EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0116

Direttiva tal-Kunsill 2009/116/KE tal- 25 ta’ Ġunju 2009 li temenda d-Direttiva 91/414/KEE biex jiġu inklużi ż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 bħala sustanzi attivi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 237, 9.9.2009, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/116/oj

9.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/7


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/116/KE

tal-25 ta’ Ġunju 2009

li temenda d-Direttiva 91/414/KEE biex jiġu inklużi ż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 bħala sustanzi attivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprovdi li Stat Membru, matul perijodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ dik id-Direttiva, jista’ jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I għal dik id-Direttiva u li jkunu diġà fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, waqt li dawk is-sustanzi jkunu qed jiġu eżaminati gradwalment fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2000 (2) u (KE) Nru 2229/2002 (3) jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-ħsieb tal-possibbiltà li jkunu inklużi fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi ż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3.

(3)

Għaż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u Nru CAS 97862-82-3, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 1112/2002 u (KE) Nru 2229/2004 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn dan, dawk ir-Regolamenti jsemmu liema huma l-Istati Membri relaturi li għandhom iressqu r-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Għaż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 l-Istat Membru relatur kien il-Greċja u l-informazzjoni rilevanti kollha tressqet fis-6 ta’ Mejju 2008.

(4)

Ir-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u mill-EFSA u ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2008 fil-format tar-Rapport Xjentifiku tal-EFSA għaż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3. Dan ir-rapport ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fit-12 ta’ April 2009 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għaż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3.

(5)

Matul il-valutazzjoni ta’ dawn is-sustanzi attivi, ġew identifikati diversi preokkupazzjonijiet. B’mod partikolari, l-evidenza prodotta matul din il-valutazzjoni ma kinitx suffiċjenti biex tindika użu sikur fir-rigward tal-operaturi, il-ħaddiema, dawk li jkunu viċin u l-konsumaturi. Konsegwentement, ma kienx possibbli li jkun konkluż, abbażi tal-informazzjoni li kienet disponibbli f’dak l-istadju, li ż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 ssodisfaw il-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant sabiex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx beħsiebu jew le li jkompli jappoġġa s-sustanzi. In-notifikant ippreżenta l-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, il-Kummissjoni inizjalment sabet li l-preokkupazzjonijiet identifikati ma setgħux jiġu eliminati kompletament.

(7)

Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni li għandu l-Kunsill, jidher li l-preokkupazzjonijiet huma relatati man-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet u għandhom jiġu riżolti meta l-purità tas-sustanza tiġi murija. B’mod partikolari, kif iddikjarat fir-rapport xjentifiku tal-EFSA, jekk ikun jista’ jintwera li ż-żjut tal-paraffin huma ta’ purità għolja (jiġifieri 100 %) ma għandha titqajjem l-ebda preokkupazzjoni tossikoloġika. Għall-paraffini, l-ispeċifikazzjonijiet huma stabbiliti fil-Farmakopea Ewropea. Wieħed jista’ jistenna, skont il-kondizzjonijiet ta’ użu proposti, li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari meta dawn jissodisfaw tali speċifikazzjonijiet tekniċi. Huwa għalhekk adatt li ż-żjut tal-paraffin jiġu inklużi fl-Anness I soġġett għall-preżentazzjoni min-notifikanti ta’ data konfirmatorja li turi l-konformità tas-sustanza ma’ tali speċifikazzjonijiet.

(8)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprovdi li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tkun soġġetta għal kondizzjonijiet. Għalhekk, fir-rigward taż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3, huwa kunsiljabbli li n-notifikant jiġi mitlub jippreżenta aktar informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sustanza attiva.

(9)

Għandu jitħalla jgħaddi perijodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-inklużjoni.

(10)

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi definiti mid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza tal-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perijodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kondizzjonijiet rilevanti mniżżla fl-Anness I, jiġu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, jissostitwixxu jew jirtiraw, kif adatt, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. Permezz ta’ deroga mill-iskadenza ta’ hawn fuq, għandu jingħata perjodu itwal għall-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tad-dossier komplut tal-Anness III ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub skont il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.

(11)

L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi vvalutati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (4), uriet li jista’ jkun hemm diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti b’rabta mal-aċċess għad-data. Għalhekk, sabiex jiġu evitati iktar diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li d-dmirijiet tal-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri l-aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II għal dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix xi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew id-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-Direttivi li jemendaw l-Anness I li ġew adottati s’issa.

(12)

Għalhekk huwa adatt li d-Direttiva 91/414/KEE tiġi emendata skont dan.

(13)

Fin-nuqqas ta’ opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta d-dispożizzjonijiet li hi pprevediet taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE.

(14)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (5), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li juru, safejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif jinsab fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom, b’konformità mad-Direttiva 91/414/KEE u fejn hu meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 bħala sustanzi attivi sat-30 ta’ Ġunju 2010.

Sa dik id-data huma għandhom b’mod partikolari jivverifikaw li jintlaħqu l-kondizzjonijiet fl-Anness I għal dik id-Direttiva li jikkonċernaw iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3, bl-eċċezzjoni ta’ dawk identifikati fil-parti B tal-annotazzjoni li tikkonċerna dawk is-sustanzi attivi, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkollu jew jkollu aċċess għal, dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva skont il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 13 għal dik id-Direttiva.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li jkun fih iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 bħala l-uniċi sustanzi attivi jew bħala flimkien ma’ diversi sustanzi attivi li kollha ġew elenkati fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-ġdid il-prodott skont il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI mad-Direttiva 91/414/KEE, abbażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III għal dik id-Direttiva u b’kont meħud tal-parti B tal-annotazzjoni fl-Anness I għal dik id-Direttiva li tikkonċerna ż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, huma għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (b), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara dik id-determinazzjoni l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 bħala l-uniċi sustanzi attivi, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014; jew

(b)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 flimkien ma’ diversi sustanzi attivi, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2014 jew sad-data stabbilita għal tali emenda jew irtirar fid-Direttiva jew Direttivi li żiedu s-sustanza jew sustanzi rilevanti fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE, skont liema waħda hi l-iktar reċenti.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

L. MIKO


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

(3)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13

(4)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10.

(5)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS

L-annotazzjoni li ġejja għandha tiġi miżjuda fl-aħħar tat-tabella fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

 

“Żjut tal-paraffin

CAS Nru 64742-46-7

CAS Nru 72623-86-0

CAS Nru 97862-82-3

Nru CIPAC mhux applikabbli

żejt tal-paraffin

Farmakopea Ewropea 6.0

1 ta’ Jannar 2010

31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

L-użi bħala insettiċida u akariċida biss jistgħu jiġu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandu jittieħed kont tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3, u b’mod partikolari tal-Appendiċi I u II tiegħu.

Il-kondizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn adatt, miżuri għat-tnaqqis tar-riskju.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu:

il-preżentazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku kif manifatturat kommerċjalment sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji ta’ purità tal-Farmakopea Ewropea. 6.0.

Huma għandhom jiżguraw li n-notifikanti jipprovdu tali informazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2010.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ reviżjoni.


Top