EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0050

Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijietta’ impjieg bi kwalifiki għoljin

OJ L 155, 18.6.2009, p. 17–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 011 P. 135 - 147

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/11/2023; Imħassar b' 32021L1883

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/50/oj

18.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/17


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/50/KE

tal-25 ta’ Mejju 2009

dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijietta’ impjieg bi kwalifiki għoljin

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (3)(a) u (4) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Billi:

(1)

Sabiex gradwalment jiġi stabbilit spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat jipprevedi miżuri li għandhom jiġu adottati fil-qasam tal-asil, l-immigrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(2)

It-Trattat jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta miżuri dwar il-politika tal-immigrazzjoni relatata mal-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza, l-istandards dwar proċeduri għall-ħruġ mill-Istati Membri ta’ viżi u permessi ta’ residenza għal perijodu fit-tul, u l-miżuri li jiddefinixxu d-drittijiet u l-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti legali fi Stat Membru jistgħu jirrisjedu fi Stat Membru ieħor.

(3)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona ta’ Marzu 2000 stabbilixxa l-objettiv għall-Komunità li ssir l-ekonomija, ibbażata fuq il-konoxxenza, l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja, kapaċi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli b’aktar impjiegi li huma ta’ kwalità u aħjar u koeżjoni soċjali akbar sal-2010. Il-miżuri biex jattiraw u jżommu ħaddiema bi kwalifiki għoljin minn pajjiżi terzi bħala parti minn approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet tal-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati fil-kunest aktar wiesa’ stabbilit mill-Istrateġija ta’ Lisbona u mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 dwar il-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi.

(4)

Il-Programm tal-Aja, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, irrikonoxxa li l-migrazzjoni legali ser ikollha rwol importanti fit-tisħiħ tal-ekonomija ibbażata fuq il-konoxxenza fl-Ewropa, fil-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, u b’hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ politika dwar il-migrazzjoni legali, inklużi l-proċeduri ta’ ammissjoni, kapaċi li jwieġbu malajr għad-domandi li dejjem jinbidlu għax-xogħol ta’ migranti fis-suq tax-xogħol.

(5)

Il-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2006 qabel dwar serje ta’ passi għall-2007, fosthom l-iżvilupp ta’ linji politiċi dwar l-immigrazzjoni legali ġestiti sew, li jirrispettaw il-kompetenzi nazzjonali bis-sħiħ, biex jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-ħtiġijiet tax-xogħol eżistenti u futuri.

(6)

Biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona huwa importanti wkoll li titrawwem il-mobbiltà fl-Unjoni ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin li huma ċittadini tal-Unjoni, u b’mod partikolari dawk mill-Istati Membri li aderixxew fl-2004 u l-2007. Bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbutin li jirrispettaw il-prinċipju ta’ preferenza Komunitarja kif espress b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti ta’ Adeżjoni tal-2003 u tal-2005.

(7)

Din id-Direttiva hija maħsuba li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn il-miri u tindirizza n-nuqqasijiet ta’ xogħol billi trawwem l-ammissjoni u l-mobbiltà - għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin - ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal perijodu ta’ aktar minn tliet xhur, sabiex il-Komunità issir aktar attraenti għal ħaddiema bħal dawn minn madwar id-dinja u biex tappoġġa l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tagħha. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, jeħtieġ li tkun iffaċilitata l-ammissjoni ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin u l-membri tal-familji tagħhom billi tiġi stabbilita proċedura rapida ta’ ammissjoni u billi f’għadd ta’ oqsma dawn jingħataw drittijiet soċjali u ekonomiċi ugwali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti. Jeħtieġ ukoll li jittieħed kont tal-prijoritajiet, tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri biex iżommu jew jintroduċu permessi ta’ residenza nazzjonali ġodda għal kwalunkwe fini ta’ impjieg. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal Karta Blu tal-UE jew għal permess ta’ residenza nazzjonali. Barra minn hekk, din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-possibbiltà għal detentur ta’ Karta Blu tal-UE li jgawdi minn drittijiet u benefiċċji addizzjonali li jistgħu jkunu previsti mil-liġi nazzjonali, u li jkunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.

(8)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tagħhom għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin. Dan għandu jinkludi wkoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jfittxu li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jeżerċitaw attività ekonomika mħallsa u li huma residenti legali f’dak l-Istat Membru taħt skemi oħrajn, bħal studenti li għadhom kemm spiċċaw l-istudji tagħhom jew riċerkaturi li ġew ammessi taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas u servizz volontarju (4) u d-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (5) rispettivament, u li ma jgawdux minn aċċess konsolidat għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru taħt il-liġi Komunitarja jew taħt dik nazzjonali. Barra minn hekk, rigward il-volumi ta’ ammissjoni, l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li ma jagħtux permessi ta’ residenza għal impjieg in ġenerali jew għal ċerti professjonijiet, setturi ekonomiċi jew reġjuni.

(9)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, biex jiġi valutat jekk iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandux kwalifi ta’ edukazzjoni ogħla, tista’ ssir referenza għall-ISCED (“Klassifikazzjoni Internazzjonali Standard tal-Edukazzjoni”) 1997 il-livelli 5a u 6.

(10)

Din id-Direttiva għandha tipprovdi għal sistema ta’ dħul flessibbli li tiddipendi mid-domanda, ibbażata fuq kriterji oġġettivi bħal-limitu minimu ta’ salarju komparabbli mal-livelli ta’ salarji fl-Istati Membri u fuq kwalifiki professjonali. Id-definizzjoni ta’ denominatur minimu komuni għal-limitu ta’ salarju hija meħtieġa biex ikun żgurat livell minimu ta’ armonizzazzjoni fil-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni fil-Komunità kollha. Il-limitu ta’ salarju jiddetermina livell minimu filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu limitu ta’ salarju ogħla. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-limitu tagħhom abbażi tas-sitwazzjoni u l-organizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol rispettivi tagħhom u l-linji politiċi dwar l-immigrazzjoni ġenerali tagħhom. Jistgħu jiġu stabbiliti derogi mill-iskema prinċipali tal-limitu ta’ salarju għal professjonijiet speċifiċi fejn ikun ikkunsidrat mill-Istat Membru kkonċernat li mhemmx nuqqas partikolari fil-forza tax-xogħol u fejn dawn il-professjonijiet ikunu parti mill-grupp maġġuri 1 u 2 tal-klassifikazzjoni tal-ISCO (“Klassifikazzjoni Internazzjonali Standard tal-Impjiegi”).

