EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0139

Direttiva 2009/139/KE tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Novembru 2009 dwar markar statutorju għal vetturi bil-mutur b’żewġ jew tliet roti (Verżjoni kkodifikata) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 322, 9.12.2009, p. 3–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 020 P. 156 - 164

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32013R0168

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/139/oj

9.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/3


DIRETTIVA 2009/139/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2009

dwar markar statutorju għal vetturi bil-mutur b’żewġ jew tliet roti

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/34/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar markar statutorju għal vetturi bil-mutur b’żewġ jew tliet roti (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Id-Direttiva 93/34/KEE hija waħda mid-Direttivi separati tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip KE msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-approvazzjoni tat-tip KE ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ jew tliet roti, kif sostitwita bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/24/KE tat-18 ta’ Marzu 2002 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta (5), u li tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi dwar id-disinn u l-kostruzzjoni ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta rigward l-immarkar statutorju. Dawk irrekwiżiti tekniċi jikkonċernaw l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jippermettu l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ kull tip ta’ vettura, tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip KE stabbilita fid-Direttiva 2002/24/KE. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/24/KE dwar sistemi ta’ vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati japplikaw għal din id-Direttiva.

(3)

Fir-rigward ta’ markar statutorju applikabbli għal vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew tlieta, din id-Direttiva m’għandhiex timpedixxi lil ċerti Stati Membri milli jżommu, fuq bażi mhux diskriminatorja, dispożizzjonijiet speċifiċi mandatarji bil-għan li japplikaw regolamenti tat-traffiku, kemm-il darba dawn ir-rekwiżiti speċifiċi jikkonċernaw l-użu ta’ dawn il-vetturi u ma jinvolvux xi modifikazzjonijiet fil-kostruzzjoni tagħhom li x’aktarx joħolqu ostaklu għall-approvazzjoni tat-tip tal-Komunità ta’ din it-tip ta’ vettura.

(4)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi elenkati fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tapplika għall-markar statutorju għal kull tip ta’ vettura kif definita fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/24/KE.

Artikolu 2

Il-proċedura għall-għoti ta’ approvazzjoni tat-tip tal-komponent KE fir-rigward ta’ markar statutorju għal tip ta’ vettura bil-mutur b’żewġ roti jew tlieta u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu ta’ tali vetturi għandhom ikunu kif stabbiliti fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2002/24/KE.

Artikolu 3

L-emendi neċessarji għall-addattament tar-rekwiżiti tal-Anness I għall-progress tekniku għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2002/24/KE.

Artikolu 4

1.   Għal vetturi b’żewġ roti jew tlieta li jkunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma markar statutorju, jiċħdu l-għoti ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE jew jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ tali vetturi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiċħdu, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma markar statutorju, l-għoti ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ kwalunkwe tip ġdid ta’ vettura bil-mutur b’żewġ roti jew tlieta li ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Id-Direttiva 93/34/KEE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness II, Parti A hija mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi elenkati fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness III.

Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għanda tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2010.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Novembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 41.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Novembru 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2009.

(3)  ĠU L 188, 29.7.1993, p. 38.

(4)  Ara l-Anness II, Parti A.

(5)  ĠU L 124 tad-9.5.2002, p. 1.


ANNESS I

REKWIŻITI DWAR IL-MARKAR STATUTORJU GĦAL VETTURI BIL-MUTUR B’ŻEWĠ ROTI JEW TLIETA

1.   ĠENERALI

1.1.

Il-vetturi kollha għandhom jirċievu pjanċa u markar kif deskritt hawn taħt. Dik il-pjanċa u dak l-immarkar għandhom jitwaħħlu mill-manufattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

2.   PJANĊA TAD-DATA TAL-MANUFATTUR

2.1.

Pjanċa tad-data tal-manufattur, li mudell tagħha jidher fl-Appendiċi 1 trid titwaħħal b’mod sod, f’punt faċilment aċċessibbli, ma’ parti li normalment aktarx ma tinbidilx waqt l-użu; trid tkun tinqara faċilment u jkun fiha l-informazzjoni li ġejja f’forma li ma titħassarx, fl-ordni li ġejja:

2.1.1.

isem il-manufattur;

2.1.2.

marka ta’ approvazzjoni tat-tip KE kif deskritta fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/24/KE;

2.1.3.

