EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0153

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 153/2009 tad- 19 ta' Frar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

OJ L 51, 24.2.2009, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 055 P. 210 - 211

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2015; Imħassar b' 32014R1144

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/153/oj

24.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 153/2009

tad-19 ta' Frar 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Għall-partijiet interessati fil-politika ta’ promozzjoni tal-prodotti agrikoli, il-qafas ġuridiku waħdieni stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (2) iffaċilitalhom l-aċċess għas-sistema u l-parteċipazzjoni fiha. Il-proċeduri amministrattivi involuti fit-twettiq ta’ din il-politika tnaqqsu u ġew simplifikati b’mod sinifikanti permezz tal-applikazzjoni tal-qafas ġuridiku waħdieni.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 jipprevedi li fil-każ li ma jkunx hemm programmi biex jiġu attwati fis-suq intern, l-Istati Membri konċernati għandhom il-possibbiltà li jħejju programm. Fejn l-organizzazzjonijiet proponenti ma jixtiqux iressqu programmi biex jiġu attwati f’pajjiżi terzi għal waħda jew iktar mill-azzjonijiet ta’ informazzjoni msemmija f’dak ir-Regolament, għandu jkun permess li l-Istati Membri konċernati jħejju programm relevanti.

(3)

Partikolarment, l-Istati Membri konċernati għandhom jiġu offruti l-possibbiltà li jwessgħu l-ambitu tal-azzjonijiet li għandhom jiġu koperti minn dawk il-programmi anke billi jfittxu l-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali meta jwettqu dawk il-programmi, speċjalment fil-każ tal-programmi ta’ promozzjoni tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda f’pajjiżi terzi.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendament

L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 3/2008 huwa b’dan sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ nuqqas ta’ programmi ta’ informazzjoni għas-suq intern u fil-pajjiżi terzi

1.   Fin-nuqqas ta’ programmi li għandhom jiġu attwati fis-suq intern, għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) imressqa taħt l-Artikolu 6(1), kull Stat Membru konċernat għandu jħejji, abbażi tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 5(1), programm u l-ispeċifikazzjoni tiegħu, u jagħżel permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti l-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm li jkun qiegħed jimpenja ruħu għall-kofinanzjament tiegħu.

2.   Fin-nuqqas ta’ programmi li għandhom jiġu attwati f’pajjiżi terzi għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (ċ) imressqa taħt l-Artikolu 6(1), kull Stat Membru konċernat għandu jħejji, abbażi tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 5(2), programm u l-ispeċifikazzjoni tiegħu, u jagħżel permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti l-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm li jimpenja ruħu għall-kofinanzjament tiegħu.

Il-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm li jkun eventwalment intagħżel mill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati jista’ jkun organizzazzjoni internazzjonali, speċjalment meta l-programm jirrigwarda l-promozzjoni tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel f’pajjiżi terzi.

3.   L-Istat Membru jew Stati Membri għandhom iressqu l-programm magħżul lill-Kummissjoni konformement mal-paragrafi 1 u 2, flimkien ma’ opinjoni motivata li tinkludi:

(a)

kemm ikun kunsiljabbli l-programm;

(b)

il-konformità tal-programm u tal-korp propost ma’ dan ir-Regolament, u, jekk ikun il-każ, mal-linji gwida applikabbli;

(c)

il-valutazzjoni tal-valur għall-flus tal-programm;

(d)

l-għażla tal-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm.

4.   Għall-finijiet tal-eżami tal-programmi min-naħa tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(1).

5.   Konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), il-Kummissjoni tista’ tiddefinixxi limiti aktar baxxi jew ogħla mill-ispiża reali tal-programmi mressqa taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawn il-limiti jistgħu jiġu aġġustati abbażi tan-natura tal-programmi konċernati. Il-kriterji applikati jistgħu jiġu ddeterminati konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2).”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ŘÍMAN


(1)  L-Opinjoni tal-5 ta’ Frar 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.


Top