(11)

Din id-Direttiva timmira biss li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, fis-sistema tal-Karta Blu tal-UE, inklużi l-kriterji ta’ eliġibbiltà relatati ma’ limitu ta’ salarju. Dan il-limitu ta’ salarju għandu bħala l-uniku fini li jgħin biex jiġi ddeterminat, b’kont meħud ta’ osservazzjoni statistika ppubblikata mill-Kummissjoni (Eurostat) jew mill-Istati Membri kkonċernati, l-ambitu tal-Karta Blu tal-UE stabbilita minn kull Stat Membru abbażi ta’ regoli komuni. Hija ma timmirax li tiddetermina s-salarji u għalhekk ma tistax tidderoga la mir-regoli u lanqas mill-prattika fil-livell tal-Istati Membri u lanqas minn arranġamenti ta’ ftehim kollettiv, u ma tistax tintuża biex tikkostitwixxi xi armonizzazzjoni f’dan il-qasam. Din id-Direttiva tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri, b’mod partikolari dwar l-impjieg, ix-xogħol u materji soċjali.

(12)

Ladarba Stat Membru jkun iddeċieda li jdaħħal ċittadin ta’ pajjiż terz li jissodisfa l-kriterji rilevanti, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li applika għal Karta Blu tal-UE għandu jirċievi permess ta’ residenza speċifiku, previst minn din id-Direttiva, li għandu jagħti aċċess progressiv għas-suq tax-xogħol u għad-drittijiet ta’ residenza u mobbiltà mogħtija lilu u lill-familja tiegħu. L-iskadenza għall-eżami tal-applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE m’għandhiex tinkludi ż-żmien meħtieġ għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali jew iż-żmien meħtieġ għall-ħruġ ta’ viża, jekk meħtieġa. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali dwar ir-rikonoxximent ta’ diplomi. L-għażla tal-awtoritajiet kompetenti taħt din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra u, fejn applikabbli, l-imsieħba soċjali, fir-rigward tal-eżami ta’ u d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

(13)

Il-format tal-Karta Blu tal-UE għandha tkun konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (6), li b’hekk jippermetti lill-Istati Membri jirreferu għall-informazzjoni, b’mod partikolari taħt liema kundizzjonijiet il-persuna tingħata l-permess li taħdem.

(14)

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom fil-pussess tagħhom dokument validu tal-ivvjaġġar u Karta Blu tal-UE maħruġa minn Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ, għandhom jingħataw il-permess li jidħlu u jiċċaqilqu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li japplika l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ, għal perijodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur, skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment transkonfinali ta’ persuni (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (7) u l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika ta’ Franza dwar it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom.

(15)

Il-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika tal-ħaddiema bi kwalifiki għoljin ta’ pajjiż terz għandha tiġi rikonoxxuta bħala mekkaniżmu primarju għat-titjib tal-effiċjenza tas-suq tax-xogħol, għall-prevenzjoni tan-nuqqasijiet ta’ kapaċità u għall-kumpens tal-iżbilanċi reġjonali. Sabiex jiġi rispettat il-prinċipju tal-preferenza Komunitarja u jiġu evitati abbużi possibbli tas-sistema, il-mobbiltà okkupazzjonali ta’ ħaddiem ta’ pajjiż terz bi kwalifiki għoljin għandha tkun limitata għall-ewwel sentejn ta’ impjieg legali fi Stat Membru.

(16)

Din id-Direttiva tirrispetta bis-sħiħ it-trattament ugwali bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u d-detenturi tal-Karta Blu tal-UE fir-rigward tal-paga, meta huma jkunu f’sitwazzjonijiet komparabbli.

(17)

It-trattament ugwali għad-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE ma jkoprix miżuri fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali li huma koperti taħt skemi ta’ assistenza soċjali.

(18)

Id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE għandhom igawdu trattament ugwali fir-rigward tas-sigurtà soċjali. Il-fergħat tas-sigurtà soċjali huma definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità (8). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 tal-14 ta’ Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (9) jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għal ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti legali fil-Komunità u li huma f’sitwazzjoni transkonfinali. Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali fir-rigward tas-sigurtà soċjali f’din id-Direttiva japplikaw ukoll direttament għal persuni li jkunu qed jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru direttament minn pajjiż terz, sakemm il-persuna kkonċernata qiegħda tirrisjedi legalment bħala detentur ta’ Karta Blu valida tal-UE, ukoll matul il-perijodu ta’ qgħad temporanju, u hija tissodisfa l-kondizzjonijiet, stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali, għall-eliġibbiltà għall-benefiċċji tas-siġurtà soċjali kkonċernati.

Madankollu, din id-Direttiva m’għandhiex tagħti lid-detentur tal-Karta Blu tal-UE aktar drittijiet minn dawk previsti diġà fil-liġi Komunitarja eżistenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal ċittadini ta’ pajjiż terz li jkollhom elementi transkonfinali bejn Stati Membri. Aktar minn hekk, din id-Direttiva m’għandhiex tagħti drittijiet fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li huma barra mill-ambitu tal-liġi Komunitarja bħal, per eżempju, is-sitwazzjoni ta’ membri tal-familja li huma residenti f’pajjiż terz.

(19)

Il-kwalifiki professjonali miksubin minn ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu rikonoxxuti bl-istess mod kif isir għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-kwalifiki miksubin f’pajjiż terz għandhom jiġu kkunsidrati konformement mad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (10).

(20)

Il-mobbiltà ġeografika fil-Komunità għandha tkun ikkontrollata u dipendenti mid-domanda matul l-ewwel perijodu ta’ soġġorn legali ta’ ħaddiem ta’ pajjiż terz bi kwalifiki għoljin. Id-derogi mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul (11) għandhom ikunu previsti sabiex ma jiġux penalizzati ħaddiema ta’ pajjiż terz bi kwalifiki għoljin ġeografikament mobbli li għadhom ma kisbux l-istatus ta’ resident KE għal perijodu fit-tul, previst f’dik id-Direttiva, u biex tkun imħeġġa l-migrazzjoni ġeografika u ċirkolari.

(21)

Il-mobbiltà ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għoljin bejn il-Komunità u l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom għandha titrawwem u tiġi appoġġata. Id-derogi mid-Direttiva 2003/109/KE għandhom ikunu previsti sabiex jiġi estiż il-perijodu ta’ assenza mit-territorju tal-Komunità mingħajr ma jiġi interrott il-perijodu ta’ residenza legali u kontinwa meħtieġ għal eliġibbiltà għall-istatus ta’ resident tal-KE għal perijodu fit-tul. Għandhom ikunu permessi wkoll perijodi itwal ta’ assenza minn dawk previsti fid-Direttiva 2003/109/KE wara li ħaddiema ta’ pajjiż terz bi kwalifiki għoljin ikunu kisbu l-istatus ta’ resident tal-KE għal perijodu fit-tul biex tiġi inkoraġġita l-migrazzjoni ċirkolari tagħhom.