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN);

2.1.4.

il-livell ta’ ħoss meta wieqaf: … dB(A) … rev/min.

2.2.

Il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip kif meħtieġa mill-punt 2.1.2, il-valur tal-livell tal-ħoss meta wieqaf u n-numru ta’ dawra/minuta kif meħtieġa mill-punt 2.1.4 mhumiex inklużi fl-approvazzjoni tat-tip tal-komponent KE ta’ markar statutorju. Madankollu, dawk il-biċċiet ta’ informazzjoni jridu jkunu mwaħħla mal-vetturi kollha manufatturati b’mod konformi mat-tip li ġie approvat.

2.3.

Il-manufatturi jistgħu jwaħħlu informazzjoni addizzjonali taħt jew maġenb il-markar statutorju, ‘l barra minn rettangolu mmarkat b’mod ċar li jkun fih biss l-informazzjoni meħtieġa mill-punti 2.1.1 sa 2.1.4 (ara Appendiċi 1).

3.   NUMRU TA’ IDENTIFIKAZZJONI TAL-VETTURA

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura jikkonsisti minn kombinazzjoni strutturata ta’ karattri mogħtija lil kull vettura mill-manufattur tagħhom. L-iskop tiegħu huwa li jagħmilha possibbli li kull vettura tiġi identifikata mingħajr ambigwità permezz tal-manufattur tagħha - mingħajr il-ħtieġa ta’ xi informazzjoni oħra - għal perjodu ta’ 30 sena. L-identifikazzjoni trid tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

3.1.

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura jrid jidħol fil-pjanċa tad-data tal-manufattur. Irid ukoll ikun martellat jew ippanċjat b’tali mod li jkun evitat li jitħassar jew jinbidel fuq ix-chassis jew frame f’punt li jista’ jkun faċilment aċċessibbli, u jrid ikun fuq in-nofs tal-lemin tal-vettura;

3.1.1.

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura għandu jkun fi tliet partijiet kif muri hawn taħt:

3.1.1.1.

l-ewwel parti tikkonsisti f’kodiċi mogħti lill-manufattur tal-vettura li jagħmilha possibbli li dik il-persuna tkun identifikata. Il-kodiċi għandu jikkonsisti fi tliet karattri (ittri jew ċifri) maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż li fih il-manufattur għandu l-indirizz reġistrat tiegħu bi qbil mal-prattika tal-aġenzija internazzjonali li taġixxi fuq l-awtorizzazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għal Standardization (ISO). L-ewwel karattru jimmarka ż-żona ġeografika, it-tieni l-pajjiż ġewwa żona ġeografika u t-tielet karattru l-manufattur partikolari. Fejn il-manufattur jipproduċi anqas minn 500 vettura fis-sena, it-tielet karattru jkun dejjem 9. Biex ikun identifikat dak il-manufattur, l-awtorità msemmija hawn fuq għandha toħroġ ukoll it-tielet, ir-raba’ u l-ħames karattru tat-tielet parti;

3.1.1.2.

It-tieni parti tikkonsisti f’sitt karattri (ittri jew ċifri) bil-għan li jiddeskrivu l-karatteristiċi ġenerali tal-vettura (tip, varjant, u fil-każ ta’ moped, verżjoni); kull karatteristika tista’ tkun rappreżentata b’diversi karattri. Jekk il-manufattur tagħha ma jużax wieħed jew aktar minn dawn il-karattri l-ispazji mhux użati għandhom jimtlew b’karattri numeriċi jew alfabetiċi, bl-għażla titħalla f’idejn il-manufattur

3.1.1.3.

it-tielet parti tikkonsisti minn tmien karattri, l-aħħar erbgħa minnhom huma meħtieġa li jkunu numeriċi u, flimkien maż-żewġ partijiet l-oħra, iridu jagħmluha possibbli li vettura partikolari tkun identifikata b’mod ċar. Kull pożizzjoni mhux użata għandha timtela b’0 biex ikun ottenut in-numru totali ta’ karattri meħtieġa;

3.1.2.

in-numru tal-identifikazzjoni tal-vettura għandu, kull fejn ikun possibbli, ikun f’rig wieħed. Il-bidu u t-tmiem ta’ dan ir-rig għandhom ikunu mmarkati b’simbolu li la jkun numru Għarbi u lanqas ittra kapitali Latina, kif lanqas ma għandu jkun possibbli li wieħed jiżbalja dan il-karattru ma’ xi ieħor bħalu.

