekniċi kif jinħarġu l-flus tas-self jew tal-faċilità ta’ ffinanzjar, li r-rilaxx jew il-ġbid tagħhom, bħala regola, għandhom isiru permezz ta’ pagamenti suċċessivi, filwaqt li r-rilaxx ta’ kull pagament ikun suġġett għal verifika tar-riżultati miksuba fit-twettiq tal-programm abbażi tal-objettivi ffissati.”

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

Il-Kummissjoni u l-Istati Membru kkonċernat għandhom jikkonkludu Memorandum ta’ Ftehim li jistipula dettaljatament il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-Memorandum ta’ Ftehim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”

(4)

L-Artikolu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex f’intervalli regolari tivverifika, b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li l-politika ekonomika tal-Istat Membru li jkun se jirċievi self Komunitarju tikkonforma mal-programm ta’ aġġustament, ma’ kull kondizzjoni oħra stipulata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3 u mal-Memorandum ta’ Ftehim imsemmi fl-Artikolu 3a. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jpoġġi kull tagħrif meħtieġ għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u jikkoopera bis-sħiħ ma’ din tal-aħħar. Abbażi tal-konklużjonijiet minn tali verifika, il-Kummissjoni, wara li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkun ta l-opinjoni tiegħu, għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx ta’ aktar pagamenti.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe aġġustament li jrid isir lill-kondizzjonijiet inizjali tal-politika ekonomika.”

(5)

Fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jiftaħ kont speċjali mal-Bank Ċentrali Nazzjonali għall-amministrazzjoni tal-għajnuna Komunitarja għal żmien medju li jkun irċeva. Huwa għandu jittrasferixxi l-kapital u l-interessi dovuti taħt is-self f’kont mal-Bank Ċentrali Ewropew sebat ijiem TARGET2 (*) qabel id-dati tal-għeluq rispettivi.

(*)  Kif definit fil-Linji Gwida ECB/2007/2 tas-26 ta’ April 2007 dwar is-sistema Express Awtomatika Trans-Ewropea għat-Trasferiment f’Ħin Reali ta’ Ħlas Gross (Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system - TARGET2) (ĠU L 237, 8.9.2007, p. 1).”"

(6)

the following Article shall be inserted:

“Artikolu 9a

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha d-dritt li twettaq, fl-Istat Membru li jirċievi l-għajnuna finanzjarja għal żmien medju, kwalunkwe kontroll jew verifika finanzjarja li hija tikkunsidra meħtieġa fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ dik l-għajnuna. Il-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi, għandha għalhekk ikollha d-dritt li tibgħat l-uffiċjali tagħha jew ir-rappreżentanti debitament awtorizzati tagħha biex iwettqu fl-Istati Membri li jirċievu l-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal żmien medju, kull kontroll tekniku jew finanzjarju jew kull verifika li hija tqis neċessarji fir-rigward ta’ dik l-għajnuna.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KOHOUT


(1)  L-Opinjoni mogħtija fl-24 ta’ April 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni mogħtija fl-20 ta’ April 2009 (ĠU C 106, 8.5.2009, p. 1).

(3)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.


Top