(22)

Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jwettqu reklutaġġ attiv f’setturi li qed ibatu minn nuqqas ta’ persunal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għandhom jiġu żviluppati linji politiċi u prinċipji ta’ reklutaġġ etiku applikabbli għall-impjegati tas-settur pubbliku u privat f’setturi ewlenin, pereżempju s-settur tas-saħħa, kif issottolinjat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill u tal-Istati Membri tal-14 ta’ Mejju 2007 dwar il-Programm Ewropew għal Azzjoni biex jiġi indirizzat in-nuqqas kritiku ta’ ħaddiema fil-kura tas-saħħa fil-pajjżi li qed jiżviluppaw (2007-2013), u s-settur tal-edukazzjoni, kif adatt. Dawn għandhom jissaħħu bl-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi, linji gwida u għodod oħra biex tiġi ffaċilitata, kif jixraq, il-migrazzjoni ċirkolari u temporanja, kif ukoll miżuri oħra li jimminimizzaw l-impatti negattivi u jimmassimizzaw dawk pożittivi tal-immigrazzjoni ta’ kapaċità għolja fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex “l-eżodu ta’ mħuħ” jinbidel f’ “kisba ta’ mħuħ”.

(23)

Kondizzjonijiet favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja u għal aċċess għax-xogħol għal konjuġi għandu jkun element fundamentali ta’ din id-Direttiva li timmira li tkun attraenti għall-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għoljin. Sabiex jinkiseb dan l-għan għandhom jiġu previsti derogi speċifiċi għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (12). Id-deroga inkluża fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu kondizzjonijiet u miżuri ta’ integrazzjoni, inkluż it-tagħlim tal-lingwi, għall-membri tal-familja ta’ detentur ta’ Karta Blu tal-UE.

(24)

Għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ rappurtar dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tal-11 ta’ Lulju 2007, bil-ħsieb li jiġu identifikati u eventwalment jiġu indirizzati l-impatti possibli fir-rigward tal-“eżodu ta’ mħuħ” fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u sabiex jiġi evitat “it-telf ta’ mħuħ”. L-informazzjoni rilevanti għandha tiġi trasmessa kull sena mill-Istati Membri lill-Kummissjoni konformement mar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali (13).

(25)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ proċedura speċjali ta’ ammissjoni u l-adozzjoni ta’ kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza għal aktar minn tliet xhur applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin u l-membri tal-familji tagħhom, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, speċjalment fir-rigward li tiġi żgurata l-mobbiltà tagħhom bejn l-Istati Membri, u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(26)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti partikolarment mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(27)

Konformement mal-paragrafu 34 tal-Ftehim interistituzzjonali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (14), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, l-iskedi tagħhom li, sa fejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta’ trasposizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

(28)

Konformement mal-Artikoli 1 u 2 tal-Prokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, dawn l-Istati Membri mhux qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbutin biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(29)

Konformement mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiddetermina:

(a)

il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza għal aktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istati Membri ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, bħala detenturi ta’ Karta Blu tal-UE, u tal-membri tal-familja tagħhom,

(b)

il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-membri tal-familja tagħhom fil-punt (a) fi Stati Membri minbarra l-ewwel Stat Membru.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

(b)

“impjieg bi kwalifiki għoljin” tfisser l-impjieg ta’ persuna li:

fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali dwar l-impjieg u/jew konformement mal-prattika nazzjonali, irrispettivament mir-relazzjoni ġuridika, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ xogħol ġenwin u effettiv għal jew taħt id-direzzjoni ta’ xi ħadd ieħor,

titħallas tax-xogħol, u

għandha l-kompetenza adegwata u speċifika, li hi ppruvata bi kwalifiki professjonali ogħla;

(c)

“Karta Blu tal-UE” tfisser l-awtorizzazzjoni bit-terminu “Karta Blu tal-UE” li tintitola lid-detentur jirrisjedi u jaħdem fit-territorju ta’ Stat Membru taħt it-termini ta’ din id-Direttiva;

(d)

“l-ewwel Stat Membru” tfisser l-Istat Membru li l-ewwel jagħti lil ċittadini ta’ pajjiż terz il-“Karta Blu tal-UE”;

(e)

“it-tieni Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru minbarra l-ewwel Stat Membru;

(f)

“membri tal-familja” tfisser iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif definit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86/KE;

(g)

“kwalifiki professjonali ogħla” tfisser kwalifiki attestati b’evidenza ta’ kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla jew, b’deroga, meta tkun prevista fil-liġi nazzjonali, b’mhux inqas minn ħames snin ta’ esperjenza professjonali ta’ livell komparabbli għal kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla u li huma rilevanti fil-professjoni jew is-settur speċifikat fil-kuntratt tax-xogħol jew l-offerta vinkolanti ta’ impjieg;

(h)

“kwalifika ta’ edukazzjoni ogħla” tfisser kwalunkwe diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali maħruġa minn awtorità kompetenti li tagħti prova tat-tlestija b’suċċess ta’ programm post-sekondarju ta’ edukazzjoni ogħla, jiġifieri sett ta’ korsijiet ipprovduti minn stabbiliment edukattiv rikonoxxut bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla mill-Istat li jinsab fih. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, kwalifika ta’ edukazzjoni ogħla għandha tiġi kkunsidrata, bil-kondizzjoni li l-istudji meħtieġa għall-kisba tagħha kienu ta’ mill-inqas tliet snin;

(i)

“esperjenza professjonali” tfisser iż-żmien veru u leġittimu fil-professjoni kkonċernata;

(j)

“professjoni regolata” tfisser professjoni regolata kif definita fl-Artikolu 3(1) (a) tad-Direttiva 2005/36/KE.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin taħt it-termini ta’ din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)

huma awtorizzati li jirrisjedu fi Stat Membru abbażi ta’ protezzjoni temporanja jew li jkunu applikaw għal awtorizzazzjoni biex jirrisjedu fuq dak il-bażi u qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom;

(b)

li jibbenefikaw minn protezzjoni interna taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (15) jew li applikaw għal protezzjoni internazzjonali taħt dik id-Direttiva u li l-applikazzjoni tagħhom għadha ma wasslitx għal deċiżjoni finali;

(c)

li jibbenefikaw minn protezzjoni konformement mal-liġi nazzjonali, l-obbligi jew il-prattika internazzjonali tal-Istat Membru jew li applikaw għal protezzjoni konformement mal-liġi nazzjonali, l-obbligi internazzjonali jew il-prattika tal-Istati Membri u li l-applikazzjoni tagħhom għadha ma wasslitx għal deċiżjoni finali;