B’eċċezzjoni u għal raġunijiet tekniċi dan jista’ wkoll jieħu żewġ rigi. Iżda, f’dan il-każ ma għandux ikun hemm spazji vojta bejn xi waħda mit-tliet partijiet u l-bidu u t-tmiem ta’ kull rig għandhom ikunu mmarkati b’simbolu li la jkun numru Għarbi u lanqas ittra kapitali Latina, kif lanqas ma għandu jkun possibbli li wieħed jiżbalja dan il-karattru ma’ xi ieħor bħalu.

L-introduzzjoni tas-simbolu msemmi ġo rig bejn it-tliet partijiet (punt 3.1.1) hija wkoll awtorizzata.

M’għandux ikun hemm spazji bejn il-karattri.

4.   KARATTRI

4.1.

Ittri Latini u numri Għarab iridu jintużaw għall-markar li hemm provdut fil-punti 2 u 3. Madankollu, l-ittri Latini użati għall-informazzjoni mogħtija fil-punti 2.1.1, 2.1.3 u 3 jridu jkunu ittri kbar.

4.2.

Fin-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura:

4.2.1.

l-ittri I, O u Q, jew singijiet, asteriski jew sinjali oħra speċifiċi huma projbiti;

4.2.2.

ittri u ċifri għandu jkollhom l-għoli minimu li ġej:

4.2.2.1.

4 mm fil-każ ta’ karattri li ddaħlu b’mod dirett fuq ix-chassis jew frame jew xi struttura oħra simili tal-vettura;

4.2.2.2.

3 mm fil-każ ta’ karattri mdaħħla fuq il-pjanċa tad-data tal-manufattur.

Appendiċi 1

Eżempju ta’ pjanċa tad-data tal-manufattur

L-eżempju ta’ hawn taħt bl-ebda mod ma jaffettwa l-informazzjoni fil-fatt mogħtija fuq il-pjanċi tad-data tal-manufattur, l-anqas id-dimensjonijiet tal-pjanċa nnifisha, iċ-ċifri jew l-ittri. Hija mogħtija biss bħala eżempju.

It-tagħrif addizzjonali msemmi fil-punt 2.3 jista’ jiddaħħal hawn taħt jew fuq ġenb wieħed tal-informazzjoni mitluba fir-rettangolu li ġej.

STELLA FABBRICA MOTOCICLI

e3 5364

3 G S K L M 3 A C 8 B 1 2 0 0 0 0

80 dB(A) — 3 750 rev/min

Skrizzjon

Fl-eżempju ta’ hawn fuq ta’ pjanċa, il-vettura konċernata ġiet magħmula mill-“Fabbrika Muturi Stella” u type-approved fl-Italja (e3), taħt in-numru 5364.

In-numru ta’ identifikazzjoni (3GSKLM3AC8B120000) jagħti l-informazzjoni li ġejja:

l-ewwel parti (3GS):

—   3: żona ġeografika (Ewropa);

—   G: pajjiż fiż-żona ġeografika (Ġermanja);

—   S: manufattur (Fabbrika Muturi Stella);

it-tieni parti (KLM3AC):

—   KL: tip ta’ vettura;

—   M3: varjant (il-bodywork tal-vettura);

—   AC: verżjoni (magna tal-vettura);

it-tielet parti (8B120000):

:

8B12

:

identifikazzjoni tal-vettura u għaqda taż-żewġ partijiet l-oħra tan-numru ta’ identifikazzjoni;

:

0000

:

pożizzjonijiet mhux użati li ġew mimlija b’0 biex ikun magħmul in-numru totali ta’ karattri meħtieġa.

Il-livell ta’ ħoss meta wieqaf huwa ta’ 80 dB(A) bi 3 750 rev/min.