(d)

li japplikaw biex jirrisjedu fi Stat Membru bħala riċerkaturi fit-tifsira tad-Direttiva 2005/71/KE sabiex iwettqu proġett ta’ riċerka;

(e)

li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw, jew li qed jeżerċitaw, id-dritt tagħhom għal moviment liberu fil-Komunità konformement mad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (16);

(f)

li jgawdu minn status tal-KE ta’ resident għal perijodu fit-tul fi Stat Membru konformement mad-Direttiva 2003/109/KE u jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu attività ekonomika f’kapaċità ta’ impjegati jew għal rashom;

(g)

li jidħlu fi Stat Membru taħt impenji li jinsabu fi ftehim internazzjonali li jiffaċilita d-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni fiżiċi konnessi mal-kummerċ u l-investiment;

(h)

li ġew ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru bħala ħaddiema staġunali;

(i)

li t-tkeċċija tagħhom ġiet sospiża għal raġunijiet ta’ fatt jew ta’ dritt;

(j)

li huma koperti mid-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ pestazzjoni ta’ servizzi (17), sakemm jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Barra minn hekk, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għall-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li, taħt xi ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u dawn il-pajjiżi terzi jgawdu d-drittijiet għal moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni.

3.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim bejn il-Komunità u/jew l-Istati Membri tagħha u pajjiż terz wieħed jew aktar li jelenka l-professjonijiet li m’għandhomx jaqgħu taħt din id-Direttiva sabiex jiżgura reklutaġġ etiku, f’setturi li jbatu minn nuqqas ta’ persunal, filwaqt li jitħarsu r-riżorsi umani fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jkunu firmatarji għal tali ftehim.

4.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li joħorġu permessi ta’ residenza oħrajn minbarra l-Karta Blu tal-UE għal kwalunkwe fini ta’ impjieg. Dawn il-permessi ta’ residenza m’għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra kif previst f’din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’:

(a)

liġi Komunitarja, inklużi strumenti ta’ ftehim bilaterali u multilaterali konklużi bejn il-Komunità jew bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u pajjiż terz wieħed jew aktar;

(b)

strumenti ta’ ftehim bilaterali u multilaterali konklużi bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għal persuni li għalihom hija tapplika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ din id-Direttiva:

(a)

l-Artikoli 5(3) f’applikazzjoni tal-Artikolu 18;

(b)

l-Artikoli 11, 12(1), it-tieni sentenza, 12(2), 13, 14, 15 u 16(4).

KAPITOLU II

KONDIZZJONIJIET TA’ AMMISSJONI

Artikolu 5

Kriterji għall-ammissjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(1), ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għal Karta Blu tal-UE taħt it-termini ta’ din id-Direttiva għandu:

(a)

jippreżenta kuntratt validu ta’ xogħol jew, kif previst fil-liġi nazzjonali, offerta vinkolanti ta’ impjieg għal impjieg ta’ kwalifiki għoljin ta’ mill-inqas sena fl-Istat Membru kkonċernat;

(b)

jippreżenta dokument li juri li hu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali għall-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tal-professjoni regolata speċifikata fil-kuntratt tax-xogħol jew l-offerta vinkolanti ta’ impjieg kif previst fil-liġi nazzjonali;

(c)

għall-professjonijiet mhux regolati, jippreżenta d-dokumenti li jagħtu prova tal-kwalifiki professjonali ogħla fl-impjieg jew is-settur speċifikat rilevanti fil-kuntratt tax-xogħol jew fl-offerta vinkolanti ta’ impjieg kif previst fil-liġi nazzjonali;

(d)

jippreżenta dokument validu ta’ vjaġġar, kif determinat mil-liġi nazzjonali, applikazzjoni għal viża jew viża, jekk meħtieġ, u evidenza ta’ permess ta’ residenza validu jew ta’ viża nazzjonali għal perijodu fit-tul jekk ikun adatt. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-perijodu ta’ validità tad-dokument ta’ vjaġġar ikopri l-minimu ta’ żmien inizjali tal-permess ta’ residenza;

(e)

jippreżenta evidenza li għandu japplika, jew jekk previst fil-liġi nazzjonali, li applika għal assigurazzjoni tal-mard għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat għall-perjodi fejn l-ebda tali kopertura minn assigurazzjoni u intitolament korrispondenti għall-benefiċċji mhuma provduti f’rabta ma’, jew li jirriżultaw minn, il-kuntratt ta’ xogħol;

(f)

m’għandhiex titqies li tkun ta’ theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-applikant jipprovdi l-indirizz tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   Minbarra l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, is-salarju gross annwali li jirriżulta mis-salarju fix-xahar jew annwali speċifikat fil-kuntratt ta’ xogħol jew l-offerta vinkolanti ta’ impjieg m’għandux ikun inqas mil-limitu rilevanti ta’ salarju definit u ppublikat għal dak il-fini mill-Istati Membri li għandu jkun mill-inqas 1,5 darbiet tal-medja tas-salarju annwali gross fl-Istat Membru kkonċernat.

4.   Meta jimplimentaw il-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha fil-liġijiet applikabbli, fi ftehim jew prattika kollettivi fil-fergħat relatati max-xogħol rilevanti għal impjieg bi kwalifiki għoljin.

5.   B’deroga mill-paragrafu 3, u għal impjieg fi professjonijiet li b’mod partikolari jeħtieġu ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li jappartjenu għall-gruppi ewlenin 1 u 2 tal-ISCO, il-limitu minimu ta’ salarju jista’ jkun mill-inqas 1,2 darbiet tal-medja tas-salarju gross annwali fl-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika kull sena lill-Kummissjoni il-lista tal-professjonijiet li għalihom ġiet deċiża deroga.

6.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull ftehim jew prattika kollettivi applikabbli fil-fergħat relatati max-xogħol rilevanti għal impjieg bi kwalifiki għoljin.

Artikolu 6

Volumi ta’ ammissjoni

Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-volum ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tiegħu għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin.

KAPITOLU III

KARTA BLU TAL-UE, PROĊEDURA U TRASPARENZA

Artikolu 7

Karta Blu tal-UE

1.   Ċittadin ta’ pajjiż terz li applika u ssodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 u li għalih l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu deċiżjoni pożittiva konformement mal-Artikolu 8, għandu jingħata Karta Blu tal-UE.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kull faċilità biex jikseb il-viżi meħtieġa.

2.   L-Istati Membri għandhom perijodu standard ta’ validità tal-Karta Blu tal-UE, li għandu jkun bejn sena u erba’ snin. Jekk il-kuntratt tax-xogħol ikopri perijodu ta’ inqas minn dan il-perijodu, il-Karta Blu tal-UE għandha tinħareġ jew tiġġedded għat-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ xogħol b’żieda ta’ tliet xhur.

3.   Il-Karta Blu tal-UE għandha tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru bl-użu tal-format uniformi stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002. Konformement mal-punt (a) 7.5-9 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jindikaw fuq il-Karta Blu tal-UE l-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol kif stabbilit fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-Direttiva. Taħt l-intestatura “tip ta’ permess” fil-permess ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom idaħħlu l-indikazzjoni “Karta Blu tal-UE”.

4.   Matul il-perijodu ta’ validità tagħha, id-detentur tal-Karta Blu tal-UE jkun intitolat:

(a)

jidħol, jerġa’ jidħol u joqgħod fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-Karta Blu tal-UE;

(b)

għad-drittijiet rikonoxxuti f’din id-Direttiva.

Artikolu 8

Raġunijiet għal rifjut

1.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE kull meta l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 jew kull meta d-dokumenti ppreżentati jkunu ġew akkwistati b’mod frawdolenti, jew falsifikati jew imbagħbsa.

2.   Qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal Karta Blue tal-UE, u meta qed jiġu kkunsidrati it-tiġdid jew l-awtorizzazzjonijiet taħt l-Artikolu 12(1) u (2) matul l-ewwel sentejn ta’ impjieg legali bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jeżaminaw is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhom u japplikaw il-proċeduri nazzjonali tagħhom dwar il-kondizzjonijiet għal mili ta’ pożizzjoni battala.

L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-pożizzjoni battala kkonċernata ma setgħetx timtela minn ħaddiema nazzjonali jew Komunitarji, jew minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment residenti f’dak l-Istat Membru u li diġà jifformaw parti mis-suq tax-xogħol tiegħu minħabba l-liġi Komunitarja jew dik nazzjonali, jew minn residenti fit-tul tal-KE li jixtiequ jmorru f’dak l-Istat Membru għal impjieg ta’ kwalifiki għoljin skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109/KE.

3.   Applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE tista’ titqies bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 6.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE biex jiżgura reklutaġġ etiku f’setturi li jbatu minn nuqqas ta’ persunal kwalifikat fil-pajjiżi tal-oriġini.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE jekk min iħaddem kien issanzjonat konformement mal-liġi nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali.

Artikolu 9

Irtirar jew rifjut ta’ tiġdid tal-Karta Blu tal-UE

1.   L-Istati Membri għandhom jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu Karta Blu tal-UE maħruġa abbażi ta’ din id-Direttiva fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta din tkun inkisbet b’mod frawdolenti, jew ġiet falsifikata jew imbagħbsa;

(b)

kull meta jidher li d-detentur ma ssodisfax jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet għal dħul u residenza stabbiliti f’din id-Direttiva jew li qed jirrisjedi għal finijiet oħrajn barra dawk li għalihom id-detentur ġie awtorizzat jirrisjedi;

(c)

meta d-detentur ma rrispettax il-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 12(1) u (2) u 13.

2.   In-nuqqas ta’ komunikazzjoni taħt l-Artikolu 12(2), it-tieni subparagrafu u 13(4) m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala raġuni insuffiċjenti għall-irtirar jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ Karta Blu tal-UE jekk id-detentur jista’ juri evidenza li l-komunikazzjoni ma waslitx għand l-awtoritajiet kompetenti għal raġuni indipendenti mir-rieda tad-detentur.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu Karta Blu tal-UE maħruġa abbażi ta’ din id-Direttiva fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika;

(b)

kull fejn id-detentur tal-Karta Blu tal-UE ma jkollux riżorsi suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u, fejn applikabbli, il-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jieħdu kont tal-livell tal-pagi minimi nazzjonali u l-pensjonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja tal-persuna kkonċernata. Tali evalwazzjoni m’għandhiex isseħħ matul il-perijodu ta’ qgħad imsemmi fl-Artikolu 13;

(c)

jekk il-persuna kkonċernata ma kkomunikatx l-indirizz tagħha;

(d)

meta d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE japplika għall-assistenza soċjali, sakemm l-informazzjoni, bil-miktub, meħtieġa ġiet mogħtija lilu minn qabel mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 10

Applikazzjonijiet għal ammissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għal Karta Blu tal-UE għandhomx isiru miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u/jew minn min jimpjegah.

2.   L-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata u eżaminata jew meta ċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz ikun qed jirrisjedi barra t-territorju tal-Istat Membru li fih jixtieq jidħol jew meta hu jkun diġà qed jirrisjedi f’dak l-Istat Membru bħala detentur ta’ permess ta’ residenza validu jew viża nazzjonali għal perijodu fit-tul.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, Stat Membru jista’ jaċċetta, taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, applikazzjoni ppreżentata meta ċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta’ permess ta’ residenza validu iżda jkun legalment preżenti fit-territorju tiegħu.

4.   B’deroga mill-paragrafu 2, Stat Membru jista’ jipprevedi li applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata biss minn barra t-territorju tiegħu, sakemm tali limitazzjonijiet, jew għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi jew għal kategoriji speċifiċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ikunu diġà stabbiliti fil-liġi nazzjonali eżistenti fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 11

Salvagwardji proċedurali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompluta għal Karta Blu tal-UE u jinnotifikaw l-applikant bil-miktub, konformement mal-proċeduri ta’ notifika stabbiliti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn 90 jum minn meta ssir l-applikazzjoni.

Il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti għandha tiddetermina kwalunkwe konsegwenza tan-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni sa tmiem il-perijodu previst fl-ewwel subparagrafu.

2.   Fejn l-informazzjoni jew id-dokumenti pprovduti b’appoġġ tal-applikazzjoni jkunu inadegwati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant dwar l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u jistabbilixxu skadenza raġonevoli biex jipprovduha. Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sospiż sakemm l-awtoritajiet jirċievu l-informazzjoni jew id-dokumenti addizzjonali meħtieġa. Jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti addizzjonali ma jkunux ġew ipprovduti fi żmien l-iskadenza, l-applikazzjoni tista’ tiġi rrifjutata.

3.   Kwalunkwe deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE, jew deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tiġdid jew deċiżjoni ta’ irtirar ta’ Karta Blu tal-UE, għandha tiġi nnotifikata bil-miktub liċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz u, fejn rilevanti, lil min jimpjegah konformement mal-proċeduri ta’ notifika taħt il-liġi nazzjonali rilevanti u din tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, konformement mal-liġi nazzjonali. In-notifika għandha tispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjoni, il-proċeduri possibbli ta’ rimedju disponibbli u l-limitu ta’ żmien biex tittieħed azzjoni.