Appendiċi 2

Dokument ta’ informazzjoni dwar markar statutorju għal tip ta’ vettura bil-mutur b’żewg roti jew tlieta

(li għandu jjinhemez mal-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-komponent KE meta din tintbgħat separatament mill-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip KE ta’ vettura)

Nru tal-ordni (mogħti mill-applikant): …

L-applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip tal-komponent KE dwar markar statutorju għal tip ta’ vettura bir-roti b’żewġ jew tliet roti għandu jkun fiha l-informazzjoni stabbilita taħt il-punti li ġejjin fil-Parti I, Taqsima A tal-Anness II tad-Direttiva 2002/24/KE:

0.1,

0.2,

0.4 sa 0.6,

9.3.1 sa 9.3.3.

Appendiċi 3

Isem tal-amministrazzjoni

Ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-komponent KE dwar markar statutorju għal tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew tlieta

MUDELL

Nru tar-rapport … mis-servizz tekniku … data …

Nru ta’ approvazzjoni tat-tip tal-komponent KE: … Nru ta’ estensjoni: …

1.

Marka tad-ditta jew isem tal …

2.

Tip ta’ vettura: …

3.

L-isem u l-indirizz tal-manifattur: …

4.

Isem u indirizz tar-rappreżentant tal-manifattur (jekk hemm): …

5.

Data meta l-vettura tmur għat-test: …

6.

Approvazzjoni tat-tip tal-komponent KE mogħtija/miċħuda (1):

7.

Post: …

8.

Data: …

9.

Firma: …


(1)  Ħassar kif xieraq.


ANNESS II

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 5)

Direttiva tal-Kunsill 93/34/KEE

(ĠU L 188, 29.7.1993, p. 38)

 

Direttiva tal-Kummissjoni 1999/25/KE

(ĠU L 104, 21.4.1999, p. 19)

 

Direttiva tal-Kummissjoni 2006/27/KE

(ĠU L 66, 8.3.2006, p. 7)

L-Artikolu 2 u l-Anness II biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 5)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

93/34/KEE

fl-14 ta’ Diċembru 1994.

fl-14 ta’ Ġunju 1995.

1999/25/KE

fil-31 ta’ Diċembru 1999.

fl-1 ta’ Jannar 2000 (*)

2006/27/KE

fil-31 ta’ Diċembru 2006 (**)


(*)  Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/25/KE:

“1.   B’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, l-Istati Membri ma għandhomx, għal raġunijiet relatati mal-immarkar statutorju:

jirrifjutaw, fir-rigward ta’ tip ta’ vettura b’żewġ roti jew tlieta, li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE,

jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-sevizz ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew tlieta,

jekk l-immarkar statutorju jkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 93/34/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva.

2.   B’effett mill-1 ta’ Lulju 2000, l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE għal kull tip ta’ vettura bil-mutur b’żewġ roti jew tlieta għal raġunijiet relatati mal-immarkar statutorju jekk ir-rekwiżiti tad-Direttiva 93/34/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva, ma jkunux issodisfati.”

(**)  Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/27/KE:

“1.   B’effet mill-1 ta’ Jannar 2007, fir-rigward ta’ vetturi b’żewġ roti jew bi tlieta, li jikkonformaw mad-disposiżżjonijiet stabbiliti fid-Direttivi […], 93/34/KEE, […] rispettivament, kif emendati b’din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx, għal raġunijiet relatati mad-Direttiva konċernata, jirrifjutaw mill jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE jew jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz tat-tali vettura.

2.   B’effett mill-1 ta’ Lulju 2007, l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw, għal raġunijiet relatati mad-Direttiva konċernata, milli jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE lil kwalunke tip ta’ vettura b’żewġ roti jew bi tlieta li ma tikkonformax mad-disposiżżjonijet stabbiliti fid-Direttivi […], 93/34/KEE, […] rispettivament, kif emendati b’din id-Direttiva.”


ANNESS III

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 93/34/KEE

Direttiva 2006/27/KE

Din id-Direttiva

Artikoli 1, 2 u 3

 

Artikoli 1, 2 u 3

Artikolu 4(1)

 

Artikolu 5(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2)

 

Artikolu 4(3)

 

Artikolu 5

 

Artikolu 6

Artikolu 5

 

Artikolu 7

Anness

 

Anness I

 

Anness II

 

Anness III


Top