KAPITOLU IV

DRITTIJIET

Artikolu 12

Aċċess għas-suq tax-xogħol

1.   Għall-ewwel sentejn ta’ impjieg legali fl-Istat Membru kkonċernat bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE, l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-persuna kkonċernata għandu jkun ristrett għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ impjieg imħallas li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal ammissjoni mniżżlin fl-Artikoli 5. Wara dawn l-ewwel sentejn, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-persuni kkonċernati trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini tagħhom fir-rigward tal-aċċess għal impjieg bi kwalifiki għoljin.

2.   Għall-ewwel sentejn ta’ impjieg legali fl-Istat Membru kkonċernat bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE, bidliet ta’ min jimpjega għandhom ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni preċedenti bil-miktub tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza, konformement mal-proċeduri nazzjonali u fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 11(1). Il-modifiki li jaffetwaw il-kondizzjonijiet għal ammissjoni għandhom ikunu suġġetti għal komunikazzjoni minn qabel jew, jekk ikunu previsti mil-liġi nazzjonali, għal awtorizzazzjoni minn qabel.

Wara dawn l-ewwel sentejn, fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jagħmilx użu mill-possibbiltà prevista fil-paragrafu 1 rigward trattament ugwali, il-persuna kkonċernata għandha, konformement mal-proċeduri nazzjonali, tikkomunika l-bdil li jaffettwa l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 5 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu restrizzjonijiet dwar aċċess għall-impjieg, sakemm tali attivitajiet ta’ impjieg jitolbu involviment okkażjonali fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika u responsabbiltà għall-ħarsien tal-interess ġenerali tal-Istat u fejn, taħt il-liġi nazzjonali jew Komunitarja eżistenti, dawn l-attivitajiet huma riżervati għaċ-ċittadini tal-pajjiż.

4.   L-Istati Membri jistgħu jżommu restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal attivitajiet ta’ impjieg fil-każijiet fejn, taħt il-liġi nazzjonali jew Komunitarja eżistenti, dawn l-attivitajiet ikunu riżervati għaċ-ċittadini tagħhom, iċ-ċittadini tal-Unjoni jew iċ-ċittadini taż-ŻEE.

5.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-preferenza Komunitarja kif espress fl-Atti ta’ Adeżjoni tal-2003 u tal-2005, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati għall-aċċess għas-suq tax-xogħol.

Artikolu 13

Qgħad temporanju

1.   Il-qgħad fih innifsu m’għandux jikkostitwixxi raġuni għall-irtirar ta’ Karta Blu tal-UE, sakemm il-perijodu tal-qgħad ma jkunx aktar minn tliet xhur konsekuttivi, jew ma jkunx aktar minn darba matul il-perijodu ta’ validità ta’ Karta Blu tal-UE.

2.   Matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, id-detentur tal-Karta Blu tal-UE għandu jkun jista’ jfittex u jaċċetta impjieg taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12.

3.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lid-detentur tal-Karta Blu tal-UE jibqa’ fit-territorju tagħhom sakemm tingħata jew tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 12(2). Il-komunikazzjoni taħt l-Artikolu 12(2) għandha awtomatikament ittemm il-perijodu ta’ qgħad.

4.   Id-detentur tal-Karta Blu tal-UE għandu jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza dwar il-bidu tal-perijodu ta’ qgħad, konformement mal-proċeduri nazzjonali rilevanti.

Artikolu 14

Trattament ugwali

1.   Id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE għandhom igawdu minn trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini tal-Istat Membru li ħareġ il-Karta Blu, fir-rigward ta’:

(a)

il-kondizzjonijiet ta’ impjieg, inklużi l-paga u s-sensja, kif ukoll tar-rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

(b)

il-libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ta’ organizzazzjoni li tirrappreżenta l-ħaddiema jew lil min iħaddem jew ta’ xi organizzazzjoni li l-membri tagħha jkunu jwettqu xi xogħol speċifiku, inklużi l-benefiċċji konferiti minn dawk l-organizzazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet nazzjonali dwar il-politika pubblika u s-sigurtà pubblika;

(c)

l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(d)

ir-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra, konformement mal-proċeduri nazzjonali rilevanti;

(e)

id-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali dwar il-fergħat tas-sigurtà soċjali, kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/1971. Id-dispożizzjonijiet speċjali fl-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 għandhom japplikaw kif meħtieġ;

(f)

mingħajr preġudizzju għal strumenti ta’ ftehim bilaterali eżistenti, il-ħlas ta’ dħul relatat ma’ pensjonijiet statutorji miksubin fir-rigward ta’ età avvanzata, bir-rata applikata taħt il-liġi tal-Istat Membru debitur jew l-Istati Membri debituri meta jiċċaqilqu għal pajjiż terz;

(g)

aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi disponibbli għall-pubbliku, inklużi l-proċeduri għall-kisba ta’ dar, kif ukoll is-servizzi ta’ informazzjoni u konsulenza mogħtija minn uffiċċji tal-impjieg;

(h)

aċċess liberu għat-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat, fil-limiti previsti fil-liġi nazzjonali.

2.   Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-punti (c) u (g), l-Istat Membru konċernat jista’ jillimita t-trattament ugwali fir-rigward ta’ għotjiet u self għal studju u manteniment jew għotjiet u self oħra rigward l-edukazzjoni sekondarja u għola u t-taħriġ vokazzjonali, u proċeduri għall-kisba ta’ abitazzjoni.

Fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (c):

(a)

l-aċċess għall-università u l-edukazzjoni post-sekondarja jista’ jkun suġġett għal prerekwiżiti speċifiċi taħt il-liġi nazzjonali;

(b)

l-Istat Membru kkonċernat jista’ jillimita t-trattament ugwali għall-każijiet meta r-residenza rreġistrata jew il-post normali ta’ residenza tad-detentur tal-Karta Blu tal-UE, jew dak tal-membru tal-familja li għalih issir talba għal benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju tiegħu.

Il-paragrafu (1)(g) ghandu jkun mingħajr preġudizzju għal-libertà ta’ kuntratt taħt il-liġi Komunitarja u l-liġi nazzjonali.

3.   Id-dritt għal trattament ugwali kif stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru biex jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-Karta Blu tal-UE konformement mal-Artikolu 9.

4.   Meta d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jiċċaqlaq għat-tieni Stat Membru konformement mal-Artikolu 18 u tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni pożittiva dwar il-ħruġ tal-Karta Blu tal-UE, l-Istat Membru jista’ jillimita t-trattament ugwali fl-oqsma elenkati fil-paragrafu 1, minbarra l-punti (b) u (d). Jekk, matul dan il-perijodu, l-Istati Membri jippermettu li l-applikant jaħdem, għandu jingħata trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini tat-tieni Stat Membru fl-oqsma kollha tal-paragrafu 1.

Artikolu 15

Membri tal-familja

1.   Id-Direttiva 2003/86/KE għandha tapplika bid-derogi stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   B’deroga mill-Artikoli 3(1) u 8 tad-Direttiva 2003/86/KE, ir-rijunifikazzjoni tal-familja m’għandhiex tiddipendi mir-rekwiżita tad-detentur tal-Karta Blu tal-UE li jkollu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti u li jkollu perijodu minimu ta’ residenza.

3.   B’deroga mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86/KE, il-kondizzjonijiet u l-miżuri ta’ integrazzjoni msemmijin fiha jistgħu japplikaw biss wara li l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja.

4.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86/KE, il-permessi ta’ residenza għall-membri tal-familja għandhom jingħataw, fejn il-kondizzjonijiet għar-riunifikazzjoni ta’ familja huma sodisfatti, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data ta’ meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

5.   B’deroga mill-Artikolu 13(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86/KE, it-tul ta’ żmien tal-validità tal-permessi ta’ residenza tal-membri tal-familja għandu jkun l-istess bħal dak tal-permessi ta’ residenza maħruġa lid-detentur tal-Karta Blu tal-UE safejn il-perijodu ta’ validità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom jippermettu dan.

6.   B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/86/KE, l-Istati Membri m’għandhom japplikaw ebda limitu ta’ żmien fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol.

Dan il-paragrafu huwa applikabbli mis-19 ta’ Diċembru 2011.

7.   B’deroga mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/86/KE, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ ħames snin ta’ residenza meħtieġa għall-kisba ta’ permess awtonomu ta’ residenza, tista’ tiġi akkumulata r-residenza fi Stati Membri differenti.

8.   Jekk l-Istati Membri jirrikorru għall-għażla prevista fil-paragrafu 7, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-akkumulazzjoni ta’ perijodi ta’ residenza fi Stati Membri differenti mid-detentur ta’ Karta Blu tal-UE għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 16

Status ta’ resident tal-KE għal perijodu fit-tul għad-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE

1.   Id-Direttiva 2003/109/KE għandha tapplika bid-derogi stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   B’deroga mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109/KE, id-detentur ta’ Karta Blu tal-UE li għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva jista’ jakkumula l-perijodi ta’ residenza fi Stati Membri differenti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti dwar it-tul ta’ residenza, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin.

(a)

ħames snin ta’ residenza legali u kontinwa fit-territorju tal-Komunità bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE; u

(b)

residenza legali u kontinwa ta’ sentejn immedjatament qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni rilevanti bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE fit-territorju tal-Istat Membru, fejn tkun ippreżentata l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza tal-KE għal perijodu fit-tul.

3.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu ta’ residenza legali u kontinwa fil-Komuità u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2003/109/KE, perijodi ta’ assenza mit-territorju tal-Komunità m’għandhomx jinterrompu l-perijodu msemmi fil-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu jekk huma anqas minn tnax-il xahar konsekuttivi u b’kollox ma jeċċedux tmintax-il xahar fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll f’każijiet fejn id-detentur ta’ Karta Blu tal-UE m’għamilx użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 18.

4.   B’deroga mill-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2003/109/KE, l-Istati Membri għandhom jestendu għal 24 xahar konsekuttivi l-perijodu ta’ assenza mit-territorju tal-Komunità li jkun permess lil resident tal-KE għal perijodu fit-tul, li huwa detentur ta’ permess ta’ residenza għal perijodu fit-tul mar-rimarka msemmija fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-Direttiva, u tal-membri tal-familja tiegħu li ngħataw status ta’ residenti tal-KE għal perijodu fit-tul.

5.   Id-derogi mid-Direttiva 2003/109/KE mniżżlin fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu limitati għall-każijiet fejn iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz jista’ jippreżenta evidenza li hu kien assenti mit-territorju tal-Komunità biex jeżerċita attività ekonomika f’kapaċità ta’ impjegat jew impjieg għal rasu, jew biex iwettaq servizz volontarju jew biex jistudja fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

6.   L-Artikoli 14(1)(f) u 15 għandhom ikomplu japplikaw għal detenturi ta’ permess ta’ residenza għal perijodu fit-tul flimkien mar-rimarka msemmija fl-Artikolu 17(2), fejn applikabbli, wara li d-detentur tal-Karta Blu tal-UE jkun sar resident tal-KE għal perijodu fit-tul.

Artikolu 17

Permess ta’ residenza għal perijodu fit-tul

1.   Id-detenturi tal-Karta Blu tal-UE li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva għall-akkwist ta’ status ta’ resident tal-KE għal perijodu fit-tul għandhom jingħataw permess ta’ residenza konformement mal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

2.   Fil-permess ta’ residenza msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, taħt l-intestatura “rimarki”, l-Istati Membri għandhom idaħħlu l-indikazzjoni “Preċedentement detentur ta’ Karta Blu tal-UE”.

KAPITOLU V

RESIDENZA FI STATI MEMBRI OĦRAJN

Artikolu 18

Kondizzjonijiet

1.   Wara tmintax-il xahar ta’ residenza legali fl-ewwel Stat Membru bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE, il-persuna kkonċernata u l-membri tal-familja tagħha jistgħu jiċċaqalqu għal Stat Membru ieħor minbarra l-ewwel Stat Membru għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn xahar wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, id-detentur ta’ Karta Blu tal-UE u/jew dak li jimpjegah għandu jippreżenta applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru u jippreżenta d-dokumenti kollha li juru li hu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 għat-tieni Stat Membru. It-tieni Stat Membru jista’ jiddeċiedi, taħt il-liġi nazzjonali, li ma jħallix lill-applikant jaħdem sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti tiegħu.

3.   L-applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata wkoll lill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru waqt li d-detentur tal-Karta Blu tal-UE jkun għadu qed jirrisjedi fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

4.   Konformement mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 11, it-tieni Stat Membru għandu jipproċessal-applikazzjoni u jinforma bil-miktub lill-applikant u lill-ewwel Stat Membru dwar id-deċiżjoni tiegħu li:

(a)

joħrog Karta Blu tal-UE u jippermetti lill-applikant jirrisjedi fit-territorju tiegħu għal impjieg bi kwalifiki għoljin fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 14, jew

(b)

jirrifjuta li joħroġ Karta Blu tal-UE u jobbliga lill-applikant u l-membri tal-familja tiegħu, konformement mal-proċeduri previsti mil-liġi nazzjonali, inklużi l-proċeduri ta’ tkeċċija, biex jitlaq mit-territorju tiegħu fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jkunux sodisfatti. L-ewwel Stat Membru għandu jerġa’ jdaħħal immedjatament u mingħajr formalitajiet lid-detentur tal-Karta Blu tal-UE u l-membri tal-familja tiegħu. Dan għandu japplika wkoll jekk il-Karta Blu maħruġa mill-ewwel Stat Membru tkun skadiet jew ġiet irtirata matul l-eżami tal-applikazzjoni. L-Artikolu 13 għandu japplika wara r-riammissjoni.

5.   Jekk il-Karta Blu tal-UE maħruġa mill-ewwel Stat Membru tiskadi matul il-proċedura, l-Istati Membri jistgħu joħorġu, jekk meħtieġ mid-dritt nazzjonali, permessi ta’ residenza temporanji nazzjonali, jew awtorizzazzjonijiet ekwivalenti, li jippermettu lill-applikant ikompli jirrisjedi legalment fit-territorju tiegħu sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

6.   L-applikant u/jew min jimpjegah jista’ jinżamm responsabbli għall-ispejjeż relatati mar-ritorn u r-riammissjoni tad-detentur tal-Karta Blu tal-UE u tal-membri tal-familja tiegħu, inklużi l-ispejjeż imwettqin mill-fondi pubbliċi fejn applikabbli, taħt il-paragrafu 4(b).

7.   Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw il-volumi ta’ ammissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6.

8.   Mit-tieni darba li d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE, u fejn applikabbli, il-membri tal-familja tiegħu, jagħmlu użu mill-possibbiltà li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor taħt it-termini ta’ dan il-Kapitolu, “l-ewwel Stat Membru” għandu jitqies li jkun l-Istat Membru minn fejn il-persuna kkonċernata tiċċaqlaq u “t-tieni Stat Membru” għandu jitqies li jkun l-Istat Membru fejn tapplika biex tirrisjedi.

Artikolu 19

Residenza fit-tieni Stat Membru għall-membri tal-familja

1.   Meta d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jiċċaqlaq għat-tieni Stat Membru taħt l-Artikolu 18 u meta l-familja tkun diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, il-membri tal-familja tiegħu għandhom jiġu awtorizzati jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu.

2.   Mhux aktar tard minn xahar wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, il-membri tal-familja kkonċernati jew id-detentur tal-karta Blu tal-UE, taħt il-liġi nazzjonali, għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala membru tal-familja lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.

F’każijiet fejn il-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja maħruġ mill-ewwel Stat Membru jiskadi matul il-proċedura jew ma jintitolax aktar lid-detentur li jirrisjedi legalment fit-territorju tat-tieni Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuna tkompli tirrisjedi fit-territorju tagħhom, jekk meħtieġ, billi joħorġu permessi ta’ residenza nazzjonali temporanji, jew awtorizzazzjonijiet ekwivalenti, li jippermettu lill-applikant ikompli jirrisjedi legalment fit-territorju tagħhom mad-detentur tal-Karta Blu tal-UE sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru.

3.   It-tieni Stat Membru jista’ jeħtieġ li l-membri tal-familja konċernati jippreżentaw mal-applikazzjoni tagħhom għal permess tar-residenza:

(a)

il-permess ta’ residenza tagħhom fl-ewwel Stat Membru u dokument validu tal-ivvjaġġar jew il-kopji ċċertifikati tagħhom, kif ukoll viża, jekk meħtieġ;

(b)

evidenza li jkunu rrisjedew bħala membri tal-familja tad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE fl-ewwel Stat Membru;

(c)

evidenza li għandhom assigurazzjoni ta’ mard li tkopri r-riskji kollha fit-tieni Stat Membru, jew li d-detentur tal-Karta Blu tal-UE għandu tali assigurazzjoni għalihom.

4.   It-tieni Stat Membru jista’ jeħtieġ li d-detentur tal-Karta Blu jagħti evidenza li d-detentur:

(a)

għandu akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli fl-istess reġjun u li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sigurtà fl-Istat Membru kkonċernat;

(b)

għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jirrikorri għall-għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jieħdu kont tal-livell tal-pagi minimi nazzjonali u l-pensjonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja.

5.   Id-derogi li jinsabu fl-Artikolu 15 għandhom ikomplu japplikaw mutatis mutandis

6.   Fejn il-familja ma tkunx diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, għandu japplika l-Artikolu 15.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Miżuri implimentattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jekk miżuri leġislattivi jew regolatorji huma ppromulgati fir-rigward tal-Artikoli 6, 8(2) u 18(6).

Dawk l-Istati Membri li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra deċiżjoni debitament iġġustifikata li tindika l-pajjiżi u s-setturi kkonċernati.

2.   Kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mis-19 ta’ Ġunju 2013, l-Istati Membri għandhom, konformement mar-Regolament (KE) Nru 862/2007, jikkomunikaw lill- Kummissjoni l-istatistika dwar il-volumi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw il-Karta Blu tal-UE u, safejn ikun possibbli, il-volumi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-Karta Blu tal-UE tagħhom ġiet imġedda jew irtirata matul is-sena kalendarja preċedenti, bl-indikazzjoni tan-nazzjonalità u, safejn ikun possibbli, l-impjieg tagħhom. L-istatistika dwar il-membri tal-familja ammessi għandha tiġi kkomunikata bl-istess mod, ħlief fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-impjieg tagħhom. Relattivament għad-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom ammessi taħt l-Artikoli 18, 19 u 20, l-informazzjoni pprovduta għandha, barra minn hekk, tispeċifika, safejn ikun possibbli, l-Istat Membru ta’ residenza preċedenti.

3.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 (3) u, fejn xieraq, 5(5), għandha ssir referenza għad-data tal-Kummissjoni (Eurostat) u, fejn ikun adatt, għad-data nazzjonali.

Artikolu 21

Rapporti

Kull tliet snin, u għall-ewwel darba mhux iktar tard mis-19 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri, b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-impatt tal-Artikoli 3(4), 5 u 18, u għandha tipproponi kwalunkwe emendi li huma neċessarji.

Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tevalwa r-rilevanza tal-limitu ta’ salarju definit fl-Artikolu 5 u tad-derogi previsti f’dak l-Artikolu, b’kont meħud, fost oħrajn, tad-diversità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, settorjali u ġeografiċi fl-Istati Membri.

Artikolu 22

Punti ta’ kuntatt

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt li għandhom ikunu responsabbli li jirċievu u jittrasmettu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 16, 18 u 20.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu kooperazzjoni adatta fl-iskambju tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 23

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sas-19 ta’ Ġunju 2011. Dawn għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 25

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri, skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ŠEBESTA


(1)  L-Opinjoni tal-20 ta’ Novembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tad-9 ta’ Lulju 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  L-Opinjoni tat-18 ta’ Ġunju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12.

(5)  ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15.

(6)  ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2.

(9)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.

(10)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(11)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

(12)  ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.

(13)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.

(14)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(15)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

(16)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77, kif korrett bil-ĠU L 229, 29.6.2004, p. 35.

(17)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.


Top